Kawża T-86/05
K & L Ruppert Stiftung & Co. Handels-KG
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva CORPO LIVRE — Trade marks nazzjonali u internazzjonali verbali LIVRE — Prova ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti li ġiet ippreżentata tard”
Sommarju tas-sentenza
1. Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Termini
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 71(1) u (2))
2. Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Regola 22(1))
1. Mit-tieni sentenza tar-Regola 71(1) tar-Regolament Nru 2868/95 li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunitarja, jirriżulta li l-għoti ta’ prorogi tat-termini stabbiliti mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mhuwiex awtomatiku, iżda jiddependi mill-fatti tal-każ partikolari li huma tali li jiġġustifikawha, kif ukoll mill-preżentata ta’ talba għal proroga. Dan jgħodd iktar u iktar fi proċedura inter partes, li fil-kuntest tagħha vantaġġ mogħti lil waħda mill-partijiet jimplika żvantaġġ għall-parti l-oħra. F’każ bħal dan, l-UASI għandu jara li jkun imparzjali fil-konfront tal-partijiet.
Hija l-parti li titlob il-proroga li għandha ssostni l-fatti li jistgħu jiġġustifikaw il-proroga, peress li l-imsemmija proroga hija mitluba u eventwalment tingħata fl-interess tagħha. Barra minn hekk, fil-każ fejn dawn iċ-ċirkustanzi huma tal-parti li titlob il-proroga, hija din ta’ l-aħħar biss li tista’ tinforma b’mod utli lill-UASI dwarhom. Għaldaqstant, sabiex id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tkun tista’ tevalwa l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jiġġustifikaw proroga eventwali, dawn għandhom jiġu ppreċiżati fit-talba għal proroga.
Barra minn hekk, jirriżulta mill-istruttura ġenerali tar-Regola 71 li t-tieni paragrafu tagħha, li jipprovdi li meta hemm żewġ partijiet jew aktar fil-proċedimenti, l-UASI jista’ jissuġġetta l-proroga tat-terminu għall-qbil tal-partijiet l-oħra, li huwa ma jipprovdix biss kundizzjoni waħda u unika għall-proroga tat-terminu, iżda jżid kundizzjoni supplimentari ma’ dawk imsemmija fil-paragrafu 1, jiġifieri li l-proroga għandha tintalab mill-parti kkonċernata qabel ma jiskadi t-terminu oriġinarjament stabbilit u li din għandha tkun ġustifikata miċ-ċirkustanzi.
(ara l-punti 21, 22, 55, 56)
2. Mit-tieni sentenza tar-Regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95 li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja jirriżulta li produzzjoni tal-provi ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għal dan il-għan timplika, bħala regola ġenerali, ir-rifjut ta’ l-oppożizzjoni, mingħajr ma l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ikollu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Fil-fatt, l-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti jikkostitwixxi kwistjoni preċedenti li għandha, għal dan il-għan, tiġi rregolata qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni nfisha.
(ara l-punt 49)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)
12 ta’ Diċembru 2007(*)
“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva CORPO LIVRE – Trade marks nazzjonali u internazzjonali verbali LIVRE – Prova ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti li ġiet ippreżentata tard”
Fil-kawża T-86/05,
K & L Ruppert Stiftung & Co. Handels-KG, stabbilita f’Weilheim (il-Ġermanja), irrappreżentata minn D. Spohn u A. Kockläuner, avocats,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,
konvenut,
il-partijiet l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI kienu
Natália Cristina Lopes de Almeida Cunha, residenti f’Vila Nova de Gaia (il-Portugall),
Cláudia Couto Simões, residenti f’Vila Nova de Gaia,
Marly Lima Jatobá, residenti f’Vila Nova de Gaia,
li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tas-7 ta’ Diċembru 2004 (kawża R 328/2004-1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn K & L Ruppert Stiftung & Co. Handels-KG u Natália Cristina Lopes de Almeida Cunha, Cláudia Couto Simões u Marly Lima Jatobá,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),
komposta minn A. W. H. Meij, aġent President, I. Pelikánová u S. Papasavvas, Imħallfin,
Reġistratur: K. Andová, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Frar 2005,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Ġunju 2005
wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Fis-16 ta’ Awwissu 2000, Natália Cristina Lopes de Almeida Cunha, Cláudia Couto Simões u Marly Lima Jatobá ressqu quddiem l-UASI, bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, kif irrivedut u emendat, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1) applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark figurattiva Komunitarja riprodotta hawnhekk .
2 Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 18 u 25 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:
– “bagalji, basktijiet ta’ l-idejn; barżakki; valiġġi, bagolli magħmula mill-ġilda jew minn imitazzjoni tal-ġilda; basktijiet ta’ l-ivvjaġġar (tal-ġilda) ; kaxxa għaċ-ċwievet (tal-ġilda); bagalji ta’ dokumenti, portmonijiet mhux ta’ metall prezzjuż”, li jaqgħu taħt il-klassi 18 ;
– “ħwejjeġ, b’mod partikolari lbies għal fuq ix-xtajta u għall-isports ; żraben, b’mod partikolari żraben għal fuq ix-xtajta u għall-isport ; xedd ir-ras”, li jaqgħu taħt il-klassi 25.
3 L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 33/2001, tad-9 ta’ April 2001.
4 Fl-4 ta’ Lulju 2001, ir-rikorrenti ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni kienet intiża kontra l-prodotti fil-klassi 25.
5 L-oppożizzjoni saret fuq il-bażi tat-trade marks preċedenti segwenti (iktar’il quddiem it-“trade marks preċedenti”) :
– it-trade mark verbali Ġermaniża Nru 1 173 609, LIVRE, ippreżentata fit-23 ta’ Marzu 1990, irreġistrata fil-5 ta’ Marzu 1991 u mġedda b’effett mill-24 ta’ Marzu 2000 sabiex tindika l-“ħwejjeġ u ż-żraben” li jaqgħu taħt il-klassi 25 ;
– it-trade mark verbali internazzjonali Nru 568 850, LIVRE, ippreżentata fis-27 ta’ Marzu 1991 u rreġistrata fit-3 ta’ Ġunju 1991, li tipproduċi effetti fl-Awstrija, fi Franza u fl-Italja sabiex tindika l-“ħwejjeġ u ż-żraben“li jaqgħu taħt il-klassi 25.
6 Fuq talba ta’ dawk li talbu r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja fid-19 ta’ April 2002, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) informa lir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2002, li t-terminu stabbilit għall-prova ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti kien ser jiskadi fid-9 ta’ Lulju 2002, skond l-Artikolu 43(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien tal-fatti in kwistjoni.
7 Fid-9 ta’ Lulju 2002, ir-rappreżentant tar-rikorrenti ppreżenta, fl-4.56 ta’ wara nofsinhar, permezz ta’ faks, talba għall-proroga tat-terminu sad-9 ta’ Settembru 2002. It-talba kienet motivata kif ġej:
“Sfortunatament, għadna ma rċevejniex id-dokumenti neċessarji sabiex nipprovaw l-użu tat-trade mark preċedenti; madankollu se nqegħduhom għad-dispożizzjoni ta’ l-opponent f’qasir żmien. Għal din ir-raġuni, qiegħda ssir talba għal proroga tat-terminu stabbilit.”
8 Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Lulju 2002, l-UASI informa lir-rikorrenti li t-talba tagħha għall-proroga tat-terminu stabbilit mhix ser tintlaqa’, peress li r-raġunijiet ippreżentati ma kinux juru ċirkustanzi eċċezzjonali jew li ma kinux previsti.
9 Madankollu, fis-6 ta’ Settembru 2002, ir-rikorrenti bagħtet diversi dokumenti lill-UASI sabiex tipprova l-użu tat-trade marks preċedenti. Fid-9 ta’ Settembru 2002, hija kkontestat ir-rifjut tal-proroga tat-terminu stabbilit u talbet li d-dokumenti jittieħdu in kunsiderazzjoni minkejja li t-terminu oriġinali kien skada.
10 Fil-11 ta’ Ottubru 2002, l-UASI informa lill-partijiet li la d-dokumenti mibgħuta fis-6 ta’ Settembru 2002 u lanqas is-sottomissjonijiet ippreżentati fid-9 ta’ Settembru 2002 ma kienu ser jittieħdu in kunsiderazzjoni.
11 Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Marzu 2004, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni rrifjutat l-oppożizzjoni tar-rikorrenti peress li l-użu tat-trade marks preċedenti ma ġiex ipprovat.
12 Fid-29 ta’ April 2004, ir-rikorrenti ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni. F’dan il-kuntest, hija sostniet li, fid-dawl tal-prassi ta’ l-UASI rigward l-għoti ta’ prorogi ta’ terminu, hija setgħet leġittimament tistenna li l-ewwel proroga kienet se tingħatalha fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Barra minn hekk, hija sostniet li l-persuna kompetenti fi ħdan il-kumpannija sabiex tiffirma dikjarazzjoni f’isimha, li tikkostitwixxi wieħed mill-provi ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti, kienet fuq vjaġġ meta skada t-terminu stabbilit.
13 Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2004 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ċaħad ir-rikors. Huwa kkunsidra, essenzjalment, li :
– skond ir-Regola 71 tar-Regolament Nru 2868/95, l-UASI seta’ jiċħad rikors intiż sabiex tinkiseb proroga tat-terminu stabbilit meta din ma kinitx iġġustifikata miċ-ċirkustanzi ; issa, f’dan il-każ, ir-rikors intiż sabiex tinkiseb proroga tat-terminu stabbilit kien ġie ppreżentat ftit sigħat biss qabel ma skada t-terminu stabbilit u mingħajr ma ssemmew raġunijiet partikolari ;
– barra minn hekk, il-ġustifikazzjoni ppreżentata wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit (assenza tal-persuna minħabba leave) ma kinitx tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali u kienet prevedibbli qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit;
– teħid in kunsiderazzjoni tad-dokumenti ppreżentati wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Bord ta’ l-Appell ma kienx ġustifikat, fid-dawl tal-kontenut tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-każ preżenti u l-ġurisprudenza relatata magħha [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs UASI – Educational Services (ELS) (T 388/00, Ġabra p. II 4301), u tat-8 ta’ Lulju 2004, MFE Marienfelde vs UASI – Vétoquinol (HIPOVITON) (T 334/01, Ġabra p. II 2787)].
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
14 Permezz ta’ digriet ta’ l-24 ta’ April 2006, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ordna s-sospensjoni tal-proċedura sakemm tittieħed deċiżjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul (C-29/05 P, Ġabra, p. I-2213). Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-partijiet intalbu jressqu s-sottomissjonijiet tagħhom, waqt is-seduta, dwar il-konklużjonijiet li kellhom isiru mis-sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar’il fuq, għal din il-kawża.
15 Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Marzu 2007, A. W. H. Meij ġie maħtur aġent President ta’ l-Awla, minflok J. Pirrung, li ma setax jippresjedi, u nħatar S. Papasavvas sabiex l-Awla tkun kompleta.
16 Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
17 L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Fuq id-dritt
18 In sostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi, ibbażati, rispettivament, fuq applikazzjoni żbaljata tar-Regola 71 tar-Regolament Nru 2868/95, moqrija flimkien mar-Regola 22 ta’ l-imsemmi Regolament, fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni skond l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, fuq ksur ta’ l-Artikolu 74(1) u (2) ta’ l-imsemmi Regolament u, fl-aħħar nett, fuq ksur tal-prinċipju dispożittiv kif ukoll ta’ ċerti dispożizzjonijiet ġenerali li jirriżultaw mill-proċedura inter partes.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tar-Regola 71 tar-Regolament Nru 2868/95, moqrija flimkien mar-Regola 22 ta’ l-istess Regolament
L-argumenti tal-partijiet
19 Ir-rikorrenti tqis li hija ppreżentat talba għal proroga tat-terminu stabbilit quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni sabiex tipprova l-użu tat-trade marks preċedenti skond ir-rekwiżiti tar-Regola 71 tar-Regolament Nru 2868/95. Din kienet l-ewwel talba għal proroga li saret matul il-proċedura, u ġiet ibbażata fuq il-fatt li l-provi ma setgħux jinġabru fiż-żmien stabbilit. Barra minn hekk, hija informat lill-UASI qabel ma skada dan it-terminu, jiġifieri fl-aħħar jum ta’ dan it-terminu, u ebda regola ma tipprekludi li ssir talba għal proroga fl-aħħar jum tat-terminu oriġinali. Fir-rigward tal-motivazzjoni tat-talba tagħha, ir-rikorrenti tikkunsidra li din kienet biżżejjed għall-ewwel talba għal proroga, b’mod partikolari, safejn din ġiet ippreżentata matul il-vaganzi. Hija ssostni li l-persuna responsabbli għad-dokumenti tat-trade marks fi ħdan il-kumpannija kienet assenti peress li kienet fuq vjaġġ għal perijodu twil u, minħabba f’hekk, ma setgħetx tiġbor id-dokumenti li jipprovaw l-użu tat-trade marks preċedenti. Barra minn hekk, hija ssostni li kienet prassi ta’ l-UASI li jaċċetta l-ewwel talbiet għal proroga, anki jekk dawn ma kinux motivati b’mod dettaljat.
20 Fuq il-bażi tal-kliem tar-Regola 71 tar-Regolament Nru 2865/95, l-UASI jikkunsidra li l-fatti invokati in sostenn tat-talba għal proroga għandhom ikunu ta’ natura speċifika sabiex ikunu jistgħu jiġġustifikaw il-proroga. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għad-direttivi li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri quddiemu, li ġew ippubblikati fuq is-sit Internet tiegħu, kif ukoll għad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tar-Regola 71. Fil-fehma ta’ l-UASI, il-motivazzjoni espressa mir-rikorrenti f’dan il-każ, li tgħid li l-provi kienu għadhom ma nkisbux, tikkostitwixxi biss l-affermazzjoni tal-fatt li t-terminu ta’ żmien stabbilit ma setax jiġi osservat u għaldaqstant ma setgħetx tiġġustifika l-proroga ta’ l-imsemmi terminu.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
21 It-tieni sentenza tar-Regola 71(1) tipprovdi li, “[l]-Uffiċċju jista’, fejn dan ikun xieraq fiċ-ċirkostanzi, jagħti estensjoni [proroga] ta’ perjodu [terminu] speċifikat jekk din l-estensjoni tintalab mill-parti konċernata u t-talba ssir qabel ma jiskadi l-perjodu oriġinali”. Minn dan jirriżulta li l-għoti tal-proroga mhuwiex awtomatiku, iżda jiddependi mill-fatti tal-każ partikolari li huma tali li jiġġustifikawha, kif ukoll mill-preżentata ta’ talba għal proroga. Dan jgħodd iktar u iktar fi proċedura inter partes, li fil-kuntest tagħha vantaġġ mogħti lil waħda mill-partijiet jimplika żvantaġġ tal-parti l-oħra. F’każ bħal dan, l-UASI għandu jara li jkun imparzjali fil-konfront tal-partijiet.
22 Hija l-parti li titlob il-proroga li għandha ssostni l-fatti li jistgħu jiġġustifikaw il-proroga, peress li din il-proroga hija mitluba u eventwalment tingħata fl-interess tagħha. Barra minn hekk, fil-każ fejn iċ-ċirkustanzi, bħalma huwa l-każ hawnhekk, huma tal-parti li titlob il-proroga, hija din ta’ l-aħħar biss li tista’ tinforma b’mod utli lill-UASI dwarhom. Għaldaqstant, sabiex id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tkun tista’ tevalwa l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jiġġustifikaw proroga eventwali, dawn għandhom jiġu ppreċiżati fit-talba għal proroga.
23 F’dan il-każ, ir-rikorrenti mmotivat it-talba għal proroga tat-terminu skond il-kliem riprodott fil-punt 7 iktar’il fuq. B’dan il-mod, l-avukat tar-rikorrenti spjega kif din ta’ l-aħħar kienet għadha ma tagħtux id-dokumenti necessarji u li huwa kien se jfakkarha sabiex tagħmel dan malajr. Għalhekk, huwa indika r-raġuni għalfejn huwa nnifsu ma setax jibgħat id-dokumenti li jipprovaw l-użu tat-trade marks preċedenti lill-UASI fit-termini ta’ żmien stabbiliti. Min-naħa l-oħra, huwa ma indikax ir-raġunijet għalfejn ir-rikorrenti ma setgħetx tibgħatlu l-imsemmija dokumenti. Hija preċiżament din l-informazzjoni li kellha tintbagħat lid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni sabiex hija tkun tista’ tevalwa l-fatti li jiġġustifikaw proroga eventwali tat-terminu stabbilit. Minkejja li r-rikorrenti, fl-ittra tagħha tad-9 ta’ Settembru 2002, spjegat li l-persuna responsabbli għall-inkartament fi ħdan il-kumpannija kienet fuq vjaġġ meta skada t-terminu stabbilit, għandu jiġi osservat li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan il-fatt kienx minnu nnifsu biżżejjed sabiex jiġġustifika l-proroga mitluba, din ir-raġuni ġiet innotifikata lill-UASI xahrejn wara li saret it-talba għal proroga, li ġiet imressqa fil-jum li skada t-terminu. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kinitx indikat, fit-talba tagħha għal proroga, ir-raġuni għalfejn din kienet neċessarja. Għaldaqstant, il-motivazzjoni mogħtija mir-rikorrenti fit-talba għal proroga ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tat-tieni sentenza tar-Regola 71(1) tar-Regolament Nru 2868/95, kif imfakkra iktar’il fuq.
24 Safejn ir-rikorrenti ssostni li skond il-prassi kostanti ta’ l-UASI, l-ewwel proroga tat-terminu stabbilit tingħata awtomatikament fuq sempliċi talba mhux motivata, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda prova xierqa sabiex turi l-eżistenza ta’ prassi bħal din.
25 Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni applikat ġustament it-tieni sentenza tar-Regola 71(1) tar-Regolament Nru 2868/95 meta rrifjutat li tipproroga t-terminu stabbilit. Minn dan isegwi li l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni skond l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94
L-argumenti tal-partijiet
26 Ir-rikorrenti ssostni li la l-ewwel u lanqas it-tieni istanza ta’ l-UASI ma indikaw ir-raġunijiet li jispjegaw għalfejn it-talba għal proroga tat-terminu stabbilit għall-produzzjoni ta’ provi ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti kienet miċħuda u li għalhekk l-UASI kiser l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94. L-Artikolu 73 jeżiġi li r-raġunijiet li għalihom l-indikazzjonijiet imsemmija fit-talba ma jissodisfawx il-kundizzjonijet legali għandhom jiġu ppreċiżati. Sempliċi affermazzjoni li r-raġunijiet indikati in sostenn tat-talba għal proroga tar-rikorrenti ma kinux suffiċjenti ma tissodisfax dan ir-rekwiżit.
27 L-UASI jsostni li, fil-każ li l-parti kkonċernata ma tiġġustifikax it-talba tagħha għal proroga, billi tonqos milli ssemmi ċirkustanzi speċifiċi, il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni hija biżżejjed għall-finijet tal-motivazzjoni tar-rifjut.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
28 Qabel xejn, għandu jiġi osservat li, safejn il-Bord ta’ l-Appell illimita ruħu, fid-deċiżjoni kkontestata, li jikkonferma r-rifjut tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni li tipproroga t-terminu stabbilit għall-produzzjoni ta’ provi ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-motivazzjoni tar-rifjut mogħtija mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.
29 Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi mfakkar li, skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjonijiet ta’ l-UASI għandhom ikunu motivati. Dan l-obbligu għandu l-istess portata bħal dak stabbilit mill-Artikolu 253 KE. Skond ġurisprudenza kostanti, l-obbligu li jingħataw raġunijiet għad-deċiżjonijiet individwali għandu bħala għan doppju li jippermetti, minn naħa, li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C 350/88, Ġabra p. I 395, punt 15; u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 2004, Sunrider vs UASI – Vitakraft-Werke Wührmann u Friesland Brands [VITATASTE u METABALANCE 44], T-124/02 u T-156/02, Ġabra P. II-1149, punt 72).
30 F’dan il-każ, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Lulju 2002, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kienet motivat ir-rifjut tagħha kif ġej :
“It-talba tiegħek għal proroga tat-terminu stabbilit imressqa fid-9 ta’ Lulju 2002 ma ġietx milqugħa mill-UASI, minħabba li r-raġunijiet li qed tippreżenta mhumiex meqjusa li huma validi sabiex tinkiseb proroga tat-terminu.
Skond ir-Regola 71[(1)] tar-Regolament [Nru 2868/95], il-prorogi tat-terminu stabbilit jingħataw biss jekk iċ-ċirkustanzi jiġġustifikawhom. Il-provi ta’ l-użu mitluba kellhom jiġu ppreżentati fi żmien xahrejn li, fil-fehma ta’ l-UASI, kien terminu suffiċjenti. Il-proroga tingħata biss jekk seħħew ċirkustanzi eċċezzjonali jew mhux previsti.”
31 Minn din l-ittra jirriżulta li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kkunsidrat li l-motivi ppreżentati mir-rikorrenti in sostenn tat-talba għal proroga ma wrewx ċirkustanzi li jiġġustifikaw proroga tat-terminu u li, fin-nuqqas ta’ tali ċirkustanzi, il-proroga ma kinitx possibbli.
32 Fid-dawl tal-fatt, ikkonstatat fil-punt 23 iktar’il fuq, li t-talba għal proroga ma kinitx tinkludi motivazzjoni suffiċjenti fid-dawl tat-tieni sentenza tar-Regola 71(1) tar-Regolament Nru 2868/95, ir-rikorrenti ma tistax takkuża lill-UASI bil-fatt li huwa ma spjegax b’liema mod iċ-ċirkustanzi tal-każ, li r-rikorrenti ma kinitx sostniet, ma kinux jiġġustifikaw proroga. Għalhekk, id-deċiżjoni ta’ rifjut setgħet tkun limitata għal konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ raġunijiet li jiġġustifikaw proroga, li kien biżżejjed sabiex ir-rikorrenti tifhem ir-raġunijiet li għalihom ġiet miċħuda t-talba.
33 Minn dak li ntqal isegwi li t-tieni motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tielet u r-raba’ motivi, ibbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 74(1) u (2) tar-Regolament Nru 40/94
34 Peress li d-dispożizzjonijet rigward il-ksur invokat fil-kuntest tat-tielet u r-raba’ eċċezzjonijiet huma marbuta mill-qrib, dawn iż-żewġ motivi għandhom jiġu eżaminati flimkien.
L-argumenti tal-partijiet
35 Fis-sottomissjonijiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-UASI kellu, skond il-prinċipju ta’ kontinwità funzjonali żviluppat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, jieħu in kunsiderazzjoni l-provi ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti ppreżentati minnha fis-6 ta’ Settembru 2002. Hija tal-fehma li l-Bord ta’ l-Appell għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-motivi u fuq it-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti kemm fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell.
36 Fis-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 ma kien jagħtiha ebda dritt sabiex id-dokumenti li ġew ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2002 jittieħdu in kunsiderazzjoni, mingħajr madankollu ma tirrinunzja formalment għat-tielet motiv tagħha.
37 Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, skond l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar’il fuq, il-Bord ta’ l-Appell kellu setgħa diskrezzjonali fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-imsemmija dokumenti. Hija tal-fehma li l-UASI, peress li ma kkunsidrax il-provi ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti ppreżentati wara li skada t-terminu, fis-6 ta’ Settembru 2002, naqas milli jwettaq l-obbligu li jeżerċita s-setgħa tiegħu ta’ evalwazzjoni li tirriżulta mill-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma timplikax li l-Bord ta’ l-Appell eżerċita l-poter tiegħu, iżda tinkludi biss kunsiderazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ prudenza u attenzjoni min-naħa tagħha. Għalhekk, il-Bord ta’ l-Appell kiser l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94.
38 Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li għaddiet iktar minn sena u nofs minn meta ntbagħtet l-ittra tal-11 ta’ Ottubru 2002, li biha ġew miċħuda l-provi tar-rikorrenti qabel ma d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tat id-deċiżjoni tagħha, ir-rifjut li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-provi ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti wara li skada t-terminu stabbilit, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż mit-Tieni Bord ta’ l-Appell, fil-15 ta’ Diċembru 2000, fil-kawża R 714/1999-2 SAINCO/SAINCOSA, mhuwiex xieraq.
39 L-UASI jiċħad l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward ta’ l-allegat obbligu ta’ teħid in kunsiderazzjoni tad-dokumenti ppreżentati tard.
40 Fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni attribwita lill-UASI, dan ta’ l-aħħar sostna, waqt is-seduta, li t-tieni sentenza tar-Regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti in kwistjoni, tipprovdi b’mod ċar li, jekk l-opponent ma jippreżenta l-ebda prova ta’ użu fit-terminu stabbilit, l-UASI għandu jiċħad l-oppożizzjoni. Fis-sentenza HIPOVITON, iċċitata iktar’il fuq (punt 56), il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet li din ir-regola ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-produzzjoni ta’ provi ġodda hija kompletament eskluża ladarba jiskadi t-terminu stabbilit. Skond l-UASI, dan l-approċċ huwa kkonfermat mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja UASI vs Kaul, iċċitata (punt 43) li, fid-deċiżjoni tagħha dwar l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 kienet tal-fehma li l-UASI kellu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-kunsiderazzjoni ta’ provi ppreżentati tard.
41 F’dan il-kuntest, l-UASI jsostni li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-amministrazzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju fuq l-evalwazzjoni magħmula minnha hija limitata għal stħarriġ tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter.
42 Fil-punt 44 tas-sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreżentat, b’mod mhux eżawrjenti, ċerti aspetti li, fid-dawl ta’ l-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest ta’ l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-UASI, jiġifieri, l-istadju tal-proċedura li fiha l-provi jiġu ppreżentati b’mod tardiv. Skond l-UASI, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni wkoll il-fatt li t-terminu msemmi mir-Regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien tal-fatti in kwistjoni, huwa kkunsidrat bħala terminu perentorju. Skond l-UASI, iktar ma d-dispożizzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 74(2) għandhom applikazzjoni stretta, iktar hemm lok li dan jiġi interpretat b’mod restrittiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll, fis-sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar’il fuq, li l-effett utli tad-dispożizzjonijiet rigward it-termini għandu jinżamm. B’dan il-mod, f’dan il-każ, sabiex jinżamm l-effett utli tar-Regola 22(1), l-Artikolu 74(2) għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv.
43 Skond l-UASI, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell eżerċita s-setgħa tiegħu ta’ evalwazzjoni. B’mod partikolari, huwa ppreċiża li l-indikazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti ma kinux suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw proroga tat-terminu u li r-Regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi għal terminu perentorju li jimplika interpretazzjoni stretta ta’ l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
44 L-ewwel nett, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kliem ta’ l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni mod ieħor, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-terminu li għalih hija suġġetta tali produzzjoni skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94, u l-UASI bl-ebda mod ma huwa pprojbit milli jqis fatti u provi invokati jew ippreżentati b’dan il-mod tardiv (sentenza UASI vs Kaul, iċċitata, punt 42).
45 Min-naħa l-oħra, mill-imsemmi kliem jirriżulta wkoll b’mod ċar li tali invokazzjoni jew produzzjoni tardiva ta’ fatti u ta’ provi ma tikkonferixxix lill-parti li tinvoka jew tippreżenta fatti jew provi tardivament, dritt inkundizzjonat li fatti jew provi bħal dawn jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-UASI (sentenza UASI vs Kaul, iċċitata, punt 43).
46 Għaldaqstant, l-UASI ma kellux, f’kull każ, l-obbligu inkundizzjonat li jieħu in kunsiderazzjoni d-dokumenti ppreżentati tardivament mir-rikorrenti fis-6 ta’ Settembru 2002.
47 It-tieni nett, il-possibbiltà tal-partijiet fil-kawża quddiem l-UASI li jippreżentaw fatti u provi wara li jiskadi t-terminu stabbilit għal dan il-għan, ma teżistix b’mod inkundizzjonat, iżda tinsab, kif jirriżulta mis-sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar’il fuq, suġġetta għal kundizzjoni li ma teżistix dispożizzjoni kuntrarja. Huwa biss jekk din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta li l-UASI jkollu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni tal-fatti u tal-provi ppreżentati tardivament, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li għandu fl-interpretazzjoni tagħha ta’ l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94.
48 F’dan il-każ teżisti dispożizzjoni li tipprekludi t-teħid in kunsiderazzjoni tal-provi ppreżentati quddiem l-UASI mir-rikorrenti fis-6 ta’ Settembru 2002, jiġifieri l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, kif implementat mir-Regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95 fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien tal-fatti tal-każ. Effettivament, din id-dispożizzjoni tipprovdi kif ġej :
“Fejn, skond l-Artikolu 43(2) jew (3) tar-Regolament, il-parti li tkun qiegħda topponi għandha tagħti prova ta’ użu jew turi li hemm raġunijiet xierqa għan-nuqqas ta’ użu, il-[UASI] għandu jistedinha sabiex tagħti l-provi meħtieġa fiż-żmien li l-[UASI] għandu jispeċifika. Jekk il-parti li tkun qiegħda topponi ma tagħtix din il-prova qabel ma jiskadi l-limitu ta’ żmien [terminu], il-[UASI] għandu jiċħad l-oppożizzjoni.”
49 Mit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li produzzjoni tal-provi ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għal dan il-għan timplika, bħala regola ġenerali, ir-rifjut ta’ l-oppożizzjoni, mingħajr ma l-UASI jkollu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Fil-fatt, l-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti jikkostitwixxi kwistjoni preċedenti li għandha, għal dan il-għan, tiġi rregolata qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni nfisha [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR), T-112/03, Ġabra p. II-949, punt 26].
50 Huwa minnu li, kif isostni l-UASI, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza HIPOVITON, iċċitata iktar’il fuq (punt 56), li t-tieni sentenza tar-Regola 22(1) ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ provi addizzjonali, fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ provi ġodda, anki jekk huma ppreżentati wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. Madankollu, il-kundizzjonijiet ta’ tali kunsiderazzjoni mhumiex sodisfatti fil-każ preżenti. Fil-fatt, minn naħa, il-provi ppreżentati mir-rikorrenti fis-6 ta’ Settembru 2002 ma kinux provi supplimentari, iżda tabilħaqq l-ewwel u l-uniċi provi ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti pprovduti mir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, fil-każ preżenti, ma jeżistu ebda provi ġodda li jistgħu jiġġustifikaw il-produzzjoni tal-provi tardiva, kemm jekk kienu supplimentari, u kemm jekk le.
51 Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-UASI ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni tal-provi prodotti mir-rikorrenti fis-6 ta’ Settembru 2002.
52 Għaldaqstant, it-tielet u r-raba’ motivi għandhom jiġu miċħuda
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju dispożittiv kif ukoll ta’ ċerti dispożizzjonijiet ġenerali li jirriżultaw min-natura tal-proċedura inter partes
L-argumenti tal-partijiet
53 Ir-rikorrenti ssostni li l-UASI kiser il-prinċipju dispożittiv kif ukoll ċerti dispożizzjonijiet ġenerali li jirriżultaw mill-proċedura inter partes u li jeżiġu r-rispett tat-trattament ugwali bejn l-opponent u l-applikant għal trade mark Komunitarja. Ir-rikorrenti tisħaq, b’mod partikolari, li l-UASI ma ssuġġettax il-kwistjoni tat-terminu supplimentari għall-evalwazzjoni tal-parti l-oħra, skond ir-Regola 71(2) tar-Regolament Nru 2868/95.
54 L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
55 Ir-regola 71(2) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li, meta hemm żewġ partijiet jew aktar fil-proċedimenti, l-UASI jista’ jissuġġetta l-proroga tat-terminu stabbilit għall-qbil tal-partijiet l-oħra.
56 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti li qbil eventwali tal-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-UASI sabiex jiġi estiż it-terminu previst għall-produzzjoni tal-provi dwar l-użu tat-trade marks preċedenti seta’ jwassal lid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni sabiex tipproroga l-imsemmi terminu jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, mill-istruttura ġenerali tar-Regola 71 jirriżulta li l-paragrafu 2 ma jipprovdix biss kundizzjoni waħda u unika għall-proroga tat-terminu, iżda jżid kundizzjoni supplimentari ma’ dawk imsemmija fil-paragrafu 1, jiġifieri li l-proroga għandha tintalab mill-parti kkonċernata qabel ma jiskadi t-terminu oriġinarjament stabbilit u li din għandha tkun ġustifikata miċ-ċirkustanzi.
57 Għaldaqstant, il-UASI ġustament iddeċieda li, billi l-kundizzjonijiet legali għal proroga ma ġewx sodisfatti (ara l-punt 23 iktar’il fuq), ma kienx hemm lok li l-kwistjoni tal-proroga tat-terminu stabbilit tiġi sottomessa lill-parti l-oħra.
58 Minn dak li ntqal isegwi li l-ħames motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.
59 Peress li ġew miċħuda l-motivi kollha tar-rikorrenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
60 Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)
taqta’ u tiddeċiedi li :
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Ir-rikorrenti, K & L Ruppert Stiftung & Co. Handels-KG, hija kkundannata għall-ispejjeż.
Meij
Pelikánová
Papasavvas
Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-tnax ta’ Diċembru 2007
E. Coulon
A. W. H. Meij
Reġistratur
President
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy