Kawża C-446/05
Proċeduri kriminali
kontra
Ioannis Doulamis
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de première instance de Bruxelles)
“Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 10 KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-reklamar fil-qasam tas-servizzi tal-kura tas-snien”
Sommarju tas-sentenza
Kompetizzjoni – Regoli Komunitarji – Obbligi ta’ l-Istati Membri
(Artikoli 3(1)(g) KE, 10 KE u 81 KE)
L-Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 3(1)(g) KE u mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil kwalunkwe persuna u lill-prestatarji ta’ kura dentali, fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ professjoni libera jew ta’ klinika dentali, milli jagħmlu reklam fil-qasam tal-kura dentali. Fil-fatt, hemm ksur ta’ l-Artikoli 10 KE u 81 KE kemm meta Stat Membru jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ ftehim li jmur kontra l-Artikolu 81 KE jew isaħħaħ l-effetti ta’ ftehim bħal dan, kemm meta jneħħi mil-leġiżlazzjoni tiegħu n-natura pubblika tiegħu billi jiddelega lill-operaturi privati r-responabbiltà li jintervjenu biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ interess ekonomiku. Issa, leġiżlazzjoni bħal din bl-ebda mod ma taqa’ fl-ipoteżijiet ta’ applikazzjoni konġunta ta’ l-Artikoli 10 KE u 81 KE.
(ara l-punti 20-21, 24 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
13 ta’ Marzu 2008 (*)
“Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 10 KE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-reklamar fil-qasam tas-servizzi tal-kura tas-snien”
Fil-kawża C‑446/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-tribunal de première instance de Brussell (il-Belġju), bħala qorti ta’ ġudikatura kriminali (police correctionnelle), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2005, fil-proċeduri kriminali kontra
Ioannis Doulamis,
fil-preżenza ta’:
Union des Dentistes et Stomatologistes de Belgique (UPR),
Jean Totolidis,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, K. Schiemann,
J. Makarczyk (Relatur), J.-C. Bonichot u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għal I. Doulamis, minn E. Koeune, avukat,
– għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn
P. Gentili, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Arbault, kif ukoll minn O. Beynet u K. Mojzesowicz, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Novembru 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 3(1)(g) KE u mat-tieni sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri penali kontra I. Doulamis, tekniku dentali, għall-ksur, minn naħa, tal-leġiżlazzjoni dwar l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ dentista u għall-eżerċizzju tal-professjoni tal-mediċina u, min-naħa l-oħra, għal-leġiżlazzjoni dwar ir-reklamar fil-qasam tal-kura dentali.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 3 tal-liġi tal-15 ta’ April 1958 dwar ir-reklamar fil-qasam tal-kura dentali (Moniteur belge tal-5 ta’ Mejju 1958, p. 3542, iktar’il quddiem il-“liġi tal-15 ta’ April 1958”) jippenalizza l-imġiba li tikser l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, u huwa redatt kif ġej:
“Ħadd ma jista’, direttament jew indirettament, jagħmel reklami ta’ kwalunkwe tip bil-għan li jikkura jew jipprovdi kura minn persuna kkwalifikata jew le, fil-Belġju jew barra l-Belġju, għal infezzjonijiet, feriti jew anomaliji tal-ħalq u tas-snien, partikolarment permezz ta’ kartelluni jew sinjali, skrizzjonijiet jew plakek li jistgħu jinduċu fl-iżball dwar in-natura legali ta’ l-attività rreklamata, ta’ prospetti, ċirkulari, noti jew fuljetti, permezz ta’ l-istampa, ir-radju u ċ-ċinema, permezz ta’ wegħda jew l-għoti ta’ kwalunkwe tip ta’ benefiċċji bħalma huma skontijiet, trasport ta’ pazjenti b’xejn, jew permezz ta’ l-intervent ta’ nies li jfittxulhom il-klijenti jew medjaturi.
M’għandux jitqies bħala reklamar kif definit f’dan l-Artikolu l-fatt li l-kliniċi u polikliniċi mutwalistiċi li jagħtu informazzjoni lill-membri tagħhom dwar il-ġranet u l-ħinijiet tal-konsultazzjonijiet, l-isem ta’ dawk li jipprovdu l-konsultazzjoni u xi tibdiliet relatati magħhom”.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
4 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ttieħdu passi kontra I. Doulamis għaliex, b’mod partikolari, irreklama f’direttorju tat-telefon għal-Laboratoire dentaire Jean DOULAMIS u l-Klinika dentali Jean DOULAMIS, reklamar ipprojbit mil-liġi tal-15 ta’ April 1958. Ir-reklami ġew ippubblikati, wieħed fil-paġni ddedikati għal-laboratorji dentali, l-ieħor f’dawk iddedikati għall-kliniċi dentali. Dawn ir-reklami kellhom informazzjoni oġġettiva, bħas-servizzi offerti, l-indirizz, in-numru tat-telefon u l-ħinijiet tal-ftuħ taż-żewġ stabbilimenti.
5 I. Doulamis sostna quddiem il-qorti tar-rinviju li l-pubbliċità kienet għodda indispensabbli għall-kompetizzjoni ekonomika libera. B’hekk, wara li rrefera għad-dispożizzjonijiet flimkien ta’ l-Artikoli 10 KE u 81 KE, huwa rrefera għas-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1988, Van Eycke (267/86, Ġabra p. 4769), sabiex jafferma li, fid-dawl ta’ l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li ma jieħdux jew li jżommu fis-seħħ miżuri li jkunu jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, il-proċeduri li s-suġġett tagħhom huwa r-reklamar fil-qasam tal-kura tas-snien, huma infondati.
6 F’dan ir-rigward, I. Doulamis sostna li, kif jirriżulta mill-attività li ġiet eżerċitata hemmhekk, il-klinika dentali li tagħha huwa proprjetarju tissodisfa l-kriterji tal-kunċett ta’ “impriża” skond l-Artikolu 81 KE, li tapplika għall-membri tal-professjonijiet liberi. Il-qorti tar-rinviju hija inklinata li tikkunsidra li l-akkużat aġixxa fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju ta’ professjoni libera kif ukoll bħala operatur u ta’ proprjetarju ta’ klinika dentali.
7 L-imsemmija qorti tar-rinviju ssostni li l-qari flimkien ta’ l-Artikolu 3(1)(g) KE, tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE u ta’ l-Artikolu 81 KE jidher li jimplika li Stat Membru li ma jistax jieħu jew iżomm fis-seħħ miżuri li jkunu jistgħu jbiddlu l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi.
8 F’dan ir-rigward, hija tistabbilixxi li mhuwiex eskluż li d-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-15 ta’ April 1958 ikunu jistgħu jimminaw il-libertà tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, safejn dawn jistgħu jippreġudikaw it-twettiq ta’ l-għanijiet ta’ suq wieħed fost dawn l-Istati.
9 Skond il-qorti tar-rinviju, li f’dan ir-rigward tirreferi għall-punt 89 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (C‑180/98 sa C‑184/98, Ġabra p. I-6451), fir-rigward ta’ l-eteroġenità tal-professjonijiet liberali u tal-karatteristiċi proprji tas-swieq li fihom huma joperaw, jidher li huwa meħtieġ li ssir analiżi każ b’każ dwar jekk ir-restrizzjoni fuq il-libertà ta’ azzjoni fil-fatt twassalx, fis-suq ikkonċernat, għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE, jekk ikun il-każ fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat KE, bħall-Artikoli 152 KE u 153 KE dwar il-protezzjoni, rispettivament, tas-saħħa pubblika u tal-konsumaturi.
10 Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li jirriżulta mir-rapport tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tad-9 ta’ Frar 2004 fuq il-kompetizzjoni fis-settur tal-professjonijiet liberi [COM (2004) 83 finali] li r-restrizzjonijiet fil-qasam tar-reklami fil-kuntest tal-professjonijiet jammontaw għal xkiel għall-kompetizzjoni libera.
11 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de première instance de Bruxelles iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 3(1)(g) KE u mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE, [għandu jiġi interpretat] fis-sens li jipprekludi liġi nazzjonali, f’dan il-każ il-[liġi tal-15 ta’ April 1958], li tipprojbixxi (lil kwalunkwe persuna u) lill-prestatarji ta’ kura dentali, fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ professjoni libera jew ta’ klinika dentali, milli jagħmlu reklami, kemm direttament jew indirettament, fil-qasam tal-kura dentali?”
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
12 Il-Gvern Belġjan u dak Taljan esprimew dubji fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà tat-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari.
13 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 234 KE, hija ġurisdizzjoni biss tal-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża, li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari fil-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun fil-pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi preliminari magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38, u tad-19 ta’ Frar 2002, Arduino, C‑35/99, Ġabra p. I‑1529, punt 24).
14 Madankollu, f’cirkustanzi eċċezzjonali, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija ntalbet tieħu deċiżjoni mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha. Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandha x’taqsam bl-ebda mod mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi fattwali jew tad-dritt li huma essenzjali sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Arduino, iċċitata iktar’il fuq, punt 25, u tal-21 ta’ Frar 2008, Part Service, C‑425/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34).
15 Madankollu, l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma ġiet sodisfatta fil-kawża preżenti.
16 Fil-fatt, għandu jingħad li d-deċiżjoni tar-rinviju tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih iridu jinqraw id-domandi li hija tagħmel. Minbarra dan, il-qorti tar-rinviju tindika r-raġunijiet preċiżi li wassluha tistaqsi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u li tikkunsidra neċessarju li tagħmel id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.
17 Konsegwentement, għandu jingħad li t-talba għal deċiżjoni preliminari tat-tribunal de première instance de Brussell hija ammissibbli.
Fuq il-mertu
18 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 3(1)(g) KE u mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-liġi tal-15 ta’ April 1958, li tipprojbixxi lil kwalunkwe persuna u lill-prestatarji ta’ kura dentali, fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ professjoni libera jew ta’ klinika dentali, milli jagħmlu reklam fil-qasam tal-kura dentali, meta projbizzjoni bħal din tista’ tammonta għal xkiel għall-kompetizzjoni libera.
19 Skond ġurisprudenza kostanti, jekk huwa minnu li, minnhom stess, l-Artikoli 81 KE u 82 KE jikkonċernaw biss l-imġiba ta’ l-impriżi u ma jirrigwardawx miżuri leġiżlattivi jew regolamentari ta’ l-Istati Membri, dawn l-Artikoli, madankollu, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 10 KE, li jistabbilixxu dmir ta’ kooperazzjoni, jimponu fuq l-Istati Membri li ma jiħdux jew li jżommu fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jkunu jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 46).
20 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun hemm ksur ta’ l-Artikoli 10 KE u 81 KE kemm meta Stat Membru jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ ftehim li jmur kontra l-Artikolu 81 KE jew isaħħaħ l-effetti ta’ ftehim bħal dan, kemm meta jneħħi mil-leġiżlazzjoni tiegħu n-natura pubblika tiegħu billi jiddelega lill-operaturi privati r-responabbiltà li jintervjenu biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ interess ekonomiku (sentenza Cipolla et, iċċitata iktar’il fuq, punt 47).
21 Issa, għandu jingħad li liġi bħal-liġi tal-15 ta’ April 1958, sa fejn din tipprojbixxi lill-prestatarji ta’ kura dentali milli jirreklamaw, bl-ebda mod ma taqa’ fl-ipoteżijiet ta’ applikazzjoni konġunta ta’ l-Artikoli 10 KE u 81 KE.
22 Fil-fatt, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kawża preżenti, m’hemm ebda element tali li juri li l-liġi tal-15 ta’ April 1958 tiffavorixxi, issaħħaħ jew tikkodifika ftehim jew xi deċiżjoni ta’ impriżi. Lanqas ma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li d-dispożizzjoni leġiżlattiva in kwistjoni ġiet imċaħħda min-natura pubblika tagħha meta l-Istat Membru in kwistjoni ddelega lill-operaturi privati r-responabbiltà li jintervjenu biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ interess ekonomiku.
23 Fl-aħħar nett, anki fil-każ fejn I. Doulamis jista’, bħala proprjetarju ta’ klinika dentali, jiġi kklassifikat bħala “impriża” skond l-Artikolu 81 KE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, Ġabra p. I‑1979, punt 21), ma jirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju li huma hawnhekk in kwistjoni l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.
24 Konsegwentement, għandha tingħata r-risposta għad-domanda magħmula fis-sens li l-Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 3(1)(g) KE u mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-liġi tal-15 ta’ April 1958, li tipprojbixxi lil kwalunkwe persuna u lill-prestatarji ta’ kura dentali, fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ professjoni libera jew ta’ klinika dentali, milli jagħmlu reklam fil-qasam tal-kura dentali.
Fuq l-ispejjeż
25 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 3(1)(g) KE u mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-liġi tal-15 ta’ April 1958, dwar ir-reklamar fil-qasam tal-kura dentali, li tipprojbixxi lil kwalunkwe persuna u lill-prestatarji ta’ kura dentali, fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ professjoni libera jew ta’ klinika dentali, milli jagħmlu reklam fil-qasam tal-kura dentali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Full & Egal Universal Law Academy