Kawża C-457/05
Schutzverband der Spirituosen-Industrie eV
vs
Diageo Deutschland GmbH
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mil-Landgericht Wiesbaden)
“Moviment liberu tal-merkanzija — Direttiva 75/106/KEE — Approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri — Imballaġġ minn qabel ta’ likwidi — Prekondizzjonament bil-volum — Artikolu 5(3)(b) u (d) — Baileys Minis — Kummerċjalizzazzjoni ta’ imballaġġ minn qabel ta’ volum nominali ta’ 0,071 litri”
Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali J. Mazák, ippreżentati fl-14 ta’ Ġunju 2007
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) ta’ l-4 ta’ Ottubru 2007
Sommarju tas-Sentenza
1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Imballaġġ minn qabel ta’ likwidi — Direttiva 75/106
(Artikolu 28 KE; Direttiva tal-Kunsill 75/106, kif emendata mill-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, Artikolu 5(3)(b) u (d) u Anness III, taqsima 4)
2. Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti
(Artikolu 28 KE; Direttiva tal-Kunsill 75/106, kif emendata mill-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, Artikolu 5(3)(b) u (d) u Anness III, taqsima 4)
1. Fid-dawl ta’ l-ekonomija ġenerali u tal-finalità tad-Direttiva 75/106, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prekondizzjonament bil-volum ta’ ċerti likwidi f’imballaġġ minn qabel, kif ukoll tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, iggarantit mill-Artikolu 28 KE, l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva msemmija għandu jiġi interpretat fis-sens li imballaġġi minn qabel ta’ volum nominali ta’ 0,071 litru, li jinkludu prodotti elenkati fl-Anness III, taqsima 4, ta’ din l-istess Direttiva, u li huma legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati fl-Irlanda u fir-Renju Unit, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fi Stati Membri oħra wkoll.
Interpretazzjoni kuntrarja ma tistax tiġi ġġustifikata permezz ta’ eżiġenza mandatorja dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi.
Jekk huwa veru li d-Direttiva 75/106 għandha l-għan, skond ir-raba’ premessa, li tevita r-riskju li l-konsumatur ma jiġix imqarraq mill-volumi nominali li huma viċin xulxin, jista’ jiġi kkunsidrat, jekk jittieħed konsumatur medju bħala riferiment, li huwa normalment infurmat u avżat, li riskju bħal dan huwa eskluż.
Effettivament, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 75/106 jipprevedi l-obbligu, għall-imballaġġi minn qabel imsemmija minnu, li tiġi indikata fuq it-tikketta l-kwantità netta ta’ likwidu li jinsab fl-imballaġġ, li hija indikata f’unitajiet ta’ volum (litri, ċentilitri, millilitri, skond il-każ), sabiex tiġi evitata, fil-moħħ tal-konsumatur ta’ riferiment, konfużjoni bejn iż-żewġ volumi u sabiex tippermetti lil dan il-konsumatur jikkunsidra d-differenza tal-volum ikkonstatata meta jagħmel paragun bejn il-prezzijiet ta’ l-istess likwidu li jiġi f’żewġ imballaġġi differenti.
F’dan ir-rigward, volum nominali bħal dak ta’ 0,071 litru, li jinsab bejn il-volumi nominali ta’ 0,05 litri u 0,10 litri, u li huwa msemmi fil-gamma Komunitarja tal-volumi nominali għal prodotti elenkati fl-Anness III, taqsima 4, fid-Direttiva 75/106, jippreżentaw differenza suffiċjenti, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ volumi u li tevita kull kunflitt fil-moħħ tal-konsumatur ta’ riferiment.
Fl-aħħar nett, għandu jkun hemm kunsiderazzjoni għall-obbligu, li jirriżulta mid-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi, li jiġu indikati l-volum nominali ta’ l-imballaġġ minn qabel, il-prezz tal-bejgħ u l-unità tal-kejl.
(ara l-punti 27-31 u d-dispożittiv 1)
2. L-ekonomija ġenerali u l-finalità tad-Direttiva 75/106, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prekondizzjonament bil-volum ta’ ċerti likwidi f’imballaġġ minn qabel, kif ukoll il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija jipprekludu l-projbizzjoni li jiġu kkummerċjalizzati prodotti elenkati fl-Anness III, taqsima 4, ta’ din id-Direttiva f’imballaġġi minn qabel ta’ volum nominali ta’ 0,071 litru minn Stati Membri oħra minbarra l-Irlanda u r-Renju Unit, li jirriżulta mill-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3)(b), ta’ din id-Direttiva, flimkien mal-paragrafu 3(d), ta’ l-istess Artikolu.
Effettivament, skond dawn id-dispożizzjonijiet, peress illi l-imballaġġi minn qabel jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss f’dawn iż-żewġ Stati Membri, projbizzjoni bħal din tista’ tostakola l-kummerċ intrakomunitarju minħabba li tista’ tirrendi l-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni mill-manifatturi tagħhom iżjed diffiċli u onerużi, u tiddiswadihom milli jikkummerċjalizzaw imballaġġi bħal dawn.
Din il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata minħabba li hija f’kontradizzjoni manifesta ma` wieħed mill-għanijiet mixtieqa mid-Direttiva 75/106, jiġifieri l-moviment liberu ta’ l-imballaġġi minn qabel li jinkludi likwidi msemmija fl-Anness III ta’ din id-Direttiva u minħabba li r-riskju li l-konsumatur jista’ jkun imqarraq huwa eskluż.
Fir-rigward tal-miżura jew tal-possibbiltà, previsti fl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 75/106, li jiġu kkummerċjalizzati imballaġġi minn qabel ta’ volum nominali ta’ 0,071 litru fl-Irlanda u r-Renju Unit biss, din ma tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl ta’ l-għan mixtieq minn din id-dispożizzjoni minħabba li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, jiġifieri, kif jirriżulta mis-sitt premessa tad-Direttiva 75/106, li tippermetti lil dawn iż-żewġ Stati Membri jadattaw irwiehom għad-diffikultajiet li jirriżultaw minn modifika mgħaġġla tal-prinċipju tal-kwantità preskritt mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-organizzazzjoni ta’ forom ġodda ta’ kontroll, kif ukoll bidla fis-sistemi ta’ kejl.
Konsegwentement, fl-aħħar parti tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 75/106, flimkien mal-paragrafu 3(d), ta’ l-istess Artikolu, hija invalida in kwantu teskludi l-volum nominali ta’ 0,071 litru ta’ gamma Komunitarja armonizzata ta’ volumi nominali li jissemmew fl-Anness III, taqsima 4, Kolonna I ta’ din l-istess Direttiva.
(ara l-punti 32-33, 35-37, 39 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
4 ta’ Ottubru 2007 (*)
“Moviment liberu tal-merkanzija – Direttiva 75/106/KEE – Approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri – Imballaġġ minn qabel ta’ likwidi – Prekondizzjonament bil-volum – Artikolu 5(3)(b) u (d) – Baileys Minis – Kummerċjalizzazzjoni ta’ imballaġġ minn qabel ta’ volum nominali ta’ 0,071 litri”
Fil-kawża C-457/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Landgericht Wiesbaden (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Diċembru 2005, fil-kawża
Schutzverband der Spirituosen-Industrie eV
vs
Diageo Deutschland GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, M. Juhász, R. Silva de Lapuerta (Relatur), J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2007,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Schutzverband der Spirituosen-Industrie eV, minn C. Eggers u H.‑G. Kamann, Rechtsanwälte,
– għal Diageo Deutschland GmbH, minn V. Bansch, Rechtsanwältin,
– għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,
– għall-Gvern Grieg, minn M. Apessos, I. Bakopoulos u S. Spyropoulos kif ukoll minn N. Dafniou, bħala aġenti,
– għall-Gvern Franċiż, minn Loosli-Surrans, bħala aġent,
– għall-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, minn C. Giorgi Fort u G. Curmi kif ukoll minn J.‑P. Hix, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Lawunmi u B. Schima, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta’ Ġunju 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3)(b), flimkien ma’ l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/106/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prekondizzjonament bil-volum ta’ ċerti likwidi f’imballaġġ minn qabel (ĠU L 42, p. 1), kif emendata mill-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hi stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003 L 236, p.33, iktar ’il quddiem id-“direttiva 75/106”), flimkien mal-paragrafu 3(d) ta’ l-imsemmi Artikolu u l-Anness III, taqsima 4, ta’ din id-Direttiva.
2 Din id-domanda ġiet magħmula fil-kuntest ta’ kawża bejn Schutzverband der Spirituosen-Industrie eV (iktar ’il quddiem “Schutzverband”) u Diageo Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Diageo”) dwar il-kummerċjalizzazzjoni fil-Ġermanja tax-xarba bl-isem ta’ “Baileys” f’imballaġġ ta’ volum nominali ta’ 0,071 litru
Il-kuntest ġuridiku
3 L-ewwel, ir-raba’ u s-sitt premessi tad-Direttiva 75/106 jipprovdu:
“billi f’ħafna mill-Istati Membri l-kundizzjonijiet ta’ preżentazzjoni għal bejgħ ta’ likwidi fi imballaġġ minn qabel huma s-suġġett ta’ regolamenti mandatorji li huma differenti minn Stat Membru għal ieħor, [u] għalhekk ifixklu l-kummerċ fl-imballaġġ[i] minn qabel bħal dan [bħal dawn]; billi għalhekk dispożizzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu approssimati;
[…]
billi huwa meħtieġ li jitnaqqas bl-aktar [bl-aħjar] mod possibbli l-għadd ta’ volumi ta’ kontenut li jkunu qrib wisq għal oħrajn ta’ l-istess prodott u li konsegwentement ikunu responsabbli li jtellfu lill-konsumatur; billi, iżda, minħabba l-ħażniet estremament għoljin ta’ imballaġġ[i] minn qabel fil-Komunità tnaqqis bħal dan jista’ jsir biss gradwalment;
[…]
billi bidla mgħaġġla wisq fil-mod ta’ kif tkun deċiża l-kwantità stabbilita mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ġodda ta’ kontroll kif ukoll l-adozzjoni ta’ sistema ta’ kejl ġdida [tkun] tippreżenta diffikultajiet għal ċerti Stati Membri, għandu jkun provdut perjodu ta’ transizzjoni għal dawn l-Istati Membri; billi dispożizzjoni bħal din m’għandhiex, iżda, żżomm iktar lura kummerċ intra-Komunità [intrakomunitarju] fil-prodotti konċernati u ma għandhiex tippreġudika l-implimentazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri l-oħra.”
4 L-Artikolu 5 tad-Direttiva huwa fformulat kif ġej:
“1. Stati Membri ma jistgħux jirrifjutaw, jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq [kummerċjalizzazzjoni] ta’ pakketti imballati minn qabel li huma skond il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva fuq xi bażi li għandu x’jaqsam mal-kalkolu tal-volumi tagħhom, il-metodi li bihom kienu vverifikati jew il-volumi nominali fejn dawn huma preskritti fl-Anness III, il-kolonna I.
[…]
3.
b) Pakketti b’imballaġġ minn qabel li jkun fihom il-prodotti elenkati f’Anness III, 1 (a) u (b), jistgħu jitqiegħdu fis-suq wara l-31 ta’ Diċembru 1988 biss jekk ikun fihom il-volumi nominali mniżżla fil-kolonna I ta’ l-imsemmi Anness.
Pakketti li jkun fihom il-prodotti elenkati f’Anness III 2 (a) jistgħu jitqiegħdu fis-suq wara l-31 ta’ Diċembru 1990 biss jekk ikun fihom il-volumi nominali mniżżla fil-kolonna I ta’ dak l-Anness. Dawk il-pakketti magħmulin minn qabel li jidhru f’Anness III, taqsima 4, jistgħu jinbiegħu wara l-31 ta’ Diċembru 1990 biss jekk ikun fihom il-volumi nominali mniżżla fl-imsemmija kolonna I.
c) […]
d) mingħajr preġudizzju għas-subparagrafu (b), il-prodotti elenkati f’Anness III, taqsima 4, u għandhom il-volum ta’ 0,071 litri jistgħu jinbiegħu fl-Irlanda u r-Renju Unit.
[…]”
5 L-Anness III, kolonna I tad-Direttiva 75/106, li jiddefinixxi l-volumi nominali finalment permessi jipprevedi, għall-prodotti elenkati fil-punt 4 ta’ dan l-Anness, il-volumi nominali segwenti: 0,02 l — 0,03 l — 0,04 l — 0,05 l — 0,10 l — 0,20 l — 0,35 l — 0,50 l — 0,70 l — 1 l — 1,125 l — 1,5 l — 2 l — 2,5 l — 3 l — 4,5 l —5 l —10 l.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
6 Schutzverband hija impriża li l-għan tagħha huwa li tassigura r-rispett u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fis-settur ta’ l-ispirti fil-Ġermanja.
7 Diageo hija l-kumpannija sussidjarja Ġermaniża ta’ Diageo North America Inc. Fil-Ġermanja, hija tikkummerċjalizza, inter alia, birra, whiskey, ġin u vodka taħt diversi trade marks.
8 Mix-xahar ta’ Ottubru 2004, Diageo tikkummerċjalizza fil-Ġermanja x-xarba “Baileys” f’imballaġġ ta’ valur nominali ta’ 0,071 litru, bl-isem ta’ “Baileys Minis”, immanifatturati u bbottiljati fl-Irlanda.
9 Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar jekk il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn l-imballaġġi hijiex awtorizzata fil-Ġermanja.
10 Huwa f’dan il-kuntest li l-Landgericht Wiesbaden iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
“1) L-aħħar parti tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3)(b), flimkien ma’ l-Artikolu 5(3)(d) u l-Anness III, taqsima 4, tad-Direttiva 75/106/KEE […] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-prodotti f’imballaġġ minn qabel b’volum ta’ 0,071 litru, li huma legalment immanifatturati u/jew ikkummerċjalizzati fl-Irlanda jew fir-Renju Unit, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati wkoll fl-Istati Membri l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej?
2) Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, l-aħħar parti tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3)(b), flimkien ma’ l-Artikolu 5(3)(d) u l-Anness III, taqsima 4, tad-Direttiva 75/106/KEE hija konformi mal-prinċipju ta’ moviment liberu ta’ merkanzija previst fl-Artikoli 28 KE u 30 KE?”
Fuq id-domandi preliminari
11 Permezz tad-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-aħħar parti tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3)(b), flimkien mal-paragrafu 3(d) ta’ l-istess Artikolu u l-Anness III, taqsima 4, tad-Direttiva 75/106/KEE […] għandhiex, fid-dawl tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija previst fl-Artikolu 28 KE, tiġi interpretata fis-sens li l-prodotti f’imballaġġ minn qabel b’volum ta’ 0,071 litru, li jinkludu prodotti msemmija fit-taqsima 4 iktar ’il fuq, u li huma legalment immanifatturati u/jew ikkummerċjalizzati fl-Irlanda jew fir-Renju Unit, jistgħux jiġu kkummerċjalizzati wkoll fl-Istati Membri l-oħra.
12 L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 75/106 jipprojbixxi l-Istati Membri milli jadottaw, fir-rigward ta’ imballaġġi preskritti f’din id-Direttiva, miżuri li jillimitaw it-tqegħid tagħhom fis-suq, minħabba l-volumi tagħhom jew il-kalkolu tagħhom (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2000, Ruwet, C-3/99, Ġabra. p. I-8749, punt 42).
13 L-aħħar sentenza tas-subparagrafu ta’ l-Artikolu msemmi tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni, wara l-31 ta’ Diċembru 1991, ta’ imballaġġi li jinkludu prodotti elenkati fl-Anness II, taqsima 4 tad-Direttiva 75/106 f’volumi nominali differenti minn dawk imniżżla fil-kolonna I ta’ dan Anness.
14 L-Artikolu 5(3)(d) jipprevedi deroga minn din il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni.
15 Madankollu, eżami komparattiv tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprovdix indikazzjonijiet ċari dwar il-portata preċiża tad-deroga prevista minn din id-dispożizzjoni.
16 Effettivament, mill-eżami ta’ ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 75/106 jirriżulta li l-prodotti msemmija fl-Anness III, taqsima 4 ta’ din id-Direttiva, li jiġu f’volum ta’ 0,071 fl-Irlanda u fir-Renju Unit, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati, filwaqt li skond verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni, l-imsemmija prodotti b’volum ta’ 0,071 litru jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fl-Irlanda u fir-Renju Unit.
17 Skond ġurisprudenza stabbilita, in-neċessità ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju teskludi li, fil-każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jitqies separatament, iżda minflok titlob li dan jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder, 29/69, Ġabra p. 419, punt 3; tas-7 ta’ Lulju 1988, Moksel Import und Export, 55/87, Ġabra p. 3845, punt 15, tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac ., C-296/95, Ġabra p. I-1605, punt 36 u tad-19 ta’ April 2007, Profisa, C-63/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 13).
18 Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test Komunitarju, id-dispożizzjoni in kwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ l-istruttura ġenerali u ta’ l-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha (sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, Ġabra p. 1999, punt 14; tas-7 ta’ Diċembru 2000, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-482/98, Ġabra p. I-10861, punt 49, u ta’ l-1 ta’ April 2004, Borgmann, C-1/02, Ġabra p. I-3219, punt 25, u Profisa, iċċitata, punt 14).
19 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 75/106 ġiet adottata abbażi ta’ l-Artikolu 100 tat-Tratt KE (li sar l-Artikolu 100 tat-Trattat KE, li mbagħad sar l-Artikolu 94 KE), bl-għan ta’ approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jaffettwaw direttament l-istabbiliment jew l-operazzjoni tas-suq komuni (sentenza Ruwet, iċċitata, punt 40).
20 Mill-ewwel premessa tad-Direttiva msemmija jirriżulta li din għandha l-għan li tegħleb l-ostakli għall-moviment liberu ta’ ċerti imballaġġi minn qabel ta’ likwidi tax-xorb li jirriżultaw mill-eżistenza, f’bosta Stati Membri, ta’ dipożizzjonijiet regolamentari mandatorji li jvarjaw minn Stat għall-ieħor (sentenza Ruwet, iċċitata, punt 41).
21 Minbarra dan, hemm lok li jiġi rrilevat li d-Direttiva tal-Kunsill 88/316/KE, tas-7 ta’ Ġunju 1988, li temenda d-Direttiva 75/106 (ĠU L 143, p. 26), li introduċiet id-dispożizzjonijiet in kwistjoni fid-Direttiva 75/106, hija bbażata fuq l-Artikolu 100A tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 100A tat-Trattat KEE, li mbagħad sar l-Artikolu 95 KE), u li għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet ta’ l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq komuni (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament, C-376/98, Ġabra. I-8419, punt 83).
22 Għandu jiġi mfakkar ukoll, skond ġurisprudenza stabbilita, li test ta’ dritt Komunitarju sekondarju għandu jiġi interpretat, safejn huwa possibbli, f’sens li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1983, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 218/82, Ġabra. p. 4063, punt 15; tal-25 ta’ Novembru 1986, Klensch et, 201/85 u 202/85, Ġabra. p. 3477, punt 21; tal-21 ta’ Marzu 1991, Rauh, C-314/89, Ġabra. p. I-1647, punt 17, tas-27 ta’ Jannar 1994, Herbrink, C-98/91, Ġabra. p. I-223, punt 9, u Borgmann, iċċitata, punt 30).
23 F’dan il-kuntest, fir-rigward tad-Direttiva 75/106, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-prinċipju, l-Artikoli 28 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil Stat Membru milli jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ imballaġġ minn qabel ta’ volum nominali li mhuwiex inkluż fil-gamma Komunitarja, li huwa legalment immanifatturat u kkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor (sentenza Ruwet, iċċitata, punt 57).
24 Għalhekk, mhemmx dubju li, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 75/106, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ imballaġġ minn qabel li jinkludi prodotti elenkati fl-Anness III, punt 4 ta’ din id-Direttiva u li jiġu f’volumi ta’ 0,071 litru huwa, għall-inqas fl-Irlanda u fir-Renju Unit, konformi ma’ din id-Direttiva.
25 Konsegwentement, in kwantu dawn l-imballaġġi minn qabel huma legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati għall-inqas f’dawn iż-żewġt Istati Membri, l-Artikolu 28 KE jipprekludi li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom tkun ipprojbita fl-Istati Membri l-oħra, safejn mill-inqas tali projbizzjoni tkun iġġustifikata permezz ta’ eżiġenza mandatorja, li tapplika mingħajr distinzjoni għall-prodotti nazzjonali u prodotti importati, li hija neċessarja sabiex tintlaħaq l-eżiġenza in kwistjoni u proporzjonali ma’ l-għan mixtieq, u li dan l-għan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ miżuri iktar restrittivi għall-kummerċ intrakomunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ruwet, iċċitata, punti 50 u 57).
26 Schutzverband u l-Gvern Belġjan isostnu li l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-aħħar parti tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 75/106 hija ġustifikata permezz ta’ eżiġenza mandatorja dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi.
27 F’dan ir-rigward, jekk huwa veru li d-Direttiva għandha l-għan, skond ir-raba’ premessa, li tevita r-riskju li l-konsumatur ma jiġix imqarraq mill-volumi nominali li huma viċin xulxin, jista’ jiġi kkunsidrat, jekk jittieħed konsumatur medju bħala riferiment, li huwa normalment infurmat u avżat (sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2000. Estée Lauder, C-220/98, Ġabra. p. I-117, punt 30, u Ruwet, iċċitata, punt 53), li riskju bħal dan huwa eskluż.
28 Effettivament, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 75/106 jipprevedi l-obbligu, għall-imballaġġi minn qabel imsemmija minnu, li tiġi indikata fuq it-tikketta l-kwantità netta ta’ likwidu li jinsab fl-imballaġġ, li hija indikata f’unitajiet ta’ volum (litri, ċentilitri, millilitri, skond il-każ), sabiex tiġi evitata, fil-moħħ tal-konsumatur ta’ riferiment, konfużjoni bejn iż-żewġ volumi u sabiex tippermetti lil dan il-konsumatur jikkunsidra d-differenza tal-volum ikkonstatata meta jagħmel paragun bejn il-prezzijiet ta’ l-istess likwidu li jiġi f’żewġ imballaġġi differenti (sentenza Ruwet, iċċitata, punt 54).
29 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 75/106 nnifisha tippermetti, fir-rigward tal-gamma ta’ volumi nominali li huma previsti fl-Anness III, Kolonna I, għall-prodotti elenkati fit-taqsima 4 ta’ dan l-Anness, il-koeżistenza tal-volumi nominali (0,02 litru, 0,03 litru, 0,04 litru u 0,05 litru) li bejniethom jippreżentaw differenza minima ta’ 0,01 litru. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li volum nominali bħal dak ta’ 0,071 litru, li jinsab bejn il-volumi nominali ta’ 0,05 litru u 0,10 litru, u li huwa msemmi fil-gamma Komunitarja tal-volumi nominali għal dawn il-prodotti, jippreżentaw differenza suffiċjenti, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ volumi, li hija akbar minn 0,01 litru, u li tevita kull kunflitt fil-moħħ tal-konsumatur ta’ riferiment.
30 Fl-aħħar nett, għandu jkun hemm kunsiderazzjoni għall-obbligu, li jirriżulta mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/6/KE tas-16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU L 80, p. 27), li jiġu indikati l-volum nominali ta’ l-imballaġġ minn qabel, il-prezz tal-bejgħ u l-unità tal-kejl (sentenza Ruwet, iċċitata, punt 56).
31 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jirriżulta li, fid-dawl ta’ l-ekonomija ġenerali u tal-finalità tad-Direttiva 75/106, kif ukoll tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, iggarantit mill-Artikolu 28 KE, l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva msemmija għandu jiġi interpretat fis-sens li imballaġġi minn qabel ta’ volum nominali ta’ 0,071 litru, li jinkludu prodotti elenkati fl-Anness III, taqsima 4, ta’ din l-istess Direttiva, u li huma legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati fl-Irlanda u fir-Renju Unit, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fi Stati Membri oħra wkoll.
32 Minbarra dan, l-ekonomija ġenerali u l-finalità tad-Direttiva 75/106 kif ukoll il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija jipprekludu l-projbizzjoni li jiġu kkummerċjalizzati prodotti elenkati fl-Anness III, taqsima 4, ta’ din id-Direttiva f’imballaġġi minn qabel ta’ volum nominali ta’ 0,071 litru minn Stati Membri oħra minbarra l-Irlanda u r-Renju Unit, li jirriżulta mill-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3)(b), ta’ din id-Direttiva, flimkien mal-paragrafu 3(d) ta’ l-istess Artikolu.
33 Effettivament, skond dawn id-dispożizzjonijiet, peress illi l-imballaġġi minn qabel jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss f’dawn iż-żewġ Stati Membri, projbizzjoni bħal din tista’ tostakola l-kummerċ intrakomunitarju minħabba li tista’ tirrendi l-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni mill-manifatturi tagħhom iżjed diffiċli u onerużi, u tiddiswadihom milli jikkummerċjalizzaw imballaġġi bħal dawn.
34 Għaldaqstant, sabiex ikun jista’ jikkummerċjalizza imballaġġi bħal dawn in kwistjoni, manifattur li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor minbarra l-Irlanda u r-Renju Unit huwa limitat milli jesporta dawn l-imballaġġi lejn dawn iż-żewġ Stati Membri jew li jimmanifatturahom qabel ma jerġa’ jimportahom fl-Istat Membru tiegħu.
35 Din il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata minħabba li hija f’kontradizzjoni manifesta ma` wieħed mill-għanijiet mixtieq mid-Direttiva 75/106, jiġifieri l-moviment liberu ta’ l-imballaġġi minn qabel li jinkludi likwidi msemmija fl-Anness III tad-Direttiva. Fid-dawl tar-riskju li l-konsumatur jista’ jkun imqarraq, għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 27 sa 30 tas-sentenza preżenti.
36 Fir-rigward tal-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 75/106, li jiġu kkummerċjalizzati imballaġġi minn qabel ta’ volum nominali ta’ 0,071 litru fl-Irlanda u r-Renju Unit biss, din ma tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl ta’ l-għan mixtieq minn din id-dispożizzjoni.
37 Effettivament, in kwantu din hija mogħtija permanentement, tali possibbiltà tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, jiġifieri, kif jirriżulta mis-sitt premessa tad-Direttiva 75/106, li tippermetti lil dawn iż-żewġ Stati Membri jadattaw irwieħom għad-diffikultajiet li jirriżultaw minn modifika mgħaġġla tal-prinċipju tal-kwantità preskritt mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-organizzazzjoni ta’ forom ġodda ta’ kontroll, kif ukoll bidla fis-sistemi ta’ kejl.
38 Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat, skond din l-istess premessa, li sabiex jiġu megħluba dawn id-diffikultajiet, għandu jkun hemm perijodu ta’ tranżizzjoni li madankollu ma jipprekludix il-kummerċ intrakomunitarju u ma jfixkilx l-implementazzjoni tad-Direttiva 75/106.
39 Għaldaqstant l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 75/106, flimkien ma’ l-imsemmi paragrafu 3(d) hija invalida in kwantu teskludi l-volum nominali ta’ 0,071 litru ta’ gamma Komunitarja armonizzata ta’ volumi nominali li jissemmew fl-Anness III, taqsima 4, Kolonna I ta’ din l-istess Direttiva.
40 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi mressqa għandha tkun:
– l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 75/106 għandu jiġi interpretat fis-sens li imballaġġi minn qabel ta’ volum nominali ta’ 0,071 litru, li jinkludu prodotti elenkati fl-Anness III, taqsima 4 ta’ din id-Direttiva, u li huma legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati fl-Irlanda u fir-Renju Unit, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fl-Istati Membri l-oħra, u li
– l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 75/106, flimkien mal-paragrafu 3(d) ta’ l-istess Artikolu hija invalida in kwantu teskludi l-volum nominali ta’ 0,071 litri ta’ gamma Komunitarja armonizzata ta’ volumi nominali li jissemmew fl-Anness III, taqsima 4, Kolonna I ta’ din id-Direttiva.
Fuq l-ispejjeż
41 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/106/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prekondizzjonament bil-volum ta’ ċerti likwidi f’imballaġġ minn qabel, kif emendata mill-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hi stabbilita l-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li imballaġġi minn qabel ta’ volum nominali ta’ 0,071 litru, li jinkludu prodotti elenkati fl-Anness III, taqsima 4 ta’ din id-Direttiva, u li huma legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati fl-Irlanda u fir-Renju Unit, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fl-Istati Membri l-oħra.
L-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 75/106, kif emendata mill-Att imsemmi, flimkien mal-paragrafu 3(d) ta’ l-istess Artikolu, hija invalida in kwantu teskludi l-volum nominali ta’ 0,071 litru ta’ gamma Komunitarja armonizzata ta’ volumi nominali li jissemmew fl-Anness III, taqsima 4, kolonna I ta’ din id-Direttiva 75/106.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy