SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)
11 ta’ Diċembru 2007
Kawża T-66/05
Jörn Sack
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Servizz pubbliku – Uffiċjal – Rikors għal annullament – Allowance ta’ kariga –Kariga ta’ ‘Kap ta’ diviżjoni’ – Trattament ugwali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Sistema lingwistika”
Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet dwar l-iffissar tal-ħlas tas-salarju fix-xahar tar-rikorrent għax-xhur ta’ Mejju 2004 sa Frar 2005, talba għal kalkolu ġdid ta’ dan il-ħlas u talba għall-annullament tad-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-kontestazzjoni tar-rikorrent, innotifikata lilu fis-26 ta’ Novembru 2004.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Sommarju
1. Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Karta tal-paga li turi deċiżjoni ta’ rifjut jew ta’ rtirar ta’ vantaġġ finanzjarju
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
2. Uffiċjali – Rikors – Kontestazzjoni amministrattiva minn qabel – Kwalifika li toħroġ mill-evalwazzjoni tal-qorti
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))
3. Uffiċjali – Rikors – Kontestazzjoni amministrattiva minn qabel – Data tal-preżentata
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))
4. Uffiċjali – Rikors – Kontestazzjoni amministrattiva minn qabel – Kontestazzjonijiet kollettivi u individwali li jsiru fl-istess ħin
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))
5. Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Obbligu ta’ motivazzjoni –Portata – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Regolarizzazzjoni fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet
(Artikolu 253 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))
6. Uffiċjali – Trattament ugwali
7. Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Diviżjoni – Kunċett
1. Bħala regola ġenerali, il-karta tal-paga hija att li jikkawża preġudizzju, li jista’ jiġi kkontestat. Madankollu, għal dik li hija, b’mod iktar partikolari, karta tal-paga li minnha tirriżulta deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tiċħad vantaġġ finanzjarju lil uffiċjal jew li tirtiralu vantaġġ finanzjarju li jkun ingħatalu preċedentement, hija biss l-ewwel karta tal-paga fejn tkun dehret din id-deċiżjoni li tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat. Il-karta tal-paga tax-xhur ta’ wara ma jagħmlu xejn ħlief jikkonfermaw din id-deċiżjoni u, għal din ir-raġuni, jikkostitwixxu atti purament konfermattivi ta’ l-ewwel karta tal-paga li ma jistgħux jiġu kkontestati b’rikors għal annullament.
(ara l-punt 31)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Jannar 1984, Andersen et vs Il-Parlament, 262/80, Ġabra p. 195, punt 4; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T‑192/99, Ġabra p. II‑813, punti 66 u 69
2. Hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tipproċedi għall-kwalifika ġuridika eżatta tan-noti bil-miktub indirizzati mill-uffiċjal lill-Awtorità tal-Ħatra qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors u li tidentifika, fost dawn, dik li tikkostitwixxi l-kontestazzjoni mitluba mir-Regolamenti tal-Persunal, mingħajr ma tkun marbuta mill-kwalifika ta’ dawn in-noti bil-miktub mill-partijiet.
F’dan ir-rigward, att tal-Awtorità tal-Ħatra li jikkawża preġudizzju jista’ jkun is-suġġett ta’ kontestazzjoni waħda biss, imressqa kontriha mill-uffiċjal ikkonċernat. Noti oħra bil-miktub, eventwalment indirizzati minnu lill-Awtorità tal-Ħatra, anki jekk ikkwalifikati bħala kontestazzjoni, ma jistgħu jikkostitwixxu la talbiet u lanqas kontestazzjonijiet, imma għandhom jitqiesu li huma sempliċi ripetizzjoni tal-kontestazzjoni u ma jistgħux ikollhom l-effett li jtawlu l-proċedura prekontenzjuża.
Konsegwentement, meta żewġ kontestazzjonijiet, li minnhom waħda personali u oħra kollettiva, ikollhom l-istess suġġett, waħda minnhom biss, jiġifieri dik li titressaq l-ewwel, tikkostitwixxi kontestazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li l-oħra, imressqa wara, għandha titqies li hija sempliċi nota ripetittiva tal-kontestazzjoni.
(ara l-punti 36, 37 u 41)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 7 ta’ Ġunju 1991, Weyrich vs Il-Kummissjoni, T‑14/91, Ġabra p. II‑235, punti 39 u 41; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 25 ta’ Frar 1992, Torre vs Il-Kummissjoni, T‑67/91, Ġabra p. II‑261, punti 28 u 32
3. Id-data tal-preżentata tal-kontestazzjoni għandha titqies li tkun dik li fiha l-amministrazzjoni tkun f’pożizzjoni li ssir taf biha.
F’dan ir-rigward, l-uffiċjal ma jistax ibati fatturi indipendenti mir-rieda tiegħu, li jistgħu jdewmu t-trażmissjoni ta’ l-ittra tiegħu ta’ kontestazzjoni, u ma jistax jinżamm responsabbli għan-nuqqasijiet jew għad-dewmien tat-trażmissjoni minn dipartiment għall-ieħor ġewwa l-istituzzjoni destinatarja.
(ara l-punti 38 u 44)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 25 ta’ Settembru 1991, Lacroix vs Il-Kummissjoni, T‑54/90, Ġabra p. II‑749, punti 29 u 30
4. M’hemm xejn irregolari fil-fatt, għall-istituzzjoni, li tagħti risposta konġunta, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda, kemm għal kontestazzjoni personali kif ukoll għal kontestazzjoni kollettiva.
(ara l-punt 64)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 17 ta’ Mejju 1995, Kratz vs Il-Kummissjoni, T‑10/94, Ġabra p. II‑1455, punt 20
5. Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adatta għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtur ta’ l-att, b’mod li jippermetti lill-persuni interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda, u lill-qorti kompetenti tagħmel l-istħarriġ tagħha. Il-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut ta’ l-att, tan-natura tal-motivi invokati u ta’ l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni li jkun magħruf jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni, imma wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat.
F’dan ir-rigward, jekk il-preżentata ta’ rikors tagħti terminu għall-possibbiltà, għall-Awtorità tal-Ħatra, li tirregolarizza d-deċiżjoni tagħha b’risposta li tiċħad il-kontestazzjoni, jista’ jkun hemm rimedju għal nuqqas inizjali ta’ motivazzjoni f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, bi preċiżazzjonijiet addizzjonali mogħtija anki fil-mori tal-kawża, meta l-interessat ikollu, qabel il-preżentata tar-rikors tiegħu, elementi li jikkostitwuxxu bidu ta’ motivazzjoni.
(ara l-punti 65 sa 67)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Frar 1992, Volger vs Il-Parlament, T‑52/90, Ġabra p. II‑121, punt 40; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 20 ta’ Frar 2002, Roman Parra vs Il-Kummissjoni, T‑117/01, ĠabraSP p. I‑A‑27 u II‑121, punti 30 u 32; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 8 ta’ Marzu 2005, Vlachaki vs Il-Kummissjoni, T‑277/03, ĠabraSP p. I‑A‑57 u II‑243, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, ĠabraSP p. I‑A‑253 u II‑1169, punt 36
6. Il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jagħtix lil uffiċjal id-dritt li jitlob vantaġġ finanzjarju mogħti b’mod illegali lil uffiċjal ieħor.
(ara l-punti 122 u 163)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 9 ta’ Ottubru 1984, Witte vs Il-Parlament, 188/83, Ġabra p. 3465, punt 15; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 22 ta’ Frar 2000, Rose vs Il-Kummissjoni, T‑22/99, ĠabraSP p. I‑A‑27 u II‑115, punt 39
7. Il-kunċett ta’ diviżjoni, immexxija minn kap ta’ diviżjoni, għandu jkun iddefinit bħala struttura amministrattiva distinta, li għandha riżorsi umani u, spiss, finanzjarji, li huma tagħha, u hija integrata fl-organizzazzjoni amministrattiva ta’ istituzzjoni.
(ara l-punt 130)
Full & Egal Universal Law Academy