Kawża T-70/05
Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE
vs
L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA)
“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċeduri ta’ sejħa għal offerti tal-EMSA — Provvista ta’ servizzi tal-informatika — Ċaħda tal-offerta — Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Nuqqas ta’ konformità ta’ offerta — Trattament ugwali — Osservanza tal-kriterji ta’ għoti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż ta’ kuntratt — Iffissar ta’ sottokriterji għall-kriterji ta’ għoti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Dritt Komunitarju — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva
(Artikolu 230 KE; l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)
2. Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Obbligu ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-offerenti
(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikoli 89(1) u 98(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 143(2))
3. Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Għoti ta’ kuntratti — Offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament — Kriterji ta’ għoti
(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 97(1) u (2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 138(2) u (3))
4. Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Għoti ta’ kuntratti — Offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament — Kriterji ta’ għoti
(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikoli 89(1) u 97; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 138(3))
5. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, li ma tiġix magħżula offerta
(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149)
6. Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti — Għoti ta’ kuntratti
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikoli 146(1) u 147(3))
1. Il-Komunità Ewropea hija Komunità tad-dritt u t-Trattat stabbilixxa sistema kompluta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet. Is-sistema tat-Trattat hija li tipprovdi azzjoni diretta kontra l-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet u li huma intiżi li jipproduċu effett legali.
Għaldaqstant, kull att ta’ korp, bħalma hija l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), li huwa intiż li jipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ terzi, għandu jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju.
Huwa minnu li l-EMSA ma hijiex parti mill-istituzzjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 230 KE. Madankollu, tali korpi għandhom is-setgħa jadottaw atti intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi, li huwa bla dubju ta’ xejn il-każ meta fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku dawn il-korpi jadottaw deċiżjonijiet li jiċħdu l-offerta ta’ offerent u jagħtu l-kuntratt lil offerent ieħor. Għaldaqstant, ma jistax jiġi aċċettat, f’Komunità tad-dritt, li tali atti ma jkunux suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.
Min dan isegwi li d-deċiżjonijiet meħuda mill-EMSA fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi, huma atti li jistgħu jiġu kkontestati. Din is-soluzzjoni hija kkonfermata mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li skont it-termini tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti ta’ organi jew korpi tal-Unjoni intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi.
(ara l-punti 64-67, 75)
2. L-awtorità kontraenti għandha tiżgura li, f’kull fażi ta’ proċedura ta’ sejħa għall‑offerti, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jiġi osservat u, konsegwentement, li jingħataw opportunitajiet ugwali lil kull wieħed mill-offerenti. Sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, bħal dik prevista mit-Trattat, ma tistax tkun żgurata ħlief jekk ikunu żgurati opportunitajiet ugwali bejn id-diversi operaturi ekonomiċi. Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, offerta sottomessa minn offerent bil-posta, li tasal għand l-awtorità kontraenti wara d-data tal-iskadenza prevista, mingħajr timbru tal-posta u mingħajr ma tkun intbagħtet b’posta rreġistrata, skont ir-rekwiżiti tal-avviż tal‑kuntratt rispettiv, la għandha tinfetaħ u lanqas tiġi aċċettata mill-awtorità kontraenti minħabba li, fin-nuqqas ta’ timbru tal-posta konfermatorju u tal-prova li ntbagħtet b’posta rreġistrata, tali offerta għandha titqies li waslet għand l-awtorità kontraenti fid-data ta’ meta ġiet irċevuta.
Irregolarità proċedurali twassal għall-annullament ta’ deċiżjoni kollha jew ta’ parti minnha jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, u konsegwentement, id‑deċiżjoni kkontestata setgħet kienet differenti. Madankollu, meta offerta sottomessa taħt il-kundizzjonijiet deskritti hawn fuq hija dik finalment magħżula mill-awtorità kontraenti, il-proċedura amministrattiva ma tistax ħlief twassal għal riżultat differenti, peress li l-imsemmija offerta ma tkunx ġiet evalwata mill‑kumitat tal-evalwazzjoni u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-għoti ma setgħatx tkun ħlief differenti.
Barra minn hekk, jekk fit-tmiem ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt jifdal biss offerta waħda, l-awtorità kontraenti, peress li ma kinitx għadha f’pożizzjoni li tqabbel il-prezzijiet jew il-karatteristiċi l-oħra tad-diversi offerti sabiex tagħti l-kuntratt lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, ma hijiex obbligata li tagħti l-kuntratt lill-uniku offerent meqjus adatt sabiex jipparteċipa fih, u tista’ tannulla tali kuntratt u tiftaħ sejħa ġdida għall-offerti.
(ara l-punti 85, 90, 92, 96, 99, 102-105)
3. Meta l-għoti tal-kuntratt isir permezz tal-għoti lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-awtorità kontraenti għandha tiddefinixxi u tippreċiża, fl‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-kriterji ta’ għoti li jippermettu l‑evalwazzjoni tal-kontenut tal-offerti. Barra minn hekk, dawn il-kriterji għandhom, skont l-Artikolu 138(2) tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għar-Regolament Finanzjarju, jiġu ġġustifikati permezz tal-għan tal-kuntratt. Skont il-paragrafu 3 tal-istess dispożizzjoni, l-aworità kontraenti għandha tippreċiża wkoll, fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal‑kuntratt, il-piż relattiv li tagħti lil kull wieħed mill-kriterji magħżula sabiex tiddetermina l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-offerti bil-għan tal-għoti tal-kuntratt.
L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa, għaldaqstant, li jippermettu lil kull offerent raġonevolment informat u normalment diliġenti li jinterpreta l-kriterji ta’ għoti bl-istess mod u konsegwentement, ikollu l-istess opportunitajiet fl‑ifformular tat-termini tal-offerta tiegħu.
Għalkemm huwa minnu li l-kriterji li jistgħu jintgħażlu mill-awtoritajiet kontraenti ma humiex elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 138(2) tar-Regoli għall-Implementazzjoni u li għalhekk din id-dispożizzjoni tħalli lill-awtorità kontraenti l-għażla tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt, xorta madankollu jibqa’ l‑fatt li l-għażla tista’ tkun biss fuq il-kriterji intiżi sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament.
Barra minn hekk, il-kriterji magħżula mill-awtorità kontraenti sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, ma għandhomx neċessarjament ikunu ta’ natura kwantitattiva jew orjentati esklużivament lejn il‑prezz. Anki jekk kriterji li ma humiex espressi f’termini kwantitattivi huma inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, huma jistgħu jiġu applikati b’mod oġġettiv u uniformi sabiex jitqabblu l-offerti u huma evidentement rilevanti sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża.
(ara l-punti 129-132)
4. Skont l-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, u l‑Artikolu 138(3), tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għar-Regolament Finanzjarju, meta l-kuntratt jingħata lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-awtorità kontraenti għandha tindika fl‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż tal-kuntratt, il-kriterji ta’ għoti applikabbli u l-piż tagħhom.
Dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ trattament ugwali tal‑operaturi ekonomiċi u ta’ trasparenza, msemmija fl-Artkolu 89(1) tar‑Regolament Finanzjarju, jeżiġu li l-elementi kollha meħuda inkunsiderazzjoni mill-awtorità kontraenti sabiex tidentifika l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament u l-importanza relattiva tagħhom ikunu magħrufa mill-offerenti potenzjali fil-mument meta jfasslu l-offerta tagħhom.
Min dan isegwi li awtorità kontraenti ma tistax tapplika sottokriterji għall-kriterji ta’ għoti li ma tkunx diġà għarfet bihom lill-offerenti minn qabel.
Huwa madankollu possibbli għal awtorità kontraenti li tiddetermina, wara l‑iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti, koeffiċjenti tal-piż mogħti lis-sottokriterji tal-kriterji ta’ għoti stabbiliti minn qabel, taħt tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li din id-determinazzjoni ex post, fl-ewwel lok, ma tbiddilx il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt iddefiniti fl-ispeċifikazzjonijiet tal‑kuntratt jew fl-avviż ta’ kuntratt, fit-tieni lok, ma tinkludix elementi li, li kieku kienu magħrufa matul it-tfassil tal-offerti setgħu jinfluwenzaw dan it-tfassil, u fit‑tielet lok, ma kinitx adottata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jista’ jkollhom effett diskriminatorju fuq wieħed mill-offerenti.
(ara l-punti 145-148)
5. L-awtorità kontraenti, taħt l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tiċħad offerta, ma għandhiex għalfejn tiddiskuti l-merti tal-offerta ta’ offerent meta mqabbla ma’ dawk tal-offerta magħżula.
Mill-Artikolu 100(2), tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, u mill‑Artikolu 149, tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għar-Regolament Finanzjarju jirriżulta li, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, l‑awtorità kontraenti tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk, l-ewwel nett, tikkomunika immedjatament lill-offerenti kollha mhux magħżula il-motivi taċ-ċaħda tal‑offerta tagħhom u tipprovdi, sussegwentement, lill-offerenti li jkunu ssottomettew offerta ammissibbli, u li jagħmlu talba speċifika, il-karatteristiċi u l‑vantaġġi relatati tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ min ikun intgħażel f’terminu ta’ ħmistax-il jum skont il-kalendarju li jibdew jiddekorru minn meta tkun irċevuta talba bil-miktub.
Dan il-mod ta’ proċedura huwa konsistenti mal-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE, li jgħid li għandu jintwera b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att, b’mod li, minn naħa, jippermetti lill‑persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet tal-miżura sabiex jinvokaw id‑drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, jippermetti lill-qorti twettaq l-istħarriġ tagħha.
L-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont l‑informazzjoni li tkun għand ir-rikorrenti meta tippreżenta r-rikors tagħha. Ir‑rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d‑destinatarji jew persuni oħra direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet.
(ara l-punti 166-171)
6. Id-deċiżjoni definittiva dwar l-għoti tal-kuntratt fuq sejħa għall-offerti tittieħed mill-awtorità kontraenti skont l-Artikolu 147(3), tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati tar-Regolament Nru 1605/2002 rigward ir‑Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.
Id-deċiżjoni tal-kumitat tal-evalwazzjoni, maħtur mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni kompetenti għall-finijiet ta’ ħruġ ta’ opinjoni konsultattiva, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 146(1) tar-Regoli għall-Implementazzjoni, fir-rigward tal-proposta tal-futur kuntrattur u fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-għażla, tista’ tkun biss kollettiva, peress li l-evalwazzjoni ta’ kull membru tal-kumitat tinħall fir-rapport finali. Għaldaqstant, kull argument intiż sabiex jenfasizza l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, jista’ jsir biss, skont il-każ, kontra r-rapport tal‑evalwazzjoni adottat mill-kumitat tal-evalwazzjoni u biss fil-każ fejn id‑deċiżjoni finali tal-awtorità kontraenti tkun ibbażata effettivament fuqu.
(ara l-punti 204-206)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)
2 ta’ Marzu 2010(*)
“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċeduri ta’ sejħa għal offerti tal-EMSA – Provvista ta’ servizzi tal-informatika – Ċaħda tal-offerta – Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Nuqqas ta’ konformità ta’ offerta – Trattament ugwali – Osservanza tal-kriterji ta’ għoti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż ta’ kuntratt – Iffissar ta’ sottokriterji għall-kriterji ta’ għoti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża T‑70/05,
Evropaïki Dynamiki ‑ Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn N. Korogiannakis, avukat,
rikorrenti
vs
L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), irrappreżentata minn W. de Ruiter u J. Menze, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck, avukat,
konvenuta
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-EMSA li ma jagħżlux l-offerti tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċeduri ta’ sejħa għall-offerti EMSA C‑1/01/04, dwar il-kuntratt intitolat “Validazzjoni ta’ SafeSeaNet u żviluppi futuri”, u EMSA C–2/06/04, dwar il-kuntratt intitolat “Speċifikazzjoni u żvilupp ta’ bażi ta’ data, ta’ netwerk u ta’ sistema amministrattiva dwar l-inċidenti marittimi”, u li tagħti l-imsemmija kuntratti lil offerenti oħrajn,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),
komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona (Relatur) u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,
Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Jannar 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
1 L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) ġiet imwaqqfa mir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 3). L-iskop tagħha huwa li tiżgura livell għoli, uniformi u effettiv ta’ sigurtà marittima u li tipprevjeni tniġġis minn vapuri fl-Unjoni Ewropea.
2 Skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, l-EMSA hija korp tal-Komunità b’personalità ġuridika.
3 L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1406/2002 jipprovdi li:
“1. Ir-responsabbiltà kontrattwali ta’ l-[EMSA] għandha tiġi rregolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt in kwistjoni.
2. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni tagħti ġudizzju skond kull klawżola ta’ arbitraġġ kontenuta f’kuntratt konkluż mill-[EMSA].
3. Fil-każ ta’ responsabbiltà non-kuntrattwali, l-[EMSA] għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull ħsara kkawżata mid-dipartimenti tagħha jew miċ-ċivili [mill-uffiċjali] tagħha fit-twettieq ta’ dmirijiethom.
4. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni f’disputazzjonijiet li jirrelataw għall-kumpens għal dannu msemmi fil-paragrafu 3.
5. Ir-responsabbiltà personali ta’ ċivili [uffiċjali] lejn l-[EMSA] għandha tiġi rregolata mid-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti ta’ l-Impjegati jew fil-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg applikabbli għalihom.”
4 L-Artikolu 185(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”) jipprovdi li:
“Il-Kummissjoni għandha tadotta fil-qafas finanzjarju regolament [regolament finanzjarju qafas] għall-korpi stabbiliti mill-Komunitajiet u li jkollhom personalità legali [ġuridika] li attwalment jirċievu għotjiet imħallsa [sussidji addebitati lill-] mill-budget. Ir-regoli finanzjarji ta’ dawn il-korpi ma jistgħux imorru lil hinn mir-regolament kwardu apparti milli meta l-ħtiġiet speċifiċi operattivi tagħhom hekk jeħtieġu u bil-kunsens bil-quddiem tal-Kummissjoni.”
5 L-Artikolu 74 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali [qafas] għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 216) fil-verżjoni applikabbli fid-data tal-fatti, jipprovdi li:
“Rigward ksib, ikunu jgħoddu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju ġenerali u r-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dak ir-regolament.”
6 Din id-dispożizzjoni hija riprodotta fl-Artikolu 74 tar-Regolament Finanzjarju tal-EMSA, adottat mill-Bord Amministrattiv tagħha fit-3 ta’ Lulju 2003.
7 L-għoti ta’ kuntratti għal servizzi tal-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju huwa, għaldaqstant, suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tal-Ewwel Parti tar-Regolament Finanzjarju, kif ukoll għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għar-Regolament Finanzjarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar ’il quddiem ir-“Regoli għall-Implementazzjoni”). Dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati fuq direttivi dwar is-suġġett, b’mod partikolari għall-kuntratti għal servizzi, mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322), kif emendat.
8 Skont l-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju:
“Il-kuntratti kollha li huma ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-budget għandhom ikunu konformi mal-prinċipji tattrasparenza, l-proporzjonalità, it-trattament ugwali u nuqqas ta’ diskriminazzjoni.”
9 L-Artikolu 97 tar-Regolament Finanzjarju, fil-verżjoni applikabbli fid-data tal-fatti, jipprovdi li:
“1. Il-kriterja ta’ l-għażla għall-evalwazzjoni tal-kapaċità ta-kandidati jew ta’ l-appaltaturi [offerenti] u l-kriterja ta’ l-għoti għall-evalwazzjoni tal-kontenut ta’ l-offerti għandha tkun definita bil-quddiem u stabbilita fis-sejħa għall-offerti.
2. Il-kuntratti jistgħu jingħataw bil-proċedura awtomatika ta’ l-għoti jew bil-proċedura ta’ l-aħjar-valur-għall-flus [l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament].”
10 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 138 tar-Regoli għall-Implementazzjoni, fil-verżjoni applikabbli fid-data tal-fatti, jippreċiża li:
“[…]
2. L-offerta li toffri l-aħjar valur għall-flus [l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament] li jkunu qed jintefqu tkun dik bl-aqwa relazzjoni bejn prezz u kwalità, billi jitqiesu l-kriterji ġġustifikati mis-suġġett ta’ l-appalt [kuntratt], bħalma huma l-prezz mitlub, merti tekniċi, karatteristiċi funzjonali u estetiċi, karatteristiċi ambjentali, spejjeż biex jitħaddem, kemm idum biex iħalli qliegħ u dewmien ta’ konsenja, servizzi ta’ wara l-bejgħ u għajnuna teknika.
3. L-awtorità ta’ l-appalti [kontraenti] tispeċifika, fl-avviż ta’ l-appalt [kuntratt] jew fl-ispeċifikazzjonijiet, l-importanza li se tagħti lil kull kriterju biex tiddetermina l-aqwa valur għall-flus li jkunu se jintefqu.
L-importanza mogħtija lill-prezz f’relazzjoni mal-kriterji l-oħrajn m’għandhiex ixxejjen l-importanza tal-prezz fl-għażla ta’ l-appaltatur [offerent].
Jekk, f’każi eċċezzjonali, l-importanza ma tistax titqassam relattivament, partikolarment minħabba s-suġġett ta’ l-appalt, l-awtorità ta’ l-appalti kemm tispeċifika kif għandhom ikunu applikati l-kriterji mill-iktar importanti għall-inqas importanti.”
11 L-Artikolu 98 tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi li:
“1. L-arranġamenti għall-preżentazzjoni ta’ l-offerti għandhom jassiguraw li jkun hemm kompetizjoni ġenwina u li l-kontenut ta’ l-offerti jibqa kunfidenzjali sakemm dawn jinfetħu simultanjament.
[…]
3. Bl-eċċezzjoni tal-kuntratti li jinvolvu ammonti żgħar […], l-applikazzjoni u l-offerti għandhom ikunu miftuħa mill-bord tal-ftuħ appuntat għal-dak l-iskop. Kwalunkwe offerta jew applikazzjoni iddikjarata mill-bord li ma tkunx tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti għandha tkun miċħudha.
4. L-applikazzjonijiet jew l-offerti ddikjarati mill-bord tal-ftuħ li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti għandhom ikunu evalwati, fuq il-bażi tal-kriterja ta’ l-għażla u l-għoti kif stabbilita fid-dokumenti relatati mas-sejħa għall-offerti, minn kumitat maħtur għal dak l-iskop bil-għan li jipproponi lill-min il-kuntratt għandu jkun mogħti.”
12 Fil-verżjoni applikabbli fid-data tal-fatti, l-Artikolu 143(2) tar-Regoli għall-Implementazzjoni kien jipprovdi li:
“Dawk li jagħmlu l-offerti jistgħu jitfgħu l-offerti:
(a) bil-posta, li għall-iskop tas-sejħa biex jitressqu d-dokumenti trid tispeċifika li d-data relevanti għandha tkun id-data ta’ meta ntbagħtet l-ittra bil-posta rreġistrata, kif muri mit-timbru tal-posta; jew
(b) billi titwassal bl-idejn s’għand l-istituzzjoni minn min qed jitfa’ l-offerta nnifsu jew aġent, li jista’ jkun servizz ta’ messaġġiera; li għall-iskop tas-sejħa biex jitressqu d-dokumenti, minbarra t-tagħrif imsemmi fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 130(2), għandu jkun speċifikat id-dipartiment li jridu jitwasslulu l-offerti u li għalihom irid joħroġ riċevuta bid-data u ffirmata.”
13 L-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi li:
“L-awtorità tal-kuntratti [kontraenti] għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill-appaltaturi [offerenti] kollha li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bil-bażi li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjonimu lill-appaltaturi kollha li l-offerti tagħhom huma ammissibbli u li jagħmlu talba bil-miktub, bill-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-appaltatur b’suċċess u l-isem ta’ l-appaltatur li lilu jingħata il-kuntratt.
B’dana kollu, ċerti dettalji ma jkunx hemm ħtieġa li jkunu żvelati meta l-iżvelar tagħhom ikun ifixkel l-applikazzjoni tal-liġi, ikun kuntrarju ta’ l-interess pubbliku jew ikunu ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tan-negozju ta’ l-impriżi pubbliċi jew privati jew jista’ jgħawweġ il-kompetizzjoni ġusta bejn dawk l-impriżi.”
14 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 149 tar-Regoli għall-Implementazzjoni, fil-verżjoni applikabbli fid-data tal-fatti, jippreċiża li:
“1. Kemm jista’ jkun malajr, l-awtoritajiet ta’ l-appalti [kontraenti] jgħarrfu lill-kandidati u lil dawk li jitfgħu l-offerti dwar kull deċiżjoni li tkun saret dwar l-għoti ta’ l-appalt [kuntratt], inkluż għalfejn tkun saret deċiżjoni biex ma jingħatax appalt li għalih kienu saru offerti f’kompetizzjoni ma’ xulxin jew biex terġa tinbeda l-proċedura.
2. Fi żmien ħmistax-il ġurnata kalendarja mid-data li tintlaqa’ talba bil-miktub, tikkomunika t-tagħrif previt fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
15 Ir-rikorrenti, Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, hija kumpannija rregolata mil-liġi Griega, li topera fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika u tal-komunikazzjoni.
16 Din il-kawża tikkonċerna żewġ sejħiet għall-offerti dwar il-“[v]alidazzjoni ta’ SafeSeaNet u [l-i]żviluppi futuri”, bir-referenza EMSA C‑1/01/04‑2004 (iktar ’il quddiem is-“sejħa għall-offerti C-1/01/04”), u dwar l-“[i]speċifikazzjoni u [l‑i]żvilupp ta’ bażi ta’ data, ta’ netwerk u ta’ sistema amministrattiva dwar l-inċidenti marittimi (ċentru ta’ informazzjoni dwar l-inċidenti marittimi)”, bir-referenza EMSA C-2/06/04 (iktar ’il quddiem is-“sejħa għall-offerti C–2/06/04”), rispettivament.
1. Proċedura ta’ sejħa għall-offerti EMSA C-1/01/04
17 Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tal-1 ta’ Lulju 2004, ippubblikat fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2004, S 126), l-EMSA fetħet is-sejħa għall-offerti C-1/01/04. It-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti kien iffissat għad-9 ta’ Awwissu 2004.
18 Il-punt 13 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, intitolat “Kriterji ta’ għoti tal-kuntratt”, jipprovdi dan li ġej:
“Il-kuntratt ser jingħata lill-offerent li jissottometti l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, evalwata abbażi tal-kriterji li ġejjin:
a) Kriterji ta’ evalwazzjoni teknika, fl-ordni tal-ikbar importanza, imwieżna skont il-perċentwali:
1. Metodoloġija proposta għall-proġett – din tinkludi l-proposti ddettaljati li jikkonċernaw il-mod kif ser jitlesta l-proġett, kif ukoll l-istadji prinċipali u s-servizzi li għandhom jiġu pprovduti (kif iddefiniti fil-punt 3 [tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt]) (40 %).
2. Fehim tad-dettalji tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u rapport qasir li juri dan il-fehim (20 %).
3. Kwalità tas-servizzi tal-operazzjonijiet (Helpdesk) (10 %)
b) Prezz totali (30 %)
Huma biss l-offerti li jiksbu riżultat totali minimu ta’ 70 % u riżultat minimu ta’ 60 % għal kull kroterju li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-għoti tal-kuntratt.”
19 Għal dak li jikkonċerna l-ewwel minn dawn it-tliet kriterji ta’ għoti, fil-punt 3 intitolat “Rapporti u dokumenti li għandhom jiġu sottomessi” l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprovdu li l-offerta kellha tinkludi informazzjoni dettaljata rigward il-pjan tal-implementazzjoni tal-proġett (project implementation structure), li kull tqassim ta’ xogħol (work package) kellu jkun iddefinit b’mod ċar, u li dan il-pjan ta’ implementazzjoni tal-proġett kellu jinkludi (għall-inqas) l-indikazzjonijiet li ġejjin: l-attivitajiet orizzjontali (punt 3.1); id-deskrizzjoni tal-grupp inkarigat mill-amministrazzjoni tal-proġett u tar-responsabbiltajiet (punt 3.2); il-kontroll tal-kwalità (punt 3.3); is-servizzi dwar l-amministrazzjoni tal-proġett (deliverables on project management level) (punt 3.4) u d-deskrizzjoni tat-tqassim ta’ xogħol u tar-relazzjonijiet tagħhom (work package description and relations) (punt 3.5) kif ukoll informazzjoni oħra rilevanti li tirrigwarda s-sottomissjoni tar-rapporti (punt 3.6).
20 Fl-1 ta’ Lulju 2004, is-sejħa għall-offerti u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt intbagħtu lir-rikorrenti.
21 Ir-rikorrenti ssostni li, permezz ta’ faks tal-31 ta’ Lulju 2004, hija bagħtet talba lill-EMSA għal informazzjoni addizzjonali. Hija reġgħet għamlet din it-talba permezz ta’ faks tal-1 ta’ Awwissu 2004.
22 Permezz ta’ faks tat-2 ta’ Awwissu 2004, l-EMSA informat lir-rikorrenti li ma kinitx irċiviet, b’mod komplet, il-faks tal-1 ta’ Awwissu 2004 li kien jinkludi l-imsemmija talba għall-informazzjoni u stednitha terġa’ tibgħat id-domandi tagħha mill-ġdid permezz ta’ posta elettronika, u r-rikorrenti għamlet dan dak in-nhar stess. F’din il-posta elettronika, ir-rikorrenti sostniet li kienet ippruvat tibgħat l-imsemmi faks fil-31 ta’ Lulju 2004 u mill-ġdid fl-1 ta’ Awwissu 2004, iżda li wisq probabbli kien hemm problema sabiex dan jintbagħat. Għaldaqstant, hija talbet li t-talba tagħha tiġi ttrattata inkwantu l-aħħar jum sabiex tittressaq din it-talba, jiġifieri s-Sibt 31 ta’ Lulju 2004, ma kienx jum tax-xogħol.
23 Permezz ta’ posta elettronika tat-3 ta’ Awwissu 2004, l-EMSA informat lir-rikorrenti li ma kinitx ser tirrispondi d-domandi tagħha inkwantu kienu saru tard, skont il-punt 8 tas-sejħa għall-offerti. Permezz ta’ posta elettronika tal-istess jum, ir-rikorrenti enfasizzat għal darba oħra li kienet ippruvat, mingħajr suċċess, tibgħat l-imsemmija talba għal informazzjoni fil-ġranet indikati u li, fi kwalunkwe każ, peress li d-data ta’ skadenza sabiex isiru domandi kienet is-Sibt 31 ta’ Lulju 2004, din kien imissha ġiet estiża għall-ewwel jum ta’ xogħol sussegwenti, jiġifieri għat-Tnejn 2 ta’ Awwissu 2004.
24 Fid-9 ta’ Awwissu 2004, ir-rikorrenti ssottomettiet l-offerta tagħha.
25 Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Diċembru 2004, l-EMSA informatha li l-offerta tagħha ma kinitx ġiet magħżula peress li l-proporzjon bejn il-kwalità u l-prezz kien inqas minn dak tal-offerta tal-offerent magħżul.
26 Permezz ta’ faks tas-7 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti talbet lill-EMSA sabiex tikkomunikalha l-isem tal-offerent magħżul, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi, kif ukoll il-punti li ngħataw lill-offerta tagħha u lil dik tal-offerent magħżul għal kull kriterju ta’ għoti, kopja tar-rapport tal-kumitat tal-evalwazzjoni, kif ukoll it-tqabbil bejn l-offerta finanzjarja tagħha u dik tal-offerent magħżul.
27 Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Diċembru 2004, li r-rikorrenti tindika li rċivietha biss fis-7 ta’ Jannar 2005, l-EMSA ikkomunikat lir-rikorrenti l-punti miksuba għal kull kriterju ta’ għoti tal-offerta tagħha, kif ukoll il-punti totali tal-offerta magħżula. Fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ din tal-aħħar, l-EMSA ppreċiżat dan li ġej:
“Approċċ ċar fir-rigward tal-metodoloġija li għandha tintuża għall-amministrazzjoni tal-proġett kollu. Id-deskrizzjoni tal-kompiti hija realistika (u kompluta b’tabelli li jindikaw l-isforz u r-riżorsi allokati, dijagramma ta’ Gantt u t-tqassim tal-kompiti); in-numru ta’ persuni għall-jiem involuti huwa biżżejjed; is-servizzi li għandhom jiġu pprovduti ġew iddefiniti skont it-tip ta’ kompitu [‘deliverables have been assigned per type of task’]; fehim tajjeb tal-proġett u approċċ tajjeb tal-pjan ta’ amministrazzjoni, il-Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz [‘Service Level Agreement’] propost huwa konformi mar-rekwiżiti tal-proġett.”
28 Fil-5 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti bagħtet faks lill-EMSA fejn indikat li ma kinitx ġiet informata bir-riżultat tal-għoti tal-kuntratti taż-żewġ sejħiet għall-offerti fit-terminu previst fir-Regolament Finanzjarju. Hija lmentat ukoll mill-fatt li l-EMSA kienet diġà ffirmat il-kuntratti mal-offerenti magħżula u kienet ippubblikat din l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.
29 L-EMSA rrispondiet permezz ta’ ittra u faks tas-7 ta’ Jannar 2005, fejn hemżet kopja tal-ittra tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2004.
30 Permezz ta’ faks tat-18 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti enfasizzat li kienet irċiviet tard l-ittra tal-EMSA tas-16 ta’ Diċembru 2004. Barra minn hekk, hija kkritikat lill-EMSA li kisret ir-Regolament Finanzjarju sa fejn din tal-aħħar ma kinitx irrispondiet għat-talba tagħha għal informazzjoni fit-terminu, ma kinitx ikkomunikat l-isem tal-offerent magħżul, l-ammont tal-offerta finanzjarja tiegħu, kif ukoll l-evalwazzjoni teknika ta’ din l-offerta meta mqabbla ma’ tagħha, u li kienet iddeċidiet li tiffirma l-kuntratt. Barra minn hekk, hija allegat li r-riferiment tal-EMSA, magħmula fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2004, għall-punti mogħtija lill-offerta tagħha mill-kumitat tal-evalwazzjoni għal kull kriterju ta’ għoti, ma kienx iddettaljat u ma kienx jinkludi ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni tagħha. Fl-aħħar nett, hija talbet diversi kjarifiki dwar l-evalwazzjoni tal-kumitat tal-evalwazzjoni.
31 Permezz ta’ faks tad-9 ta’ Frar 2005, l-EMSA rrispondiet lir-rikorrenti billi kkomunikatilha l-isem tal-offerent magħżul u billi indikat li kienet diġà rċiviet ir-riżultat tal-evalwazzjoni tal-offerta tagħha u li informazzjoni iktar iddettaljata, bħal informazzjoni finanzjarja u kummerċjali rigward l-offerent magħżul, tippreġudika l-interessi leġittimi ta’ dan tal-aħħar u għaldaqstant, ma setgħatx tiġi żvelata.
2. Proċedura ta’ sejħa għall-offerti EMSA C-2/06/04
32 Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tat-3 ta’ Lulju 2004, ippubblikat fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2004, S 128), l-EMSA fetħet is-sejħa għall-offerti C–2/06/04. It-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti kien iffissat għad-9 ta’ Awwissu 2004.
33 Il-punt 13 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, intitolat “Kriterji ta’ għoti tal-kuntratt”, jipprovdi dan li ġej:
“Il-kuntratt ser jingħata lill-offerent li jissottometti l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, evalwata abbażi tal-kriterji li ġejjin, imwieżna skont il-perċentwali:
a) Kriterji ta’ evalwazzjoni teknika: 70 % mit-total
Kriterji ta’ evalwazzjoni teknika fl-ordni tal-ikbar importanza:
– metodoloġija proposta – għandha tinkludi proposti ddettaljati dwar il-mod kif ser jitlestew il-kompiti kollha, kif ukoll dwar il-persuni responsabbli (persuni identifikati), inklużi l-istadji prinċipali u s-servizzi li għandhom jiġu pprovduti (40 %);
– fehim tad-dettalji tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u rapport qasir li juri dan il-fehim, flimkien ma’ esperjenza preċedenti f’xogħol simili (20 %);
– kwalità tal-għodda, programmi u modulus proposti (10 %).
b) Prezz totali: (30 %)
Huma biss l-offerti li jiksbu riżultat totali minimu ta’ 70 % u riżultat minimu ta’ 60 % għal kull kriterju li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-għoti tal-kuntratt”.
34 Fid-9 ta’ Lulju 2004, is-sejħa għall-offerti u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt intbagħtu lir-rikorrenti.
35 Permezz ta’ posta elettronika tas-26 ta’ Lulju 2004, mibgħuta lill-impriżi kollha li wrew interess fis-sejħa għall-offerti, il-persuna nkarigata mill-proġett tal-EMSA pprovdiet ċertu informazzjoni addizzjonali rigward is-sejħa għall-offerti inkwistjoni.
36 Kif kien indikat fil-punt 21 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li xorta kienet bagħtet talba għal informazzjoni addizzjonali dwar din is-sejħa għall-offerti, permezz ta’ faks tal-31 ta’ Lulju 2004. Hija reġgħet għamlet din it-talba fl-1 ta’ Awwissu 2004.
37 Fit-2 ta’ Awwissu 2004, l-EMSA rċiviet l-imsemmija talba għal informazzjoni permezz ta’ posta elettronika. Hawnhekk, ir-rikorrenti ssostni li ppruvat tibgħat id-dokumenti annessi fil-31 ta’ Lulju 2004 u mill-ġdid fl-1 ta’ Awwissu 2004, iżda li kien hemm problema sabiex jintbagħat il-faks. Għaldaqstant, hija talbet li t-talba tagħha tiġi ttrattata, inkwantu l-aħħar jum sabiex tissottomettihom, jiġifieri l-31 ta’ Lulju 2004, ma kienx jum tax-xogħol.
38 Permezz ta’ posta elettronika tat-3 ta’ Awwissu 2004, bi tweġiba għat-talbiet għal kjarifika fuq ċerti punti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-EMSA bagħtet informazzjoni addizzjonali dwar is-sejħa għall-offerti C–2/06/04 lir-rikorrenti u lill-impriżi l-oħra kkonċernati.
39 Fil-5 ta’ Awwissu 2004, l-EMSA informat lir-rikorrenti li ma kinitx ser tirrispondi d-domandi tagħha inkwantu kienu saru tard, skont il-punt 8 tas-sejħa għall-offerti.
40 Fid-9 ta’ Awwissu 2004, ir-rikorrenti ssottomettiet l-offerta tagħha għas-sejħa għall-offerti C–2/06/04.
41 Fil-25 ta’ Awwissu 2004, il-bord tal-ftuħ tal-offerti – kompost minn erba’ persuni u maħtur mill-EMSA fis-16 ta’ Lulju 2004 – fetaħ l-offerti fejn innota, b’mod partikolari, li l-offerta sottomessa mill-kumpannija SSPA Sweden AB (iktar ’il quddiem “SSPA”), li kienet irċievuta fl-10 ta’ Awwissu 2004, jiġifieri ġurnata wara t-terminu ffissat għas-sottomissjoni tal-offerti, kienet teħtieġ konferma bil-miktub ta’ meta ntbagħtet peress li l-envelop li kienet fih ma kellux it-timbru tal-posta.
42 Fis-26 ta’ Awwissu 2004, il-president tal-bord tal-ftuħ tal-offerti kiteb ittra lil SSPA fejn talabha tipprovdilu prova li l-offerta ntbagħtet kemm fit-terminu meħtieġ, kif ukoll skont kif ippreċiżat fis-sejħa għall-offerti.
43 Meta eżamina d-dokumenti prodotti minn SSPA, fil-21 ta’ Settembru 2004, il-bord tal-ftuħ iddeċieda li jaċċetta l-offerta sottomessa minn din tal-aħħar.
44 Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Novembru 2004, li r-rikorrenti indikat li kienet irċivietha biss fit-13 ta’ Diċembru 2004, l-EMSA informatha li l-offerta tagħha ma kinitx ġiet magħżula minħabba li l-proporzjon bejn il-kwalità u l-prezz kien inqas minn dak tal-offerta tal-offerent magħżul.
45 Fis-7 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti bagħtet faks lill-EMSA dwar u b’riferiment għas-sejħa għall-offerti C‑1/01/04, li fiha talbitha, b’mod partikolari, tinformaha jekk l-offerta tagħha għas-sejħa għall-offerta C–2/06/04 kinitx aċċettata jew miċħuda u tibgħatilha l-istess informazzjoni bħal dik mitluba għall-ewwel sejħa għall-offerti.
46 Permezz ta’ faks tal-5 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti indikat lill-EMSA li ma kinitx irċiviet l-informazzjoni rigward ir-riżultat taż-żewġ sejħiet għall-offerti fit-terminu previst fir-Regolament Finanzjarju. Ir-rikorrenti lmentat ukoll mill-fatt li l-EMSA kienet diġà ffirmat il-kuntratti mal-offerenti magħżula u kienet ippubblikat din l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.
47 L-EMSA rrispondiet permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Jannar 2005, mibgħuta wkoll permezz ta’ faks tas-7 ta’ Jannar 2005, fejn ikkomunikat il-punti mogħtija lill-offerta tar-rikorrenti, kif ukoll il-punti totali tal-offerta magħżula, u kopja tal-avviż tal-għoti ta’ kuntratt ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, li jsemmi l-isem tal-offerent magħżul. Fir-rigward tal-karatteristiċi tal-offerta tal-offerent magħżul, l-EMSA indikat dan li ġej:
“L-offerta tal-offerent magħżul kienet tirrifletti l-perizja meħtieġa u kienet ippreżentata bħala proposta mfassla sew. Il-kompiti u r-rwol tal-kap tal-proġett kienu deskritti b’mod raġonevoli. Il-kap tal-grupp għandu jmexxi grupp b’kompetenza kbira miksuba minn proġetti preċedenti li jikkorrispondu għall-proġett li huwa s-suġġett ta’ din is-sejħa għall-offerti. Ġie muri fehim tajjeb sew tal-proġett. L-għodod proposti diġà ntużaw b’suċċess u huma konsistenti mal-qafas tal-IT tal-EMSA”.
48 Fit-18 ta’ Jannar 2005, b’risposta għal din l-aħħar ittra, ir-rikorrenti bagħtet faks lill-EMSA fejn akkużatha li kisret ir-Regolament Finanzjarju, inkwantu din tal-aħħar ma kinitx irrispondiet għat-talba tagħha għal informazzjoni fit-terminu, ma kinitx ikkomunikat l-isem tal-offerent magħżul, l-ammont tal-offerta finanzjarja tiegħu, kif ukoll l-evalwazzjoni teknika ta’ din l-offerta meta mqabbla ma’ tar-rikorrenti u li kienet iddeċidiet li tiffirma l-kuntratt. Fl-aħħar nett, hija talbet diversi kjarifiki rigward l-evalwazzjoni tal-kumitat tal-evalwazzjoni.
49 L-EMSA rrispondiet lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Frar 2005 fejn indikatilha li hija kellha diġà l-informazzjoni rilevanti u li informazzjoni iktar iddettaljata, bħal ċertu informazzjoni finanzjarja u kummerċjali rigward l-offerent magħżul, tippreġudika l-interessi leġittimi ta’ dan tal-aħħar, u għaldaqstant, ma setgħatx tiġi żvelata.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
50 Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Frar 2005, ir‑rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.
51 Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar‑Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet sabiex jipproduċu ċerti dokumenti, u lill-EMSA sabiex tirrispondi għal domanda waħda bil-miktub. Il-partijiet irrispondew għal din it-talba fit-terminu mogħti.
52 It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill‑Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Jannar 2009.
53 Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjonijiet tal-EMSA li ma tagħżilx l-offerti tagħha u li tagħti l-kuntratti lill-offerenti magħżula;
– tannulla kull deċiżjoni ulterjuri tal-EMSA dwar is-sejħiet tal-offerti inkwistjoni;
– tikkundanna lill-EMSA għall-ispejjeż anki fil-każ li t-talba tiġi miċħuda.
54 L-EMSA titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:
– tiddikjara r-rikors inammissibbli jew, sussidjarjament, tiċħdu bħala infondat;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Fuq l-ammissibbiltà
55 Mingħajr ma qajmet b’mod formali l-eċċezzjoni ta’ inammissabbiltà, l-EMSA qajmet żewġ motivi li minħabba fihom il-proċeduri ma kellhomx jitkomplew, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 230 KE kontra att tal-EMSA u fuq l-irregolarità formali tar-rikors, rispettivament. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà.
1. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 230 KE kontra att tal-EMSA
L-argumenti tal-partijiet
56 L-EMSA ssostni li mill-istess fatt tan-natura tagħha, l-atti tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati taħt l-Artikolu 230 KE. Peress li dan l-artikolu ma jinkludi ebda riferiment, b’mod espliċitu jew impliċitu, għall-atti tal-aġenziji jew organi tal-Unjoni ħlief għal dawk l-istituzzjonijiet li jsemmi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tistħarreġ il-legalità ta’ dawn l-atti. Fil-fehma tagħha, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, imsejħa “Les Verts” (294/83, Ġabra.p. 1339), ma tapplikax f’dan il-każ peress li tikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni u mhux ta’ aġenzija.
57 Peress li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1406/2002 jillimita biss il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal tilwim dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali tal-EMSA dan jikkonferma, a contrario, li la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhom ġurisdizzjoni għal stħarriġ tal-legalità tal-atti tagħha. Barra minn hekk, peress li din id-dispożizzjoni tirreferi biss għall-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi dedott minn dan li jekk hemm qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, din għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja u mhux il-Qorti Ġenerali.
58 L-inammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni meħuda minn aġenzija hija, barra minn hekk, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust (C‑160/03, Ġabra p. I‑2077, punti 35 sa 37 u 40), kif ukoll mid-Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ġunju 1998, Keeling vs UASI (T‑148/97, Ġabra p. II‑2217).
59 Peress li din is-sentenza u dan id-digriet jintroduċu żewġ kriterji sabiex jiddeterminaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 230 KE, jiġifieri r-riferiment f’dan l-artikolu għal korp u n-nuqqas ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, iffisser li ż-żewġ kundizzjonijiet għandhom ikunu ssodisfatti u, f’dan il-każ, l-EMSA ma tissodisfax l-ewwel waħda inkwantu ma hijiex imsemmija fl-Artikolu 230 KE. Barra minn hekk, anki jekk kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija suffiċjenti fiha nnifisha, it-tieni waħda ma tkunx sodisfatta, peress li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1406/2002 fil-fatt jipprovdi kontroll ġudizzjarju, filwaqt li madankollu, jillimita l-portata tal-kawżi għar-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali tal-EMSA.
60 Ir-rikorrenti tikkontesta dan il-motiv ta’ inammissibbiltà.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
61 Preliminarjament, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-aġenziji stabbiliti abbażi ta’ dritt sekondarju, bħalma hija l-EMSA, ma humiex fost dawk l-istituzzjonijiet elenkati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 KE.
62 Għandu wkoll jiġi rilevat li r-Regolament Nru 1406/2002 jipprovdi fl-Artikolu 8 li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni f’kawżi dwar il-kumpens għal dannu fil-qasam ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-EMSA, kif ukoll li tiddeċiedi skont klawżola ta’ arbitraġġ li sussegwentement tkun tinsab f’kuntratt konkluż minn din tal-aħħar. Għal kuntrarju ta’ dan, dan ir-regolament ma jipprovdix li l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjonijiet l-oħra meħuda mill-EMSA.
63 Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jipprekludux lill-Qorti Ġenerali milli tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-EMSA li ma humiex imsemmijin mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1406/2002.
64 Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2008, Sogelma vs AER (T‑411/06, Ġabra p. II-2771, punt 36), meta rreferiet għas-sentenza Les Verts, punt 56 iktar ’il fuq, il-Komunità Ewropea hija Komunità tad-dritt u t-Trattat stabbilixxa sistema kompluta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet. Is-sistema tat-Trattat hija li tipprovdi azzjoni diretta kontra l-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet u li huma intiżi li jipproduċu effett legali. Abbażi ta’ dawn il-premessi, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ikkonkludiet, fis-sentenza Les Verts, punt 56 iktar ’il fuq, li r-rikors għal annullament jista’ jiġi ppreżentat kontra l-atti tal-Parlament Ewropew intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi, minkejja li d-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar ir-rikors għal annullament, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ f’dak iż-żmien, kienu jsemmu biss l-atti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Fil-fatt, interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li teskludi l-atti tal-Parlament Ewropew minn fost dawk li jistgħu jiġu kkontestati twassal, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għal riżultat kuntrarju kemm għall-ispirtu tat-Trattat kif espress fl-Artikolu 164 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 220 KE), kif ukoll għas-sistema tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Les Verts, punt 56 iktar ’il fuq, punti 23 sa 25)
65 Min din is-sentenza jista’ jiġi dedott il-prinċipju ġenerali li kull att ta’ korp, bħalma hija l-EMSA, li huwa intiż li jipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ terzi, għandu jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju.
66 Huwa minnu li s-sentenza Les Verts, punt 56 iktar ’il fuq, issemmi biss l-istituzzjonijiet filwaqt li l-EMSA, kif ġie kkonstatat fil-punt 61 iktar ’il fuq, ma hijiex parti mill-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 230 KE. Madankollu, is-sitwazzjoni ta’ tali korpi, li għandhom is-setgħa jadottaw atti intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi, li huwa bla dubju ta’ xejn il-każ meta fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku dawn il-korpi jadottaw deċiżjonijiet li jiċħdu l-offerta ta’ offerent u jagħtu l-kuntratt lil offerent ieħor, hija identika għal dik li wasslet għas-sentenza Les Verts, punt 56 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, f’Komunità tad-dritt, ma jistax jiġi aċċettat li tali atti ma jkunux suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sogelma vs AER, punt 64 iktar ’il fuq, punt 37).
67 Min dan isegwi li d-deċiżjonijiet meħuda mill-EMSA fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi, huma atti li jistgħu jiġu kkontestati.
68 Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza ċċitata mill-EMSA insostenn tal-argument tagħha dwar l-inammissibbiltà tar-rikors.
69 Fir-rigward tas-sentenza Spanja vs Eurojust, punt 58 iktar ’il fuq, huwa minnu li hemmhekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-atti kkontestati ma kinux fost dawk li hija tista’ tistħarreġ il-legalità tagħhom skont l-Artikolu 230 KE (punt 37 ta’ din is-sentenza). Madankollu, fil-punt sussegwenti ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-Artikolu 41 UE, applikabbli f’dan il-każ, ma kienx jipprevedi l-applikazzjoni tal-Artikolu 230 KE għad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali skont it-Titolu VI tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, peress li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-materja hija fil-fatt speċifikata fl-Artikolu 35 UE, li għalih jirriferi l-Artikolu 46(b) UE. Barra minn hekk, fir-rigward tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll, fil-punti 41 u 42 tal-istess sentenza, li l-atti kkontestati f’din il-kawża ma kinux eżenti minn kull stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sogelma vs AER, punt 64 iktar ’il fuq, punt 45).
70 Fid-digriet Keeling vs UASI, punt 58 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali lanqas ma llimitat ruħha li tikkonstata, fil-punt 32, li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) la kien wieħed mill-istituzzjonijiet tal-Komunità elenkati fl-Artikolu 4 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 7 KE) u lanqas kien imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 173 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 230 KE), iżda hija xorta waħda kkonstatat, fil-punt 33, li rimedji ġudizzjarji oħra kienu potenzjalment disponibbli kontra d-deċiżjoni kkontestata tal-President tal-UASI, filwaqt li semmiet, b’mod partikolari, l-Artikolu 179 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 236 KE). Għaldaqstant, dan id-digriet ma jipprekludix li rikors, ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, jista’ jiġi ppreżentat kontra deċiżjoni ta’ korp Komunitarju li ma jissemmix f’dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sogelma vs AER, punt 64 iktar ’il fuq, punt 46).
71 Għaldaqstant, il-ġurisprudenza invokata mill-EMSA ma tqajjimx dubji dwar il-konstatazzjoni li att ta’ korp intiż li jipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ terzi ma għandux ikun eżenti mill-istħarriġ ġudizzjarju.
72 Barra minn hekk, din is-soluzzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-interpretazzjoni tas-sentenza Sogelma vs AER, punt 64 iktar ’il fuq, li invokat l-EMSA matul is-seduta, interpretazzjoni li tgħid li s-sitwazzjoni tagħha hija differenti minn dik tal-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (EAR), sa fejn din tal-aħħar kienet ġiet inkarigata mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-assistenza Komunitarja favur is-Serbja u l-Montenegro, għall-preparazzjoni u l-evalwazzjoni tas-sejħiet għall-offerti u għall-għoti tal-kuntratti. Minn dan isegwi li d-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni nnifisha kienet tieħu, kieku hija ma kinitx iddelegat is-setgħet tagħha, ma setgħux ma jkunux suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju biss minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kienet iddelegat is-setgħat tagħha lill-AER, għaliex inkella tinħoloq lakuna ġuridika.
73 L-interpretazzjoni tal-EMSA tinjora t-termini tal-punti 39 u 40 tas-sentenza Sogelma vs AER, punt 64 iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li l-argument ibbażat fuq in-natura tas-setgħa li l-atti tal-AER huma bbażati fuqhom, huwa ppreżentat mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet ta’ kompletezza, u huwa ntiż biss sabiex isaħħaħ il-konklużjoni li ntlaħqet fil-punt 37 tal-istess sentenza, li fiha l-Qorti Ġenerali invokat il-prinċipju ġenerali li kull att ta’ korp Komunitarju intiż li jipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ terzi, għandu jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-EMSA, l-istess riskju li tinħoloq lakuna ġuridika kien jeżisti f’dan il-każ, jekk kellu jitqies li l-atti inkwistjoni huma eżenti mill-istħarriġ ġudizzjarju.
74 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-EMSA li mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1406/2002, li jirreferi biss għall-Qorti tal-Ġustizzja, wieħed jista’ jiddeduċi li jekk kien hemm qorti li għandha kompetenza f’dan il-każ, din kellha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja u mhux il-Qorti Ġenerali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-użu tal-kelmiet “Qorti tal-Ġustizzja” hawnhekk isir b’mod ġeneriku sabiex jindika l-istituzzjoni li issa tinkorpora l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u tribunal speċjali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, ir-riferiment fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1406/2000 għall-“Qorti tal-Ġustizzja” għandha tinftiehem bħala riferiment għal din l-istituzzjoni u mhux għal waħda mill-ġurisdizzjonjiet li tinkludi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Marzu 2005, Il-Kummissjoni vs AMI Semiconductor Belgium et, C‑294/02, Ġabra p. I‑2175, punt 49).
75 Għaldaqstant, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kif interpretat fid-dawl tas-sentenza Les Verts, punt 56 iktar ’il fuq (punti 23 sa 25) u tas-sentenza Sogelma vs AER, punt 64 iktar ’il fuq (punti 36 u 37), jirriżulta li dan ir-rikors huwa ammissibbli. Barra minn hekk, din is-soluzzjoni hija kkonfermata mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li skont it-termini tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti ta’ organi jew korpi tal-Unjoni intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi. Konsegwentement, l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-EMSA ma jistax ħlief jiġi miċħud.
2. Fuq l-exceptio obscuri libelli
L-argumenti tal-partijiet
76 Permezz tal-eċċezzjoni li l-proċeduri ma kellhomx jitkomplew ibbażata fuq il-kliem mhux ċar tar-rikors, l-EMSA ssostni essenzjalment li r-rikorrenti ma tippreċiżax liema motiv japplika għal-liema offerta u, konsegwentement, li l-imsemmi rikors, li jfixkel iż-żewġ sejħiet għall-offerti, ma jinkludix sunt ċar u preċiż biżżejjed tal-motivi invokati, bi ksur tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll tal-ġurisprudenza rilevanti.
77 Ir-rikorrenti tikkontesta din l-allegazzjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
78 Hemm lok jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors promotur għandu jindika is-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Bl-għan li tkun żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li sabiex rikors ikun ammissibbli, il-punti essenzjali ta’ fatti u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑387/94, Ġabra p. II‑961, punti 106 sa 107; tal-11 ta’ Jannar 2002, Biret u Cie vs Il-Kunsill, T‑210/00, Ġabra. p. II‑47, punt 34, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il‑Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punti 55 u 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).
79 F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikors jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura, inkwantu jippermetti kemm lill-konvenuta, kif ukoll lill-Qorti Ġenerali li tidentifika l-aġir ikkritikat tal-EMSA u l-fatti u ċ-ċirkustanzi li taw lok għal din il-kawża. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li l-EMSA kienet kapaċi torganizza, b’mod korrett, id-difiża tagħha u tiżviluppa argumenti ddettaljati b’risposta għal kull wieħed mill-ilmenti mqajma mir-rikorrenti.
80 Għaldaqstant, l-eċċezzjoni li l-proċeduri ma kellhomx jitkomplew ibbażata fuq l-irregolarità formali tar-rikors għandha tiġi miċħuda.
Fuq il-mertu
81 Ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi insostenn tat-talba tagħha għal annullament. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ bona fide, ta’ amministrazzjoni xierqa u ta’ diliġenza. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tar-Regolament Finanzjarju, ir-Regoli għall-Implementazzjoni, kif ukoll id-Direttiva 92/50. It-tielet wieħed huwa bbażat fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-EMSA. Ir-raba’ wieħed huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni rilevanti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, wara li l-EMSA ppreżentat fajls amministrattivi dwar iż-żewġ sejħiet għall-offerti inkwistjoni bħala annessi għar-risposta tagħha, ir-rikorrenti fasslet serje ta’ lmenti ad hoc, fl-istadju tar-replika, insostenn tal-motivi ppreżentati fir-rikors tagħha rigward diversi ksur allegati li jirriżultaw mill-imsemmija fajls amministrattivi, kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-proċedura tas-sejħa għall-offerti C–2/06/04, hija fasslet motiv indipendenti bbażat fuq in-nonkonformità tal-offerta sottomessa mill-offerent magħżul fir-rigward tar-regoli għas-sottomissjoni tal-offerti msemmija fil-punt 2 tas-sejħa għall-offerti. Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali ser teżamina t-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet meħuda mill-EMSA fil-kuntest tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti C–2/06/04.
1. Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet meħuda mill-EMSA fil-kuntest tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti C–2/06/04
Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nonkonformità tal-offerta sottomessa mill-offerent magħżul
L-argumenti tal-partijiet
82 Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ppreżentat motiv ġdid ibbażat fuq li l-offerta tal-offerent magħżul ma setgħatx titqies konformi mal-punt 2(a) tas-sejħa għall-offerti. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-offerent magħżul, li ma kellux prova li bagħat l-offerta tiegħu, pprovda biss dikjarazzjoni a posteriori ta’ uffiċjal tal-posta Svediża fejn kien hemm indikat li l-pakkett kien effettivament intbagħat fit-termini. Skont ir-rikorrenti, l-ittra ta’ impjegat tal-posta ma tistax tissostitwixxi t-“timbru tal-posta” u “tkun ta’ prova”; u għaldaqstant, ma tistax tikkostitwixxi prova suffiċjenti. Skont ir-rikorrenti, jekk tali irregolarità tiġi aċċettata, din tista’ tikkostitwixxi preċedent perikoluż u toħloq inċertezza għal dak li jikkonċerna l-osservanza tat-termini fis-settur tal-kuntratti pubbliċi.
83 L-EMSA twieġeb li l-punt 2(a) tal-imsemmija sejħa għall-offerti kellu l-għan li jistabbilixxi mod kif jiġi vverifikat li kull offerent kien issottometta l-offerta tiegħu qabel l-iskadenza tat-terminu. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-kumitat tal-evalwazzjoni li jaċċetta mezz ieħor ta’ prova hija raġonevoli, peress li f’dan il-każ, għall-kuntrarju tal-prattika normali tagħha, il-posta ma kinitx għamlet timbru tagħha fuq l-ittra.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
84 Qabel kollox, hemm lok li jiġi rrilevat li l-motiv ibbażat fuq in-nonkonformità tal-offerta tal-offerent magħżul, fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti C–2/06/04 li jirrigwarda r-regoli għas-sottomissjoni tal-offerti msemmija fil-punt 2 tas-sejħa għall-offerti, li ġiet imqajma mir-rikorrenti fl-istadju tar-replika, jikkostitwixxi motiv ġdid. Madankollu huwa jista’ jiġi aċċettat fuq il-bażi tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, inkwantu huwa bbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatti li kienu tqajmu matul il-proċedura, jiġifieri l-proċess verbali tal-bord tal-ftuħ tal-offerti dwar l-imsemmija sejħa għall-offerti li l-EMSA daħħlet fil-proċess bħala anness tar-risposta tagħha.
85 Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, l-awtorità kontraenti għandha tiżgura li, f’kull fażi ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jiġi osservat u, konsegwentement, jingħataw opportunitajiet ugwali lil kull wieħed mill-offerenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, Ġabra p. I‑3801, punt 108; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2007, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑250/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Marzu 2008, European Service Network vs Il-Kummissjoni, T‑332/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 122). Sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, bħal dik prevista mit-Trattat, ma tistax tkun żgurata ħlief jekk ikunu żgurati opportunitajiet ugwali bejn id-diversi operaturi ekonomiċi (sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).
86 Għandu jitfakkar ukoll li skont l-Artikolu 98(1) tar-Regolament Finanzjarju, “[l]-arranġamenti għall-preżentazzjoni ta’ l-offerti għandhom jiżguraw li jkun hemm kompetizzjoni ġenwina u li l-kontenut ta’ l-offerti jibqa kunfidenzjali sakemm dawn jinfetħu simultanjament”.
87 F’dan il-każ, l-avviż ta’ kuntratt kien iffissa d-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni tal-offerti għad-9 ta’ Awwissu 2004. Barra minn hekk, is-sejħa għall-offerti li, skont l-Artikolu 130(2)(a) tar-Regoli għall-Implementazzjoni għandha għall-inqas tippreċiża “r-regoli li jirregolaw l-iddepożitar u l-preżentazzjoni ta’ l-offerti, inklużi b’mod partikolari id-data u l-ħin ta’ meta jagħlaq iż-żmien li jistgħu jintlaqgħu”, fil-punt 2 tindika li l-offerti jistgħu jiġu sottomessi, jew permezz ta’ posta rreġistrata mibgħuta fl-indirizz indikat u impostata l-iktar tard fid-9 ta’ Awwissu 2004 (kif muri mit-timbru tal-posta), inkella billi titwassal bl-idejn sal-indirizz indikat, fejn għandha tasal sal-iktar tard fid-9 ta’ Awwissu 2004 fl-erbgħa ta’ wara nofsinhar, billi d-depożitu tal-offerta jkun iċċertifikat, f’dan il-każ, permezz ta’ rċevuta ffirmata u bid-data stabbilita minn uffiċjal tal-EMSA. Is-sejħa għall-offerti tippreċiża wkoll li kull tip ta’ sottomissjoni tal-offerta apparti dik magħmula b’posta rreġistrata, inkluża l-kunsinna tagħha permezz ta’ servizz ta’ “messaġġiera”, ser jitqiesu bħala “sottomessa bl-idejn”.
88 Dawn il-metodi ta’ komunikazzjoni huma konsistenti mal-Artikolu 143(2) tar-Regoli għall-Implementazzjoni ċċitati fil-punt 12 iktar ’il fuq, li jipprovdi li “[d]awk li jagħmlu l-offerti jistgħu jitfgħu l-offerti […] bil-posta, li għall-iskop tas-sejħa biex jitressqu d-dokumenti trid tispeċifika li d-data relevanti għandha tkun id-data ta’ meta ntbagħtet l-ittra bil-posta rreġistrata, kif muri mit-timbru tal-posta; […] jew billi titwassal bl-idejn s’għand l-istituzzjoni minn min qed jitfa’ l-offerta nnifsu jew aġent, li jista’ jkun servizz ta’ messaġġiera; li għall-iskop tas-sejħa biex jitressqu d-dokumenti, […] għandu jkun speċifikat id-dipartiment li jridu jitwasslulu l-offerti u li għalihom irid joħroġ riċevuta bid-data u ffirmata”. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, fis-sens tal-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71) “oġġett reġistrat” ifisser servizz li jipprovdi garanzija b’rata fissa kontra riskji ta’ telf, ta’ serq jew ta’ ħsara u li tagħti lill-ispedituri, meta approprjat fuq talba, b’xiehda tal-għoti tal-oġġett postali u/jew tal-kunsinna tiegħu lill-indirizzat.
89 Barra minn hekk, dejjem skont il-punt 2 tas-sejħa għall-offerti, in-nonkonformità mal-imsemmija kundizzjonijiet formali għandha twassal għal ċaħda tal-offerta matul il-proċedura tal-ftuħ.
90 Skont l-ewwel proċess verbali mfassal mill-bord tal-ftuħ tal-offerti tal-25 ta’ Awwissu 2004, l-offerta ta’ SSPA, jiġifieri dik li sussegwentement intgħażlet, ma kellhiex prova li ntbagħtet u sabiex tkun iddikjarata bħala konformi, kien għaldaqstant meħtieġ li l-offerent jipprovdi konferma bil-miktub ta’ meta ntbagħtet. Mit-tieni proċess verbali, tal-21 ta’ Settembru 2004, jirriżulta li wara ittra tal-bord tal-ftuħ tal-offerti li stednitha tipproduċi l-imsemmija konferma bil-miktub, SSPA bagħtet lill-EMSA dikjarazzjoni ta’ impjegat tal-posta Svediża li tikkonferma li l-offerta kienet intbagħtet fit-terminu. Għaldaqstant, il-bord tal-ftuħ tal-offerti kkunsidra l-offerta ta’ SSPA bħala konformi.
91 Id-dokumenti annessi ma’ dan il-proċess verbali ddaħħlu fil-proċess minn EMSA, b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnata mill-Qorti Ġenerali. Dawn kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, kopji ta’ enveloppijiet bl-offerta mibgħuta minn SSPA, kif irċievut mill-EMSA, kopji tal-korrispondenza ta’ bejniethom, kif ukoll kopja tal-irċevuta mill-uffiċċju postali ta’ Göteborg, tas-6 ta’ Awwissu 2004, u tad-dikjarazzjoni ffirmata minn impjegat tal-istess uffiċċju postali, tat-2 ta’ Settembru 2004, li essenzjalment tiddikjara li l-envelop allegat li kien fih l-offerta inkwistjoni kien effettivament intbagħat minn dan l-uffiċċju fis-6 ta’ Awwissu 2004.
92 Fl-ewwel lok, minn dawn id-dokumenti jirriżulta li l-offerta ta’ SSPA waslet għand l-EMSA fl-10 ta’ Awwissu 2004, jiġifieri ġurnata wara l-iskadenza tat-terminu ffissat għas-sottomissjonijiet tal-offerti u li ebda timbru tal-posta, sew biex juri li ntbagħtet u sew biex juri li ġiet irċievuta, ma kien jinsab fuq l-enveloppijiet li kien fihom l-imsemmija offerta.
93 Fit-tieni lok, huwa importanti li jiġi osservat li għalkemm fl-ittra mibgħuta lil SSPA, fis-26 ta’ Awwissu 2004, l-EMSA indikat li “l-envelop la kellu indikazzjoni li kien intbagħat permezz ta’ posta rreġistrata u lanqas id-data ta’ depożitu fl-uffiċċju tal-posta”, u stednitha tipprovdilha “kull prova ulterjuri [li l-offerta kienet ġiet sottomessa lilha] fit-termini u skont il-forma mitluba fis-sejħa għall-offerti”, SSPA bagħtitilha biss irċevuta ta’ uffiċċju postali ta’ Göteborg.
94 F’dan ir-rigward, l-argument invokat mill-EMSA matul is-seduta, li l-imsemmija rċevuta tipprova li l-ittra ġiet irreġistrata, reġistrazzjoni li b’xi mod hija simili għal posta rreġistrata, ma jistax jintlaqa’. Fl-ewwel lok, tali rċevuta ma tista’ bl-ebda mod tiġi mxebbha ma’ rċevuta ta’ depożitu ta’ posta rreġistrata li, indipendentement mit-timbru tal-posta fuq l-envelop, bħala regola ġenerali, hija mogħtija lill-ispeditur bħal prova tad-depożitu tal-posta rreġistrata, kif kien muri fil-punt 88 iktar ’il fuq. Fil-fatt, fuq din l-irċevuta la jidher l-isem tal-ispeditur, la dak tad-destinatarju, u lanqas id-destinazzjoni tal-ittra jew kull element ieħor li jikkonferma li kien qed jintbagħat pakkett irreġistrat. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li l-EMSA kkunsidrat offerta ta’ offerent ieħor bħala konformi biss wara li pproduċa, fuq inizjattiva tiegħu stess, rċevuta li tindika d-data ta’ meta ntbagħtet l-posta rreġistrata u kodiċi numeriku b’riferiment għall-envelop li kien fih l-offerta, filwaqt li din tal-aħħar kienet inizjalment eskluża minħabba li l-envelop li kienet fih, kellu biss it-timbru tad-data meta kien ġie irċievut. Fit-tieni lok, kontra l-idea li l-EMSA ppruvat tissuġġerixxi matul is-seduta, mill-proċess jirriżulta ċarament li ma kinitx l-imsemmija rċevuta li definittivament wasslet sabiex l-offerta ta’ SSPA tiġi kkunsidrata, iżda d-dikjarazzjoni tal-impjegat tal-posta Svediża, filwaqt li fil-każ tal-offerent imsemmi iktar ’il fuq, l-EMSA kkunsidrat bħala prova suffiċjenti, l-irċevuta ppreżentata minnu wara li sema’ biċ-ċaħda tal-offerta tiegħu.
95 Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li fid-dikjarazzjoni tal-impjegat tal-uffiċċju tal-posta ta’ Göteborg huwa ppreċiżat dan li ġej: “Permezz tal-preżenti, jien nikkonferma […], wara li eżaminajt il-kopja tal-irċevuta annessa […] kif ukoll il-fotokopja tal-envelop mibgħut, li dan l-envelop kien ġie mibgħut mill-uffiċċju postali msemmi iktar ’il fuq, nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Awwissu 2004”. Għaldaqstant, l-impjegat tal-posta Svediża ddikjara li bagħat l-envelop li allegatament kien fih l-offerta ta’ SSPA fis-6 ta’ Awwissu 2004, minn naħa, mingħajr madankollu spjega għaliex ma kien hemm ebda timbru tal-posta fuq l-imsemmi envelop u, min-naħa l-oħra, billi naqas milli jindika jekk kienx jirrigwarda pakkett mibgħut bil-posta rreġistrata. Mistoqsija f’dan ir-rigward, matul is-seduta, l-EMSA lanqas ma kienet kapaċi tistabbilixxi jekk din kienet ġiet mibgħuta b’posta rreġistrata.
96 Għaldaqstant minn l-ebda prova fil-proċess ma jirriżulta li s-sottomissjoni tal-offerta ta’ SSPA kienet saret permezz ta’ posta rreġistrata.
97 Għalhekk, tqum il-kwistjoni jekk l-offerta ta’ SSPA setgħatx, qabel xejn, tinfetaħ mill-bord tal-ftuħ tal-offerti u, wara eżaminata mill-kumitat tal-evalwazzjoni, minkejja li kienet waslet għand l-EMSA l-għada tad-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni tal-offerti.
98 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-data u l-ħin sa meta setgħu jintlaqgħu l-offerti kienu ffissati fl-avviż ta’ kuntratt għad-9 ta’ Awwissu 2004 sal-erbgħa ta’ wara nofsinhar. Madankollu, mill-punt 2 tas-sejħa għall-offerti jirriżulta b’mod ċar li, bħala regola ġenerali, l-offerti kellhom jaslu għand l-EMSA l-iktar tard sad-data u l-ħin iċċitat iktar ’il fuq, sew jekk offerti mwassla bl-idejn jew offerti mibgħuta permezz ta’ servizz ta’ “messaġġiera”, bl-unika eċċezzjoni għal din ir-regola hija dik tal-offerta mibgħuta bil-posta permezz ta’ pakkett irreġistrat, li kellha ssir l-iktar tard qabel l-imsemmija data, filwaqt li setgħet tiġi rċievuta wara, billi t-timbru tal-posta juri d-data li ntbagħtet. Minn dan isegwi li, bħala eċċezzjoni, il-possibbiltà li l-offerti jaslu wara d-data u l-ħin iffissati sa meta l-offerti kellhom jaslu, bħala prinċipju, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.
99 Sussegwentement għandu jiġi osservat li l-punt 2(a) tas-sejħa għall-offerti jindika żewġ kundizzjonijiet formali distinti li għandhom jiġu osservati mill-offerent bl-intenzjoni li jissottometti l-offerta bil-posta, li huma, d-data sa meta tista’ tintbagħat l-offerta u l-metodu li bih għandha tiġi sottomessa permezz ta’ posta rreġistrata, rispettivament. Dawn il-kundizzjonijiet, minkejja li huma biss kumplementari, huma xorta waħda importanti għall-evalwazzjoni tal-konformità ta’ kif ġiet trażmessa l-offerta, mad-dispożizzjonijiet inklużi fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti, kif ukoll mal-Artikolu 143 tar-Regoli ta’ Implementazzjoni.
100 Għaldaqstant, l-osservanza ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li l-importanza tagħhom kienet tfakkret espressament mill-EMSA fl-ittra mibgħuta lil SSPA fis-26 ta’ Awwissu 2004, għandha tiġi vverifikata mill-awtorità kontraenti, b’mod iktar preċiż, mil-bord tal-ftuħ tal-offerti, qabel ma jinfetħu u sussegwentement, qabel l-eżami tagħhom. F’dan ir-rigward, il-bord tal-ftuħ tal-offerti ma għandu ebda diskrezzjoni: ladarba jiġi kkonstatat li l-offerta rċievuta wara l-iskadenza tat-terminu, ma kinitx ġiet trażmessa skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sejħa tal-offerti, kif ukoll mir-Regoli għall-Implementazzjoni, huwa jista’ biss jiċħad din l-offerta, bħalma tfakkar fil-punt 86 iktar ’il fuq.
101 Barra minn hekk, il-fażi tal-ftuħ tal-offerti, li r-regoli ta’ kif għandha tiżvolġi jinsabu fl-Artikolu 145 tar-Regoli għall-Implementazzjoni, hija preċiżament ikkaratterizzata min-natura formali tagħha u għandha l-għan li tippermetti lil bord, magħmul minn għall-inqas tliet persuni, jevalwa u jiżgura l-osservanza tar-regoli kkonċernati, b’mod partikolari, il-metodu ta’ kif l-offerti jiġu kkomunikati, fid-dawl tal-importanza li dawn ir-regoli għandhom fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti. B’mod partikolari, il-membri ta’ dan il-bord jinizjala d-dokumenti li għandhom prova tad-data u l-ħin li kull offerta ntbagħtet u jiffirmaw il-proċess verbali tal-ftuħ tal-offerti rċievuti li jidentifika l-offerti konformi u l-offerti nonkonformi u li jagħti raġuni għaċ-ċaħda minħabba nonkonformità fir-rigward tal-metodu ta’ depożitu msemmija fl-Artikolu 143 tar-Regoli għall-Implementazzjoni. Għaldaqstant dawn huma formalitajiet li l-osservanza tagħhom hija essenzjali għall-finijiet tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratti.
102 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-offerenti li, kif issemma fil-punt 85 iktar ’il fuq, l-osservanza tiegħu għandha tiġi żgurata f’kull fażi tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti, l-offerta sottomessa minn SSPA f’dan il-każ, la kellha tinfetaħ u lanqas tiġi aċċettata mill-bord tal-ftuħ tal-offerti, minħabba li fin-nuqqas ta’ timbru tal-posta konfermatorju u tal-prova li ntbagħtet b’posta rreġistrata, hija kellha titqies li waslet għand l-EMSA fid-data ta’ meta ġiet irċievuta, jiġifieri fl-10 ta’ Awwissu 2004, u konsegwentement, tard. Minn dan isegwi li kien żbaljat li l-offerta ta’ SSPA infetħet mill-bord tal-ftuħ tal-offerti u wara ġiet evalwata u kklassifikata fl-ewwel pożizzjoni mill-kumitat tal-evalwazzjoni.
103 Skont il-ġurisprudenza, irregolarità proċedurali twassal għall-annullament ta’ deċiżjoni kollha jew ta’ parti minnha jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, u konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata setgħet kienet differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑345/03, Ġabra p. II‑341, punt 147, u European Service Network vs Il‑Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 130, u l-ġurisprudenza ċċitata).
104 F’dan il-każ, kieku l-offerta ta’ SSPA ma kinitx ittieħed inkunsiderazzjoni mill-EMSA minħabba n-nonkonformità tagħha mal-metodu ta’ depożitu msemmi fil-punt 2 tas-sejħa għall-offerti, kif ukoll mal-Artikolu 143 tar-Regoli għall-Implementazzjoni, il-proċedura amministrattiva ma kinitx ħlief twassal għal riżultat differenti, peress li l-offerta ta’ SSPA ma kinitx tkun tista’ tiġi evalwata mill-kumitat tal-evalwazzjoni u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-għoti, li tibbaża b’mod partikolari fuq eżami komparattiv tal-offerti, ma setgħatx tkun ħlief differenti.
105 Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li f’dan il-każ, żewġ impriżi biss qabżu l-limitu minimu indikat fil-punt 13.1(b) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kieku l-offerta ta’ SSPA ġiet miċħuda mill-fażi tal-ftuħ tal-offerti, kien jifdal offerta waħda fit-tmiem tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità kontraenti, peress li ma kinitx għadha f’pożizzjoni li tqabbel il-prezzijiet jew il-karatteristiċi l-oħra tad-diversi offerti sabiex tagħti l-kuntratt lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, ma kinitx tkun obbligata li tagħti l-kuntratt lill-uniku offerent meqjus adatt sabiex jipparteċipa fih (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 1999, Fracasso u Leitschutz, C‑27/98, Ġabra p. I‑5697, punti 31 sa 33). Barra min hekk, din il-kunsiderazzjoni ma tippermettix li jiġi eskluż li l-EMSA, kif irrikonoxxiet matul is-seduta b’risposta għal domanda magħmula f’dan is-sens mill-Qorti Ġenerali, setgħet tannulla l-kuntratt inkwistjoni u tiftaħ sejħa ġdida għall-offerti. Konsegwentement, huwa muri suffiċjentement kif mitlub mil-liġi li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet wasslet għal riżultat differenti.
106 Għaldaqstant hemm lok li d-deċiżjoni tal-EMSA li tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul tiġi annullata, inkwantu din kisret l-Artikolu 143 tar-Regoli għall-Implementazzjoni u l-punt 2 tas-sejħa għall-offerti, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti għal dak li jikkonċerna s-sejħa għall-offerti C–2/06/04.
107 Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ser tkompli bl-eżami tal-motivi u l-argumenti mqajma mir-rikorrenti biss minħabba li huma invokati kontra d-deċiżjonijiet tal-EMSA li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti u li tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor, fi tmiem il-proċedura ta’ sejħa għall-offerti C-1/01/04.
2. Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet meħuda mill-EMSA fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti C-1/01/04
108 Kif issemma fil-punt 81 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi insostenn tat-talba tagħha għal annullament ibbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tal-prinċipji ta’ bona fide, ta’ amministrazzjoni xierqa u ta’ diliġenza, fit-tieni lok, fuq il-ksur tar-Regolament Finanzjarju, ir-Regoli għall-Implementazzjoni, kif ukoll id-Direttiva 92/50, fit-tielet lok, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fir-raba’ lok, fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni rilevanti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li l-ewwel nett teżamina l-ewwel motiv, imbagħad it-tieni wieħed, imbagħad ir-raba’ motiv u fl-aħħar nett teżamina t-tielet motiv.
Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ bona fide, ta’ amministrazzjoni xierqa u ta’ diliġenza
L-argumenti tal-partijiet
109 Skont ir-rikorrenti, l-EMSA kisret il-prinċipji ta’ bona fide, ta’ amministrazzjoni xierqa u ta’ diliġenza inkwantu aġixxiet b’dewmien sinjifikattiv u ma tatx risposti adatti għad-domandi li sarulha mill-offerenti qabel is-sottomissjoni tal-offerta tagħhom, u skont il-ġurisprudenza dan jista jikkostitwixxi motiv għall-annullament tad-deċiżjoni, sakemm din id-deċiżjoni kienet tkun differenti fin-nuqqas ta’ irregolaritajiet.
110 Hija tfakkar li kienet bagħtet id-domandi tagħha li l-EMSA rrifjutat li tirrispondi, billi allegat li ma kinux saru fit-terminu, jiġifieri qabel il-31 ta’ Lulju 2004. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li kienet ppruvat tibgħat dawn id-domandi permezz ta’ faks tal-31 ta’ Lulju 2004 iżda mingħajr suċċess u li l-EMSA ma kinitx irċiviethom probabbilment minħabba li l-faks ta’ din tal-aħħar ma kienx qed jaħdem sew, fatt li kien ġie rikonoxxut mill-EMSA fl-ittra tagħha tat-2 ta’ Awwissu 2004. Barra minn hekk hija tenfasizza li finalment l-EMSA rċiviet id-domandi, il-Ħadd l-1 ta’ Awwissu 2004. Fi kwalunkwe każ, peress li d-data tal-iskadenza għat-tressiq ta’ talbiet għal informazzjoni addizzjonali kienet inzertat Sibt, l-EMSA kien messha tat estensjoni tat-terminu sal-ewwel jum tax-xogħol sussegwenti, jiġifieri sa’ nhar it-Tnejn 2 ta’ Awwissu 2004. Billi rrifjutat li tirrispondi għad-domandi tar-rikorrenti, l-EMSA mhux biss kisret il-prinċipji ta’ bona fide, ta’ amministrazzjoni xierqa u ta’ diliġenza, iżda wkoll ostakolat li tiġi sottomessa offerta iktar kompetittiva.
111 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tippreċiża li għall-kuntrarju ta’ dak li qed tagħti x’tifhem l-EMSA, hija qatt ma ppruvat tikseb informazzjoni li ma kinux jgawdu minnha l-offerenti l-oħra, peress li, hija ssostni, ir-risposti kollha għat-talbiet għal informazzjoni addizzjonali huma kkomunikati lill-offerenti kollha. Hija tenfasizza f’dan ir-rigward li, l-awtorità kontraenti hija obbligata tirrispondi għat-talbiet kollha għal informazzjoni addizzjonali għaliex l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt fihom impreċiżjonijiet.
112 Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet għall-ewwel darba li l-EMSA kienet kisret l-Artikolu 141 tar-Regoli għall-Implementazzjoni inkwantu, fis-sejħa għall-offerti, hija kienet iffissat terminu għall-proposta ta’ talbiet għal informazzjoni addizzjonali iqsar minn dak iffissat mill-Artikolu 141.
113 L-EMSA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
114 Ir-rikorrenti tikkritika lill-EMSA, minn naħa, li aġixxiet b’dewmien sinjifikattiv u, min-naħa l-oħra, li ma tatx risposti adatti għat-talbiet għal informazzjoni addizzjonali tal-offerenti. Imbagħad hija żżid tgħid li, fil-31 ta’ Lulju 2004, staqsiet domandi bl-għan li tikseb kjarifika dwar il-punti allegatament impreċiżi tas-sejħiet għall-offerti, li l-EMSA rrifjutat li tirrispondi.
115 Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li, mhux biss ir-rikorrenti ma sostniet bl-ebda mod id-dikjarazzjoni tagħha li l-EMSA aġixxiet b’dewmien sinjifikattiv u li ma tatx risposti adatti għat-talbiet tal-offerenti, iżda wkoll li la indikat x’kienu dawn ir-risposti u lanqas għaliex għandhom jitqiesu mhux adatti. Minn dan isegwi li, minkejja l-kliem pjuttost impreċiż, dan il-motiv għandu jinftiehem li, essenzjalment, ir-rikorrenti takkuża lill-EMSA li ma rrispondietx id-domandi tagħha, għalhemm kienet għamlithom fit-termini u li minħabba f’hekk, din ostakolatha milli tissottometti offerta iktar kompetittiva, kemm teknikament kif ukoll finanzjarjament.
116 F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma sostnietx id-dikjarazzjonijiet tagħha. Fil-fatt, minkejja li tirreferi għad-diversi tentattivi tagħha sabiex tibgħat it-talbiet għal informazzjoni kemm is-Sibt 31 ta’ Lulju kif ukoll il-Ħadd l-1 ta’ Awwissu 2004, hija ma tipprovdi l-ebda rapport ta’ trażmissjoni li jista’ jagħti prova tal-komunikazzjoni (kompleta jew mhux) ta’ dawn id-dokumenti lill-EMSA, jew inkella ta’ żball ta’ trażmissjoni meta ntbagħtu. Ir-rikorrenti lanqas ma spjegat kif din l-allegata iregolarità seta’ jkollha impatt fuq id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt.
117 Fit-tieni lok, huwa importanti li jiġi kkonstatat li, skont il-punt 8 tas-sejħa għall-offerti, kull informazzjoni addizzjonali setgħet tinkiseb fuq talba bil-miktub, mibgħuta l-iktar tard għaxart ijiem qabel ma jiskadi t-terminu ffissat għas-sottomissjoni tal-offerti. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, dan il-punt tas-sejħa għall-offerti ma jistax jiġi interpretat ħlief li l-jum tas-sottomissjoni tal-offerti ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-terminu. Peress li, fil-punt 2 tas-sejħa għall-offerti, dan it-terminu kien iffissat għad-9 ta’ Awwissu 2004, it-terminu għat-tressiq ta’ talbiet għall-informazzjoni addizzjonali ma setax għaldaqstant jiġi ħlief fi tmiem il-Ġimgħa 30 ta’ Lulju 2003 u mhux, kif tallega r-rikorrenti, is-Sibt 31 ta’ Lulju 2004.
118 Kif ġustament tenfasizza l-EMSA, ir-rikorrenti, hekk kif hija tammetti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ippruvat tibgħat it-talba tagħha għal informazzjoni addizzjonali sa mis-Sibt 31 ta’ Lulju 2004 u għaldaqstant, wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għat-tressiq tagħha. Peress li l-imsemmija talba kienet tardiva, kien ġust li l-EMSA ma rrispondithiex, jekk kien il-każ li rċivietha.
119 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 141(2) tar-Regoli għall-Implementazzjoni, il-Qorti Ġenerali tirrileva li dan il-motiv ġie mqajjem għall-ewwel darba matul il-proċedura orali. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jitressaq matul il-proċedura, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv jew argument li jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandu rabta stretta miegħu, ma jikkostitwixxix motiv ġdid fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Novembru 2002, Scan Office Design vs Il-Kummissjoni, T‑40/01, Ġabra p. II‑5043, punt 96, u tal-21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il-Kunsill, T‑495/04, Ġabra p. II‑781, punt 87).
120 F’dan il-każ, hemm lok li jiġi osservat li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 141(2) tar-Regoli għall-Implementazzjoni mqajjem mir-rikorrenti matul is-seduta, la jista’ jitqies, minn naħa, bħala lment ibbażat fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li tqajmu matul il-proċedura bil-miktub, peress li huwa bbażat fuq l-allegata illegalità li setgħet tkun magħrufa u li seta’ jitqajjem sa mill-introduzzjoni tar-rikors, u lanqas, min-naħa l-oħra, bħala amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, peress li kien biss matul il-proċedura orali li r-rikorrenti invokat dispożizzjoni legali allegatament miksura, u li r-raġuni għal annullament kif imsemmija, la kienet imsemmija direttament u lanqas b’mod impliċitu fir-rikors promotorju, peress li l-motiv preżenti huwa bbażat fuq allegat ksur tal-prinċipji ta’ bona fide, ta’ amministrazzjoni xierqa, u ta’ diliġenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il-Kunsill, 108/81, Ġabra p. 3107, punt 25). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ssostni l-ebda element ta’ liġi jew fatt li kien ġie rrilevat matul il-proċedura u li fuqu jista’ jiġi bbażat dan l-ilment. Minn dan isegwi li l-ilment huwa inammissibbli minħabba f’dewmien fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.
121 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, għal dak li jikkonċerna l-proċedura ta’ sejħa għall-offerti C-1/01/04, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Finanzjarju, tar-Regoli għall-Implementazzjoni kif ukoll tad-Direttiva 92/50
L-argumenti tal-partijiet
122 Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li l-EMSA kisret ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regoli għall-Implementazzjoni, u d-Direttiva 92/50 billi użat kriterji impreċiżi u li ma kinux iddefiniti b’mod korrett fis-sejħa għall-offerti. Barra minn hekk, fl-istadju tar-replika, hija tallega li billi ddeċieda li jissuddividi l-kriterji ta’ għoti f’sottokriterji, il-kumitat tal-evalwazzjoni mhux biss irrikonoxxa fil-miftuħ li l-imsemmija kriterji ma kinux iddefiniti sew u li kellhom jiġu kkjarifikati u/jew issostitwiti, u dan kien rikonoxxut ukoll mill-EMSA fir-risposta tagħha, iżda kiser ukoll ir-Regolament Finanzjarju.
123 Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li ċerti elementi tas-sejħa għall-offerti, bħat-tul ta’ żmien reali tal-kuntratt, in-numru tal-Istati Membri li kienu diġà implementaw l-applikazzjonijiet, ir-rwoli tat-tekniċi speċifiċi (help desk), il-kontenut u t-tul ta’ żmien tas-servizzi tagħhom eċċ., li kienu meħtieġa għas-sottomissjoni ta’ offerta kompetittiva, kienu anki huma stess indikati bi kliem impreċiżi, bi ksur tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Finanzjarju u tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 92/50. Insostenn tal-argument tagħha, hija tirreferi għal sejħiet għall-offerti ta’ istituzzjonijiet fejn id-dokumenti kienu iktar kompleti u ċari.
124 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti takkuża lill-EMSA li, fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2004, irrifjutat li tikkomunikalha l-isem tal-offerent magħżul minħabba dispożizzjonijiet dwar il-kuntratti pubbliċi, filwaqt li xi ġimgħat wara, l-istess uffiċjal li kien iffirma l-ittra ċemplilha u pproponielha jiltaqgħu personalment sabiex jiddiskutu r-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti, iżda r-rikorrenti rrifjutat din il-laqgħa.
125 L-EMSA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
126 Primarjament, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tinvoka inġustament il-ksur tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 92/50. Fil-fatt, skont l-Artikolu 105 tar-Regolament Finanzjarju, mill-1 ta’ Jannar 2003, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, id-direttivi dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvista, servizzi u xogħol ma japplikawx għal kuntratti pubbliċi li ngħataw mill-istituzzjonijiet u l-korpi f’isimhom stess ħlief għall-kwistjonijiet dwar il-limiti li jiddeterminaw ir-regoli għall-pubblikazzjoni, l-għażla tal-proċeduri u t-termini korrispondenti. Minn dan isegwi li dan il-każ, peress li jirrigwarda kuntratt pubbliku għal servizzi li ngħata minn aġenzija, bħall-EMSA, l-ilment tar-rikorrenti dwar il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt ikkontestat għandu jiġi eżaminat, bħal regoli applikabbli fir-rigward tal-istituzzjonijiet, biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regoli għall-Implementazzjoni.
127 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Finanzjarju jimponi fuq l-awtorità kontraenti l-obbligu li tiddefinixxi u tippreċiża minn qabel il-kriterji ta’ għoti fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti. Dan l-obbligu, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell ta’ pubbliċità adatt għall-kriterji u għall-kundizzjonijiet li jirregolaw kull kuntratt huwa ppreċiżat, b’mod ulterjuri, fl-Artikolu 138 tar-Regoli għall-Implementazzjoni.
– Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura impreċiża tal-kriterji ta’ għoti
128 Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-EMSA kisret ir-Regolament Finanzjarju u r-Regoli għall-Implementazzjoni, u sa fejn użat kriterji li ma kinux iddefiniti b’mod korrett fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti, huwa importanti li jitfakkar qabel kollox li l-mod tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni kien dak tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, skont l-Artikolu 97(2) tar-Regolament Finanzjarju kif ukoll tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli għall-Implementazzjoni (ara punt 13 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, iċċitat fil-punt 18 iktar ’il fuq).
129 Meta l-għoti tal-kuntratt isir permezz tal-għoti lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-awtorità kontraenti għandha tiddefinixxi u tippreċiża, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-kriterji ta’ għoti li jippermettu l-evalwazzjoni tal-kontenut tal-offerti. Barra minn hekk, dawn il-kriterji għandhom, skont l-Artikolu 138(2) tar-Regoli għall-Implementazzjoni, jiġu ġġustifikati permezz tal-għan tal-kuntratt. Skont il-paragrafu 3 tal-istess dispożizzjoni, l-aworità kontraenti għandha tippreċiża wkoll, fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-piż relattiv li tagħti lil kull wieħed mill-kriterji magħżula sabiex tiddetermina l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-offerti bil-għan tal-għoti tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 1988, Beentjes, 31/87, Ġabra p. 4635, punti 21 u 22, u tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale‑Bau et, C‑470/99, Ġabra p. I‑11617, punti 90 sa 92; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Novembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑406/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 85, u l-ġurisprudenza ċċitata).
130 Għaldaqstant, l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jippermettu lil kull offerent raġonevolment informat u normalment diliġenti li jinterpreta l-kriterji ta’ għoti bl-istess mod (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction, C‑19/00, Ġabra p. I‑7725, punt 42) u konsegwentement, ikollu l-istess opportunitajiet fl-ifformular tat-termini tal-offerta tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Universale‑Bau et, punt 129 iktar ’il fuq, punt 93).
131 Għalkemm huwa minnu li l-kriterji li jistgħu jintgħażlu mill-awtoritajiet kontraenti ma humiex elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 138(2) tar-Regoli għall-Implementazzjoni u li għalhekk din id-dispożizzjoni tħalli lill-awtorità kontraenti l-għażla tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt, xorta madankollu jibqa’ l-fatt li l-għażla tista’ tkun biss fuq il-kriterji intiżi sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Jannar 2008, Lianakis et, C‑532/06, Ġabra p. I‑251, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Frar 2003, Renco vs Il-Kunsill, T‑4/01, Ġabra p. II‑171, punt 66, u Strabag Benelux vs Il-Kunsill, T‑183/00, Ġabra p. II‑135, punti 73 u 74).
132 Barra minn hekk, il-kriterji magħżula mill-awtorità kontraenti sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, ma għandhomx neċessarjament ikunu ta’ natura kwantitattiva jew orjentati esklużivament lejn il-prezz. Anki jekk kriterji li ma humiex espressi f’termini kwantitattivi huma inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, huma jistgħu jiġu applikati b’mod oġġettiv u uniformi sabiex jitqabblu l-offerti u huma evidentement rilevanti sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Renco vs Il‑Kunsill, punt 131 iktar ’il fuq, punti 67 u 68).
133 F’dan il-każ, fil-punt IV.2 tal-avviż ta’ kuntratt, kif ukoll tal-punt 13 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-EMSA indikat il-kriterji ta’ għoti li kellha l-intenzjoni tagħżel bl-għan tal-għoti tal-kuntratt lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, jiġifieri, minn naħa, tliet kriterji kwalitattivi bil-piż relattiv li kellha l-intenzjoni li tagħti lil kull wieħed minn dawn il-kriterji u, min-naħa l-oħra, kriterju kwantitattiv, jiġifieri l-prezz totali tal-offerta bil-piż tiegħu fuq l-offerta kollha.
134 It-tliet kriterji ta’ kwalità u l-piż tagħhom rispettiv, huma ppreżentati fit-termini li ġejjin:
“1. metodoloġija proposta għall-proġett – din tinkludi l-proposti ddettaljati li jikkonċernaw il-mod kif ser jitlesta l-proġett, kif ukoll l-istadji prinċipali u s-servizzi li għandhom jiġu pprovduti (kif iddefiniti fil-punt 3 [tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt]) (40 %);
2. fehim tad-dettalji tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u rapport qasir li juri dan il-fehim (20 %);
3. kwalità tas-servizzi tal-operazzjonijiet (Helpdesk) (10 %)”.
135 Ir-rikorrenti tillimita ruħha li tinvoka n-natura impreċiża tal-imsemmija kriterji billi tistaqsi dwar il-mod li bih l-EMSA setgħet tevalwa, b’mod oġġettiv, il-kwalità tal-offerti fir-rigward ta’ kull waħda minnhom. Hija ma tipprovdi l-ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha li jippermettu li jiġi kkunsidrat li, matul id-definizzjoni tal-kriterji tagħha, l-EMSA naqset milli tosserva l-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni.
136 F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-kriterji ta’ kwalità inkwistjoni, bħall-organizzazzjoni u l-metodoloġija intiżi għall-provvista tas-servizzi, fehim tajjeb tad-dettalji tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u l-kwalità tas-servizzi mitluba, moqrija fil-kuntest tagħhom, jiġifieri fid-dawl tad-dettalji riprodotti fil-punt 3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara punt 19 iktar ’il fuq), jistgħu jikkundizzjonaw il-provvista tajba tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti u għalhekk, il-valur tal-offerti fihom innifishom. Għaldaqstant, huma kriterji rilevanti sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża. Barra minn hekk, bħalma ġie mfakkar fil-punt 132 iktar ’il fuq, is-sempliċi fatt li l-kriterji ma humiex ta’ natura kwantitattiva mhux biżżejjed sabiex jiġi dedott minnu li l-awtorità kontraenti ma applikathomx b’mod oġġettiv u uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Renco vs Il-Kunsill, punt 131 iktar ’il fuq, punti 67 u 68). Fl-aħħar nett hemm lok li jiġi rrilevat li l-EMSA indikat, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli, il-piż relattiv mogħti lil kull wieħed mill-kriterji ta’ kwalità permezz ta’ perċentwali, u b’hekk informat lill-offerenti tal-importanza li kellha l-intenzjoni li tagħti lil kull kriterju matul l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti.
137 Għal kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, ebda element fil-proċess ma jippermetti li l-EMSA tkun ikkritikata li qabżet il-limiti li jirriżultaw mir-regolamenti imsemmija iktar ’il fuq, meta għażlet u ddefiniet il-kriterji ta’ għoti intiżi sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament.
138 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrietx suffiċjentement, kif mitlub mil-liġi, li l-EMSA naqset mill-obbligu tagħha li tiddefinixxi u tippreċiża, fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti, il-kriterji ta’ għoti skont il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni.
139 Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-allegazzjoni tar-rikorrenti li jikkonċernaw it-termini li fihom istituzzjonijiet oħra fasslu d-dokumenti tas-sejħa għall-offerti fil-kuntest ta’ proċeduri oħra għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.
140 F’dan ir-rigward hemm lok li jitfakkar li, billi ta lill-awtorità kontraenti l-kapaċità li tagħżel b’mod liberu l-kriterji ta’ għoti ta’ kuntratt li għandha l-intenzjoni li tagħżel, il-leġiżlatur ipprova jippermettilha li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura, s-suġġett u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull kuntratt fil-kuntest tal-għażla u tal-ifformular tal-kriterji ta’ għoti. L-ifformular tal-kriterji ta’ għoti, magħżula minn ċerti istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ proċeduri oħra ta’ għoti ta’ kuntratt, ma jistgħux għaldaqstant jiġu invokati b’mod utli mir-rikorrenti sabiex turi n-natura impreċiża tal-kriterji ta’ għoti magħżula f’dan il-każ. Ir-riferiment għal dokumenti ta’ sejħa għall-offerta f’proċeduri oħra għall-għoti ta’ kuntratti ma tikkostitwixxi la prova rilevanti u lanqas waħda suffiċjenti għal dan il-għan.
141 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li meta l-kumitat tal-evalwazzjoni ddeċieda li jissuddividi f’sottokriterji, huwa rrikonoxxa bil-miftuħ li l-kriterji ta’ għoti magħżula ma kinux iddefiniti sew u kellhom ikunu kkjarifikati u/jew issostitwiti, hemm lok li jiġi osservat li, irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk, f’dan il-każ, saritx tali suddiviżjoni tal-kriterji, l-eżistenza ta’ sottokriterji għal kriterju prinċipali ma turi bl-ebda mod li l-kriterji prinċipali huma impreċiżi.
142 Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq in-natura impreċiża tal-kriterji ta’ għoti għandu jiġi miċħud bħala infondat.
– Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura impreċiża ta’ ċerti elementi tas-sejħa għall-offerti
143 Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-allegata natura impreċiża ta’ ċerti elementi tas-sejħa għall-offerti, hemm lok li jitfakkar li, kif intqal fil‑punt 78 iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tirreferi għall-allegat ksur tar-Regolament Finanzjarju li jirriżulta min-natura impreċiża ta’ ċerti elementi tas-sejħa għall-offerti mingħajr ma lanqas ressqet argument wieħed insostenn tat-teżi tagħha, u fuq kollox, mingħajr ma tippreċiża għal-liema sejħa għall-offerti tirreferi. Konsegwentement, fid-dawl tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq, l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
– Fuq l-ilment ibbażat fuq l-illegalità tas-suddiviżjoni ta’ wieħed mill-kriterji ta’ għoti f’sottokriterji
144 Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm dan l-ilment kien tqajjem mir-rikorrenti matul ir-replika, jista’ għall-inqas jiġi aċċettat fuq il-bażi tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li huwa bbażat fuq il-punti ta’ liġi u ta’ fatti li kienu tqajmu matul il-proċedura, jiġifieri r-rapport lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni (Report to the authorising officer), tad-19 ta’ Novembru 2004, kif ukoll il-formola tal-evalwazzjoni teknika, imdaħħla fil-proċess mill-EMSA bħala annessi mar-risposta tagħha.
145 Kif diġà ntqal fil-punt 129 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 97 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 138(3) tar-Regoli għall-Implementazzjoni, meta l-kuntratt jingħata lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-awtorità kontraenti għandha tindika fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż tal-kuntratt, il-kriterji ta’ għoti applikabbli u l-piż tagħhom.
146 Dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi u ta’ trasparenza, msemmija fl-Artkolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju, jeżiġu li l-elementi kollha meħuda inkunsiderazzjoni mill-awtorità kontraenti sabiex tidentifika l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament u l-importanza relattiva tagħhom, jkunu magħrufa mill-offerenti potenzjali fil-mument meta jfasslu l-offerta tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2005, ATI EAC u Viaggi di Maio et, C‑331/04, Ġabra p. I‑10109, punt 24, u Lianakis et, punt 131 iktar ’il fuq, punt 36).
147 Min dan isegwi li awtorità kontraenti ma tistax tapplika sottokriterji għall-kriterji ta’ għoti li ma tkunx diġà għarfet bihom lill-offerenti minn qabel (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Lianakis et, punt 131 iktar ’il fuq, punt 38).
148 Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, huwa madankollu possibbli għal awtorità kontraenti li tiddetermina, wara l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti, koeffiċjenti tal-piż mogħti lis-sottokriterji tal-kriterji ta’ għoti stabbiliti minn qabel, taħt tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li din id-determinazzjoni ex post, fl-ewwel lok, ma tbiddilx il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt iddefiniti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż ta’ kuntratt, fit-tieni lok, ma tinkludix elementi li, li kieku kienu magħrufa matul it-tfassil tal-offerti setgħu jinfluwenzaw dan it-tfassil, u fit-tielet lok, ma kinitx adottata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jista’ jkollhom effett diskriminatorju fuq wieħed mill-offerenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi ATI EAC u Viaggi di Maio et, punt 146 iktar ’il fuq, punt 32, u Lianakis et, punt 131 iktar ’il fuq, punti 42 u 43).
149 F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-punt 13.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien jindika, bħala l-ewwel kriterju ta’ għoti, il-“metodoloġija proposta għall-proġett” u li din kellha tinkludi “proposti ddettaljati li jikkonċernaw il-mod kif ser jitlesta l-proġett”, inklużi l-istadji prinċipali u s-servizzi li għandhom jiġu pprovduti, kif identifikat fil-punt 3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu qegħdin jagħtu lil dan il-kriterju 40 punt fuq 100.
150 Skont il-punt 3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-offerenti kellhom jinkludu fl-offerta tagħhom informazzjoni dettaljata dwar il-pjan tal-implementazzjoni tal-proġett, li kull tqassim ta’ xogħol kellu jkun iddefinit b’mod ċar, u dan il-pjan kellu għall-inqas jinkludi ċerta informazzjoni (ara punt 19 iktar ’il fuq). Fost dawn kellu jkun hemm, b’mod partikolari, l-attivitajiet orizzontali (punt 3.1), id-deskrizzjoni tal-grupp inkarigat mill-amministrazzjoni tal-proġett u tar-responsabbiltajiet (punt 3.2), is-servizzi fil-livell ta’ amministrazzjoni tal-proġett (punt 3.4) u d-deskrizzjoni tat-tqassim ta’ xogħol u tar-relazzjonijiet tagħhom (punt 3.5). B’mod partikolari, fil-punt 3.2, fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-grupp ta’ amministrazzjoni tal-proġett, huwa indikat li l-offerenti kellhom “jiddefinixxu b’mod ċar fl-offerta, is-servizzi eżatti u […] jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar iż-żmien għar-risposta [u] jehmżu, mal-offerta tagħhom, il-curriculum vitae dettaljat ta’ kull membru tal-persunal inkarigat mix-xogħol, inkluż ukoll it-taħriġ tiegħu, il-livell universitarju u d-diplomi, l-esperjenza professjonali, ix-xogħol ta’ riċerka tiegħu, pubblikazzjonijiet u kompetenzi lingwistiċi”. Fil-punt 3.4, fir-rigward tas-servizzi relatati mal-amministrazzjoni tal-proġett, huwa barra minn hekk indikat li l-offerent kellu jissottometti fl-offerta tiegħu, deskrizzjoni dettaljata tal-kundizzjonijiet elenkati fl-istess punt, kif ukoll id-dijagramma ta’ Gantt relattiv għall-organizzazzjoni tal-proġett. Fl-aħħar nett, fil-punt 3.5, hemm preċiżat li idea kompleta tan-numru u tal-ispiża tal-persuni għall-jiem involuti kellha tkun sottomessa għal kull tqassim ta’ xogħol.
151 Mir-rapport lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni tad-19 ta’ Novembru 2004 jirriżulta li l-kumitat tal-evalwazzjoni kien ippreveda li jaqsam l-ewwel kriterju dwar il-metodoloġija proposta għall-proġett (li kellha tinkludi l-proposti dettaljati dwar kif kien ser jitlesta l-proġett, kif ukoll l-istadji prinċipali u s-servizzi pprovduti, bħal kif iddefiniti fil-punt 3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt), f’żewġ sottokriterji: “tqassim tal-kompiti, kwalità tal-ħaddiema offruta u n-numru ta’ persuni għall-jiem involuti (roadmap): 20 %; servizzi li għandhom jiġu pprovduti: 20 %”.
152 Għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-kumitat tal-evalwazzjoni ma ssuddividiex l-imsemmija kriterji ta’ għoti f’sottokriterji li l-offerenti ma kinux magħrufa bihom minn qabel. Fil-fatt, dawn is-sottokriterji jikkorrispondu essenzjalment għad-deskrizzjoni tal-ewwel kriterju dwar il-metodoloġija, kif iddettaljat fil-punt 13.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, moqri fid-dawl tal-punt 3 ta’ dan tal-aħħar (ara punti 149 u 150 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-kumitat tal-evalwazzjoni illimita lilu nnifsu li jagħti piż tal-40 punt li setgħu jingħataw lill-ewwel kriterju ta’ għoti billi jinqasam b’mod ugwali bejn l-imsemmija sottokriterji.
153 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi ddeterminat li, billi pprovda dan il-piż, il-kumitat tal-evalwazzjoni kiser ir-Regolament Finanzjarju u r-Regoli għall-Implementazzjoni.
154 Mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 148 iktar ’il fuq jirriżulta li awtorità kontraenti ma tistax tikser ir-Regolament Finanzjarju u r-Regoli għall-Implementazzjoni meta taqsam, bejn sottoelementi ta’ kriterju ta’ għoti stabbilit minn qabel, in-numru ta’ punti previsti għal dan il-kriterju matul id-determinazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, bil-kundizzjoni li dan it-tqassim ma jbiddilx il-kriterji ta’ għoti ddefiniti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż ta’ kuntratt, ma jinkludix elementi li, li kieku kienu magħrufa matul it-tfassil tal-offerti, setgħu jinfluwenzaw dan it-tfassil u ma kienx adottat billi ttieħdu inkunsiderazzjoni elementi li seta’ jkollhom effett diskriminatorju fuq wieħed mill-offerenti.
155 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, billi llimitat ruħha li tinvoka b’mod ġenerali l-fatt li l-awtorità kontraenti kienet issuddividiet kriterju f’żewġ sottokriterji, la wriet li d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tagħmel tali tqassim wasslet għal tibdil fil-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt iddefiniti minn qabel fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti, u lanqas li kienet tinkludi xi elementi li setgħu jinfluwenzaw it-tfassil tal-offerti jew li hija kien ikollha effett diskriminatorju fuq ir-rikorrenti jew wieħed mill-offerenti.
156 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.
157 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat essenzjalment fuq il-komunikazzjoni tardiva tal-isem tal-offerent magħżul, li minflok ġie kkomunikat mill-EMSA skont l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju fl-ewwel ħmistax-il jum wara t-talba tar-rikorrenti, ġie żvelat biss xi gimgħat wara, permezz tal-avviż tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku fil-Ġurnal Uffiċjali, anness mal-ittra tal-EMSA tas-6 ta’ Jannar 2005, għandu jiġi kkonstatat li dan id-dewmien, għalkemm ta’ dispjaċir u inġustifikat, madankollu ma llimitax il-possibbiltà tar-rikorrenti li ssostni d-drittijiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u għaldaqstant, ma jistax waħdu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑465/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 52). Barra minn dan, ir-rikorrenti la tindika x’kienu l-konsegwenzi li dan il-fatt seta’ jkollu fuq il-legalità tad-deċiżjoni tal-għoti, u lanqas l-impatt konkret li din setgħa jkollha fuq id-drittijiet tad-difiża li jikkonċernawha.
158 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li, għal dak li jikkonċerna s-sejħa għall-offerti C-1/01/01, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ nuqqas ta’ informazzjoni rilevanti
L-argumenti tal-partijiet
159 Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-EMSA li tiċħad l-offerta tagħha u tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor, hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni adatta.
160 Fl-ewwel lok, hija tikkritika lill-EMSA li ċaħditha mill-possibbiltà li tevalwa l-legalità tal-atti tagħha billi naqset milli tirrispondi d-domandi li kienet għamlitilha fit-termini u li tipprovdilha l-kjarifiki, mitluba bosta drabi, bil-miktub.
161 Fit-tieni lok, hija ssostni li l-EMSA ma pprovditilhiex l-informazzjoni kollha mitluba fir-rigward tar-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha. Hawnhekk hija tfakkar li, skont l-Artikolu 253 KE u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li timmotiva, b’mod suffiċjenti, id-deċiżjoni tagħha li tiċħad l-offerta ta’ offerent meta dan jitlob ir-raġunijiet ta’ tali ċaħda, u dan fi ħmistax-il jum wara din it-talba.
162 F’dan il-każ l-EMSA ma tatx ir-raġunijiet għaliex kienet ċaħdet l-offerta tar-rikorrenti, b’mod ċar, iżda llimitat ruħha li tipprovdilha, b’dewmien sinjifikattiv u biss wara ittra biex tfakkarha, numru żgħir ta’ informazzjoni li ma kinitx konsistenti mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju u mal-ġurisprudenza fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Hija naqset ukoll milli tindika kull riferiment għall-karatteristiċi u l-vantaġġi komparattivi tal-offerta magħżula, u b’hekk ċaħdet lir-rikorrenti mill-possibbiltà li tikkummenta b’mod sinjifikattiv fir-rigward tal-għażla magħmula u li tikkontestha, kif ukoll mill-eventwali possibbiltà li tikseb rimedju ġudizzjarju.
163 Insostenn tal-argument tagħha, ir-rikorrenti tipproduċi, pereżempju, kopja tar-rapport ta’ kumitat tal-evalwazzjoni li jikkonċerna proċedura oħra ta’ għoti ta’ kuntratti, li ntbagħtilha minn Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni. Is-sempliċi tqabbil bejn dan id-dokument u l-ittra tal-EMSA tas-16 ta’ Diċembru 2004 huwa biżżejjed sabiex juri li din tal-aħħar ma tissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni impost mil-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.
164 Sussegwentement, ir-rikorrenti tirrifjuta l-argument tal-EMSA li hija biss id-deċiżjoni li ma timmotivax li tista’ tiġi annullata mill-Qorti Ġenerali, u mhux id-deċiżjonijiet ikkontestati fihom innifishom. Jekk dan l-argument jintlaqa’, dan ikun ifisser li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jieħdu deċiżjonijiet arbitrarji, mingħajr ma jimmotivawhom u mbagħad jiffirmaw il-kuntratt.
165 L-EMSA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
166 Qabel kollox, hemm lok li jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti trid tikkritika r-rifjut tal-EMSA li tiddiskuti magħha merti tal-offerta tagħha meta mqabbla ma’ dawk tal-offerta magħżula. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jitfakkar li l-awtorità kontraenti, taħt l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tiċħad offerta, ma għandhiex għalfejn tagħmel tali dibattitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2008, AWWW vs FEACVT, T‑211/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 43). Barra minn hekk, dan il-fatt waħdu ma jistax jimmina l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2007, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 78). Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-EMSA li naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni minħabba li rrifjutat li tirrispondi d-domandi u t-talbiet ta’ kjarifika li hi kienet għamlitilha wara li rċiviet l-ittra tas-16 ta’ Diċembru 2004.
167 Fir-rigward tat-tieni lment li jikkonċerna l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fih innifsu, allegat mir-rikorrenti, peress li l-EMSA naqset milli tikkomunikalha l-informazzjoni mitluba minħabba ċ-ċaħda tal-offerta tagħha, huwa importanti li jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi bħal dik inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet legali li jiddeterminaw x’jinkludi l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-awtorità kontraenti fir-rigward tal-offerent li l-offerta tiegħu ma ntgħażlitx, huma l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 149 tar-Regoli għall-Implementazzjoni u mhux id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50 bħalma tallega r-rikorrenti (ara punt 126 iktar ’il fuq).
168 Mill-artikoli msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, l-awtorità kontraenti tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk, l-ewwel nett, tikkomunika immedjatament lill-offerenti kollha mhux magħżula il-motivi taċ-ċaħda tal-offerta tagħhom u tipprovdi, sussegwenetment, lill-offerenti li jkunu ssottomettew offerta ammissibbli, u li jagħmlu talba speċifika, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ min ikun intgħażel f’terminu ta’ ħmistax-il jum skont il-kalendarju li jibdew jiddekorru minn meta tkun irċievuta talba bil-miktub (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2007, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 68 u tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).
169 Dan il-mod ta’ proċedura huwa konsistenti mal-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE, li jgħid li għandu jintwera’ b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att, b’mod li, min-naħa, jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet tal-miżura sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, jippermetti lill-qorti twettaq l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).
170 Għandu jingħad ukoll li l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont l-informazzjoni li tkun għand ir-rikorrenti meta tippreżenta r-rikors tagħha (sentenzi Strabag Benelux vs Il-Kunsill, punt 131 iktar ’il fuq, punt 58, Renco vs Il-Kunsill, punt 131 iktar ’il fuq, punt 96, u tat-12 ta’ Novembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 129 iktar ’il fuq, punt 50).
171 Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi rrilevat li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).
172 F’dan il-każ, fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li fil-punt 13.1 l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprovdu tliet kriterji ta’ għoti intitolati “metodoloġija proposta għall-proġett”, li tirreferi espressament għall-punt 3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt fejn tindika ċertu numru ta’ informazzjoni dettaljata li kellha tiġi pprovduta mill-offerenti (ara punt 19 iktar ’il fuq), “fehim tad-dettalji tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt” u “kwalità tas-servizzi tal-operazzjonijiet” rispettivament. Ġiet stabbilita sistema ta’ punti għall-evalwazzjoni tal-offerti fir-rigward ta’ kull wieħed mit-tliet kriterji ta’ għoti. Ġie pprovdut ukoll limitu minimu ta’ punti (60 %) għal kull kriterju, u kien meħtieġ minimu globali ta’ 70 %. Kienu biss l-offerti li kisbu l-limiti minimi ta’ punti meħtieġa li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-għoti tal-kuntratt.
173 Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-EMSA ssodisfatx ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni ffissati mir-Regolament Finanzjarju, kif ukoll mir-Regoli għall-Implementazzjoni, hemm lok li tiġi eżaminata l-ittra tagħha tas-6 ta’ Diċembru 2004 kif ukoll dik tas-16 ta’ Diċembru 2004, mibgħuta b’risposta għat-talba magħmula mir-rikorrenti fis-7 ta’ Diċembru 2004 intiża sabiex tikseb informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni u ċ-ċaħda tal-offerta tagħha.
174 F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi kkonstatat li l-ittra tas-6 ta’ Diċembru 2004 informat lir-rikorrenti li t-talba tagħha ma kinitx intgħażlet matul il-fażi tal-għoti minħabba li l-proporzjon bejn il-kwalità u l-prezz kien inqas minn dak tal-offerta tal-offerent magħżul. F’din l-ittra, l-EMSA informat ukoll lir-rikorrenti li setgħet titlob informazzjoni addizzjonali dwar ir-raġuni taċ-ċaħda tal-offerta tagħha, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta tal-offerent magħżul, kif ukoll l-isem ta’ dan tal-aħħar, u r-rikorrenti għamlet dan permezz ta’ faks tas-7 ta’ Diċembru 2004.
175 Fir-rigward tal-ittra tal-EMSA tas-16 ta’ Diċembru 2004, għandu jiġi osservat mill-ewwel li r-rikorrenti ssostni li kienet irċivietha biss fis-7 ta’ Jannar 2005, bħala anness tal-faks mibgħut mill-EMSA dak in-nhar, wara faks tar-rikorrenti tal-5 ta’ Jannar 2005 li fih din tal-aħħar kienet ilmentat li ma kienet irċiviet ebda komunikazzjoni rigward l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma għandha l-ebda raġuni li tiddubita l-fatt li l-EMSA kienet effettivament bagħtet l-imsemmija ittra fis-16 ta’ Diċembru 2004, fatt li barra minn hekk ma kienx ikkontestat mir-rikorrenti b’mod espliċitu, u tikkunsidra li ebda dispożizzjoni, li tirregola l-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, ma kienet tobbliga lill-EMSA tosserva l-formalitajiet li tibgħat dan it-tip ta’ komunikazzjoni li jistgħu jippermettulha li tivverifika li l-offerent effettivament rċieviha, minkejja li huwa ta’ dispjaċir li ma qisitx opportun li jkollha metodu ta’ komunikazzjoni adatt sabiex jippermettilha tiżgura tali verifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Ottubru 2007, Evropaïki Dynamiki vs EFSA, T‑69/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 56). Fi kwalunkwe każ, dan id-dewmien ma llimitax il-possibbiltà, għar-rikorrenti, li ssostni d-drittijiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u ma jistax waħdu, jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti użat kull informazzjoni misjuba f’din l-ittra sabiex tifformula dan ir-rikors.
176 Sussegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat li f’din l-ittra, l-EMSA indikat in-numru ta’ punti mogħtija lill-offerta tar-rikorrenti għal kull kriterju ta’ għoti, kif ukoll ir-riżultat finali li jikkonċerna l-proporzjon ta’ bejn il-kwalità u l-prezz tal-offerta tagħha, li kien ta’ 68.89 punt fuq 100, filwaqt li dak tal-offerta tal-offerent magħżul kien ta’ 79.33 punt fuq 100. Fir-rigward tal-offerta tal-offerent magħżul, l-ittra li l-kontenut tagħha huwa ċċitat fil-punt 27 iktar ’il fuq, tinkludi analiżi dettaljata tal-imsemmija offerta.
177 Mill-proċess jirriżulta li l-informazzjoni relatata mal-metodoloġija li għandha tintuża għall-amministrazzjoni tal-proġett, mad-deskrizzjoni tal-kompiti, in-numru ta’ persuni għall-jiem involuti propost, kif ukoll is-servizzi li għandhom jiġu pprovduti, tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-offerta tal-offerent magħżul fuq il-bażi tal-ewwel kriterju, filwaqt li l-informazzjoni li hija relatata mal-fehim tal-proġett u l-ftehim fuq livell tas-servizz propost, tikkonċerna t-tieni u t-tielet kriterju ta’ għoti, rispettivament.
178 Barra minn hekk, din l-informazzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-punt 3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jelenka ċertu numru ta’ elementi li għandhom ikunu ppreċiżati fl-offerta fosthom, b’mod partikolari, ir-riżorsi allokati, id-dijagramma ta’ Gantt, it-tqassim tal-kompiti, in-numru ta’ persuni għall-jiem involuti, kif ukoll is-servizzi li għandhom jiġu pprovduti, iddefiniti skont it-tip ta’ xogħol (ara punt 150 iktar ’il fuq). Peress li r-rikorrenti għandha għarfien dettaljat tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, bħalma jikkonferma t-tfassil tal-offerta tagħha, hija kienet kapaċi li tiddeduċi l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula.
179 Madankollu, fid-dawl ta’ din l-informazzjoni kollha, kif ukoll tal-indikazzjonijiet dwar in-numru ta’ punti mogħtija lill-offerta tagħha fir-rigward ta’ kull kriterju, ir-rikorrenti setgħet mhux biss tidentifika l-punti dgħajfa tal-offerta tagħha u konsegwentement ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tagħha, jiġifieri li hija ma kinitx tilħaq il-livell ta’ kwalità meħtieġ għal żewġ kriterji ta’ għoti, iżda wkoll li tqabbel ir-riżultat globali tal-evalwazzjoni tal-offerta tagħha (68.69 punt fuq 100) ma’ dik tal-offerent magħżul (79.33 punt fuq 100) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2007, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).
180 Barra minn hekk, mill-elementi kollha pprovduti fl-imsemmija ittra jirriżulta b’mod ċar li l-offerta tar-rikorrenti mhux biss ma kinitx kisbet in-numru minimu ta’ punti meħtieġa għall-ewwel (“metodoloġija proposta għall-proġett”) u t-tielet (“kwalità tas-servizzi tal-operazzjonijiet”) kriterju ta’ għoti, iżda lanqas ma kienet kisbet il-minimu globali ta’ 70 punt fuq 100 meħtieġa, filwaqt li skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, huma biss l-offerti li jiksbu limitu minimu ta’ punti li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni.
181 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li tali motivazzjoni tippermetti lir-rikorrenti li ssostni d-drittijiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u lil din tal-aħħar li twettaq l-istħarriġ legali tagħha fir-rigward tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta. Għaldaqstant, il-motiv preżenti, għal dak li jikkonċerna l-proċedura għas-sejħa għall-offerti C-1/01/04, għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-EMSA
L-argumenti tal-partijiet
182 Fir-rikors tagħha r-rikorrenti ssostni li l-EMSA wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu ma evalwatx, b’mod korrett u oġġettiv, il-kwalità tal-offerta tagħha u qieset li din kienet inferjuri għal dik tal-offerent magħżul.
183 Barra minn hekk, hija ssostni li, sa fejn l-EMSA ma segwietx metodoloġija oġġettiva, iddeterminata minn qabel u magħrufa mill-offerenti, huwa manifest li d-deċiżjoni tal-kumitat tal-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq suppożizzjonijiet ineżatti.
184 Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti tikkontesta, l-ewwel nett, l-allegazzjoni tal-EMSA li d-definizzjoni tal-metodoloġija ta’ evalwazzjoni setgħet tmur favur ċerti offerenti. Skont ir-rikorrenti, metodoloġija ċara ma taffettwax id-drittijiet tal-offerenti, iżda bil-kontra, tippermettilhom li jipproponu offerta li tissottometti l-aħjar proporzjoni bejn il-kwalità u l-prezz, kif ukoll lill-Qorti Ġenerali li twettaq l-istħarriġ tagħha. Apparti dan, il-fatt stess li l-kumitat tal-evalwazzjoni ssuddivida l-kriterji ta’ għoti f’sottokriterji, jikkonferma li dawn tal-aħħar ma kinux iddefiniti biżżejjed.
185 Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqajjem ilmenti dwar id-dokumenti tal-kumitat tal-evalwazzjoni mdaħħla fil-proċess mill-EMSA bħala annessi għar-risposta tagħha.
186 F’dan ir-rigward, fil-fehma tagħha, is-suddiviżjoni tal-ewwel kategorija għall-għoti, f’żewġ sottokategoriji, imwettqa mill-kumitat tal-evalwazzjoni, induċiet lil dan tal-aħħar sabiex jikkonċentra fuq żewġ aspetti partikolari tas-sejħa għall-offerta li ma kinux magħrufa mill-offerenti qabel is-sottomissjoni tal-offerta tagħhom.
187 Għal dak li jikkonċerna r-rapport ta’ evalwazzjoni, fl-ewwel lok hija ssostni li, minkejja li minn dan ir-rapport jirriżulta li l-offerta tal-offerent magħżul kien fiha “żbalji minuri”, kien impossibli għaliha li tiddeċiedi fuq l-importanza ta’ dawn l-iżbalji peress li l-imsemmi rapport ma jippreċiżax in-natura tagħhom. Fit-tieni lok, l-evalwazzjoni tal-punti dgħajfa tal-offerta tagħha kienet saret b’mod impreċiż u l-kummenti huma wisq ġenerali.
188 Ir-rikorrenti tikkritika wkoll ċerti kummenti speċifiċi li jidhru fil-formola tal-evalwazzjoni mimlija minn kull evalwatur. Għal dak li jikkonċerna l-offerta tal-offerent magħżul, hija tenfasizza l-kontradizzjoni li teżisti bejn l-allegazzjoni ta’ wieħed mill-evalwaturi li l-offerta tal-offerent magħżul kien fiha “żbalji minuri għal dak li jikkonċerna l-influss tal-informazzjoni li għandha tiġi pproċessata mis-sistema SafeSeaNet u t-tip ta’ informazzjoni sostnuta” u l-konstatazzjoni li dawn l-iżbalji ma kellhomx “effett dirett fuq il-fehim tiegħu tal-ispeċifikazzjonijiet”. Hija terġa’ tenfasizza l-fatt li skont wieħed mill-evalwaturi, l-offerent magħżul kellu esperjenza tajba fl-amministrazzjoni ta’ proġetti marittimi filwaqt li l-esperjenza ma kinitx tagħmel parti mill-kriterji ta’ għoti.
189 Hija tikkontesta wkoll ċerti kummenti tal-evalwaturi għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-offerta tagħha. Dan jirrigwarda, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-paragrafu (a) tal-ewwel kriterju ta’ għoti, tal-kummentarju tal-ewwel evalwatur li ċ-ċifra ta’ 833.5 persuni għall-jiem involuti huwa, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-Help Desk, eżaġerat u xi kummentarji tat-tieni u t-tielet evalwaturi li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ ċarezza tad-dijagramma ta’ Gantt, għan-nuqqas ta’ distinzjoni bejn il-fażi A u l-fażi B tal-imsemmi dijagramma u għad-dewmien eċċessiv tal-fażi tal-analiżi u tad-disinn, rispettivament. Fil-fehma tar-rikorrenti, l-offerta tagħha kienet tindika b’mod ċar li, apparti r-riżorsi ddedikati lill-Help Desk, il-grupp inkarigat mill-amministrazzjoni uża s-servizzi ta’ inġiniera speċjalizzati inklużi fit-833.5 persuni għall-jiem involuti. Barra minn hekk, l-offerta tagħha ppreċiżat sew il-funzjonament tal-Help Desk, il-metodoloġija ċara tagħha, iċ-ċentru ta’ informazzjoni użat, l-amministrazzjoni ta’ fajls, l-użu ta’ “kuntratt ta’ livell ta’ servizz” meħtieġ. Għaldaqstant, billi ma ħadux inkunsiderazzjoni dawn l-elementi, l-evalwaturi wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni.
190 It-tieni żball manifest ta’ evalwazzjoni kien imwettaq mill-evalwaturi meta qiesu li l-fażi msemmija “ta’ analiżi u ta’ disinn”, deskritta fl-offerta tar-rikorrenti, kienet twila żżejjed. F’dan ir-rigward hija tenfasizza li peress li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu qed jitolbu applikazzjoni orjentata lejn l-Internet (web-oriented), kien meħtieġ li tiġi żviluppata applikazzjoni SSN ibbażata fuq mudell iterattiv skont il-prinċipji tal-UML (Unified Modeling Language), b’konsistenza mal-metodoloġija użata mill-istituzzjonijiet kollha, kif ukoll mis-suq kollu. Għalhekk hija ddedikat 105 paġna tal-offerta tagħha għall-ispejgazzjoni tal-“metodoloġija ta’ żvilupp ta’ softwer”, li parti l-kbira minnha tispjega fid-dettall il-prinċipji tal-UML. Għaldaqstant, l-evalwaturi wettqu żball ieħor manifest ta’ evalwazzjoni, peress li la kienu evalwaw l-offerta tar-rikorrenti kif xieraq u lanqas ħadu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-metodoloġija applikabbli kienet dik tal-UML.
191 Barra minn hekk, fir-rigward tan-nuqqas ta’ ċarezza tad-dijagramma ta’ Gantt, ir-rikorrenti tenfasizza li l-użu tal-UML u ta’ approċċ iterattiv għall-proċess, jiġġustifika d-dijagramma ta’ Gantt tagħha. B’mod partikolari, kif hija spjegat fid-dettall fil-parti tal-offerta tagħha relatata mal-“metodoloġija tal-assunzjoni tal-karigi”, il-fażi tal-assunzjoni tal-karigi kellha ddum xahar u l-validazzjoni kellha tibda fl-istess żmien tal-assunzjoni tal-karigi. Għaldaqstant, tliet xhur kienu jkunu iktar milli biżżejjed għall-validazzjoni. Matul dan il-perijodu, hija kellha twettaq ukoll l-“analiżi u d-disinni”, billi tapprofitta mill-informazzjoni li tingħata lura mill-fażi tal-validazzjoni. Il-fażi tal-implementazzjoni għandha tinbeda fl-istess żmien, skont ir-rikorrenti. Matul l-ewwel xahrejn, il-grupp tar-rikorrenti kellu jikkonċentra fuq ix-xogħol preparatorju, fid-dawl tal-organizzazzjoni tal-kuntest tal-implementazzjoni. Kellu jirrigwarda approċċ klassiku li ma setax jitqies bħala mhux normali mill-evalwaturi li, konsegwentement, wettqu żball ieħor manifest ta’ evalwazzjoni.
192 Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ distinzjoni bejn il-fażi A u l-fażi B tad-dijagramma ta’ Gantt fl-offerta tar-rikorrenti, li kienet ikkonstatata wkoll mill-evalwaturi, ir-rikorrenti tfakkar li kellhom ikunu l-ispeċifikazzjonijiet tal-proġett li jindikaw li kien hemm rabta bejn iż-żewġ fażijiet u li kellhom jitqiesu bħala l-istess proġett. Hawnhekk ukoll, kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-evalwaturi.
193 Fir-rigward tal-paragrafu (b) tal-ewwel kriterju ta’ għoti, ir-rikorrenti tikkontesta l-kummenti tal-ewwel, it-tieni u t-tielet evalwatur dwar in-nuqqas ta’ metodoloġija konkreta, in-nuqqas ta’ preċiżjoni fuq il-laqgħat tekniċi u n-nuqqas ta’ ċarezza dwar is-servizzi li għandhom jiġu pprovduti, rispettivament. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-offerta tagħha kienet tindika kull laqgħa li kellha sseħħ, kien fiha lista ċara tas-servizzi li kellhom jiġu pprovduti u kienet turi fid-dettall il-metodoloġija li kienet qed tipproponi li tuża għal kull wieħed mill-aspetti tas-sejħa għall-offerti, kif ukoll il-metodoloġija u l-approċċ użati għal kull wieħed mill-proġetti li kellhom jitwettqu. Għaldaqstant, huwa evidenti li l-evalwaturi wettqu żball ieħor manifest ta’ evalwazzjoni.
194 Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet kriterju ta’ għoti, ir-rikorrenti tosserva li, skont l-ewwel evalwatur, l-attività tal-Help Desk ma kinitx ġiet iddefinita skont il-funzjonament tagħha u li ma kien hemm ebda proposta konkreta dwar l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tal-Help Desk, filwaqt li skont it-tieni evalwatur, in-numru ta’ persuni għal jiem involuti għall-Help Desk u s-sostenn għall-Istati Membri ma kinux biżżejjed u li ma kienx hemm metodoloġija ċara għall-amministrazzjoni tat-telefonati deħlin u għall-proċeduri ta’ tnaqqis ta’ ħin ta’ intervent. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li mill-offerta tagħha kien ċar li s-servizz tal-Help Desk kien dipendenti fuq is-servizzi ta’ parti mit-833.5 persuna għal jiem involuti, ċifra li kienet meqjusa bħal eżaġerata mill-kumitat tal-evalwazzjoni, u li barra minn hekk, l-offerta kienet tinkludi deskrizzjoni ċara tal-metodoloġija, ibbażata, fuq proċeduri u għodda tal-informatika avvanzati għall-amministrazzjoni tal-proċess.
195 L-EMSA kkontestat dawn l-argumenti tar-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
196 Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, l-awtorità kontraenti għandha diskrezzjoni importanti fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tittieħed id-deċiżjoni tal-għoti ta’ kuntratt fuq sejħa għall-offerti u l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jillimita ruħu għal verifika ta’ nuqqas ta’ żball gravi u manifest (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 1978, Agence européenne d’intérims vs Il-Kummissjoni, 56/77, Ġabra p. 2215, punt 20; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2005, TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il-Kummissjoni, T‑148/04, Ġabra p.II‑2627, punt 47, u Belfass vs Il‑Kunsill, punt 119 iktar ’il fuq, punt 63).
197 F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, bl-għan li turi l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, huma bbażati essenzjalment fuq tliet elementi prinċipali.
198 Fl-ewwel lok, hija tinvoka n-nuqqas ta’ metodoloġija oġġettiva, iddeterminata minn qabel u magħrufa mill-offerenti sabiex jinkisbu l-klassifikazzjonijiet finali. Hija tinvoka wkoll nuqqas ta’ għarfien mill-offerenti tas-suddiviżjoni tal-kriterji f’sottokriterji u l-allegata natura ġenerali u astratta tal-kriterji ta’ għoti u fuq dan hija tibbaża l-konklużjoni li l-evalwazzjoni tal-offerti ma setgħatx tkun ħlief soġġettiva u bbażata fuq suppożizzjonijiet ineżatti.
199 Madankollu għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tillimita ruħha għal dikjarazzjonijiet ġenerali mingħajr sostenn u li ma humiex ikkorraborati bi provi. Permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tipprova essenzjalment tintroduċi mill-ġdid fil-kuntest tal-motiv preżenti, l-argument li diġà żviluppat fil-kuntest tat-tieni motiv li kien miċħud mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma turix kif l-allegati nuqqasijiet kollha tal-awtorità kontraenti li hija tinvoka wasslu lil din tal-aħħar għal suppożizzjonijiet ineżatti u għall-evalwazzjoni suġġettiva tal-offerti. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-metodoloġija użata mill-kumitat tal-evalwazzjoni matul il-klassifikazzjoni finali tal-offerti kienet iddeterminata minn qabel u ppreċiżata fil-punt IV.2 tal-avviż ta’ kuntratt u fil-punt 13 tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ kuntratt, fejn l-EMSA indikat il-kriterji li fuqhom l-għażla tal-offerti kellha titwettaq, kif ukoll il-piż li kellu jingħata lill-kull wieħed mill-imsemmija kriterji.
200 Għaldaqstant, hemm lok jiġi konkluż li din l-ewwel kategorija ta’ argumenti ma tistax tkun il-bażi ta’ dan il-motiv.
201 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-offerta tal-offerent magħżul imwettqa mill-kumitat tal-evalwazzjoni fir-rapport finali tiegħu inkwantu, minkejja l-eżistenza ta’ żbalji minuri rrilevati fl-imsemmija offerta, dan il-kumitat ma ppreċiżax in-natura ta’ dawn l-iżbalji.
202 F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-kumment, imsemmi iktar ’il fuq, tal-kumitat tal-evalwazzjoni jikkonċerna t-tieni kriterju ta’ għoti u huwa fformulat fit-termini li ġejjin: “[l-]offerent juri fehim tajjeb tal-proġett, minkejja żbalji minuri fid-dijagramma ta’ SafeSeaNet”. Tali kumment ma jistax, fih innifsu, jirrileva żball jew anki kontradizzjoni intrinsika. Fil-fatt, huwa pjuttost permess lill-awtorità kontraenti li tqis li offerta, minkejja li għandha żbalji kklassifikati bħala minuri, turi fehim tajjeb tal-proġett. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma wrietx l-iżball ta’ tali kumment u wisq inqas li dan il-kumment, allegatament żbaljat, wassal għal żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq fl-evalwazzjoni tal-offerta tal-offerent magħżul.
203 Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex tikkontesta l-kummenti speċifiċi dwar l-offerta tagħha, misjuba fil-formoli tal-evalwazzjoni teknika mimlija minn kull evalwatur għal dak li jikkonċerna l-paragrafi (a) u (b) tal-ewwel kriterju ta’ għoti tas-sejħa għall-offerti inkwistjoni u t-tielet wieħed (ara l-punti 188 sa 194 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li dawn huma ineffettivi.
204 Fil-fatt, huwa importanti li jiġi osservat li l-kumitat tal-evalwazzjoni, kompost minn għall-inqas tliet persuni, huwa maħtur mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni kompetenti għall-finijiet ta’ ħruġ ta’ opinjoni konsultattiva, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 146(1) tar-Regoli għall-Implementazzjoni. Huwa l-kumitat li jistabbilixxi l-proċess verbali tal-evalwazzjoni, iffirmat mill-membri kollha tiegħu u li jinkludi, b’mod partikolari, l-isem tal-offerenti mhux magħżula u r-raġuni għaċ-ċaħda tal-offerta tagħhom, kif ukoll l-isem tal-kuntrattur propost u l-ġustifikazzjoni ta’ din l-għażla. Id-deċiżjoni definittiva għal dak li jikkonċerna l-għoti tal-kuntratt tittieħed sussegwentement mill-awtorità kontraenti, skont l-Artikolu 147(3) tar-Regoli għall-Implementazzjoni.
205 Isegwi li peress li l-formoli tal-evalwazzjoni teknika, għandhom l-għan li jiġbru l-evalwazzjonijiet li jagħmlu d-diversi evalwaturi, li evidentement jista’ jkollhom fehmiet differenti, ma għandhomx portata legali indipendenti. Konsegwentement, f’dan il-każ, dawn il-formoli tal-evalwazzjoni meqjusa weħedhom, ma jistgħux jintużaw mir-rikorrenti sabiex tibbaża ruħha fuq eventwali kontradizzjonijiet eżistenti bejn l-evalwazzjoni inkluża f’waħda jew fl-oħra, peress li dawn l-evalwazzjonijiet kollha kienu parti minn xogħol ta’ sinteżi tal-offerti, min-naħa tal-kumitat tal-evalwazzjoni, li b’hekk adotta l-pożizzjoni finali tiegħu, u li barra minn hekk, tibqa’ opinjoni konsultattiva fil-konfront tal-awtorità kontraenti.
206 Id-deċiżjoni tal-imsemmi kumitat fir-rigward tal-proposta tal-futur kuntrattur u fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-għażla, tista’ tkun biss kollettiva, peress li l-evalwazzjoni ta’ kull membru tal-kumitat tinħall fir-rapport finali. Għaldaqstant, huwa evidenti li kull argument intiż sabiex jenfasizza l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, jista’ jsir biss, skont il-każ, kontra r-rapport tal-evalwazzjoni adottat mill-kumitat tal-evalwazzjoni u biss fil-każ fejn id-deċiżjoni finali tal-awtorità kontraenti tkun ibbażata effettivament fuqu.
207 Fi kwalunkwe każ għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma wrietx jekk u kif dawn il-kummenti espressi individwalment mill-evalwaturi fil-formola tal-evalwazzjoni teknika kienu riflessi fir-rapport finali tal-kumitat tal-evalwazzjoni u kif wasslu għal żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-offerta tagħha min-naħa tal-awtorità kontraenti. F’dan ir-rigward, hija kien messha għall-inqas tispjega kif il-kummenti, allegatament żbaljati, affettwaw il-punti li kisbet l-offerta tagħha għal dak li jikkonċerna l-ewwel u t-tielet kriterji ta’ għoti, li huma dawk il-kriterji li fihom, l-offerta tagħha ma laħqitx il-limitu minimu tal-punti meħtieġa mill-ispeċifikazzjoni tal-kuntratt u l-uniċi kriterji li għalihom ressqet ilmenti. Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tatx tali spjegazzjoni.
208 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, dan l-ilment għandu wkoll jiġi miċħud.
209 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, allegatament imwettqa mill-awtorità kontraenti, la fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-offerta tal-offerent magħżul u lanqas fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-offerta tagħha.
210 Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat, għal dak li jikkonċerna l-proċedura għas-sejħa għall-offerti C-1/01/04.
3. Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ulterjuri tal-EMSA
211 Fit-tieni kap tal-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tannulla kull deċiżjoni ulterjuri tal-EMSA dwar is-sejħiet għall-offerti inkwistjoni.
212 F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, kif diġà ntqal fil-punt 78 iktar’il fuq, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi sunt tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u l-Qorti Ġenerali twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Bl-għan li tkun żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatti u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu.
213 F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tippreċiżax liema atti huma intiżi mit-tieni kap tat-talbiet tagħha u ma tiżviluppa l-ebda argument insostenn tat-talba tagħha.
214 Konsegwentement, it-tieni kap tat-talbiet għandu jiġi miċħud bħala inammissabbli.
Fuq it-talba għal miżuri istruttorji
215 Essenzjalment ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tistieden lill‑EMSA tipprovdi kopja tar-rapport tal-kumitat tal-evalwazzjoni, kif ukoll id-dokumenti rilevanti li huma relatati miegħu.
216 Peress li l-EMSA kienet daħħlet fil-proċess, bħala anness mar-risposta tagħha, id-dokumenti mitluba mir-rikorrenti, u peress li din tal-aħħar ma ppreżentat l-ebda osservazzjoni f’dan ir-rigward, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq din it-talba.
Fuq l-ispejjeż
217 Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta tal-kawża billi tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) li tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul fil-kuntest tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti “EMSA C–2/06/04” hija annullata.
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3) Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Azizi
Cremona
Frimodt Nielsen
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-2 ta’ Marzu 2010.
Firem
Werrej
Il-kuntest ġuridiku
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1. Proċedura ta’ sejħa għall-offerti EMSA C-1/01/04
2. Proċedura ta’ sejħa għall-offerti EMSA C-2/06/04
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Fuq l-ammissibbiltà
1. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 230 KE kontra att tal-EMSA
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
2. Fuq l-exceptio obscuri libelli
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq il-mertu
1. Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet meħuda mill-EMSA fil-kuntest tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti C–2/06/04
Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nonkonformitŕ tal-offerta sottomessa mill-offerent magħżul
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
2. Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet meħuda mill-EMSA fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti C-1/01/04
Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ bona fide, ta’ amministrazzjoni xierqa u ta’ diliġenza
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Finanzjarju, tar-Regoli għall-Implementazzjoni kif ukoll tad-Direttiva 92/50
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
– Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura impreċiża tal-kriterji ta’ għoti
– Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura impreċiża ta’ ċerti elementi tas-sejħa għall-offerti
– Fuq l-ilment ibbażat fuq l-illegalitŕ tas-suddiviżjoni ta’ wieħed mill-kriterji ta’ għoti f’sottokriterji
Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ nuqqas ta’ informazzjoni rilevanti
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-EMSA
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
3. Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ulterjuri tal-EMSA
Fuq it-talba għal miżuri istruttorji
Fuq l-ispejjeż
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy