SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)
tat-8 ta' Marzu 2007 (*)
“Organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor – Isoglukożju – L-iffissar tal-kwantitajiet bażiċiċi sabiex jiġu attrbiwiti l-kwoti ta' produzzjoni – Isoglukożju prodott bħal prodott intermedjarju – Artikolu 24(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1785/81– Artikolu 27(3) tar- Regolament (KE) Nru 2038/1999 – Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2073/2000 – Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001– Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2002– Artikolu 1 tar- Regolament (KE) Nru 1739/2003– Illegalità ta' Att Kommunitarju mqajjma quddiem il-qorti nazzjonali – Rinviju għal deċiżjoni preliminari sabiex tiġi evalwata l-validità – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Inammissibbiltà ta' rikors għal annullament ta' Att Kommunitarju”
Fil-kawża C-441/05
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-cour administrative d’appel ta' Douai (Franza), permezz ta' deċiżjoni ta' l-1 ta' Diċembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-12 ta' Diċembru 2005, fil-proċedura
Roquette Frères
vs
Ministre de l’Agriculture, de l’Alimentation, de la Pêche et de la Ruralité,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' Awla, R. Schintgen, P. Kūris, R. Silva de Lapuerta u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M.-A. Gaudissart, kap tad-diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta' Settembru 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Roquette Frères, minn N. Coutrelis, avocat,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.‑C. Niollet, bħala aġenti,
– għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, minn A. Gregorio Merino u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Nolin, bħala aġent,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta' Ottubru 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità:
– ta' l-Artikolu 24(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1785/81, tat-30 ta' Ġunju 1981, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 177, p. 4);
– ta' l-Artikolu 27(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999, tat-13 ta' Settembru 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 252, p. 1);
– ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2000, tad-29 ta' Settembru 2000, dwar tnaqqis, għas-sena tas-suq 2000/2001, fil-kwantità garantita taħt l-iskema ta’ kwoti ta' produzzjoni għas-settur taz-zokkor u l-bżonnijiet massimi preżunti ta’ provvista tar-raffineriji taz-zokkor taħt l-arranġamenti preferenzjali ta' l-importazzjoni (ĠU 246, p. 38);
– ta' l-Artikolu 11(2) (KE) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tad-19 ta' Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 178, p. 1);
– ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1745/2002, tat-30 ta' Settembru 2002, dwar, tnaqqis, għas-sena tas-suq 2002/2003, il-kwantità garantita taħt il-kwoti tal-produzzjoni taħt l-iskema ta’ kwoti ta' produzzjoni għas-settur taz-zokkor u l-bżonnijiet massimi preżunti ta’ provvista tar-raffineriji taz-zokkor taħt l-arranġamenti preferenzjali ta' l-importazzjoni (ĠU L 263, p. 31), u
– ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1739/2003 tat-30 ta' Settembru 2003 li jnaqqas, għas-sena tas-suq 2003/2004 il-kwantità garantita taħt il-kwoti tal-produzzjoni għas-settur taz-zokkor u l-provvista massima meqjusa meħtieġa għar-raffineriji taz-zokkor taħt l-importazzjonijiet preferenzjali (ĠU L 249, p. 38).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Roquette Frères (aktar 'il quddiem "Roquette"), prodottur uniku ta' isoglukożju stabbilita fi Franza metropolitana, u l-ministre de l’Agriculture, de l’Alimentation, de la Pêche et de la Ruralité (aktar 'il quddiem il-"ministru"), fuq il-kwoti ta' produzzjoni ta' isoglukożju attribwiti lil Roquette fil-kuntest ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-qasam taz-zokkor.
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KEE) Nru 1111/77 kif emendat mir-Regolament (KEE) Nru 1293/79
3 Skond l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1111/77, tas-17 ta' Mejju 1977, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni għall-isoglukożju (ĠU L 134, p. 4), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1293/79, tal-25 ta' Ġunju 1979 (ĠU L 162, p. 10):
"1. Kwota bażika għandha tiġi attribwita lill kull impriża stabbilita fil-Komunità li tipproduċi isoglukożju, għall-perijodu [mill-1 ta' Lulju 1979 sat-30 ta' Ġunju 1980].
[…] il-kwota bażika ta' kull impriża in kwistjoni għandha tkun ugwali għad-doppju tal-produzzjoni tagħha kkonstatata, skond dan ir-Regolament, waqt il-perijodu mill-1ta' Novembru 1978 sat-30 ta' April 1979.
2. Għandha tiġi attribwita lil kull impriża li għandha kwota bażika wkoll kwota massima ugwali għall-kwota tagħha bażika mmultiplikata b'koeffiċjent. [...]
[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
4 Skond il-paragrafu 4 ta' dan l-istess Artikolu, il-kwoti bażiċi kienu attribwiti bl-isem lil kull impriża kkonċernata. L-Anness II tar-Regolament Nru 1111/77 kif emendat bir-Regolament Nru 1293/79 kien jiddisponi illi l-kwota bażika għal Roquette kienet stabbilita għal 15 887 t espressi f'materjal niexef.
5 Wara rikors imressaq minn din ta' l-aħħar, ir-Regolament Nru 1293/79 ġie annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba ksur ta' forom sostanzjali (sentenza tad-29 ta' Ottubru 1980, Roquette Frères vs Il-Kunsill, 138/79, Ġabra p. 3333).
Ir-Regolamenti (KEE) Nri 387/81 u 388/81
6 Bħala konsegwenza ta' l-annullament tar-Regolament Nru 1293/79, il-Kunsill kien adotta r-Regolament (KEE) Nru 387/81, ta' l-10 ta' Frar 1981, li jemenda r-Regolament Nru 1111/77 (ĠU L 44, p. 1), li stabbilixxa mill-ġdid b'mod partikolari, permezz ta' riferiment għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1111/77, sistema ta' kwoti b'effett retroattiv għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 1979 sat-30 ta' Ġunju 1980.
7 Wara dan, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 388/81, ta' l-10 ta' Frar 1981, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1592/80 dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta' produzzjoni għas-setturi taz-zokkor u l-isoglukożju għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 1980 sat-30 ta' Ġunju 1981 (ĠU L 44, p. 4), estenda l-iskema ta' kwoti bażiċi għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 1980 sat-30 ta' Ġunju 1981.
Ir-Regolament Nru 1785/81
8 Ir-Regolament Nru 1111/77 ġie abrogat u sostitwit bir-Regolament Nru 1785/81. F'dan l-aħħar Regolament, il-kwoti ta' produzzjoni ta' isoglukożju ġew stabbiliti mhux biss b'mod li tiġi indikata kull impriża li tipproduċi, iżda fuq bażi reġjonali.
9 Skond l-erbatax-il premessa tar-Regolament:
“[…] huwa fondat li jingħata lill-Istati Membri, fil-kuntest ta' regoli u kriterji Komunitarji partikolari, barra l-kompetenza li tattribwixxi l-kwoti minn impriża li tipproduċi […] l-isoglukożju, dik li temenda ulterjorment il-kwoti ta' impriżi eżistenti bi tnaqqis ta' dawn ta' kwantità totali li ma tistax teċċedi madankollu, għall-perijodu kollu mill-1 ta' Lulju 1981 sat-30 ta' Ġunju 1986, 10 % tal-kwoti stabbiliti inizjalment skond il-kriterji in kwistjoni, u li jiġu attribwiti mill-ġdid lill-impriżi oħrajn il-kwantitajiet tal-kwoti mnaqqsa; […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10 Ir-Regolament Nru 1785/81 kien inizjalment applikabbli għas-snin tas-suq 1981/1982 sa 1985/1986. L-Artikolu 24 jiddisponi:
"1. L-Istati Membri għandhom jattribwixxu, taħt il-kundizzjonijiet ta' dan it-titlu, kwota A u kwota B lil kull impriża li tipproduċi […] l-isoglukożju, stabbilita fuq it-territorju tagħha, u li […] ġiet mogħtija, waqt il-perijodu mill-1 ta' Lulju 1980 sat-30 ta' Ġunju 1981, kwota bażika kif definita […] mir-Regolament (KEE) Nru 1111/77 […]
[...]
3. Il-kwota A ta' kull impriża ta' produzzjoni […] għandha tkun ugwali għall-kwota bażika li ngħatat lilha għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 1980 sat-30 ta' Ġunju 1981.
[…]
5. Il-kwota B ta' kull impriża ta' produzzjoni ta' isoglukożju għandha tkun ugwali għal 23,55 % tal-kwota tagħha A stabbilita skond il-paragrafu 3 […]
[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
11 Skond il-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu, il-kwantitajiet bażiċi għall-attribuzzjoni ta’ l-imsemmija kwoti għal Franza Metropolitana kienu ffissati, rispettivament, għal 15 887 t (kwantitajiet bażiċi A) u għal 4 135 t (kwantitajiet bażiċi B), u dawn ifissru tunnellati ta' materjal niexef.
12 Fl-aħħar nett, l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1785/81 jippermetti t-trasferiment u t-tnaqqis tal-kwoti A u tal-kwoti B fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:
"1. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu trasferimenti ta' kwoti A u ta' kowti B bejn impriżi taħt dawn il-kundizzjonijiet l-Artikolu u meta jieħdu in kunsiderazzjoni l-interess ta' kull parti kkonċernata […]
2. L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-kwota A u l-kwota B ta' kull impriża li tipproduċi […] l-isoglukożju [stabbilita] fit-territorju tagħhom ta' kwantità totali li ma taqbżix […] 10 %, skond il-każ, tal-kwota A jew tal-kwota B […]
[…]
3. Il-kwantitajiet tal-kwoti A jew tal-kwoti B mnaqqsa huma attribwiti kif inhuma mill-Istati Membri lil impriża jew lil diversi impriżi oħra li għandhom jew m'għandhomx kwota u li huma stabbiliti fl-istess reġjun, fis-sens ta' l-Artikolu 24(2), ta’ l-impriżi li għalihom dawn il-kwantitajiet ġew imnaqqsa.
[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Ir-Regolamenti Nri 2038/1999 u 2073/2000
13 Bir-Regolament Nru 2038/1999, il-Kunsill adotta organizzazzjoni komuni ġdida tas-swieq fis-settur taz-zokkor, bili kkodifika r-Regolament Nru 1785/81, li kien ġie abrogat.
14 L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 26(5), tar-Regolament Nru 2038/1999 jippreċiża:
"Il-garanziji għar-rimi […] ta' isoglukożju […] [iffabbrikat] permezz tal-kwota jistgħu jitnaqqsu għal sena tas-suq waħda jew aktar sabiex ikunu konformi ma' l-obbligi tal-Komunità taħt il-Ftehim Agrikolu konkluż skond l-Artikolu 300(2) [KE]." [traduzzzjoni mhux uffiċjali]
15 L-Artikolu 27 (1) ta' l-imsemmi Regolament jiddisponi:
"L-Istati Membri għandhom jattribwixxu, taħt il-kundizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, kwota A u kwota B lil kull impriża stabbilita fit-territorju tagħha li tipproduċi […] l-isoglukożju u li:
– […] kellha, waqt is-sena tas-suq 1994/1995, kwota A u kwota B,
[…]" [traduzzzjoni mhux uffiċjali]
16 Il-kwatitajiet bażiċi għall-attribuzzjoni ta' l-imsemmija kwoti, kif previsti mill-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu, kienu identiċi għal dawk stabbiliti preċedentement għas-snin tas-suq 1981/1982 sa 1985/1986 fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1785/81.
17 Fl-aħħar nett, l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 2038/1999 jipprevedi t-trasferiment u t-tnaqqis tal-kwoti A u tal-kwoti B f'kundizzjonijiet analogi għal dawk li kienu previsti qabel fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1785/81.
18 Ir-Regolament Nru 2073/2000, adottat abbażi ta' l-Artikolu 26(5) tar-Regolament Nru 2038/1999, huwa intiż li jnaqqas, għas-sena tas-suq 2000/2001, il-kwoti attribwiti minn dan ta' l-aħħar. L-Artikolu 1(2) u (3) jiddisponi:
"2. Id-differenza msemmija fil-paragarfu 1 [498 800 t] għandha tiġi allokata skond il-prodott u skond ir-reġjun konformement ma l-Anness I.
Wara li titnaqqas id-differenza, il-kwantitajiet bażiċi li jservu sabiex jattribwixxu l-kwoti ta' produzzjoni lil impriżi li jipproduċu skond is-sena tas-suq 2000/2001 għandhom ikunu dawk li jinsabu fl-Anness II.
3. Għal kull impriża li tipproduċi li għaliha kwota ta' produzzjoni ġiet attribwita għas-sena tas-suq 2000/2001, l-Istati Membri għandom jistabbilixxu t-tnaqqis speċifiku, kif ukoll il-kwota tagħha A u l-kwota tagħha B immodifikati wara l-applikazzjoni ta' din id-differenza [...]"[traduzzzjoni mhux uffiċjali]
Ir-Regolamenti Nri 1260/2001, 1745/2002 u 1739/2003
19 Ir-Regolament Nru 1260/2001 kien applikabbli għas-snin tas-suq mill-2001/2002 sa l-2005/2006.
20 Jirriżulta mill-Artikoli 10(2) u 11(2) ta' l-imsemmi Regolament illi l-kwantitajiet bażiċi ta' produzzjoni ta' isoglukożju kienu, għal Franza metroplitana, ta' 15 747,1 t (kwantità ta' bażi A) u ta' 4 098,6 t (kwantitajiet bażiċi B), li jirreferu għal tunnellati ta' materjal niexef.
21 L-Artikolu 11(3) ta' dan ir-regolament jippreċiża:
"Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(3), (4), (5) u (6) u l-Artikolu 12, il-kwoti A u B għal […] azjenda li tipproduċi [l-isoglukożju] [… ] u pprovduti [mill-Istati Membri] bi kwota A u B matul is-sena tas-suq 2000/2001 qabel l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 26(5) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999 […]"
22 L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1260/2001 jippermetti, bħall-Artikolu 26(5) tar-Regolament Nru 2038/1999, tnaqqis tal-kwantità garantita fil-kuntest ta' kwoti ta' produzzjoni sabiex jitħarsu impenji internazzjonali.
23 Fl-aħħar nett, bħall-Artikoli 25 tar-Regolament Nru 1785/81 u 30 tar-Regolament 2038/1999, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1260/2001 jipprevedi illi l-Istati Membri jistgħu jagħmlu trasferimenti ta' kwoti A u kwoti B bejn impriżi.
24 Abbażi ta' l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1260/2001, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 1745/2002, li huwa intiż li jnaqqas il-kwantitajiet garantiti fil-kuntest tal-kwoti ta' produzzjoni għas-sena tas-suq 2002/2003. L-Artikolu 1(2) u (3) tiegħu jiddisponi:
"2. It-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 1 [862 475 t] għandu jiġi allokat skond il-prodott u skond ir-reġjun konformement ma' l-Anness I.
Wara t-tnaqqis, il-kwantitajiet bażiċi li jservu sabiex jattribwixxu l-kwoti ta' produzzjoni lill-impriżi ta' produzzjoni għas-sena tas-suq 2002/2003 għandhom ikunu dawk li jinsabu fl-Anness II.
3. Għal kull impriża li tipproduċi li għaliha kwota ta' produzzjoni ġiet attribwita għas-sena tas-suq 2002/2003, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu t-tnaqqis speċifiku, kif ukoll il-kwota A tagħha u l-kwota B tagħha immodifikati wara l-applikazzjoni ta' dan it-tnaqqis […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
25 Fl-aħħar nett, tnaqqis ġdid tal-kwoti ta' produzzjoni ta' isoglukożju sar abbażi ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1739/2003 għas-sena tas-suq 2003/2004.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
26 B'deċiżjoni tat-28 ta' Ġunju 2000, id-Direttur tal-Politika Ekonomika u Internazzjonali tal-Ministeru ta' l-Agrikoltura kkonferma lil Roquette l-livell tal-kwoti annwali ta' produzzjoni ta' isoglukożju li ġew attribwiti lilha skond ir-Regolamenti Nri 1785/81 u 2038/1999 mis-sena tas-suq 1981/1982, jiġifieri 15 887 t għall-isoglukożju A u 4 135 t għall-isoglukożju B.
27 Wara dan, b'deċiżjoni tas-26 ta' Ottubru 2000, il-Ministru naqqas l-imsemmija kwoti attribwiti lil Roquette abbażi tar-Regolament Nru 2073/2000 b’606.6 t ta' isoglukożju A u b’157.9 t ta' isoglukożju B, u b’hekk stabbilixxa dawn il-kwoti għas-sena tas-suq 2000/2001 għal, rispettivament, għal 15 280.4 t u għal 3 977.1 t.
28 B'deċiżjoni tat-13 ta' Lulju 2001, meħuda skond ir-Regolament Nru 1260/2001, il-Ministru stabbilixxa, għas-snin tas-suq 2001/2002 sa 2005/2006, il-kwoti ta' produzzjoni ta' Roquette għal 15 747.1 t għall-isoglukożju A u għal 4 098.6 t għall-isoglukożju B.
29 B'deċiżjoni tat-23 ta' Ottubru 2002, meħuda skond ir-Regolamenti Nri 1745/2002 u 1739/2003, dan il-Ministru, għas-sena tas-suq 2002/2003, "iddeklassifika" 1 048.9 t ta' isoglukożju A u 273 t ta' isoglukożju B u b’hekk iffissa l-kwoti ta' produzzjoni ta' Roquette, rispettivament, għal 14 698.2 t u għal 3 825.6 t. Bl-istess mod, b'deċiżjoni tas-17 ta' Ottubru 2003, huwa "ddeklassifika" 262.1 t ta' isoglukożju A u 68.2 t ta’isoglukożju B għas-sena tas-suq 2003/2004 u b’hekk iffissa l-imsemmija kwoti għal din is-sena, rispettivament, għal 15 485 t u għal 4 030.4 t.
30 Roquette ressqet rikors quddiem it-Tribunal Administratif de Lille (Qorti Amminstrattiva, Lille) sabiex tannulla d-Deċiżjoni tat-28 ta' Ġunju 2000 u l-erba' deċiżjonijiet iċċitati qabel, billi invokat l-illegalità ta' sitt Regolamenti li fuqhom huma bbażati dawn id-Deċiżjonijiet.
31 Wara li għaqqdet dawn il-ħames rikorsi, din il-qorti ċaħdihom b'sentenza tal-11 ta' Marzu 2004, billi kkunsidrat illi Roquette kellha tressaq rikors ta' annullament quddiem il-qrati komunitarji kontra r-Regolament Nru 1785/81 u l-ħames regolamenti ulterjuri.
32 It-talbiet ġew miċħuda kollha flimkien mingħajr ma ġie eżaminat il-mertu, peress li l-imsemmija qorti applikat l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal-15 ta' Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, Ġabra p. I‑1197), li tgħid illi rikorrent ma jistax jeċċepixxi quddiem il-qorti nazzjonali, permezz ta’ eċċezzjoni, l-illegalità ta' att Kommunitarju li ma kkontestax direttament quddiem il-qrati Komunitarji fit-termini previsti għal rikors.
33 Roquette għamlet appell minn din is-sentenza quddiem il-cour administrative d’appel de Douai (Qorti Amministattiva ta’ l-Appell, Douai).
34 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour administrative d’appel ta' Douai ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) […] il-kumpannija Roquette Frères setgħet mingħajr ebda dubju tikkontesta direttament quddiem [il-Qorti tal-Gustizzja] il-legalità tal-[paragrafu] 2 ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1785/81, tal-[paragrafu] 3 ta' l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 2038/1999, ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2073/2000, tal-[paragrafu] 2 ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1260/2001, ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1745/2002 u ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1739/2003[?]
2) Fil-każ fejn il-kumpannija Roquette Frères tista’ teċċepixxi l-illegalità ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet [quddiem il-qrati nazzjonali], [...] il-[paragrafu] 2 ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1785/81, il-[paragrafu] 3 ta' l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 2038/1999, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2073/2000, il-[paragrafu] 2 ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1260/2001, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1745/2002 u l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1739/2003 huma validi safejn huma jiffissaw il-kwantitajiet bażiċi massimi ta' produzzjoni ta' isoglukożju għal Franza metropolitana mingħajr ma ħadu kont ta’ l-isoglukożju prodott f'dan l-Istat Membru bejn l-1 ta' Novembru 1978 u t-30 ta' April bħala prodott intermedjarju għall-manifattura ta’ prodotti oħrajn intiżi għall-bejgħ [?]"
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
35 Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk persuna fiżika jew morali bħal Roquette, f'ċirkustanzi ta' fatt u ta' dritt bħal dawk f'din il-kawża prinċipali, setgħetx mingħajr ebda dubju tressaq rikors ammissibbli għal annullament abbażi ta' l-Artikolu 230 KE kontra d-dispożizzjonijiet imsemmija f'din id-domanda (aktar 'il quddiem id-"dispożizzjonijiet ikkontestati").
36 Għal din il-qorti, kienet kwistjoni, fil-fatt, li jiġi assigurat illi Roquette, ikkunsidrata l-ġurisprudenza li tirriżulta b'mod partikolari mis-sentenza Nachi Europe, iċċitata aktar 'il fuq, tista' tinvoka quddiemha l-illegalità tad-dispożizzjonijet ikkontestati, għalkemm hija ma ressqitx rikors għal anullament kontra dawn id-dispożizzjonijiet quddiem il-qrati Komunitarji fit-terminu previst fl-Artikolu 230 KE.
37 F'dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu illi Roquette setgħet mingħajr ebda dubju tressaq rikors ta' annullament kontra d-dispożizzjonijiet ikkontestati, safejn dawn jikkonċernawha direttament u individwalment, b'mod partikolari minħabba l-fatt li hija kienet l-uniku produttur Franċiż ta' isoglukożju u kienet tgawdi, abbażi ta’ dan, mill-kwantitajiet bażiċi kollha mogħtija lil Franza metropolitana.
38 Għall-kuntrarju, Roquette u l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea iqisu illi d- dispożizzjonijiet ikkontestati ma kinux jikkonċernaw direttament u individwalment ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u li, fi kwalunkwe każ, jibqa' ċertu dubju dwar il-locus standi tagħha li tressaq rikors għal anullament kontra dawn id-dispożizzjonijiet. Għalhekk, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Nachi Europe, iċċitata aktar 'il fuq, ma tapplikax f'din il-kawża, b’tali mod li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista' tużhom fl-invalidità eventuali tad-dispożizzjonijiet ikkontestati u li, għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa l-validità tagħhom.
39 Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, illi l-Artikolu 241 KE jesprimi prinċipju ġenerali ta' dritt li jassigura r-rikorrent id-dritt, fil-kuntest ta' rikors magħmul skond id-dritt nazzjonali kontra ċ-ċaħda tat-talba tiegħu, li jeċċepixxi l-illegalità ta' Att Komunitarju li jservi ta' bażi għal deċiżjoni nazzjonali meħuda kontra l-individwu, u l-kwistjoni tal-validità ta' dan l-att Komunitarju tista', għalhekk, tiġi riferuta lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' proċedura preliminari (sentenza Nachi Europe, iċċitata aktar 'il fuq, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 Madankollu, dan il-prinċipju ġenerali, intiż sabiex jiggarantixxi li kull persuna jkollha jew kellha possibbiltà li tikkontesta Att Kommunitarju li jservi ta' bażi għal deċiżjoni li taffetwha b’mod ħażin, bl-ebda mod ma jipprekludi li Regolament isir definittiv fil-konfronti ta’ individwi li fir-rigward ta’ liema dan għandu jitqies bħala deċiżjoni individuali u li seta’ mingħajr dubju jitlob l-annullament tagħha skond l-Artikolu 230 KE, fatt li jimpedixxi lil dan l-individwu milli jeċċepixxi quddiem il-qorti nazzjonali l-illegalità ta' dan ir-Regolament (sentenza Nachi Europe, iċċitata aktar 'il fuq, punt 37).
41 Għalhekk, il-kwistjoni tqum dwar jekk rikors ta' Roquette skond ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE kontra dispożizzjonijiet ikkontestati kienx mingħajr ebda dubju ammissibbli, peress li dawn jikkonċernawha direttament u individwalment (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta' Diċembru 1996, Accrington Beef et., C‑241/95, Ġabra p. I‑6699, punt 15).
42 F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Regolamenti li minnhom ħarġu dawn l-imsemmija dispożizzjonijiet jistabbilixxu b'mod partikolari sistema ta' kwantitajiet bażiċi ta' produzzjoni allokati lill-Istati Membri, u dawn għandhom iqassmuhom bejn l-impriżi differenti li jipproduċu stabbiliti fuq it-territorji tagħhom.
43 Issa, f'sistema simili bħal din fejn hija r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri li jqassmu kwantitajiet bażiċi ta' produzzjoni li huma ġew allokati bejn l-impriżi ta' produzzjoni mal-possibbiltà li jħaddmu t-trasferimenti ta' kwoti bejniethom, għandu jiġi kkonstatat illi kull produttur għandu l-kwoti tiegħu ffissati direttament u definittivament b'deċiżjoni ta' l-Istat Membru li fih huwa jinsab.
44 Barra dan, għandu jiġi mfakkar illi, f'din is-sistema, l-Istati Membri jgawdu minn ċertu grad ta' diskrezzjoni, peress li jistgħu jipproċedu, taħt il-kundizzjonijiet previsti bil-leġiżlazzjoni Komunitarja, għal tqassim ġdid ta' kwoti bejn l-impriżi produttriċi sabiex, b'mod partikolari, tippermetti lil dawk li jidħlu ġodda li jibdew il-produzzjoni ta' isoglukożju.
45 Għalhekk impriża produttriċi ma tistax, fil-prinċipju, tkun direttament ikkonċernata fis-sens ta' r-raba inċiż ta' l-Artikolu 230 KE bl-allokazzjoni ta' kwantitajiet bażiċi lill-Istati Membri kif inhuma maħduma fuq livell Komunitarju bid-dispożizzjonijiet ikkonetstati.
46 Fl-aħħar nett, il-fatt illi Roquette kienet l-unika produttriċi ta' isoglukożju stabbilita fi Franza metroplitana u li hija gawdiet, minħabba dan, mill-kwantità bażika kollha ta' produzzjoni allokata lil din ta' l-aħħar ma jbiddel xejn minn din il-konklużjoni, peress illi, fin-nuqqas ta' deċiżjoni nazzjonali f'dan is-sens, xejn ma jassigura fir-realtà li din l-impriża dan il-livell ta' kwoti fuq il-bażi biss ta' Regolamenti Komunitarji, peress li parti minn dawn il-kwoti tagħha setgħu ġew attribwiti mill-ġdid mill-Istat Membru kkonċernat, b'mod partikolari lil produttur eventwali ġdid ta' isoglukożju.
47 Jirriżulta mill-konstatazzjonijiet li saru qabel illi impriża bħal Roquette ma tistax tiġi kkunsidrata li hija kkonċernata direttament fis-sens tar-raba inċiż ta' l-Artikolu 230 KE mid-dispożizzjonijiet ikkontestati. Għalhekk, ma jistax jiġi sostnut illi hija setgħet mingħajr dubju ressaq rikors ammissibbli għal anullament ta' dawn id-dispożizzjonijiet quddiem il-qrati Komunitarji.
48 Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun illi persuna fiżika jew morali bħal m'hi Roquette, f'ċirkustanzi ta' fatt u ta' dritt bħal dawk f'din il-kawża prinċipali, ma setgħetx mingħajr dubju tressaq rikors ammissibbli għal annullament abbażi ta' l-Artikolu 230 KE kontra d-dispożizzjonijiet ikkontestati.. Għalhekk, din il-persuna tista' tinvoka, fil-kuntest ta' rikors imressaq skond id-dritt nazzjonali, l-illegalità ta' dawn id-dispożizzjonijiet, għalkemm hija ma ressqitx rikors għal annullament kontra l-imsemmija dispożizzjonijiet quddiem il-qrati komunitarji fit-terminu previst fl-Artikolu 230 KE.
Fuq it-tieni domanda
49 B'din id-domanda, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, safejn huma jiffissaw il-kwantitajiet bażiċi massimi ta' produzzjoni ta' isoglukożju għal Franza metropolitana mingħajr ma ħadu kont ta’ l-isoglukożju prodott f'dan l-Istat Membru bejn l-1 ta' Novembru 1978 u t-30 ta' April 1979 (aktar 'il quddiem il-"perijodu ta' riferenza") bħala prodott intermedjarju għall-manifattura finali ta' prodotti oħrajn intiżi għall-bejgħ.
50 F'dan ir-rigward, Roquette ssostni illi d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma invalidi. Hija ssostni illi l-iffissar inizjali tal-kwoti ta' isoglukożju fil-kuntest tar-Regolament Nru 1111/77 kif emendat bir-Regolament Nru 387/81 kien illegali, fir-rigward tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-13 ta' Frar 1992, Roquette Frères (C‑210/90, Ġabra p. I‑731), fil-miżura fejn il-kwantitajiet ta' isoglukożju prodotti bħala prodott intermedjarju ma kinux mgħadda fil-produzzjoni tal-perijodu ta' riferenza, li serva għad-determinazzjoni tal-kwoti inizjali, u li skondhom il-kwantitajiet ta' produzzjoni allokati lill-Istati Membri kienu ġew ddeterminati ulterjorment mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.
51 Rigward l-informazzjoni dwar il-perijodu ta' riferenza, Roquette tqis illi hija ma kellha ebda indikazzjoni fil-leġiżlazzjoni dak iż-żmien fis-seħħ dwar il-bżonn li tinkludi, fl-informazzjoni li l-produtturi għandhom jibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti, il-kwantitajiet ta' isoglukożju prodott bħala prodott intermedjarju. Din l-inċertezza kienet miżjuda bl-aġir ta' l-Istati Membri u, fl-aħħar lok, mill-Kummissjoni, li eżiġiet biss fil-qosor illi l-informazzjoni dwar il-kapaċitajiet ta' produzzjoni tal-produtturi ta' isoglukożju tkun mibgħuta lilha, mingħajr ma tat preċiżazzjoni addizjonali. Roquette tikkonkludi li ma tistax għalhekk tiġi kkritikata m’ikkalkulatx il-kwantitajiet ta' isoglukożju prodott bħal prodott intermedjarju fl-informazzjoni li srviet għall-iffissar tal-kwoti inizjali.
52 Għall-kuntrarju, il-gvern Franċiż, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu illi d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma validi. Huma jsostnu b'mod partikolari illi huwa ġustament in-nuqqas li ssir differenza, fil-leġiżlazzjoni f’dak iż-żmien applikabbli, bejn d-destinazzjoni ta' produzzjonijiet ta' isoglukożju li kellha tħeġġeġ lil Roquette li ma tagħmilx distinzjoni u għalhekk tibgħat l-informazzjoni kollha ta' produzzjoni ta' isoglukożju, inklużi dawk dwar l-isoglukożju prodott bħala prodott intermedjarju. Għalhekk, ma jistax jiġi deċiż li kien hemm żball manifest ta' evalwazzjoni min-naħa tal-Kunsill waqt l-iffissar ta' kwantiajiet bażiċi kif jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.
53 L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar illi l-Kunsill, bir-Regolament tiegħu Nru 1111/77 kif emendat bir-Regolament Nru 387/81, attribwixxa kwota bażika inizjali lil Roquette għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 1979 sat-30 ta' Ġunju 1980. Hekk kif jirriżulta mit-termini tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament, din il-kwota għandha tkun ugwali għad-doppju tal-produzzjoni tagħha kkonstatata għall-perijodu ta' riferenza.
54 Sabiex tiġi ddeterminata l-produzzjoni ta' kull waħda mill-impriżi kkonċernati waqt dan il-perijodu, il-Kummissjoni użat l-informazzjoni dwar il-produzzjoni tagħhom f’kull xahar tal-kalendarju illi l-Istati Membri kienu bagħtulha b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 1471/77, tat-30 ta' Ġunju 1977, dwar il-komunikazzjonijiet ta' l-Istati Membri dwar l-isoglukożju (ĠU L 162, p.13). Din l-informazzjoni ġiet miksuba mill-Istati Membri permezz ta' dikjarazzjonijiet magħhula mill-impriżi produttriċi stess.
55 Fuq din il-bażi, il-Kunsill iffissa, f'tabella mdaħħla fl-Anness II tar- Regolament Nru 1111/77 kif emednat bir-Regolament Nru 387/81, il-kwota bażika għal Roquette ta' 15 887 t espressi f'materjal niexef, jiġifieri d-doppju tal-produzzjoni kkonstat waqt il-perijodu ta' riferenza konformement mal-proċedura spjegata fil-punt preċedenti ta' din is-sentenza. F'dan ir-rigward, huwa paċifiku illi Roquette m’ikkalkulatx il-kwantitajiet ta' isoglukożju prodott bħala prodott intermedjarju fl-informazzjoni dwar il-produzzjoni mibgħuta lill-awtoritajiet nazzjonali.
56 Jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati illi, sussegwentement, il-kwantitajiet bażiċi ġew iffissati għall-istess livell tal-kwoti bażiċi mogħtija inizjalment, suġġetti għal tnaqqis li jirriżulta mill-impenji internazzjonali meħuda mill-Komunità.
57 F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat illi l-kwoti inizjali għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 1979 sat-30 ta' Ġunju 1980 kienu ġew iffissati, konformement ma’ l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1111/77 kif emendat bir-Regolament Nru 387/81, abbażi tal-produzzjoni kkonstatata minn impriżi li jipproduċu waqt il-perijodu ta' riferenza, peress li din il-konstatazzjoni kienet ibbażata fuq l-informazzjoni li dawn l-impriżi li jipproduċu stess kienu bagħtu lill-Istati Membri li, wara li ħadu Att tagħhom u pproċedew għal verifiki eventwali, kienu ikkomunikawhom lill-Kummissjoni konformement ma’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1471/77. Meta l-Kunsill kien iddeċieda li jirreferi għall-imsemmija kwoti, huwa ma kellux jerġa’ jiġbor mill-ġdid l-imsemmija informazzjoni mogħtija waqt l-adozzjoni tar-Regolamenti in kwistjoni fil-kawża prinċipali.
58 Għalhekk, il-fatt illi, fid-dispożizzjonijiet ikkontestati, il-Kunsill kompla jibbaża ruħhu fuq il-kwoti bażiċi inizjali ma jistax, fih innifsu, irendi d-dispożizzjonijiet ikkontestati invalidi.
59 F'kull każ, għandu jiġi osservat illi Roquette, peress illi setgħet manifestament tikkontesta l-kalkolu tal-kwoti bażiċi tar-Regolament Nru 1111/77 kif emendat bir-Regolament Nru 387/81 quddiem il-qrati Komunitarji skond l-Artikolu 230 KE, ma tistax tikkontesta jkunx poġġa fid-dubju, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-validità ta' dan ir-Regolament.
60 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-eżami ta' din ta' l-aħħar ma wera ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.
Fuq l-ispejjeż
61 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:
1) persuna fiżika jew morali bħal m'hi Roquette, f'ċirkustanzi ta' fatt u ta' dritt bħal dawk f'din il-kawża prinċipali, ma setgħetx mingħajr dubju tressaq rikors ammissibbli għal annullament abbażi ta' l-Artikolu 230 KE kontra:
– l-Artikolu 24(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1785/81, tat-30 ta' Ġunju 1981, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor;
– l-Artikolu 27(3) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999, tat-13 ta' Settembru 1999, dwar organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor;
– l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2000, tad-29 ta' Settembru 2000, dwar tnaqqis, għas-sena tas-suq 2000/2001, fil-kwantità garantita taħt l-iskema ta’ kwoti ta' produzzjoni għas-settur taz-zokkor u l-bżonnijiet massimi preżunti ta’ provvista tar-raffineriji taz-zokkor taħt l-arranġamenti preferenzjali ta' l-importazzjoni;
– l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tad-19 ta' Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor;
– l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1745/2002, tat-30 ta' Settembru 2002, dwar, tnaqqis, għas-sena tas-suq 2002/2003, il-kwantità garantita taħt il-kwoti tal-produzzjoni taħt l-iskema ta’ kwoti ta' produzzjoni għas-settur taz-zokkor u l-bżonnijiet massimi preżunti ta’ provvista tar-raffineriji taz-zokkor taħt l-arranġamenti preferenzjali ta' l-importazzjoni, u
– l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1739/2003 tat-30 ta' Settembru 2003 li jnaqqas, għas-sena tas-suq 2003/2004 il-kwantità garantita taħt il-kwoti tal-produzzjoni għas-settur taz-zokkor u l-provvista massima meqjusa meħtieġa għar-raffineriji taz-zokkor taħt l-importazzjonijiet preferenzjali.
Għalhekk, kull persuna jista' jinvoka, fil-kuntest ta' rikors magħmul skond id-dritt nazzjonali, l-illegalità ta' dawn id-dispożizzjonijiet, anki jekk ma ressqitx rikors għal annullament kontra l-imsemmija dispożizzjonijiet quddiem il-qrati komunitarji fit-terminu previst fl-Artikolu 230 KE.
2) L-eżami tat-tieni domanda mressqa m'għandha ebda element li jista’ jaffettwa l-validità ta' l-Artikoli 24 (2) tar-Regolament Nru 1785/81, 27(3) tar-Regolament Nru 2038/1999, 1 tar-Regolament Nru 2073/2000, 11(2) tar-Regolament Nru 1260/2001, 1 tar-Regolament Nru 1745/2002 u 1 tar-Regolament Nru 1739/2003.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy