Kawża T-112/05
Akzo Nobel NV et
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Kompetizzjoni ? Akkordji fis-settur tal-prodotti tal-vitamini ? Kloru tal-kolin (vitamina B 4) ? Deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ? Imputabbiltà ta’ l-aġir li jikkostitwixxi ksur”
Sommarju tas-Sentenza
1. Rikors għal annullament — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Rikors ippreżentat minn diversi entitajiet ta’ grupp ta’ kumpanniji kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilhom multa in solidum
(Artikolu 230 KE)
2. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji
(Artikoli 81 KE u 82 KE)
3. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ammont massimu — Kalkolu
(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))
1. Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament wieħed u uniku mressaq minn diversi entitajiet ta’ grupp ta’ kumpanniji kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilhom multa in solidum, raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju jiġġustifikaw li ma tiġix eżaminata eċċezzjoni ta’ inammissibbilità mqajma fil-konfront ta’ wħud minn dawn l-entitajiet peress li, minkejja dan, ir-rikors huwa ammissibbli fir-rigward ta’ entitajiet oħrajn, b’tali mod li l-qorti għandha teżamina r-rikors fit-totalità tiegħu u b’tali mod li, f’dak li jirrigwarda l-motivi invokati fir-rikors, annullament eventwali ma jkunx jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-entitajiet li huma allegatament inammissibbli.
(ara l-punti 31-32)
2. Il-Kummissjoni tista’ tindirizza lill-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji deċiżjoni li timponi multa minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq minn waħda mill-kumpanniji sussidjarji tagħha u dan mhux għar-raġuni li teżisti relazzjoni ta’ istigazzjoni bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u, anqas u anqas, minħabba l-implikazzjoni tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur iżda minħabba l-fatt li dawn il-kumpanniji jikkostitwixxu entità ekonomika u għaldaqstant impriża waħda fis-sens ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE, jekk il-kumpanniji kkonċernati ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq.
Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent jkollha 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li tkun responsabbli għal aġir li jikkostitwixxi ksur, teżisti preżunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, u li għaldaqstant dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens indikat. Għaldaqstant hija l-kumpannija parent li, quddiem il-qorti Komunitarja, tkun qegħdha tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa għall-aġir imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha, li għandha tinverti din il-preżunzjoni billi tressaq elementi ta’ prova li jistgħu jipprovaw l-awtonomija ta’ din ta’ l-aħħar. Għaldaqstant huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ kumpannija huwa proprjeta ta’ kumpannija parent sabiex hija tikkonkludi li din ta’ l-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tagħha. Konsegwentement il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multi imposti fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, ħlief jekk din il-kumpannija parent tipprova li l-kumpannija sussidjarja essenzjalment ma taplikax d-direttivi maħruġin minnha u taġixxi, għaldaqstant, b’mod awtonomu fis-suq.
Għalkemm huwa minnu li, fil-kuntest ta’ l-analiżi ta’ l-eżistenza ta’ entità ekonomika unika komposta minn diversi kumpanniji li jiffurmaw parti minn grupp, il-qorti Komunitarja eżaminat jekk kumpannija parent setgħetx tinfluwenza l-politika tal-prezzijiet, l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, l-għanijiet tal-bejgħ, il-marġni gross, l-ispejjeż tal-bejgħ, il-“cash flow”, l-istoks u l-kummerċjalizzazzjoni, madankollu minn dan ma jistax jiġi dedott li huma biss dawn l-aspetti li jaqgħu taħt il-kunċett tal-politika kummerċjali ta’ kumpannija sussidjarja għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE fir-rigward tal-kumpannija parent. Bil-kontra ta’ dan, hija l-kumpannija parent li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kull element li jirrigwarda r-rabtiet ta’ organizzazzjoni, ekonomiċi u legali bejnha u bejn il-kumpannija sussidjarja tagħha u li hija tikkunsidra li huma ta’ natura tali li jipprovaw li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika. Matul l-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha wkoll tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha li jiġu ppreżentati quddiema mill-partijiet, fejn in-natura u l-importanza tagħhom jistgħu ivarjaw skond iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ eżaminat.
Għalhekk, fil-każ ta’ kumpannija li għandha 100 % tal-kapital tal-kumpanniji sussidjarji tagħha u li tintervjeni b’mod kunsiderevoli fir-rigward ta’ diversi aspetti essenzjali ta’ l-istrateġija tagħhom, u dan billi tirriżerva d-dritt għad-deċiżjoni finali fir-rigward ta’ serje ta’ suġġetti li jiddefinixxu d-direzzjoni ta’ l-azzjoni tagħhom fis-suq, il-preżunzjoni li tgħid li l-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika tas-sussidjarji tagħha ma tistax tiġi invertita miċ-ċirkustanza li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur ittieħdu, bħala prinċipju, mill kumpanniji sussidjarji u lanqas ma tista’ tiġi invertita mill-fatt li l-grupp huwa strutturat fuq żewġ livelli bil-għan li l-politika kummerċjali stricto sensu titneħħa mill-kontroll tal-kumpannija parent. Fil-fatt, l-imputazzjoni lill-kumpannija parent ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur mwettaq minn kumpannija sussidjarja ma teħtieġx il-prova li l-kumpannija parent tinfluwenza l-politika tal-kumpannija sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur. Min-naħa l-oħra, ir-rabtiet ta’ organizzazzjoni, ekonomiċi u legali li jeżistu bejn il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ influwenza li din ta’ l-ewwel teżerċita fuq l-istrateġija ta’ din ta’ l-aħħar u, għaldaqstant, jiġġustifikaw li dawn jiġu kkunsidrati bħala entità ekonomika waħda mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk il-kumpannija parent influwenzatx l-aġir antikompetittiv in kwistjoni.
(ara l-punti 58, 60, 62, 64-65, 82-83, 85)
3. Il-fatt li multa tiġi imposta in solidum fuq diversi kumpanniji minħabba li huma jikkostitwixxu impriża fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE ma jfissirx li, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-limitu previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], l-obbligu ta’ kull waħda minnhom huwa limitat għal 10 % tal-fatturat li hija tagħmel matul l-aħħar sena finanzjarja. Fil-fatt, il-limitu ta’ 10 %, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-fatturat konġunt tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika unika li topera bħala impriża fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE, peress li huwa biss il-fatturat konġunt tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-impriża li jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika ta’ l-impriża in kwistjoni.
(ara l-punti 90-91)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)
12 ta’ Diċembru 2007 (*)
“Kompetizzjoni – Akkordji fis-settur tal-prodotti tal-vitamini – Kloru tal-kolin (vitamina B 4) – Deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Imputabbiltà ta’ l-aġir li jikkostitwixxi ksur”
Fil-kawża T‑112/05
Akzo Nobel NV, stabbilita f’Arnhem (l-Olanda),
Akzo Nobel Nederland BV, stabbilita f’Arnhem,
Akzo Nobel Chemicals International BV, stabbilita f’ Amersfoort (L-Olanda),
Akzo Nobel Chemicals BV, stabbilita f’Amersfoort,
Akzo Nobel Functional Chemicals BV, stabbilita f’Amersfoort, inizjalment irrappreżentati minn C. Swaak u J. de Gou, imbagħad minn Swaak, M. van der Woude u M. Mollica, avukati,
rikorrenti
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Whelan u F. Amato, bħala aġenti,
konvenuta
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/566/KE tad-9 ta’ Diċembru 2004, dwar proċedura għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/E-2/37.533 – Kloru tal-kolin) (sunt fil-ĠU 2005, L 190, p. 22)
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),
komposta minn A. W. H. Meij, bħala President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,
Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ 13 ta’ Frar 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata
1 Permezz ta’ deċiżjoni 2005/566/KE, tad-9 ta’ Diċembru 2004, dwar proċedura għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/E-2/37.533 – Kloru tal-kolin), (riassunt fil-ĠU 2005, L 190, p. 22, iktar’il quddiem id-“Deċiżjoni”), il-Kummissjoni qalet li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-Żona Ekonika Ewropea (ŻEE) billi ħadu sehem f’numru ta’ akkordji u prattiċi miftehma li kienu jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq u azzjonijiet miftehma kontra l-kompetituri fis-settur tal-kloru tal-kolin fiż-ŻEE (Artikolu 1 tad-Deċiżjoni).
2 Fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, il-Kummissjoni tgħid li l-kloru tal-kolin jifforma parti mill-grupp ta’ vitamini idrosolubbli B kumplessi (vitamina B 4). Dan huwa prinċipalment użat fl-industrija ta’ l-alimentazzjoni ta’ l-annimali (tjur u majjali) bħala additiv alimentari. Dan huwa kkummerċjalizzat kemm bħala soluzzjoni 70 % likwida, kif ukoll bħala trab fuq bażi ta’ ċereali mnixxfa jew ta’ silika b’konsistenza ta’ bejn 50 u 60 %. Il-parti tal-kloru tal-kolin li ma tintużax bħala additiv alimentari għall-annimali hija rrafinata sabiex jinkiseb prodott ta’ purità ikbar (kwalità farmaċewtika). Minbarra l-produtturi, is-suq tal-kloru tal-kolin jirrigwarda, minn naħa, il-proċessuri, li jixtru l-prodott mingħand il-produtturi f’forma likwida u jipproċessawh fi kloru tal-kolin kemm f’isem il-produttur kif ukoll għalihom stess, u, min-naħa l-oħra, id-distributuri.
3 Mit-tielet premessa tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni bdiet investigazzjoni fuq livell dinji dwar is-settur tal-kloru tal-kolin, wara li f’April 1999 irċiviet talba, min-naħa tal-produttur Amerikan Bioproducts, sabiex jiġu applikati miżuri ta’ klemenza. L-investigazzjoni kopriet il-perijodu ta’ bejn l-1992 u tmiem l-1998. Fil-premessa 45 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika li l-produttur Kanadiż Chinook kien diġà kkuntattjaha fil-25 ta’ Novembru u fit-3 u s-16 ta’ Diċembru 1998 dwar l-akkordju in kwistjoni, iżda hija kienet għadha ma fetħitx l-investigazzjoni sa dak iż-żmien.
4 F’dak li jirrigwarda ż-ŻEE, l-akkordju in kwistjoni implementat, skond il-premessa 64 tad-Deċiżjoni, fuq żewġ livelli differenti, iżda marbuta strettament, il-livell dinji u l-livell Ewropew. Fuq livell dinji, il-produtturi Bioproducts (l-Istati Uniti), Chinook (il-Kanada), Chinook Group Ltd (il-Kanada), DuCoa (l-Istati Uniti), BASF AG (il-Ġermanja), UCB SA (il-Belġju) u r-rikorrenti, ħames kumpanniji tal-grupp Akzo Nobel (l-Olanda), ħadu sehem direttament jew indirettament f’attivitajiet antikompetittivi bejn Ġunju 1992 u April 1994. Essenzjalment, dawn l-attivitajiet kellhom l-iskop li jżidu l-prezzijiet fuq livell dinji, b’mod partikolari fiż-ŻEE, u li jikkontrollaw lill-proċessuri, b’mod partikolari fiż-ŻEE, sabiex jiġi ggarantit li dawn ma jqegħdux f’periklu ż-żiediet miftehma u sabiex jaqsmu s-suq dinji bl-irtirar tal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq mis-suq Ewropew bħala kontroparti ta’ l-irtirar tal-produtturi Ewropej mis-suq ta’ l-Amerika ta’ Fuq. Il-Kummissjoni identifikat disa’ laqgħat ta’ l-akkordju fuq livell dinji bejn Ġunju 1992 (f’Mexico City, il-Messiku) u April 1994 (f’Johor Bahru, il-Malażja). L-iktar laqgħa importanti kienet dik li saret f’Ludwigshafen (il-Ġermanja) f’Novembru 1992.
5 Kienu biss il-produtturi Ewropej (BASF AG, UCB SA u r-rikorrenti) li ħadu sehem fil-laqgħat li implementaw l-akkordju fuq livell Ewropew, li dam fis-seħħ minn Marzu 1994 sa Ottubru 1998. Il-Kummissjoni identifikat ħmistax-il laqa’ f’dan ir-rigward bejn Marzu 1994 (f’Schoten, il-Belġju) u Ottubru 1998 (fi Brussell, il-Belġju jew f’Aix-la-Chapelle, Il-Ġermanja). Skond il-premessa 65 tad-Deċiżjoni, dawn il-laqgħat servew sabiex jiġi segwit il-ftehim konkluż fuq livell dinji. Dawn kellhom bħala skop iż-żieda regolari tal-prezzijiet fiż-ŻEE kollha flimkien mal-qsim tas-swieq u t-tqassim tal-klijenti individwali, kif ukoll il-kontroll tal-proċessuri fl-Ewropa sabiex jinżamm livell għoli tal-prezzijiet.
6 Skond l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-arranġamenti dinjija u l-arranġamenti Ewropej kollha kienu jidħlu, f’dak li jirrigwarda ż-ŻEE, fil-kuntest ta’ proġett globali li stabbilixxa l-linji ta’ azzjoni tal-membri ta’ l-akkordju u li kien jillimita l-aġir kummerċjali individwali tagħhom bil-għan li jiġi segwit għan ekonomiku antikompetittiv uniku, jiġifieri dak li jiġu distorti l-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE. Għalhekk, skond il-Kummissjoni, l-arranġamenti konklużi fuq livell dinji u Ewropew għandhom jitqiesu bħala ksur kumpless u kontinwat uniku li jirrigwarda ż-ŻEE, f’liema ksur il-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq ħadu sehem matul ċertu żmien u l-produtturi Ewropej ħadu sehem matul il-perijodu kollu in kwistjoni.
7 F’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tad-destinatarji tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni qalet, fil-premessa 166 tagħha, li r-rikorrenti, BASF, Bioproducts, Chinook, DuCoa u UCB kellhom iġorru r-responsabbiltà tal-ksur. Min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni ma ġietx diretta kontra Ertisa, kumpannija Spanjola li kellha 50 % tas-suq Spanjol, peress li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 178, li globalment, il-provi ma kinux suffiċjenti sabiex din tinsab responsabbli tal-fatti allegati.
8 Fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ordnat lill-impriżi indirizzati mid-deċiżjoni sabiex minnufih iwaqfu l-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni safejn dawn ma kinux waqfu minn tali aġir, u sabiex minn issa ‘l quddiem, jieqfu milli jagħmlu l-atti jew jadottaw l-aġir li jikkostitwixxi ksur li kien identifikat, kif ukoll kull miżura li kellha skop jew effett identiku jew ekwivalenti.
9 Fir-rigward ta’ l-impożizzjoni tal-multi, il-Kummissjoni qieset li l-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq (Bioproducts, Chinook u DuCoa) kienu waqfu jieħdu sehem fil-ksur sa mhux iktar tard mill-20 ta’ April 1994, wara li ntemmet il-laqgħa ta’ Johor Bahru (ara l-punt 4 iktar’il quddiem). Skond il-premessa 165 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma kellhiex provi li jindikaw li kienu nżammu laqgħat oħra jew kuntatti li ħadu sehem fihom il-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq u li permezz tiegħu dawn kienu stabilixxew il-prezzijiet għaż-ŻEE jew ikkonfermaw l-impenn inizjali tagħhom li ma jesportawx lejn l-Ewropa. Peress li l-ewwel att tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan il-ksur huwa tas-26 ta’ Mejju 1999, jiġifieri iktar minn ħames snin wara t-tmiem tal-parteċipazzjoni tal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq, il-Kummissjoni ma imponiet l-ebda multa fuq dawn il-produtturi, skond l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974, li jikkonċerna l-perjodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU L 319, p. 1), u ma’ l-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1).
10 Min-naħa l-oħra, peress li l-parteċipazzjoni tal-produtturi Ewropej damet sat-30 ta’ Settembru 1998, il-Kummissjoni imponietilhom multi fl-ammont globali ta’ EUR 66.34 miljun.
11 F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-grupp Akzo Nobel, il-Kummissjoni ddeċidiet li tindirizza d-deċiżjoni in solidum kontra Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Functional Chemicals BV, Akzo Nobel Chemicals BV, Akzo Nobel Chemicals international BV u Akzo Nobel Nederland BV. Dawn l-aħħar tlieta jew il-predeċessuri tagħhom, kienu pparteċipaw direttament fil-ksur. Akzo Nobel Functional Chemicals kienet inħalqet bħala kumpannija sussidjarja ta’ Akzo Nobel Chemicals f’Ġunju 1999, meta din ta’ l-aħħar saret impriza holding. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li Akzo Nobel Functional Chemicals kienet is-suċċessur legali, fir-rigward tal-parti l-kbira ta’ l-attivitajiet fis-settur tal-kloru tal-kolin, li kienu preċedentement eżerċitati mill-kumpannija prinċipali u li, minħabba f’dan, hija kellha tkun ukoll fost id-destinatarji tad-deċiżjoni.
12 F’dak li jirrigwarda Akzo Nobel, din tikkostitwixxi unità ekonomika flimkien mal-persuni legali l-oħra tal-grupp Akzo Nobel destinatarji tad-deċiżjoni. Hija din l-unita ekonomika li kienet assumiet ir-responsabbilità tal-produzzjoni tal-kloru tal-kolin fiż-ŻEE u li keinet ipparteċipat fl-akkordju. Is-sitwazzjoni kienet tkun differenti li kieku l-kumpanniji sussidjarji operattivi ta’ Akzo Nobel kienu f’pożizzjoni li jmexxu politika kummerċjali awtonoma matul il-perijodu kkonċernat u li, effettivament, kienu jagħmlu dan. Issa, Akzo Nobel, mhux talli mhijiex sempliċiment struttura ta’ investiment iżda talli hija s-sede ta’ ċentru ġenerali għall-grupp Akzo Nobel li jikkoordina l-attivitajiet prinċipali li jirrigwardaw l-istrateġija ġenerali tal-grupp, il-finanzi, il-kwistjonijiet legali u r-riżorsi umani. Abbażi tal-funzjonijiet tagħha, Akzo Nobel kienet effettivament eżerċitat influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali tal-kumpanniji sussidjarji tagħha, li kienu kollha, direttament jew indirettament 100 % tagħha. Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kumpanniji sussidjarji ta’ Akzo Nobel ma kellhomx awtonomija kummerċjali u minħabba f’hekk li tindirizza d-deċiżjoni lil din ta’ l-aħħar, minkejja li din ma kinitx ipparteċipat individwalment fl-akkordju (premessa 172 tad-deċiżjoni).
13 In-nuqqas ta’ awtonomija kummerċjali tal-kumpanniji operattivi jew tal-fergħat kummerċjali tal-grupp Akzo Nobel huwa pprovat ukoll mid-dokumenti li Akzo Nobel ippreżentat matul il-proċedura amministrattiva, intitolati “Programmi u direzzjoni”. Mill-imsemmija dokumenti jirriżulta li l-għanijiet tal-grupp kif ukoll il-linji gwida li jirrigwardaw l-istrateġiji kummerċjali tal-fergħat kummerċjali jiġu stabbiliti mill-Bord tad-Diretturi ta’ Akzo Nobel. Dawn l-istrateġiji setgħu jiġu approvati biss jekk ikunu konformi mall-pjan strateġiku tal-grupp. Barra minn hekk, il-konfigurazzjoni tal-portafoll fil-kuntest tal-pjan strateġiku kien ukoll deċiż mill-Bord tad-Diretturi ta’ Akzo Nobel, filwaqt li l-pjan ta’ l-operat ta’ kull fergħa kummerċjali kellu jkun konformi mal-linji gwida u ma’ l-għanijiet tal-grupp kif definiti mill-imsemmi Bord tad-Diretturi. Fir-rigwarda, fl-aħħar nett, ta’ investimenti ta’ iktar minn EUR 2.5 miljun, dawn kienu jeħtieġu, skond l-impatt finanzjarju tagħhom, l-approvazzjoni tal-“Board Coommittee”, tal-“Full Board of Management” jew tas-“Supervisory Board” ta’ Akzo Nobel. Il-Bord tad-Diretturi kien jiddeċiedi wkoll fir-rigward tat-tqassim tal-profitti u tad-dividendi, kif ukoll dwar l-impjegar, il-ħlasijiet u t-tkeċċija mix-xogħol (premessa 173 tad-deċiżjoni).
14 Akzo Nobel SpA, li kienet destinatarja tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet minħabba li kienet suspettata li ħadet sehem f’attivitajiet illegali li jikkonċernaw is-suq Spanjol tal-Kloru tal-Kolin, ma kinitx indirizzata mid-deċiżjoni peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-provi miġbura ma kinux suffiċjenti sabiex jistabbilxxu r-responsabbiltà tagħha (premessa 176 tad-deċiżjoni).
15 L-ammont tal-multi ġie stabbilit mill-Kummissjoni skond il-linji gwida tagħha għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p.3) kif ukoll skond il-komunikazzjoni tagħha tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-non impożizzjoni tal-multi, jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU C 207, 1996, p. 4)
16 Sabiex tiddetermina l-ammont inizjali tal-multi, il-Kummissjoni indikat li hija kellha tagħmel trattament differenzjat bejn il-kumpanniji involuti sabiex tieħu in kunsiderazzjoni differenzi bejn il-kapaċità ekonomika effettiva tagħhom li jkunu ta’ dannu għall-kompetizzjoni. Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li l-ksur seħħ fuq livell dinji, bil-parteċipazzjoni ta’ kummpanniji mill-Amerika ta’ fuq li kienu aċċettaw, b’mod partikolari, li jirtiraw mis-swieq Ewropej, il-Kummissjoni qieset li hija kellha tibbaża ruħha fuq l-ishma tas-suq dinji ta’ l-impriżi li ħadu sehem fil-ksur sabiex tiddetermina l-importanza rispettiva tagħhom (premessi 200 u 201 tad-Deċiżjoni).
17 Għalhekk, abbażi ta’ kif kienu mqassma l-ishma tas-suq dinji fl-1997, il-Kummissjoni kklassifikat lir-rikorrenti fit-tielet kategorija b’sehem tas-suq ta’ 12 %. Sabiex tassigura effett dissważiv suffiċjenti, il-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatturat ta’ Akzo Nobel għall-2003 (EUR 13 il-biljun), immultiplikat l-ammont inizjali b’fattur ta’ 1.5.
18 Wara dan, il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali b’10 % għal kull sena sħieħa li matulu dam għaddej il-ksur u b’5 % għal kull perijodu addizzjonali ta’ sitt xhur jew iktar iżda li kien inqas minn sena. Peress li l-ksur dam għaddej għall minn ta’ l-inqas ħames snin u ħdax-il xahar (mit-13 ta’ Ottubru 1992 sat 30 ta’ Settembru 1998), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali b’55%. Għalhekk, l-ammont bażiku tal-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti ġie stabbilit għal EUR 29.99 miljun.
19 F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar in-non impożizzjoni ta’ ammendi u t-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw l-akkordji fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza ta’ komunikazzjoni volontarja li saret fit-8 ta’ Jannar 2002, dwar ħames laqgħat fuq livell ewropew. Huwa b’dan il-mod li, fil-premessa 233 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi l-prova tal-portata u tat-tul ta’ żmien li matulu dam għaddej il-ksur fuq livell Ewropew. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkuntestawx il-materjalita tal-fatti esposti mill-Kummissjoni. Għalhekk il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti setgħu jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ 30 % ta’ l-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta lilhom fin-nuqqas ta’ tali kooperazzjoni (premessi 233 sa 236 tad-Deċiżjoni).
20 Wara din il-procedura, l-multa imposta fuq ir-rikorrenti ġiet iffissata għal ammont ta’ EUR 20.99 miljun.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
21 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Marzu 2005, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.
22 Permezz ta’ atti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Frar (irreġistrat bir-referenza T-111/05) u fl-1 ta’ Marzu 2005 (irreġistrat bir-referenza T-101/05), UCB u BASF, li ukoll kienu destinatarji tad-deċiżjoni, kienu separatament ressqu rikorsi kontra din ta’ l-aħħar.
23 Permezz tad-digriet tas-7 ta’ Settembru 2006, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċieda, wara li sema lill-partijiet, li jgħaqqad il-kawżi T-101/05, T-111/05 u kif ukoll din il-kawża għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
24 Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamlet mistoqsija bil-miktub lill-partijiet.
25 Permezz tad-digriet tagħha fil-kawżi T-101/05 u T-111/05 il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li għall-finijiet tas-sentenza tissepara din il-kawża mill-kawżi T-101/05 u T-111/05, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.
26 Ir-rikorrenti jitolbu sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
27 Il-Kummissjoni titlob sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew manifestament infondat f’dak li jirrigwarda Akzo Nobel Nederland, Akzo Nobel Chemicals International u Akzo Nobel Chemicals;
– tiċħad il-kumplament tar-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż..
Id-dritt
28 Ir-rikorrenti ressqu tliet motivi, l-ewwel wieħed bbazat fuq l-imputazzjoni żbaljat ta’ responsabbiltà in solidum lill-Akzo Nobel, it-tieni wieħed ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 safejn l-ammont tal-multa kien jaqbez l-10 % tal-fatturat li Akzo Nobel Functional Chemicals għamlet fl-2003 u t-tielet wieħed ibbażat fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ l-imputazzjoni tar-responsabbiltà in solidum lill-Akzo Nobel.
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward ta’ Akzo Nobel Nederland, ta’ Akzo Nobel Chemicals International u ta’ Akzo Nobel Chemicals
L-argumenti tal-partijiet
29 Skond il-Kummissjoni, ir-rikors, li għandu jiġi analizzat bħala ħames rikorsi individwali, ma jinkludix motivi li jistgħu jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa imposta fuq Akzo Nobel Nederland, Akzo Nobel Chemicals International u Akzo Nobel Chemicals. Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda dawn it-tliet rikorrenti, ir-rikors mhuwiex konformi ma’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ma’ l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim‛Istamza. F’kull każ, fir-rigward ta’ dawn ir-rikorrenti r-rikors għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.
30 Ir-rikorrenti jqisu li r-rikors huwa ammissibbli f’dak li jirrigwarda Akzo Nobel Nederland, Akzo Nobel Chemicals International u Akzo Nobel Chemicals. Huma jenfasizzaw li r-rikors jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim‛Istamza u jsostnu li l-possibbiltà li d-deċiżjoni tiġi annullata jiġġustifika l-interess tagħhom li jaġixxu.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
31 Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, peress li dan huwa rikors wieħed li huwa ammissibbli f’dak li jirrigwarda Akzo Nobel u Akzo Nobel Functional Chemicals, mhemmx lok li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni mqajma mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I-1125, punti 30 u 31).
32 F’dan ir-rigward, l-argument li l-Kummissjoni ressqet matul is-seduta, li jgħid li l-evalwazzjoni esposta fil-punt preċedenti tapplika biss fil-każ fejn l-annullament deċiż ikun ta’ benefiċċju għal kull persuna indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk hija resqitx rikors, mhuwiex biżżejjed sabiex jagħmel l-eżami ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni neċessarja. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multi fuq diversi entitajiet abbażi ta’ l-Artikolu 81 KE m’għandiex tkun ta’ benefiċċju għal dawk li ma jkunux ressqu rikors (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C-310/97 P, Ġabra p. I-5363, punt 63), jew li fir-rigward tiegħu r-rikors huwa inammissibbli, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ma spjegatx b’liema mod eventwali annullament tad-deċiżjoni abbażi tal-motivi esposti fil-punt 30 iktar’il fuq tista’ tkun ta’ benefiċċju għal Akzo Nobel Nederland, Akzo Nobel Chemicals International u għal Akzo Nobel Chemicals. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess fil-kontroreplika tagħha ssostni li, fid-dawl tal-motivi mressqa fir-rikors, annullament eventwali jista’ jikkonċerna biss ir-responsabbiltà tal-kumpannija ewlenija tal-grupp jew l-ammont tal-multa imposta fuq Akzo Nobel Functional Chemicals. Barra minn dan, anke jekk jitqies li Akzo Nobel Nederland, Akzo Nobel Chemicals International u Akzo Nobel Chemicals mhumiex ammissibbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha xorta waħda teżamina r-rikors kollu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju jiġġustifikaw li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà imqajma mill-Kummissjoni ma tiġix eżaminata.
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata ta’ responsabbiltà in solidum lill-Akzo Nobel
L-argumenti tal-partijiet
33 Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta imponiet il-multa in solidum lill-Akzo Nobel, kumpannija ewlenija tal-grupp li kellha, direttament jew indirettament, 100 % tal-kapital tal-kumpanniji sussidjarji tagħha. Huma jesponu l-istruttura organizzattivi u legali tal-grupp Akzo Nobel kif ġej. L-istruttura organizzattivi hija komposta minn ċentru ġenerali (Akżo Nobel NV), minn friegħi kummerċjali u minn sotto friegħi kummerċjali. Fil-fatt l-attivitajiet tal-grupp huma organizzati b’tali mod li fergħa jew sotto fergħa kummerċjali tibda attivita mwettqa minn diversi kumpanniji sussidjarji ta’ Akzo Nobel, per eżempju, is-sotto fergħa tal-metilamini u tal-kloru tal-kolin jinkludu attivitajiet imwettqa minn diversi kumpanniji sussidjarji ta’ Akzo Nobel. L-istruttura legali tinkludi lill-Akzo Nobel, bħala kumpannija ewlenija tal-grupp, u kif ukoll iktar minn 1000 entità legali li huma, direttament jew indirettament, 100 % ta’ din il-kumpannija. Dawn l-entitajiet legali għandhom jiġu kkunsidrati bħala proprjetarji ta’ portafolli li jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali amministrati mill-fergħat u sotto fergħat kummerċjali. F’dan il-każ, Akzo Nobel Chemicals International, Akzo Nobel Chemicals u Akzo Nobel Functional Chemicals huma l-proprjetarji, b’mod partikolari, ta’ l-attività imwettqa mis-sotto fergħa tal-metilamini u tal-kloru tal-kolin. Minn dan jirriżulta li l-istrutturi organizzattivi u legali tal-ġrupp Akzo Nobel huma paralleli.
34 Għalhekk dan il-grupp jinkludi, mill-perspettiva organizzattivi, żewġ livelli: ċentru ġenerali responsabbli mill-kwistjonijiet strateġiċi (investimenti prinċipali, finanzi, kwistjonijiet legali, riżorsi umani) u 20 fergħa kummerċjali fuq livell direttament inferjuri. Kull fergħa għandha direttur ġenerali, grupp ta’ amministrazzjoni, servizzi ġenerali kif ukoll responsabbli inkarigati mill-amministrazzjoni operattiva kollha tagħha. Sakem l-amministrazzjoni tal-fergħa kummerċjali jirrispettaw l-għanijiet finanzjarji strateġiċi stabbiliti u approvati minn Akzo Nobel, din l-amministrazzjoni hija effettivament awtonoma u marbuta biss mill-“business prinċiples” (il-valuri essenzjali tad-dinja tal-kummerċ, bħall-ispirtu ta’ impriża, l-integrità professjonali, ir-responsabbiltà tal-kumpannija, etc) u l-“corporate directives” (id-direttivi ta’ l-impriża, fir-rigward ta’ kwistjonijiet legali u fiskali, ta’ riżorsi umani, ta’ saħħa, ta’ sigurtà u ta’ ambjent, etc) li japplikaw għall-grupp Akzo Nobel. Kull fergħa hija komposta minn sotto friegħi provvisti b’korpi ta’ amministrazzjoni. F’dan il-każ, l-attivitajiet kummerċjali fil-qasam tal-kloru tal-kolin kienu eżerċitati minn Akzo Nobel Chemicals, Akzo Nobel Functional Chemicals u Akzo Nobel Chemicals SpA.
35 Huma l-fergħat jew sotto fergħat kummerċjali inkarigati mill-qasam ikkonċernat li jiddeterminaw, b’mod awtonomu minn Akzo Nobel, il-politika, l-istrateġija u l-operazzjonijiet kummerċjali. Madankollu, dan ma jfissirx li dawn il-friegħi jew sotto friegħi għandhom l-istess setgħa deċiżjonali bħall dik tal-kumpanniji sussidjarji. Fil-fatt huwa huwa impossibbli li jiġi kkunsidrat li kull fergħa jew sotto fergħa kummerċjali tiddetermina l-politika kummerċjali tad-diversi kumpanniji sussidjarji.
36 Skond l-analiżi tal-ġurisprudenza esposta minn Akzo Nobel, l-influwenza determinanti, li l-kumpannija prinċipali għandha teżerċita sabiex din tkun tista’ tiġi imputata bir-responsabbiltà ta’ l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, għandha tkun tikkonċerna l-politika kummerċjali stricto sensu ta’ din ta’ l-aħħar. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tipprova, l-ewwel nett, li kien possibbli li l-kumpannija prinċipali teżerċita setgħa ta’ amministrazzjoni b’tali mod li tneħħi kull awtonomija fir-rigward tad-direzzjoni ta’ l-azzjoni kummerċjali u, it-tieni nett, il-fatt li din is-setgħa ġiet effettivament użata.
37 Madankollu, ir-rikorrenti jindikaw li mill-ġurisprudenza jirriżulta li kumpannija 100 % sussidjarja tista’ tiġi preżunta li applikat l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex il-Kummissjoni tkun obbligata, f’każ bħal dan, li tikkunsidra bħala responsabbli biss lill-kumpannija sussidjarja, huwa meħtieġ li din ta’ l-aħħar tiddetermina l-politika kummerċjali tagħha prinċipalment hija stess. Meta din iċ-ċirkustanza tiġi stabbilita, hija mill-ġdid il-Kummissjoni li għandha tipprova li l-kumpannija prinċipali kienet effettivament eżerċitat influwenza determinanti fil-każ konkret. Minn dan jirriżulta li organizzazjoni unitarja bħal dik tal-grupp Akzo Nobel mhijiex biżżejjed, fiha nfisha, sabiex teżonera lill-Kummissjoni milli tressaq il-prova li l-kumpannija prinċipali kienet effettivament implikata. Barra minn dan, Akzo Nobel issostni li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-prattika deċiżjonali tagħha, u l-qrati Komunitarji dejjem jużaw elementi fattwali sabiex isostnu l-preżunzjonijiet in kwistjoni.
38 Il-kumpanniji sussidjarji ta’ Akzo Nobel jiddeterminaw il-politika kummerċjali tagħhom prinċipalment huma nfushom, peress li kull waħda minnhom għandha l-korp deċiżjonali tagħha. Peress li Akzo Nobel ma teżerċita l-ebda attività kummerċjali u la tipproduċi u lanqas ma tiddistribwixxi xi prodott, hija m’għandha l-ebda setgħa ta’ amministrazzjoni fir-rigward tagħhom b’tali mod li tneħħilhom kull awtonomija reali fid-determinazzjoni tad-direzzjoni ta’ l-azzjoni tagħhom fis-suq. Akzo Nobel tiddefinixxi sempliċement l-istrateġija makroekonomika ġenerali tal-grupp mingħajr ma teżiġi li jkollha rwol fid-deċiżjonijiet ta’ natura purament kummerċjali. Id-deċiżjonijiet fuq il-prezzijiet tal-bejgħ u ż-żida tagħhom jittieħdu, bħala prinċipju, fi ħdan kull kumpannija sussidjarja mid-diretturi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti in kwistjoni. Għalhekk Akzo Nobel hija biss responsabbli mill-kwistjonijiet strateġiċi prinċipali (finanzi, kwistjonijiet legali, regoli u politika fil-qasam tas-saħħa, sigurtà, ambjent, etc.), u dan jeskludi l-kwistjonijiet ta’ politika kummerċjali. Għaldaqstant, ir-responsabbiltà fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ politika kummerċjali hija tal-fergħat u sotto fergħat kummerċjali, li tagħhom jaqgħu l-kumpanniji sussidjarji operattivi kollha tal-grupp.
39 Il-magażin internazzjonali intern maħruġ minn Akzo Nobel jesponi struttura partikolarment dettaljata fi ħdan il-kumpanniji sussidjarji tagħha. Issa, din l-istruttura tkun inutli jekk il-politika kummerċjali tiġi deċiża mill-Bord tad-Diretturi ta’ Akzo Nobel. Madankollu, ebda kumpannija prinċipali li tkun il-proprjeta tal-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja tagħha ma tħalli lill din ta’ l-aħħar topera mingħajr l-ebda kontroll. Għalhekk Akzo Nobel tiddetermina l-politika u r-regoli fir-rigward tas-saħħa, tas-sigurtà, ta’ l-ambjent, ta’ l-identità tal-kumpannija u tal-ftehim kollettivi li l-kumpanniji sussidjarji tagħha huma obbligati li jsegwu. Issa, dan it-tip ta’ kontroll ma jistax jiġi assimilat ma kontroll tal-politika kummerċjali strictu sensu tal-kumpanniji sussidjarji.
40 Barra minn hekk, peress li kull waħda mill-kumpanniji sussidjarji implikati f’din il-proċedura għandha l-Bord ta’ Diretturi tagħha, il-politika kummerċjali (iffissar tal-prezzijiet, distribuzzjoni) tiġi deċiża fuq livell tal-fergħat u s-sotto fergħat kummerċjali responsabbli mil-prodott ikkonċernat. Il-fatturat magħmul fis-settur tal-kloru tal-kolin jinstab fil-kontabbiltà ta’ Akzo Chemicals, ta’ Akzo Nobel Functional Chemicals u ta’ Akzo Nobel Chemicals SpA.
41 Id-direttur tal-kummerċjalizzazzjoni responsabbli mill-kloru tal-kolin huwa, kif indikat fid-deskrizzjoni tal-kariga tiegħu, inkarigat prinċipalment li jistabbilixxi l-abbozz tal-pjan ta’ bejgħ f’dak li jirrigwarda l-kwantitajiet, il-prezzijiet, il-gamma ta’ prodotti u l-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni. In-nuqqas ta’ provi dokumentarji li jsostnu l-allegazzjonijiet kollha fattwali ma jistax inaqqas il-valur probanti ta’ l-elementi ppreżentati minn Akzo Nobel, fid-dawl tal-fatt, b’mod partikolari, li hija ppreżentat diversi provi matul il-proċedura amministrattiva.
42 Peress li l-preżunzjoni in kwistjoni ġiet, abbażi ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, invertita, ir-rikorrenti jqisu li t-teżi tal-Kummissjoni kienet tkun valida li kieku Akzo Nobel kienet ħarġet l-istruzzjonijiet li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq tal-kloru tal-kolin. Issa, kumpannija prinċipali komposta minn aktar minn 1 000 il-entita legali ma tistax, materjalment, tagħti istruzzjonijiet, anke jekk lill-kumpannija sussidjarja waħda, fil-qasam ta’ politika ta’ prezzijiet jew ta’ aġir kummerċjali. Il-Kummissjoni la pprovat li Akzo Nobel kienet taf dwar il-ksur, la li kienet direttament implikata fih u lanqas li kienet ħarġet istruzzjonijiet lill-kumpanniji sussidjarji tagħha sabiex iwettqu dan il-ksur. L-elementi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni sabiex ir-responsabbiltà tal-ksur tiġi imputata in solidum lill-Akzo Nobel ma jirrigwardawx il-politika kummerċjali strictu sensu tal-kumpanniji sussidjarji. Peress li r-rikorrenti urew li s-sotto fergħa tal-metilamini u tal-kloru tal-kolin kienet, minn ta’ l-anqas, tgawdi minn awtonomija kummerċjali wiesa’, il-Kummissjoni kellha tipprova li Akzo Nobel kienet teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tar-rikorrenti l-oħra u fuq is-sotto fergħa kummerċjali tal-metilamini u tal-kloru tal-kolin. Issa, il-Kummissjoni ma ssodisfatx dan l-obbligu peress li Akzo Nobel ma kella l-ebda raġuni sabiex teżerċita tali influwenza.
43 F’dan il-kuntest, mhuwiex wisq rilevanti li tiġi identifikata l-persuna fiżika jew legali li taħtar il-viċi-president tal-grupp, id-diretturi u l-persuni l-oħra tas-sotto fergħa tal-metilamini u tal-kloru tal-kolin u li lilha dawn ta’ l-aħħar għandhom jagħtu r-rendikont tagħhom. Il-kwistjoni ewlenija hija dik ta’ jekk Akzo Nobel eżerċitatx kontroll determinanti fuq il-politika kummerċjali tal-kumpanniji sussidjarji tagħha jew fuq din is-sotto fergħa kummerċjali. jista’ anke jiġi sostnut li s-sotto fergħa tal-metilamini u tal-kloru tal-kolin għandha tkun id-destinatarja tad-deċiżjoni.
44 Ir-rikorrenti josservaw li, jekk l-entitajiet legali kollha tas-settur tal-kloru tal-kolin għandhom jiġu kkunsidrati bħala unità ekonomika waħda, għaldaqstant ma jkun hemm l-ebda raġuni li Akzo Nobel Chemicals tiġi eskluża mill-isfera tad-destinatarji tad-deċiżjoni biss minħabba li l-Kummissjoni ma kelliex provi suffiċjenti sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ din ta’ l-aħħar. Barra minn dan, din l-esklużjoni hija f’kuntradizzjoni mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li Akzo Nobel hija l-unika konnessjoni bejn il-produzzjoni tal-kloru tal-kolin fl-Italja u l-produzzjoni ta’ dan il-prodott fl-Olanda.
45 Ir-rikorrenti jenfasizzaw li matul il-proċedura amministrattiva Akzo Nobel qatt ma ppreżentat ruħha bħala l-unika interlokutur mall-Kummissjoni. Aktar minn hekk, kull waħda mir-rikorrenti kienet tagħat mandat separat lill-avukati li kienu jirrappreżentawhom.
46 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq u fid-dawl tal-fatt li l-elementi, minbarra dawk li jirrigwardaw il-proprjeta tal-kapital kollu, li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni huma jew irrilevanti jew żbaljati, Akzo Nobel tikkunsidra li hija invertiet il-preżunzjoni li tirrigwarda r-responsabbiltà tal-kumpannija ewlenija tal-grupp. Peress li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda element li juri li Akzo Nobel kienet teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tal-kumpanniji sussidjarji tagħha, dan il-motiv għandu jiġi milqugħ.
47 Il-Kummissjoni tenfasizza li, skond il-ġurisprudenza, kumpannija prinċipali tista’ tiġi preżunta li teżerċita influwenza determinanti fuq kumpannija sussidjarja meta l-aġir ta’ din ta’ l-aħħar ikun essenzjalment suġġett għall istruzzjonijiet maħruġa minn din ta’ l-ewwel, jiġifieri meta l-kumpannija prinċipali tiddefinixxi d-direzzjoni ġenerali ta’ l-istrateġija u ta’ l-operazzjonijiet kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Il-ġurisprudenza ma teżiġix li l-kumpannija prinċipali tagħti istruzzjonijiet lill-kumpannija sussidjarja tagħha sabiex din twettaq il-ksur b’tali mod li l-Kummissjoni tkun tista’ tindirizzala d-deċiżjoni li timponi multa. Għalhekk huwa biżżejjed li l-kumpannija prinċipali tkun eżerċitat influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ġenerali tal-kumpanniji sussidjarji tagħha sabiex ir-responsabbiltà in solidum tagħha tiġi stabbilita, mingħjr ma l-Kummissjoni tkun obbligata li tipprova li l-kummpannija prinċipali kienet taf dwar il-ksur u li kienet direttament implikata fih.
48 Mill-ġurisprudenza jirriżulta li sabiex din il-preżunzjoni tiġi invertita jeħtieġ li jiġi pprovat jew li l-kumpannija prinċipali ma kinitx f’pożizzjoni li tinfluwenza b’mod determinanti l-politika kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja tagħha, jew inkella li l-kumpannija sussidjarja kienet effettivament awtonoma. Konsegwentement għandu jintwera, permezz ta’ elementi ta’ prova suffiċjenti, li l-kumpannija prinċipali ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita, jew li effettivament ma eżerċitatx, influwenza determinanti fuq id-direzzjoni ġenerali ta’ l-istrateġija u ta’ l-operazzjonijiet kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja tagħha, minkejja l-fatt li hija kienet proprjetarja ta’ 100 % tal-kapital tagħha. Min-naħa l-oħra, mhuwiex biżżejjed li jintwera li l-kumpannija sussidjarja wettqet l-attivitajiet tagħha fil-parti l-kbira minn jedda u li hija kellha l-Bord tad-Diretturi tagħha, ħaġa li f’kull każ ma ġietx ipprovata f’din il-kawża.
49 Ir-rikorrenti mhumiex iġġustifikati li jallegaw li huma invertew il-preżunzjoni li tirrigwarda lill-Akzo Nobel permezz ta’ elementi pprvduti bħala risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u lanqas ma jistgħu jikkontestaw il-legalita tad-deċiżjoni abbażi ta’ dokumenti li ma ġewx ippreżentati matul il-proċedura amministrattiva.
50 L-elementi pprovduti mir-rikorrenti mhumiex suffiċjenti sabiex tiġi invertita l-preżunzjoni fir-rigward ta’ Akzo Nobel. Fil-fatt, ir-rikorrenti la identifikaw l-entitajiet legali li jaħtru l-viċi president tal-grupp u d-diretturi tal-fergħat kummerċjali u lanqas il-persuni jew l-entitajiet li fuqhom jiddependu dawn il-viċi presidenti. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li tista’ raġjonevolment tissuponi li l-viċi presidenti tal-grupp jinħatru minn Akzo Nobel u li dawn għandhom jagħtu rendikont ta’ l-aġir tagħhom lil din l-aħħar kumpannija.
51 Fir-rikors ir-rikorrenti jindikaw li l-politika kummerċjali tal-kumpanniji sussidjarji ma tiġix deċiża minn dawn ta’ l-aħħar iżda mill-fergħat u mis-sotto fergħat kummerċjali, li fir-rigward tiegħu l-amministrazzjoni ta’ Akzo Nobel għandha l-koordinazzjoni u d-direzzjoni. Il-fatt li l-kumpanniji sussidjarji rikorrenti għandhom Bord tad-Diretturi mhux neċessarjament ifisser li huma kienu jieħdu d-deċiżjonijiet kummerċjali fundamentali tagħhom li jikkonċernaw il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-kloru tal-kolin f’awtonomija sħiħa. L-appartenenza tagħhom għas-sotto fergħa kummerċjali tal-metilamini u tal-kloru tal-kolin, li għandha korpi ta’ amministrazzjoni, tixhed il-kontra ta’ dan. Fid-dawl tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-amministrazzjoni ta’ kull sotto fergħa kummerċjali għandha tagħti rendikont lill-amministrazzjoni ta’ unità kummerċjali, il-Kummissjoni tippreżumi li l-amministrazzjoni ta’ kull unità kummerċjali għandha tagħti rendikont, min-naħa tagħha, lill-amministrazzjoni ta’ Akzo Nobel. Huwa preċiżament dan l-obbligu li jiġġustifika li l-grupp Akzo Nobel jiġi kkwalifikat bħala “unità ekonomika”. Anke jekk jiġi meqjus li d-direttur tal-kummerċjalizzazzjoni tal-fergħa kummerċjali tal-kloru tal-kolin jiddeċiedi l-prezzijiet tal-prodott b’mod kompletament awtonomu, dan jikkonferma n-nuqqas ta’ awtonomija tal-kumpanniji sussidjarji tal-grupp u ma jeskludix influwenza determinanti min-naħa ta’ Akzo Nobel.
52 Barra minn dan, il-Kummissjoni tqis li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija kellha tindirizza d-deċiżjoni lis-sotto fergħa kummerċjali tal-metilamini u tal-kloru tal-kolin għandu jiġi miċħud minħabba l-fatt li s-sotto fergħa ma tikkostitwixxix entità legali, l-uniċi entitajiet legali huma l-kumpanniji sussidjarji li jiffurmaw parti mill-grupp ikkoordinat minn Akzo Nobel. dawn l-entitajiet legali ma jistgħux jeħilsu mir-responsabbiltà tagħhom biss minħabba l-fatt li huma huma strutturatti f’unitajiet neqsin minn personalità legali. Aktar minn hekk, il-kwalità ta’ Akzo Nobel bħala azzjonista uniku tal-kumpanniji sussidjarji tagħha tagħtiha, bħala tali, is-setgħha li essenzjalment tikkontrolla d-direzzjoni ta’ l-azzjoni tagħhom.
53 Barra minn hekk, id-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti juru biss li d-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ kuljum li jirrigwardaw il-kloru tal-kolin jittieħdu mill-membri ta’ l-amministrazzjoni tas-sotto fergħa kummerċjali tal-metilamini u tal-kloru tal-kolin, mingħajr ma jidentifikaw il-persuni li jaħtru u jimpjegaw l-imsemmija membri. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma invertewx il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà ta’ Akzo Nobel.
54 F’kull każ, ir-responsabbiltà ta’ Akzo Nobel hija ġġustifikata abbażi ta’ elementi oħrajn apparti l-preżunzjoni li tirrigwarda l-proprjeta ta’ 100 % tal-kapital tal-kumpanniji sussidjarji tagħha. Fil-fatt, mill-programmi ta’ amministrazzjoni huwa pprovat li kull proġett ta’ unità kummerċjali jeħtieġ investiment li jirrikjedi l-approvazzjoni tal-kumitat ta’ amministrazzjoni jew tas-“Supervisory Board” ta’ Akzo Nobel skond id-daqs ta’ l-investiment in kwistjoni. Is-sehem li Akzo Nobel għandha fil-ħatra tad-diretturi ta’ kull unità kummerċjali kif ukoll l-inkarigi amministrattivi tagħha juru li hija topera bħala unità ekonomika waħda flimkien ma dawn l-unitajiet kummerċjali. L-indipendenza kummerċjali ma tikkonċernax biss id-deċiżjonijiet ta’ importanza sekondarja, bħal bejgħ ta’ kuljum, iżda wkoll id-deċiżjonijiet iktar importanti, bħal ħatra tad-diretturi, id-determinazzjoni ta’ l-għanijiet kummerċjali u l-għażla ta’ l-investituri. Issa, Akzo Nobel hija l-entità inkarigata sabiex tiddeċiedi fuq dawn il-kwistjonijiet.
55 Il-fatt li Akzo Nobel, Akzo Nobel Nederland, Akzo Nobel Chemicals International u Akzo Nobel Chemicals ma kienu jeżerċitaw l-ebda attività kummerċjali jikkonferma wkoll il-konklużjoni li tgħid li l-ebda waħda minn dawn l-entitajiet legali ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala li fiha nfisha tikkostitwixxi operatur ekonomiku awtonomu.
56 Barra minn hekk Akzo Nobel tikkostitwixxi l-uniku ness ta’ proprjeta bejn l-attiviatjiet tas-settur tal-kloru tal-kolin fl-Italja u dawk ta’ l-Olanda. Din il-konstatazzjoni bl-ebda mod mhija kuntraddittorja mad-deċiżjoni li Akzo Nobel Chemicals SpA tiġi eskluża minn fost id-destinatarji tad-deċiżjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni m’għandha l-ebda prova li turi li din l-entità ħadet sehem fil-ksur. Aktar minn hekk, din ta’ l-aħħar mhijiex kumpannija ta’ amministrazzjoni responsabbli mill-aġir ta’ l-entitajiet direttament implikati. F’kull każ, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li timputa r-responsabbiltà fuq l-entitajiet legali kollha li, flimkien, jiffurmaw impriża. Ir-rappreżentazzjoni komuni tar-rikorrenti hija wkoll element li jixhed favur l-analiżi tal-Kummissjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
– Osservazzjonijiet preliminari fuq l-imputabbiltà ta’ l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija sussidjarja lill-kumpannija prinċipali.
57 Għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ impriża fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE jinkludi entitajiet ekonomiċi li kull waħda minnhom tikkostitwixxi organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, materjali u immaterjali li jippersegwu fit-tul skop ekonomiku determinat, organizzazzjoni li tista’ tikkontribwixxi għat-twettieq ta’ ksur previst minn din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
58 Għalhekk mhijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni, fir-rigward tal-ksur, bejn il-kumpannija prinċipali u l-kumpannija sussidjarja u anqas u anqas ma hija l-implikazzjoni tal-kumpannija prinċipali fil-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li dawn kienu jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens espost aktar’il fuq li jawtorizza lill-Kummissjoni li tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija prinċipali ta’ grupp ta’ kumpanniji. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju jirrikonoxxi l-fatt li diversi kumpanniji li jkunu jiffurmaw parti mill-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika, u għaldaqstant impriża fis-sens ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE, jekk il-kumpanniji kkonċernati ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003 Michelin vs Il-Kummissjoni, T-203/01, Ġabra p. II-4071, punt 290).
59 Għandu wkoll jiġi osservat li, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni u t-twettieq tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, huwa meħtieġ li tiġi identifikata, bħala destinatarja, entità li jkollha personalità legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra. p. II-931, punt 978).
60 Fil-każ partikolari fejn kumpannija prinċipali jkollha 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li tkun responsabbli għal aġir li jikkostitwixxi ksur, teżisti prezunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija prinċipali teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 50 u s-sentenza PVC II, punt 59 iktar’il fuq, punti 961 u 984), u li għaldaqstant dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-71/03, T-74/03, T 87/03 u T-91/03, Ġabra p. II-10, punt 59). Għaldaqstant hija l-kumpannija prinċipali li, quddiem il-qorti Komunitarja, tkun qegħdha tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa għall-aġir imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha, li għandha tinverti din il-preżunzjoni billi tressaq elementi ta’ prova li jistgħu jipprovaw l-awtonomija ta’ din ta’ l-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni, T-314/01, Ġabra p. I-1331, punt 136; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, iktar’il quddiem is-“sentenza Stora”, punt 29).
61 F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm huwa minnu, li fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora, punt 60 iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat, apparti l-proprjeta ta’ 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ l-influwenza li l-kumpannija prinċipali eżerċitat fuq il-politika kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja esponiet li l-imsemmija ċirkustanzi biss sabiex tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ibbażat ir-raġunament tagħha sabiex tikkonkludi li dan ma kienx ibbażat biss fuq il-fatt li l-kumpannija prinċipali kienet il-proprjetarja tal-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja. Għaldaqstant, il-fatt li l-Qorti kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’din il-kawża ma jwassalx sabiex il-prinċipju stabbilit fil-punt 50 tas-Sentenza AEG vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar’il fuq, jiġi mibdul.
62 F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ kumpannija huwa proprjeta ta’ kumpannija prinċipali sabiex hija tikkonkludi li din ta’ l-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tagħha. Konsegwentement il-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tikkunsidra lill-kumpannija prinċipali bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multi imposti fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, ħlief jekk din il-kumpannija prinċipali tipprova li l-kumpannija sussidjarja essenzjalment ma taplikax id-direttivi maħruġin minnha u taġixxi, għaldaqstant, b’mod awtonomu fis-suq.
63 Għandu jiġi eżaminat ukoll, fil-kuntest ta’ l-osservazzjonijiet preliminarji preżenti, l-argument prinċipali li jinsab fis-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-rikorrenti li jgħid li l-preżunta influwenza tal-kumpannija principali minħabba l-fatt li hija l-proprjetarja tal-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja tagħha tirrigwarda l-politika kummerċjali strictu sensu tagħha (ara l-punt 36 iktar’il fuq). Skond ir-rikorrenti taħt din il-politika jaqgħu, per eżempju, l-istrateġija ta’ distribuzzjoni u l-iffissar tal-prezzijiet. Għaldaqstant, il-kumpannija prinċipali tista’, skond dan l-argument, tinverti l-preżunzjoni billi turi li hija din il-kumpannija sussidjarja li tamministra dawn l-aspetti speċifiċi tal-politika kummerċjali tagħha u dan mingħajr ma tirċevi direttivi f’dan ir-rigward.
64 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ l-analiżi ta’ l-eżistenza ta’ entità ekonomika unika komposta minn diversi kumpanniji li jiffurmaw parti minn grupp, il-qorti Komunitarja eżaminat jekk kumpannija prinċipali setgħetx tinfluwenza l-politika tal-prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 137, u Geigy vs Il-Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 45), l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punti 37 u 39 sa 41), l-għanijiet tal-bejgħ, il-marġni gross, l-ispejjeż tal-bejgħ, il-“cash flow”, l-istoks u l-kummerċjalizzazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il-Kummissjoni, T-102/92, Ġabra p. II-17, punt 48). Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li huma biss dawn l-aspetti li jaqgħu taħt il-kunċett tal-politika kummerċjali ta’ kumpannija sussidjarja għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE fir-rigward tal-kumpannija prinċipali.
65 Bil-kontra ta’ dan, minn din il-ġurisprudenza, moqrija flimkien mall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 57 u 58 iktar’il fuq, jirriżulta li hija l-kumpannija prinċipali li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kull element li jirrigwarda r-rabtiet ta’ organizzazzjoni, ekonomiċi u legali bejnha u bejn il-kumpannija sussidjarja tagħha u li hija tikkunsidra li huma ta’ natura tali li jipprovaw li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika. Minn dan jirriżulta wkoll li, matul l-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha li jiġu ppreżentati quddiema mill-partijiet, fejn in-natura u l-importanza tagħhom jistgħu ivarjaw skond iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ eżaminat.
66 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk Akzo Nobel u l-kummpanniji sussidjarji tagħha kkonċernati mid-deċiżjoni jikkostitwixxux entità ekonomika waħda.
– Fuq l-eżistenza ta’ entità ekonomika unika bejn Akzo Nobel u l-kumpanniji sussidjarji tagħha kkonċernati mid-deċiżjoni
67 F’dan il-każ, huwa paċifiku bejn il-partijiet li Akzo Nobel għandha, direttament jew indirettament, 100 % tal-kapital tal-kumpanniji sussidjarji tagħha kkonċernati mid-deċiżjoni. Għalhekk, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar’il fuq, hija Akzo Nobel li għandha tipprova li l-imsemmija kumpanniji sussidjarji kienu jiddeterminaw il-politika kummerċjali tagħhom b’mod awtonomu b’tali mod li ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika magħha u, għalhekk, impriża waħda fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE (ara l-punt 57 iktar’il fuq).
68 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-programmi ta’ direzzjoni li Akzo Nobel ippreżentat matul il-proċedura amministrattiva (ara l-punt 13 iktar’il fuq) u li huma analizzati fil-qosor fil-premessa 173 tad-deċiżjoni jinkludu, fid-daħla tagħhom, deskrizzjoni ta’ kif inhuma mqassma l-kompetenzi li jirrigwardaw il-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan il-grupp Akzo Nobel f’dak li jirrigwarda erbatax-il suġġett.
69 Dawn huma, b’mod partikolari, l-istrateġija, il-pjan ta’ l-operat, l-investimenti, ix-xiri jew iċ-ċessjonijiet, pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni, politika ġenerali ta’ funzjonament, il-finanzi, il-verifika tal-kompatibbiltà minn awditur u l-kontabbiltà, ir-riżorsi umani, il-kwistjonijiet legali, l-amministrazzjoni tar-riskji, it-teknoloġija u l-ambjent, l-informatika u suġġett intitolat “Varji”.
70 Għandu jiġi indikat li, skond id-daħla tal-programmi ta’ direzzjoni:
“Direzzjonijiet u struzzjonijiet dettaljati (probabilment fir-rigward ta’ kwistjonijiet mhux imsemmija fil-programmi ta’ direzzjoni ta’ Akzo Nobel) huma inklużi f’direttivi separati u/jew statuti jew ġew stabbiliti wara qbil bejn id-direttur ta’ kull fergħa jew sotto fergħa kummerċjali u l-membru tal-Bord tad-Diretturi responsabbli.
F’dak li jirrigwarda l-kumpanniji sussidjarji li mhumiex, direttament jew indirettament, kompletament proprjeta ta’ Akzo Nobel, dan it-tqassim ta’ kompetenzi għandu jiġi applikat fl-intier tiegħu safejn possibbli”.
[Detailed authorities and instructions (possibly also for items not mentioned in the Akzo Nobel Authority Schedules) are laid down in separate directives and/or charters or are agreed upon between the BU/SU manager and the responsible Board Member.
As to subsidiaries not wholly owned by Akzo Nobel, either directly or indirectly, this allocation of authorities shall be integrally enforced as much as possible.]
71 Barra minn dan, għandhom jiġu eżaminati diversi elementi tal-programmi ta’ direzzjoni, jiġifieri l-istrateġija, l-investimenti, il-politika ġenerali ta’ funzjonament, il-verifika tal-kontabbiltà minn awditur u l-kontabbiltà, ir-riżorsi umani u l-kwistjonijiet legali.
72 F’dak li jirrigwarda l-istrateġija, mill-programmi ta’ direzzjoni jirriżulta li kull fergħa jew sotto fergħa kummerċjali tlesti u tissottometti l-pjan strateġiku tagħha lill-[kunfidenzjali](1) ta’ Akzo Nobel sabiex din/dan jagħti l-opinjoni tiegħu u wara dan jissottomettih għar-reviżjoni ta’ [kunfidenzjali] fil-kuntest tal-linji gwida ddeterminati mill-Bord tad-Diretturi ta’ Akzo Nobel, li, fil-kuntest tal-[kunfidenzjali], jiddeċiedi l-azzjonijiet strateġiċi ewlenin.
73 F’dak li jirrigwarda l-pjan ta’ l-operat ta’ kull fergħa kummerċjali, dan jeħtieġ li jiġi kkonsultat il-[kunfidenzjali] ta’ Akzo Nobel li, min-naħa tiegħu/tagħha, jissottometti kull kwistjoni quddiem l-amministrazzjoni ta’ Akzo Nobel sabiex din tiddeċiedi fid-dawl tal-linji gwida u ta’ l-għanijiet tal-grupp.
74 F’dak li jirrigwarda l-investimenti (inklużi l-kiri, il-hire-purchase, ċessjoni jew xiri ta’ beni intanġibbli), kull fergħa jew sotto fergħa kummerċjali għandha setgħa li tiddeċiedi iżda fil-limiti miftehma preliminarjament mal-[kunfidenzjali] ta’ Akzo Nobel. Dan/din ta’ l-aħħar jiddeċiedi/tiddeċiedi dwar proġetti li l-valur tagħhom ikun inqas minn EUR [kunfidenzjali], din il-kompetenza tiġi fdata f’idejn il-[kunfidenzjali], il-[kunfidenzjali] jew il-[kunfidenzjali] skond jekk dan il-valur ikunx ta’ bejn EUR 2.5 u l-EUR 10 miljun, EUR 10 u 20 miljun jew ikunx ta’ iktar minn EUR 20 miljun rispettivament.
75 F’dak li jirrigwarda l-politika ġenerali ta’ funzjonament, il-[kunfidenzjali] ta’ Akzo Nobel jissottometti proposta li tikkonċerna settur ta’ attivitajiet u huwa l-[kunfidenzjali], fil-kuntest tal-[kunfidenzjali], li jiddeċiedi.
76 Fil-qasam tal-verifika tal-kompatibbiltà minn awditur u l-kontabbiltà, għandu jiġi osservat li kull fergħa jew sotto fergħa kummerċjali jibgħatu, perjodikament, ir-riżultati tagħhom filwaq li l-[kunfidenzjali] ta’ Akzo Nobel, il-[kunfidenzjali] u l-[kunfidenzjali] jirrevedu, perjodikament, l-operat fuq livell ta’ fergħat, jew sotto fergħat, tal-grupp.
77 F’dak li jirrigwarda r-riżorsi umani tal-fergħat jew tas-sotto fergħat kummerċjali, dawn għandhom jissottomettu l-proposti tagħhom li jirrigwardaw tibdiliet ewlenin fl-organizzazzjoni lill-[kunfidenzjali] ta’ Akzo Nobel sabiex dan/din jawtorizzhom/tawtorizzhom fid-dawl tal-kunċetti ta’ organizzazzjoni, filwaqt li d-deċiżjoni finali hija f’idejn il-[kunfidenzjali] ta’ Akzo Nobel. Għandu jiġi osservat li, fil-każ li l-proposti ma jkunux konformi mal-kunċetti ta’ organizzazzjoni, huwa l-[kunfidenzjali] ta’ Akzo Nobel li jiddeċiedi definittivament.
78 F’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet legali, għandu jiġi osservat li, f’dak li jirrigwarda kuntratti importanti fil-qasam ta’ l-għarfien tekniku, ta’ privattivi, ta’ trade marks, ta’ kooperazzjoni fuq ir-riċerka u ta’ koalizzazzjonijiet strateġiċi, kull fergħa jew sotto fergħa kummerċjali tissottoponi l-proposti tagħha lill-[kunfidenzjali] ta’ Akzo Nobel, li min-naħa tiegħu jagħti parir, skond il-valur ta’ l-operazzjoni lill-[kunfidenzjali], lill-[kunfidenzjali] jew lill-[kunfidenzjali] li għandhom jieħdu d-deċiżjoni finali. Il-kompetenzi jinqasmu b’mod simili f’dak li jirrigwarda l-kuntratti importanti ta’ provista fit-tul skond it-tul ta’ żmien tagħhom u l-impenn finanzjarju li dawn ikunu jinvolvu.
79 Mill-bqija, mill-programmi ta’ direzzjoni jirriżulta li Akzo Nobel tintervjeni, permezz ta’ [kunfidenzjali], ta’ [kunfidenzjali] jew ta’ [kunfidenzjali], fil-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardaw is-suġġetti kollha kkonċernati (ara l-punt 69 iktar’il fuq).
80 Meta, matul is-seduta, ir-rikorrenti ġew mistoqsija dwar dan il-punt huma sostnew li l-programmi ta’ direzzjoni jindikaw it-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan il-grupp Akzo Nobel, iżda bl-ebda mod ma jindikaw li dawn il-kompetenzi ġew effettivament eżerċitati fil-kuntest tal-ksur in kwistjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-aħħar dikjarazzjoni mhijiex rilevanti, f’dan l-istadju ta’ l-eżami, li huwa ddedikat għall-eżistenza ta’ influwenza min-naħa ta’ Akzo Nobel fuq il-politika kummerċjali tal-kumpanniji sussidjarji tagħha u mhux għall-kwistjoni ta’ jekk Akzo Nobel intervjenietx, fi ħdan dawn ta’ l-aħħar, speċifikament fir-rigward tal-ksur in kwistjoni (ara l-punt 58 iktar’il fuq).
81 F’dak li jirrigwarda r-relazzjoni organizzattivi bejn il-kumpanniji sussidjarji tal-grupp Akzo Nobel ikkonċernati mid-deċiżjoni u s-sotto fergħa kummerċjali tal-metilamini u tal-kloru tal-kolin, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, kif osservaw ir-rikorrenti (ara l-punt 33 iktar’il fuq), Akzo Nobel Chemicals International, Akzo Nobel Chemicals u Akzo Nobel Functional Chemicals huma l-“proprjetarji”, b’mod partikolari, ta’ l-attivitajiet imwettqa mill-imsemmija sotto fergħa. Peress li d-deċiżjoni setgħet tiġi indirizzata biss lill-entitajiet li għandhom personalita legali (ara l-punt 59 iktar’il fuq), li barra minn hekk ikunu pparteċipaw direttament fil-ksur jew li jkunu s-suċċessuri ta’ l-entitajiet li jkunu pparteċipaw f’dan il-ksur (ara l-punt 11 iktar’il fuq), ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw, b’mod utli, li l-Kummissjoni kellha tagħmel distinzjoni bejn id-determinazzjoni tal-politika tal-fergħat jew sotto fergħat kummerċjali tal-grupp u d-determinazzjoni tal-politika tal-kumpanniji sussidjarji ta’ Akzo Nobel. F’kull każ, fil-punti 16, 17 u 54 tar-replika tagħhom ir-rikorrenti indikaw li l-kwistjoni ewlenija kienet dik ta’ jekk huma invertewx il-preżunzjoni li tgħid li Akzo Nobel kienet eżerċitat influwenza determinanti kemm kemm fuq is-sotto fergħa kummerċjali kkonċernata u kif ukoll fuq il-kumpanniji sussidjarji kkonċernati mid-deċiżjoni.
82 F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi deċiż, hekk kif isir fil-premessa 173 tad-deċiżjoni, li l-personal kompetenti u fuq kollox l-amministrazzjoni ta’ Akzo Nobel kienu jintervjenu kunsiderevolment fir-rigward ta’ diversi aspetti essenzjali ta’ l-istrateġija tal-kumpanniji sussidjarji in kwistjoni, u dan billi jirriżervaw id-dritt għad-deċiżjoni finali fir-rigward ta’ serje ta’ suġġetti li jiddefinixxu d-direzzjoni ta’ l-azzjoni tagħhom fis-suq.
83 L-argument li jgħid li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-prezzijiet ta’ bejgħ u ż-żidiet fil-prezzijiet jittieħdu, bħala prinċipju, mid-diretturi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati li joperaw fi ħdan il-kumpanniji sussidjarji rispettivi tagħhom, u b’mod partikolari mid-direttur tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kloru tal-kolin (ara l-punti 38 u 41 iktar’il fuq), ma jistax ibiddel din il-konklużjoni. Dan jgħodd ukoll f’dak li jirrigwarda l-argumenti bbażati fuq l-istruttura tal-grupp Akzo Nobel fuq żewġ livelli, li l-għan tagħha huwa li tissostitwixxi l-politika kummerċjali stricto sensu għall-kontroll ta’ Akzo Nobel (ara l-punt 38 iktar’il fuq). Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punt 58 iktar’il fuq, l-imputazzjoni ta’ l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija sussidjarja lill-kumpannija prinċipali tagħha ma teħtieġx il-prova li l-kumpannija prinċipali tinfluwenza l-politika tal-kumpannija sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur, li kien jirrigwarda, f’dan il-każ, id-distribuzzjoni u l-prezzijiet. Min-naħa l-oħra, ir-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u legali, li jkun hemm bejn il-kumpannija prinċipali u l-kumpannija sussidjarja tagħha jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ influwenza min-naħa ta’ din ta’ l-ewwel fuq l-istrateġija ta’ din ta’ l-aħħar u, għalhekk, jiġġustifikaw li dawn jiġu kkunsidrati bħala entità ekonomika waħda.
84 L-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ bordijiet ta’ diretturi fi ħdan kull kumpannija sussidjarja (ara l-punt 40 iktar’il fuq) mhuwiex konvinċenti. Fil-fatt, kull kumpannija b’responsabbiltà limitata għandha bord tad-diretturi maħtur mill-azzjonisti tagħha, f’dan il-każ minn Akzo Nobel. Min-naħa l-oħra, f’dan ir-rigward fil-punt 45 tar-replika tagħhom ir-rikorrenti indikaw li l-viċi presidenti tal-grupp (li jmexxu l-fergħat kummerċjali) jiġu nnominati mill-presidenti tad-diviżjonijiet tal-prodotti kimiċi tal-grupp, wara l-approvazzjoni tal-membru kompetenti tal-Bord tad-Diretturi ta’ Akzo Nobel. Huma jagħtu r-rendikont tagħhom lill-president ta’ Akzo Nobel Chemichals, li, min-naħa tiegħu, jagħti r-rendikont tiegħu lill-membru kompetenti tal-Bord tad-Diretturi ta’ Akzo Nobel. Barra minn dan, il-magażin internazzjonali intern maħruġ minn Akzo Nobel (ara l-punt 39 iktar’il fuq) jindika li l-viċi president tal-grupp li jmexxi fergħa kummerċjali jiġġarantixxi l-kuntroll ġerarkiku fi ħdan din ta’ l-aħħar.
85 Għalhekk, anke jekk jities li l-argument tar-rikorrenti li jirrigwarda l-oneru tal-prova, espost fil-punt 37 iktar il-fuq, huwa korrett, xorta jibqa’ l-fatt li huma ma rnexxilhomx jinvertu l-preżunzjoni li tgħid li Akzo Nobel, kumpannija prinċipali li għandha 100 % tal-kapital tal-kumpanniji sussidjarji kkonċernati mid-deċiżjoni, kienet teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika ta’ dawn ta’ l-aħħar. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, flimkien ma dawn ta’ l-aħħar, Akzo Nobel tikkostitwixxi impriża fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk Akzo Nobel eżerċitatx influwenza fuq l-aġir in kwistjoni. Konsegwentement l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003
L-argumenti tal-partijiet
86 Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, billi imponiet in solidum il-multa lill-Akzo Nobel Functional Chemicals, kisret il-limitu ta’ 10 % tal-fatturat previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, peress li l-fatturat li Akzo Nobel Functional Chemicals għamlet matul l-2003 kien ta’ EUR 124.5 miljun, l-ammont tal-multa (EUR 20.99 miljun) qabeż dan il-limitu.
87 Konsegwentement, peress li r-responsabbiltà ġiet inġustament attribwita lill-Akzo Nobel, ma teżistix entità ekonomika waħda li tista’ tiġġustifika l-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % abbażi tal-fatturat konġunt. Barra minn hekk, skond id-deċiżjoni, Akzo Nobel Chemicals, Akzo Nobel Chemicals International u Akzo Nobel Nederland kienu pparteċipaw direttament fil-ksur mingħajr ma’ l-Kummissjoni kkonstatat li waħda minnhom kienet teżerċita influwenza determinanti fuq oħra.
88 Il-Kummissjoni tiddikjara li hija kkalkolat il-limitu ta’ 10 % abbażi tal-fatturat konsolidat ta’ Akzo Nobel. Fil-fatt, il-kelma “impriża” għandha l-istess sens kemm fir-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll fl-Artikoli 81 KE u 82 KE. Issa, Akzo Nobel ġiet rikonoxxuta bħala responsabbli minħabba li hija kienet tikkostitwixxi, flimkien mal-kumpanniji sussidjarji tagħha kkonċernati mid-deċiżjoni, impriża fis-sens ta’ l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball fir-rigward tal-kalkolu tal-limitu.
89 Anke jekk jiġi meqjus li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta imputat ir-responsabbiltà in solidum lill-Akzo Nobel, l-ewwel nett, xorta waħda jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti ma bbażawx it-tieni motiv tagħhom fuq tali żball. Il-fatt li dan ġie elaborat b’dan il-mod għall-ewwel darba biss fir-replika jikkostitwixxi, fil-verità, motiv ġdid u inammissibbli skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Priċedura. It-tieni nett, ir-rikorrenti ma talbux tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa fil-kuntest ta’ l-eżerċiżżju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-każ li hija tiddeċiedi li l-Kummissjoni ma kelliex tindirizza d-deċiżjoni lill-Akzo Nobel. It-tielet nett, ir-rikorrenti ma allegawx li l-kumpanniji sussidjarji ta’ Akzo Nobel ma kinux jikkostitwixxu impriża fis-sens tar-Regolament Nru 1/2003.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
90 Għandu jiġi osservat li l-fatt li multa tiġi imposta in solidum fuq diversi kumpanniji minħabba li huma jikkostitwixxu impriża fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE ma jfissirx li, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-limitu previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-obbligu ta’ kull waħda minnhom huwa limitat għal 10 % tal-fatturat li hija tagħmel matul l-aħħar sena finanzjarja. Fil-fatt, il-limitu ta’ 10 %, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-fatturat konġunt tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika unika li topera bħala impriża fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE, peress li huwa biss il-fatturat konġunt tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-impriża li jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika ta’ l-impriża in kwistjoni (sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar’il fuq, punti 528 u 529).
91 Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li wasslu għaċ-ċaħda ta’ l-ewwel motiv, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta ħadet il-fatturat konsolidat ta’ Akzo Nobel bħala referenza għall-kalkolu tal-limitu in kwistjoni. Għalhekk it-tieni motiv għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibblità imressqa mill-Kummissjoni.
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
92 Ir-rikorrenti jsostnu li r-raġunament segwit mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ Akzo Nobel kien ibbażat fuq motivi żbaljati, fis-sens li l-elementi fattwali invokati għal dan il-għan mhumix suffiċjenti u xierqa sabiex tintlaħaq din il-konklużjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma spjegatx għaliex hija imponiet lill-Akzo Nobel Functional Chemicals multa li kienet aktar minn 10 % tal-fatturat tagħha. Dawn il-vizzji jagħmlu l-motivazzjoni tad-deċiżjoni insuffiċjenti, x’aktarx ineżistenti, u dan jiġġustifika, fih innifsu, l-annullament tad-deċiżjoni.
93 Il-Kummissjoni tikkuntesta l-fondatezza ta’ dan l-argument. Fil-fatt, fil-premessi 172 sa 175, id-deċiżjoni tinkludi motivazzjoni ċara fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ Akzo Nobel. Fir-rigward tal-multa imposta lill-Akzo Nobel Functional Chemicals, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija ma kinitx obbligata li timmotiva l-kalkolu tagħha peress li l-limitu ta’ 10 % ma kienx inqabeż. F’kull każ, id-deċiżjoni pprovdiet lir-rikorrenti l-elementi kollha meħtieġa sabiex dawn iressqu r-rikors tagħhom u jesponu l-argumenti tagħhom. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu, skond il-Kummissjoni, jiġi wkoll miċħud kollu kemm hu.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
94 F’dak li jirrigwarda l-motivazzjoni dwar ir-responsabbiltà ta’ Akzo Nobel, għandu jiġi mfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, ħaġa li taqa taħt il-legalità tal-mertu ta’ l-att ikkontestat (ara s-sentenza tal-Qoti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C-17/99, Ġabra p. I-2481, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).
95 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-parti tal-motiv li tirrigwarda r-responsabbiltà ta’ Akzo Nobel tikkonċerna l-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni, li l-eżami tagħhom sar fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv (ara l-punti 67 sa 85 iktar’il fuq). Mill bqija, peress li din il-parti ta’ dan il-motiv la tqajjem u lanqas ma ssostni ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali, din mhijiex fondata fuq il-fatti.
96 Barra minn hekk, safejn dan il-motiv jirrigwarda l-fatturat ta’ Akzo Nobel Functional Chemichals, dan għandu jiġi miċħud minħabba li, fin-nuqqas tal-qbiż tal-limitu tal-fatturat li seta’ jiġi legalment ikkunsidrat (ara l-punti 90 u 91 iktar’il fuq), il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li speċifikament timmotiva l-ammont tal-multa fir-rigward ta’ din il-kumpannija. Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.
97 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar’il fuq ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
Fuq l-ispejjeż
98 Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)
taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Nederland BV, Akzo Nobel Chemicals International BV, Akzo Nobel Chemicals BV u Akzo Nobel Functional Chemicals BV huma kkundannati għall-ispejjeż.
Meij
Forwood
Papasavvas
Reġistratur
Aġent President
E. Coulon
A. W. H. Meij
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward ta’ Akzo Nobel Nederland, ta’ Akzo Nobel Chemicals International u ta’ Akzo Nobel Chemicals
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata ta’ responsabbiltŕ in solidum lill-Akzo Nobel
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
– Osservazzjonijiet preliminari fuq l-imputabbiltà ta’ l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija sussidjarja lill-kumpannija prinċipali.
– Fuq l-eżistenza ta’ entitŕ ekonomika unika bejn Akzo Nobel u l-kumpanniji sussidjarji tagħha kkonċernati mid-deċiżjoni
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq l-ispejjeż
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
1 – Informazzjoni kunfidenzjali mħollija barra
Full & Egal Universal Law Academy