Kawża C-428/05
Firma Laub GmbH & Co. Vieh & Fleisch Import-Export
vs
Hauptzollamt Hamburg-Jonas
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Finanzgericht Hamburg)
“Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni — Regolament (KEE) Nru 3665/87 — Kunċett ta’ ‘ħlas mhux dovut ta’ rifużjoni’ — Ħlas ta’ rifużjoni fuq il-bażi ta’ dokumentazzjoni mhux kompluta — Possibbiltà li tiġi kompluta d-dokumentazzjoni dwar il-ħlas ta’ rifużjoni wara l-iskadenza tal-perijodi stipulati fl-Artikoli 47(2) u 48(2)(a) ta’ dan ir-Regolament fil-kuntest ta’ proċedura għal irkupru mibdija sussegwentement”
Sommarju tas-Sentenza
Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 3665/87, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(3), Artikoli 47(2) u 48( 2)( a))
Rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “mħallsa indebitament”, fis-sens ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament Nru 604/98, jekk il-benefiċjarju, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru ta’ din ir-rifużjoni, jippreżenta l-provi meħtieġa biex jiġġustifika d-dritt tiegħu għal din ir-rifużjoni. Hija r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jistabbilixxu terminu raġonevoli li jippermetti lill-imsemmi benefiċjarju jippreżenta dawn il-provi.
Fil-fatt, it-termini stipulati fl-Artikolu 47(2) u 48(2)(a) tar-Regolament, iċċitati iktar ’il fuq, mhumiex applikabbli għall-proċedura ta’ rkupru u fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi tad-dritt Komunitarju li jistabbilixxu t-termini għall-preżentazzjoni ta’ provi addizzjonali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru, hija r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, skond id-dritt nazzjonali u bla ħsara għal-limiti imposti mid-dritt Komunitarju, li jagħtu żmien addizzjonali abbażi taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ. It-terminu mogħti għandu jkun raġonevoli sabiex jippermetti lill-esportatur jikseb u jippreżenta d-dokument meħtieġ u għandu jieħu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-riperkussjonijiet ta’ l-aġir ta’ l-awtorità kompetenti fuq l-esportatur.
(ara l-punti 27-28 u disp.)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
21 ta’ Ġunju 2007 (*)
“Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni – Regolament (KEE) Nru 3665/87 – Kunċett ta’ ‘ħlas mhux dovut ta’ rifużjoni’ – Ħlas ta’ rifużjoni fuq il-bażi ta’ dokumentazzjoni mhux kompluta – Possibbiltà li tiġi kompluta d-dokumentazzjoni dwar il-ħlas ta’ rifużjoni wara l-iskadenza tal-perijodi stipulati fl-Artikoli 47(2) u 48(2)(a) ta’ dan ir-Regolament fil-kuntest ta’ proċedura għal irkupru mibdija sussegwentement”
Fil-kawża C-428/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-2 ta’ Diċembru 2005, fil-proċedura
Firma Laub GmbH & Co. Vieh & Fleisch Import-Export
vs
Hauptzollamt Hamburg-Jonas,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn E. Juhász (Relatur), President ta’ l-Awla, G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Jannar 2007,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Firma Laub GmbH & Co. Vieh & Fleisch Import-Export, minn O. Wenzlaff, Rechtsanwalt,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.‑C. Schieferer u F. Erlbacher, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(3) u l-Artikoli 47(2) u 48(2)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jipprovdi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 604/98, tas-17 ta’ Marzu 1998 (ĠU L 80, p. 19, iktar ‘il quddiem ir-“Regolament Nru 3665/87”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Firma Laub GmbH & Co. Vieh & Fleisch Import-Export (iktar ‘il quddiem “Laub”) u Hauptzollamt Hamburg-Jonas (iktar ‘il quddiem il-“Hauptzollamt”) dwar deċiżjoni ta’ dan ta’ l-aħħar li tirrigwarda l-irkupru ta’ refużjoni fuq l-esportazzjoni li kienet ġiet imħallsa indebitament lil Laub.
Il-kuntest ġuridiku
3 Il-ħamsa u għoxrin u l-ħamsin premessa tar-Regolament Nru 3665/87 jipprovdu li:
“Billi l-ebda rifużjonijiet ma jingħataw jekk il-limitu taż-żmien għall-esportazzjoni jew għas-sottomissjoni tal-prova meħtieġa għall-kisba tal-ħlas tar-rifużjonijiet ma jiġix osservat; […]
[…]
Billi fl-interess ta’ prattika amministrattiva tajba, applikazzjonijiet għall-ħlas tar-rifużjonijiet, akkumpanjati mid-dokumenti kollha rilevanti, għandhom jiġu mitluba fi żmien raġonevoli, ħlief f’każijiet ta’ force majeure u b’mod partikolari meta ma kienx possibbli li jiġi osservat il-limitu taż-żmien minħabba dewmien amministrattiv mhux taħt il-kontroll ta’ l-esportatur”. [traduzzjoni mhux uffiċjali iżda meħuda mir-Regolament Nru 800/1999 li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 3665/87]
4 L-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 tipprovdi li:
“Mingħajr preġudizzju għall-obbligu li jkun imħallas l-ammont negattiv skond ir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 1, il-benefiċjarju għandu jħallas lura r-rifużjonijiet akkwistati mhux kif suppost, li jinkludu xi penali applikabbli bis-saħħa ta’ l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u l-imgħax ikkalkolat fuq iż-żmien li jkun għadda bejn il-pagament u l-ħlas lura.”
5 L-Artikolu 47(1), (2), (4) u (5) tar-Regolament Nru 3665/87, li jinsab taħt it-Titolu 4 ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Proċedura għall-ħlas tar-rifużjoni”, jipprovdi dan li ġej:
“1. Ir-rifużjonijiet għandhom jitħallsu biss fuq applikazzjoni speċifika mill-esportatur u mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu d-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni tkun aċċettata.
L-applikazzjonijiet għar-rifużjonijiet għandhom isiru:
(a) jew bil-kitba; f’dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu formula speċjali;
[…]
2. Ħlief fil-każijiet ta’ force majeure, id-dokumenti li jirrigwardaw il-ħlas tar-rifużjonijiet jew tar-rilaxx ta’ garanzija għandhom ikunu ppreżentati fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha d-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni tkun aċċettata.
[…]
4. Meta, avolja jkun għamel ħiltu kif imiss, l-esportatur ma jkunx jista’ jakkwista u jwassal id-dokumenti meħtieġa permezz ta’ l-Artikolu 18 fil-limitu taż-żmien stabbilit fil-paragrafu 2, hu jkun jista’ jiġi mogħti aktar żmien biex ikun jista’ jippreżentahom.
5. L-applikazzjonijiet għad-dokumenti l-oħra għandhom ikunu meqjusa bħala ekwivalenti permezz tal-paragrafu 3 […] u l-applikazzjonijiet għal aktar żmien kif hemm provvediment dwar dan fil-paragrafu 4 għandhom ikunu ppreżentati fil-limitu taż-żmien imsemmi fil-paragrafu 2.”
6 L-Artikolu 48(2)(a) tar-Regolament jipprovdi dan li ġej:
“Meta l-prova li r-rekwiżiti kollha stabbiliti bir-regolamenti tal-Komunità jkunu ġew sodisfatti jkunu ġew ipprovduti fi żmien sitt xhur mill-iskadenza tal-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 47(2), (4) u (5), ir-rifużjonijiet imħallsa għandhom ikunu 85 % tas-somma li kienet tkun imħallsa li kieku r-rekwiżiti kollha kienu ġew sodisfatti”.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
7 Permezz ta’ żewġ dikjarazzjonijiet ta’ l-esportazzjoni, tas-26 ta’ Jannar 1999 u tas-26 ta’ Frar 1999, Laub iddikjarat għall-esportazzjoni lejn ir-Russja l-laħam tal-majjal iffriżat. Ir-rifużjoni marbuta ma’ dawn l-esportazzjonijiet ġiet mogħtija u mħallsa mill-Hauptzollamt.
8 Permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, il-Hauptzollamt sostna li r-rifużjoni kienet ġiet imħallsa indebitament, peress li ż-żewġ waybills ippreżentati bħala dokument ta’ trasport flimkien ma’ l-applikazzjoni għall-ħlas tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni, ma kinux kompluti. Fil-fatt dawn, fil-kaxxi 16 u 23 kien fihom biss risposti parzjali relatati mat-trasportatur u ma kellhomx il-firma jew it-timbru ta’ dan it-trasportatur.
9 B’risposta bid-data tas-26 ta’ Settembru 2001, Laub ippreżentat waybills kompluti b’mod xieraq, u li kellhom it-timbri tat-trasportatur. Hija spjegat li dawn il-waybills addizzjonali kienu ntbagħluha sussegwentement iżda li, fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-Hauptzollamt li jagħtiha rifużjoni, hija ma kienx dehrilha li kien bżonjuż li tissottomettihom, bil-presuppost li d-dokumenti ta’ trasport diġà ppreżentati kienu biżżejjed.
10 Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet ta’ l-14 u tas-17 ta’ Diċembru 2001, li emendaw id-deċiżjoni meħuda qabel, il-Hauptzollamt madankollu talab ir-rimbors tar-rifużjonijiet imħallsa. Peress li l-Hauptzollamt kien ċaħad l-oġġezzjoni li Laub għamlet kontra dawn id-deċiżjonijiet, din ta’ l-aħħar ressqet appell quddiem il-Finanzgericht Hamburg.
11 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Rifużjoni, fis-sens ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87, hija mħallsa indebitament u, konsegwentement, għandha titħallas lura meta huwa biss fil-proċedura ta’ rkupru u wara l-iskadenza tal-perijodi taż-żmien stipulati fl-Artikolu 47(2) u fl-Artikolu 48(2)(a) [ta’ dan] ir-Regolament li l-benefiċjarju jippreżenta dokument meħtieġ għal pagament?”
Fuq id-domanda preliminari
12 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment tistaqsi, jekk, fil-kundizzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, esportatur fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni prevista fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 għandux id-dritt li jressaq id-dokumenti meħtieġa sabiex jagħti prova tad-dritt tiegħu għal din ir-rifużjoni wara l-iskadenza tat-termini ta’ preżentazzjoni previsti fl-Artikoli 47(2) u 48(2)(a) ta’ dan ir-Regolament, jew jekk il-preżentazzjoni ta’ dawn il-provi hijiex eskluża f’dan l-istadju, b’tali mod li r-rifużjoni in kwistjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala mħallsa indebitament fis-sens ta’ l-Artikolu 11(3).
13 Laub, kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, isostnu li rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “mħallsa indebitament” għar-raġuni biss li t-termini stipulati fl-Artikoli 47(2) u 48(2)(a) tar-Regolament Nru 3665/87 ma ġewx osservati. Huma jsostnu li mis-sentenza ta’ l-14 ta’ April 2005, Käserei Champignon Hofmeister (C-385/03, Ġabra p. I‑2997) jirriżulta li t-termini stipulati f’dawn l-Artikoli ma jikkostitwixxux kundizzjonijiet ta’ mertu, iżda huma biss formalitajiet amministrattivi meħtieġa għal kisba tal-ħlas ta’ rifużjoni, b’mod li ksur ta’ dawn it-termini ma jwassalx għal kwalifika ta’ rifużjoni bħala “mħallsa indebitament”.
14 Laub issostni, ukoll, li minn analiżi tas-sistema u tal-finalità tar-Regolament Nru 3665/87 jirriżulta li l-proċedura ta’ pagament u l-proċedura ta’ rkupru huma proċeduri distinti waħda mill-oħra, peress li kull waħda minnhom tirrispondi għall-għanijiet tagħha, b’tali mod li m’għandhomx jiġu applikati t-termini stipulati fl-Artikolu 47 ta’ dan ir-Regolament fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru.
15 Laub tikkunsidra li, għalkemm awtorità kompetenti, fuq il-bażi ta’ provi pprovduti mill-esportatur, ħallset definittivament ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni, jew irrilaxxat il-garanziji għal rifużjoni mħallsa bil-quddiem, il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi jipprojbixxi li l-awtorità kompetenti tipproċedi għal irkupru ta’ din ir-rifużjoni minħabba li dawn il-provi mhumiex suffiċjenti. Skond din il-kumpannija, l-esportatur għandu d-dritt li jitlob li, f’dan l-istadju, l-Istat Membru jivverifika l-provi mressqa u li barra minn dan, huwa mhuwiex obbligat jipprova jikseb provi sekondarji previsti mir-Regolament Nru 3665/87.
16 Għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li, ġeneralment, il-fatt li ma jiġux rispettati r-regoli proċedurali stabbiliti fir-Regolament Nru 3665/87 jista’ jwassal għal tnaqqis, anki telf tad-drittijiet għal rifużjoni fuq l-esportazzjoni. Dan hu l-każ, b’mod partikolari, meta huwa biss wara l-iskadenza tat-termini stipulati fl-Artikoli 47(2) u 48(2) ta’ dan ir-Regolament li esportatur jippreżenta l-provi meħtieġa għal kisba ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni.
17 Il-ħamsa u għoxrin premessa tar-Regolament Nru 3665/87 tipprovdi li, meta jagħlqu t-termini ta’ esportazzjoni jew it-termini ta’ provi meħtieġa għall-pagament tar-rifużjoni, ir-rifużjoni m’għandhiex tingħata. Skond l-Artikolu 48(2)(a) ta’ l-imsemmi Regolament, ir-rifużjoni li għandha titħallas lil esportatur hija mnaqqsa bi 15 % jekk huwa biss fis-sitt xhur wara t-terminu previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 47(2) ta’ l-istess Regolament, li l-esportatur jipprovdi l-provi meħtieġa.
18 Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 26 tas-sentenza Käserei Champignon Hofmeister, iċċitata iktar ‘il fuq, iddeċidiet li l-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 3665/87 jaqa’ fost ir-regoli proċedurali li esportatur huwa obbligat li jħares sabiex jikseb il-pagament ta’ rifużjoni, jibqa’ l-fatt li l-ksur ta’ dawn ir-regoli jista’ jwassal għal tnaqqis jew telf ta’ l-ammont tar-rifużjoni dovuta lill-esportatur.
19 Madankollu, fir-rigward tal-kawża prinċipali, huwa paċifiku li din il-kawża ma tikkonċernax il-preżentazzjoni tal-provi fil-kuntest tal-proċedura ta’ pagament stipulata fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament. Il-fatti li wasslu għal din id-domanda preliminari jinsabu fi stadju avvanzat, jiġifieri fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru mibdija b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-Regolament, wara li l-proċedura ta’ pagament ġiet fit-tmiem tagħha u li r-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ġiet imħallsa mill-awtorità kompetenti.
20 Filwaqt li l-Artikoli 47(2) u 48(2) tar-Regolament Nru 3665/87 jistabbilixxu t-termini applikabbli għal preżentazzjoni tal-provi meħtieġa għall-pagament tar-rifużjoni, dan ir-Regolament ma fihx dispożizzjonijiet dwar it-termini applikabbli fl-implementazzjoni tal-proċedura ta’ rkupru stipulata fl-Artikolu 11(3) tiegħu.
21 Għandu jiġi enfasizzat li minn dan is-silenzju ma jirriżultax li, wara l-pagament ta’ rifużjoni, awtorità kompetenti, li tikkonstata insuffiċjenzi fid-dokumenti ppreżentati b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 3665/87, ma tkunx tista’ teżiġi mill-esportatur l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa u, meta jkun il-każ, tadotta l-miżuri meħtieġa għall-irkupru ta’ din ir-rifużjoni.
22 Għall-kuntrarju, tali dritt huwa konformi mal-finalità tal-proċedura ta’ rkupru stipulata fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87. Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tiggarantixxi l-protezzjoni u l-applikazzjoni korretta tal-baġit Komunitarju fil-qasam tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u, b’mod partikolari, li tiggarantixxi li l-esportaturi li għandhom dritt għar-rifużjonijiet biss jgawdu minnhom, skond il-kundizzjonijiet oġġettivi stabbiliti mil-leġiżlatur Komunitarju.
23 Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest ta’ rifużjoni mħallsa mill-esportatur, li r-rilaxx ta’ garanzija ma teżentax madankollu lil dan ta’ l-aħħar mill-obbligi li huma imposti fuqu skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Philipp Brothers, C-155/89, Ġabra p. I-3265, punti 13 sa 16). Dan il-prinċipju japplika wkoll fir-rigward tal-ħlas ta’ rifużjoni lil esportatur li ma ressaqx provi suffiċjenti biex juri li l-kundizzjonijiet li jagħtu d-dritt għar-rifużjoni kienu sodisfatti.
24 Madankollu, id-dritt ta’ l-awtorità kompetenti li teżiġi mill-esportatur d-dokumenti meħtieġa għal kisba ta’ rifużjoni, anki wara l-pagament ta’ din ir-rifużjoni u wara l-iskadenza tat-terminu stipulat fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 3665/87 għandu bħala korollarju li l-esportatur, minn naħa tiegħu, għandu jkollu l-possibbiltà li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa sabiex jagħti prova tad-dritt tiegħu għar-rifużjoni.
25 Il-fatt li l-esportaturi jiġu miċħuda din il-possibbiltà jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, peress li dan il-prinċipju jipprekludi awtorità pubblika milli tippenalizza, għal nuqqas ta’ osservanza tar-regoli proċedurali, operatur ekonomiku li jaġixxi b’bona fede, meta dan in-nuqqas ta’ osservanza jirriżulta mill-aġir stess ta’ din l-awtorità. Madankollu, il-fatt li l-awtorità kompetenti, minn naħa, ipproċediet għall-ħlas tar-rifużjoni lill-esportatur fuq il-bażi ta’ provi mhux kompluti u, minn naħa l-oħra, bdiet il-proċedura ta’ rkupru biss wara li kien għadda ċertu żmien, kellu effett dirett fuq il-possibbiltà għal Laub li tressaq il-provi meħtieġa. Barra minn dan, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li, skond l-awtorità kompetenti, l-esportatur kien aġixxa b’mala fede.
26 Huwa kuntrarju għall-għan tar-Regolament Nru 3665/87 li l-aġir ta’ l-awtorità kompetenti jkun jista’ iċaħħad lill-esportaturi ta’ prodotti agrikoli mit-tgawdija tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, meta huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament u jaġixxu b’bona fede.
27 Billi t-termini stipulati fl-Artikolu 47(2) u 48(2)(a) tar-Regolament Nru 3665/87 mhumiex applikabbli għall-proċedura ta’ rkupru u fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi tad-dritt Komunitarju li jistabbilixxu t-termini għall-preżentazzjoni ta’ provi addizzjonali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru, hija r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, skond id-dritt nazzjonali u bla ħsara għal-limiti imposti mid-dritt Komunitarju, li jagħtu żmien addizzjonali abbażi taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Eribrand, C‑467/01, Ġabra p. I-6471, punt 49). It-terminu mogħti għandu jkun raġonevoli sabiex jippermetti lill-esportatur jikseb u jippreżenta d-dokument meħtieġ u għandu jieħu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-riperkussjonijiet ta’ l-aġir ta’ l-awtorità kompetenti fuq l-esportatur.
28 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha li rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “mħallsa indebitament”, fis-sens ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87, jekk il-benefiċjarju, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru ta’ din ir-rifużjoni, jippreżenta l-provi meħtieġa biex jiġġustifika d-dritt tiegħu għal din ir-rifużjoni. Hija r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jistabbilixxu terminu raġonevoli li jippermetti lill-imsemmi benefiċjarju jippreżenta dawn il-provi.
Fuq l-ispejjeż
29 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
Rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “mħallsa indebitament”, fis-sens ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 604/98, tas-17 ta’ Marzu 1998, jekk il-benefiċjarju, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru ta’ din ir-rifużjoni, jippreżenta l-provi meħtieġa biex jiġġustifika d-dritt tiegħu għal din ir-rifużjoni. Hija r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jistabbilixxu terminu raġonevoli li jippermetti lill-imsemmi benefiċjarju jippreżenta dawn il-provi.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy