Kawża T-48/05
Yves Franchet u Daniel Byk
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Servizz pubbliku — Investigazzjonijiet tal-OLAF — Każ ‘Eurostat’ — Trażmissjoni ta’ informazzjoni lil awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali dwar fatti li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali — Nuqqas li l-uffiċjali kkonċernati u l-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF jiġu informati minn qabel — Kxif ta’ informazzjoni lill-istampa — Żvelar mill-OLAF u mill-Kummissjoni — Ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza — Dannu morali — Rabta kawżali”
Sommarju tas-sentenza
1. Proċedura — Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura — Talba sabiex jiġu rtirati mill-proċess dokumenti interni ta’ istituzzjoni
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 64)
2. Uffiċjali — Rikors għad-danni — Suġġett — Talba għall-kumpens għad-danni subiti minħabba investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)
(Artikoli 235 KE u 236 KE)
3. Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) — Regolament Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF — Kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikolu 10(2) u (3); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396, Artikolu 4)
4. Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi — Ksur tal-obbligu li l-parti kkonċernata tkun informata fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) — Ksur tal-obbligu li l-Kumitat ta’ Sorveljanza jkun informat minn qabel
(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikolu 10(2) u (3); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396, Artikolu 4; Regoli tal-Proċedura tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, Artikolu 2)
5. Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) — Regolament Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF — Għoti ta’ informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikoli 4(5) u 10(2) u (3))
6. Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni — Motivi — Rikors għal kumpens għad-danni subiti minħabba investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikolu 10(2))
7. Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Oneru tal-prova fuq ir-rikorrent — Limiti
(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)
8. Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi — Komunikat stampa tal-amministrazzjoni li jista’ jwassal sabiex wieħed jemmen fl-implikazzjoni ta’ uffiċjal f’irregolaritajiet mingħajr prova tal-ħtija tiegħu
(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikolu 8(2))
9. Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) — Regolament Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF — Drittijiet tad-difiża — Portata — Dritt ta’ aċċess għall-fajls tal-investigazzjoni — Nuqqas ħlief pubblikazzjoni tar-rapport finali
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396, Artikolu 4)
10. Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) — Regolament Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF — Tul tal-proċedura
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikoli 6(5) u 11(7))
11. Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) — Regolament Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF — Kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikolu 12)
12. Uffiċjali — Regoli dixxiplinari — Proċeduri dixxiplinari — Proċeduri dixxiplinari u kriminali mmexxija fl-istess ħin fir-rigward tal-istess fatti
(Regolamenti tal-Persunal, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 88; Anness IX, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 7)
1. Bħala regola ġenerali, it-talba ta’ istituzzjoni sabiex jitneħħa dokument intern mill-proċess li jinsab quddiem il-qorti Komunitarja meta dan ma jkunx inkiseb b’mezzi leġittimi minn min qed jinvokah hija fondata. Fil-fatt, dokument intern huwa ta’ natura kunfidenzjali sakemm l-istituzzjoni li ħarġitu ma tkux aċċettat li tiżvelah. Madankollu, f’ċerti sitwazzjonijiet, mhuwiex neċessarju li r-rikorrent juri li huwa kien kiseb b’mod leġittimu d-dokument kunfidenzjali invokat insostenn tal-argument tiegħu u, filwaqt li jiġu bbilanċjati l-interessi li għandhom jiġu protetti, jeħtieġ li jiġi evalwat jekk ċirkustanzi partikolari, bħan-natura deċiżiva tal-produzzjoni tad-dokument intern sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tar-regolarità tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-att ikkontestat jew sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż ta’ poter, jiġġustifikawx il-fatt li dokument ma jiġix irtirat.
(ara l-punti 77, 79)
2. Talbiet għall-kumpens għad-danni materjali u morali allegatament subiti minn uffiċjal minħabba, minn naħa, it-tmexxija u l-konklużjoni ta’ investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li tindikah b’ismu u eventwalment tattribwixxilu pubblikament ir-responsabbiltà għall-irregolaritajiet ikkonstatati żmien sew qabel deċiżjoni finali tal-qorti nazzjonali kompetenti, u, min-naħa l-oħra, il-mod kif ġabet ruħha l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, ma jistgħux jiġu miċħuda bħala prematuri b’mod illi l-uffiċjal jista’ jressaq tali talba biss wara l-eventwali deċiżjonijiet finali tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Fil-fatt, ir-riżultat eventwali tal-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali ma jistax jaffettwa l-proċeduri quddiem il-qorti Komunitarja għaliex fil-kuntest ta’ dawn it-talbiet għad-danni, il-kwistjoni ma tkunx jekk il-fatti imputati lill-uffiċjal humiex stabbiliti jew le, jew jekk fl-attività professjonali tiegħu huwa wettaqx żbalji jew le, iżda li jiġi eżaminat il-metodu li bih l-OLAF mexxa l-investigazzjoni tiegħu u l-mod kif ġabet ruħha l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, billi l-allegat dannu subit mill-uffiċjal huwa distint minn dak li tista’ tattesta dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ tort mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.
(ara l-punti 90, 91)
3. Mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet, jirriżulta li l-uffiċjal ikkonċernat għandu jkun informat mill-iktar fis bil-possibbiltà tal-implikazzjoni personali tiegħu, meta m’hemmx riskju li dan jagħmel ħsara lill-investigazzjoni, u li, f’kull każ, ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni, fl-aħħar tal-investigazzjoni, li tirrigwarda personalment lil uffiċjal tal-Kummissjoni mingħajr ma l-parti kkonċernata tkun ingħatat il-possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha dwar il-fatti kollha li jikkonċernawha. Il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal kkonċernat jista’ jiġi rrikkonċiljat mal-ħtieġa ta’ kunfidenzjalità li tapplika għal kull investigazzjoni ta’ din in-natura, jikkostitwixxi ksur ta’ formalità sostanzjali applikabbli għall-proċedura ta’ investigazzjoni.
Huwa veru li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 ma jikkonċernax espliċitament t-trażmissjoni ta’ informazzjoni li, skont l-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), l-OLAF jista’ jew għandu, fir-rigward rispettivament ta’ investigazzjonijiet esterni jew interni, jgħaddi lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u għalhekk ma jipprevedix obbligu ta’ notifika lill-uffiċjal ikkonċernat qabel din it-trażmissjoni. Madankollu, jekk informazzjoni bħal din tinkludi “konklużjonijiet li jirrigwardaw personalment” lill-uffiċjal inkwistjoni, dan għandu, fil-prinċipju, ikun informat u mismugħ fir-rigward tal-fatti li jikkonċernawh.
Madankollu, dan l-artikolu jipprovdi eċċezzjoni fir-rigward tal-każijiet li jeħtieġu li tinżamm segretezza assoluta dwarhom għall-finijiet tal-investigazzjoni u li jeħtieġu r-rikors għal mezzi ta’ investigazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali. F’każijiet bħal dawn, l-obbligu li l-uffiċjal jiġi mistieden jesprimi ruħu jista’ jiġi ddifferit bi ftehim mas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni. Għalhekk, sabiex in-notifika tiġi ddifferita hemm bżonn li tiġi sodisfatta l-kundizzjoni doppja tal-bżonn li tinżamm is-segretezza assoluta għall-finijiet tal-investigazzjoni u tal-ħtieġa ta’ rikors għal mezzi ta’ investigazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali. Barra minn dan, għandha tinkiseb approvazzjoni minn qabel mingħand is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni. L-obbligu li tintalab u tinkiseb l-approvazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni mhuwiex sempliċi formalità li tista’, skont il-każ, tkun sodisfatta fi stadju ulterjuri. Fil-fatt, ir-rekwiżit li tinkiseb din l-approvazzjoni jitlef l-iskop tiegħu, jiġifieri dak li jiggarantixxi li d-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjali kkonċernati jiġu rrispettati, li n-notifika tagħhom tiġi ddifferita biss f’każijiet verament eċċezzjonali u li l-evalwazzjoni ta’ din in-natura eċċezzjonali ma taqax biss taħt ir-responsabbiltà tal-OLAF iżda teħtieġ ukoll l-evalwazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni.
(ara l-punti 128-130, 133, 144-146, 151)
4. Id-dispożizzjoni legali li tistipula li l-persuni li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) għandhom ikunu informati u mqiegħda fil-pożizzjoni li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-fatti kollha li jikkonċernawhom, tagħti drittijiet lill-individwi. Ċertament, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet, jagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-OLAF f’każijiet li jeħtieġu li tinżamm segretezza assoluta għall-finijiet tal-investigazzjoni u li jeħtieġu r-rikors għal mezzi ta’ investigazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali, b’mod li l-obbligu li l-uffiċjal jiġi mistieden jesprimi ruħu jista’ jiġi ddifferit bi ftehim mas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni. Madankollu, fir-rigward tal-metodi ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni li n-notifika lill-uffiċjali kkonċernati tiġi ddifferita u fir-rigward tal-verifika tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, l-OLAF m’għandu ebda marġni ta’ diskrezzjoni.
Minn dan jirriżulta li l-OLAF iwettaq ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi meta, fin-nuqqas li jinvoka l-ħtieġa li jsir rikors għal dawn il-mezzi ta’ investigazzjoni u li jitlob l-approvazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni fi żmien utli sabiex jiddifferixxi l-istedina obbligatorja tal-uffiċjal ikkonċernat mill-investigazzjoni sabiex jesprimi ruħu, huwa ma josservax it-termini u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni.
Dan japplika wkoll fil-każ ta’ ksur tal-obbligu impost fuq l-OLAF mill-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF, li jikkonsulta l-Kumitat ta’ Sorveljanza tiegħu qabel it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-persuni kkonċernati. Fil-fatt, minn naħa, anki jekk, skont l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament, il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF ma jinterferixxix fl-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejja, huwa intiż li jipproteġi d-drittijiet tal-persuni li huma s-suġġett tal-investigazzjonijiet għaliex skont l-Artikolu 2 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, huwa “għandu jissorvelja li l-attivitajiet tal-OLAF jitwettqu fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u b’mod konformi mat-Trattati u mad-dritt sekondarju, b’mod partikolari mal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, u mar-Regolamenti tal-Persunal”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprovdi li n-notifika lill-Kumitat ta’ Sorveljanza hija obbliġu mingħajr kundizzjoni u ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-OLAF.
(ara l-punti 146, 153-156, 164, 167-170)
5. L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) mhuwiex obbligat jinforma lill-istituzzjoni kkonċernata minn investigazzjoni interna qabel ma tintbagħat lill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF, l-informazzjoni miksuba fuq fatti li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali. Fil-fatt, minn naħa, it-trażmissjoni lill-istituzzjoni kkonċernata tal-informazzjoni miksuba waqt investigazzjoni interna, skont l-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-regolament hija biss fakultattiva u l-ebda dispożizzjoni ta’ dan l-artikolu ma tipprovdi li t-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandha tkun preċeduta jew flimkien ma’ notifika lill-istituzzjoni kkonċernata. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(5) ta’ dan l-istess regolament, li abbażi tiegħu l-istituzzjoni kkonċernata għandha tkun informata, fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet interni, meta l-investigazzjonijiet jiżvelaw il-possibbiltà ta’ implikazzjoni personali ta’ xi membru, maniġer, uffiċjal jew impjegat ieħor, ma jipprovdi ebda terminu għat-trażmissjoni ta’ din in-notifika, u barra minn dan fih eċċezzjoni li abbażi tagħha l-OLAF jista’ jiddifferixxi n-notifika, fil-każijiet li fid-diskrezzjoni tiegħu, jeħtieġu li tinżamm segretezza assoluta għall-finijiet tal-investigazzjoni.
Fl-aħħar nett, dawn id-dispożizzjonijiet ma fihomx dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-individwi li l-qorti Komunitarja tiggarantixxi r-rispett tagħhom.
(ara l-punti 158, 159, 162)
6. Fil-kuntest ta’ rikors għad-danni intiż għall-kumpens għad-dannu materjali u morali allegatament subit minn uffiċjal minħabba t-tmexxija u l-konklużjoni ta’ investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), motiv ibbażat fuq l-influwenza eżerċitata fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali meta tiġi trażmessa lilhom, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF, informazzjoni li tirrigwarda l-investigazzjoni, u li abbażi tagħha l-OLAF ikun iggwida lil dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji meta kkwalifika bħala kriminali l-fatti kkomunikati, huwa mingħajr effett. Fil-fatt, l-azzjoni li għandha tittieħed mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-informazzjoni mibgħuta lilhom mill-OLAF taqa’ kompletament u unikament taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Għalhekk, huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jivverifikaw jekk tali informazzjoni tiġġustifikax jew teħtieġx li jinbdew proċeduri kriminali. Konsegwentement, il-protezzjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri għandha tiġi żgurata fuq il-livell nazzjonali bil-garanziji kollha previsti mid-dritt intern, inklużi dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali li, billi jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, għandhom ikunu rrispettati wkoll mill-Istati Membri meta jimplementaw leġiżlazzjoni Komunitarja.
(ara l-punti 171-173)
7. Fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, huwa r-rikorrent li għandu juri li l-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE huma sodisfatti. Madankollu din ir-regola hija attenwata meta avveniment dannuż seta’ ġie kkawżat minn numru ta’ kawżi differenti u meta l-istituzzjoni Komunitarja ma tkun ressqet ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit lil liema waħda minn dawn il-kawżi dan il-fatt seta’ jiġi attribwit, minkejja hija kienet fl-aħjar pożizzjoni sabiex tressaq provi f’dan ir-rigward, b’mod li l-oneru li hija tneħħi l-inċertezza jaqa’ fuqha.
(ara l-punti 182, 183)
8. Il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza jitlob li persuna akkużata bi ksur titqies li hija innoċenti sakemm ma tiġix ipprovata l-ħtija tagħha mingħajr l-ebda dubju raġonevoli f’kawża. Madankollu, istituzzjoni ma tistax tkun ostakolata milli tinforma lill-pubbliku fuq investigazzjonijiet miftuħa li jkunu għaddejjin mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) dwar irregolaritajiet imwettqa fi ħdanha. Madankollu, hija għandha tagħmel dan bid-diskrezzjoni u bir-riżervatezza kollha mitluba, filwaqt li tosserva l-ekwilibriju ġust bejn l-interessi tal-uffiċjali kkonċernati u dawk tal-istituzzjoni.
Ix-xandir minn istituzzjoni ta’ komunikat stampa li joħloq, fir-rigward tal-pubbliku, jew għall-inqas fir-rigward ta’ parti minnu, l-impressjoni li uffiċjal kien involut fl-irregolaritajiet imwettqa fi ħdanha, meta l-ħtija tiegħu tkun għadha ma ġietx ipprovata, ma jibqax fil-limiti ta’ dak li huwa ġġustifikat mill-interess tas-servizz u jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, peress li l-istituzzjoni ma tiddisponi minn ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-obbligu impost fuqha li tirrispetta din il-preżunzjoni.
Bl-istess mod, l-OLAF jikser il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza meta, waqt proċeduri ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ uffiċjal, iħalli li tasal għand l-istampa informazzjoni li tirrifletti l-impressjoni li dan huwa ħati ta’ reat kriminali u li tinċita lill-pubbliku jemmen fil-ħtija tiegħu qabel ma qorti tkun tat id-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward. B’dan il-kxif ta’ informazzjoni, l-OLAF jikser ukoll l-obbligu ta’ kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet u, billi jikkawża l-iżvelar lill-istampa ta’ elementi sensittivi tal-investigazzjonijiet, huwa jippreġudika l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn huwa jippermetti lill-pubbliku inġenerali jkollu aċċess, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, għal informazzjoni kunfidenzjali tal-amministrazzjoni. F’dan il-każ, dan il-każ jirrigwarda ksur suffiċjentement serju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet legali, inkwantu huwa l-OLAF li għandu jissorvelja li tali kxif ta’ informazzjoni, li jikser id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, bħall-preżunzjoni tal-innoċenza, ma jseħħx, billi l-amministrazzjoni ma tiddisponi minn ebda marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-osservanza ta’ dan l-obbligu.
(ara l-punti 216, 217, 219, 309-311, 314)
9. L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), mhuwiex obbligat jagħti lill-uffiċjal Komunitarju allegatament ikkonċernat minn investigazzjoni interna – qabel ma tingħata deċiżjoni finali mill-Awtorità tal-Ħatra tiegħu li tikkawżalu preġudizzju – aċċess għad-dokumenti li jkunu s-suġġett ta’ tali investigazzjoni jew għal dawk redatti mill-OLAF innifsu f’din l-okkażjoni; inkella, l-effikaċja u l-kunfidenzjalità tal-missjoni fdata lill-OLAF kif ukoll l-indipendenza tiegħu jistgħu jiġu ostakolati. B’mod partikolari, is-sempliċi fatt li parti minn fajl kunfidenzjali ta’ investigazzjoni jidher li ġie kkomunikat illegalment lill-istampa ma jiġġustifikax, waħdu, li ssir deroga, favur l-uffiċjal allegatament ikkonċernat, mill-kunfidenzjalità ta’ dan il-fajl u tal-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF. Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal inkwistjoni huwa ggarantit biżżejjed mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet, li ma jobbligax lill-OLAF jagħti aċċess għal dawn id-dokumenti.
Dan l-approċċ ma jmurx kontra r-rispett tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, previst mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li abbażi tiegħu dan id-dritt jinkludi d-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jirrigwardaha, b’osservanza tal-interessi leġittimi ta’ kunfidenzjalità u ta’ segretezza professjonali u tal-kawżi. Għalhekk, l-aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF qabel l-adozzjoni tar-rapport finali tiegħu jista’ jiġi miċħud, skont dan il-prinċipju, meta r-rispett tal-kunfidenzjalità jeżiġi hekk.
L-OLAF lanqas ma huwa obbligat jagħti aċċess għar-rapport finali tal-investigazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, l-ebda wieħed mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 ma jikkonċerna din il-kwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ illegalità fir-rigward tal-OLAF tista’ tiġi stabbilita biss, fid-dawl tal-prinċipju tal-kontradittorju, fil-każ fejn ir-rapport finali jkun ippubblikat jew ikun segwit mill-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju. Jekk dan ir-rapport ikun intbagħat lill-istituzzjoni u lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kkonċernati, hija din l-istituzzjoni u dawn l-awtoritajiet, skont il-każ, li għandhom jagħtu aċċess lill-uffiċjal ikkonċernat għal dan ir-rapport b’mod konformi mar-regoli proċedurali tagħhom stess, sa fejn huma jkollhom l-intenzjoni jadottaw att li jikkawżalu dannu billi jibbażaw ruħhom fuq ir-rapporti finali.
(ara l-punti 255-260)
10. Anki jekk ir-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), ma jipprevedi ebda terminu preċiż u imperattiv għat-twettiq tal-investigazzjonijiet, l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-qorti Komunitarja għandha tiżgura r-rispett tiegħu u li huwa, barra minn dan, imsemmi fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħala li jifforma parti mid-dritt għall-amministrazzjoni tajba. Għaldaqstant, il-proċedura quddiem l-OLAF ma tistax tittawwal lil hinn minn terminu raġonevoli, li għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u l-grad ta’ kumplessità tal-każ.
In-nuqqasijiet tal-organizzazzjoni amministrattiva tad-dipartimenti tal-Kummissjoni meta ġie stabbilit l-OLAF, li l-uffiċjali kkonċernati m’għandhomx ibatu għalihom, ma jistgħux waħedhom jiġġustifikaw termini twal fit-twettiq tal-proċeduri ta’ investigazzjoni u lanqas ma jistgħu jikkostitwixxu eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-Kummissjoni.
(ara l-punti 272-274, 280, 281)
11. Huwa veru li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), l-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF tiġi rrispettata, flimkien mad-drittijiet leġittimi tal-persuni involuti. Madankollu, din id-dispożizzjoni m’għandhiex tiġi interpretata bħala li tqiegħed piż fuq il-Kummissjoni ta’ obbligu ġenerali li tiggarantixxi li l-OLAF, li jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu b’indipendenza assoluta, jirrispetta l-kunfidenzjalità. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mas-subparagrafu ta’ qabel, li abbażi tiegħu d-Direttur Ġenerali tal-OLAF għandu jirrapporta regolarment lill-istituzzjonijiet dwar is-sejbiet ta’ dawn l-investigazzjonijiet filwaqt li jirrispetta dawn l-istess prinċipji. Għalhekk, mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1073/1999 jirriżulta li, fil-każ fejn id-Direttur Ġenerali tal-OLAF ikun ikkomunika lill-istituzzjonijiet, inkluża lill-Kummissjoni, informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet, dawn għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni u d-drittijiet leġittimi tal-persuni kkonċernati fit-trattament ta’ din l-informazzjoni.
(ara l-punt 299)
12. Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprojbixxi lill-Awtorità tal-Ħatra milli tagħti deċiżjoni finali, mill-aspett dixxiplinari, dwar is-sitwazzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat billi tippronunzja ruħha dwar fatti li fl-istess ħin ikunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali sakemm id-deċiżjoni mogħtija mill-qorti kriminali li quddiemha jkun tressaq il-każ ma tkunx saret finali, ma jagħtihiex setgħa diskrezzjonali. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju li abbażi tiegħu “l-proċedur[i] kriminali [j]żomm[u] sospiż[i] d[aw]k dixxiplinar[i]”, li huwa ġġustifikat b’mod partikolari mill-fatt li l-qrati kriminali nazzjonali għandhom poteri investigattivi iktar wiesgħa minn dawk li għandha l-Awtorità tal-Ħatra. Għaldaqstant, fil-każ fejn l-istess fatti jistgħu jammontaw għal reat kriminali u għal ksur tal-obbligi tal-uffiċjal taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni hija marbuta mill-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti kriminali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali. Meta din il-qorti tkun ikkonstatat l-eżistenza tal-fatti tal-każ, l-amministrazzjoni tkun tista’ sussegwentement tikkwalifikahom legalment fid-dawl tal-kunċett ta’ nuqqas dixxiplinari billi, b’mod partikolari, tivverifika jekk dawn jikkostitwixxux nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal.
(ara l-punti 341, 342)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)
8 ta’ Lulju 2008 (*)
“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Servizz pubbliku – Investigazzjonijiet tal-OLAF – Każ ’Eurostat’ – Trażmissjoni ta’ informazzjoni lil awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali dwar fatti li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali – Nuqqas li l-uffiċjali kkonċernati u l-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF jiġu informati minn qabel – Kxif ta’ informazzjoni lill-istampa – Żvelar mill-OLAF u mill-Kummissjoni – Ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza – Dannu morali – Rabta kawżali”
Fil-kawża T-48/05,
Yves Franchet, ex uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Nizza (Franza),
Daniel Byk, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),
irrappreżentati minn G. Vandersanden u L. Levi, avocats,
rikorrenti
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J.-F. Pasquier, bħala aġent,
konvenuta
li għandha bħala suġġett talba għall-kumpens għad-dannu materjali u morali allegatament subit minħabba żbalji allegatament imwettqa mill-Kummissjoni u mill-OLAF fil-kuntest tal-investigazzjonijiet relattivi għall-każ “Eurostat”,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili (Relatur) u T. Tchipev, Imħallfin,
Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
1 L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), imwaqqaf permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom, tat-28 ta’ April 1999 (ĠU L 136, p. 20), għandu jkun responsabbli, b’mod partikolari, li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi fi ħdan l-istituzzjonijiet maħsuba sabiex jinvestigaw fatti serji, relatati mal-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali, li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-obbligi tal-uffiċjali u impjegati tal-Komunitajiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri dixxiplinari u, jekk ikun il-każ, għal proċeduri kriminali.
2 Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF (ĠU L 136, p. 1), jirregola l-ispezzjonijiet, kontrolli u miżuri oħra meħuda mill-impjegati tal-OLAF fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom. L-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF jikkonsistu f’investigazzjonijiet “esterni”, jiġifieri barra mill-istituzzjonijiet tal-Komunità, u f’investigazzjonijiet “interni”, jiġifieri fi ħdan dawn l-istituzzjonijiet.
3 Il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1073/1999 tiddisponi:
“Billi dawn l-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew skond it-Trattat u partikolarment skond il-Protokoll dwar il-privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, waqt li jirrispettaw ir-Regolamenti tal-Persunal ta’ uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ impjegati oħra […] u b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ l-imparzjalità, għad-dritt tal-persuni iinvoluti li jesprimu ruħhom dwar il-fatti li jikkonċernawhom u għall-prinċipju li l-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni jistgħu jkunu bażati biss fuq elementi li għandhom valur bħala xiehda [probatorju]; Billi għal dak il-għan l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji għandhom jistipulaw it-termini u l-kondizzjonijiet li taħthom isiru dawk l-investigazzjonijiet interni; Billi konsegwentement ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu emendati sabiex jistipulaw id-drittijiet u l-obbligi ta’ uffiċjali u impjegati oħra fir-rigward ta’ investigazzjonijiet interni”.
4 Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 1073/1999 tiddisponi:
“Billi huwa f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji, skond il-każ, li jiddeċiedu x’azzjoni għandha tittieħed dwar investigazzjonijiet li jkunu tlestew fuq il-bażi tar-rapport imħejji mill-[OLAF]; Billi madankollu għandu jkun id-dmir tad-Direttur ta’ l-[OLAF] li jibgħat direttament lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru iinvolut l-informazzjoni miġbura mill-[OLAF] waqt l-investigazzjonijiet interni dwar sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali”.
5 L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1073/1999 huwa fformulat kif ġej:
“Investigazzjonijiet interni
1. Fl-oqsma li għalihom issir referenza f’Artikolu 1, l-[OLAF] għandu jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi fi ħdan istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji […]
Dawn l-investigazzjonijiet interni għandhom jitwettqu bla ħsara għar-regoli tat-Trattati, partikolarment il-Protokoll dwar privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, u b’attenzjoni xierqa għar-Regolamenti il-Persunal tal-Persunal taħt il-kondizzjonijiet u skond il-proċeduri stabbiliti minn dan ir-Regolament u d-deċiżjonijiet adottati minn kull istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija. L-istituzzjonijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar ir-regoli li għandhom jiġu stabbiliti minn dawk id-deċiżjonijiet.
[…]
5. Meta l-investigazzjonijiet jisvelaw li xi membru, maniġer, uffiċjal jew impjegat ieħor jista’ jkun personalment iinvolut, l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija ta’ min ikun għandhom jipu infurmati.
F’każijiet li jkunu jeħtieġu segretezza assoluta għall-iskopijiet ta’ l-investigazzjoni jew li jkunu jeħtieġu rikors għal mezzi ta’ investigazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali, l-għoti ta’ dik l-informazzjoni jista’ jiġi differit.
[…]”
6 Skond l-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 1073/1999:
“L-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew kontinwament matul perjodu li għandu jkun proporzjonat għaċ-ċirkostanzi u l-komplessità tal-każ.”
7 L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1073/1999, intitolat “Il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta’ l-informazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:
“1. L-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet esterni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun protetta mid-dispożizzjonijiet relevanti.
2. L-informazzjoni mibgħuta jew miksuba matul l-investigazzjonijiet interni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun soġġetta għas-segretezza professjonali mogħtija mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej.
Din l-informazzjoni m’għandhiex tiġi komunikata lil persuni oħra ħlief lil dawk fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej jew fl-Istati Membri li minħabba l-funzjonijiet tagħhom jeħtieġu li jkunu jafu, u l-anqas ma tista’ tintuża għal skopijiet oħrajn apparti mill-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni jew kull attività oħra illegali.
3. Id-Direttur għandu jagħmel ċert li l-impjegati ta’ l-[OLAF] u l-persuni l-oħra li jkunu qegħdin jaġixxu taħt l-awtorità tiegħu josservaw id-dispożizzjonijiet tal-Komunità u daw[k] nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali, partikolarment dawk li hemm provdut dwarhom fid-Direttiva 95/46/KE ta’ l-Parlament Ewropew u ta l-Kunsill ta’ l-24 Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali u l-moviment liberu ta’ dik l-informazzjoni [ĠU L 281, p. 31].
4. Id-Direttur ta’ l-[OLAF] u l-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 11 għandhom jiżguraw li dan l-Artikolu u Artikoli 286 [KE] u 287 [KE] tat-Trattat jiġu applikati.”
8 L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1073/1999, intitolat “Ir-rapport ta’ l-investigazzjoni u l-azzjoni meħuda wara l-investigazzjonijiet”, jiddisponi:
“1. Malli titlesta investigazzjoni mwettqa mill-[OLAF], dan ta’ l-aħħar għandu jħejji rapport, taħt l-awtorità tad-Direttur, li jispeċifika l-fatti stabbiliti, it-telf finanzjarju, jekk ikun hemm, u s-sejbiet ta’ l-investigazzjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttur ta’ l-[OLAF] dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.
2. Meta jiġu mħejjija dawn ir-rapporti, għandhom jiġu meqjusa r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru iinvolut Ir-rapporti preparati fuq dik il-bażi għandhom jikkostitwixxu prova ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta li huwa meħtieġ, bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali. Għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli ta’ valutazzjoni bħal dawk applikabbli għar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali u huma ta’ valur identiku għal dawk ir-rapporti.
3. Rapporti magħmula wara investigazzjoni esterna u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri in kwistjoni skond ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ investigazzjonijiet esterni.
4. Rapporti mħejjija wara investigazzjoni interna u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija iinvoluta. L-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija għandhom jieħdu dik l-azzjoni, partikolarment dixxiplinarja jew legali, fuq il-bażi ta’ l-investigazzjonijiet interni, skond ir-riżultati ta’ dawk l-investigazzjonijiet, u għandha tirraporta dwarha lid-Direttur ta’ l-[OLAF] fit-terminu ta’ żmien minnu stipulat fis-sejbiet tar-rapport tiegħu.”
9 L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1073/1999, intitolat “Informazzjoni mibgħuta mill-[OLAF]”, jiddisponi:
“1. Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8, 9 u 11 ta’ dan ir-Regolament u għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-[OLAF] jista’ f’kull ħin jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri nteressati l-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet esterni.
2. Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8, 9 u 11 ta’ dan ir-Regolament, id-Direttur ta’ l-[OLAF] għandu jibgħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru iinvolut l-informazzjoni miksuba mill-[OLAF] waqt investigazzjonijiet interni fi [fuq] kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali. Bla ħsara għar-rekwiżiti ta’ l-investigazzjoni, huwa għandu fl-istess ħin jinforma lill-Istat Membru involut.
3. Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-Regolament, l-[OLAF] jista’ f’kull ħin jibgħat lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija iinvoluti l-informazzjoni miksuba waqt l-investigazzjonijiet interni.”
10 L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1073/1999, intitolat “Kumitat ta’ Sorveljanza”, jiddisponi:
“1. Il-Kumitat tas-Sorveljanza għandu jsaħħaħ l-indipendenza ta’ l-[OLAF] b’sorveljanza regolari mill-qrib ta’ l-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva.
Fuq talba tad-Direttur jew fuq inizjattiva tiegħu stess, il-kumitat għandu jagħti opinjonijiet lid-Direttur dwar l-attivitajiet ta’ l-[OLAF], mingħajr madankollu ma jfixkel it-tmexxija ta’ l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin.
[…]
7. Id-Direttur għandu kull sena jibgħat lill-Kumitat ta’ Sorveljanza l-programm ta’ attivitajiet ta’ l-[OLAF] li ssir referenza għalih f’Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament. Id-Direttur għandu jżomm lill-kumitat informat regolarment dwar l-attivitajiet ta’ l-[OLAF], l-investigazzjonijiet tiegħu, ir-riżultati tagħhom u l-azzjoni meħuda fuqhom. Meta investigazzjoni tkun ilha għaddejja għal aktar minn disa’ xhur, id-Direttur għandu jinforma lill-Kumitat ta’ Sorveljanza bir-raġunijiet li minħabba fihom ma kienx possibbli li tingħalaq l-investigazzjoni, u biż-żmien meta huwa mistenni li titlesta. Id-Direttur għandu jinforma lill-Kumitat dwar każijiet fejn l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija in kwistjoni jkunu naqsu milli jaġixxu fuq ir-rakomandazzjonijiet magħmula minnu. Id-Direttur għandu jinforma lill-kumitat dwar każijiet li jkunu jeħtieġu li xi informazzjoni tintbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru.
[…]”
11 It-tieni u t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 1073/1999 jiddisponu:
“Id-Direttur għandu jirraporta regolament lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta’ l-Awdituri dwar is-sejbiet ta’ l-investigazzjonijiet imwettqa mill-[OLAF], waqt li jirrispetta l-kunfidenzjalità ta’ dawk l-investigazzjonijiet, id-drittijiet leġittimi tal-persuni iinvoluti u, fejn ikun xieraq, id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għal proċedimenti ġudizzjarji.
L-istituzzjonijiet hawn fuq imsemmija għandhom jiżguraw li l-kunfidenzjalità ta’ l-investigazzjonijiet immexxija mill-[OLAF] tiġi rispettata, flimkien mad-drittijiet leġittimi tal-persuni iinvoluti, u, fejn ikunu nbdew proċeduri ġudizzjarji, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha applikabbli għal dawk il-proċedimenti jkunu ġew imħarsa.”
12 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396/KE, KEFA, Euratom, tat-2 ta’ Ġunju 1999, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet (ĠU L 149, p.57), tipprovdi fl-Artikolu 4 tagħha, il-metodi għan-notifika lill-parti kkonċernata bil-mod segwenti:
“Fejn l-implikazzjonijiet possibbli ta’ Membru, uffiċjal jew impjegat tal-Kummissjoni isiru evidenti, il-parti interressata [kkonċernata] għandha tkun informata malajr, basta dan ma jkunx ta’ ħsara għall-investigazzjnijiet. Għal kull fini, konkluzjonijiet li jirreferu bl-isem dwar xi Membru, uffiċjal jew impjegat tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu magħmula ġaladarba l-investigazzjoni tkun għal kollox lesta mingħajr mal-parti interessata [kkonċernata] kienet setgħat tagħti l-opinjonijiet tagħha dwarhu.
F’każijiet li jinħtieġu li tinżamm is-segretezza assoluta għal fini ta’ l-investigazzjonijiet u li jkollhom il-ħtieġa ta’ proċeduri invetigativi li jaqgħu fil-jurisdizzjoni ta’ l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali, l-obbligazzjoni li tistieden lill-membru, l-uffiċjal u l-impjegat tal-Kummissjoni biex jagħtu il-fehmiet tagħhom tista titħalla biex dawn jiġu deċiżi flimkien ma’ l-President tal-Kummissjoni jew mas-Segretarju Ġenerali tagħha rispettivament.”
13 Skont l-Artikolu 2 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF (ĠU 2000, L 41, p. 12), intitolat “Rispett tal-legalità”:
“Il-kumitat għandu jissorvelja li l-attivitajiet tal-OLAF jitwettqu fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u b’mod konformi mat-Trattati u mad-dritt sekondarju, b’mod partikolari mal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, u mar-Regolamenti tal-Persunal”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
14 Skont l-Artikolu 14(1) sa (3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF:
“1. Il-laqgħat tal-Kumitat tas-Sorveljanza mhumiex ippubblikati. Id-deliberazzjonijiet kif ukoll id-dokumenti ta’ kull tip li wasslu għal dawn id-deliberazzjonijiet huma kunfidenzjali, sakemm il-Kumitat ta’ Sorveljanza ma jiddeċidix mod ieħor.
2. Id-dokumenti u informazzjoni ppreżentata mid-Direttur tal-OLAF huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 [KE] dwar il-protezzjoni tas-sigriet.
3. Il-Kumitat ta’ Sorveljanza jiddeċiedi fuq il-bażi ta’ dokumenti u ta’ abbozzi ta’ opinjonijiet, ta’ rapporti jew ta’ deċiżjonijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
15 L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, dwar id-dritt għal smigħ xieraq, jiddisponi:
“[…]
2. Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm ma jiġix pruvat ħati skond il-liġi.
3. Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin:
a) li jkun informat minnufih, b’lingwa li jifhem u bid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni ta’ l-akkuża kontra tiegħu;
b) li jkollu żmien u faċilitajiet xierqa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu;
[…]”
16 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, stabbilita fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU 2000, C 364, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Karta”) tipprovdi:
“Artikolu 41
Id-dritt għal amministrazzjoni tajba
1. Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.
2. Dan id-dritt jinkludi:
– id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;
– id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju;
– l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.
3. Kull persuna għandha d-dritt li l-Unjoni tagħmel tajjeb għal danni kkaġunati mill-istituzzjonijiet jew l-uffiċjali tagħha fil-qadi ta’ dmirijiethom, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta’ l-Istati Membri.
[…]
Artikolu 48
Il-preżunzjoni ta’ l-innoċenza u dritt għad-difiża
1. Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.
2. Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
17 Ir-rikorrenti, Yves Franchet u Daniel Byk huma, rispettivament, l-ex Direttur Ġenerali u l-ex Direttur tal-Eurostat (l-Uffiċcju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej).
18 Bosta verifiki interni tal-Eurostat urew numru ta’ irregolaritajiet fit-tmexxija finanzjarja. Bħala konsegwenza, l-OLAF fetaħ bosta investigazzjonijiet dwar, b’mod partikolari, il-kuntratti konklużi mill-Eurostat mal-kumpanniji Eurocost, Eurogramme, Datashop, Planistat u CESD Communautaire u s-sussidji mogħtija lilhom.
19 Fl-4 ta’ Lulju 2002, l-OLAF ikkomunika lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi fajl dwar l-investigazzjoni li tirrigwarda l-Eurocost kif ukoll fajl ieħor dwar l-investigazzjoni li tirrigwarda l-Eurogramme.
20 Fit-13 ta’ Novembru 2002, Y. Franchet indirizza ittra lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF, ifformulata kif ġej:
“[…]
Sirt naf mill-Cocobu li inti tajthom informazzjoni li tirrigwarda l-fajls li inti bgħatt lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi, informazzjoni li jien m’għandix; qrajt fil-perjodiku Stern li inti identifikajt lill-Eurostat ’serje ta’ każijiet’, li dwarhom is-servizzi tiegħek ma kkomunikawli xejn.
[…]”
21 Fit-13 ta’ Marzu 2003, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-każ Eurostat.
22 Fid-19 ta’ Marzu 2003, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF bagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi ittra bis-suġġett “Trażmissjoni ta’ informazzjoni relattiva għal fatti li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali CMS Nru IO/2002/0510 − Eurostat/Datashop/Planistat” (iktar ’il quddiem l-“ittra tad-19 ta’ Marzu 2003”), flimkien ma’ nota ta’ żewġ investigaturi tal-OLAF, indirizzata fl-istess ġurnata lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF, bis-suġġett “Denunzja ta’ fatti li jistgħu jiġu kkwalfikati bħala kriminali CMS Nru IO/2002/0510 − Eurostat/Datashop/Planistat” (iktar ’il quddiem in-“nota tad-19 ta’ Marzu 2003”).
23 Fit-3 ta’ April 2003, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF indirizza nota sommarja lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, fuq l-investigazzjonijiet li għaddejjin dwar il-Eurostat.
24 Fid-19 ta’ Mejju 2003, ir-rikorrenti talbu lill-Kummissjoni “assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex tiġi rrispettata r-reputazzjoni [tagħhom] u d-drittijiet [tagħhom] ta’ difiża kontra l-awturi u dawk li jxerrdu din l-informazzjoni li tiżgwida” u li dawn jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom sabiex id-difiża tagħhom tkun tista’ tiġi żgurata.
25 Fil-21 ta’ Mejju 2003, ir-rikorrenti bidlu t-talba tagħhom stess.
26 Fis-26 ta’ Mejju 2003, ir-rikorrenti indirizzaw żewġ ittri lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF u b’mod partikolari, talbu li jkunu informati “l-iktar malajr possibbli bl-ilmenti u l-akkużi magħmula mill-OLAF” fir-rigward tagħhom sabiex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tas-seduti ffissati għall-aħħar ta’ Ġunju 2003. Għalhekk, huma talbu aċċess għall-fajl kollu. Huma enfasizzaw li ma ġewx informati, u lanqas instemgħu, qabel ma ġew ikkomunikati l-fajls lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Barra minn dan, huma indikaw li “[jidher] ukoll b’mod manifest li [seħħ] kxif ta’ elementi kunfidenzjali lill-istampa mill-OLAF, fejn dan il-kxif ta’ informazzjoni, kien skont il-każ, volontarjament organizzat fil-kuntest ta’ kampanja ta’ malafama u ta’ tqegħid inkwistjoni tal-Eurostat, kif ukoll ta’ persuni oħra f’pożizzjonijiet għolja fi ħdan il-Kummissjoni”.
27 Fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti indirizzaw ukoll żewġ ittri lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF fejn infurmawh li huma kienu saru jafu mill-istampa li l-OLAF kien ressaq quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali fajl li jinkludi akkużi rigward “reati ta’ ksur ta’ fiduċja, ħabi ta’ fiduċja u ta’ ħolqien ta’ kompliċità sabiex isir reat”, li qatt ma nstemgħu mill-OLAF u li kien hemm kxif ta’ informazzjoni. Huma talbu lill-Kumitat ta’ Sorveljanza “[jiddeċiedi] fuq l-imġiba inammissibbli tal-OLAF li, jew [kien] organizza dan il-kxif ta’ informazzjoni, jew ma [kienx] ħa l-miżuri kollha necessari sabiex jevita dan, b’hekk jassumi r-responsabbiltà sħiħa tiegħu fir-rigward [tagħhom] u li jobbliga, min-naħa l-oħra, lill-OLAF, jaċċerta li d-drittijiet fundamentali tagħhom ikunu minn issa ’il quddiem integralment irrispettati”.
28 Fis-26 ta’ Mejju 2003, ir-rikorrenti reġgħu indirizzaw żewġ ittri oħra, rispettivament lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni u lil direttur ġenerali tagħha, fejn talbu lill-Kummissjoni tippreċiża l-kontenut tal-assistenza li din kienet aċċettat li tagħtihom. Huma wkoll talbu li jkunu jistgħu jikkonsultaw l-elementi dwar il-fajl tal-OLAF eventwalment għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.
29 Fil-5 ta’ Ġunju 2003, ir-rikorrenti indirizzaw lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF u talbuh ikollhom aċċess għall-fajl qabel is-seduti previsti għat-tmiem ta’ Ġunju 2003.
30 Fil-11 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni inkarigat lid-dipartiment ta’ Verifika Interna (DVI) jeżamina l-kuntratti konklużi u s-sussidji mogħtija mill-Eurostat fil-kuntest tal-monitoraġġ tal-proċedura ta’ kwittanza. Id-DVI ħejja tliet rapporti, l-ewwel wieħed fis-7 ta’ Lulju, it-tieni fl-24 ta’ Settembru u t-tielet fit-22 ta’ Ottubru 2003.
31 Matul ix-xhur ta’ Ġunju u ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni tal-Kontroll Baġitarju tal-Parlament (Cocobu) iltaqgħat u pproċediet għal skambju ta’ opinjonijiet fuq il-fajl Eurostat, b’mod partikolari, ma’ ċerti membri tal-Kummissjoni.
32 Fit-18 ta’ Ġunju 2003, ir-rikorrenti indirizzaw mill-ġdid lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF fejn enfasizzaw li d-“dritt għal smigħ [jissupponi] li l-parti kkonċernata tkun informata bl-ilmenti lilha kkontestati u li hija jkollha aċċess għall-fajl”, u indikaw li s-seduti previsti għall-aħħar ta’ Ġunju ma setgħux għalhekk iseħħu b’mod regolari. Huma kkonstataw li “s-seduti [setgħu] jitkomplew [w]ara li [seta’] jkun hemm aċċess għall-fajl u l-avukati u l-klijenti tagħhom [setgħu] jkollhom żmien xieraq sabiex jeżaminaw id-dokumenti”.
33 Fit-23 ta’ Ġunju 2003, matul l-ewwel seduta tal-OLAF, Y. Franchet ippreżenta dikjarazzjoni preliminari flimkien ma’ nota ġuridika dwar id-drittijiet tad-difiża. Fil-25 u fis-26 ta’ Ġunju 2003, huwa nstema’ mill-OLAF fuq il-fajl Eurocost. Fis-26 u fis-27 ta’ Ġunju 2003, huwa nstema’ fuq il-fajls Datashop u Planistat u, fit-2 ta’ Lulju 2003, fuq il-fajl CESD Communautaire.
34 Fl-1 ta’ Lulju 2003, P., kap ta’ diviżjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, bagħat nota indirizzata lill-membri tal-Kummissjoni dwar il-laqgħa tal-Cocobu kif ukoll dwar l-iskambju ta’ opinjonijiet mas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni u d-Direttur Ġenerali tal-OLAF tat-30 ta’ Ġunju 2003.
35 Fit-3 u fl-4 ta’ Lulju 2003, D. Byk instema’ mill-OLAF fuq il-fajls Datashop u Planistat. Huwa ppreżenta wkoll dikjarazzjoni preliminari flimkien ma’ nota ġuridika dwar id-drittijiet tad-difiża.
36 Fid-9 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċeduri dixxiplinari kontra r-rikorrenti. Dawn il-proċeduri ġew sospiżi immedjatament minħabba l-fatt li l-investigazzjoni tal-OLAF kienet għada pendenti. Il-Kummissjoni waqqfet ukoll unità multidixxiplinari magħrufa bħala “task-force” (iktar ’il quddiem it-“task-force”).
37 Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni ppubblikat komunikat stampa, intitolat “Il-Kummissjoni tieħu miżuri wara miżapproprazzjoni finanzjarja fil-Eurostat” (IP/03/979).
38 Fis-17 ta’ Lulju 2003, ir-rikorrenti indirizzaw xi ittri lill-President tal-Kummissjoni, fejn informawh bis-sitwazzjoni tagħhom.
39 Fit-22 ta’ Lulju 2003, ir-rikorrenti indirizzaw ittra lill-Kummissjoni, fejn indikaw l-iżbalji li din tal-aħħar allegatament wettqet u li jwasslu għar-responsabbiltà tagħha. Huma wkoll talbu li l-Kummissjoni tikkomunikalhom id-dokumenti msemmija fid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari.
40 Il-proċessi verbali tas-seduti tar-rikorrenti tal-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju u tal-bidu tax-xahar ta’ Lulju ġew redatti fil-11 ta’ Awwissu 2003.
41 Fl-24 ta’ Settembru 2003, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF bagħat lill-President tal-Kummissjoni “sunt tal-każijiet Eurostat attwalment magħluqa”. Skont in-nota ta’ trażmissjoni, “din in-nota sommarja ma [setgħet] bl-ebda mod tkun ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi rapport finali ta’ investigazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 1073/1999” u “[kellha] biss l-għan li tevidenzja l-konklużjonijiet ewlenin li [jirriżultaw] mill-investigazzjonijiet imwettqa”.
42 Dan is-sunt, flimkien ma’ rapport intitolat “Rapport tat-task-force Eurostat (TFES) – Sunt u konklużjonijiet” u nota ta’ informazzjoni dwar il-Eurostat, ibbażat fuq it-tieni rapport intermedjarju redatt mid-DVI, ġew ikkomunikati fl-istess ġurnata lill-Parlament.
43 Fil-25 ta’ Settembru 2003, l-OLAF ħejja r-rapporti tal-investigazzjoni finali, taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1073/1999, fil-każijiet Eurocost, Datashop, Planistat u CESD Communautaire.
44 L-istess ġurnata, il-president tal-Kummissjoni nstema’ mill-Cocobu u huwa tkellem wkoll quddiem il-konferenza ta’ presidenti ta’ gruppi parlamentari tal-Parlament.
45 Fil-25 ta’ Settembru 2003, ir-rikorrenti indirizzaw ittra lill-Kummissjoni fejn irreferew għad-dokumenti kkomunikati fl-24 ta’ Settembru 2003 lill-Parlament. F’din l-ittra, huma osservaw li “[kien] inaċċettabbli li [huma] jkunu pubblikament imqegħda inkwistjoni mingħajr ma jkollhom aċċess għad-dokumenti li [jakkużawhom]” u jistaqsu fuq il-kwistjoni dwar jekk “[kienx] normali li għal darba oħra, [huma] jsiru jafu mill-istampa li huma [kienu] akkużati b’diversi miżapproprazzjonijiet”. Permezz ta’ din l-ittra, huma barra minn dan talbu lill-Kummissjoni tikkomunikalhom dawn ir-rapporti kif ukoll id-dokumenti mitluba permezz tal-ittra tat-22 ta’ Lulju 2003, jiġifieri:
“– in-nota tat-3 ta’ April 2003 (004201) u n-noti tad-19 ta’ Marzu 2003 (003441 u 003440) redatti mill-OLAF;
– ir-rapport tad-DĠ [’]Baġit[’] tal-4 ta’ Lulju 2003 (’DGBUDG Report – Analysis of audit reports on Eurostat systems for grants and procurement’);
– ir-rapport tad-[DVI] tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2003 (’First Interim Report – IAS examination of Eurostat contracts and grants: reportable events’);
– it-tliet rapport ippreparati [mid-DVI], it-task-force u l-OLAF għas-seduta tal-[President tal-Kummissjoni] fil-25 ta’ Settembru 2003”.
46 Fl-1 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-Eurostat, b’effett mill-1 ta’ Novembru 2003. Ġie deċiż li jitneħħa direttorat u post ta’ direttur.
47 Fl-10 ta’ Ottubru 2003, ir-rikorrenti rċevew kopja tar-rapporti finali tal-25 ta’ Settembru 2003 fil-każijiet Eurocost, Datashop u CESD Communautaire kif ukoll kopja tat-tliet dokumenti kkomunikati lill-Parlament fl-24 ta’ Settembru 2003, imsemmija fil-punt 42 iktar ’il fuq. Fl-istess data, huma rċevew id-dokumenti msemmija fid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, mitluba bl-ittri tat-22 ta’ Lulju u tal-25 ta’ Settembru 2003, ħlief għall-ittra u n-nota tad-19 ta’ Marzu 2003, minħabba li “din [kienet] ittra indirizzata mill-OLAF lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi f’Pariġi u li din tal-aħħar għalhekk [kienet] tagħmel parti integrali minn proċeduri ta’ investigazzjoni fuq livell nazzjonali”.
48 Fit-23 ta’ Ottubru 2003, ir-rikorrenti ppreżentaw talba fuq il-bażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni tagħhom applikabbli f’dan il-każ (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) intiża għall-kumpens għad-danni subiti minħabba żbalji magħmula mill-Kummissjoni, inklużi dawk attribwibbli lill-OLAF.
49 B’deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2004, li r-rikorrenti rċevew fis-17 ta’ Mejju 2004, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet din it-talba.
50 Fid-19 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti ppreżentaw ilment fuq il-bażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2004. Fil-5 ta’ Awwissu 2004, ir-rikorrenti ppreżentaw ilment supplimentari.
51 B’deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2004, innotifikata lir-rikorrenti b’ittra tat-3 ta’ Novembru 2004, l-Awtorità tal-Ħatra espliċitament ċaħdet dan l-ilment.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
52 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.
53 Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, stiednet lill-partijiet jipproduċu ċerti dokumenti u jirrispondu għal ċerti domandi bil-miktub. Huma laqgħu parzjalment dawn it-talbiet fit-termini stabbiliti.
54 Peremzz ta’ digriet tas-6 ta’ Ġunju 2007, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 65(b) sa l-Artikolu 66(1) u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti kollha trażmessi lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi fil-kuntest tal-każ Eurostat, filwaqt li pprovdiet li dawn id-dokumenti ma kinux ser ikunu kkomunikati lir-rikorrenti f’dan l-istadju. Hija ssodisfat din it-talba.
55 Fil-11 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-risposti tar-rikorrenti għad-domandi u għat-talbiet sabiex jiġu ppreżentati d-dokumenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-tweġibiet tal-Kummissjoni għal dawn id-domandi u talbiet.
56 It-trattazzjonijiet u r-risposti tal-partijiet għad-domandi orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2007.
57 Matul is-seduta, il-partijiet ikkonfermaw li, fost id-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni wara l-miżura istruttorja ordnata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, l-uniċi dokumenti li r-rikorrenti ma kellhomx kienu l-annessi tan-nota tad-19 ta’ Marzu 2003, l-ilment tal-10 ta’ Lulju 2003 u r-rapport finali Planistat. Ir-rikorrenti taw il-permess tagħhom lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tuża’, skont il-każ, l-informazzjoni f’dawn id-dokumenti, li ma ġewx ikkomunikati lilhom, u dan il-fatt tniżżel fil-proċess verbali. Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset neċessarju tuża’ biss id-dokumenti li r-rikorrenti kienu jiddisponu minnhom.
58 Matul is-seduta, wara t-talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ppreżentat nota tal-OLAF tas-16 ta’ Mejju 2003. Ir-rikorrenti ma kkontestawx din il-preżentata, u att ta’ dan ittieħed fil-proċess verbali.
59 Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tikkundana lill-Kummissjoni tħallashom somma li provviżorjament ġiet ikkwantifikata għal EUR miljun bħala kumpens għad-dannu materjali u morali tagħhom;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
60 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
61 Insostenn tar-rikors għad-danni tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw l-eżistenza ta’ żbalji mwettqa kemm mill-OLAF kif ukoll mill-Kummissjoni, ta’ dannu materjali u morali gravi kif ukoll ta’ rabta kawżali diretta bejn l-allegati żbalji mwettqa u d-dannu li rriżulta minnhom.
62 L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-preżentata mir-rikorrenti ta’ ċerti dokumenti tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, annessi mar-rikors.
63 Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li r-rikors għad-danni huwa parzjalment prematur.
I – Fuq it-talba għall-irtirar ta’ ċerti annessi mir-rikors
A – L-argumenti tal-partijiet
64 Il-Kummissjoni titlob li ċerti dokumenti tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF ippreżentati mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħhom jitħallew barra mill-proċess. Dawn jikkonsistu f’sitt annessi tar-rikors.
65 Minn-naħa, il-Kummissjoni ssostni li dawn id-dokumenti huma ta’ natura interna u mhumiex intiżi sabiex jsiru pubbliċi. Min-naħa l-oħra, huma inkisbu mir-rikorrenti b’mezzi illegali u għaldaqstant, għandhom, jitħallew barra mill-proċess, inklużi r-referenzi u ċ-ċitazzjonijiet imsemmija fir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1981, Ludwigshafener Walzmühle Erling et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 197/80 sa 200/80, 243/80, 245/80 u 247/80, Ġabra p. 3211, punti 13 sa 16).
66 Il-Kummissjoni tenfasizza li dokumenti interni kunfidenzjali jistgħu jiġu ppreżentati minn rikorrenti insostenn tar-rikors tagħhom biss jekk dawn jistgħu juru li kisbuhom b’mezzi leġittimi.
67 Issa, f’dan il-każ, id-dokumenti inkwistjoni huma dokumenti interni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF u, skont l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dan, dawn huma kunfidenzjali. Il-Kumitat ta’ Sorveljanza qatt ma ddeċieda li jneħħi l-kunfidenzjalità li hija marbuta ma’ dawn id-dokumenti u li jagħhmilhom pubbliċi, u lanqas li jikkomunikahom lir-rikorrenti fil-kuntest tad-difiża tagħhom. Billi dawn huma dokumenti intiżi li jibqgħu purament interni, il-fatt li dawn id-dokumenti m’għandhomx imsemmi “kunfidenzjali” mhuwiex ta’ natura li jtelfilhom il-kunfidenzjalità tagħhom.
68 F’kull każ, skont il-Kummissjoni, huma r-rikorrenti li għandhom jindikaw permezz ta’ liema mezzi leġittimi setgħu jiksbu dawn id-dokumenti, pereżempju b’talba għal aċċess segwita minn risposta favorevoli tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF. Il-preżentata mir-rikorrenti ta’ attestazzjonijiet li juru li huma la ħadu, la serqu u la interċettaw ebda dokument intern ipprovdut mis-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, fatt li l-Kummissjoni qatt ma akkużathom bih, ma tikkostitwixxix ġustifikazzjoni tal-ksib b’mod leġittimu ta’ dawn id-dokumenti.
69 Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, ebda minn dawn id-dokumenti mhuwa ta’ natura li jipprova b’kwalunkwe mod l-allegati żbalji tal-OLAF jew tal-Kummissjoni.
70 Ir-rikorrenti jikkontestaw in-natura kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumeni kif ukoll il-fatt li dawn inkisbu b’mezzi illegali.
71 Ir-rikorrenti jenfasizzaw li jekk, fi proċess bħal dak f’din il-kawża, li fil-kuntest tagħha qed jiġi mitlub il-kumpens għal dannu, mhuwiex possibbli li wieħed jikkumenta u lanqas li jkun hemm aċċess għal dokumenti li effettivament jipprovaw l-iżbalji mwettqa mill-OLAF u mill-Kummissjoni, li huma elementi essenzjali għall-assunzjoni ta’ responsabbiltà, huwa ċar li jkun hemm tfixkil gravi u effettiv għar-rispett integrali tad-drittijiet tad-difiża u għal protezzjoni effettiva.
72 Ir-rikorrenti jsostnu li d-dokumenti inkwistjoni jikkonfermaw il-pożizzjoni tagħhom f’dak li jirrigwarda l-kritika tagħhom fir-rigward tal-funzjonament tal-OLAF, li hija r-raguni reali għalfejn il-Kummissjoni tikkontesta l-produzzjoni tagħhom.
B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
73 Il-Kummissjoni tqis li ċerti annessi tar-rikors huma dokumenti interni kunfidenzjali tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF li ma nkisbux b’mod regolari mir-rikorrenti. Dawn huwa d-dokumenti li ġejjin:
– il-verbatim tal-intervent tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, quddiem il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, tat-3 ta’ Settembru 2003; dan ma ġiex imwissi b’din ir-reġistrazzjoni matul l-intervent tiegħu u iktar tard ġie żgurat mill-President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza li dan id-dokument kien ser jibqa’ purament intern għal dan il-kumitat u għas-segretarjat tiegħu;
– in-nota tas-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għall-attenzjoni tal-President ta’ dan tal-aħħar u ta’ membru ta’ dan il-kumitat, tal-5 ta’ Marzu 2003;
– in-nota tas-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għall-attenzjoni tal-President ta’ dan tal-aħħar, tas-27 ta’ Mejju 2003;
– il-minuti tal-laqgħa tat-2 u tat-3 ta’ Settembru 2003 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza;
– ir-rapport tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, tal-15 ta’ Jannar 2004, li nħareġ fuq talba tal-Parlament fir-rigward ta’ kwistjonijiet proċedurali mqajma mill-investigazzjonijiet immexxija fil-każ Eurostat;
– in-nota informattiva tas-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, tal-10 ta’ Ottubru 2003, fuq l-iżvilupp tal-investigazzjonijiet tal-OLAF fil-każ Eurostat u r-riperkussjonijiet tagħhom fuq is-sitwazzjoni tal-OLAF.
74 Għandu jiġi rrilevat li la eventwali natura kunfidenzjali tad-dokumenti inkwistjoni u lanqas il-fatt li dawn id-dokumenti eventwalment inkisbu b’mod illegali ma jimpedixxihom milli jinżammu fil-proċess.
75 Fil-fatt, mhemmx dispożizzjoni li tipprovdi espressament il-projbizzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi illegalment miksuba, per eżempju bi ksur tad-drittijiet fundamentali.
76 Ċertament, fis-sentenza Ludwigshafener Walzmühle Erling et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, invokat mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, peress illi kien dubju kemm fuq in-natura tad-dokument ikkontestat kif ukoll fuq il-kwistjoni dwar jekk l-intervenjenti kinux kisbuh b’mezzi leġittimi, id-dokument kellu jitneħħa mill-proċess (punt 16).
77 Għalhekk, bħala regola ġenerali, t-talba ta’ istituzzjoni sabiex jitneħħa dokument intern meta dan ma jkunx inkiseb b’mezzi leġittimi minn min qed jinvokah hija fondata. Fil-fatt, dokument intern huwa ta’ natura kunfidenzjali sakemm l-istituzzjoni li ħarġitu ma tkunx aċċettat li tiżvelah.
78 Madankollu, fil-ġurisprudenza sussegwenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li anki dokumenti interni jistgħu, f’ċerti każijiet, jiġu inklużi b’mod leġittimu fil-proċess ta’ kawża (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 1985, Tordeur et, 232/84, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 8, u tal-15 ta’ Ottubru 1986, LAISA vs Il-Kunsill, 31/86, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 5). Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza f’ċerti każijiet aċċettat li tikkunsidra dokumenti li fir-rigward tagħhom ma kienx stabbilit li dawn kienu nkisbu b’mezzi leġittimi.
79 Għalhekk, f’ċerti sitwazzjonijiet, mhuwiex neċessarju li r-rikorrent juri li huwa kien kiseb b’mod leġittimu d-dokument kunfidenzjali invokat insostenn tal-argument tiegħu. Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, filwaqt li pproċediet għal ibbilianċjar tal-interessi li għandha tipproteġi, li jeħtieġ li jiġi evalwat jekk ċirkustanzi partikolari, bħan-natura deċiżiva tal-produzzjoni tad-dokument sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tar-regolarità tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T-192/99, Ġabra p. II-813, punti 33 u 34) jew sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Frar 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-280/94, Ġabra SP p. I-A-77 u II-239, punt 59), jiġġustifikawx il-fatt li dokument ma jiġix irtirat.
80 Hemm lok li jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, il-kuntest speċifiku ta’ dan ir-rikors jippermetti li jiġi kkunsidrat li d-dokumenti inkwistjoni għandhom jinżammu fil-proċess. Fil-fatt dawn id-dokumenti huma neċessarji sabiex tiġi evalwata l-imġiba tal-OLAF fil-kuntest tal-investigazzjonijiet dwar il-Eurostat. Għaldaqstant, in-natura partikolari ta’ dan ir-rikors li fil-kuntest tiegħu r-rikorrenti jridu juru l-illegalità tal-imġiba tal-OLAF tiġġustifika li dawn id-dokumenti ma jitneħħux mill-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dunnett et vs BEI, punt 79 iktar ’il fuq, punti 33 u 34).
81 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li dawn huma dokumenti preparatorji tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, li l-kompitu tiegħu, skont l-Artikolu 2 tar- Regoli tal-Proċedura tiegħu, huwa li jiżgura “li l-attivitajiet tal-OLAF jitwettqu fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u b’mod konformi mat-Trattati u mad-dritt sekondarju, b’mod partikolari mal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, u mar-Regolamenti tal-Persunal” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif ukoll verbatim tal-intervent tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni quddiem dan il-kumitat. Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat, li r-rikorrenti jinsabu f’sitwazzjoni diffiċli ssbiex juru l-eventwali natura illegali tal-imġiba tal-OLAF. Fl-aħħar nett, hemm lok li jingħad li dawn id-dokumenti jistgħu juru l-fatti li r-rikorrenti jakkużaw lill-OLAF bihom u għalhekk jistgħu jkollhom ċerta importanza għas-soluzzjoni ta’ din il-kwistjoni.
82 Konsegwentement, fid-dawl tan-natura tad-dokumenti inkwistjoni u taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kwistjoni, hemm lok li t-talba għall-irtirar ta’ dawn id-dokumenti tiġi miċħuda.
II – Fuq in-natura prematura tar-rikors
A – L-argumenti tal-partijiet
83 Il-Kummissjoni tqis li l-parti ’l kbira tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward tal-allegati irregolaritajiet mwettqa matul il-proċedura ta’ investigazzjoni huma ta’ natura prematura.
84 Il-Kummissjoni tippreċiża li hija ma eċepixxietx l-inammissibbiltà tar-rikors iżda li hija tinvoka n-natura prematura tar-rikors, għaliex hija tqis, minn naħa, li ċerti motivi tar-rikorrenti, dwar żbalji proċedurali mwettqa minnha jew mill-OLAF, jistgħu jiġu evalwati biss fid-dawl tal-konsegwenzi li dawn l-żbalji jista’ jkollhom fuq deċiżjoni finali sussegwenti fil-proċeduri kriminali jew dixxiplinari (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 1992, Cimenteries CBR etvs Il-Kummissjoni, T-10/92 sa T-12/92 u T-15/92, Ġabra p. II-2667, punt 48) u, min-naħa l-oħra, li, anki jekk żbalji jistgħu jiġu attribwiti lilha jew lill-OLAF, l-evalwazzjoni tad-dannu subit ivarja skont is-sens tad-deċiżjonijiet kriminali u/jew dixxiplinari li jirrigwardawhom. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-allegat dannu morali hija kkorrelatata mal-grad tagħhom ta’ “tort” u l-konsegwenzi tal-iżbalji tal-OLAF jew tal-Kummissjoni, f’każ fejn dawn jiġu stabbiliti, ma jistgħux jiġu evalwati mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni eventwali żbalji tar-rikorrenti.
85 Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1979, Granaria vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (90/78, Ġabra p. 1081, punt 6), u tirreferi għall-possibbiltà għall-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi, fl-ewwel fażi tal-proċeduri, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-imġiba tal-OLAF jew tal-Kummissjoni hijiex ta’ natura li twassal għar-responsabbiltà tal-Komunità, waqt illi tirriżerva eventwalment, skont in-natura tal-iżbalji kkunsidrati, il-kwistjoni tal-portata tad-dannu morali għal fażi ulterjuri.
86 Ir-rikorrenti jikkontestaw l-allegata natura prematura tar-rikors u jikkonstataw li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni mhumiex ċari f’dan ir-rigward.
87 Ir-rikorrenti jqisu li r-rikors jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ ammissibbiltà u ta’ bażi neċessarji sabiex iwasslu għar-responsabbiltà tal-Komunità u sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.
88 Xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li rikors għad-danni jippreżenta natura susssidjara meta mqabbel mal-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari u/jew ta’ investigazzjonijiet immexxija mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru. Ikun kuntrarju għall-prinċipju fundamentali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għal amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li avveniment futur u inċert jista’, waħdu, jikkundizzjona u jipparalizza rikors għad-danni bil-konsegwenza li d-dannu jkompli jiżdied u l-persuni kkonċernati jitneħħilhom id-dritt li jiksbu kumpens minnu.
89 Skont ir-rikorrenti, id-dannu subit minnhom inħoloq u jissussisti minn meta l-iżbalji twettqu mill-Kummissjoni u jibqa’ biss jikber maż-żmien.
B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
90 Huwa paċifiku li l-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali għadhom għaddejja. Madankollu, ir-riżultati eventwali ta’ dawn il-proċeduri ma jistgħux jaffettwaw dawn il-proċeduri. Fil-fatt, dawn il-proċeduri ma jikkonċernawx il-kwistjoni jekk il-fatti imputati lir-rikorrenti humiex stabbiliti jew le, peress li din il-kwistjoni ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Għalhekk, din il-kawża, ma tfittix li jsir magħruf jekk fl-attività professjonali tagħhom ir-rikorrenti wettqux żbalji jew le, iżda li jiġi eżaminat il-metodu li bih l-OLAF mexxa u kkonkluda investigazzjoni li tindikahom b’isimhom u eventwalment tattribwixxilhom ir-responsabbiltà għall-irregolaritajiet ikkonstatati pubblikament qabel deċiżjoni finali, kif ukoll il-mod kif ġabet ruħha l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni. Jekk ir-rikorrenti huma kkunsidrati mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali bħala li m’għandhomx tort, tali fatt lanqas ma jirrimedja neċessarjament id-dannu eventuali li dawn kienu xorta waħda sofrew.
91 Għalhekk, billi l-allegat dannu invokat fil-kuntest ta’ dan ir-rikors huwa distint minn dak li tista’ tattesta dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ tort minn naħa tar-rikorrenti mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, it-talbiet għad-danni ma jistgħux jiġu miċħuda bħala prematuri b’mod illi r-rikorrenti jistgħu jressqu tali talba biss wara l-eventwali deċiżjonijiet finali tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.
92 Konsegwentement, billi r-rikors mhuwiex ta’ natura prematura, mhemmx lok li l-eżami tal-kwistjonijiet dwar in-natura u l-portata tad-dannu jiġi rriżervat għal fażi ulterjuri eventwali.
III – Fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità
93 Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal imġiba illegali tal-korpi tagħha, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 288 KE, iridu jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-imġiba allegata fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġiba allegata u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs Il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II 729, punt 44; tas-16 ta’ Ottubru 1996, Efisol vs Il-Kummissjoni, T-336/94, Ġabra p. II-1343, punt 30, u tal-11 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T-267/94, Ġabra p. II-1239, punt 20).
94 Jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jkun miċħud kollu kemm hu mingħajr il-ħtieġa li jkunu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-170/00, Ġabra p. II-515, punt 37; ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-146/91, Ġabra p. I-4199, punti 81).
95 Fir-rigward tal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet, il-ġurisprudenza teżiġi li jkun stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291 punt 42). Għal dak li jirrigwarda l-eżiġenza li l-ksur għandu jkun suffiċjentement serju, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat jekk din l-eżiġenza hijiex sodisfatta huwa dak tan-nuqqas manifest u gravi tal-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata li tosserva l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jekk mhux saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C-312/00 P, Ġabra p. I-11355, punt 54; u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T-198/95, T-171/96, T-230/97, T-174/98 u T-225/99, Ġabra p. II-1975, punt 134).
96 Ir-rikorrenti iqisu li żbalji twettqu kemm mill-OLAF kif ukoll mill-Kummissjoni u li din tal-aħħar biss tista’ tiġi mfittxa għal dawn l-iżbalji kollha. L-OLAF wettaq żbalji kemm fir-rigward tar-rikorrenti kif ukoll fir-rigward tal-Kummissjoni.
97 Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li hemm lok li l-ewwel nett tiġi eżaminata l-kwistjoni li jkun magħruf jekk l-OLAF u/jew il-Kummissjoni wettqux ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi.
A – Fuq l-illegalità tal-imġiba tal-OLAF
1. Fuq l-iżbalji mwettqa meta l-OLAF ittrażmetta fajls dwar il-każ Eurostat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u Lussemburgiżi
a) L-argumenti tal-partijiet
98 L-ewwel nett, ir-rikorrenti jenfasizzaw id-distinzjoni netta eżistenti, f’dak li jirrigwarda t-trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-OLAF, bejn l-investigazzjonijiet esterni u l-investigazzjonijiet interni. Huma jirrilevaw il-konfużjoni li ssir fir-rigward tan-natura tal-investigazzjoni u dik tal-ittra mibgħuta fid-19 ta’ Marzu 2003 lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi. Fil-fatt, skont id-dikjarazzjonijiet tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF quddiem il-Cocobu, fit-30 ta’ Ġunju 2003, kien ikkonċernat “fajl estern” li madankollu kien isemmi l-ismijiet tar-rikorrenti. Issa, l-investigazzjoni kienet ta’ natura purament interna, li kien jeżiġi li l-istituzzjoni kkonċernata tkun informata qabel kull trażmissjoni ta’ informazzjoni esterna.
99 Skont ir-rikorrenti, l-OLAF għalhekk ikkwalifika l-investigazzjonijiet interni tiegħu bħala investigazzjonijiet esterni sabiex ikopri żbalji proċedurali minħabba l-fatt li la l-Kummissjoni u lanqas il-Kumitat ta’ Sorveljanza ta’ din ma kienu ġew informati minn qabel bit-trażmissjoni tal-fajl Eurostat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u Lussemburgiżi mill-OLAF.
100 Wara, ir-rikorrenti jsostnu li huma lanqas ma kienu informati minn qabel bit-trażmissjoni tal-fajls Datashop u Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi mill-OLAF u li Y. Franchet ma kienx ġie informat bit-trażmissjoni tal-fajl Eurocost, li fih D. Byk ma kienx implikat, lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi.
101 Għalhekk, l-OLAF deliberatament naqas milli jagħraf il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ audi alteram partem, id-drittijiet tad-difiża u l-bżonn ta’ investigazzjoni kemm favur kif ukoll kontra, stabbiliti, b’mod partikolari fil-KEDB u fil-Karta.
102 Ir-rikorrenti jnvokaw ukoll l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 u f’dan ir-rigward jirreferu għad-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-26 ta’ April 2002, dwar l-ilment irreġistrat bir-referenza 781/2001/IJH, inkwantu din tirrigwarda l-OLAF, li tgħid li “din id-dispożizzjoni tobbliga lill-OLAF jasal għal konklużjonijiet sfavorevoli għal persuna li dwarha qed imexxi investigazzjoni biss wara li jkun informa lill-persuna kkonċernata bl-allegazzjonijiet dwarha u bil-fatti li jiġġustifikawhom u wara li jkun taha l-opportunità tesprimi l-opinjoni tagħha”, u li fiha l-Ombudsman ikkunsidra li “[kien ikkonċernat] element normali ta’ kull proċedura ta’ investigazzjoni effikaċja u ekwa” u li, “[b]arra minn dan, xhieda li ma [setgħetx] tkun hekk ikkontestata ma [jkollhiex] normalment valur probatorju”.
103 Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni interpetat b’mod wisq restrittiv l-Artikoli 4 u 10 tar-Regolament Nru 1073/1999 kif ukoll l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 u għaldaqstant kisret id-drittijiet fundamentali. Skont tali interpretazzjoni, id-deċiżjoni tal-OLAF li tiddifferixxi l-informazzjoni dovuta lill-istituzzjoni mhijiex bħala prinċipju suxxettibbli għal spezzjoni u l-OLAF għalhekk jista’ jieħu deċiżjoni bħal din sabiex jeżonera ruħu, mingħajr terminu ta’ żmien veru, minn kull obbligu ta’ informazzjoni.
104 Fil-fatt, la l-OLAF u lanqas il-Kummissjoni qatt ma spjegaw f’xiex kienet mitluba segretezza assoluta jew x’kienet il-ġustifikazzjoni għall-allegat bżonn li tiġi ddifferita t-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni, ħlief għan-nota sommarja fuq l-investigazzjonijiet fis-seħħ dwar il-Eurostat, mibgħuta mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, fit-3 ta’ April 2003 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq). Fir-rigward tal-bżonn li tiġi ddifferita t-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-uffiċjal ikkonċernat, sa fejn jafu r-rikorrenti, is-Segretarju Ġenerali qatt ma esprima l-awtorizzazzjoni tiegħu kif meħtieġ mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396.
105 Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll proposta ta’ Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2004, li jemenda r-Regolament Nru 1073/1999 [COM (2004) 103 finali] kif ukoll abbozz ta’ ftehim istituzzjonali tal-14 ta’ Awwissu 2003, intiż li jistabbilixxi kodiċi ta’ kondotta sabiex jiżgura skambju rapidu ta’ informazzjoni bejn l-OLAF u l-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet interni [SEC (2003) 871 konsolidata], li jipprovdi, b’mod partikolari, l-obbligu li jingħata kontenut lill-informazzjoni tal-OLAF. Bl-istess mod, skont il-proposta ta’ regolament li jemenda r-Regolament Nru 1073/1999, l-uffiċjal implikat għandu jinstema’ fil-mument tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, fatt li ma jikkostitwixxix emenda tar-regolament eżistenti, għaliex dan jistabbilixxi biss il-prinċipji fundamentali kontenuti b’mod partikolari fil-Karta, hekk kif fakkret il-Kummissjoni. Ir-rikorrenti jinnotaw li huma nstemgħu mill-OLAF, minħabba li huma talbu għal dan is-smigħ u mhux għaliex stiedinhom l-OLAF.
106 Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, l-OLAF “iggwida” l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi billi ta diġà kwalifiki ta’ natura kriminali lil fatti li huwa emmen li seta’ jidentifika fil-każ Eurostat, fatt li jmur kontra r-rwol tiegħu li huwa li jipproċedi għal investigazzjonijiet amministrattivi. In-nota tad-19 ta’ Marzu 2003, mibgħuta lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, fiha analiżi ġuridika vera u propja skont id-dritt Franċiż tal-fatti rrapportati u tagħtihom kwalifika kriminali fir-rigward tad-dritt Franċiż, u b’hekk tmur ’lil hinn mill-komunikazzjoni ta’ informazzjoni prevista skont ir-Regolament Nru 1073/1999.
107 L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq l-obbligu tal-OLAF li jinfurmaha, li jismahom jew li jinfurmhom minn qabel bit-trażmissjoni ta’ informazzjoni lil awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, tkun xi tkun il-kwalifika tal-investigazzjoni (interna jew esterna).
108 Il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1073/1999, l-OLAF għandu jibgħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru involut l-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet interni fuq kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali, waqt li, fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet esterni, din it-trażmissjoni hija biss sempliċi fakultà. Ebda dispożizzjoni ta’ dan l-artikolu ma tipprovdi li din it-trażmissjoni għandha tkun preċeduta jew fkimkien ma’ informazzjoni lill-istituzzjoni kkonċernata jew minn informazzjoni lill-uffiċjali eventwalment implikati.
109 Il-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1073/1999 u tikkonstata li n-nuqqas ta’ informazzjoni lill-istituzzjoni li jagħmlu parti minnha uffiċjali li jistgħu jiġu implikati personalment jista’ jiġi ġġustifikat mill-bżonn li din l-informazzjoni tiġi ddifferita. Anki fil-każ li rapport bħal dan ma jistax jiġi ġġustifikat f’din il-kwistjoni, l-eventwali nuqqas ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni jibqa’ mingħajr effett fuq ir-regolarità tal-proċedura li tirrigwarda r-rikorrenti billi dawn tal-aħħar bl-ebda mod ma ġew affettwati minn dan in-nuqqas ta’ informazzjoni.
110 Fir-rigward tad-dritt tar-rikorrenti li jinstemgħu jew jiġu informati, il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, in-notifika lill-uffiċjal li jista’ jkun implikat personalment hija suġġetta għall-kundizzjoni li mhemmx ir-riskju li din tkun ta’ ħsara għall-investigazzjoni, u li huwa l-OLAF li għandu jevalwa jekk din il-kundizzjoni teżistix. L-obbligu li tqiegħed lill-parti kkonċernata f’pozizzjoni li tagħti l-opinjonijiet tagħha dwar il-fatti kollha li jikkonċernawha huwa determinanti fil-mument li fih l-OLAF jislet konklużjonijiet insegwitu għall-investigazzjoni, peress li dan l-obbligu jista’ jiġi ddifferit, f’ċerti każijiet speċifiċi, biss bi ftehim mal-President tal-Kummissjoni jew mas-Segretarju Ġenerali tagħha, iżda mhux fil-mument li fih, abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1073/1999, l-OLAF jgħaddi matul investigazzjoni informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru.
111 Barra minn dan, skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, ir-rikorrenti kienu tqegħdu f’pożizzjoni li jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-fatti kollha li jikkonċernawhom qabel mal-OLAF silet il-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet li jirrigwardawhom.
112 Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ikun żbaljat li jiġi affermat li deċiżjoni tal-OLAF li jiddifferixxi l-informazzjoni dovuta lill-istituzzjoni mhijiex fil-prinċipju suġġetta għal stħarriġ, u li dan l-istħarriġ jista’ jsir biss insegwitu għall-investigazzjoni jekk din tibqa’ mingħajr riżultat, jew insegwitu għal proċeduri kriminali u/jew dixxiplinari. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ notifika huwa ġġustifikat mill-ħtieġa ta’ segretezza assoluta għall-finijiet tal-investigazzjoni jew mill-ħtieġa tar-rikors għal proċeduri investigattivi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali, u r-rieda li jsir stħarriġ fuq din il-ġustifikazzjoni fi stadju preċedenti tammonta “għal ċaħda ta’ din ir-regola”.
113 Barra minn dan, il-Kummissjoni tenfasizza li żball jista’ jirriżulta biss mill-ksur tal-kuntest legali eżistenti fil-mument tal-fatti, u mhux mill-ksur ta’ dispożizzjoni li tinsab f’proposta ta’ kuntest legali ġdid ippreżentata wara l-fatti.
114 It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li l-kwalifiki kriminali li l-OLAF jagħti lill-fatti illegali li huwa jgħaddi lil awtorità ġudizzjarja nazzjonali huma biss sempliċi indikazzjonijiet, li bl-ebda mod ma jorbtu lil din tal-aħħar. Dan huwa biss l-espressjoni tal-ħsibijiet tal-aġenti tal-OLAF inkarigati minn dan il-fajl u t-trażmissjoni lil awtorità ġudizzjarja hija ġġustifikata biss jekk l-OLAF iqis li l-fatti inkwistjoni jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali inkarigati mill-OLAF jibqgħu għal kollox ħielsa li jaċċettaw u/jew jillimitaw dan ir-riferiment u li mhijiex responsabbiltà tal-OLAF li jagħti xi istruzzjoni lil dawn l-awtoritajiet.
115 Barra minn dan, ir-rikorrenti jinterpretaw b’mod ħażin il-punt 3.4.3 tar-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2003, dwar l-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-OLAF [COM (2003) 154 finali]. Il-Kummissjoni qatt ma riedet tgħid li l-komunikazzjoni lil awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha bħala effett li torbot lil din l-awtorità f’dak li jirrigwarda r-riżultati bażiċi tal-OLAF, anzi bil-kontra.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza
Fuq l-ikkwalifikar tal-investigazzjonijiet
116 Għandu jiġi mfakkar li, skont ir-Regolament Nru 1073/1999, l-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF jikkonsistu f’investigazzjonijiet esterni, jiġifieri barra mill-istituzzjonijiet tal-Komunità, u f’investigazzjonijiet interni, jiġifieri fi ħdan dawn l-istituzzjonijiet. Ir-regoli proċedurali li għandhom jiġu segwiti mill-OLAF ivarjaw skont in-natura tal-investigazzjoni.
117 Ir-rikorrenti jqisu li l-OLAF ikkwalifika l-investigazzjonijiet interni tiegħu bħala investigazzjonijiet esterni sabiex ikopri żbalji proċedurali. L-investigazzjoni kienet ta’ natura purament interna, li kien jirrikjedi li l-istituzzjoni kkonċernata, il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF u l-uffiċjali implikati jkunu informati dwarha qabel kull trażmissjoni ta’ informazzjoni esterna.
118 Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, effettivament, kien hemm konfużjoni fir-rigward tan-natura tal-investigazzjonijiet differenti inkwistjoni matul l-iżvolġiment tagħhom.
119 F’dan ir-rigward, jirriżulta min-nota sommarja tat-3 ta’ April 2003 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq) li l-OLAF kien ikkwalifika bħala investigazzjonijiet interni l-investigazzjonijiet dwar il-fajls Eurocost (mgħoddijja lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi) u Datashop (mgħoddijja lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi). Fis-“sommarju tal-kawżi Eurostat attwalment magħluqa”, l-investigazzjoni żvolta fil-fajl Eurocost kienet ġiet ikkwalifikata bħala investigazzjoni interna, dik dwar il-fajl Eurogramme bħala investigazzjoni esterna, dik dwar il-fajl CESD Communautaire bħala investigazzjoni interna u dik dwar il-fajl Datashop bħala investigazzjoni interna. Fiha huwa wkoll ikkonstata li l-investigazzjoni interna li tirrigwarda n-netwerk Datashop ippermettiet li jintwera r-rwol ċentrali tal-kumpannija Planistat, raġuni li għaliha l-OLAF fetaħ, fit-18 ta’ Marzu 2003, investigazzjoni esterna fir-rigward ta’ din l-aħħar kumpannija.
120 Jirriżulta minn nota tal-1 ta’ Lulju 2003 (ara l-punt 34 iktar ’il fuq) dwar il-laqgħa tal-Cocobu u l-iskambju ta’ opinjonijiet mas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni u d-Direttur ġenerali tal-OLAF tat-30 ta’ Ġunju 2003 li din il-kwalifika ma kinitx ċara. Fil-fatt, skont din-nota, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF kien qis li l-partijiet interni u esterni kienu jikkoinċidu fil-fajl Eurostat, u b’mod iktar preċiż li, fil-fajls Eurocost u Eurogramme, il-parti esterna kienet kważi magħluqa, li din kienet ġiet mgħoddijja lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi u li l-fajls Datashop u Planistat kellhom l-istess konnessjoni bejn il-parti esterna u interna.
121 Barra minn dan, fir-rapport tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, tal-15 ta’ Jannar 2004, redatt fuq it-talba tal-Parlament fir-rigward ta’ kwistjonijiet proċedurali mqajma mill-investigazzjonijiet dwar il-Eurostat, dan il-kumitat kien ikkonstata li ġej:
“L-OLAF esperjenza wkoll diffikultajiet matul l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament dwar l-investigazzjonijiet interni, minn naħa, u l-investigazzjonijiet esterni, min-naħa l-oħra. Fil-bidu, l-OLAF fetaħ investigazzjonijiet esterni u kien biss meta deher li xi uffiċjali setgħu kienu involuti li nfetħu investigazzjonijiet interni. Dan il-qsim purament amministrattiv tal-istess fajls kien sors ta’ konfużjoni.”
122 Jirriżulta mill-proċess li, għall-inqas fi tmiem l-investigazzjonijiet, il-fajls Eurocost, Datashop u CESD Communautaire kienu fajls interni, waqt li l-fajls Eurogramme u Planistat kienu fajls esterni. Madankollu, minn dan jirriżulta wkoll li l-fajls Datashop u Planistat kienu strettament marbuta.
123 Għandha tiġi ddeterminata n-natura tal-ittra mibgħuta fid-19 ta’ Marzu 2003 lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li, fl-ittra u fin-nota tad-19 ta’ Marzu 2003, ir-referenza ssemmi l-fajl estern Planistat (miftuħ il-jum ta’ qabel), u mhux il-fajl intern Datashop, mhuwiex rilevanti. Tali fatt ma jistax eżenta mill-obbligi proċedurali marbuta mal-investigazzjonijiet interni peress li hemm uffiċjali implikati. Barra minn dan, minkejja r-referenza magħmula għal fajl estern, fin-nota tad-19 ta’ Marzu 2003, l-investigaturi jirreferu għad-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament Nru 1073/1999 dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni miksuba mill-OLAF matul investigazzjonijiet interni. Fl-ittra tad-19 ta’ Marzu 2003, mhuwiex espliċitament speċifikat jekk kinitx ikkonċernata investigazzjoni interna jew esterna. Madankollu, skont is-suġġett tagħha, kien ikkonċernat l-“[g]ħoti ta’ informazzjoni relattiva għal fatti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala kriminali”, fatt li jikkorrispondi għall-kontenut tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni miksuba matul investigazzjonijiet interni fuq kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali. Għalhekk, il-fatt li ma ssirx referenza għall-fajl intern m’għandux bħala konsegwenza li jawtorizza li jiġu injorati d-drittijiet tad-difiża tal-persuni li huma msemmija fih. F’kull każ, wara r-referenza tal-fajl, hemm imsemmi “Eurostat/Datashop/Planistat”. Barra minn dan, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF stess ikkonstata fin-nota tiegħu tat-3 ta’ April 2003 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq) li l-fajl intern Datashop, li fih l-uffiċjali kienu implikati, kien ġie mgħoddi lill-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika ta’ Pariġi (Franza).
124 Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri, it-trażmissjoni tal-fajl Eurocost lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi fl-4 ta’ Lulju 2002 kienet tikkonċerna investigazzjoni interna, bħat-trażmissjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi fid-19 ta’ Marzu 2003.
125 Għalhekk, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-OLAF kisirx dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi meta jingħataw fajls ta’ investigazzjoni interna lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.
Notifika lir-rikorrenti, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF
– Notifika lir-rikorrenti
126 Ir-rikorrenti jqisu li ma ġewx informati minn qabel bit-trażmissjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u li Y. Franchet lanqas ma ġie informat bit-trażmissjoni tal-fajl Eurocost, li fih D. Byk ma kienx implikat, lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi. Għalhekk, l-OLAF kien deliberatament kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ audi alteram partem, id-drittijiet tad-difiża u l-bżonn ta’ investigazzjoni kemm favur kif ukoll kontra, stabbiliti, b’mod partikolari, fil-KEDB u fil-Karta. Huma jirreferu wkoll għall-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396.
127 Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li n-notifika lill-uffiċjali kkonċernati hija prevista biss fil-kuntest tal-investigazzjonijiet interni, fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, li permezz tagħha l-Kummissjoni ddefinixxiet l-implementazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni.
128 Mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4, tad-Deċiżjoni 1999/396, jirriżulta li l-uffiċjal ikkonċernat għandu jkun informat mill-iktar fis bil-possibbiltà tal-implikazzjoni personali tiegħu, meta mhemmx riskju li dan jagħmel ħsara lill-investigazzjoni, u li, f’kull każ, ma tistax tinsilet ebda konklużjoni, fl-aħħar tal-investigazzjoni, li tirrigwarda personalment lil uffiċjal tal-Kummissjoni mingħajr ma l-parti kkonċernata tkun ingħatat il-possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha dwar il-fatti kollha li jikkonċernawha [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2003, Gómez-Reino vs Il-Kummissjoni, C-471/02 P(R), Ġabra p. I 3207, punt 63].
129 Il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal ikkonċernat jista’ jiġi rrikonċiljat mal-ħtieġa ta’ kunfidenzjalità li tapplika għal kull investigazzjoni ta’ din in-natura, jikkostitwixxi ksur ta’ formalità sostanzjali applikabbli għall-proċedura ta’ investigazzjoni (digriet Gómez-Reinovs Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, punt 64).
130 Madankollu, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 ma jikkonċernax espliċitament it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u għalhekk ma jipprevedix obbligu ta’ notifika lill-uffiċjal ikkonċernat qabel din it-trażmissjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1073/1999, l-OLAF jista’ (investigazzjonijiet esterni) jew għandu (investigazzjonijiet interni) jgħaddi informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Din it-trażmissjoni ta’ informazzjoni tista’ għalhekk tippreċedi l-“konklużjonijiet li jirriżultaw in segwitu għall-investigazzjoni”, li huma normalment inklużi fir-rapport ta’ investigazzjoni.
131 Barra minn dan, skont id-digriet Gómez-Reino vs Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq (punt 68), il-konklużjonijiet li wasal għalihom l-OLAF insegwitu għall-investigazzjoni, li jirrigwardaw personalment uffiċjal, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, bilfors huma dawk li jinsabu fir-rapport redatt taħt l-awtorità tad-direttur ta’ dan l-uffiċċju, hekk kif previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1073/1999, u s-segwitu mogħti lill-investigazzjoni interna mill-istituzzjoni kkonċernata seta’ jkun b’mod partikolari dixxiplinari u ġudizzjarju.
132 Għalhekk, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li, fil-mument tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, ma kien jeżisti ebda rapport fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1073/1999 li kien ntbagħat mill-OLAF lill-Kummissjoni u li kien involva personalment lir-rikorrenti.
133 Madankollu, hemm ukoll lok li jiġi eżaminat jekk, eventwalment, l-“informazzjonijiet” mibgħuta lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi u Franċiżi għandhomx jinftehmu fis-sens li dawn fihom “konklużjonijiet li jikkonċernaw personalment” lir-rikorrenti.
134 F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, it-trażmissjoni tal-fajl Eurocost lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi fl-4 ta’ Lulju 2002, huwa indikat fin-nota ta’ trażmissjoni li la Y. Franchet u lanqas ir-rappreżentanti ta’ Eurocost ma kienu nstemgħu mill-OLAF, u dan volontarjament, sabiex ma jiġux kompromessi r-riżultati tal-investigazzjoni ġudizzjarja. Għalhekk mhemmx dubju li Y. Franchet ma nstemgħax fir-rigward ta’ dan il-fajl qabel it-trażmissjoni tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi.
135 F’din in-nota, huwa indikat li Y. Franchet huwa wieħed mill-fundaturi, u kien ukoll il-President, il-Viċi President u membru tal-Eurocost, li huwa kien regolament preżenti fil-laqgħat ġenerali tal-Eurocost u li huwa ffirma l-kuntratt ta’ xogħol tad-Direttur tal-Eurocost fiż-żmien li kien President. Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF jenfasizza li hemm kunflitt ta’ interessi potenzjali u li l-konklużjonijiet ta’ verifika interna jevidenzjaw numru ta’ irregolaritajiet u każijiet ta’ frodi mwettqa mill-persuni responsabbli tal-Eurocost għad-dannnu tal-Eurostat. Fir-rigward tal-“manipulazzjonijiet fil-kontabbiltà sabiex jinħeba frodi għad-dannu tal-Eurostat”, huwa indikat li f’dan ir-rigward kienet ġiet evokata l-eżistenza ta’ ftehim taċitu mal-Eurostat . “Finanzjamenti doppji kif ukoll tripli ta’ ċerti spejjeż” huma wkoll imsemmija.
136 Għandu jitqies li din in-nota ta’ trażmissjoni, li ssemmi espressament lil Y. Franchet f’dak li jirrigwarda kunflitt ta’ interessi potenzjali, għandha tiġi interpretata bħala li tinkludi “konklużjonijiet li jirrigwardaw personalment” lil Y. Franchet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, fin-nota tat-3 ta’ April 2003 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), id-Direttur Ġenerali tal-OLAF indika li, “[b’]ittra tal-10 ta’ Lulju 2002, il-Prosekutur tal-Istat tal-Lussemburgu ma opponiex għas-smigħ tal-uffiċjali inkriminati mill-investigaturi tal-OLAF” u li “d-[D]irettur Ġenerali [tal-Eurostat] seta’ jkun implikat”.
137 It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda t-rażmissjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi fid-19 ta’ Marzu 2003, huwa paċifiku li r-rikorrenti la kienu ġew informati u lanqas ingħataw l-opportunità jesprimu ruħhom fuq il-fajl qabel ma dan ġie mgħoddi. Hemm lok ukoll li jiġi mfakkar li l-ittra tad-19 ta’ Marzu 2003 kellha bħala suġġett l-“[g]ħoti ta’ informazzjoni relattiva għal fatti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala kriminali”, u n-nota mehmuża magħha, id-“[d]enunzja ta’ fatti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala kriminali”.
138 Fl-ittra tad-19 ta’ Marzu 2003, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF indika li, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, “jidher li l-OLAF qiegħed fid-dawl azzjonijiet frawdolenti li kkawżaw dannu lill-baġit Komunitarju u li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala kriminali”, billi ppreċiża li “[l]-investigazzjoni weriet li dawn il-fatti kienu x-xogħol ta’ organizzaturi tal-kumpannija Planistat Europe SA li l-uffiċċju rreġistrat tagħha huwa f’Pariġi, bil-kompliċità attiva ta’ uffiċjali Ewropej”.
139 Fin-nota tad-19 ta’ Marzu 2003, huwa indikat, fil-kuntest ta’ “[k]ronoloġija tal-fatti suġġett tal-investigazzjoni”, fil-punt 2.3, intitolat “Il-konstatazzjonijiet magħmula matul l-investigazzjoni”, li rapport ta’ verifika interna tal-Eurostat ta’ Settembru 1999 dwar id-Datashops li jinstabu fi Brussell (il-Belġju), fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu) u f’Madrid (Spanja), li abbażi tiegħu l-investigazzjoni tal-OLAF kienet inbdiet, “[kien] wera numru ta’ irregolaritajiet imwettqa fil-kuntest tat-tmexxija ta’ dawn it-tliet Datashops matul is-snin 1996 sa l-aħħar tal-1999” u li, “[f’]dan il-każ, parti sinjifikanti tad-dħul mill-bejgħ ’iddikjarat’ minn dawn it-tliet Datashops – bejn 50 u 55 % – kien jiffinanzja fond sigriet li l-użu tiegħu kien suġġett għall-awtorizzazzjoni ta’ uffiċjal tal-[’Eurostat]”.
140 F’din in-nota huwa wkoll imsemmi li “[l]-uniċi li kellhom viżjoni globali ta’ din il-viċenda kollha huma d-diriġenti tal-Groupe Planistat u probabbilment D. Byk, Kap ta’ Diviżjoni mal-Eurostat, ta’ nazzjonalità Franċiża”, li l-irċevuti foloz “kienu mħallsa mill-fond sigriet […] wara approvazzjoni minn Daniel Byk, Direttur tal-Eurostat, ta’ nazzjonalità Franċiża”, li “[m]adwar [EUR] 922 500 [kienu ġew] ifatturati u mħallsa” u li l-“Eurostat, permezz tal-istrataġema tal-fondi sigrieti, [kienet] b’hekk irregolat defiċit sinjifikanti ta’ Planistat Europe SA li normalment kellu jibqa’ fuq il-kontraent tal-Kummissjoni”, waqt li jiġi ppreċiżat li “l-fond sigriet [kien] ukoll serva sabiex jitħallsu spejjeż ta’ restoranti, [ta’] lukandi, [ta’] vjaġġi … ta’ ċerti uffiċjali tal-Eurostat, fosthom D. Byk”.
141 Fil-kuntest tad-deskrizzjoni tar-reati kriminali inkwistjoni, fil-punt 3.1, intitolat “Ksur ta’ fiduċja”, dan li ġej huwa kkonstatat:
“Il-ħolqien minn ċerti uffiċjali Komunitarji ta’ netwerk ta’ operaturi ekonomiċi li wieħed mill-għanjiet tiegħu huwa li jaħbi lill-Kummissjoni parti mid-dħul li ġej mill-bejgħ ta’ prodotti jew minn servizzi statistiċi Komunitarji jista’ jikkostitwixxi użu ħażin ’ta’ fondi, ta’ valuri jew ta’ oġġett kwalunkwe’ kif previsti fl-Artikolu 314-1 tal-Kodiċi Kriminali li jiddefinixxi l-ksur ta’ fiduċja. L-elementi kollha li jikkostitwixxu l-ksur twettqu bil-kompliċità tal-uffiċjali Komunitarji, id-diriġenti tal-grupp Planistat u d-diriġenti tad-Datashops ikkonċernati. L-uffiċjali Komunitarji ma setgħux jinjoraw ir-regolament finanzjarju fis-seħħ li kien jobbligahom jindikaw id-dħul kollu.
Barra minn dan, dawn l-istess uffiċjali Komunitarji ddisponew mis-somom inkwistjoni għal finijiet li mhumiex fl-interess Komunitarju inkwantu dawn il-flus manifestament servew sabiex jitħallsu spejjeż mhux previsti fil-kuntratt tal-kumpannija Planistat Europe SA mal-Kummissjoni jew saħansitra spejjeż personali ta’ dawn l-uffiċjali. L-intenzjoni frawdolenti tirriżulta minn dan l-użu għal finijiet oħra għajr Komunitarji.”
142 Wara li ġiet ittrattata l-kwistjoni tal-ħabi ta’ ksur ta’ fiduċja, dwar il-kumpannija Planistat, huwa indikat, fil-punt 3.3, intitolat “Il-kompliċità sabiex isir reat”, dan li ġej:
“Skont l-Artikolu 450-1 tal-Kodiċi kriminali, ’[j]ikkostitwixxi kompliċità sabiex isir reat kull grupp iffurmat jew ftehim stabbilit bil-għan tal-preparazzjoni, ikkaratterizzata minn fatt materjali wieħed jew iktar, ta’ reat wieħed jew iktar jew ta’ offiża waħda jew iktar punibbli għall-inqas b’ħames snin ħabs …’
Jibqa’ li jiġi mistoqsi jekk din il-kwalifika tistax ukoll tkun użata fil-kuntest ta’ dan il-fajl peress li sabiex sabiex jitwettaq is-sakkeġġ tal-fondi Komunitarji kien hemm il-bżonn tal-assoċjazzjoni bejn l- uffiċjali, id-diriġenti ta’ Planistat u dawk ta’ Datashops li wettqu fatti ta’ ksur ta’ fiduċja.
[…]”
143 Fl-aħħar nett, fil-punt 3.5, intitolat “Applikazzjoni tal-liġi Franċiża għar-reati mwettqa barra mill-pajjiż minn Franċiżi”, huwa indikat:
“[…]
Fil-kuntest ta’ dan il-fajl Yves Franchet, Direttur tal-Eurostat u Daniel Byk, Kap ta’ Diviżjoni mal-Eurostat, it-tnejn li huma uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, ibbażati fil-Lussemburgu, li setgħu organizzaw kompletament jew parzjalment is-sistema huma ta’ nazzjonalità Franċiża.
L-elementi kollha flimkien li ġew żviluppati iktar ’il fuq jippermettu li jiġi affermat li l-OLAF jinsab quddiem operazzjoni kbira ta’ sakkeġġ tal-fondi Komunitarji li għandha fil-bażi tagħha serje ta’ fatti li jistgħu, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti, jiġu kkwalifikati bħala kriminali.
Konsegwentement jaqbel li din in-nota u d-dokumenti annessi jingħaddu lill-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika f’Pariġi.”
144 Jirriżulta b’mod ċar min-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 li din tinkludi “konklużjonijiet li jirrigwardaw personalment” lir-rikorrenti.
145 Konsegwentement, qabel it-trażmissjoni tal-fajl Eurocost lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi, f’dak li jirrigwarda lil Y. Franchet u qabel dak tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, f’dak li jirrigwarda lil Y. Franchet u D. Byk, dawn tal-aħħar kellhom, fil-prinċipju, ikunu informati u mismugħa fir-rigward tal-fatti li jikkonċernawhom, fuq il-bażi tal-Artikolu 4 tad-Deċizjoni 1999/396.
146 Madankollu, dan l-artikolu jipprovdi eċċezzjoni fir-rigward tal-każijiet li jeħtieġu li tinżamm segretezza assoluta dwarhom għall-finijiet tal-investigazzjoni u li jeħtieġu r-rikors għal mezzi ta’ investigazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali. F’każijiet bħal dawn, l-obbligu li l-uffiċjal jiġi mistieden jesprimi ruħu jista’ jiġi ddifferit bi ftehim mas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni. Għalhekk, sabiex in-notifika tiġi ddifferita hemm bżonn li tiġi sodisfatta l-kundizzjoni doppja tal-bżonn li tinżamm is-segretezza assoluta għall-finijiet tal-investigazzjoni u tal-ħtieġa ta’ rikors għal mezzi ta’ investigazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali. Barra minn dan, hemm il-bżonn li tinkiseb approvazzjoni minn qabel mingħand is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni.
147 F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna t-trażmissjoni tal-fajl Eurocost lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi, jirriżulta minn ittra tat-2 ta’ Awwissu 2002 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF li l-ewwel wieħed ta l-approvazzjoni tiegħu sabiex il-persuni kkonċernati ma jiġux infurmati. Huwa mmotiva dan billi indika li, “[w]aqt li jiġi mistenni l-eżistu tad-diskussjonijiet bejn id-departimenti [tagħhom] fir-rigward tal-mod ta’ kif jistgħu jittejjbu l-proċeduri eżistenti, [huwa seta’] jagħti l-approvazzjoni [tiegħu] [lill-]proposta [tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF] li l-persuni kkonċernati fil-każ imsemmi fis-suġġett ma jiġux infurmati”. Għalhekk, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni ma rrefera għall-ebda waħda mill-kundizzjonijiet fuq imsemmija. F’kull każ, din l-approvazzjoni ġiet mogħtija wara t-trażmissjoni tal-fajl inkwistjoni.
148 Fir-rigward tat-trażmissjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, jirriżulta minn nota tat-3 ta’ April 2003, li hija għalhekk sussegwenti għat-trażmissjoni tad-19 ta’ Marzu 2003, li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF kien ikkonstata li uffiċjali tal-Eurostat u tal-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kienu implikati, li din il-parti tal-fajl kienet ġiet mogħtija lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u li kien ġie miftiehem li tiġi ddifferita n-notifika lill-uffiċjali skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 minħabba l-bżonn li tinżamm segretezza assoluta għall-finijiet tal-investigazzjoni. Madankollu ma ssir l-ebda referenza għat-tieni kundizzjoni msemmija iktar ’il fuq.
149 Barra minn dan, b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni kkonfermat li s-Segretarju Ġenerali tagħha “ma [kellux] l-okkażjoni li jagħti l-approvazzjoni tiegħu sabiex jiġi ddifferit l-obbligu li r-rikorrenti jiġu mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom”.
150 Konsegwentement, il-kundizzjonijiet sabiex tiġi applikata l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, li tippermetti li tiġi ddifferita n-notifika, ma kinux sodisfatti f’dan il-każ.
151 Għandu jitqies li l-obbligu li tintalab u tinkiseb l-approvazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni mhuwiex sempliċi formalità li tista’, skont il-każ, tkun sodisfatta fi stadju ulterjuri. Kieku dan kien il-każ, ir-rekwiżit li tinkiseb din l-approvazzjoni jitlef l-iskop tiegħu, jiġifieri dak li jiggarantixxi li d-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjali kkonċernati jiġu rrispettati, li n-notifika tagħhom tiġi ddifferita biss f’każijiet verament eċċezzjonali u li l-evalwazzjoni ta’ din in-natura eċċezzjonali ma taqax biss taħt ir-responsabbiltà tal-OLAF iżda teħtieġ ukoll l-evalwazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni.
152 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-OLAF kiser l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti bit-trażmissjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, kif ukoll l-istess Artikolu u d-drittijiet tad-difiża ta’ Y. Franchet bit-trażmissjoni tal-fajl Eurocost lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi.
153 Ma jistax jiġi kkontestat li d-dispożizzjoni legali miksura f’dan il-każ, li tistipula li l-persuni li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni għandhom ikunu informati u mqiegħda fil-pożizzjoni li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-fatti kollha li jikkonċernawhom, tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2007, Nikolaou vs Il-Kummissjoni, T-259/03, Ġabra p. II-99, punt 263).
154 Ċertament, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 jagħti marġini ta’ diskrezzjoni lill-OLAF f’każijiet li jeħtieġu li tinżamm segretezza assoluta għall-finijiet tal-investigazzjoni u li jeħtieġu r-rikors għal mezzi ta’ investigazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza Nikolaou vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 264). Madankollu, fir-rigward tal-metodi ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni li n-notifika lill-uffiċjali kkonċernati tiġi ddifferita, l-OLAF m’għandu ebda marġini ta’ diskrezzjoni. Bl-istess mod, l-OLAF m’għandu ebda marġini ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-verifika tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396.
155 Hekk kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, it-termini u kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni ma ġewx osservati f’dan il-każ, billi l-OLAF ma invokax il-ħtieġa li jsir rikors għal dawn il-mezzi ta’ investigazzjoni u billi ma talabx, u lanqas kiseb, l-approvazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni fi żmien utli sabiex jiddifferixxi l-istedina obbligatorja tal-uffiċjal ikkonċernat mill-investigazzjoni sabiex jesprimi ruħu.
156 F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi ma rrispetax l-obbligu ta’ notifika li huwa għandu, l-OLAF wettaq ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi.
– Notifika lill-Kummissjoni
157 Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma kinitx informata minn qabel bit-trażmissjoni tal-fajls dwar il-Eurostat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi u Franċiżi mill-OLAF. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dan l-argument għandu jinftiehem għandu jinftiehem fis-sens li huwa kkonċernat li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kellhiex tkun informata b’mod ieħor għajr fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 sabiex is-Segretarju Ġenerali tagħha jagħti l-approvazzjoni tiegħu, fatt li ġie eżaminat iktar ’il fuq.
158 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, l-OLAF għandu jibgħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru involut l-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet interni fuq kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali, filwaqt li, fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet esterni, tali trażmissjoni hija biss fakultattiva. F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li r-rapporti ta’ investigazzjoni ma kinux għadhom ġew redatti u li, għaldaqstant, it-trażmissjoni ta’ fajls kienet tikkonsisti, a priori, fit-trażmissjoni ta’ informazzjoni, anki jekk dawn kien fihom konklużjonijiet li jirrigwardaw personalment lir-rikorrenti, u mhux f’dak ta’ rapporti ta’ investigazzjoni, irregolati mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1073/1999. Skont l-Artikolu 10(3), it-trażmissjoni lill-istituzzjoni kkonċernata tal-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet interni hija wkoll fakultattiva. L-ebda dispożizzjoni ta’ dan l-Artikolu ma tipprovdi li t-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandha tkun preċeduta jew flimkien ma’ notifika lill-istituzzjoni kkonċernata.
159 In-notifika lill-istitituzzjoni kkonċernata fil-kuntest tal-investigazzjonijiet interni hija prevista mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1073/1999. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprovdi ebda terminu għat-trażmissjoni ta’ din in-notifika. Bħala eżempju, hija ma tipprovdix li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tkun informata qabel it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Barra minn dan, fiha eċċezzjoni fil-każ li jinħtieġ li tinżamm segretezza assoluta għall-finiijiet tal-investigazzjoni. F’każ bħal dan, l-OLAF jista’ jiddifferixxi n-notifika. Jirriżulta mill-proċess li l-OLAF ikkunsidra li, għall-inqas f’dak li jirrigwarda l-fajl Datashop – Planistat, kien ikkonċernat każ li jinħtieġ li tinżamm is-segretezza assoluta għall-finijiet tal-investigazzjoni (ara n-nota tat-3 ta’ April 2003, iċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq). Għandu jitqies li l-OLAF għandu d-diskrezzjoni jiddeċiedi jekk din l-eċċezzjoni għandhiex tkun applikata.
160 F’dan il-każ, għandu jitqies li l-OLAF ma kienx obbligat jnforma lill-Kummissjoni qabel it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali fuq il-bażi tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1073/1999.
161 Għaldaqstant, l-OLAF ma kisirx l-Artikoli 4 u 10 tar-Regolament Nru 1073/1999 billi ma informax lill-Kummissjoni qabel it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.
162 F’kull każ, ir-rikorrenti ma wrewx kif il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx informata qabel it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kien affettwa d-drittijiet tagħhom, bla ħsara għal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396. Fil-fatt, għandu jitqies li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ma fihomx dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-individwi li l-qorti Komunitarja tiggarantixxi r-rispett tagħhom.
– Notifika lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF
163 Ir-rikorrenti jqisu li lanqas il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF ma ġie informat qabel it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi u Franċiżi.
164 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skont l-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999, fil-kuntest tal-kontroll regolari tat-twettiq tal-funzjoni ta’ investigazzjoni eżerċitata mill-Kumitat ta’ Sorveljanza, “[id]-direttur [tal-OLAF] għandu jinforma lill-kumitat dwar każijiet li jkunu jeħtieġu li xi informazzjoni tintbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru”. Għandu jitqies li l-ifformular ta’ din id-dispożizzjoni jindika li din l-informazzjoni għandha sseħħ qabel it-trażmissjoni. Fil-fatt, kieku dan ma kienx il-każ, din ma kinitx tirreferi għal “każijiet li jkunu jeħtieġu li xi informazzjoni tintbagħat”, espressjoni li tirreferi għal avveniment futur. Din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkorroborata mid-dikjarazzjoni tal-President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF quddiem il-House of Lords Select Committee on the European Union (Kummissjoni speċjali dwar l-Unjoni Ewropea tal-House of Lords, ir-Renju Unit), tad-19 ta’ Mejju 2004, li fiha huwa jafferma li “[l]-OLAF [kellu] obbligu li jinforma lill-Kumitat [ta’ Sorveljanza] qabel ma jgħaddi jkun xi jkun lil awtorità ġudizzjarja”.
165 Jirriżulta mir-risposta tal-Kummissjoni għad-domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza li, fil-25 ta’ Ottubru 2002, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF informa lill-Kumitat ta’ Sorveljanza bit-trażmissjoni tal-fajls Eurocost u Eurogramme lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi, jiġifieri wara t-trażmissjoni fl-4 ta’ Lulju 2002. Bl-istess mod, fl-24 ta’ Marzu 2003, il-Kumitat ta’ Sorveljanza ġie informat bit-trażmissjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, jiġifieri wkoll wara t-trażmissjoni fid-19 ta’ Marzu 2003.
166 Għaldaqstant, l-OLAF kiser l-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999. Madankollu, għad hemm lok li jiġi eżaminat jekk hijiex ikkonċernata dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi li l-qorti Komunitarja tiggarantixxi r-rispett tagħhom.
167 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, anki jekk, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1073/1999, il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF ma jinterferixxix fl-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejja, skont l-Artikolu 2 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, huwa “għandu jissorvelja li l-attivitajiet tal-OLAF jitwettqu fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u b’mod konformi mat-Trattati u mad-dritt sekondarju, b’mod partikolari mal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, u mar-Regolamenti tal-Persunal”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
168 Għalhekk, dan il-kumitat huwa intiż li jipproteġi d-drittijiet tal-persuni li huma s-suġġett ta’ investigazzjonijiet tal-OLAF. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkontestat li l-bżonn li jiġi kkonsultat dan il-kumitat qabel it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandu bħala għan li jagħti drittijiet lill-persuni kkonċernati.
169 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, bil-ksur tal-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999, l-OLAF kiser dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi.
170 Barra minn dan, billi l-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprovdi li n-notifika lill-Kumitat ta’ Sorveljanza hija obbliġu mingħajr kundizzjoni u ma jħalli ebda marġini ta’ diskrezzjoni, huwa kkonċernat ksur suffiċjentement serju.
Influwenza eżerċitata fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali
171 Ir-rikorrenti jqisu li l-OLAF “iggwida” lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi meta kkwalifika bħala kriminali fatti li huwa kien emmen li seta’ jidentifika fil-każ Eurostat, fatt li jmur kontra r-rwol tiegħu li huwa li jipproċedi għal investigazzjonijiet amministrattivi.
172 Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-azzjoni li għandha tittieħed mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-informazzjoni mibgħuta lilhom mill-OLAF taqa’ kompletament u unikament taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Għalhekk, huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jivverifikaw jekk tali informazzjoni tiġġustifikax jew teħtieġx li jinbdew proċeduri kriminali. Konsegwentement, il-protezzjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri għandha tiġi żgurata fuq il-livell nazzjonali bil-garanziji kollha previsti mid-dritt intern, inklużi dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali li, billi jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, għandhom ikunu rrispettati wkoll mill-Istati Membri meta jimplementaw leġiżlazzjoni Komunitarju [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf, 5/88, Ġabra p. 2609, punt 19; tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C-20/00 u C-64/00, Ġabra p. I-7411, punt 88, u digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 2005, Tillack vs Il-Kummissjoni, C-521/04 P(R), Ġabra p. I-3103, punt 38].
173 Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti dwar l-influwenza eżerċitata fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali huwa mingħajr effett.
2. Fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni mill-OLAF
a) L-argumenti tal-partijiet
174 Ir-rikorrenti jakkużaw lill-OLAF li kiser l-obbligu ta’ kunfidenzjalità, stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikoli 8 u 12 tar-Regolament Nru 1073/1999, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Fil-fatt, minn naħa, kxif ta’ informazzjoni kien seħħ f’dak li jirrigwarda l-kommunikazzjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi. Ir-rikorrenti saru jafu mill-istampa, f’Mejju 2003, bl-akkużi li kienu nġabu kontrihom u bil-fatt li l-każ kien tressaq quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi.
175 Min-naħa l-oħra, dan il-kxif ta’ informazzjoni kompla. Skont ir-rikorrenti, dan huwa bbażat fuq elementi li jirriżultaw jew mir-rapport u mill-elementi kkomunikati lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, jew direttament mill-intervisti li r-rikorrenti kellhom mal-investigaturi tal-OLAF bejn it-23 ta’ Ġunju u l-4 ta’ Lulju 2003. L-oriġini tiegħu huwa għalhekk stabbilit sewwa. L-ispjegazzjonijiet mogħtija quddiem l-investigaturi tal-OLAF, l-għada jew xi ġranet wara, dehru traskritti kelma b’kelma fl-istampa.
176 Il-komunikazzjoni mill-OLAF, fl-24 ta’ Settembru 2003, lill-President tal-Kummissjoni tas-“sunt tal-kawżi Eurostat attwalment magħluqa” tikkostitwixxi wkoll ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità. Dan id-dokument ma kienx ġie kkomunikat lir-rikorrenti u d-Direttur Ġenerali tal-OLAF kellu jkun jaf li kien ser jiġi użat pubblikament mill-President tal-Kummissjoni l-għada u li kien is-suġġett ta’ xandir pubbliku, lejliet, fil-Parlament.
177 Barra minn dan, l-OLAF kien indika pubblikament – inkluż bi kxif ta’ informazzjoni lill-istampa – lir-rikorrenti bħala ħatja ta’ sensiela ta’ reati kriminali, li kien wassal sabiex wieħed jemmen fil-ħtija tagħhom u kien ippreġudika l-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti Franċiża, bi ksur għalhekk tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF kien għamel dikjarazzjonijiet lill-istampa u quddiem il-Cocobu li fihom ikkwalifika l-fajl bħala gravi u serju, dikjarazzjonijiet li għaldaqstant kien fihom deċiżjoni fuq il-każ, filwaqt li l-investigazzjonijiet kienu dejjem għadhom għaddejjin. Għaldaqstant, l-OLAF lanqas ma osserva l-obbligu ta’ kunfidenzjalità.
178 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u tikkonstata li huma li għandhom jippruvaw il-veraċità tal-akkuża jew tal-imputazzjoni li hija ta’ dannu kbir għall-ġieħ tal-OLAF li huma fformulaw.
179 Fir-rigward tal-komunikazzjoni tas-“sunt tal-każijiet Eurostat attwalment magħluqa” tal-24 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1073/1999 u tikkonstata li, anki jekk kienet investigazzjoni esterna, l-OLAF seta’ jgħaddi din l-informazzjoni wkoll lill-Kummissjoni, billi din kienet ikkonċernata taħt il-ħarsien tal-interessi finanzjarji Komunitarji.
180 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-ilment dwar il-ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza mhuwiex fondat. Fil-fatt, l-OLAF ma jista’ jieħu ebda deċiżjoni ġudizzjarja jew dixxiplinari kontra r-rikorrenti, billi mhuwiex organu ġudizzjarju jew dixxiplinari. Anki jekk jista’ jirriżulta wkoll ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza minn awtoritajiet pubbliċi oħra, ir-rikorrenti ma wrewx f’liema ċirkustanzi l-OLAF indikahom pubblikament bħala ħatja ta’ sensiela ta’ ksur kriminali.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq il-kxif ta’ informazzjoni
181 Skont ir-rikorrenti, minn naħa, kxif ta’ informazzjoni seħħ f’dak li jirrigwarda t-trażmissjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi. Min-naħa l-oħra, dan il-kxif ta’ informazzjoni kompla jsir.
182 Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, huwa r-rikorrent, li għandu, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, juri li l-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE huma sodisfatti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, Innova Privat-Akademie vs Il-Kummissjoni, T-273/01, Ġabra p. II-1093, punt 23, u tas-17 ta’ Diċembru 2003, DLD Trading vs Il-Kunsill, T-146/01, Ġabra p. II-6005, punt 71). Għalhekk, sa fejn ir-rikorrenti ma stabbilixxew, f’dan il-każ, li l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-investigazzjoni li kienu s-suġġett tagħha rriżultat minn żvelar ta’ informazzjoni imputabbli lill-OLAF, tali pubblikazzjoni ma tistax, fil-prinċipju, tkun attribwita lilu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nikolaou vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 141).
183 Madankollu din ir-regola hija attenwata meta avveniment dannuż seta’ ġie kkawżat minn numru ta’ kawżi differenti u meta l-istituzzjoni Komunitarja ma tkun ressqet ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit lil liema waħda minn dawn il-kawżi dan il-fatt seta’ jiġi attribwit, minkejja hija kienet fl-aħjar pożizzjoni sabiex tressaq provi f’dan ir-rigward, b’mod li l-oneru li hija tneħħi l-inċertezza jaqa’ fuqha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink-Brummelhuis vs Il-Kummissjoni, 169/83 u 136/84, Ġabra p. 2801, punti 16 u 17). Hemm lok li jiġi adottat dan l-approċċ meta qed jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti stabbilixxewx li ċerta informazzjoni kienet ġiet imxandra mill-OLAF jew minn wieħed mill-aġenti tagħha, bla ħsara, f’dan l-istadju għall-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-kwistjoni dwar jekk dan l-iżvelar sussegwenti jikkostitwixxix illegalitajiet imwettqa mill-OLAF (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nikolaouvs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 142).
– Fuq l-eżistenza u l-kontenut tal-kxif ta’ informazzjoni
184 Hemm lok li jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ kxif ta’ informazzjoni għandha tkun ikkunsidrata bħala fatt magħruf f’din il-kawża. Fil-fatt, il-Kummissjoni ammettiet hija stess matul is-seduta li “[kien] hemm komunikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, [li] ċertament [kien] hemm kxif ta’ informazzjoni f’mument jew ieħor li [għamel] mod li, ftit ġimgħat wara, din [kienet] dehret fl-istampa”. Minkejja din l-ammissjoni ġenerali dwar l-eżistenza ta’ kxif ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li huma r-rikorrenti li għandhom juru li kien hemm kxif ta’ informazzjoni mill-OLAF. Ir-rikorrenti jammettu, minn naħa tagħhom, li m’għandhomx provi bil-miktub li t-tali jew it-tali persuna kienet wara l-kxif ta’ informazzjoni iżda li huma numru ta’ indizji u ta’ suppożizzjonijiet flimkien li jindikaw li l-kxif ta’ informazzjoni kien ġie mill-OLAF.
185 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-verbatim tal-intervent tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, quddiem il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, fit-3 ta’ Settembru 2003, jirreferi għall-eżistenza ta’ kxif ta’ informazzjoni. Hemm lok li tiġi ċċitata silta minn dan il-verbatim, li l-Kummissjoni kienet talbet li jiġi rtirat mill-proċess, li turi l-eżistenza ta’ diffikultajiet:
“Fuq il-problemi tas-smigħ tal-persuni, jiena naqbel perfettament, li hemm verament problema. Kollox jista’ jimxi sew jekk tinżamm il-kunfidenzjalità. Jekk veru hemm il-kunfidenzjalità, fajl ippreparat mill-OLAF jintbagħat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u huwa dan l-Uffiċċju li għandu jevalwa jekk dawn il-persuni għandhomx jinstemgħu jew [le]. Dan kollu huwa sew jekk ma jkunx hemm kxif ta’ informazzjoni. B’xorti ħażina, bħalissa, [fl-]OLAF, kollox [qed jiffiltra]. Għalhekk, il-preżunta kunfidenzjalità – jiena [Y. Franchet jew D. Byk], u [naqra] fuq il-Financial Times li jiena akkużat li ssakkeġġajt fondi Komunitarji. Skużani, imma r-reputazzjoni tagħkom hija mfarrka. Ma hemm xejn xi jsir, anki jekk wara jkunu kompletament skaġunati, dawn il-persuni, huma mfarrka, professjonalment u anki personalment. Għalhekk, dan kollu huwa serju. Qed nilagħbu bil-karriera, bil-ħajja personali u bl-integrità ta’ persuni. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħu, billi l-kxif ta’ informazzjoni ma ġiex evitat, hemm bżonn li ssir attenzjoni kbira fuq dak li jinkiteb u li jingħad; għandna nkunu pjuttost prudenti.”
186 Barra minn dan, skont in-nota tas-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF lill-President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, tas-27 ta’ Mejju 2003:
“Diversi artikoli li dehru l-iktar fl-istampa Ġermaniża u wara f’dik Franċiża semmew it-trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-OLAF lill-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika f’Pariġi.
Il-kxif ta’ informazzjoni lill-istampa Ġermaniża jidher li kien sinkronizzat b’mod tajjeb, minn naħa, mat-trasferiment fil-Ġermanja ta’ ċerti persuni responsabbli tal-OLAF u, min-naħa l-oħra, maċ-ċerimonji tal-[50] anniversarju tal-Eurostat.
L-Artikolu hawn memhuż tal-gazzetta Libération, ippubblikat fit-22 ta’ Mejju 2003, jidher li ġie miktub, fuq il-bażi esklużiva tat-trażmissjoni tal-OLAF lill-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika f’Pariġi. L-artikolu huwa ffirmat minn żewġ ġurnalisti stazzjonati fi Brussell, li jagħti x’jiġi mifhum li l-kxif ta’ informazzjoni seta’ oriġina minn Brussell u mhux minn Pariġi.”
187 Bl-istess mod, skont ir-rapport tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, tal-15 ta’ Jannar 2004, redatt fuq it-talba tal-Parlament dwar il-kwistjonijiet proċedurali mqajma waqt l-investigazzjonijiet dwar il-Eurostat:
“L-iżvolġiment ta’ dan il-każ huwa mmarkat mill-komunikazzjoni lill-istampa u lill-istituzzjonijiet minn naħa tal-OLAF, intenzjonalment jew mhux intenzjonalment, ta’ informazzjoni u dikjarazzjonijiet li, billi jqiegħdu inkwistjoni d-drittijiet individwali tal-persuni taħt investigazzjoni, iżda wkoll l-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni, kellhom jiġu ttrattati kunfidenzjalment.”
188 Jirriżulta wkoll min-nota tal-1 ta’ Lulju 2003 (ara l-punt 34 iktar ’il fuq) li l-kxif ta’ informazzjoni kien fatt għad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, billi huwa kien indika dan li ġej: “Fir-rigward tal-kxif ta’ informazzjoni, is-servizz tas-Sigurità tal-Kummissjoni qed jinvestiga.”
189 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-eżistenza ta’ kxif ta’ informazzjoni hija diġà stabbilita biżżejjed fuq il-bażi tad-dokumenti ċċitati iktar ’il fuq.
190 Fir-risposta tagħhom għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-informazzjoni u l-kliem użati fl-ittra u fin-nota tal-OLAF tad-19 ta’ Marzu 2003 huma l-bażi tal-ewwel sensiela ta’ artikoli jew ta’ teħid ta’ pożizzjoni pubbliku mill-midja jew mid-deputati Ewropej li b’mod ċar kellhom aċċess għad-dokumenti. Huma jiċċitaw diversi artikoli tal-istampa f’dan ir-rigward.
191 Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-risposta tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li l-artikoli tal-istampa ppreżentati jippruvaw l-eżistenza ta’ kxif ta’ informazzjoni, b’mod partikolari mill-OLAF, u tikkonstata li din kienet affermazzjoni mhux ippruvata. Hija ssostni li xejn f’dawn l-artikoli ma jippermetti li jiġi affermat li l-OLAF kien wara l-kxif ta’ informazzjoni dwar it-trażmissjoni fid-19 ta’ Marzu 2003 lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi jew dwar kull avveniment ieħor.
192 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-artikoli tal-istampa ppreżentati mir-rikorrenti juru l-eżistenza ta’ kxif ta’ informazzjoni. Dawn fihom referenzi, b’mod partikolari, għal “sors informat sewwa”, kif ukoll ċitazzjonijiet diretti mill-ittra u minn nota tad-19 ta’ Marzu 2003, mibgħuta lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi.
193 Jeħtieġ li jerġgħu jiġu ċċitati wħud minn dawn l-artikoli sabiex jiġi eżaminat iktar fid-dettall il-kontenut tal-kxif ta’ informazzjoni
194 Skont artikolu, li deher fis-Süddeutsche Zeitung fis-26 ta’ April 2003:
“Dan għandu jkun jum ta’ festa. Fis-16 ta’ Mejju, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej jagħlaq 50 sena […]
Madankollu jista’ jiġri li din il-festa tkun inqas grandjuża minn dak previst. Ezatt qabel dan l-anniversarju, it-tmexxija tal-Eurostat hija taħt l-attakk tal-kritiċi. Skont informazzjoni li waslet lis-Süddeutsche Zeitung, verifiki interni qed iwasslu għal akkużi gravi. Hemm kwistjoni dwar ’fondi sigrieti’ li xorbu fondi li ġejjin minn organiżmi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Għal xi xhur, l-OLAF […] qed jinvestiga b’mod attiv dan is-suġġett.
[…] L-iktar tard mill-1999, għall-inqas EUR 900 000 – li jikkorrispondu għad-dħul ta’ dawn id-’Data Shops’ ġew meħuda minn kontijiet uffiċjali. Wieħed jissuspetta li uffiċjali għolja approprjaw fondi għalihom stess, minn dawn il-fondi sigrieti.
S’issa ftit li xejn nafu fuq id-dettalji. Wieħed għandu jippreżumi l-innoċenza tal-parteċipanti kollha sakemm jiġi ppruvat il-kontra. Jekk l-akkużi jibqgħu jippersistu, allura nkunu fil-preżenza ta’ frodi partikolarment awdaċi. […]
Is-suspetti jinvolvu anki d-direttorat, b’fuq quddiem il-Franċiż Yves Franchet. Franchet jagħmel parti mill-fondaturi tal-kumpannija Eurocost, li għal żmien twil irċeviet għajnuna finanzjarja mill-Uffiċċju għall-Istatistika. Hekk kif indika l-Parlament Ewropew fix-xahar ta’ Marzu, Eurocost hija akkużata, b’mod partikolari, li mmanipulat il-bilanċ tagħha. […]
B’din l-akkuża l-ġdida ta’ fondi sigrieti, il-każ Eurostat jista’ jkollu żviluppi imprevisti. Skont id-Deputat Ewropew S.: ’Jekk din l-akkuża gravi tiġi kkonfermata, il-każ jieħu għalhekk dimensjoni ġdida […]”
195 Fis-16 ta’ Mejju 2003, fil-Financial Times, ġie ppubblikat artikolu ieħor, li jgħid:
“Il-Prosekutur Pubbliku fi Franza fetaħ investigazzjoni kriminali dwar allegazzjonijiet li jirrigwardaw ’operazzjoni kbira ta’ sakkeġġ’ ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, li tinvolvi ż-żewġ diriġenti prinċipali tal-Eurostat […]
[…]
It-tħabbira ta’ investigazzjoni kriminali faqqat f’nofs il-ħamest ijiem ta’ kommemorazzjoni tal-50 anniversarju tal-Eurostat […]
Għalissa din tirrigwarda investigazzjoni ġudizzjarja kontra X mibdijja mit-tribunal de grande instance ta’ Pariġi. Din kienet żvolta wara investigazzjoni tal-OLAF […] kontra żewġ uffiċjali għolja Franċiżi, Yves Franchet, Direttur Ġenerali għal żmien twil tal-Eurostat, u Daniel Byk, Direttur ta’ wieħed mis-sitt direttorati tal-Eurostat.
Skont il-fajl mgħoddi mill-OLAF lill-awtoritajiet Franċiżi, fid-1[9] ta’ Marzu, iż-żewġt irġiel huma ssusspettati li fetħu kont f’bank fil-Lussemburgu, li serva sabiex jinġemgħu sa EUR 900 000 meħuda minn fondi li kellhom jaslu għand il-Eurostat.
[…]”
196 F’artikolu ieħor redatt mill-istess ġurnalista f’Brussell, issir referenza għal “[i]nvestigazzjoni kriminali żvolta mill-Prosekutur Pubbliku fi Franza fir-rigward ta’ akkużi gravi li jikkonċernaw lil Yves Franchet, id-Direttur Ġenerali, u Daniel Byk, wieħed mid-diretturi tal-istituzzjoni”, li kienu “ssusspetti li huma implikati fil-ftuħ ta’ kont bankarju ma’ bank ta’ depożitu fil-Lussemburgu, li ħarab mis-sorveljanza tal-kontrolluri finanzjarji”. Dan l-artikolu jirreferi wkoll għall-fajls Eurocost, Eurogramme u CESD Communautaire.
197 Barra minn dan, skont artikolu li deher f’La Voix du Luxembourg, fis-16 ta’ Mejju 2003, “skont investigazzjoni fil-fond u sorsi informati tajjeb, jirriżulta li dan il-każ imur iktar ’lil hinn minn dan ” u li “huwa pprovat li, f’ittra tad-19 ta’ Marzu u indirizzata lill-Prosekutur tar-Repubblika mit-Tribunal de grande instance ta’ Pariġi, id-Direttur Ġenerali tal-[OLAF] jiddenunċja “atti frawdolenti li kkawżaw dannu lill-baġit Komunitarju u li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala kriminali”. Għandu jiġi rrilevat li dan l-artikolu jinkludi ċitazzjonijiet diretti mill-ittra u minn nota tad-19 ta’ Marzu 2003, mibgħuta lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi.
198 Konsegwentement, jirriżulta minn dawn l-artikoli li, bi probabbiltà kbira, l-istampa kienet fil-pussess ta’ ċerta informazzjoni dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi. F’dawn l-artikoli, issir referenza għall-“fondi sigrieti” u r-rikorrenti huma msemmija partikolarment bħala suspettati li organizzaw kompletament jew parzjalment is-sistema .
199 Barra minn dan, fl-14 ta’ Mejju 2003, Y. Franchet bagħat lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni ittra anonima li kien irċieva u li skontu, kienet intbagħtet minn gazzetta Lussemburgiża. Jeħtieġ li jingħad li din l-ittra anonima, li s-suġġett tagħha huwa intitolat “50 anniversarju tal-Eurostat”, fiha siltiet mill-ittra u min-nota tad-19 ta’ Marzu 2003, mibgħuta lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, u ssemmi espliċitament l-ismijiet tar-rikorrenti. Hemm ukoll lok li jingħad li dawn is-siltiet huma l-istess bħal dawk li jinstabu fl-artikolu li deher f’La Voix du Luxembourg, iċċitat fil-punt 197 iktar ’il fuq.
200 Barra minn dan, jirriżulta minn dikjarazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2003 dwar il-Eurostat, li ġiet imxandra permezz tal-komunikat stampa tad-19 ta’ Mejju 2003 (IP/03/709) u li r-rikorrenti ppreżentaw b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-Kummissjoni “[ddispjaċiha] bil-ksur tan-natura kunfidenzjali ta’ din l-investigazzjoni tal-OLAF, li [ħolqot] sitwazzjoni diffiċli, qabel kollox għall-uffiċjali msemmija fil-midja, iżda wkoll għall-Kummissjoni, li ma [kinitx] f’pożizzjoni li tiddeċiedi liema provvedimenti eventwali kellha tadotta sakemm ma [kinitx] fil-pussess ta’ informazzjoni adatta li tirriżulta mill-investigazzjoni tal-OLAF”. Hija kienet ikkonstatat li “kienet qed tiċċirkola […] fil-midja informazzjoni dwar attivitajiet preżunti li huma irregolari marbuta mad-’datashops’ tal-Eurostat u dwar l-implikazzjoni possibbli ta’ [ċerti] uffiċjali [tagħha]” u li “[dawn] l-allegazzjonijiet […] [kienu …] is-suġġett ta’ investigazzjoni tal-OLAF, li fir-rigward ta’ ċerti aspetti tagħha l-OLAF [kien] ittrasmetta fajl lill-Prosekutur Pubbliku Franċiż”.
201 Għalhekk, fuq il-bażi ta’ dawn id-dokumenti kollha, għandu jiġi rrilevat li, b’mod ġenerali, kien hemm kxif ta’ informazzjoni u li r-rikorrenti saru jafu mill-istampa bit-trażmissjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, fatt li l-Kummissjoni ma tikkontestax.
202 Fir-rigward tal-attribuzzjoni ta’ dan il-kxif ta’ informazzjoni lill-OLAF, b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta, il-Kummissjoni indikat li, billi l-informazzjoni li tinstab fit-trażmissjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi kienet ġiet ikkomunikata lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF u lis-servizz ġuridiku tagħha qabel ma din l-informazzjoni dehret fl-istampa, ma setax jiġi stabbilit b’mod ċert li l-kxif ta’ informazzjoni seta’ jiġi biss mill-OLAF. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li kxif ta’ informazzjoni eventwali mill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF ikun attribwibbli lill-OLAF u li, f’kull każ, anki jekk il-kxif ta’ informazzjoni kien joriġina mis-servizz ġuridiku tal-Kummissjoni, il-Komunità tkun xorta waħda responsabbli.
203 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u billi l-Kummissjoni ma nvokatx lanqas il-possibbiltà li s-sors tal-kxif ta’ informazzjoni seta’ kien ta’ natura mhux Komunitarja, bħall-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, il-fatt li l-informazzjoni setgħet tkun magħrufa minn tali awtoritajiet mhux Komunitarji ma jimpedixxix li jiġi preżunt li s-sors ta’ din l-informazzjoni kien l-OLAF jew sors ieħor li l-Komunità għandha tirrispondi għalih.
204 Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ kxif ta’ informazzjoni hija stabbilita f’dak li jirrigwarda t-trażmissjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi. Barra minn dan, l-indizji kollha fil-proċess bħall-kuntest ta’ dan (ara l-analiżi tad-differenti dokumenti mwettqa iktar ’il fuq) jippermettu li jiġi kkunsidrat li s-sors tal-kxif ta’ informazzjoni huwa l-OLAF u fin-nuqqas ta’ indizji oħra li juru li s-sors kien pjuttost is-servizz ġuridiku tal-Kummissjoni, hemm lok li wieħed jippreżumi li s-sors ta’ dan il-kxif ta’ informazzjoni huwa preċiżament l-OLAF.
205 F’dak li jirrigwarda l-allegat kxif ta’ informazzjoni dwar l-intervisti tar-rikorrenti ma’ l-investigaturi tal-OLAF bejn it-23 ta’ Ġunju u l-4 ta’ Lulju 2003 jew dak dwar ir-rapporti, għandu jiġi rrilevat li d-dokumenti eżaminati iktar ’il fuq ma jurux espliċitament li kien seħħ kxif ta’ informazzjoni f’dak li jirrigwarda dawn l-intervisti jew dawn ir-rapporti. Ir-rikorrenti lanqas ma rnexxilhom jistabbilixxu dan permezz tal-artikoli tal-istampa li ppreżentaw. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ dan il-kxif ta’ informazzjoni eventwali mhijiex stabbilita biżżejjed.
206 Għalhekk hemm lok li jiġi konkluż li, fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad qabel, fin-nuqqas ta’ kull prova miġjuba mill-Kummissjoni u intiża li turi li l-kxif ta’ informazzjoni seta’ kellu oriġini oħra, l-OLAF hija responsabbli mill-kxif ta’ informazzjoni dwar l-informazzjoni li tinsab fl-ittra u fin-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 rigward it-trażmissjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u li din l-informazzjoni instabet fl-istampa wara dan il-kxif ta’ informazzjoni.
207 Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-OLAF kisirx dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi.
– Analiżi tal-allegat ksur ta’ dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-persuni li seta’ jirriżulta mill-iżvelar ta’ informazzjoni mill-OLAF
208 Ir-rikorrenti jinvokaw, b’mod partikolari, il-ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.
209 Fir-rigward tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li dan il-prinċipju, li jikkostitwixxi dritt fundamentali, stabbilit fl-Artikolu 6(2) tal-KEDB u fl-Artikolu 48(1) tal-Karta, jagħti lill-individwi drittijiet li l-qorti Komunitarja tiggarantixxi r-rispett tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il-Kummissjoni, T-193/04, Ġabra p. II-3995, punt 121).
210 Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), l-Artikolu 6(2) tal-KEDB jirregola l-proċeduri kriminali kollha, independentement mir-riżultat tal-proċeduri, u mhux biss l-eżami tal-fondatezza tal-akkuża. Din id-dispożizzjoni tiggarantixxi lil kull persuna li ma tkunx indikata jew ittrattata bħala ħatja rigward reat qabel ma tkun ġiet stabbilita l-ħtija tagħha minn qorti. Għalhekk, din b’mod partikolari teħtieġ, li huma u jissodisfaw il-funzjonijiet tagħhom il-membri ta’ qorti ma jitilqux minn qabel bl-idea li l-akkużat wettaq l-att akkużat biħ. Id-dikjarazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet li jirriflettu l-impressjoni li l-persuna hija ħatja, li jinċitaw il-pubbliku jemmen fil-ħtija tagħha jew li jippreġudikaw l-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti kompetenti jmorru kontra l-preżunzjoni tal-innoċenza (ara l-Qorti EDB, sentenza Pandy vs Il-Belġju tal-21 ta’ Settembru 2006, §§ 41-42).
211 Barra minn dan, il-Qorti EDB iddeċidiet li, għalkemm il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza stabbilit mill-Artikolu 6(2) tal-KEDB huwa fost l-elementi ta’ proċess kriminali ekwu kif mitlub mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, dan mhuwiex limitat għal garanzija proċedurali fil-qasam kriminali: il-portata tiegħu hija usa u titlob li l-ebda rappreżentant tal-Istat ma jiddikjara li persuna hija ħatja ta’ ksur qabel ma’ tkun ġiet stabbilita l-ħtija tagħha minn qorti (ara Qorti EDB, sentenza Y. B. et vs It-Turkija tat-28 ta’ Ottubru 2004, § 43). Fil-fatt, il-Qorti EDB ġa kienet qieset fis-sentenza tagħha Allenet de Ribemont vs Franza, tal-10 ta’ Frar 1995 (serje A Nru 308, §§ 35-36), invokata mir-rikorrenti, filwaqt li fakkret li l-KEDB għandha tiġi interpretata b’mod li jiggarantixxi drittijiet konkreti u effettivi, u mhux teoretiċi u illużorji, li l-ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza jista’ jirriżulta mhux biss minn imħallef jew minn qorti iżda wkoll minn awtoritajiet pubbliċi oħra. F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB enfasizzat l-importanza tal-għażla tal-kliem mill-aġenti tal-Istat fid-dikjarazzjonijiet li huma jifformulaw qabel ma persuna tkun ġiet iġġudikata u misjuba ħatja ta’ ksur. Dak li jimporta għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tal-KEDB, huwa s-sens reali tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, u mhux il-forma litterali tagħhom. Madankollu, il-punt dwar jekk id-dikjarazzjoni ta’ aġent pubbliku tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza għandu jkun deċiż fil-kuntest taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom ġiet ifformulata d-dikjarazzjoni kkontestata (Y. B. et vs It-Turkija, iċċitata iktar ’il fuq, § 44).
212 Barra minn dan, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tagħraf li l-Artikolu 6(2) tal-KEDB ma jistax jimpedixxi, fir-rigward tal-Artikolu 10 tal-KEDB, li jiggarantixxi l-libertà ta’ espressjoni, lill-awtoritajiet milli jinformaw lill-pubbliku fuq investigazzjonijiet kriminali li jkunu għaddejjin, iżda li dan jeħtieġ li huma jagħmlu dan bid-diskrezzjoni kollha u bir-riżervatezza kollha li jeħtieġ ir-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza (Allenet de Ribemont vs Franza, punt 211 iktar ’il fuq, § 38, u Y. B. et vs It-Turkija, punt 211 iktar ’il fuq, § 47).
213 Dan il-prinċipju jsib il-korollarju tiegħu fl-obbligu ta’ kunfidenzjalità impost fuq l-OLAF, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1073/1999.
214 Bl-istess mod, ġie deċiż li, skont id-dmir tagħha ta’ diliġenza u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-amministrazzjoni għandha, minn naħa, tevita li tagħti lill-istampa informazzjoni li tista’ tikkawża dannu lill-uffiċjali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tevita, fi ħdan l-istituzzjoni, kull forma ta’ żvelar ta’ informazzjoni li jista’ jkun ta’ natura diffamatorja fir-rigward ta’ dan (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-12 ta’ Diċembru 1995, Connolly vs Il-Kummissjoni, T-203/95 R, Ġabra p. II-2919, punt 35).
215 F’dan il-każ, ir-rikorrenti jqisu li l-OLAF indikhom pubblikament – inkluż permezz ta’ kxif ta’ informazzjoni lill-istampa – bħala ħatja ta’ sensiela ta’ reati, li inċita lil wieħed jemmen li huma kienu ħatja u ppreġudika l-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti Franċiża, bi ksur għalhekk tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.
216 Għandu jiġi mfakkar li, bħala eżempju, fl-artikolu tal-istampa tas-16 ta’ Mejju 2003, li deher fil-Financial Times, iċċitat fil-punt 195 iktar ’il fuq, huwa indikat b’mod ċar, fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tirriżulta skont kull probbabiltà mill-OLAF permezz ta’ kxif ta’ informazzjoni, li r-rikorrenti setgħu wettqu “operazzjoni kbira ta’ sakkeġġ ta’ fondi Komunitarji”. Huwa evidenti li din id-dikjarazzjoni tikser il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza billi tirrifletti l-impressjoni li r-rikorrenti huma ħatja u tinċita lill-pubbliku jemmen fil-ħtija tagħhom.
217 Għalhekk, billi ħalla li tiġi ffiltrata informazzjoni li fiha stess tinkludi dikjarazzjoni bħal din, l-OLAF kiser il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza. B’dan il-kxif ta’ informazzjoni, huwa wkoll kiser l-obbligu ta’ kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet u, billi jikkawża l-iżvelar lill-istampa ta’ elementi sensittivi tal-investigazzjonijiet, huwa ppreġudika l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn huwa ppermetta lill-pubbliku inġenerali jkollu aċċess, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, għal informazzjoni kunfidenzjali tal-amministrazzjoni.
218 Hekk kif diġà ġie kkonstatat iktar ’il fuq, il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza jagħti drittijiet lill-individwi. Għandu jitqies li l-obbligu ta’ kunfidenzjalità jagħti wkoll drittijiet lill-individwi li huma suġġetti għal investigazzjoni tal-OLAF inkwantu dawn għandhom dritt jistennew li l-investigazzjonijiet li jikkonċernawhom ikunu ttrattati b’rispett għad-drittijiet fundamentali tagħhom. Bl-istess mod, ir-rikorrenti għandhom dritt jinvokaw, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba inkwantu dan jimplika d-dritt li l-każijiet tagħhom jkunu ttrattati b’rispett għall-kunfidenzjalità.
219 Jeħtieġ li jingħad li dan il-każ jirrigwarda ksur suffiċjentement serju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet legali, inkwantu huwa l-OLAF li għandu jissorvelja li tali kxif ta’ informazzjoni, li jikser id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, bħall-preżunzjoni tal-innoċenza, ma jseħħx, billi l-amministrazzjoni ma tiddisponi minn ebda marġini ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-osservanza ta’ dan l-obbligu.
Fuq il-komunikazzjoni mibgħuta fl-24 ta’ Settembru 2003
220 Ir-rikorrenti jqisu li l-OLAF kiser l-obbligu ta’ kunfidenzjalità bil-komunikazzjoni, fl-24 ta’ Settembru 2003, lill-President tal-Kummissjoni tas-“sunt tal-każijiet Eurostat attwalment magħluqa”.
221 Dan is-sunt intbagħat lil-President tal-Kummissjoni mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF. Wara n-nota ta’ trażmissjoni, dan tal-aħħar għaddielu “sunt qasir tal-każijiet Eurostat attwalment magħluqa li setgħu jkunu s-suġġett ta’ xandir eventwali”. Barra minn dan, id-Direttur Ġenerali ppreċiża li “din in-nota ta’ sinteżi ma [setgħat] bl-ebda mod tkun ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi rapport finali ta’ investigazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 1073/1999”. Fl-aħħar nett, huwa nnota li “dan id-dokument ta’ ħidma, ta’ portata ġenerali, [kien] intiż biss sabiex juri l-prinċipali konklużjonijiet li [jirriżultaw] mill-investigazzjonijiet imwettqa”. Is-sunt stess jindika għal kull fajl (Eurocost, Eurogramme, Datashop, Planistat u CESD Communautaire) is-suġġett tal-investigazzjoni, ir-riżultati u l-konklużjonijiet tagħha.
222 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1073/1999, l-OLAF jista’ f’kull ħin jibgħat lill-istituzzjoni kkonċernata informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet interni. Barra minn dan, fl-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti huma ftit kontradittorji, billi, minn naħa, jakkużaw lill-OLAF li ma kkomunikax ċertu informazzjoni lill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, jakkużawh li għamel dan fir-rigward ta’ informazzjoni oħra. Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti kienu diġà instemgħu fir-rigward ta’ dawn il-fajls matul is-seduti tagħhom f’Ġunju u f’Lulju 2003 u, għaldaqstant, huma ma jistgħux jallegaw li ma nstemgħux qabel ma dawn intbagħtu.
223 F’kull każ, billi l-OLAF kellu d-dritt li jippreżenta dan id-dokument lill-Kummissjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li huwa ma jistax jitqies responsabbli għall-eventwali fatt li l-President tal-Kummissjoni kien uża dan id-dokument pubblikament u li kien is-suġġett ta’ xandir pubbliku fil-Parlament. Dan l-aspett ser jerġa’ jiġi eżaminat iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eventwali imġiba illegali tal-Kummissjoni.
Fuq it-teħid ta’ pożizzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF
224 Ir-rikorrenti jqisu li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF ħa pożizzjoni fuq il-fajl, billi kkwalifikah bħala gravi u serju, kemm fl-istampa kif ukoll fl-okkażjoni tad-dikjarazzjonijiet tiegħu quddiem il-Cocobu.
225 F’dak li jirrigwarda l-allegati dikjarazzjonijiet tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF fl-istampa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li r-rikorrenti ma ressqu ebda provi dwar dan. Barra minn dan, huma ma stabbilixxewx kif il-fatt li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF iddikjara f’intervista lit-televiżjoni fit-30 ta’ Ġunju 2003 li l-każ Eurostat kien “każ gravi” kien ippreġudika l-kunfidenzjalità tal-każ. F’kull każ, ir-rikorrenti ma ppreżentaw ebda element ta’ natura li jippermetti li jiġi vverifikat il-kontenut tal-imsemmija dikjarazzjonijiet lit-televiżjoni.
226 Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF quddiem il-Cocobu fit-30 ta’ Ġunju u fis-16 ta’ Lulju 2003, ir-rikorrenti lanqas ma stabbilixxew kif il-fatt li dan tal-aħħar ikkwalifika l-fajl Eurostat bħala “mhux normali” u “mhux standard” ippreġudika l-kunfidenzjalità tal-każ.
227 Madankollu, ir-rikorrenti jinvokaw ukoll, f’dan ir-rigward, il-ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.
228 F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat dak li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF qal fid-dikjarazzjonijiet tiegħu quddiem il-Cocobu. Skont in-nota tal-1 ta’ Lulju 2003, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF ikkonstata fl-intervent tiegħu fit-30 ta’ Ġunju 2003 quddiem il-Cocobu li “l-OLAF [ser ikompli] l-investigazzjoni interna u li Y. Franchet u D. Byk [ser] jinstemgħu, iżda li l-investigazzjoni madankollu ma setgħetx tkun iffinalizzata sal-aħħar ta’ Ġunju”. Barra minn dan, huwa afferma li “[fir-]rigward tal-kwistjoni dwar għaliex ma ttieħdux miżuri dixxiplinari bħas-sospensjoni, [huwa kien] infurmah bl-eżitazzjonijiet tal-OLAF iżda kien fuq kollox indika li l-OLAF ma riedx jikkomprometti l-investigazzjoni interna billi mill-ewwel iqajjem allarm”. Barra minn dan, huwa qies li “fl-ebda mument, Y. Franchet u D. Byk ma kienu ppruvaw jinfluwixxu l-investigazzjoni”. Matul l-intervent tiegħu fis-16 ta’ Lulju 2003 quddiem il-Cocobu, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF enfasizza “li [kien] għal kollox eċċezzjonali li direttur ġenerali jkun implikat” u li, “fil-bidu, dan l-element ma deherx”. Huwa nnota wkoll “li rapport ta’ verifika ma kienx bilfors jimplika li kien hemm prova”. Huwa wkoll ikkonstata li Y. Franchet kien ġie informat mill-bidu tal-investigazzjoni kif ukoll bit-trażmissjoni tar-riżultati lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi.
229 Għandu jingħad ukoll li, minkejja l-fatt li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF semma espliċitament lir-rikorrenti matul l-interventi tiegħu quddiem il-Cocobu, ma jistax jiġi kkunsidrat li kiser il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Fil-fatt, l-affermazzjonijiet tiegħu kienu biss ta’ natura informattiva, b’mod partikolari b’risposta għad-domandi tal-membri tal-Cocobu, għajr milli ta’ natura li tinċita lil wieħed jemmen fil-ħtija tar-rikorrenti.
230 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-OLAF ma kisirx il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.
3. Fuq l-allegati żbalji li jirrigwardaw it-tħejjija u l-komunikazzjoni tan-noti u tar-rapporti finali
a) L-argumenti tal-partijiet
231 Ir-rikorrenti jirreferu għad-deċiżjoni tal-Ombudsman tat-3 ta’ Lulju 2003, dwar l-ilment kontra l-OLAF, irreġistrat bir-referenza 1625/2002/IJH, li tgħid li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jitlob li l-investigazzjonijiet amministrattivi tal-OLAF ikunu mmexxija “b’attenzjoni, imparzjalità u oġġettività”. Issa, dan ma kienx il-każ f’dan il-każ.
232 Fil-fatt, l-OLAF kien diġà wasal għal konklużjonijiet f’nota tal-1 ta’ Lulju 2002 dwar il-fajl Eurocost, meta kien għadu ’l bogħod milli jinvestiga dan il-fajl u milli jisma’ lil Y. Franchet, li madankollu kien imsemmi fil-komunikazzjoni mibgħuta fl-4 ta’ Lulju 2002 lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi.
233 Barra minn dan, la s-“sunt tal-każijiet Eurostat attwalment magħluqa” tal-24 ta’ Settembru 2003 u lanqas ir-rapporti finali tal-OLAF ma jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kkomunikati mir-rikorrenti matul is-seduti tagħhom ta’ Ġunju u ta’ Lulju 2003 dwar il-fajls Eurocost, Datashop – Planistat u CESD Communautaire. Bl-istess mod, l-OLAF ma mmotivax ir-raġunijiet li għalihom dan ma ħadhomx inkunsiderazzjoni. Is-sempliċi fatt li jsemmi li l-persuni kkonċernati jikkontestaw ir-responsabbiltà tagħhom ma jfissirx li dawn kienu nstemgħu kif suppost mill-investigaturi tal-OLAF.
234 Barra minn dan, l-OLAF ma ssottomettiex il-konklużjonijiet tiegħu lir-rikorrenti qabel it-tħejjija tar-rapporti finali tiegħu, b’ksur għalhekk, mill-ġdid tad-dritt tagħhom għal smigħ.
235 Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, skont il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1073/1999, huma biss l-elementi li għandom valur probatorju jistgħu jservu bħala bażi għall-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni. Għalhekk, l-OLAF għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha miġbura sabiex jistabbilixxi l-konklużjonijiet tiegħu u m’għandux jinterpretahom b’mod li jservi l-kawża u l-għan li huwa jkun stabbilixxa minn qabel.
236 Barra minn dan, l-OLAF kien għamel pressjoni kbira fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali sabiex dawn iressqu lir-rikorrenti. Fil-fatt, il-komunikazzjoni mill-OLAF lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi tar-rapporti finali dwar il-fajls CESD Communautaire u Datashop – Planistat tikser l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1073/1999, billi s-segwitu li għandu jingħata lir-rapporti finali fuq livell dixxiplinari u ġudizzjarju jaqa’ taħt l-istituzzjoni kkonċernata u mhux taħt l-OLAF.
237 Il-Kummissjoni tenfasizza, fir-rigward tal-obbligu ta’ tmexxija tal-investigazzjonijiet b’attenzjoni u imparzjalità, li l-OLAF jista’ huwa stess jiddeċiedi l-mument li fih iqis li għandu jagħti informazzjoni miksuba matul investigazzjoni. Il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li l-investigaturi kienu indikaw li għaddew l-informazzjoni fin-nuqqas ta’ għarfien eżatt u komplet tal-fatti li tirreferi għalihom. Ir-rikorrenti stess jirrikonoxxu li nstemgħu mill-investigaturi tal-OLAF. Madankollu, l-investigaturi setgħu biss jisimgħuhom mill-mument li fih l-istat avvanzat tal-investigazzjoni kien jippermetti dan, fatt li relativizza l-affermazzjoni tar-rikorrenti li huma nstemgħu biss wara t-talba tagħhom.
238 F’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kkomunikati mir-rikorrenti lill-OLAF fis-seduti tagħhom ta’ Ġunju u ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni tikkonstata li l-fajls inkwistjoni issa jaqgħu taħt l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u Lussemburgiżi u li, konsegwentement, hija ma tqisx li għandha għalfejn tiddeċiedi fuq il-fondatezza ta’ dawn il-fajls fil-kuntest ta’ din il-kawża. F’kull każ, l-OLAF mhuwiex obbligat jaqsam l-opinjoni tar-rikorrenti. Barra minn dan, is-“sunt tal-kawżi Eurostat attwalment magħluqa” jippreċiża li l-uffiċjali kkonċernati nstemgħu u li huma jikkontestaw ir-responsabbiltà tagħhom.
239 Fir-rigward tal–allegati pressjonijiet mill-OLAF fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, minħabba l-fatt li kienet il-Kummissjoni u mhux l-OLAF li kien imissha kkomunikat ir-rapporti ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1073/1999, il-Kummissjoni tenfasizza li din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma timpedixxi lill-OLAF milli jibgħat bħala informazzjoni r-rapport finali ta’ investigazzjoni interna lil awtorità ġudizzjarja nazzjonali, speċjalment jekk din diġà kienet irċeviet informazzjoni matul l-investigazzjoni. Din id-dispożizzjoni tirriżerva lill-istituzzjoni kkonċernata r-responsabbiltà li tagħti lir-riżultati ta’ investigazzjoni interna s-segwitu dixxiplinari u ġudizzjarju li hija jidrilha xieraq.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
240 L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda n-nota tal-1 ta’ Lulju 2002, huwa biżżejjed li jingħad li din in-nota ma fiha ebda referenza għal Y. Franchet, anki impliċita. F’kull każ, billi l-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kkonstatat iktar ’il fuq li Y. Franchet kellu jinstema’ fir-rigward tat-trażmissjoni tal-fajl Eurocost lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi, mhemmx iktar lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk dan kellux jinstema’ fir-rigward ta’ din in-nota, li kienet tagħmel parti mill-fajl mibgħut lill-imsemmija awtoritajiet.
241 It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kkomunikati mir-rikorrenti matul it-tħejjija tar-rapporti finali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jillimitaw rwieħhom sabiex jeffettwaw żviluppi fattwali twal mingħajr madankollu ma jipproduċu ebda prova insostenn ta’ dan. Barra minn dan, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha teżamina mill-ġdid dawn il-fajls. Barra minn dan, kif ikkonstatat il-Kummissjoni, l-OLAF u l-investigaturi tiegħu bl-ebda mod mhuma obbligati jaqsmu l-opinjoni tar-rikorrenti. Barra minn dan, fis-“sunt tal-kawżi Eurostat attwalment magħluqa” tal-24 ta’ Settembru 2003, kien ġie enfasizzat li l-uffiċjali kkonċernati, mismugħa mis-servizzi tal-OLAF, kienu kkontestaw ir-responsabbiltà tagħhom f’dak li jirrigwarda l-fatti akkużati bihom, billi qisu b’mod partikolari li dejjem aġixxew fl-interessi tal-Kummissjoni.
242 Barra minn dan, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li biss l-elementi li għandhom valur probatorju jistgħu jservu bħala bażi għall-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni u, għalhekk, l-OLAF għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha miġbura, mingħajr ma jinterpretahom b’mod li jservi l-kawża jew l-għan li huwa jkun stabbilixxa minn qabel, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma sostnew il-fatt li l-OLAF kien ibbaża l-konklużjonijiet tiegħu fuq provi li m’għandhomx valur probatorju jew li huwa ffissa ċertu għan minn qabel.
243 Barra minn dan, fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, inkwantu l-OLAF ma kienx spjega r-raġunijiet li għalihom huwa ma ħax inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, huwa biżżejjed jitqies li skont ġurisprudenza kostanti, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit mill-Artikolu 253 KE, mhuwiex minnu nnifsu ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1982, Kind vs KEE, 106/81, Ġabra p. 2885, punt 14; tas-6 ta’ Ġunju 1990, AERPO et vs Il-Kummissjoni, C-119/88, Ġabra p. I-2189, punt 20, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill, C-76/01 P, Ġabra p. I-10091, punt 98; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-167/94, Ġabra p. II-2589, punt 57; tat-13 ta’ Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et vs Il-Kummissjoni, T-481/93 u T-484/93, Ġabra p. II-2941, punt 104; tal-20 ta’ Marzu 2001, Cordis vs Il-Kummissjoni, T-18/99, Ġabra p. II-913, punt 79, u tas-6 ta’ Diċembru 2001, Emesa Sugar vs Il-Kunsill, T-43/98, Ġabra p. II-3519, punt 63). Dan l-argument għalhekk għandu jiġi miċħud.
244 F’kull każ, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimplikax li jkun meħtieġ li l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li tqajmu mill-persuni kkonċernati matul il-proċeduri jiġu diskussi (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBBvs Il-Kummissjoni, 43/82 u 63/82, Ġabra p. 19, punt 22; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Diċembru 2002, Stevensvs Il-Kummissjoni, T-277/01, ĠabraSP p. I-A-253 u II-1273, punt 71, u tal-1 ta’ April 2004, N vs Il-Kummissjoni, T-198/02, ĠabraSP p. I-A-115 u II-507, punt 109).
245 Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-OLAF ma ħax inkunsiderazzjoni l-elementi u l-osservazzjonijiet kollha kkomunikati minnhom.
246 It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-OLAF ma ssottomettiex il-konklużjonijiet tiegħu lir-rikorrenti qabel it-tħejjija tar-rapporti finali tiegħu, b’ksur għalhekk tad-dritt tagħhom għal smigħ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti nstemgħu fl-aħħar ta’ Ġunju u fil-bidu ta’ Lulju 2003 fir-rigwrd tal-fajls inkwistjoni, jiġifieri ħafna qabel mal-OLAF ħejja dawn ir-rapporti f’Settembru 2003. Id-dritt għal smigħ ma jeħtiġx li l-OLAF ikun issottometta l-konklużjonijiet tiegħu lir-rikorrenti.
247 Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni tar-rapporti finali lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u l-allegati pressjonijiet magħmula fuqhom, hemm lok li jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1073/1999, ir-rapport mħejji wara investigazzjoni interna u kull dokument utli relatat magħha huma mgħoddijja lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-uffiċċju jew l-aġenzija kkonċernata li jagħtu lill-investigazzjonijiet interni s-segwitu, b’mod partikolari dixxiplinari u ġudizzjarju, li r-riżultati tagħhom jirrikjedu u jinformaw lid-Direttur tal-OLAF b’dan.
248 Hemm ukoll lok li jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, id-Direttur tal-OLAF għandu jagħti lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru kkonċernat l-informazzjoni miksuba mill-OLAF matul investigazzjonijiet interni fuq fatti li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali.
249 F’dan il-każ, l-OLAF kien diġà ttrażmetta informazzjoni skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi. Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1073/1999 ma jimpedixxix lill-OLAF milli jindirizza bħala informazzjoni r-rapport finali ta’ investigazzjoni interna lil awtorità ġudizzjarja nazzjonali, fuq kollox jekk din diġà ngħatat informazzjoni matul l-investigazzjoni. L-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament jirriżerva lill-istituzzjoni kkonċernata r-responsabbiltà li tagħti lir-riżultati ta’ investigazzjoni interna segwitu dixxiplinari jew ġudizzjarju, u li tinforma lid-Direttur tal-OLAF b’dan .
250 F’kull każ, ir-rikorrenti ma waslux biex juru li l-OLAF effettivament wettaq pressjoni kbira fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi.
251 Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li r-rikorrenti ma rnexxilhomx juru li l-imġiba tal-OLAF kienet illegali fir-rigward tat-tħejjija u l-komunikazzjoni tan-noti u tar-rapporti finali, bl-eċċezzjoni għall-imġiba illegali diġà kkonstatata matul l-eżami tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi u Franċiżi.
4. Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għal ċerti dokumenti
a) L-argumenti tal-partijiet
252 Ir-rikorrenti jsostnu li, billi rrifjuta li jikkomunikalhom il-fajl kollu, l-OLAF wettaq att ta’ amministrazzjoni ħażina, minbarra l-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, Fil-fatt, xejn fil-leġiżlazzjoni rilevanti ma jiġġustifika r-rifjut ta’ komunikazzjoni tal-fajl ta’ investigazzjoni u, a fortiori, tar-rapport ta’ investigazzjoni (esterna jew interna) lil persuna iddubitata mill-OLAF, minkejja l-kwistjoni dwar jekk l-investigazzjoni ntemmitx kompletament jew parzjalment.
253 Ma jistax jiġi rrikonoxxut lill-OLAF id-dritt li jiċħad l-aċċess għad-dokumenti tiegħu minħabba l-motiv ġenerali tal-garanzija tal-effikaċja u l-kunfidenzjalità tal-missjoni lilu fdata kif ukoll tal-indipendenza tiegħu. L-aċċess għad-dokumenti jikkostitwixxi dritt fundamentali, u kull limitu eventwali għandu jiġi evalwat b’mod ristrettiv.
254 Il-Kummissjoni tosserva li l-OLAF ma opponiex b’mod illegali għal dan l-aċċess, billi huwa m’għandu ebda obbligu f’dan ir-rigward fl-istadju preliminari kkostitwita mill-investigazzjoni tiegħu. Huwa biss fi stadju ulterjuri, jekk ikun hemm segwitu għar-rapporti tal-OLAF, fil-kuntest ta’ proċeduri dixxiplinari u/jew ġudizzjarji, li l-aċċess għall-fajl ikun possibbli. Barra minn dan, id-dokumenti rilevanti kienu ġew ippreżentati lir-rikorrenti matul is-seduti tagħhom skont id-domandi magħmula lilhom .
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza
255 Għandu jiġi mfakkar li l-OLAF mhuwiex obbligat jagħti lill-uffiċjal Komunitarju allegatament ikkonċernat minn investigazzjoni interna – qabel ma tingħata deċiżjoni finali mill-Awtorità tal-Ħatra tiegħu li tikkawżalu preġudizzju – aċċess għad-dokumenti li jkunu s-suġġett ta’ tali investigazzjoni jew għal dawk redatti mill-OLAF innifsu f’din l-okkażjoni; inkella, l-effikaċja u l-kunfidenzjalità tal-missjoni fdata lill-OLAF kif ukoll l-indipendenza tiegħu jistgħu jiġu ostakolati. B’mod partikolari, is-sempliċi fatt li parti minn fajl kunfidenzjali ta’ investigazzjoni jidher li ġie kkomunikat illegalment lill-istampa ma jiġġustifikax, waħdu, li ssir deroga, favur l-uffiċjal allegatament ikkonċernat, mill-kunfidenzjalità ta’ dan il-fajl u tal-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF. Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal inkwistjoni huwa ggarantit biżżejjed mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 2003, Gómez-Reino vs Il-Kummissjoni T-215/02, ĠabraSP p. I-A-345 u II-1685, punt 65; is-sentenza Nikolaou vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 241).
256 Għalhekk, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 ma jobbligax lill-OLAF jagħti aċċess għad-dokumenti li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni interna jew għal dawk redatti mill-OLAF innifsu, b’mod partikolari għaliex interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tobbligah jagħmel dan tostakola x-xogħol ta’ dan il-korp (sentenza Nikolaouvs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 242).
257 Dan l-approċċ ma jmurx kontra r-rispett tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, previst mill-Artikolu 41 tal-Karta, li abbażi tiegħu dan id-dritt jinkludi d-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jirrigwardaha, b’osservanza tal-interessi leġittimi ta’ kunfidenzjalità u ta’ segretezza professjonali u tal-kawżi. Għalhekk, l-aċċess għall-fajl jista’ jiġi miċħud, skont dan il-prinċipju, meta r-rispett tal-kunfidenzjalità jeżiġi hekk.
258 Billi din l-interpretazzjoni teskludi kull obbligu tal-OLAF li jagħti aċċess għall-fajl tiegħu qabel l-adozzjoni tar-rapport finali tiegħu, hemm lok li l-argument tar-rikorrenti dwar l-aċċess għall-fajl ta’ investigazzjoni jiġi miċħud.
259 Fir-rigward tal-aċċess għar-rapport finali, għandu jiġi kkonstatat li ebda mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 ma jikkonċerna din il-kwistjoni. F’dak li jirrigwarda l-prinċipju tal-kontradittorju, l-eżistenza ta’ illegalità fir-rigward tal-OLAF tista’ tiġi stabbilita biss fil-każ fejn ir-rapport finali jkun ippubblikat jew ikun segwit mill-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Nikolaou vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punti 267 u 268).
260 F’dan il-każ, mhuwiex allegat li r-rapporti kienu ġew ppubblikati mingħajr qabel ma kienu ġew ikkomunikati lir-rikorrenti. Sa fejn id-destinatarji tar-rapporti finali, jiġifieri l-Kummissjoni u l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi jew Lussemburgiżi, ikollhom l-intenzjoni jadottaw att bħal dan fir-rigward tar-rikorrenti billi jibbażaw ruħhom fuq ir-rapporti finali, huma dawn l-awtoritajiet l-oħra li għandhom, skont il-każ, jagħtu lir-rikorrenti aċċess għal dawn b’mod konformi mar-regoli proċedurali tagħhom stess u mhux l-OLAF (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nikolaou vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 269).
261 Għalhekk hemm lok li l-OLAF jiġi kkunsidrat bħala li ma wettaq l-ebda illegalità f’dan il-każ f’dak li jirrigwarda l-aċċess għar-rapporti finali.
262 F’kull każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 47 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kellhom aċċess għar-rapporti finali wara t-talbiet tagħhom, bl-eċċezzjoni tar-rapport finali tal-investigazzjoni dwar il-fajl Planistat, li jirrigwarda l-parti esterna tal-fajl Datashop – Planistat.
5. Fuq it-trattament tal-każ Eurostat f’terminu mhux raġonevoli u fuq il-ksur tal-Artikoli 6 u 11 tar-Regolament Nru 1073/1999
a) L-argumenti tal-partijiet
263 Ir-rikorrenti jakkużaw lill-OLAF bil-fatt li l-investigazzjonijiet wasslu għal rapporti finali biss fil-25 ta’ Settembru 2003, jiġifieri kważi tliet snin minn meta nbdew jew tliet snin u nofs minn meta l-każ tressaq quddiem l-OLAF għal dak li jirrigwarda l-fajls Eurocost u Datashop – Planistat u tmintax-il xahar wara l-ftuħ tiegħu jew kważi sentejn minn meta l-każ tressaq quddiem l-OLAF f’dak li jirrigwarda l-fajl CESD Communautaire. Dawn it-termini huma għalhekk irraġonevoli u huma mingħajr ġustifikazzjoni fir-rigward tat-terminu ta’ disa’ xhur previst mill-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999 u tal-obbligu previst mill-Artikolu 6(5) tal-istess regolament li l-investigazzjonijiet jitmexxew kontinwament matul perijodu li għandu jkun proporzjonat għaċ-ċirkustanzi u l-komplessità tal-każ.
264 Fil-fatt, Y. Franchet kien ikkomunika lill-OLAF ir-rapporti ta’ verifika li huma l-bażi tal-investigazzjonijiet diġà f’Marzu 2000 (każ Eurocost) u f’Novembru 2001 (każ CESD Communautaire). Il-kontrollur finanzjarju kellu għad-dispożizzjoni tiegħu r-rapport ta’ verifika dwar il-fajl Datashop – Planistat minn Frar 2000 u kien għaddieh lill-OLAF f’Marzu 2000. L-OLAF fetaħ l-investigazzjonijiet tiegħu biss fis-6 ta’ Ottubru 2000 għal dak li jirrigwarda l-fajls Eurocost u Datashop – Planistat u fit-18 ta’ Marzu 2002 għal dak li jirrigwarda l-fajl CESD Communautaire, u għalhekk ħa tmien xhur (kawżi Eurocost u Datashop – Planistat) u erba’ xhur (każ CESD Communautaire) sabiex jiddeċiedi li jibda investigazzjoni, mingħajr ma madankollu kellu żmien sabiex jisma’ lir-rikorrenti.
265 Skont ir-rikorrenti, l-OLAF qatt ma informa lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tiegħu bir-raġunijiet għalfejn l-investigazzjoni ma setgħetx tingħalaq fit-terminu ta’ disa’ xhur, u lanqas b’terminu prevedibbli għat-tlestiħ tal-investigazzjoni.
266 Għaldaqstant, billi l-ewwel nett ħa ħafna żmien sabiex jiftaħ l-investigazzjonijiet, biex jiżvolġihom u biex jgħalaqhom, u billi rrivolġa ruħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji f’kundizzjonijiet ftit li xejn koerenti u fuq il-bażi ta’ investigazzjonijiet inkompluti u mhux magħluqa, l-OLAF adotta mġiba li tikser il-kunċett ta’ żmien raġonevoli u l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u tmexxija tajba.
267 Barra minn dan, ir-rikorrenti subew dannu minħabba dan it-terminu u l-ilment tagħhom dwar it-tul eċċessiv ta’ investigazzjoni qabel anki ma kienu koinvolti b’mod attiv f’din l-investigazzjoni jew li l-implikazzjoni tagħhom f’din l-investigazzjoni kienet magħrufa, huwa fondat.
268 Il-Kummissjoni tagħraf li terminu ta’ żmien twil għadda bejn il-mument li fih l-OLAF rċieva komunikazzjoni tad-diversi fajls, dak fli fih fetaħ l-investigazzjonijiet u dak li fih dawn l-investigazzjonijiet ġew magħluqa. Dan it-terminu huwa parzjalment spjegat mis-stabbiliment stess tal-OLAF, li beda l-attivitajiet tiegħu fl-1 ta’ Ġunju 1999 bil-persunal tat-task-force preċedenti “Koordinament kontra l-frodi” li huwa ssostitwixxa. Il-wasla tal-uffiċjali l-ġodda kienet mifruxa bejn nofs l-2001 u nofs l-2002, fejn dan il-bdil fil-persunal involva riorganizzazzjoni kompluta tas-servizz u tibdil tad-diriġenza u attribuzzjoni mill-ġdid ta’ fajls.
269 Madankollu, it-tul ta’ dan it-terminu mhuwiex minnu nnifssu irraġonevoli jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ kumplessità tal-każ. Fil-fatt, l-OLAF kien irċieva b’mod puntwali diversi fajls relatati ma’ dan il-każ u kien biss permezz tat-tqabbil ta’ dawn il-fajls differenti, li seta’ jsir biss wara ċertu żmien, li setgħet tidher l-importanza kollha tal-problema.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza
270 Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 1073/1999, l-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew kontinwament matul perijodu li għandu jkun proporzjonat għaċ-ċirkustanzi u l-komplessità tal-każ.
271 Barra minn dan, l-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprovdi li, meta investigazzjoni tkun ilha għaddejja għal aktar minn disa’ xhur, id-Direttur tal-OLAF għandu jinforma lill-Kumitat ta’ Sorveljanza ta’ dan tal-aħħar bir-raġunijiet li minħabba fihom ma kienx possibbli li tingħalaq l-investigazzjoni, u biż-żmien meta huwa mistenni li titlesta.
272 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1073/1999 ma jipprevedi ebda terminu preċiż u imperattiv għat-twettiq tal-investigazzjonijiet mill-OLAF.
273 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-qorti Komunitarja għandha tiżgura r-rispett tiegħu u li huwa, barra minn dan, imsemmi fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, bħala li jifforma parti mid-dritt għall-amministrazzjoni tajba (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il-Kummissjoni, T-394/03, ĠabraSP p. I-A-2-95 u II-A-2-441, punt 162).
274 Għaldaqstant, il-proċedura quddiem l-OLAF ma tistax tittawwal lil hinn minn terminu raġonevoli, li għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.
275 F’dan il-każ, jirriżulta mill-fajl li l-OLAF kellu għad-dispożizzjoni tiegħu, rispettivament, mis-17 ta’ Marzu 2000, mit-12 ta’ April 2000 u mill-15 ta’ Novembru 2001, ir-rapporti ta’ verifika dwar il-fajls Datashop, Eurocost u CESD Communautaire.
276 Jirriżulta wkoll mill-proċess li l-OLAF fetaħ l-investigazzjonijiet interni tiegħu fil-fajls Datashop u Eurocost fis-6 ta’ Ottubru 2000, u fit-18 ta’ Marzu 2002 fil-fajl CESD Communautaire. Għalhekk, huwa ħa rispettivament kważi seba’ u sitt xhur sabiex jiftaħ l-investigazzjonijiet fil-kawżi Datashop u Eurocost, u erba’ xhur fil-każ CESD Communautaire.
277 Dawn l-investigazzjonijiet ġew magħluqa bir-rapporti ta’ investigazzjoni finali fil-25 ta’ Settembru 2003. Għalhekk, l-investigazzjonijiet immexxija fil-kawżi Datashop u Eurocost kienu ġew magħluqa madwar tliet snin u nofs wara l-intervent tal-OLAF u kważi tliet snin wara l-ftuħ tagħhom; l-investigazzjoni żvolta fil-każ CESD Communautaire kienet ġiet magħluqa madwar sena u għaxar xhur wara li l-intervent tal-OLAF u sena u nofs wara l-ftuħ tagħha.
278 Għandu jiġi rrilevat li dawn it-termini jistgħu jiġu kkunsidrati bħala relattivament twal.
279 Hekk kif il-Kummissjoni stess għarrfet, terminu ta’ żmien twil għadda mill-mument li fih l-OLAF irċieva komunikazzjoni tal-fajls differenti, dak li fih huwa fetaħ l-investigazzjonijiet u dak li fih dawn l-investigazzjonijiet ġew magħluqa. Dan it-terminu huwa parzjalment spjegat mill-istabbiliment tal-OLAF, li beda l-attivitajiet tiegħu fl-1 ta’ Ġunju 1999 bil-persunal tat-task-force preċedenti “Koordinament kontra l-frodi” li huwa ssostitwixxa. Il-wasla tal-uffiċjali l-ġodda kienet mifruxa bejn nofs l-2001 u nofs l-2002, fejn dan il-bdil fil-persunal involva riorganizzazzjoni kompluta tas-servizz u tibdil tad-diriġenza u attribuzzjoni mill-ġdid ta’ fajls.
280 Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li tali spjegazzjonijiet ma jistgħux waħedhom jiġġustifikaw dawn it-termini twal. Fil-fatt, hekk kif ġustament jikkonstataw ir-rikorrenti, l-uffiċjali kkonċernati m’għandhomx ibatu n-nuqqasijiet tal-organizzazzjoni amministrattiva tad-dipartimenti tal-Kummissjoni. Il-fatt li l-OLAF iltaqa’ ma’ diffikultajiet tal-bidu ma jistax jikkostitwixxi eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-Kummissjoni.
281 Madankollu, hekk kif issostni l-Kummissjoni, hemm ukoll lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ kumplessità tal-każ. Il-kumplessità tal-każ Eurostat, inerenti għall-investigazzjonijiet differenti li għalihom huwa ta lok u għall-eventwali interazzjoni bejn dawn tal-aħħar, mhijiex ikkontestata u tirriżulta mill-proċess.
282 Konsegwentement, it-termini ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma irraġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.
283 F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-OLAF qatt ma informa lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tiegħu bir-raġunijiet għalfejn l-investigazzjoni ma setgħetx tingħalaq fit-terminu ta’ disa’ xhur, u lanqas b’terminu prevedibbli għat-tlestiħ tal-investigazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anki jekk dan kien il-każ, ir-rikorrenti xorta ma wrewx li dan kien ksur suffuċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi.
284 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti dwar allegat terminu irraġonevoli tal-investigazzjonijiet.
285 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li l-OLAF wettaq numru ta’ żbalji li jistgħu jwasslu għar-responsabbiltà tal-Komunità. Dawn l-iżbalji jikkonsistu fit-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi u Franċiżi mingħajr ma sema’ minn qabel lir-rikorrenti u l-Kumitat ta’ Sorveljanza tiegħu u fil-kxif ta’ informazzjoni dwar t-trażmissjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi.
B – Fuq l-illegalità tal-imġiba tal-Kummissjoni
1. Fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni mill-Kummissjoni
a) L-argumenti tal-partijiet
286 Ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet huma obbligati jiżguraw ir-rispett tal-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF u tad-drittijiet leġittimi tal-persuni involuti taħt l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 1073/1999, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, fatt li l-Kummissjoni ma wettqietx.
287 F’dan il-każ, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni jew ta’ rapporti tal-OLAF lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali wasslet għal “kxif ta’ informazzjoni, ftit jew wisq orkestrat, probabbilment volontarju, minn naħa tal-OLAF”, li wassal għal kampanja tal-midja ta’ malafama tar-rikorrenti li ppreġudikat b’mod serju d-drittijiet leġittimi tagħhom, ġieħhom u d-dinjità tagħhom. Bl-istess mod, minn wara s-seduti tar-rikorrenti mal-investigaturi tal-OLAF, l-istampa kienet taf dwar elementi partikolarment preċiżi tal-każ Eurostat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma ggarantitx ir-rispett tal-kunfidenzjalità. Ir-rikorrenti, barra minn dan jirrilevaw li l-Kummissjoni ma tikkontestax dawn il-fatti.
288 Barra minn dan, il-Kummissjoni stess ipproċediet bix-xandir ta’ informazzjoni, bi ksur tal-obbligu tagħha ta’ kunfidenzjalità kif ukoll tal-prinċipji ta’ audi alteram partem u ta’ preżunzjoni tal-innoċenza. Ir-rikorrenti jirreferu għal komunikat stampa tad-9 ta’ Lulju 2003, li fih il-Kummissjoni għarrfet li kienet fetħet proċeduri dixxiplinari kontra tlieta mill-uffiċjali tagħha. Anki jekk dan il-komunikat ippreċiża li l-ftuħ ta’ tali proċeduri kien ġie deċiż bla ħsara għall-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, dan seħħ fi kuntest li bilfors jippreġudika d-drittijiet leġittimi tar-rikorrenti. Barra minn dan, f’dan il-komunikat stampa, il-Kummissjoni rendiet pubbliċi elementi kunfidenzjali dwar il-każ Eurostat billi bbażat ruħha fuq investigazzjonijiet li matulhom ir-rikorrenti qatt ma nstemgħu minn qabel.
289 Barra minn dan, fl-24 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni ċċirkolat mal-Parlament tliet dokumenti li jqegħdu f’dubju jew li jikkritikaw lir-rikorrenti (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), li ma kinux ikkomunikati minn qabel lir-rikorrenti u li fuqhom dawn tal-aħħar ma kellhomx għalhekk l-okkażjoni li jressqu osservazzjonijiet, u li ġew ikkomunikati lir-rikorrenti biss wara t-talba tagħhom, fl-10 ta’ Ottubru 2003, minkejja x-xandir kbir tagħhom fi ħdan l-istituzzjonijiet u fl-istampa mill-25 ta’ Settembru 2003.
290 Ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk id-dokumenti inkwistjoni, maħruġa mit-task-force u mid-DVI, ma jqiegħduhomx f’dubju speċifikament u individwalment, billi l-għan ta’ dawn l-istanzi ma kienx li jiddeċiedu formalment fuq l-eżistenza ta’ frodi jew li jqiegħdu lil xi ħadd inkwistjoni individwalment, is-sempliċi fatt li dawn jinkludu dubji fuq ir-regolarità ta’ ċerti elementi kkonstatati huwa ta’ dannu għalihom.
291 Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li dan ix-xandir sar bi ksur tal-ftehim qafas fuq ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni (Anness XIII tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament), li abbażi tiegħu dawn iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom jirrispettaw, fil-kuntest ta’ kull informazzjoni kunfidenzjali, b’mod partikolari “id-drittijiet fundamentali tal-persuna, inklużi d-drittijiet tad-difiża u l-protezzjoni tal-ħajja privata” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn dan, l-informazzjoni kunfidenzjali tista’ tiġi kkomunikata biss lill-President tal-Parlament, lill-presidenti tal-kummissjonijiet parlamentari kkonċernati kif ukoll lill-uffiċċju u fil-konferenza tal-presidenti. Issa, f’dan il-każ, ix-xandir kien akbar, billi d-dokumenti mxandra kienu aċċessibbli prattikament lil kull membru parlamentari u, barra minn dan, lill-istampa. Barra minn dan, il-President tal-Kummissjoni intervjena quddiem il-presidenti tal-gruppi parlamentari, kategorija li mhijiex inkluża fl-Artikolu 1(4) tal-ftehim qafas.
292 Barra minn dan, fid-diskors tiegħu tal-25 ta’ Settembru 2003 quddiem il-konferenza tal-presidenti tal-gruppi parlamentari tal-Parlament, il-President tal-Kummissjoni għamel akkużi estremament gravi fir-rigward tar-rikorrenti u, b’mod partikolari, ta’ Y. Franchet, Anki jekk il-President tal-Kummissjoni ma akkużax b’ismu lil Y. Franchet li huwa responsabbli ta’ irregolaritajiet, huwa akkużah li ppermetta li rregolaritajiet bħal dawn setgħu jseħħu. Y. Franchet ġie wkoll akkużat li naqas milli jinforma lill-membru tal-Kummissjoni bħala kuratur, hekk kif tammetti l-Kummissjoni, u li kellu interess “li jaħbi l-verità fuq fatti li jirrigwardaw il-passat”.
293 Għaldaqstant, permezz ta’ dan l-att ta’ akkuża, li ma kienx ippreċedut minn l-ebda diskussjoni mal-akkużat, li għaldaqstant “tħalla waħdu” quddiem il-membri tal-Cocobu u l-istampa, u fuq il-bażi biss ta’ rapporti redatti fi klima ta’ suspett fir-rigward tal-Kummissjoni, li kellha għalhekk turi pożizzjoni soda, il-President ta’ din tal-aħħar ma adottax imġiba li turi d-dinjità u l-onestà li kull ċittadin għandu d-dritt jistenna minnu. Huwa ma rrispettax id-drittijiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża, u bbaża l-evalwazzjonijiet tiegħu fuq fatti żbaljati. Skont ir-rikorrenti, mhuwiex aċċettabbli li huwa ddeċieda, għal motivi esklużivament politiċi, li jidentifika ħati, sabiex jeżenora ruħu minn kull kritika. Din l-“istrateġija strateġija tal-umbrella”, hekk kif ġiet definita mill-istampa, kienet biss intiża li tirbaħ ftit iktar ħin.
294 Il-Kummissjoni tenfasizza li, billi l-OLAF aġixxa, fil-kuntest tal-missjoni ta’ investigazzjoni tiegħu, b’mod totalment indipendenti, mhuwiex huwa li għandu jintervjeni fl-atti ta’ investigazzjoni tiegħu. L-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 1073/1999 jimponi lill-Kummissjoni l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF fir-rigward tas-sejbiet tagħhom. Il-Kummissjoni tassumi kull responsabbiltà eventwali imputabbli lill-OLAF, iżda din ma tagħtiha l-ebda kompetenza tintervjeni fl-atti ta’ investigazzjoni tiegħu sabiex tiggarantixxi l-kunfidenzjalità tagħhom.
295 F’dak li jirrigwarda l-komunikat stampa tad-9 ta’ Lulju kif ukoll d-deċiżjonijiet meħuda fl-istess ġurnata, skont il-Kummissjoni, dawn kienu jidhru partikolarment prudenti, moderati u attenti għall-ħarsien tal-indiviwi, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest, “ikkaratterizzat minn klima ċara ta’ tensjoni interistituzzjonali li feġġet [wara l-]eżerċizzju ta’ kwittanza 2001”.
296 Fir-rigward tat-tliet dokumenti kkomunikati lill-Parlament fl-24 ta’ Settembru 2003 (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni tikkonstata li s-sunt u l-konklużjonijiet tal-ħidma tat-task-force ma sjeħux in kawża lir-rikorrenti. In-nota informattiva, ibbażata fuq it-tieni rapport intermedjarju stabbilit mid-DVI, tinkludi konstatazzjonijiet preliminari li l-kompjutezza tagħhom mhijiex iggarantita u ma titrattax l-eventwali responsabbiltà diretta u individwali tar-rikorrenti, li għalhekk ma jistgħux jilmentaw mill-fatt li dawn id-dokumenti ma ġewx ikkomunikati lilhom minn qabel u li ma kellhomx iċ-ċans li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom. Dawn id-dokumenti huma llimitati sabiex jikkonstataw nuqqasijiet sistematiċi. Li jiġi ammess li r-rapporti maħruġa minn strutturi bħat-task-force jew id-DVI jistgħu jkunu ta’ dannu għal uffiċjali minħabba s-sempliċi fatt li dawn jinkludu interrogazzjonijiet dwar ir-regolarità ta’ ċerti atti jew imġiba jammonta sempliċement li tiġi miċħuda kull possibbiltà ta’ attività ta’ verifika.
297 F’dak li jirrigwarda d-diskors tal-President tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Settembru 2003, dan tal-aħħar wettaq analiżi mingħajr konċessjoni ta’ sitwazzjoni gravi, mingħajr madankollu ma pprova juri lir-rikorrenti bħala “vittmi sagrifikali”. Anki jekk akkuża lil Y. Franchet li ma rtirax ruħu malajr kemm jista’ jkun minn ċerti entitajiet, kuntrarjament għall-istruzzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni preċedenti, u li kompla relazzjonijiet kuntrattwali ma’ ċerti kumpanniji minkejja r-riżultati ta’ ċerti verifiki li kienu għad-dispożizzjoni tiegħu, fatt li jikser il-prinċipju tal-prekawzjoni fl-iktar sens bażiku tiegħu, madankollu huwa ma akkużax lir-rikorrenti b’dawn l-irregolaritajiet.
298 Skont il-Kummissjoni, il-kontestazzjoni prinċipali mressqa fil-konfront ta’ Y. Franchet ma tinsabx fl-implikazzjoni personali eventwali tiegħu fi frodi jew irregolaritajiet, iżda fl-insuffiċjenza tal-informazzjoni mgħoddija lill-membru tal-Kummissjoni bħala kuratur, billi dan tal-aħħar, fil-mument ta’ dħul fil-kariga tiegħu, ma kienx informat bil-każ Eurostat. Il-Kummissjoni tqis li l-President tal-Kummissjoni identifika wkoll b’mod ċar il-problemi ta’ komunikazzjoni bejnha u bejn l-OLAF u għaraf il-bżonn li titjieb it-tmexxija finanzjarja fuq il-livell tal-kontroll ċentrali. Huwa qatt ma qiegħed in diskussjoni r-responsabbiltà kriminali jew dixxiplinari tar-rikorrenti, iżda b’mod ċar invoka r-“responsabbiltà politika-amministrattiva ” ta’ Y. Franchet.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza
299 L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ssalvagwardjatx il-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet fl-okkażjoni tal-komunikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, huwa biżżejjed li jingħad li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 1073/1999, l-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF tiġi rrispettata, flimkien mad-drittijiet leġittimi tal-persuni involuti,. Madankollu, din id-dispożizzjoni m’għandhiex tiġi interpretata bħala li tqiegħed piż fuq il-Kummissjoni ta’ obbligu ġenerali li tiggarantixxi li l-OLAF, li jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu b’indipendenza assoluta, jirrispetta l-kunfidenzjalità. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mas-subparagrafu ta’ qabel, li abbażi tiegħu d-Direttur Ġenerali tal-OLAF għandu jirraporta regolarment lill-istituzzjonijiet dwar is-sejbiet ta’ dawn l-investigazzjonijiet filwaqt li josserva dawn l-istess prinċipji. Għalhekk, mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1073/1999 jirriżulta li, fil-każ fejn id-Direttur Ġenerali tal-OLAF ikkomunika lill-istituzzjonijiet, inkluża lill-Kummissjoni, informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet, dawn għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni u d-drittijiet leġittimi tal-persuni kkonċernati fit-trattament ta’ din l-informazzjoni.
300 Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex imġiba illegali meta hija stess xandret informazzjoni differenti fil-kuntest tal-investigazzjonijiet inkwistjoni.
Fuq il-komunikat stampa tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2003
301 Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni stess ipproċediet għax-xandir ta’ informazzjoni bi ksur tal-obbligu tagħha ta’ kunfidenzjalità kif ukoll tal-prinċipji ta’ audi alteram partem u tal-preżunzjoni tal-innoċenza, billi jirreferu għall-komunikat stampa tad-9 ta’ Lulju 2003 (IP/03/979).
302 Hemm lok li jiġi ċċitat dan il-komunikat stampa:
“Il-Kummissjoni tieħu miżuri insegwitu għall-miżapproprazzjonijiet finanzjarji fil-Eurostat
Dawn l-aħħar ġimgħat, il-Kummissjoni Ewropea pproċediet għal investigazzjoni tagħha stess fi ħdan [l-Eurostat]. Ir-riżultati preliminari ta’ dawn l-analiżi jindikaw b’mod ċar l-eżistenza ta’ nuqqasijiet u ta’ irregolaritajiet fis-sistema ta’ tmexxija fi ħdan il-Eurostat. Bir-rispett kollu dovut għall-miżuri attwalment meħuda b’indipendenza sħiħa mill-[OLAF], il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn li dawn is-suġġetti preokkupanti jiġu ffaċjati immedjatamet. Konsegwentement, il-Kummissjoni llum qablet fuq serje ta’ miżuri intiżi sabiex jirregolaw il-problemi l-iktar urġenti.
Il-President tal-Kummissjoni […] ddikkjara: ’Qed nistennew bil-paċenzja r-riżultati ta’ diversi investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa. Madankollu, l-analiżi tagħna diġà jagħtuna minn issa raġunijiet sabiex naġixxu u l-Kummissjoni tixtieq bis-sħiħ li l-affarijiet jitgħaġġlu. Mil-lum ser jittieħdu miżuri radikali u diffiċli iżda indispensabbli. Huma x’inhuma l-fatti li seħħew fil-passat, dawn ser ikunu ttrattati u t-tħaddim tal-Eurostat ser jobdi r-regoli u l-prinċipji li din il-Kummissjoni ħalfet li tapplika.’
Miżuri
Il-Kummissjoni fetħet proċeduri dixxiplinari kontra tliet uffiċjali tal-Kummissjoni. B’mod kawtelarju, ċertu numru ta’ diriġenti tal-Eurostat ser jiġu ttrasferiti u ser jingħataw funzjonijiet ta’ konsulenti.
Jekk joħroġ li membru li jagħmel jew li kien jagħmel parti mill-persunal tal-Eurostat wettaq ksur tar-regolament finanzjarju u tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa jkun suġġett għal proċeduri dixxiplinari. Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li d-deċiżjonijiet ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari jew ta’ trasferiment tal-uffiċjali jittieħdu bla ħsara għall-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.
[…]
[L-analiżi mwettqa mid-DĠ ’Baġit’ tar-rapporti ta’ verifika redatti wara l-verifika interna tal-Eurostat] turi li kien hemm ċertu numru ta’ ksur gravi tar-regolament finanzjarju u li s-segwitu mogħti lil diversi aspetti importanti tar-rapporti ta’ verifika interna ma kienx wiesa’ u rigoruż biżżejjed u ma wassalx għal miżuri essenzjali.
[…]
Ir-riżultati tad-[DVI] huma ta’ natura preliminari u għad għandhom jiġu kkoroborati. Madankollu, dawn ir-riżultati u l-ewwel indizji jagħtu x’wieħed jifhem li twettqu misfatti gravi.
Ir-rapport tal-OLAF, previst għall-aħħar ta’ Ġunju, għadu mistenni.”
303 Skont ir-rikorrenti, dan il-komunikat stampa jikser id-drittijiet leġittimi tagħhom u jikser il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.
304 Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li r-rikorrenti mhumiex espliċitament imsemmija f’dan il-komunikat stampa. Madankollu, billi l-ismijiet tagħhom kienu ġa ġew imxandra sewwa pubblikament, bmod partikolari f’Mejju 2003, f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ nuqqasijiet u ta’ irregolaritajiet fis-sistema ta’ tmexxija fi ħdan il-Eurostat, ma kien hemm l-ebda dubju li dan il-komunikat stampa kien qed jirreferi għar-rikorrenti.
305 Fil-fatt, il-Kummissjoni diġà kienet hija stess ikkomunikat l-ismijiet tar-rikorrenti lill-pubbliku permezz tad-dikjarazzjoni dwar il-Eurostat li hija xandret permezz tal-komunikat stampa tad-19 ta’ Mejju 2003 (IP/03/709) u li r-rikorrenti ressqu b’risposta għal domanda bil-mitkub tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Skont din id-dikjarazzjoni:
“Nhar il-Ġimgħa li għadda, il-Kummissjoni rċeviet nota intermedjarja qasira mill-OLAF fuq l-investigazzjonijiet tiegħu li għaddejjin dwar l-allegati irregolaritajiet fil-passat fi ħdan il-Eurostat, li jikkonfermaw li wħud mis-suġġetti taħt investigazzzjoni jistgħu jsejħu inkwistjoni r-responsabbiltà individwali ta’ ċerti uffiċjali għolja. Madankollu, din in-nota għad ma tfornix prova dwar uffiċjali preċiżi. Barra minn dan, l-uffiċjali kkonċernati ma nstemgħux mill-OLAF.
Il-Kummissjoni ser tistudja din is-sitwazzjoni matul il-laqgħa tagħha li jmiss nhar l-Erbgħa, sabiex tieħu kull miżura xierqa sabiex tiżgura tmiem rapidu tal-investigazzonijiet li għaddejjin u sabiex tiddefendi l-interessi finanzjarji tal-Komunità kif ukoll ir-reputazzjoni tal-istituzzjoni u tal-uffiċjali tagħha. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ser tistudja t-talbiet ta’ Yves Franchet, Direttur Ġenerali tal-Eurostat, u ta’ Daniel Byk, Direttur tal-Eurostat, li jkunu ttrasferiti mill-kariga attwali tagħhom, sabiex jiġu mħarsa l-interessi tal-istituzzjoni u sabiex ikunu jistgħu jiddefendu lilhom infushom.
Il-Kummissjoni titlob lill-OLAF iħaffef l-investigazzjoni tiegħu li għaddejja u, b’mod partikolari, jagħti lill-uffiċjali li huwa jikkunsidra bħala potenzjalment implikati l-opportunità li jinstemgħu.”
306 Għalhekk, il-Kummissjoni assoċjat b’mod ċar l-ismijiet tar-rikorrenti mal-allegati irregolaritajiet fil-kuntest tal-każ Eurostat. Dan reġa’ seħħ fil-21 ta’ Mejju 2003, meta l-Kummissjoni ppubblikat komunikat stampa ieħor, bit-titolu “Il-Kummissjoni taġixxi sabiex tħares l-interessi tal-istituzzjoni u tal-persunal tagħha quddiem l-allegazzjonijiet dwar il-Eurostat” (IP/03/723), li r-rikorrenti ppreżentaw b’risposta għal domanda bil-mitkub tal-Qorti tal-Prim’Istanza u li jgħid:
“Il-Kummissjoni llum studjat is-sitwazzjoni kkawżata mill-allegazzjonijiet dwar l-Uffiċċju tal-Istatistika Ewropew, Eurostat. F’dan il-kuntest, hija adottat erba’ miżuri intiżi sabiex iħarsu l-interessi tal-istituzzjoni u tal-persunal tagħha.
L-ewwel nett, il-Kummissjoni taċċetta, fuq talba tagħhom, li tittrasferixxi lejn funzjonijiet ġodda d-Direttur Ġenerali tal-Eurostat Yves Franchet u d-Direttur tal-Eurostat Daniel Byk, għat-tul tal-investigazzjoni. Dawn it-trasferimenti fl-ebda każ mhuma miżura dixxiplinari, iżda huma adottati sabiex jiġu mħarsa l-interessi tal-istituzzjoni u sabiex jagħtu lill-persuni kkonċernati l-mezzi adegwati sabiex jiddefendu lilhom infushom mill-allegazzjonijiet. Minn dan il-jum, iż-żewġ persuni huma għalhekk temporanjament maħtura f’funzjonijiet ta’ konsulenti mad-Direttorat Ġenerali [’]Amministrazzjoni[’]. Il-Kummissjoni wkoll iddeċidiet li taħtar lil [V. A.], attwalment Direttur Ġenerali għat-traduzzjoni, bħala Direttur Ġenerali tal-Eurostat b’mod temporanju, sabiex tiġi żgurata t-tkomplijja tat-tmexxija tal-Eurostat.
Il-Kummissjoni tinnota li [l-OLAF] għandu l-intenzjoni li jagħmel rapport fuq l-implikazzjoni potenzjali ta’ uffiċjali tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tiegħu minn issa sal-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju ta’ din is-sena.
It-tieni nett, minħabba s-sitwazzjoni li nħolqot fil-konfront ta’ Y. Franchet u D. Byk, b’mod partikolari fil-midja, il-Kummissjoni ddeċidiet li tgħinhom jiddefendu r-reputazzjoni tagħhom u d-drittijiet tad-difiża tagħhom.
It-tielet nett, hija inkarigat lid-Direttorat Ġenerali [’]Baġit[’] janalizza r-rapporti ta’ verifika redatti mill-Eurostat, sabiex jivverifika [li] l-metodi previsti mir-regolament finanzjarju fil-każijiet suġġetti għal investigazzjoni tal-OLAF ġew osservati.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ddeċidiet li tidher bħala parti ċivili fl-investigazzjoni miftuħa mill-Prosekutur tar-Repubblika ta’ Pariġi, sabiex tiddefendi l-interessi kemm ċivili kif ukoll finanzjarji tal-istituzzjoni.
Il-Kummissjoni tenfasizza li l-investigazzjonijiet tal-OLAF għadhom għaddejjin u tinnota li l-OLAF, minn naħa, ser joffri lill-uffiċjali potenzjalment ikkonċernati ċ-ċans li jinstemgħu u, min-naħa l-oħra, ser jipprova jwassal mill-iktar fis possibbli l-investigazzjonijiet tiegħu fi tmiemhom.
Il-Kummissjoni tixtieq ukoll tenfasizza d-dritt ta’ kull individwu għall-preżunzjoni tal-innoċenza u tfakkar li l-informazzjoni li hija tiddisponi minnha f’dan l-istadju ma tippermettix li jinstiltu konklużjonijiet dwar ir-responsabbiltà ta’ uffiċjali speċifiċi.
L-OLAF inħoloq preċiżament sabiex jiddefendi l-interessi finanzjarji tal-Komunità, u l-indipendenza operattiva tiegħu u fil-qasam tal-investigazzjonijiet hija ggarantita. Il-Kummissjoni tirrispetta l-prerogattivi tal-OLAF. Konsegwentement hija tastjeni milli tagħmel kwalunkwe ħaga li tista’ ddgħajjef ir-riżultat tal-investigazzjonijiet tiegħu u ma tantiċipax ir-riżultati ta’ dawn. Madankollu, dan ifisser li l-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tasal għall-konklużjonijiet tagħha stess qabel mal-OLAF ma jkun iffinalizza xogħlu u jkun ipprovda rapport.”
307 Għalhekk, dan il-komunikat stampa, reġa’ mill-ġdid, b’mod ċar assoċja l-ismijiet tar-rikorrenti mal-allegazzjonijiet dwar il-każ Eurostat.
308 Konsegwentement, fir-rigward tal-kuntest u tar-reklamar li l-Kummissjoni kienet diġà għamlet lir-rikorrenti u tal-eventwali implikazzjoni tagħhom fil-miżapproprazzjonijiet fi ħdan il-Eurostat, għandu jingħad li l-komunikazzjoni lill-pubbliku tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2003 li tiftaħ proċeduri dixxiplinari kontra tlieta mill-uffiċjali tagħha setgħet tissostanzja l-idea li r-rikorrenti setgħu kienu ħatja jew, għall-inqas, issuspettati b’miżapproprazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ investigazzjonijiet dwar it-tmexxija tal-programmi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Eurostat. Din l-impressjoni ma titneħħiex permezz tal-indikazzjoni li “[l]-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li d-deċiżjonijiet ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari jew ta’ trasferiment ta’ uffiċjali jittieħdu bla ħsara għall-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2007, Clotuche vs Il-Kummissjoni, T-339/03, Ġabra p. II-0000, punt 145, u Caló vs Il-Kummissjoni, T-118/04 u T-134/04, Ġabra p. II‑0000, punt 120).
309 Għandu jitqies li l-forom mogħtija lill-komunikazzjoni lill-pubbliku tad-deċiżjoni li jinfetħu proċeduri dixxiplinari tad-9 ta’ Lulju 2003 bilfors taw, fir-rigward ta’ dan, jew għall-inqas fir-rigward ta’ parti minnu, l-impressjoni li r-rikorrenti kienu involuti fl-irregolaritajiet mwettqa fi ħdan il-Eurostat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Clotuche vs Il-Kummissjoni, punt 308 iktar ’il fuq, punt 219, u s-sentenza Caló vs Il-Kummissjoni, punt 308 iktar ’il fuq, punt 155).
310 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 210 u 211 iktar ’il fuq, il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza jitlob li persuna akkużata bi ksur titqies li hija innoċenti sakemm ma tiġix ipprovata l-ħtija tagħha mingħajr l-ebda dubju raġonevoli f’kawża. Issa fil-mument tal-pubblikazzjoni ta’ dan il-komunikat stampa, u sa llum, il-ħtija tar-rikorrenti qatt ma ġiet ipprovata.
311 Madankollu, għandu wkoll jiġi mfakkar li l-istituzzjonijiet ma jistgħux ikunu ostakolati milli jinformaw lill-pubbliku fuq investigazzjonijiet li huma għaddejjin (ara l-punt 212 iktar ’il fuq). Issa, f’dan il-każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni għamlet dan bid-diskrezzjoni u bir-riżervatezza kollha mitluba, filwaqt li osservat l-ekwilibriju ġust bejn l-interessi tar-rikorrenti u dawk tal-istituzzjoni. Fil-fatt, bir-reklamar li hija ddeċidiet li tagħti lill-każ Eurostat, filwaqt li ħadet ħsieb tassoċja lir-rikorrenti mal-miżapproprazzjonijiet, hija ma baqgħetx fil-limiti ta’ dak li huwa ġġustifikat mill-interess tas-servizz.
312 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Kummissjoni, li l-komunikat stampa tad-9 ta’ Lulju 2003 jidher bħala partikolarment prudenti, moderat u attent għall-protezzjoni tal-indiviwi, ma jistax jintlaqa’ jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest, “ikkaratterizzat minn klima ċara ta’ tensjoni interistituzzjonali li feġġet [wara l-]eżerċizzju ta’ kwittanza 2001”.
313 Konsegwentement, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza meta ppubblikat dan il-komunikat stampa.
314 Hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 209 iktar ’il fuq, dan il-prinċipju jagħti drittijiet lill-individwu. Barra minn dan, għandu jingħad li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, dan il-ksur għandu jkun ikkunsidrat bħala suffiċjentement serju, peress li l-Kummissjoni ma tiddisponi minn ebda marġini ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-obbligu impost fuqha li tirrispetta l-preżunzjoni tal-innoċenza.
Fuq id-dokumenti kkomunikati lill-Parlament fl-24 ta’ Settembru 2003
315 Ir-rikorrenti jsostnu li, fl-24 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni ċċirkolat fi ħdan il-Parlament tliet dokumenti li jqegħduhom f’dubju jew li jikkritikawhom, li ma kinux ġew ikkomunikati lilhom minn qabel u li fir-rigward tagħhom huma ma kellhomx għalhekk l-okkażjoni li jressqu osservazzjonijiet.
316 Dan huma s-“sunt tal-każijiet Eurostat attwalment magħluqa”, redatt mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF, ir-rapport intitolat “Rapport tat-task-force Eurostat (TEFS) – Sunt u konklużjonijiet” u nota ta’ informazzjoni dwar il-Eurostat, ibbażata fuq it-tieni rapport intermedjarju redatt mid-DVI.
317 F’dak li jirrigwarda s-“sunt tal-każijiet Eurostat attwalment magħluqa”, dan intbagħat lill-President tal-Kummissjoni mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF. Għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti jikkontestaw lill-Kummissjoni biss il-fatt li ma kkomunikatilhomx dan id-dokument u li ma semgħathomx qabel it-trażmissjoni tiegħu. Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, billi dan ma kienx dokument redatt mill-Kummissjoni, hija ma kinitx obbligata tisma’ lir-rikorrenti qabel ma tgħaddih lill-Parlament. Barra minn dan, hekk kif jirriżulta mill-punti 33 u 35 iktar ’il fuq, l-OLAF kien sema’ lir-rikorrenti f’Ġunju u f’Lulju 2003, għalhekk ħafna qabel ma sar dan is-sunt.
318 Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti tat-task-force u tad-DVI inkwistjoni, ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk dawn ma jsejħuhomx speċifikament u individwalment inkwistjoni, billi l-funzjoni ta’ dawn l-istanzi ma kinitx li jiddeċiedu formalment fuq l-eżistenza ta’ frodi jew li jsejħu inkwistjoni lil xi ħadd individwalment, is-sempliċi fatt li dawn iqajmu dubji fuq ir-regolarità ta’ ċerti elementi kkonstatati huwa ta’ dannu għalihom.
319 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li d-dokument li fih is-sunt u l-konklużjonijiet tar-rapport tat-task-force ma jsejjaħx direttament inkwistjoni lir-rikorrenti. Fil-fatt, dan mhuwiex att li jikkawża dannu, b’mod li l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jiġi invokat b’mod utli mir-rikorrenti sabiex jikkritikaw il-fatt li ma nstemgħux qabel it-tħejjija ta’ dan ir-rapport. Ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jagħmlu użu minn dannu eventwali li jirriżulta mill-fatt li dan intbagħat lill-Parlament.
320 Fir-rigward tan-nota informattiva dwar il-Eurostat, ibbażata fuq it-tieni rapport intermedjarju redatt mid-DVI, lanqas din ma ssejjaħ direttament inkwistjoni lir-rikorrenti. Skont ir-rikorrenti, dan id-dokument jinkludi elementi dannużi, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ Y. Franchet f’dak illi dan isemmi n-nuqqas ta’ trasparenza u ta’ komunikazzjoni bejn id-Direttur Ġenerali preċedenti tal-Eurostat u l-membru tal-Kummissjoni bħala kuratur. Barra minn dan, huma jenfasizzaw li huwa kkonstatat li “n-nuqqas ta’ verifiki fuq il-ġestjoni ta’ dawn il-fondi jikkawża r-riskju li dawn jiġu esposti, b’grad inaċċettabbli, għall-frodi u għall-irregolaritajiet”. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li r-rikorrenti jonqsu milli jiċċitaw il-frażi li ġejja, li abbażi tagħha, “[fid]-dawl tan-natura tal-missjoni tad-DVI, [mhuwiex possibbli li] tittieħed deċiżjoni fuq il-possibiltà ta’ frodi li timplika profitt personali”. Hemm lok li jiġi rrilevat li dawn l-elementi mhumiex biżżejjed sabiex juru li r-rikorrenti kellhom jinstemgħu f’dan ir-rigward qabel it-tħejjija ta’ dan ir-rapport, u lanqas li l-komunikazzjoni tiegħu lill-Parlament ikkawżatilhom xi dannu. F’kull każ, ir-rapport tad-DVI li fuqu din in-nota kienet ibbażata kien għadu ma kienx ir-rapport finali. Barra minn dan, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan huwa att li jikkawża dannu.
321 Fl-aħħar nett, fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li x-xandir tat-tliet dokumenti inkwistjoni sar bi ksur tal-ftehim qafas fuq ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni (Anness XIII tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament), li abbażi tiegħu dawn iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom jirrispettaw, fil-kuntest ta’ kull informazzjoni kunfidenzjali, b’mod partikolari “d-drittijiet fundamentali tal-persuna, inklużi d-drittijiet tad-difiża u tal-protezzjoni tal-ħajja privata” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
322 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan huwa motiv ġdid, imressaq matul l-istanza, li mhuwiex ibbażat fuq elementi ta’ dritt jew ta’ fatt li seħħew matul il-proċedura. Konsegwentement, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.
323 Sussidjarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma wrew bl-ebda mod li l-Kummissjoni kienet ikkomunikat informazzjoni kunfidenzjali lid-destinatarji l-oħra għajr dawk imsemmija f’dan il-ftehim qafas u li d-dokumenti mxandra kienu prattikament aċċessibbli għal kull parlamentari u barra minn dan, lill-istampa.
324 Konsegwentement, billi l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tisma’ lir-rikorrenti qabel ma tgħaddi lill-Parlament it-tliet dokumenti inkwistjoni jew li tinformhom qabel din it-trażmissjoni, hemm lok li l-ilment tar-rikorrenti f’dan ir-rigward jiġi miċħud.
Fuq id-diskors tal-President tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Settembru 2003
325 Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-diskors tiegħu tal-25 ta’ Settembru 2003 quddiem il-konferenza tal-presidenti tal-gruppi parlamentari tal-Parlament, il-President tal-Kummissjoni għamel akkużi estremament gravi fir-rigward tar-rikorrenti u, b’mod partikolari, ta’ Y. Franchet, u li, għaldaqstant, huwa ma rrispettax id-drittijiet fundamentali tagħhom.
326 Skont il-Kummissjoni, il-President tagħha ma akkużax ir-rikorrenti b’irregolaritajiet matul dan id-diskors. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħti ta’ dan id-diskors (ara l-punti 297 u 298 iktar ’il fuq) ma tirriflettix ir-realtà. Ċertament, f’dan id-diskors, il-President tal-Kummissjoni jenfasizza n-nuqqas ta’ trasparenza u ta’ komunikazzjoni bejn id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat u l-membru tal-Kummissjoni bħala kuratur. Madankollu, iħalli x’jiġi mifhum li mhemmx dubji fir-rigward tal-implikazzjoni fl-irregolaritajiet tad-Direttur Ġenerali tal-Eurostat, bħal dik ta’ uffiċjal għoli ieħor.
327 Pereżempju, huwa jikkonstata li, “[m]inkejja l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni preċedenti sabiex jirtira minn dawn il-korpi […], id-Direttur Ġenerali kompla madankollu l-kooperazzjoni ma’ dawn l-entitajiet taħt forom oħra u b’metodi oħra”, li “[g]ħalhekk kien hemm diverżjonijiet” u li “ċertu numru ta’ rapporti ta’ verifika […] kienu jenfasizzaw irregolaritajiet xi drabi gravi jew gravi ħafna meta mqabbla mat-testi fis-seħħ u li huma ta’ dannu għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni”. Huwa jkompli billi jenfasizza li l-fatti dehru lill-Kummissjoni “fil-gravità kollha tagħhom u fil-kobor tagħhom f’Mejju 2003, fl-ewwel nota ta’ sustanza kkomunikata [mill]-OLAF lis-Segretarju Ġenerali”, li, “[m]inbarra l-gravità tal-fatti, l-element mingħajr preċedent u l-iktar impressjonanti kien l-involviment tad-Direttur Ġenerali tal-Eurostat stess u ta’ uffiċjal għoli ieħor, fil-każ Datashops” u li “[a]nella essenzjali naqset”, jiġifieri “dik tal-fiduċja leġittima mogħtija lil direttur ġenerali mill-korpi politiċi, li kien jitfa’ dawl għal kollox differenti fuq il-każ Eurostat kollu u kien jitlob qari fil-fond mill-ġdid tal-kronoloġija kollha tal-avvenimenti”.
328 B’mod partikolari, minn dan huwa ddeduċa li l-fatti inkwistjoni “jikkostitwixxu, barra l-kwalifika kriminali eventwali tagħhom, wirja ta’ prattika ħażina, ta’ traskuraġni […] kif ukoll ta’ dilettantiżmu fit-tmexxija u fil-kontroll, ta’ irregolaritajiet ovvji u ta’ riskji ta’ frodi, jekk mhux ta’ frodi fil-veru sens tal-kelma” u li “[d]an kollu, [huwa] responsabbiltà tal-iktar livell għoli fil-ġerarkija tal-Eurostat”.
329 Barra minn dan, fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat u l-membru tal-Kummissjoni bħala kuratur, il-President tal-Kummissjoni jikkonstata li, mill-mument li fih il-kabinett tiegħu rċieva, fuq talba tiegħu, “nota ta’ briefing” f’Lulju 2002, wara l-pubblikazzjoni tal-komunikat tal-OLAF li jħabbar it-trażmissjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi tal-fajls dwar il-Eurostat, “biċċiet mill-puzzle kienu disponibbli lill-kabinett, biċċiet li minnhom infushom ma kinux biżżejjed sabiex joħolqu reazzjoni, billi kien dejjem jonqos l-element l-iktar importanti”, jiġifieri t-“tqegħid inkwistjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Eurostat stess”. Huwa jkompli billi jammetti li “[k]ull wieħed jista’, skont il-kultura proprja amministrattiva tiegħu, jevalwa dan in-nuqqas evidenti ta’ komunikazzjoni u għalhekk ta’ reazzjoni”, jew li “[u]ħud jistgħu jikkunsidraw li kien il-kabinett li kellu jissorvelja b’mod iktar strett u li jitlob informazzjoni li d-Direttur Ġenerali ma tahx spontanjament”. Madankollu, huwa jqis minn naħa tiegħu li għandu jiġi determinat “[m]in kellu interess li jaħbi l-verità fuq fatti li jirrigwardaw il-passat” u li dan ma kinx “[ċ]ertament il-[membru tal-Kummissjoni]”.
330 Għandu jingħad li jirriżulta b’mod ċar minn dawn is-siltiet li, anki jekk il-President tal-Kummissjoni ma akkużax personalment lil Y. Franchet li kien responsabbli tal-irregolaritajiet, huwa akkużah li ppermetta li jseħħu dawn l-irregolaritajiet u li, għalih, ma kien hemm ebda dubju fir-rigward tar-responsabbiltà tiegħu. Barra minn dan, huwa jakkużah pjuttost direttament li ħeba l-verità fuq il-fatti inkwistjoni. Bl-istess mod, huwa jsemmi “uffiċjal għoli ieħor” f’dak li jirrigwarda l-każ Datashop, li ma jħalli l-ebda dubju fuq l-identità ta’ D. Byk, li ismu diġà kien ġie mxandar mal-pubbliku mill-Kummissjoni stess.
331 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, b’dan id-diskors, il-President tal-Kummissjoni ma rrispettax bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti u, b’mod partikolari, il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, sa fejn id-dikjarazzjonijiet, bħal “[d]an kollu, [huwa] responsabbiltà tal-iktar livell għoli fil-ġerarkija tal-Eurostat” u t-“tqegħid inkwistjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Eurostat stess u ta’ uffiċjal għoli ieħor”, li jinsabu f’dawn id-diskorsi jirriflettu l-impressjoni li r-rikorrenti huma ħatja tal-miżapproprazzjonijiet indikati. Tali mġiba tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dan il-prinċipju li jagħti drittijiet lill-individwi.
332 Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza sabiex jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità permezz tal-komunikat stampa tagħha tad-9 ta’ Lulju 2003 u permezz tad-diskors tal-President tagħha tal-25 ta’ Settembru 2003.
2. Fuq il-proċeduri dixxiplinari
a) Argumenti tal-partijiet
333 Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni adottat imġiba kontradittorja. Fil-fatt, hija ddeċidiet li tiftaħ proċeduri dixxiplinari sabiex mill-ewwel issospendithom sakemm joħorġu r-riżultati tal-investigazzjonijiet amministrattivi li hija kienet bdiet, atteġjament li ftit li xejn jinftiehem billi l-ftuħ ta’ dawn il-proċeduri dixxiplinari jistrieħ fuq fatti li mhumiex differenti mill-kuntest li fih il-Kummissjoni kienet iddeċidiet tagħti l-assistenza tagħha lir-rikorrenti. Ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li lment ġie mressaq quddiem qorti kriminali ma jimpedixxix lill-istituzzjoni milli tkompli l-proċeduri dixxiplinari, inkwantu sanzjoni dixxiplinari eventwali tista’ tiġi imposta biss wara li l-proċeduri kriminali quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali jkunu ngħalqu.
334 Skont ir-rikorrenti, il-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari qabel mal-investigazzjonijiet interni ma jkunu ntemmu m’għandu l-ebda sens u huwa kontra l-prinċipju ta’ tmexxija tajba u ta’ amministrazzjoni tajba. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni dwar it-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi u tal-proċeduri dixxiplinari, ippubblikati fl-Informations administratives Nru 86-2004, tat-30 ta’ Ġunju 2004, id-Direttur Ġenerali tal-amministrazzjoni u tal-persunal għandu jiftaħ il-proċeduri dixxiplinari wara r-rapport tal-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC) jew, skont il-każ, direttament wara r-rapport tal-OLAF.
335 Issa, f’dan il-każ, il-Kummisjoni, billi fetħet, fid-9 ta’ Lulju 2003, investigazzjonijiet multipli u paralleli u billi fetħet il-proċeduri dixxiplinari, aġixxiet f’paniku sabiex “tikkalma l-pubbliku”, kif jirriżulta mill-affermazzjonijiet tal-President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF matul l-intervent tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni matul il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Sorveljanza fit-3 ta’ Settembru 2003. Il-Kummissjoni kien imissha għalhekk stenniet li jintemmu l-investigazzjonijiet interni li hija ffinanzjat u li jintemmu x-xogħlijiet tal-OLAF u li jinbdew ix-xogħlijiet, li għadhom ma ġewx mibdija, tal-IDOC u r-riżultati ta’ dawn, qabel ma tiddeċiedi fuq il-kwistjoni tal-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari fir-rigward tar-rikorrenti.
336 Ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk id-deċiżjoni li tiftaħ il-proċeduri dixxiplinari ma tikkostitwixxix att li jikkawża dannu, din hija ta’ natura li toħloq dannu minħabba n-natura infamanti li tali deċiżjoni bilfors ikollha.
337 Il-Kummissjoni tenfasizza li d-deċiżjoni li tiftaħ proċeduri dixxiplinari hija biss tappa proċedurali preparatorja, li ma tippreġudikax il-pożizzjoni finali tal-amministrazzjoni u li għalhekk din ma tistax titqies bħala att li jikkawża dannu. Barra minn dan, ir-rikorrenti ma jurux li l-atti mwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra kienu illegali, filwaqt li l-ilmenti espressi mill-Awtorità tal-Ħatra insostenn tal-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari kienu sostnuti minn diversi rapporti u mill-informazzjoni kkomunikata mill-OLAF fin-noti tiegħu tat-3 u tad-19 ta’ April 2003.
338 Skont il-Kummissjoni, kien opportun li jiġu sospiżi l-proċeduri dixxiplinari tar-rikorrenti sabiex jiġu evitati l-eventwali interferenzi bejn dawn il-proċeduri u l-proċeduri kriminali diġà miftuħa fuq fatti simili, u dan iktar u iktar billi l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali jiddisponu minn mezzi ta’ investigazzjoni li ma jiddisponux minnhom l-awtoritajiet amministrattivi.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza
339 Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni, minn naħa, li ddeċidiet li tiftaħ proċeduri dixxiplinari sabiex mill-ewwel issospendithom sakemm joħorġu r-riżultati tal-investigazzjonijiet u, min naħa l-oħra, li fetħet il-proċeduri dixxiplinari qabel mal-investigazzjonijiet interni ma kienu ntemmu.
340 Preliminarjament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tiftaħ proċeduri dixxiplinari hija biss tappa proċedurali preparatorja. Din ma tippreġudikax il-pożizzjoni finali tal-amministrazzjoni u għalhekk ma tistax titqies bħala att li jikkawża dannu fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Konsegwentement din tista’ tkun ikkontestata biss b’mod inċidentali fil-kuntest ta’ rikors intiż kontra deċiżjoni dixxiplinari finali li tikkawża dannu lill-uffiċjal (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Marzu 2003, Pessoa e Costa vs Il-Kummissjoni, T-166/02, Ġabra SP p. I-A-89 u II-471, punt 37).
341 L-ewwel nett, fir-rigward tal-fatt li l-proċeduri dixxiplinari ġew sospiżi, għandu jiġi mfakkar li l-ħames paragrafu tal-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li “meta uffiċjal jitħarrek għal dawk l-istess atti, deċiżjoni finali tittieħed biss wara li verdett finali jintlaħaq mill-qorti li qed tisma’ l-kawża”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra hija pprojbita milli tagħti deċiżjoni finali, mill-aspett dixxiplinari, dwar is-sitwazzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat billi tippronunzja ruħha dwar fatti li fl-istess ħin ikunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali sakemm id-deċiżjoni mogħtija mill-qorti kriminali li quddiemha jkun tressaq il-każ ma tkunx saret finali (sentenza Pessoa u Costa vs Il-Kummissjoni,punt 340 iktar ’il fuq, punt 45). Għaldaqstant, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtix setgħa diskrezzjonali lill-Awtorità tal-Ħatra inkarigata milli tirregola definittivament is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal li fir-rigward tiegħu jkunu nfetħu proċeduri dixxiplinari, b’differenza mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Proċedura li taħtu l-Bord Dixxiplinari jista’ jiddeċiedi, f’każ ta’ proċeduri quddiem qorti kriminali, li hemm lok li jissospendi l-għoti tal-opinjoni tiegħu sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-qorti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 1998, Tzoanos vs Il-Kummissjoni, T-74/96, ĠabraSP, p. I-A-129 u II-343, punti 32 u 33, u tal-10 ta’ Ġunju 2004, François vs Il-Kummissjoni, T-307/01, Ġabra p. II-1669, punt 59).
342 Għandu jiġi ppreċiżat li l-ħames paragrafu tal-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu żewġ għanijiet. Minn naħa, dan l-Artikolu jissodisfa l-ħtieġa li ma tiġix affettwata l-pożizzjoni tal-uffiċjal inkwistjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li jiġu miftuħa kontrih minħabba fatti li huma barra minn hekk is-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu (sentenza Tzoanosvs Il-Kummissjoni, punt 341 iktar ’il fuq, punt 34). Min-naħa l-oħra, is-sospensjoni tal-proċeduri dixxiplinari sakemm jingħalqu l-proċeduri kriminali tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri dixxiplinari, konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti kriminali meta d-deċiżjoni tagħha tkun saret finali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-ħames paragrafu tal-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu l-prinċipju li abbażi tiegħu “l-proċedur[i] kriminali [j]żomm[u] sospiż[i] d[aw]k dixxiplinar[i]”, li huwa ġġustifikat b’mod partikolari mill-fatt li l-qrati kriminali nazzjonali għandhom poteri investigattivi iktar wiesgħa minn dawk li għandha l-Awtorità tal-Ħatra (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Novembru 2000, A vs Il-Kummissjoni, T-23/00, ĠabraSP p. I-A-263 u II-1211, punt 37). Għaldaqstant, fil-każ fejn l-istess fatti jistgħu jammontaw għal reat kriminali u għal ksur tal-obbligi tal-uffiċjal taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni hija marbuta mill-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti kriminali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali. Meta din il-qorti tkun ikkonstatat l-eżistenza tal-fatti tal-każ, l-amministrazzjoni tkun tista’ sussegwentement tikkwalifikahom legalment fid-dawl tal-kunċett ta’ nuqqas dixxiplinari billi, b’mod partikolari, tivverifika jekk dawn jikkostitwixxux nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal (sentenza Françoisvs Il-Kummissjoni, punt 341 iktar ’il fuq, punt 75).
343 Għalhekk, f’dan il-każ, billi huwa paċifiku li l-proċeduri dixxiplinari mibdija kontra r-rikorrenti kienu jikkonċernaw, għall-inqas parzjalment, l-istess fatti bħal dawk li kienu s-suġġett tal-proċeduri kriminali, il-Kummissjoni ma setgħetx tagħti deċiżjoni finali dwar is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, minn aspett dixxiplinari, sakemm ma tkunx ingħatat deċiżjoni finali mill-awtoritajiet ġudizzjarji kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza François vs Il-Kummissjoni, punt punt 341 iktar ’il fuq, punt 73).
344 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ssospendiet il-proċeduri dixxiplinari mibdija kontra r-rikorrenti; għall-kuntrarju, hija kienet obbligata tissospendihom.
345 Insegwitu, fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni fetħet il-proċeduri dixxiplinari qabel mal-investigazzjonijiet interni ma kienu ntemmu, huwa veru li, skont l-Artikolu 4(2), tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni dwar it-tmexxija ta l-investigazzjonijiet amministrattivi u tal-proċeduri dixxiplinari, li għalihom jirreferu r-rikorrenti:
“Qabel ma jiftaħ l-investigazzjoni, id-Direttur Ġenerali tal-persunal u tal-amministrazzjoni għandu jikkonsulta mal-[OLAF] sabiex jiżgura li dan ma jibdix investigazzjoni minn naħa tiegħu u li m’għandux l-intenzjoni jagħmel dan. Sa kemm l-OLAF imexxi investigazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 1073/1999, ebda investigazzjoni amministrattiva fis-sens tal-paragrafu preċedenti, li tirrigwarda l-istess fatti, ma tista’ tinfetaħ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
346 Għalhekk, skont din id-dispożizzjoni, proċeduri dixxiplinari ma jistgħux jinfetħu sakemm l-investigazzjoni tal-OLAF, li tirrigwarda l-istess fatti, tkun għada għaddejja. Issa, din id-deċiżjoni għad ma kinitx fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, fid-9 ta’ Lulju 2003. F’dak iż-żmien, id-dispożizzjoni rilevanti kienet l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni C (2002) 540 tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, dwar it-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi u tal-proċeduri dixxiplinari, li abbażi tiegħu:
“Qabel ma jiftaħ l-investigazzjoni, id-Direttur Ġenerali tal-persunal u tal-amministrazzjoni għandu jikkonsulta l-ewwel nett mal-[OLAF] sabiex jiżgura li dan ma jibdix investigazzjoni minn naħa tiegħu u li m’għandux l-intenzjoni jagħmel dan.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
347 Anki jekk din id-dispożizzjoni ma fiha l-ebda projbizzjoni espliċita ta’ ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari qabel mal-investigazzjoni tal-OLAF li tirrigwarda l-istess fatti tkun ingħalqet, hemm lok li wieħed jistaqsi dwar il-bżonn ta’ din id-dispożizzjoni jekk din m’għandhiex tiġi interpretata f’dan is-sens. Fil-fatt, kieku kien previst li d-Direttur Ġenerali tal-persunal u tal-amministrazzjoni kellu jiżgura ruħu li l-OLAF ma jibdix investigazzjoni minn naħa tiegħu u li m’għandux l-intenzjoni jagħmel dan, dan kien ifisser li, jekk dan kien ikun il-każ, investigazzjoni dixxiplinari kienet għada ma setgħetx tinfetaħ.
348 Barra minn dan, l-Artikolu 5(7) tad-Deċiżjoni C (2002) 540 jipprovdi li, “[m]eta l-Awtorità tal-Ħatra tirċievi rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF, din għandha teżaminah, jekk hemm lok, matul perijodu minimu ta’ ġimagħtejn u, jekk tikkunsidra neċessarju, titlob lill-OLAF jikkompleta r-rapport jew jipproċedi għal investigazzjoni amministrattiva addizzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, huwa fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF li l-Awtorità tal-Ħatra ħadet id-deċiżjoni tagħha li tipproċedi eventwalment għal investigazzjoni amministrattiva u, skont il-każ, għall-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari.
349 Barra minn dan, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1073/1999, l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu dik l-azzjoni fuq il-bażi tal-investigazzjonijiet interni, b’mod partikolari dixxiplinari u ġudizzjarji skont ir-riżultati ta’ dawk l-investigazzjonijiet.
350 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kienx imissha ddeċidiet dwar il-ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari fid-9 ta’ Lulju 2003, billi l-investigazzjonijiet tal-OLAF, li jirrigwardaw l-istess fatti, kienu għadhom ma ġewx magħluqa. Hija setgħet biss tieħu din id-deċiżjoni wara l-25 ta’ Settembru 2003, wara li rċeviet ir-rapporti ta’ investigazzjoni finali.
351 Għalhekk, il-Kummissjoni kisret ir-regoli li jirregolaw il-proċeduri dixxiplinari u li jipprojbixxu li jinfetħu l-proċeduri dixxiplinari qabel mal-investigazzjonijiet tal-OLAF ma jkunu ġew magħluqa.
352 Għandu jiġi rrilevat li l-għan imfittex minn dawn ir-regoli huwa, b’mod partikolari, li jipproteġu lill-uffiċjal ikkonċernat billi jiggarantixxi li l-Awtorità tal-Ħatra tiddisponi, qabel ma’ tiftaħ il-proċeduri dixxiplinari, minn elementi preċiżi u rilevanti, b’mod partikolari għall-iskaġunar tiegħu, stabbiliti matul l-investivazzjoni mmexxija mill-OLAF, li jiddisponi minn mezzi ta’ investigazzjoni wiesgħa. Jirriżulta minn dan li r-regoli li jirregolaw il-proċeduri dixxiplinari invokati iktar ’il fuq jikkostitwixxu dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-individwi.
353 Barra minn dan, għandu jiġi rrilevat li kien ikkonċernat ksur suffiċjentement serju ta’ dawn ir-regoli peress li l-Kummissjoni ma tiddisponi minn ebda marġini ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-obbligu impost fuqha li tirrispetta r-regoli dwar il-proċeduri dixxiplinari. Barra minn dan, jirriżulta mill-proċess li mhuwiex għal kollox eskluż li l-Kummissjoni kienet fetħet dawn il-proċeduri dixxiplinari sabiex “tikkalma l-pubbliku”, hekk kif isostnu r-rikorrenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ma ħadietx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-interessi tar-rikorrenti meta pproċediet għall-ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari qabel ma kienu ġew konklużi l-investigazzjonijiet.
3. Fuq id-differenti investigazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-iżvolġiment tagħhom
a) L-argumenti tal-partijiet
354 Ir-rikorrenti jsostnu li d-drittijiet fundamentali tagħhom setgħu ġew affettwati bl-istabbiliment tat-task-force, billi din tal-aħħar kienet komposta minn uffiċjali li ma kinux mill-OLAF u li għalhekk, ma kinux suġġetti għar-regoli stretti imposti fuq l-uffiċjali tal-OLAF f’termini ta’ awtorizzazzjoni, ta’ mandat u ta’ kunfidenzjalità skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1073/1999, u dan anki jekk it-task-force kienet ġiet imqegħda, fit-23 ta’ Lulju 2003, taħt l-awtorità diretta tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF. Barra minn dan, peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li ssaħħaħ il-persunal tal-OLAF b’20 persuna għall-fajl Eurostat, l-artikulazzjoni bejn dawn iż-żewġ gruppi ta’ ħidma ma kinitx magħrufa.
355 Skont ir-rikorrenti, il-konfużjoni maħluqa tal-proċeduri ġejja mill-pluralità ta’ investigazzjonijiet amministrattivi. Fil-fatt, għall-inqas tmien investigazzjonijiet tmexxew, fl-istess ħin, fil-fajl Eurostat: għall-inqas ħames investigazzjonijiet mill-OLAF, investigazzjoni mid-DVI, investigazzjoni mit-task-force u investigazzjoni mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Baġit” tal-Kummissjoni. Barra minn dan, il-każ tressaq quddiem żewġ awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. L-eżistenza ta’ dawn id-differenti investigazzjonijiet, il-metodi tagħhom u x-xogħol doppju qajjmu numru ta’ mistoqsijiet, bħall-proporzjonalità tal-investigazzjonijiet tagħha meta mqabbla mal-ispejjeż.
356 L-ittra tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Ottubru 2003, ma tagħtix risposta għad-dubji tagħhom f’dan ir-rigward. Huma jinnotaw li l-għan tat-task-force sat-23 ta’ Lulju 2003 kien li tieħu karigu tal-aspetti interni u esterni tal-investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF u li tibda investigazzjoni amministrattiva bl-għan li jiġu evalwata r-responsabbiltajiet tal-persunal fir-rigward tal-irregolaritajiet finanzjarji. Fir-rapport tagħha tal-24 ta’ Settembru 2003, intitolat “Rapport tat-task-force Eurostat (TFES) – Sunt u konklużjonijiet”, din tal-aħħar enfasizzat serje ta’ problemi u ta’ dubji li effettivament jikkonċernaw ir-rikorrenti u, f’kull każ, lil Y. Franchet.
357 Ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li l-persunal tal-IDOC tqiegħed għad-dispożizzjoni tat-task-force mhuwiex xi ħaġa każwali u nieqes minn konsegwenzi fuq l-investigazzjoni amministrattiva li l-IDOC jista’ jiġi mitlub iwettaq fil-fajl Eurostat. Fil-fatt, billi t-task-force kienet bilfors eżaminat il-kwistjonijiet li jirrigwardaw lir-rikorrenti u li huma ta’ natura li jimplikawhom personalment, l-IDOC jidher bħala li pproċeda għal investigazzjoni barra mill-kuntest organiku tiegħu.
358 Barra minn dan, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fil-fatt, huma qatt ma nstemgħu fil-kuntest tan-numerużi investigazzjonijiet miftuħa mill-Kummissjoni. Huma ngħataw biss l-opportunità li jressqu osservazzjonijiet fuq ir-rapport tad-DĠ “Baġit” ta’ Ġunju 2003.
359 Din l-imġiba turi nuqqas kroniku ta’ komunikazzjoni u ta’ trasparenza fir-rigward tal-Eurostat. Ir-rikorrenti jistaqsu għalfejn il-kontrollur finanzjarju qatt ma kkonsulta lill-Eurostat sabiex jitlob minn naħa tagħha spjegazzjonijiet jew skambju ta’ opinjonijiet wara t-trażmissjoni tar-rapport ta’ verifika Datashop u għalhiex irrivolġa ruħu direttament lill-OLAF f’termini partikolarment allarmanti. Il-kontrollur finanzjarju ma żamm għall-Eurostat l-ebda kopja tan-nota tiegħu tat-2 ta’ Marzu 2000 lill-OLAF, u dan kuntrarjament għar-rakkomandazzjonijiet li kienu jinsabu f’din in-nota. Huwa lanqas qatt ma kkonsulta lill-Eurostat dwar nuqqasijiet sussegwenti fir-rigward tal-mekkaniżmi tagħha ta’ tmexxija jew ta’ kontroll filwaqt li huwa stess, id-DVI u d-DĠ “Baġit” kienu għamlu tali kontestazzjonijiet fl-2003. Jekk tali kontestazzjonijiet kienu fondati u kien hemm motivi għall-akkużi gravi magħmula u mrendija pubbliċi mill-President tal-Kummissjoni, dawn is-servizzi kien imisshom irrivolġew ruħhom lill-membru tal-Kummissjoni kkonċernat. Madankollu, huma baqgħu inattivi għal numru ta’ snin. Skont ir-rikorrenti, xejn ma jiġġustifika n-nuqqas ripetut ta’ teħid ta’ azzjoni tal-Kummissjoni.
360 Barra minn dan, ir-rikorrenti jirreferu għal żewġ domandi parlamentari mressqa mill-Kummissjoni f’Lulju u f’Ottubru 2003, li juru l-perplessità li tqajjem l-imġiba tal-Kummissjoni u tal-OLAF fil-każ Eurostat, kif ukoll il-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda. Huwa jinvokaw ukoll li l-istampa setgħet tkejjel id-“dannu” kkawżat mill-Kummissjoni u mill-OLAF.
361 Il-Kummissjoni ssostni, f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tat-task-force, li s-Segretarju Ġenerali tagħha spjega fit-tul dan il-punt lir-rikorrenti, fl-ittra tiegħu tal-10 ta’ Ottubru 2003. Barra minn dan, jirriżulta b’mod ċar mir-rapport tat-task-force, tal-24 ta’ Settembru 2003, li din ikkonċentrat ix-xogħol tagħha fuq in-nuqqasijiet sistematiċi u m’għamlitx konklużjonijiet dwar il-persuni. L-għażla tal-membri tal-IDOC sabiex jagħmlu parti mit-task-force saret b’mod ad hoc, sabiex titwessa’ l-firxa ta’ kompetenzi tat-task-force. Skont il-Kummissjoni, din l-għażla kienet possibbli, għaliex l-attivitajiet tat-task-force ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni C (2002) 540, iżda jirriżultaw minn għan differenti minn dak tal-investigazzjonijiet amministrattivi u tal-proċeduri dixxiplinari, jiġifieri li jiġu individwati nuqqasijiet sistematiċi.
362 F’kull każ, ir-rikorrenti ma jistgħux jiġġudikaw l-opportunità tal-mod li bih il-Kummissjoni ddeċidiet tipproċedi għall-investigazzjonijiet interni intiżi sabiex jiġu kkjarifikati l-attivitajiet kollha tal-Eurostat, peress li dawn id-differenti investigazzjonijiet ma effettwawx id-drittijiet individwali tagħhom.
363 Fir-rigward tad-dritt għal smigħ, ir-rikorrenti jagħrfu huma stess li huma kellhom il-possibbiltà jressqu osservazzjonijiet fuq ir-rapport tad-DĠ “Baġit” ta’ Ġunju 2003.
364 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li, f’dan l-istadju, mhijiex hija li għandha twieġeb għal allegazzjonijiet li jirrigwardaw b’mod partikolari l-kontenut tal-akkużi li wassluha tiftaħ proċeduri dixxiplinari fir-rigward tar-rikorrenti. Huwa biss fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru n-nuqqas ta’ fondatezza tal-ilmenti fformulati fir-rigward tagħhom ikunu eżaminati, b’rispett għad-drittijiet tad-difiża.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
365 L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tat-task-force, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jibqgħu ma jurux b’mod konkret kif is-sempliċi stabbiliment tat-task force kiser id-drittijiet fundamentali tagħhom u kif l-eventwali nuqqas ta’ opportunità tal-ħolqien tagħha affettwa direttament id-drittijiet tagħhom. Għalhekk hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud.
366 It-tieni nett, fir-rigward tal-pluralità tal-investigazzjonijiet, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jibqgħu ma jurux b’mod konkret kif is-sempliċi ftuħ u l-eżistenza ta’ dawn id-differenti investigazzjonijiet ikkostitwixxa ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħtihom drittijiet. Anki jekk konfużjoni bħal din tikkorrispondi għar-realtà, mhumiex ir-rikorrenti li għandhom jiddeċiedu dwar l-opportunità tal-mod li bih il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tipproċedi għall-investigazzjonijiet interni intiżi sabiex jiġu kkjarifikati l-attivitajiet kollha tal-Eurostat, kif tikkonstata l-Kummissjoni. Barra minn dan, il-kwistjoni dwar il-proporzjonalità tal-investigazzjonijiet meta mqabbla mal-ispejjeż bl-ebda mod ma taqa’ taħt l-ambitu ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi. Konsegwentement, hemm lok li l-argumenti dwar il-pluralità tal-investigazzjonijiet jiġu miċħuda.
367 It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba inkwantu l-Kummissjoni qatt ma semgħet lir-rikorrenti fil-kuntest tan-numerużi investigazzjonijiet miftuħa minnha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-dritt għal smigħ tar-rikorrenti diġà ġie eżaminat iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżami tal-argumenti konkreti mressqa f’dan ir-rigward. Hemm biss lok li jiġi mfakkar li, peress li mhumiex ikkonċernati atti tal-Kummissjoni li jikkawżaw dannu lir-rikorrenti, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jiġi invokat b’mod utli mir-rikorrenti sabiex jikkritikaw il-fatt li huma ma nstemgħux qabel it-tħejjija tar-rapporti jew tan-noti fil-kuntest tad-differenti investigazzjonijiet.
368 Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ kritika ġenerali oħra fformulata f’dak li jirrigwarda l-imġiba tal-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, għal darb’oħra, ir-rikorrenti jibqgħu ma jurux l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħtihom drittijiet.
4. Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti
a) L-argumenti tal-partijiet
369 Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tirrifjuta tikkomunikalhom id-dokumenti li huma fil-pussess tagħha u li joriġinaw mill-OLAF u b’hekk tippreġudika d-dritt fundamentali tal-aċċess għad-dokumenti, stabbilit mill-Artikolu 255 KE, mill-Artikolu 41 tal-Karta u mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43).
370 Ir-rikorrenti jirreferu għar-rikorsi tagħhom imressaq fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001 fil-kuntest tal-kawżi magħquda T-391/03 u T-70/04. Madankollu, huma jenfasizzaw li l-kontestazzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ dan ir-rikors hija indipendenti mir-Regolament Nru 1049/2001, billi din tirrigwarda l-interess proprju tagħhom indipendentement mid-dritt ta’ aċċess ta’ kull ċittadin għal dokumenti tal-Kummissjoni. Huma għandhom interess għal kollox partikolari li jingħataw id-dokumenti li huma fil-pussess tal-Kummissjoni u li joriġinaw mill-OLAF fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tagħhom fil-kuntest tal-każ Eurostat.
371 B’mod partikolari, il-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunika l-ittra u n-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 indirizzati lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, u ġġusitifkat dan, fl-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2003, bil-fatt li dawn jagħmlu parti integrali minn proċedura ta’ investigazzjoni fuq il-livell nazzjonali.Issa, dawn huma dokumenti essenzjali fil-kuntest ta’ dan l-fajl li huma ta’ natura li jippermettu lir-rikorrenti jevalwaw u jikkritikaw ir-regolarità tal-imġiba tal-Kummissjoni u tas-servizz amministrattiv tagħha, l-OLAF, kif ukoll li jiddefendu d-drittijiet tagħhom.
372 Il-Kummissjoni tillimita ruħha tirreferi għall-fatt li r-rikorrenti ressqu rikorsi fil-kuntest tal-kawżi magħquda T-391/03 u T-70/04 fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001 u li tenfasizza li t-talba tagħhom għal aċċess u ċ-ċaħda tagħha kienu jidħlu fil-kuntest ta’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza
373 Sa fejn huma jinvokaw l-aċċess għad-dokumenti fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, it-talba tar-rikorrenti ma tidħolx fl-ambitu ta’ dawn il-proċeduri, billi din it-talba diġà ġiet ittratta fil-kuntest tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T-391/03 u T-70/04, Ġabra p. II-2023).
374 Barra minn dan, sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw l-interess partikolari tagħhom, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li matul dawn il-proċeduri huma kisbu l-aċċess għall-ittra u għan-nota tad-19 ta’ Marzu 2003, ikkomunikati lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, u, għalhekk, li huma setgħu jiddefendu b’mod utli d-drittijiet tagħhom. Bl-istess mod, huma kisbu, matul is-seduta, l-aċċess għan-nota tal-OLAF tas-16 ta’ Mejju 2003, li ssir referenza għaliha fil-komunikat stampa tad-19 ta’ Mejju 2003, u huma setgħu jiddefendu b’mod utli d-drittijiet tagħhom.
375 Għalhekk, mhemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq it-talba għal aċċess għad-dokumenti tal-OLAF li huma fil-pussess tal-Kummissjoni.
376 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li l-Kummissjoni wettqet numru ta’ żbalji li jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Komunità. Dawn l-iżbalji jikkonsistu fil-pubblikazzjoni tal-komunikat stampa tad-9 ta’ Lulju 2003, fid-diskors tal-President tagħha tal-25 ta’ Settembru 2003 u fil-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari qabel ma’ kienu ġew konklużi l-investigazzjonijiet.
377 Għalhekk, jeħtieġ li tiġi eżaminata r-realtà tad-danni allegati u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-iżbalji kkonstatati mill-Qorti tal-Prim’Istanza u d-danni subiti.
C – Fuq id-dannu u r-rabta kawżali
378 Minħabba r-rabta partikolarment stretta li teżisti, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, bejn il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti subewx dannu li jista’ jiġi kkumpensat u dik tar-rabta kawżali bejn l-illegalitajiet ikkonstatati u d-dannu allegat, dawn iż-żewġ domandi għandhom jiġu ttrattati flimkien.
1. L-argumenti tal-partijiet
a) Fuq id-dannu morali
379 Ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel nett, li r-reputazzjoni professjonali tagħhom, li kienet magħrufa u apprezzata minn kulħadd, kemm fi ħdan il-Eurostat u l-Kummissjoni kif ukoll barra minn din l-istituzzjoni, “ġiet pubblikament u gravament imħammġa”. Ir-rikorrenti kienu, mingħajr ma kienu avżati minn qabel u mingħajr ma nstemgħu, “immaqqdra, f’reazzjoni ta’ difiża mgħaġġla” li hija indenja tal-ġerarkija kollha. Barra minn dan, l-attakki vjolenti magħmula minn ċerta stampa Ġermaniża kontra r-rikorrenti, li rraportat affermazzjonijiet kompletament differenti mir-realtà tal-fatti, espressi fi ħdan il-Parlament u minn ċerti uffiċjali, obbligaw lir-rikorrenti jagħmlu denunċja għal diffamazzjoni, fil-21 ta’ Mejju 2003.
380 Ir-rikorrenti jilmentaw minn ċaħda mill-ambjent professjonali tagħhom u minn dannu irreparabbli għar-reputazzjoni tagħhom. Huma subew “’illinċjar’ professjonali” ta’ veru. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jirreferu għall-intervent tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, quddiem il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, fit-3 ta’ Settembru 2003.
381 Y. Franchet, imġiegħel jirtira f’Marzu 2004, issubixxa qtugħ totali u brutali ta’ kull rabta mal-kollaboraturi tiegħu, is-soċji tiegħu u l-ambjent professjonali tiegħu. Kien hemm ħafna “seksik”, agressiv u inġust fir-rigward tiegħu.
382 Fir-rigward ta’ D. Byk, anki jekk kien ġie kkunsidrat bħala l-aħjar, mill-Kumitat tal-Għażla, sabiex jokkupa l-kariga ta’ direttur mal-Eurostat, li huwa kien applika għaliha wara r-ristrutturazzjoni tagħha, huwa ma setax jiġi maħtur minħabba fil-proċeduri miftuħa kontrih. Trasferit lejn id-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni”, huwa kellu jabbanduna kull prospettiva u kull tama li xi darba jsib xogħol li jikkorirspondi għall-ispeċjalizzazzjoni u l-esperjenza tiegħu. L-akkużi mhux fondati, mxandra fl-istampa, huma l-kawża ta’ sofferenza kbira u ta’ stat ta’ anzjetà inkontestabbli.
383 Barra minn dan, ir-rikorrenti jilmentaw dwar il-konsegwenzi gravi fuq il-ħajja privata u soċjali tagħhom. Qrabathom staqsew lilhom infushom fuq dan is-suġġett. Barra minn dan, l-istat tas-saħħa tar-rikorrenti bata minnħabba dan, u D. Byk sofra minn attakk ċerebrali, eventwalment marbut mal-anzjetà u man-nervi dovuti għall-każ Eurostat. Huma jikkunsidraw li kienu vittmi espjatorji ta’ logħba politika li żviluppat madwarhom u li huma kunsiderevolment subew filwaqt li rrispettaw id-dmir ta’ kunfidenzjalità tagħhom.
384 F’dak li jirrigwarda l-valutazzjoni tad-dannu morali, ir-rikorrenti jikkwantifikawh provviżorjament għal EUR 800 000, ċifra li hija kkalkulata abbażi tal-gravità tal-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni u l-OLAF u l-konsegwenzi li dawn kellhom fuq is-saħħa fiżika u mentali tagħhom. Din is-somma għandha tinqasam f’partijiet indaqs bejn ir-rikorrenti, billi soffrew l-istess żbalji, fl-istess kundizzjonijiet, u l-konsegwenzi fuq l-istat tas-saħħa tagħhom, minkejja li huma kemmxejn differenti, għandhom jiġu evalwati b’mod ekwivalenti.
385 Skont ir-rikorrenti, kieku l-Kummissjoni u l-OLAF kienu rreaġixxew mit-trażmissjoni tar-rapporti ta’ verifika interna magħmula minn Y. Franchet, mill-2000, għall-fajls inkwistjoni, u kieku f’dak il-mument ngħata bidu għal djalogu, qatt ma kien ikun hemm każ Eurostat u l-ebda persuna ma kienet tiġi inkwetata b’mod inġust. In-nuqqas ta’ reazzjoni tal-Kummissjoni u tal-OLAF hija fil-biċċa ’l kbira tal-kawża tal-iżvilupp sussegwenti li dawn l-avvenimenti ħadu u tal-akkużi inġustifikati magħmula kontra r-rikorrenti.
386 Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, f’għajnejn kulħadd, huma ħatja, anki jekk l-investigazzjoni kriminali dwar D. Byk għadha għaddejja f’Pariġi u jekk il-proċeduri dixxiplinari baqgħu miftuħa. Kundanna pubblika mingħajr deċiżjoni u mingħajr investigazzjoni preliminari ta’ vera hija żball gravi u s-sors ta’ dannu morali kunsiderevoli u li jikber sakemm it-tbatija tippersisti. Din il-kundanna pubblika jista’ wkoll ikollha influwenza fuq l-eżitu tal-investigazzjoni quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi.
387 Il-Kummissjoni ma tikkontestax li s-sitwazzjoni li għexu r-rikorrenti tista’ tikkostitwixxi dannu morali. Madankollu, hija ma tifhimx kif l-eventwali dannu ġie kkwantifikat għal EUR 800 000, u lanqas barra minn hekk liema parti minn din is-somma tispetta lil kull wieħed minnhom u fuq liema bażi.
b) Fuq id-dannu materjali
388 Ir-rikorrenti jsostnu li d-dannu materjali tagħhom jikkonsisti essenzjalment fl-ispejjeż sinjifikanti li huma kellhom jiffaċċjaw sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom mid-data (Mejju 2003) li fiha saru jafu, għall-ewwel darba, bl-akkużi miġjuba kontrihom.
389 Huma jikkwantifikaw id-dannu materjali provviżorjament għal EUR 200 000 u bla ħsara għal possibbiltà li din is-somma tiżdied. Dan id-dannu jista’ jitnaqqas fil-każ fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tiddeċiedi li tikkundanna lilll-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż kollha.
390 Fir-replika, ir-rikorrenti jippreċiżaw li d-dannu materjali ma jikkonsistix biss fir-rimbors tal-ispejjeż u fl-onorarji tal-avukati. Fil-fatt, jibqgħu a karigu tagħhom spejjeż sinjifikanti mhux koperti mill-ispejjeż, bħal dawk tat-trasport li jirriżultaw minn numru ta’ vjaġġi li kellhom iwettqu bejn Nizza u l-Lussemburgu u anki sa Brussell, wara l-ftuħ ta’ dawn il-proċeduri f’Mejju 2003. Barra minn dan, ir-rikorrenti kellhom jiddefendu lilhom infushom minn din id-data, u jirrikorru għall-assistenza tal-avukati tagħhom, quddiem l-OLAF u matul il-proċedura prekontenzjuża kollha ta’ talba u ta’ ilment, u dawn l-ispejjeż ma kinux koperti mill-ispejjeż. Barra minn dan, kien hemm nfiq u spejjeż addizzjonali kkawżati mill-investigazzjonijiet immexxija fi Franza, li jkopru vvjaġġar u onorarji ta’ avukati Franċiżi. Ir-rikorrenti jirreferu wkoll għar-rikorsi tagħhom fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001.
391 Fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti huma lesti sabiex jagħtu fid-dettall l-elementi li jikkostitwixxu d-dannu materjali tagħhom, bl-esklużjoni tal-ispejjeż marbuta mal-istanza.
392 Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma juru ebda dannu materjali. L-ispejjeż li r-rikorrenti sostnew għad-difiża tagħhom ma jistgħux jikkostitwixxu dannu materjali iżda spejjeż. Huma ma jistgħux jiksbu r-rimbors tal-parti tal-ispejjeż li mhijiex irkuprabbli, inkwantu din tirriżulta minn spejjeż sostnuti matul il-proċedura prekontenzjuża, billi jikkwalifikawa bħala dannu materjali.
c) Fuq ir-rabta kawżali
393 Ir-rikorrenti jsostnu li d-danni kollha subiti minnhom jirriżultaw direttament mill-imġiba żbaljata tal-Kummissjoni u tal-OLAF u ta’ servizzi oħra. Huma kienu ġew affettwati ħafna, pereżempju, minn natura imprevista tal-attakki li huma kienu s-suġġett tagħhom, mill-fatt li ġew misjuba ħatja, mingħajr investigazzjoni preliminari u mingħajr rispett għad-drittijiet tad-difiża, mill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, minn nuqqas ta’ smigħ minn qabel, mill-kxif ta’ informazzjoni volontarjament orkestrat u intiż li ssir ħsara, kif ukoll mill-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari immedjatament sospiżi, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ “ssalva wiċċha” quddiem il-Parlament.
394 Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, kieku l-Kummissjoni ma kinitx aġixxiet b’mod żbaljat, ir-rikorrenti ma kinux jitqegħdu indiskussjoni u r-reputazzjoni tagħhom ma kinitx tiġi pubblikament mfarrka. Huma ma kinux jiġu “skarigati” mill-ambjent ta’ xogħol tagħhom u ddikjarati bħala responsabbli għall-għar baxxezzi mill-President tal-Kummissjoni. Fil-fatt ma kienx ikun hemm każ Eurostat. It-“tgerfixa istituzzjonali” li kellha twassal għal kundanna tal-Kummissjoni setgħet tiġi biss evitata b’mod wieħed, li kien li r-rikorrenti jiġu kkunsidrati ħatja. Barra minn dan, l-akkużi pubbliċi jistgħu jippreġudikaw investigazzjonijiet immexxija fir-rigward ta’ D. Byk mill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi.
395 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jistaqsu x’kien ikun l-oriġini tad-dannu tagħhom, jekk dan ma kienx il-mod li ġew bih ittrattati mill-Kummissjoni u mill-OLAF. Huma jistaqsu kif il-Kummissjoni tista’, minn naħa, tagħraf l-eżistenza tad-dannu morali reali tagħhom u, min-naħa l-oħra, tiċħad ir-rabta kawżali bejn il-ħolqien ta’ dan id-dannu u l-iżbalji mwettqa minnha.
396 Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma jressqux il-prova tar-rabta kawżali. Il-kawża diretta tad-dannu subit mir-rikorrenti tinsab fil-kxif ta’ informazzjoni fl-istampa, iżda ma jressqu l-ebda element ta’ natura li juri li dan il-kxif ta’ informazzjoni huwa attribwibbli lill-Kummissjoni jew lill-OLAF.
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza
397 Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li skont ġurisprudenza kostanti, dannu għandu, sabiex ikun jista’ jiġi kkumpensat, jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-imġiba kkontestata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier Frères et vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, punt 93 iktar ’il fuq, punt 55; tal-25 ta’ Ġunju 1997, Perillo vs Il-Kummissjoni, T-7/96, Ġabra p. II-1061, punt 41, u tas-27 ta’ Ġunju 2000, Meyer vs Il-Kummissjoni, T-72/99, Ġabra p. II-2521, punt 49). Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li hija l-persuna li qed titlob il-kumpens li għandha ġġib il-prova tar-rabta kawżali, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs Il-Kummissjoni, C-363/88 u C-364/88, Ġabra p. I-359, punt 25; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1995, Blackspur et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-168/94, Ġabra p. II-2627, punt 40, u tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-149/96, Ġabra p. II-3841, punt 101).
398 F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li l-iżbalji tal-OLAF li jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Komunità jikkonsistu fit-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi u Franċiżi mingħajr ma sema’ lir-rikorrenti u lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tiegħu u fil-kxif ta’ informazzjoni dwar it-trażmissjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi (ara punt 285 iktar ’il fuq); l-iżbalji tal-Kummissjoni li jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Komunità jikkonsistu fil-pubblikazzjoni tal-komunikat stampa tad-9 ta’ Lulju 2003, fid-diskors tal-President tagħha tal-25 ta’ Settembru 2003 u fil-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari qabel ma’ kienu ġew konklużi l-investigazzjonijiet (ara l-punt 376 iktar ’il fuq).
399 Ir-rikorrenti invokaw żewġ danni distinti f’dan il-każ, jiġifieri dannu morali u dannu materjali. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li hemm lok li jiġi eżaminat eventwalment kull wieħed minn dawn it-tipi ta’ dannu sabiex tevalwa sa fejn l-eżistenza tagħhom, minn naħa, u r-rabta kawżali li teżisti bejn kull wieħed minnhom u waħda mill-illegalitajiet imwettqa mill-OLAF jew mill-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, huma stabbiliti.
a) Fuq id-dannu morali
400 Għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-OLAF għadda l-fajls Eurocost u Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali mingħajr ma sema’ lir-rikorrenti kien ta’ dannu għalihom. Fil-fatt, il-fatt li ma setgħux jesprimu rwieħhom fuq il-fatti li jikkonċernawhom direttament u jiddefendu lilhom infushom bilfors ipprovoka fir-rikorrenti sensazzjonijiet ta’ inġustizzja u ta’ frustrazzjoni fost ir-rikorrenti. Għandu jiġi kkonstatat li dan id-dannu jirriżulta direttament mill-imġiba illegali tal-OLAF u li teżisti wkoll rabta kawżali bejn din l-imġiba u dan id-dannu.
401 Fir-rigward tal-fatt li l-OLAF ma informax lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tiegħu qabel din it-trażmissjoni, huwa biżżejjed li jingħad li fatt bħal dan ma kkawża l-ebda dannu addizzjonali lir-rikorrenti. Fil-fatt, il-konsegwenzi ta’ din l-illegalità huma l-istess bħal dawk li jirriżultaw mill-fatt li r-rikorrenti ma nstemgħux u, għaldaqstant, ma jistgħux jikkostitwixxu dannu distint.
402 F’dak li jirrigwarda l-kxif ta’ informazzjoni dwar it-trażmissjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, huwa ammess, anki mill-Kummissjoni, li ġie ppreġudikat ġieħ u r-reputazzjoni professjonali tar-rikorrenti fid-dawl tal-informazzjoni li ġiet ippubblikata fl-istampa. Jeħtieġ ukoll li jiġi kkonstatat li mhemmx dubju dwar in-natura diretta tar-rabta kawżali bejn l-illegalità mwettqa mill-OLAF u d-dannu morali għar-rikorrenti. Fil-fatt, minn meta informazzjoni kunfidenzjali tkun is-suġġett ta’ kxif ta’ informazzjoni, il-pubblikazzjoni ta’ din hija l-konsegwenza prevedibbli u naturali ta’ din l-illegalità, b’mod li r-rabta kawżali tibqa’ suffiċjentement diretta.
403 Fir-rigward tal-pubblikazzjoni tal-komunikat stampa tad-9 ta’ Lulju 2003 (ara l-punt 302 iktar ’il fuq), għandu jitqies li, billi tat l-impressjoni, permezz ta’ dan il-komunikat stampa li huwa liberament aċċessibbli għall-pubbliku, li r-rikorrenti kienu assoċjati mal-miżapproprazzjonijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni ppreġudikat ir-reputazzjoni tagħhom u ġieħhom (ara l-punti 308 sa 310 iktar ’il fuq). Billi dan il-komunikat stampa kien ġie ppubblikat mill-istess Kummissjoni, mhemm l-ebda dubju dwar l-eżistenza tar-rabta kawżali diretta bejn din l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni u dannu morali bħal dan.
404 Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda d-diskors tal-President tal-Kummissjoni, ma jistax jiġi nnegat li, permezz tad-dikjarazzjonijiet tiegħu quddiem il-Parlament, huwa ppreġudika r-reputazzjoni u ġieħ ir-rikorrenti (ara l-punti 326 sa 331 iktar ’il fuq) u li, għalhekk, teżisti rabta kawżali diretta bejn dawn id-dikjarazzjonijiet u dan id-dannu.
405 Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni fetħet il-proċeduri dixxiplinari fir-rigward tar-rikorrenti qabel mal-investigazzjonijiet tal-OLAF ma kienu ġew magħluqa, għandu jiġi rrilevat li dan il-fatt ippreġudika r-reputazzjoni tar-rikorrenti u kkawża perturbazzjonijiet fil-ħajja privata tagħhom u qiegħedhom fi stat ta’ inċertezza, fatt li jikkostitwixxi dannu morali li għandu jiġi kkumpensat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Françoisvs Il-Kummissjoni, punt 341 iktar ’il fuq, punt 110). Barra minn dan, minkejja li l-Kummissjoni mill-ewwel issospendithom, din is-sospensjoni ma kellha l-ebda effett fil-konfront tal-pubbliku, billi l-komunikat stampa tad-9 ta’ Lulju 2003 kien isemmi biss id-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari, iżda mhux tas-sospensjoni tagħhom. Madankollu, billi l-investigazzjonijiet tal-OLAF ġew magħluqa xahrejn wara l-ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari, mument li fih il-Kummissjoni setgħet validament tiftaħ dawn l-aħħar proċeduri, dan l-istat ta’ inċertezza ma damx wisq.
406 Barra minn dan, ir-rikorrenti jsostnu li D. Byk, minkejja li kien ġie meqjus bħala l-aħjar, mill-Kumitat tal-Għażla, sabiex jokkupa l-kariga ta’ direttur tal-Eurostat, li kien applika għaliha wara r-ristrutturazzjoni ta’ din fil-Ħarifa tal-2003, ma setax jiġi maħtur minħabba l-proċedura miftuħa kontrih. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li r-rikorrenti ma pprovawx l-allegazzjoni tagħhom. Għall-kuntrarju, jirriżulta minn nota tal-5 ta’ Marzu 2004 li r-rikorrenti ressqu lill-Qorti tal-Prim’Istanza b’risposta għal domanda bil-miktub li tliet kandidati, fosthom D. Byk, kienu jissodisfaw il-kwalifiki mitluba għall-impjieg inkwistjoni. Jirriżulta wkoll minn din l-istess nota li l-Kumitat Konsultattiv kien innota l-kwalifiki tajba ta’ żewġ kandidati oħra. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.
407 F’kull każ, huwa possibbli għal D. Byk jitlob l-annullament ta’ din l-allegata ċaħda ta’ kandidatura jekk iqis li din kienet, inġustament, ġiet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ proċeduri dixxiplinari li kienu għaddejjin fir-rigward tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pessoa e Costa vs Il-Kummissjoni, punt 340 iktar ’il fuq, punt 69).
408 Barra minn dan, ir-rikorrenti jinvokaw dannu marbut mal-istat ta’ saħħa tagħhom. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel nett tirrileva, li r-rikorrenti bl-ebda mod ma sostnew l-argumenti tagħhom b’evidenza dokumentata, bħal ċertifikati mediċi, u li, għalhekk, dan id-dannu bl-ebda mod mhuwa stabbilit.
409 F’kull każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jistabbilixxu li l-illegalitajiet identifikati iktar ’il fuq kienu l-kawża diretta, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 397 iktar ’il fuq, ta’ deterjorament eventwali tal-istat ta’ saħħa fiżiku jew mentali tagħhom. Barra minn dan, huma stess għamlu referenza għall-“attakki vjolenti magħmula minn ċerta stampa Ġermaniża” kontrihom, li setgħu wkoll kienu kawża oħra.
410 Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-element meħud mid-dannu morali marbut mal-konsegwenzi gravi fuq qrabathom, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti mhumiex sostnuti minn ebda element konkret li jistabbilixxi l-eżistenza tal-element ta’ dannu invokat kif ukoll ta’ rabta kawżali bejn l-allegat dannu u l-proċeduri ta’ investigazzjoni u dixxiplinari li huma kienu s-suġġett tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2002, Zavvos vs Il-Kummissjoni, T-21/01, ĠabraSP p. I-A-101 u II-483, punt 334).
411 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li r-rikorrenti kellhom jiffaċċjaw sensazzjonijiet ta’ inġustizzja u ta’ frustrazzjoni u li ġieħhom u r-reputazzjoni professjonali tagħhom ġew ippreġudikati minħabba l-imġiba illegali tal-OLAF u tal-Kummissjoni. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża u tal-fatt li r-reputazzjoni tar-rikorrenti kienet serjament effettwata, hemm lok li l-ammont ta’ dan id-dannu ex aequo et bono jiġi kkwantifikat għal EUR 56 000.
b) Fuq id-dannu materjali
412 Ir-rikorrenti jsostnu li d-dannu materjali tagħhom jikkonsisti essenzjalment fl-ispejjeż sinjifikanti li kellhom isostnu għad-difiża tad-drittijiet tagħhom mid-data (Mejju 2003) li fiha saru jafu, għall-ewwel darba, bl-akkużi miġjuba kontrihom.
413 Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li t-talba intiża għall-kumpens għad-dannu materjali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli. Minkejja li r-rikorrenti kienu kkwantifikaw globalment dan id-dannu għal EUR 200 000, huma ma kkwantifikawx il-komponenti differenti ta’ dan l-allegat dannu u ma stabbilixxewx, u lanqas allegaw, l-eżistena ta’ ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw l-ommissjoni li dan id-dannu jiġi kkwantifikat fir-rikors tagħhom. F’dan ir-rigward, mhuwiex biżżejjed li jiġi indikat li “[fuq] talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza”, huma “lesti sabiex jagħtu fid-dettall l-elementi li jikkostitwixxu [l-allegat] dannu materjali tagħhom, bl-esklużjoni tal-ispejjeż marbuta mal-istanza”. Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li t-talba intiża għall-kumpens għad-dannu materjali inkwistjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura u konsegwentement għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il-Parlament, C-150/03 P, Ġabra p. I-8691, punt 62; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Settembru 1990, Hanning vs Il-Parlament, T-37/89, Ġabra p. II-463, punt 82, u tas-6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T-309/03, Ġabra p. II-1173, punt 166).
414 Sussidjarjament, għandu jiġi rrilevat, kif ġustament tikkonstata l-Kummissjoni, li l-ispejjeż li r-rikorrenti sostnew għad-difiża tagħhom ma jikkostitwixxux dannu materjali iżda huma spejjeż. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-ispejjeż esposti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċeduri ġudizzjarji ma jistgħux, bħala tali, jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu dannu distint mit-talba għall-ispejjeż tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Ġunju 1999, Il-Kummissjoni vs Montorio, C-334/97, Ġabra p. I-3387, punt 54).
415 Fir-rigward tal-ispejjeż tal-avukati mqabbda qabel il-bidu tal-proċeduri ġudizzjarji, id-dannu invokat fir-realtà jirriżulta mill-istess għażla tar-rikorrenti u konsegwentement ma jistax jiġi direttement imputat lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2007, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C-331/05 P, Ġabra p. I-5475, punt 27).
416 Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti m’għandhomx dritt jitolbu, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, kumpens għal dannu li jirriżulta mill-ispejjeż allegatament sostnuti matul il-fażi amministrattiva tal-proċeduri quddiem il-Kummissjoni. Għandu jiġi rrilevat li l-istess soluzzjoni tapplika f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-avukati marbuta mal-proċeduri quddiem l-OLAF.
417 Fir-rigward ta’ spejjeż eventwali li jikkorrispondu għall-iżvolġiment tal-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li dawn ma jistgħux jiġu rimborsati fil-kuntest ta’ din il-kawża, fin-nuqqas ta’ rabta kawżali bejn dan l-allegat dannu u l-iżbalji mwettqa mill-OLAF u mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza François vs Il-Kummissjoni, punt 341 iktar ’il fuq, punt 109). F’kull każ, il-kwistjoni tar-rimbors tal-ispejjeż ta’ spejjeż sostnuti fuq il-livell nazzjonali taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali, fejn din tal-aħħar għandha, fin-nuqqas ta’ miżuri Komunitarji ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam tirriżolvi tali kwistjoni, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nölle vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 243 iktar ’il fuq, punt 37).
418 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-talba tar-rikorrenti intiża għall-kumpens għad-dannu materjali hija inammissibbli u, f’kull każ, mhux fondata.
Fuq l-ispejjeż
419 Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap jew aktar, waqt li, skont l-Artikolu 88 tal-istess regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom
420 F’din il-kawża, billi r-rikors intlaqa’ parzjalment, tkun saret evalwazzjoni xierqa tal-kwistjoni, fid-dawl tal-kuntest partikolari tal-kawża, jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż kollha tar-rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lil Yves Franchet u lil Daniel Byk is-somma ta’ EUR 56 000.
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3) Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.
Jaeger
Tiili
Tchipev
Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Lulju 2008.
E. Coulon
M. Jaeger
Reġistratur
President
Werrej
Il-kuntest ġuridiku
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
I – Fuq it-talba għall-irtirar ta’ ċerti annessi mir-rikors
A – L-argumenti tal-partijiet
B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
II – Fuq in-natura prematura tar-rikors
A – L-argumenti tal-partijiet
B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
III – Fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità
A – Fuq l-illegalità tal-imġiba tal-OLAF
1. Fuq l-iżbalji mwettqa meta l-OLAF ittrażmetta fajls dwar il-każ Eurostat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u Lussemburgiżi
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza
Fuq l-ikkwalifikar tal-investigazzjonijiet
Notifika lir-rikorrenti, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF
– Notifika lir-rikorrenti
– Notifika lill-Kummissjoni
– Notifika lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF
Influwenza eżerċitata fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali
2. Fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni mill-OLAF
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq il-kxif ta’ informazzjoni
– Fuq l-eżistenza u l-kontenut tal-kxif ta’ informazzjoni
– Analiżi tal-allegat ksur ta’ dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-persuni li seta’ jirriżulta mill-iżvelar ta’ informazzjoni mill-OLAF
Fuq il-komunikazzjoni mibgħuta fl-24 ta’ Settembru 2003
Fuq it-teħid ta’ pożizzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF
3. Fuq l-allegati żbalji li jirrigwardaw it-tħejjija u l-komunikazzjoni tan-noti u tar-rapporti finali
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
4. Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għal ċerti dokumenti
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza
5. Fuq it-trattament tal-każ Eurostat f’terminu mhux raġonevoli u fuq il-ksur tal-Artikoli 6 u 11 tar-Regolament Nru 1073/1999
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza
B – Fuq l-illegalità tal-imġiba tal-Kummissjoni
1. Fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni mill-Kummissjoni
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza
Fuq il-komunikat stampa tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2003
Fuq id-dokumenti kkomunikati lill-Parlament fl-24 ta’ Settembru 2003
Fuq id-diskors tal-President tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Settembru 2003
2. Fuq il-proċeduri dixxiplinari
a) Argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza
3. Fuq id-differenti investigazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-iżvolġiment tagħhom
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
4. Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza
C – Fuq id-dannu u r-rabta kawżali
1. L-argumenti tal-partijiet
a) Fuq id-dannu morali
b) Fuq id-dannu materjali
c) Fuq ir-rabta kawżali
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza
a) Fuq id-dannu morali
b) Fuq id-dannu materjali
Fuq l-ispejjeż
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy