Kawża T‑163/05
Bundesverband deutscher Banken eV
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
“Għajnuna mill-Istat — Trasferiment ta’ assi pubbliċi favur il-Landesbank Hessen — Thüringen Girozentrale — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Kriterju ta’ investitur privat — Obbligu ta’ motivazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Kriterju ta’ investitur privat
(Artikolu 87(1) KE)
2. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat
(Artikolu 87(1) KE)
3. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Implementazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni
(Artikolu 87(1) KE)
4. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat
(Artikolu 87(1) KE)
5. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat
(Artikolu 87(1) KE)
1. Sabiex jiġi evalwat jekk miżura tal-Istat tikkostitwixxix għajnuna, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq. F’dan ir-rigward, ma jistax jitqies li l‑eżerċizzju ta’ verifika ta’ jekk tranżazzjoni saritx f’kundizzjonijiet normali tas-suq, għandu neċessarjament isir b’riferiment għall-investitur biss, jew għall-impriża benefiċjarja tal-investiment biss, meta hija l-interazzjoni bejn l-aġenti ekonomiċi differenti li tabilħaqq tikkaratterizza l-ekonomija tas-suq. Barra minn hekk, dan l-eżerċizzju lanqas ma jeżiġi li jiġu injorati kompletament ir‑restrizzjonijiet relatati man-natura tal-assi ttrasferiti, fid-dawl tal-fatt li bħala riferiment għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-aġir ta’ investitur privat li jinsab, sa fejn huwa possibbli, fl-istess sitwazzjoni bħal dik tal-investitur pubbliku.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-evalwazzjoni dwar jekk hemmx vantaġġ li l-impriża ma kinitx tkun tista’ tikseb f’kundizzjonijiet tas-suq, il-Kummissjoni għandha tagħmel analiżi kompluta tal-elementi rilevanti kollha tat-tranżazzjoni inkwistjoni u tal-kuntest tagħha, inkluż tas-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja u tas-suq ikkonċernat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari teżamina l‑kwistjoni dwar jekk l-impriża setgħetx tikseb mingħand investituri oħra fondi li kellhom l-istess vantaġġi għaliha u, skont il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, peress li miżura ma tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat jekk ma tpoġġix l-impriża f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża minn dik li kienet tkun fiha mingħajr intervent mill-awtorità pubblika.
(ara l-punti 35-37, 175)
2. Awtorità pubblika li tawtorizza bank jibbenefika minn kontribuzzjoni ta’ kapital li tipprevedi remunerazzjoni bbażata fuq mudell gradwali, li jipprovdi li, matul l‑ewwel snin wara l-integrazzjoni tal-imsemmija kontribuzzjoni, ir‑remunerazzjoni fissa għall-funzjoni tat-tkattir tal-attivitajiet kummerċjali ma titħallasx fuq il-kontribuzzjoni kollha, iżda fuq partijiet miftiehma minn qabel, mhux neċessarjament tagħti lil bank vantaġġ li ma kienx ikun jista’ jikseb b’mod ieħor.
Fin-nuqqas ta’ argumenti li jippermettu li jiġi stabblit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, din tista’ tikkunsidra li, f’sitwazzjoni kkaratterizzata, minn naħa, mill-fatt li awtorità pubblika riedet tinvesti assi mhux likwidi li hija ma riditx taqsam, u min-naħa l-oħra, mill-fatt li Helaba ma kellux bżonn, la għal żmien temporanju u lanqas għal żmien twil, ta’ kapital daqs l‑ammont tal-fond speċjali, investitur privat ma kienx jasal jikseb mill-bank ir‑remunerazzjoni immedjata tal-kontribuzzjoni inkwistjoni kollha bir-rata adottata għar-remunerazzjoni tal-funzjoni ta’ tkattir tal-attivitajiet kummerċjali tal-bank. Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx manifestament żbaljat li jiġi kkunsidrat li bank ma jaċċettax li jħallas ir-rata li tikkorrispondi għar-remunerazzjoni tal-funzjoni ta’ tkattir tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu fir-rigward ta’ fondi li huwa jaf mill-bidu li mhux ser ikun kapaċi juża għal dan il-għan. Fil-fatt, għalkemm dawn il-fondi setgħu jippermettulu jsaħħaħ s-solvenza tiegħu jew li jevita degradazzjoni ta’ din is-solvenza, u għalhekk li jnaqqas jew iżomm l-istess l-ispejjeż ta’ finanzjament tiegħu, madankollu dawn ma jippermettulux jikseb dħul addizzjonali minn tranżazzjonijiet ġodda.
Għalhekk, investitur privat fis-sitwazzjoni ta’ tali awtorità pubblika kien jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, minħabba l-impossibbiltà li l-bank juża immedjatament il-kontribuzzjoni kollha disponibbli mill-perspettiva tad-dritt tas-superviżjoni, għat-tkattir tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu, il-parti tal-kontribuzzjoni li huwa ma kienx f’pożizzjoni li juża ma kinitx taqdi l-istess funzjoni ekonomika għalih bħal dik tal-parti li huwa seta’ juża.
(ara l-punti 51, 58, 66-68)
3. L-evalwazzjoni mill-Kummissjoni, tal-kwistjoni dwar jekk investiment jagħtix vantaġġ li l-impriża ma kinitx tkun tista’ tikseb fis-suq, timplika evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Il-Kummissjoni, meta tadotta att li jimplika tali evalwazzjoni, tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ ġudizzjarju tal-imsemmi att, anki jekk bħala prinċipju japplika b’mod sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-awtur tad-deċiżjoni.
Għaldaqstant, il-paragun bejn il-kontribuzzjoni inkwistjoni u strumenti ibridi oħra jikkostitwixxi kwistjoni ta’ ċerta kumplessità ekonomika, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni għanda setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Barra minn hekk, il‑klassifika tal-kontribuzzjoni inkwistjoni bħala kontribuzzjoni taċita għal żmien determinat jew bħala investiment f’kapital azzjonarju tikkostitwixxi biss strument analitiku użat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.
L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma tippermettix għalhekk li jiġu determinati b’mod awtomatiku l-eżistenza u d-dimensjoni ta’ għajnuna mill-Istat, iżda tippermettilha biss li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha, ikollha punt ta’ tluq li jieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li fihom investituri privati wettqu tranżazzjonijiet li l-iktar jixxiebhu. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar din il‑kwistjoni għalhekk ma teħlishiex mill-obbligu li twettaq analiżi kompluta tal-elementi kollha rilevanti tat-tranżazzjoni inkwistjoni u tal-kuntest tagħha, inkluż is-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja u tas-suq ikkonċernat, sabiex tivverifika jekk l-impriża benefiċjarja tiksibx vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq.
(ara l-punti 38, 96-98)
4. Anki jekk is-sottoskrizzjoni tal-kontribuzzjoni kollha li tirrappreżenta 40 % tal-fondi proprji tal-bank emittenti timplika riskju ogħla għall-investitur, żieda tar-remunerazzjoni tista’ biss tkun iġġustifikata jekk dan il-fatt jinkludi vantaġġ għal bank emittenti li għalih dan huwa lest li jħallas, jew jekk dan il-bank għandu bżonn il-fondi proposti mill-investitur u ma huwiex f’pożizzjoni li jiksibhom mingħand persuni oħra. Min-naħa l-oħra, jekk iż-żieda tar-riskju għall-investitur tirriżulta minn deċiżjoni li huwa adotta għal raġunijiet li huma speċifiċi għalih, mingħajr ma jkun influwenzat mix-xewqat jew mill-bżonnijiet tal-bank, dan jirrifjuta li jħallas żieda tar-remunerazzjoni u jikseb il-fondi mingħand investituri oħra.
(ara l-punti 229, 234)
5. Fir-rigward tal-klassifika ta’ għajnuna mill-Istat bħala investiment f’impriża, hija l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-impriża li hija determinanti. Minn dan jirriżulta li, f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn l-awtorità pubblika tfittex li tinvesti assi ta’ natura partikolari, tranżazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tagħti lok għall-għajnuna mill-Istat meta, wara n-negozjati bejn l-awtorità pubblika li tixtieq tinvesti u l-impriża, il-kundizzjonijiet li din tal-aħħar tkun lesta li taċċetta minħabba l-iżvantaġġi li l-kapital ittrasferit jinvolvi fir-rigward tagħha, jimplikaw remunerazzjoni iżgħar minn dik miftiehma fis-suq għall-investimenti likwidi. Fil-fatt, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux iktar vantaġġużi għall-impriża minn dawk li hija setgħet tikseb li kieku t-tranżazzjoni kienet tikkonċerna bħalma huwa normalment il-każ, kapital likwidu, hija ma tirċevix vantaġġ li ma kinitx tkun tista’ tikseb fis-suq. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi kkunsidrat li, sabiex tranżazzjoni ta’ dan it-tip ma tiġix ikkunsidrata bħala li tagħti lok għall-għajnuna mill-Istat, l-awtorità pubblika għandha dejjem tirċievi għall-investiment tagħha l-istess remunerazzjoni bħal investitur li huwa dispost li jittrasferixxi kapital likwidu.
(ara l-punt 277)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
3 ta’ Marzu 2010(*)
“Għajnuna mill-Istat – Trasferiment ta’ assi pubbliċi favur il-Landesbank Hessen-Thüringen Girozentrale – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni u tordna l-irkupru tagħha – Kriterju ta’ investitur privat – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża T‑163/05,
Bundesverband deutscher Banken eV, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H.-J. Niemeyer, K.-S. Scholz u J.-O. Lenschow, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan u T. Scharf, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta mir-
Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti, assistiti minn J. Witting, avukat,
minn
Land Hessen (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentat minn H.-J. Freund u M. Holzhäuser, imbagħad minn H.-J. Freund u S. Lehr, avukati,
u minn
Landesbank Hessen-Thüringen Girozentrale, stabbilit fi Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja), irrappreżentat minn H.-J. Freund, avukat,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/742/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar għajnuna mill-Ġermanja favur l-impriża Landesbank Hessen-Thüringen Girozentrale (ĠU 2006, L 307, p. 159),
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn O. Czúcz (Relatur), President tal-Awla, V. Vadapalas u I. Labucka, Imħallfin,
Reġistratur: C. Kristensen, amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
A – Il-kontribuzzjoni inkwistjoni
1 Il-Landesbank Hessen-Thüringen Girozentrale (iktar ’il quddiem “Helaba”) huwa wieħed mill-ikbar banek fil-Ġermanja. Huwa għandu status legali ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2001, il-proprjetarji ta’ Helaba huma l-iSparkassen- und Giroverband Hessen-Thüringen, b’sehem ta’ 85 %, il-Land Hessen (iktar ’il quddiem il-“Land”), b’sehem ta’ 10 %, u l-Land Thüringen, b’sehem ta’ 5 %. Helaba jservi bħala bank abitwali tal-Land u tal-Land Thüringen kif ukoll bħala bank ċentrali tal-banek tat-tifdil ta’ Hessen u ta’ Thüringen. Huwa jopera wkoll bħala bank kummerċjali, kemm fis-suq nazzjonali kif ukoll fis-swieq internazzjonali.
2 Permezz ta’ liġi tas-17 ta’ Diċembru 1998, il-Land ħoloq fond speċjali msejjaħ Wohnungswesen und Zukunftsinvestition (akkomodazzjoni u investimenti għal futur, iktar ’il quddiem il-“fond speċjali”). Dan il-fond speċjali jinkludi l-krediti tal-Land minn self b’rata ta’ interessi baxxa mogħti bejn l-1948 u l-1998 għall-promozzjoni tal-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali. Fil-31 ta’ Diċembru 1998, il-portafoll ta’ self kien jammonta għal DEM 7.829 biljuni (madwar EUR 4 biljuni). Skont żewġ esperti indipendenti, il-valur attwali kien jammonta għal DEM 2.473 biljuni (EUR 1.264 biljuni).
3 Il-fond speċjali ġie integrat fil-kapital ta’ Helaba, permezz ta’ kuntratt (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”) konkluż bejn dan tal-aħħar u l-Land, fil-forma ta’ soċjetà interna bħala “kontribuzzjoni taċita ta’ kapital” b’effett mill-31 ta’ Diċembru 1998 (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni inkwistjoni”). Skont l-Artikolu 1(2) tal-kuntratt, il-kontribuzzjoni għandha sservi, b’mod permanenti, bħala fondi proprji ta’ garanzija għal Helaba, fil-forma ta’ fondi proprji bażiċi. Il-Bundesaufsichtsamt für das Kreditwesen (Uffiċċju Federali għas-sorveljanza tal-istabbilimenti ta’ kreditu, iktar ’il quddiem il-“BAKred”) effettivament irrikonoxxa l-kontribuzzjoni sħiħa bħala fondi proprji bażiċi. Għalhekk, ġie kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-kontribuzzjoni kienet konformi mad-Dikjarazzjoni ta’ Sydney, filwaqt li stqarrija għall-istampa tal-Kumitat ta’ Basel dwar il-kontroll bankarju tas-27 ta’ Ottubru 1998 indikat li s-sehem tal-istrumenti tal-kapital proprju ibridi (strumenti li għandhom kemm karatteristiċi ta’ titoli ta’ ishma kif ukoll ta’ titoli ta’ kreditu) fil-fondi proprji bażiċi ta’ stabbilimenti ta’ kreditu ma jistax jaqbeż il-15 %, ħlief fil-każ ta’ strumenti li għalihom il-kuntratt li jirregolahom jipprovdi li l-kapital għandu jingħata b’mod permanenti u li ma għandu jkun marbut ma’ ebda karatteristika espliċita, ħlief sempliċi għażla ta’ rimbors antiċipat tal-emittent, li tista’ twassal għar-rimbors tal-istrument.
4 Il-partijiet kontraenti qablu li, bħala korrispettiv għal din il-kontribuzzjoni taċita, Helaba jħallas lil Land remunerazzjoni ta’ 1.4 % fis-sena tal-ammont tal-kontribuzzjoni, wara li titnaqqas il-parti neċessarja sabiex tiggarantixxi l-attivitajiet ta’ għajnuna għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali. Din ir-remunerazzjoni tinkludi remunerazzjoni ta’ 1.2 % fis-sena bħala garanzija u żieda ta’ 0.2 % għal permanenza tal-kontribuzzjoni u d-dritt ta’ Helaba għal xoljiment unilaterali tal-kuntratt. F’dan ir-rigward ġie pprovdut, skont sistema gradwali, li matul l-ewwel erba’ snin (mill-1998 sal-2002), ir-remunerazzjoni ma titħallasx fuq il-valur totali tal-assi ttrasferiti, iżda fuq porzjonijiet mill-assi li jiżdiedu gradwalment kull sena (iktar ’il quddiem il-“mudell gradwali”). Il-porzjonijiet ġew stabbiliti għal DEM 700 miljuni, 1.2 biljun, 1.6 biljun u 2 biljuni (jiġifieri, rispettivament, madwar EUR 380 miljun, 610 miljun, 820 miljun u 1.02 biljun).
B – Kawżi li jikkonċernaw il-Landesbanken Ġermaniżi
5 Permezz tal-ittri tal-31 ta’ Mejju u tal-21 ta’ Diċembru 1994, ir-rikorrenti, jiġifieri Bundesverband deutscher Banken eV (Federazzjoni Ġermaniża tal-banek privati), informat lill-Kummissjoni li wħud mill-Länder, fosthom il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen kienu integraw self għall-bini ta’ akkomodazzjoni fil-fondi proprji ta’ garanzija ta’ ċerti Landesbanken (banek reġjonali), bħal Westdeutsche Landesbank Girozentrale (iktar ’il quddiem il-“WestLB”) jew, fin-nuqqas ta’ dan, li kellhom tali intenzjoni. Skont ir-rikorrenti, ma kienet ġiet miftiehma ebda remunerazzjoni konformi mal-kriterju ta’ investitur privat li jopera f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem il-“kriterju ta’ investitur privat”), bħala korrispettiv għal dawn il-kontribuzzjonijiet, b’mod li ż-żieda tal-fondi proprji tal-Landesbanken ikkonċernati li tirriżulta minn dawn it-tranżazzjonijiet ikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni favur il-banek benefiċjarji.
6 Permezz ta’ żewġ ittri tas-6 ta’ Awwissu 1997 u tat-30 ta’ Lulju 1998, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni b’żewġ trasferimenti ta’ assi addizzjonali, fosthom il-kontribuzzjoni inkwistjoni.
7 L-ewwel nett, il-Kummissjoni eżaminat it-trasferiment ta’ assi favur WestLB (iktar ’il quddiem il-“kawża WestLB”), filwaqt li ddikjarat li hija kienet ser teżamina t-trasferimenti favur banek oħra fid-dawl tar-riżultat ta’ din il-kawża. Fit-8 ta’ Lulju 1999, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2000/392/KE dwar il-miżura implementata mill-Ġermanja favur il-WestLB (ĠU 2000, L 150, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni WestLB tal-1999”), li permezz tagħha hija ddikjarat li l-operazzjoni inkwistjoni kienet tinkludi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u ordnat l-irkupru tal-imsemmija għajnuna. Din id-deċiżjoni ġiet annullata permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni (T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, iktar ’il quddiem is-“sentenza WestLB”) minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni.
8 Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali rigward, b’mod partikolari, il-kontribuzzjoni inkwistjoni. Id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura rigward il-kontribuzzjoni inkwistjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, C 72, p. 3).
C – Id-deċiżjoni kkontestata
9 Fl-20 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2006/742/KE dwar għajnuna mill-Ġermanja favur l-impriża Landesbank Hessen-Thüringen Girozentrale (ĠU 2006, L 307, p. 159, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
10 Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li l-fond speċjali ġie rikonoxxut mill-BAKred bħala fondi proprji bażiċi ta’ Helaba, kien hemm lok, sabiex jiġi eżaminat jekk l-aġir tal-Land kienx ekwivalenti għal dak ta’ investitur privat, li jsir paragun bejn il-kontribuzzjoni inkwistjoni u l-istrumenti ta’ kapital proprju li kienu rikonoxxuti bħala fondi proprji bażiċi fil-Ġermanja matul is-sena tal-kontribuzzjoni u li kienu konkretament disponibbli għal Helaba waqt it-trasferiment għal investiment ta’ dan id-daqs, jiġifieri kunsiderevolment ogħla minn 15 % tal-fondi proprji bażiċi ta’ Helaba. F’dan ir-rigward, hija ċaħdet l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-karatteristiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni kif jirriżultaw mill-kuntratt konkluż bejn il-Land u Helaba iktar kienu jagħtu lill-imsemmija kontribuzzjoni s-sura ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital azzjonarju milli dik ta’ kontribuzzjoni taċita “normali”, jiġifieri għal żmien determinat (premessi 128 sa 139 tad-deċiżjoni kkontestata).
11 Fir-rigward tal-kalkolu tar-remunerazzjoni li investitur privat kieku kien jeżiġi għal kontribuzzjoni bħal dik inkwistjoni, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-ammont li kien għad-dispożizzjoni ta’ Helaba bħala garanzija għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu u dak li, għal diversi raġunijiet ma setax, skontha, jintuża minn Helaba għal dan il-għan (premessi 141 u 142 tad-deċiżjoni kkontestata).
12 Rigward l-ammont li kien għad-dispożizzjoni ta’ Helaba bħala garanzija għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu, l-ewwel nett, il-Kummissjoni qieset li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li Helaba kien marbut iħallas it-taxxa fuq l-operat industrijali u kummerċjali (iktar ’il quddiem it-“taxxa fuq in-negozju”), li għandhom iħallsu l-investituri industrijali u kummerċjali li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-Ġermanja, iżda li, fil-kawża inkwistjoni, kellha titħallas minn Helaba peress li l-Land ma kienx marbut b’dan l-obbligu (premessi 157 sa 159 tad-deċiżjoni kkontestata).
13 It-tieni nett, il-Kummissjoni tispjega li, fis-suq, ir-rata użata bħala riferiment għall-kalkolu tar-remunerazzjoni hija fissa – u tikkorrispondi, bħala regola ġenerali, għad-dħul minn self pubbliku ta’ valur residwu ta’ għaxar snin – jew varjabbli – li tikkorrispondi mar-rata tas-suq monetarju interbankarju, bħalma huma r-rati Libor jew Euribor. Hija tindika li, indipendentement mit-tip ta’ rata’ ta’ riferiment użata, tiġi effettwata żieda tar-remunerazzjoni, li l-kompożizzjoni tagħha tvarja skont jekk ir-remunerazzjoni hijiex varjabbli jew fissa. Hija tispjega li, jekk ir-remunerazzjoni tkun varjabbli, iż-żieda tikkorrispondi mar-remunerazzjoni tal-funzjoni ta’ garanzija li taqdi l-kontribuzzjoni taċita inkwistjoni (iktar ’il quddiem ir-“remunerazzjoni ta’ garanzija”). Jekk, min-naħa l-oħra, ir-remunerazzjoni tkun fissa, iż-żieda tar-remunerazzjoni tkun komposta minn żewġ elementi: iż-żieda tar-rifinanzjament, jiġifieri ż-żieda fuq id-dħul mis-self tal-Istat li l-bank għandu jħallas fuq is-suq sabiex jikseb likwidità, u r-remunerazzjoni ta’ garanzija li tikkorrispondi mal-profil tar-riskju tal-kontribuzzjoni taċita inkwistjoni (premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata).
14 Fid-dawl tal-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ma timplikax trasferiment ta’ likwidità iżda spejjeż ta’ rifinanzjament addizzjonali għal Helaba, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan għandu jħallas lill-Land remunerazzjoni ta’ garanzija biss (premessi 162, 184 sa 187 tad-deċiżjoni kkontestata).
15 Għalhekk, fir-rigward tal-konformità mas-suq tar-remunerazzjoni miftiehma, miżjuda bl-effett tat-taxxa fuq in-negozju, il-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li l-imsemmija remunerazzjoni kienet tinsab fil-parti superjuri tal-medda tas-suq għar-remunerazzjoni ta’ garanzija, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li Helaba ġie ffavorit u li, għalhekk, ibbenefika minn għajnuna mill-Istat (premessi 172 u 183 tad-deċiżjoni kkontestata).
16 Rigward l-ammont li, skontha, ma kienx disponibbli għal Helaba bħala garanzija għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu, peress li kellu jservi bħala garanzija għall-attivitajiet ta’ għajnuna tal-fond speċjali għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali jew minħabba l-mudell gradwali, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tniżżil tiegħu fil-karta tal-bilanċ ta’ Helaba minn meta saret il-kontribuzzjoni implikat vantaġġ għalih, peress li kien jiffunzjona bħala garanzija, li kellu jiġi remunerat, kuntrarjament għal dak li kien previst mill-partijiet, b’0.3 % fis-sena qabel ma titnaqqas it-taxxa. Għalhekk, hija kkunsidrat li Helaba kien irċieva għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 6.09 miljun (premessi 155 u 190 tad-deċiżjoni kkontestata).
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
17 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ April 2005, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.
18 Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fid-29 ta’ Lulju, fl-4 u fit-8 ta’ Awwissu 2005, Helaba, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Land talbu li jintervjenu fil-proċedura preżenti insostenn tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Settembru 2005, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn it-talbiet għall-intervent.
19 Permezz ta’ ittri tad-9 u tat-23 ta’ Awwissu 2005 u tal-15 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti talbet li ċerti elementi kunfidenzjali inklużi fir-rikors u fir-replika jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lill-intervenjenti. Hija ppreżentat verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn in-noti. Il-komunikazzjoni lill-intervenjenti tal-imsemmija noti kienet limitata għal verżjonijiet mhux kunfidenzjali. L-intervenjenti ma qajmu ebda oġġezzjoni f’dan ir-rigward.
20 Ir-rikorrenti nnotifikat lill-Qorti Ġenerali, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2005, li ma kinitx semmiet il-banek li kienu tawha ċerta informazzjoni inkluża fir-replika peress li l-imsemmija banek kellhom il-biża li din taffettwa b’mod negattiv ir-relazzjoni kummerċjali tagħhom f’każ li Helaba jsir jaf bihom. Hija spjegat li din l-informazzjoni kienet ser tiġi żvelata biss lill-Qorti Ġenerali, fuq talba tagħha.
21 L-intervenjenti ppreżentaw in-noti tagħhom fit-terminu previst. Ir-rikorrenti wkoll ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-noti ta’ intervent fit-terminu previst. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx osservazzjonijiet fuq l-imsemmija noti.
22 Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex ċerti annessi mar-replika jiġu rtirati mill-proċess. Peress li r-rikorrenti ma kkontestatx it-talba fir-rigward tal-Anness C.3 tar-replika, dan ġie rtirat mill-proċess permezz tad-deċiżjoni tal-President tat-Tielet Awla tat-28 ta’ Ġunju 2006. Id-deċiżjoni rigward l-annessi l-oħra li l-irtirar tagħhom intalab mill-Kummissjoni ġiet irriżervata.
23 Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla u, konsegwentement, din il-kawża ġiet attribwita lill-imsemmija awla.
24 Fid-dawl tat-tmiem tal-kariga ta’ wieħed mill-membri tal-awla, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina imħallef ieħor sabiex jikkompletaha, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din il-qorti.
25 Fuq rapporti tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-Kummissjoni tippreżenta ċerti dokumenti u għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, u dawn irrispondew għalihom fit-terminu stabbilit.
26 It-trattazzjoni u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tad-9 ta’ Settembru 2008. Matul din is-seduta, il-Kummissjoni ġiet awtorizzata twieġeb bil-miktub għall-waħda mill-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni wieġbet permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Settembru 2008, u fit-2 ta’ Ottubru 2008 ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar din ir-risposta. Il-proċedura orali ntemmet fit-8 ta’ Ottubru 2008.
27 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
28 Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiddikjara r-rikors inammissibbli u, sussidjarjament, tiċħdu bħala infondat;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
A – Fuq l-ammissibbiltà
29 Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa probabbilment inammissibbli peress li r-rikorrenti ma hijiex individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.
30 Għandu jitfakkar li l-qorti għandha d-dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari, jekk l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fuq il-mertu, mingħajr ma tieħu deċiżjoni minn qabel fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punti 51 u 52, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2006, Sinaga vs Il-Kummissjoni, T‑217/99, T‑321/00 u T‑222/01, Ġabra p. II‑67, punt 68).
31 Fil-kawża inkwistjoni, għandu jiġi osservat li, minkejja li l-kawża preżenti u l-kawża li tat lok għas-sentenza tal-lum tal-Qorti Ġenerali Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑36/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), iqajmu kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà parzjalment differenti minħabba l-bażi legali ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati, huma jqajmu kwistjonijiet ta’ mertu essenzjalment simili peress li, il-partijiet fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza tal-aħħar, tennew numru ta’ argumenti ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura preżenti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hemm lok li l-ewwel tiddeċiedi fuq il-motivi invokati mir-rikorrenti, mingħajr ma preliminarjament tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ ammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, peress li, fi kwalunkwe każ u għar-raġunijiet deskritti iktar ’il fuq, ir-rikors għal annullament huwa infondat.
B – Fuq il-mertu
32 Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-Artikolu 87(1) KE peress li r-remunerazzjoni miftiehma bejn il-Land u Helaba għall-parti tal-kontribuzzjoni li huwa seta’ juża bħala garanzija għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu ma hijiex konformi għar-remunerazzjoni li kieku kienet tintalab minn investitur privat meta saret it-tranżazzjoni u li r-rinunzja tal-Land għal remunerazzjoni xierqa tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Hija ssostni, barra minn hekk, li ċerti evalwazzjonijiet inklużi fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex suffiċjentement motivati.
33 B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni l-ewwel nett li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq is-sitwazzjoni tas-suq fil-mument li fih saret il-kontribuzzjoni inkwistjoni. Sussegwentement, hija tikkritika l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar kull wieħed mill-istadji li hija segwiet sabiex tikkonkludi li r-remunerazzjoni miftiehma għall-parti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li Helaba seta’ juża bħala garanzija għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. L-ewwel nett, hija tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li, għall-finijiet tal-paragun bejn ir-remunerazzjoni miftiehma għall-kontribuzzjoni inkwistjoni u r-remunerazzjoni ta’ tranżazzjonijiet oħra fis-suq, l-imsemmija kontribuzzjoni iktar kienet tixbah kontribuzzjoni taċita għal żmien determinat milli investiment fil-kapital azzjonarju. It-tieni nett, hija tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni aċċettat is-soluzzjoni li tipprovdi remunerazzjoni gradwali tal-parti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li Helaba seta’ juża bħala garanzija għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu, skont il-mudell gradwali. It-tielet nett, hija tikkritika l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-possibbiltà ta’ żidiet u tnaqqis li jistgħu japplikaw għall-medda tar-remunerazzjoni ta’ garanzija li tirriżulta mis-suq sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni. Ir-raba’ nett, hija tikkritika l-fatt li mir-remunerazzjoni li kieku tintalab fis-suq il-Kummissjoni naqqset l-ispejjeż ta’ rifinanzjament li għal Helaba tikkostitwixxi l-allegat nuqqas ta’ likwidità tal-kontribuzzjoni.
34 Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 87(1) KE għandu l-għan li jevita li l-kummerċ bejn Stati Membri jiġi affettwat mill-vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi li, taħt forom diversi, jikkawżaw distorsjoni jew jheddu li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni billi jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti prodotti.
35 Għalhekk, sabiex jiġi evalwat jekk miżura tal-Istat tikkostitwixxix għajnuna, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et., C‑39/94, Ġabra p. I‑3547, punt 60; sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, punti 207 u 243).
36 F’dan ir-rigward, ma jistax jitqies li l-eżerċizzju ta’ verifika ta’ jekk tranżazzjoni saritx f’kundizzjonijiet normali tas-suq għandha neċessarjament isir b’riferiment għall-investitur biss, jew għall-impriża benefiċjarja tal-investiment biss, filwaqt li l-interazzjoni bejn l-aġenti ekonomiċi differenti hija tabilħaqq dik li tikkarratterizza l-ekonomija tas-suq (sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, punt 327). Barra minn hekk, dan l-eżerċizzju lanqas ma jeżiġi li jiġu injorati kompletament ir-restrizzjonijiet relatati man-natura tal-assi ttrasferiti, fid-dawl tal-fatt li bħala riferiment għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-aġir ta’ investitur privat li jinsab, sa fejn huwa possibbli, fl-istess sitwazzjoni bħal dik tal-investitur pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 70; u tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑334/99, Ġabra p. I‑1139, punt 133, u s-sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, punt 270).
37 F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-evalwazzjoni dwar jekk hemmx vantaġġ li l-impriża ma kinitx tkun tista’ tikseb fil-kundizzjonijiet tas-suq, il-Kummissjoni għandha tagħmel analiżi kompluta tal-elementi rilevanti kollha tat-tranżazzjoni inkwistjoni u tal-kuntest tagħha, inkluż tas-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja u tas-suq ikkonċernat (sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, punt 251). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari teżamina l-kwistjoni dwar jekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, l-impriża setgħetx tikseb mingħand investituri oħra fondi li kellhom l-istess vantaġġi għaliha u, skont il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, peress li miżura ma tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat jekk ma tpoġġix l-impriża f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża minn dik li kienet tkun fiha mingħajr intervent mill-awtorità pubblika.
38 Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni, tal-kwistjoni dwar jekk investiment jagħtix vantaġġ li l-impriża ma kinitx tkun tista’ tikseb fis-suq, timplika evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Il-Kummissjoni, meta tadotta att li jimplika tali evalwazzjoni, tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ ġudizzjarju tal-imsemmi att, anki jekk bħala prinċipju japplika b’mod sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-awtur tad-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, T‑126/96 u T‑127/96, Ġabra p. II‑3437, punt 81; tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T‑296/97, Ġabra p. II‑3871, punt 105, u WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, punt 282).
39 Qabel ma jiġu eżaminati l-ilmenti differenti mressqa mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni kkontestata, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet dwar il-kuntest li fih ġiet innegozjata l-kontribuzzjoni inkwistjoni.
1. Il-kuntest li fih ġiet innegozjata l-kontribuzzjoni inkwistjoni
40 Ir-rikorrenti ssostni li huwa inkorrett li jiġi kkunsidrat li Helaba ma kellux bżonn ta’ kontribuzzjoni ta’ fondi proprji bażiċi u li l-kontribuzzjoni essenzjalment saret fl-interess tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’mod partikolari tal-Land.
41 Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Land u minn Helaba, tikkontesta din il-preżentazzjoni tal-kuntest tal-kawża.
42 Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ Helaba, għandu jiġi kkonstatat li qabel l-integrazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, din kellha proporzjon ta’ fondi proprji bażiċi ta’ 5.4 % u proporzjon ta’ fondi proprji ta’ 9.6 %, it-tnejn li huma superjuri għall-proporzjonijiet minimi stabbiliti mill-liġi, jiġifieri 4 % u 8 % rispettivament (premessi 28 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata). B’differenza mill-kawża WestLB, invokata diversi drabi mir-rikorrenti, ebda emenda tal-leġiżlazzjoni applikabbli ma kienet, fl-1998, tirrendi indispensabbli li jiżdiedu l-proporzjonijiet ta’ fondi proprji tal-banek Ewropej. Il-fatt li l-proporzjonijiet ta’ Helaba kienu inqas favorevoli minn dawk tal-banek privati Ġermaniżi l-kbar ma jimplikax li l-kontribuzzjoni inkwistjoni kienet indispensabbli għas-sopravivenza jew għaż-żamma tal-volum ta’ attività tagħha, peress li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-banek Ġermaniżi kollha li ma għandhomx il-proporzjonijiet tal-banek privati l-kbar għandhom bżonn ta’ injezzjoni ta’ kapital. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma kkomunikatx il-proporzjonijiet tal-banek privati l-kbar għas-sena 1998, iżda biss għall-perijodu ta’ bejn l-1984 u l-1994.
43 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li Helaba kellu bżonn ta’ fondi ġodda biss sa fejn dan kien neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ tkabbir stabbiliti fil-pjan ta’ attività tiegħu. Minbarra l-fatt li l-eventwali nuqqas li jinkisbu l-fondi neċessarji għal dan il-għan kien ikollu biss bħala konsegwenza li jostakola t-tkabbir tiegħu u la kien jippreġudika s-sopravivenza tiegħu u lanqas il-volum tal-attivitajiet tiegħu ta’ dak iż-żmien, l-għanijiet ta’ tkabbir stabbiliti mill-pjan ta’ attività ta’ Helaba kienu jeżiġu biss, skont l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja esposti fil-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, żieda tal-fondi proprji bażiċi li l-ammont kien kunsiderevolment inqas minn dak tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, aħseb u ara minn dak tal-porzjonijiet previsti fil-mudell gradwali.
44 Id-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Helaba ppubblikati fl-istampa Ġermaniża fl-1998, invokati mir-rikorrenti, ma jikkonfutawx din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, id-dipendenza ta’ Helaba fir-rigward tal-kontribuzzjoni inkwistjoni b’ebda mod ma tista’ tiġi dedotta mid-dikjarazzjoni tal-imsemmi president li tipprovdi, “[j]ekk l-iżvilupp fuq livell internazzjonali jippermetti, [Helaba] jixtieq jikseb [fond speċjali] bħala fondi proprji kontra ħlas ta’ remunerazzjoni konformi mas-suq”. Bl-istess mod, bżonn urġenti ta’ fondi proprji ma jistax jiġi dedott mid-dikjarazzjoni tiegħu li “minn tal-inqas fuq żmien twil, kellha tiġi kkunsidrata l-kwistjoni dwar il-fondi proprji ta’ Helaba”.
45 Għalkemm huwa ċertament minnu li minn dawn id-dikjarazzjonijiet jirriżulta li l-kontribuzzjoni inkwistjoni kienet ta’ interess għal Helaba u li din kellha tippermettilu jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu ta’ fondi proprji matul diversi snin u jkattar l-attivitajiet ta’ riskju tiegħu. Kien biss peress li effettivament stenna li jibbenefika li Helaba ppropona li jieħu l-fond speċjali fil-forma ta’ kontribuzzjoni taċita. Madankollu, dan ma jimplikax li huwa kien jiddependi fuq il-kontribuzzjoni inkwistjoni jew li ma setax iżid il-fondi proprji bażiċi billi jirrikorri għall-investituri privati.
46 Fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-Land, mid-deċiżjoni kkontestata u mill-proċess jirriżulta li huwa ried jiġġenera dħul addizzjonali billi juża l-portafoll ta’ għajnuna intiża għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali għall-finijiet oħra, li madankollu ma riedx ibigħ sabiex iżomm l-allokazzjoni tiegħu għall-attivitajiet ta’ għajnuna, li ma xtaqx jaqsmu bejn stabbilimenti differenti – peress li, minn naħa, bħala fond li jiġġedded, huwa għandu jirriffinanzja ruħu bi dħul fuq is-self mogħti u, min-naħa l-oħra, minħabba l-ispejjeż u t-telf ta’ flessibbiltà fil-ġestjoni tal-għajnuna li jkun jinvolvi tali qsim – u li ried jorganizza l-ġestjoni tal-fondi bl-iktar mod effikaċji u ekonomiku possibbli (premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata).
47 Helaba kien iddikjara ruħu lest li jieħu u jamministra l-portafoll kollu ta’ għajnuna tal-fondi speċjali. Il-fatt li Helaba kien diġà jamministra fondi u programmi ta’ għajnuna u l-fatt li, peress li kien bank irregolat mid-dritt pubbliku, il-Land kien jeżerċità sorveljanza u kellu l-aħjar strumenti sabiex isegwi s-solvenza u l-iżvilupp tiegħu, b’mod partikolari ikkonvinċew lil-Land, li Helaba kien is-soċju xieraq. Huwa minnu li l-banek kooperattivi kienu b’mod spontanju wrew l-interess tagħhom għall-fond speċjali, iżda huma xtaqu lil Land ibigħu. Barra minn hekk, minkejja l-ammont allegatament ferm żgħir ta’ remunerazzjoni miftiehma għall-kontribuzzjoni inkwistjoni u l-fatt li l-intenzjoni tal-Land li jitrasferixxi l-fond kienet saret pubblika, ir-rikorrenti saret taf b’dan l-iktar tard fis-sajf tal-1998, filwaqt li, għad-differenza tal-banek kooperattivi, il-banek privati l-kbar ma ppreżentawx offerti kompetittivi.
48 Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet u jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta essenzjalment ikkunsidrat li l-obbligu finanzjarju impost fuq Helaba fir-rigward tal-parti tal-fond speċjali li huwa seta’ juża bħala garanzija għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu ma kienx inqas minn dak li huwa kien isostni f’kundizzjonijiet normali tas-suq sabiex jikseb l-istess vantaġġi u li, konsegwentement, il-kontribuzzjoni inkwistjoni ma kinitx timplika għajnuna mill-Istat.
49 Fid-dawl tal-fatt li wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti dwar in-natura allegatament żbaljata tal-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni bħala kontribuzzjoni taċita kif ukoll il-livell allegatament ferm żgħir tar-remunerazzjoni huwa bbażat fuq il-volum ferm kbir tal-kontribuzzjoni u tal-fatt li l-Kummissjoni topponi dan l-argument billi tibbaża ruħha fuq il-mudell gradwali, din il-kwistjoni għandha għalhekk tiġi eżaminata l-ewwel.
2. Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-mudell gradwali
a) Id-deċiżjoni kkontestata
50 Kif ġie indikat fil-punt 11 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li kellha ssir distinzjoni bejn ir-remunerazzjoni tal-parti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li kienet disponibbli għal Helaba bħala garanzija għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu u r-remunerazzjoni tal-parti tal-kontribuzzjoni li, għal diversi raġunijiet, ma kinitx isservi bħala tali.
51 Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-parti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li kienet disponibbli għal Helaba bħala garanzija għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu, il-Kummissjoni aċċettat li tieħu inkunsiderazzjoni l-mudell gradwali miftiehem bejn il-partijiet li jipprovdi li, matul l-ewwel erba’ snin wara l-integrazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, ir-remunerazzjoni ta’ 1.4 % stabbilita fil-kuntratt ma kinitx tħallset fir-rigward tal-kontribuzzjoni kollha, bl-eċċezzjoni tal-parti neċessarja bħala garanzija għall-attivitajiet ta’ għajnuna għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali, iżda biss fuq il-porzjonijiet miftiehma minn qabel. Il-Kummissjoni mmotivat l-approvazzjoni tal-mudell gradwali billi indikat, minn naħa, li, għalkemm il-fondi setgħu de facto jintużaw minn Helaba sa mill-bidu, dan kien indika li kellu bżonn l-assi kkontribwiti sabiex jużahom bħala garanzija għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu biss b’mod gradwali, u min-naħa l-oħra, li, fi ħdan il-porzjonijiet miftiehma, kienet il-possibbiltà ta’ użu u mhux l-użu effettiv li ttieħdet inkunsiderazzjoni. Il-Kummissjoni qieset li investitur privat fis-sitwazzjoni tal-Land, li ma xtaqx jaqsam il-fond speċjali, ma kienx ikun f’pożizzjoni li jimponi żieda iktar rapida tal-bażi tal-kapital li kellha tiġi remunerata bir-rata miftiehma ta’ 1.4 % (premessi 143 sa 146 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija kkunsidrat li l-parti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li taqbeż il-porzjonijiet miftiehma kellha tiġi remunerata bir-rata ta’ 0.3 % (premessi 142, 191 u 192 tad-deċiżjoni kkontestata).
b) L-argumenti tal-partijiet
52 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-mudell gradwali jissodisfa l-kriterju ta’ investitur privat. Hija ssostni li, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni nfisha, il-kwistjoni dwar jekk l-emittent effettivament jużax l-ammont kollu bħala garanzija għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu hija irrilevanti f’għajnejn l-investitur, peress li, għalih, dak li jgħodd huwa l-fatt li jkun qiegħed l-assi tiegħu għad-dispożizzjoni tal-bank, billi jirrinunzja li jgawdihom u billi jieħu riskju li jitlifhom.
53 Hija tqis li r-raġunijiet ipprovduti mill-Kummissjoni sabiex taċċetta, minkejja kollox, il-mudell gradwali, huma żbaljati.
54 Fir-rigward tal-fatt li Helaba kien informa lil Land bil-fatt li huwa ma kienx ser juża sa mill-bidu l-kontribuzzjoni inkwistjoni kollha, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm jista’ jkun li Helaba ġab ruħu b’mod raġonevoli minn perspettiva ekonomika billi eżiġa l-mudell gradwali, dan ma kienx il-każ tal-Land, peress li investitur privat f’dawn iċ-ċirkustanzi ma kienx jirrinunzja għall-parti mir-remunerazzjoni tiegħu iżda kien ifittex opportunitajiet oħra ta’ investiment li jippermettulu jkabbar l-profitt tiegħu jew, minn tal-inqas, kien jittrasferixxi l-fond speċjali gradwalment skont il-bżonnijiet ta’ Helaba. Matul is-seduta, għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti madankollu ddikjarat li f’dan il-każ il-kwistjoni ma kinitx dwar jekk il-Land kellux jittrasferixxi l-fond speċjali tiegħu gradwalment jew inkella jipprova jqiegħdu x’imkien ieħor, iżda dwar jekk kellux jeżiġi ir-remunerazzjoni għall-fondi kollha ttrasferiti.
55 Ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, din idderogat mill-prassi li hija segwiet fil-kawżi dwar il-Landesbanken l-oħra. Għalhekk, hija ssostni li l-Kummissjoni, fir-risposta li hija ppreżentat fil-proċeduri li taw lok għas-sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, sostniet li ebda investitur privat ma kien ser ipoġġi kapital għad-dispożizzjoni ta’ impriża billi jaċċetta li jirċevi biss remunerazzjoni parzjali abbażi tal-fatt li dan l-ammont kien fil-fatt ikbar mill-bżonnijiet attwali tal-impriża.
56 Fir-rigward tal-fatt li r-remunerazzjoni għandha titħallas skont il-porzjonijiet miftiehma bejn il-partijiet indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk Helaba kienx uża dawn l-ammonti kollha jew le, hija ssostni li l-kuntratt ma kienx jinkludi klawżola li tipprojbixxi lil Helaba milli juża l-kontribuzzjoni inkwistjoni għat-tkattir tal-attivitajiet tiegħu lil hinn mill-ammonti ta’ riferiment. Hija tikkunsidra, konsegwentement, li l-iffissar ta’ tali ammonti ta’ riferiment ma jikkostitwixxix vantaġġ għal Land peress li kien prevedibbli li Helaba juża ammont ikbar bħala garanzija. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li investitur privat kien jeżiġi remunerazzjoni għal vantaġġ ta’ klassifika li jibbenefika minnha Helaba minħabba ż-żieda tal-fondi proprji bażiċi.
57 Il-Kummissjoni, sostnuta mil-Land u minn Helaba, tikkontesta dawn l-argumenti.
c) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
58 L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li, kif ammettiet ir-rikorrenti stess matul is-seduta, il-kwistjoni dwar liema opportunitajiet alternattivi ta’ investiment setgħu kienu interessanti għal Land, ma hijiex rilevanti għall-kawża inkwistjoni. Fil-fatt, il-kwistjoni ma hijiex li jiġi ddeterminat jekk il-Land setax jikseb dħul ikbar mill-fond speċjali tiegħu billi jinvestih mod ieħor jew f’impriża oħra, iżda dwar jekk, billi jinvesti l-imsemmi fond speċjali ma’ Helaba skont il-kundizzjonijiet miftiehma, il-Land tax lil Helaba vantaġġ li ma kienx jikseb b’mod ieħor.
59 Sussegwentement għandu jiġi rrilevat li l-partijiet jaqblu dwar il-fatt li investitur privat li jqiegħed il-kapital tiegħu għad-dispożizzjoni ta’ bank bħala fondi proprji bażiċi ta’ dan il-bank, u b’hekk, jirrinunzja li jgawdih u jesponi ruħu għar-riskju li jitilfu, jeżiġi remunerazzjoni għall-kapital ittrasferit kollu. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kontribuzzjoni inkwistjoni kollha kellha tiġi remunerata, u dan b’effett mill-ewwel jum minn meta ġiet integrata mal-fondi ta’ Helaba, peress li huwa minn dan il-mument li l-Land beda jirriskja li jitlifha u li Helaba seta’ jikseb profitt minnha (premessi 142, 155, 191 u 192 tad-deċiżjoni kkontestata).
60 Madankollu, il-Kummissjoni qieset li investitur privat kien jaċċetta remunerazzjoni b’żewġ rati differenti skont l-irwol ta’ kull parti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni (premessi 142, 143 u 191 sa 193 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, hija kkunsidrat li investitur privat kien, minn naħa, jaċċetta r-remunerazzjoni miftiehma mil-Land u minn Helaba għall-parti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li setgħet tintuża minn dan tal-aħħar għat-tkattir tat-tranżazzjonijiet kummerċjali tiegħu u, min-naħa l-oħra, jeżiġi remunerazzjoni ta’ 0.3 % fir-rigward tal-bqija tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, minħabba, b’mod partikolari, il-vantaġġ ta’ klassifika li t-tniżżil ta’ din il-kontribuzzjoni bħala fondi proprji bażiċi ta lil Helaba sa mill-ewwel jum. Fid-dawl tal-fatt li l-Land ma kienx talab remunerazzjoni għall-parti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li x’aktarx ma kinitx ser tintuża għat-tkattir tal-attivitajiet kummerċjali ta’ Helaba, il-Kummissjoni kkonkludiet, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2003, li kien hemm għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 6.09 miljuni u ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirkuprha
61 Ir-rikorrenti tikkritika l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, investitur privat kien jaċċetta l-mudell gradwali u, konsegwentement, li matul l-ewwel snin parti mill-fond, li setgħet, skont id-dritt tas-superviżjoni, tintuża bħala garanzija għall-attivitajiet kummerċjali ta’ Helaba, jiġifieri l-parti mill-kontribuzzjoni inkwistjoni ikbar mill-porzjonijiet tal-mudell gradwali u li ma hijiex neċessarja sabiex tiggarantixxi l-attivitajiet ta’ għajnuna għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali tal-fond speċjali, ma tkunx remunerata bl-istess rata bħall-bqija tal-imsemmi fond.
62 L-ewwel nett, hija ssostni li, kif tammetti l-Kummissjoni nfisha fid-deċiżjoni kkontestata u kif iddikjarat fil-kuntest tal-kawża WestLB, investitur privat ma jaċċettax li d-dħul tiegħu jiddependi fuq l-ammont ta’ fondi proprji effettivament użati.
63 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, anki matul l-ewwel snin wara l-kontribuzzjoni inkwistjoni, il-bażi tar-remunerazzjoni miftiehma bejn il-partijiet ma kinitx tiddependi fuq l-ammont tal-kontribuzzjoni effettivament użat. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Helaba kellu jirremunera lil Land għall-porzjonijiet kollha miftiehma, indipendentement mill-użu effettiv tagħhom għall-finijiet tat-tkattir tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu. Fi tmiem il-perijodu tal-applikazzjoni tal-mudell gradwali, jiġifieri b’effett mill-2003, ir-remunerazzjoni miftiehma bejn il-partijiet kellha titħallas fuq il-kontribuzzjoni inkwistjoni kollha, minbarra l-parti li kellha sservi bħala garanzija għall-attivitajiet ta’ għajnuna għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali, indipendentement mill-ammont effettivament użat minn Helaba bħala garanzija għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata hija konformi mal-prinċipju, li tibbaża ruħha fuqu r-rikorrenti, li l-investitur privat ma jaċċettax li d-dħul tiegħu jkun jiddependi fuq l-ammont tal-fondi proprji effettivament użati.
64 It-tieni nett, ir-rikorrenti tiddikjara li d-differenzazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni, billi għamlet distinzjoni skont jekk il-kapital huwiex, bħal fil-każ inkwistjoni, ikkunsidrat bħala li qed jintuża għat-tkattir tal-attivitajiet peress li l-bank kien ħabbar minn qabel li ma kellux bżonnu, jew jekk dan il-kapital jistax jintuża liberament, ma hijiex rilevanti għall-investitur peress li, fiż-żewġ każijiet, huwa ma jkollux iktar kapital. Hija ssostni li, f’kull każ, il-ftehim konkluż bejn il-Land u Helaba ma jipproteġix lil-Land, peress li ma jinkludix impenn min-naħa ta’ Helaba li juża l-fondi ttrasferiti biss sal-limitu tal-porzjonijiet miftiehma.
65 Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li, għall-investitur, ma huwiex rilevanti li Helaba kien ħabbar li huwa ma kellux bżonn, immedjatament, il-fondi kollha, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), il-konformità ta’ tranżazzjoni mas-suq ma tistax tiġi evalwata biss mill-perspettiva tal-investitur iżda għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-interazzjoni bejn l-aġenti ekonomiċi differenti u l-kuntest li fih saret it-tranżazzjoni.
66 Issa, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argumenti li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, ikkarratterizzata, minn naħa, mill-fatt li l-Land ried jinvesti assi mhux likwidi li huwa ma riedx jaqsam, u min-naħa l-oħra, mill-fatt li Helaba ma kellux bżonn, la għal żmien temporanju u lanqas għal żmien twil, ta’ kapital daqs l-ammont tal-fond speċjali, investitur privat ma kienx jasal jikseb mill-bank ir-remunerazzjoni immedjata tal-kontribuzzjoni inkwistjoni kollha bir-rata adottata għar-remunerazzjoni tal-funzjoni ta’ tkattir tal-attivitajiet kummerċjali tal-bank. Kuntrarjament, ir-rikorrenti nfisha tiddikjara li Helaba kien probabbli ġab ruħu b’mod raġonevoli meta talab li jintuża l-mudell gradwali.
67 Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx manifestament żbaljat li jiġi kkunsidrat li bank ma jaċċettax li jħallas ir-rata li tikkorrispondi għar-remunerazzjoni tal-funzjoni ta’ tkattir tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu fir-rigward ta’ fondi li huwa jaf mill-bidu li mhux ser ikun kapaċi juża għal dan il-għan. Fil-fatt, għalkemm dawn il-fondi setgħu jippermettulu, kif tindika l-Kummissjoni, isaħħaħ s-solvenza tiegħu jew jevita d-degradazzjoni tagħha, u għalhekk li jnaqqas jew iżomm l-istess l-ispejjeż ta’ finanzjament tiegħu, madankollu dawn ma jippermettulux jikseb dħul addizzjonali minn tranżazzjonijiet ġodda.
68 Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni, investitur privat fis-sitwazzjoni tal-Land kien jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, minħabba l-impossibbiltà li Helaba juża immedjatament il-kontribuzzjoni kollha disponibbli mill-perspettiva tad-dritt tas-superviżjoni, għat-tkattir tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu, il-parti tal-kontribuzzjoni li huwa ma kienx f’pożizzjoni li juża ma kinitx taqdi l-istess funzjoni ekonomika għalih bħal dik tal-parti li huwa seta’ juża.
69 Huwa minnu li din iċ-ċirkustanza ma tiġġustifikax il-fatt li l-Land jirrinunzja għar-remunerazzjoni kollha tal-fondi li Helaba ma setax juża u li xorta waħda ġew trażmessi lilu sabiex jiġi evitat li l-fond speċjali jaqsam. Peress li sa mill-ewwel jum l-imsemmija fondi servew bħala garanzija għad-dejn ta’ Helaba, dawn kienu għalhekk minn dan il-mument suġġetti għal ċertu riskju ta’ telf u taw lil Helaba vantaġġ f’termini ta’ klassifika. Huwa preċiżament sabiex tiżgura remunerazzjoni għar-riskju inkors mil-Land u għall-vantaġġ li bbenefika minnu Helaba li l-Kummissjoni imponiet il-ħlas ta’ remunerazzjoni ta’ 0.3 % fis-sena għal din il-parti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni.
70 Fir-rigward tal-fatt li l-kuntratt ma jipprovdix klawżola li permezz tagħha Helaba jkun marbut li ma jużax, għat-tkattir tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu, ammonti ikbar mill-porzjonijiet miftiehma, għandu jiġi kkonstatat li din iċ-ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li tirrendi manifestament żbaljata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-parti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni ikbar mill-porzjonijiet ma taqdix funzjoni ta’ tkattir tal-attivitajiet kummerċjali. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-Land irnexxilu jiżgura li l-porzjonijiet jiġu stabbiliti għal-livell ferm ogħla minn dak li kien neċessarju fir-rigward tal-bżonnijiet ta’ kapital ta’ Helaba li jirriżultaw mill-pjan ta’ attività tiegħu u għalhekk żgura ruħu li l-porzjonijiet ma jinqabżux. Fil-fatt, mill-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, esposti fil-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata u kkonfermati mir-rikorrenti u minn Helaba fin-noti bil-miktub tagħhom, jirriżulta li l-porzjonijiet ġew stabbiliti għal madwar EUR 384 miljun (1999), EUR 614 miljun (2000), EUR 818 miljun (2001) u EUR 1.02 miljun (2002) filwaqt li, abbażi tat-tkabbir annwali pprogrammat, il-bank kellu bżonn madwar EUR 150 miljun fis-sena.
71 Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti, li tiffoka fuq is-sitwazzjoni tal-Land bħala investitur, ma tispjegax sa fejn is-soluzzjoni adottata mill-Kummissjoni, li tikkonsisti fl-approvazzjoni tal-mudell gradwali u fl-impożizzjoni ta’ remunerazzjoni ta’ 0.3 % għal parti mill-kontribuzzjoni li taqbeż il-porzjonijiet miftiehma, timplika vantaġġ kompetittiv li Helaba ma kienx ikun jista’ jikseb fil-kundizzjonijiet tas-suq.
72 Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni, il-fatt li, bejn l-1999 u l-2002, Helaba ma ħallasx remunerazzjoni ta’ livell xieraq għall-funzjoni ta’ tkattir tal-attivitajiet kummerċjali tal-parti tal-kapital li, minkejja li tista’ tintuża għall-finijiet ta’ superviżjoni, bħala garanzija għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu, ma ntużatx bħala tali, ma tax lok għal vantaġġ li kieku kien ikollu fil-kundizzjonijiet tas-suq.
73 Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata permezz ta’ argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ mudell gradwali f’dan il-każ tidderoga mill-prassi preċedenti tagħha, b’mod partikolari mill-pożizzjoni li hija ddefendiet fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji rigward id-deċiżjoni WestLB tal-1999. Fil-fatt, f’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, u li d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni wara dan l-annullament – jiġifieri d-Deċiżjoni 2006/737/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar għajnuna mill-Ġermanja favur l-impriża Westdeutsche Landesbank — Girozentrale, li saret WestLB AG (ĠU 2006, L 307, p. 22, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni WestLB tal-2004”) ma timponix iktar ż-żieda tar-rata ta’ remunerazzjoni li l-Kummissjoni kienet iġġustifikat bl-argument invokat mir-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni aċċettat li l-Land jirċievi biss remunerazzjoni parzjali tal-parti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li setgħet, skont id-dritt ta’ superviżjoni, tintuża sabiex jitkattru l-attivitajiet kummerċjali ta’ Helaba. Fil-fatt, hija essenzjalment ikkunsidrat li, wara l-ftehim li minnu jirriżulta l-mudell gradwali, il-Land ma ħalliex l-użu tal-fondi ttrasferiti għad-diskrezzjoni ta’ Helaba u li, bl-impożizzjoni ta’ remunerazzjoni ta’ 0.3 % għal parti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li taqbeż il-porzjonijiet ipprovduti, huwa ma kienx ser jirċievi remunerazzjoni parzjali iżda remunerazzjoni xierqa ta’ kull parti tal-kontribuzzjoni skont il-funzjoni li kellha għal Helaba.
74 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud.
3. Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkwalifikat b’mod żbaljat il-kontribuzzjoni inkwistjoni bħala kontribuzzjoni taċita “normali” u mhux bħala investiment fil-kapital azzjonarju
a) Id-deċiżjoni kkontestata
75 Il-Kummissjoni tiġbor fil-qosor l-argumenti ppreżentati quddiemha billi tindika li, skont ir-rikorrenti, “l-unika forma ġuridika li Helaba seta’ jkollu [...] kienet il-kapital-ishma jew il-kapital azzjonarju” u li, konsegwentement, il-kontribuzzjoni inkwistjoni kienet tikkostitwixxi “devjazzjoni mill-forma ‘normali’ ta’ kontribuzzjoni taċita”. Hija tindika wkoll li, skont ir-rikorrenti, il-kontribuzzjoni inkwistjoni tant kienet, minn perspettiva ekonomika, simili għal kapital azzjonarju li investitur kien jeżiġi interessi li jikkorrispondu għar-remunerazzjoni tal-kapital azzjonarju. Madankollu, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, “forma ġuridika oħra kienet possibbli, jiġifieri l-kontribuzzjoni taċita għal żmien indeterminat” (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni permanenti”) (permessi 127 u 128 tad-deċiżjoni kkontestata).
76 L-ewwel nett, il-Kummissjoni tammetti l-fatt li l-kontribuzzjoni taċita ġiet espliċitament stabbilita bħala tali bejn il-Land u Helaba u li ġiet ukoll rikonoxxuta bħala tali mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi (premessi 129 tad-deċiżjoni kkontestata).
77 It-tieni nett, il-Kummissjoni tiddikjara li, fir-rigward tal-analiżi tar-riskju, il-kontribuzzjoni inkwistjoni iktar tixbah kontribuzzjoni taċita “normali”, jiġifieri, għal żmien determinat, milli investiment fil-kapital azzjonarju. Hija tikkunsidra bħala essenzjali f’dan ir-rigward il-fatt li, bħal ma spjegat ir-Repubblika tal-Ġermanja billi bbażat ruħha fuq rapport ta’ perizja, fil-każ ta’ falliment, il-kontribuzzjoni inkwistjoni għandha, bħall-kontribuzzjonijiet taċiti “normali”, tkun rimborsata qabel il-kapital azzjonarju. Hija ssostni wkoll li kemm il-Land kif ukoll investitur li jwettaq kontribuzzjoni taċita għal żmien determinat jirċievi, sakemm l-impriża ma ssostnix telf, ir-remunerazzjoni miftiehma kollha, filwaqt li l-investitur fil-kapital azzjonarju għandu biss dritt għall-ħlas ta’ dividend proporzjonali mal-profitt (premessi 130 sa 132 tad-deċiżjoni kkontestata).
78 It-tielet nett, il-Kummissjoni tispjega għaliex hija tikkunsidra li l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva ma humiex suffiċjenti sabiex jikkonfutaw din il-konklużjoni.
79 Għalhekk, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tiċħad l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-kontribuzzjoni inkwistjoni għandha titqabbel, bħal kif sar fis-sentenza WestLB, ma’ investiment fil-kapital azzjonarju minħabba d-daqs tal-volum tagħha, li jwassal għal żieda fuq żmien twil tal-fondi proprji bażiċi ta’ Helaba bi kważi 50 %. F’dan ir-rigward, hija tindika li Helaba seta’, mingħajr problema, ikopri l-bżonnijiet stmati tiegħu f’kapital għall-perijodu ta’ bejn l-1998 u l-2002 billi jikseb mingħand investituri istituzzjonali differenti numru ta’ kontribuzzjonijiet taċiti, b’ammonti inqas, mifruxa fuq perijodu ta’ żmien (premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata).
80 It-tieni nett, il-Kummissjoni tiċħad l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li, minħabba l-kontribuzzjoni inkwistjoni, il-parti tal-kapital azzjonarju fl-ammont kollu tal-fondi proprji (iktar ’il quddiem il-“marġni tal-kapital azzjonarju”) ta’ Helaba ma hijiex iktar minn 50 %, filwaqt li dik tal-istabbilimenti tal-krediti privati hija iktar minn 80 %. Il-Kummissjoni qieset li din is-sitwazzjoni ma kinitx teżiġi li jiġi kkunsidrat li investitur privat ma kienx iwettaq il-kontribuzzjoni inkwistjoni, peress li r-Repubblika Federali tal-Germanja kienet uriet li l-banek reġjonali kienu iktar ta’ sikwit jirrikorru għall-kontribuzzjonijiet taċiti lil hinn mil-limitu ta’ 15 %, u dan, parzjalment, mingħand investituri privati (premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata).
81 It-tielet nett, fir-rigward tal-konsegwenzi fuq il-livell ta’ riskju tan-natura permanenti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti li jipprovdu li l-investituri istituzzjonali huma biss lesti li jiksbu strumenti ta’ kapital proprju ibridu ta’ żmien determinat jew strumenti li jistgħu jiġu rkuprati, peress li r-rata ta’ distribuzzjoni tiżdied gradwalment. Hija tikkunsidra li n-natura permanenti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni timplika prinċipalment riskju għall-investitur li ma jkunx jista’ japprofitta miż-żidied tar-rati ta’ interessi fis-suq, iżda ma tinfluwenzax ir-riskju ta’ telf. Minn dan hija tiddeduċi li n-natura permanenti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni ma tiġġustifikax li, fil-kawża inkwistjoni, għall-finijiet tal-istħarriġ tal-livell xieraq ta’ remunerazzjoni miftiehma, l-imsemmija kontribuzzjoni titqabbel mar-remunerazzjoni tal-kapital azzjonarju minflok ma titqabbel ma dik tal-kontribuzzjonijiet taċiti (premessi 136 u 138 tad-deċiżjoni kkontestata).
82 Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-integrazzjoni tal-fond speċjali tal-Land “kellu mingħajr dubju l-forma ġuridika ta’ kontribuzzjoni taċita li tixbah wisq iktar kontribuzzjonijiet taċiti oħra milli investiment fil-kapital azzjonarju”. F’dan ir-rigward, hija tiddikjara li “[l]-elementi li [hija] għandha huma wkoll insuffiċjenti sabiex jippermettulha tikkonkludi li kontribuzzjoni ta’ kapital li fir-realtà kienet tirrappreżenta investiment f’kapital azzjonarju kienet, b’mod illegali, ikklassifikata bħala kontribuzzjoni taċita”. Hija tikkunsidra li “[i]r-remunerazzjoni tal-[kontribuzzjoni inkwistjoni] għandha konsegwentement tiġi bbażata fuq dik tal-kontribuzzjonijiet taċiti ‘normali’, jiġifieri fuq kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat li l-volum tagħhom jikkorrispondi għal dak li jista’ jiġi osservat fis-suq u li r-remunerazzjoni tagħhom tista’ tkun suġġett għal żieda” (premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata).
b) L-argumenti tal-partijiet
83 Ir-rikorrenti ssostni li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ma kellhiex tiġi kklassifikata bħala kontribuzzjoni taċita “normali” u, konsegwentement, li r-remunerazzjoni tagħha ma kellhiex titqabbel ma dik tal-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat li saru fis-suq.
84 Hija tenfasizza li l-Kummissjoni eżaminat jekk il-partijiet kinux, b’mod illegali, ikklassifikaw il-kontribuzzjoni inkwistjoni bħala kontribuzzjoni taċita u mhux bħala investiment f’kapital azzjonarju u eżaminat biss b’mod sussidjarju l-karatteristiċi ekonomiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni. Hija tindika li dan ir-raġunament huwa żbaljat peress li f’dan il-każ il-kwistjoni ma hijiex li jsir magħruf jekk kienx hemm abbuż, iżda jekk, minn perspettiva ekonomika, il-kontribuzzjoni inkwistjoni kinitx iktar tixbahx kontribuzzjonijiet eżistenti fis-suq jew inkella investimenti fil-kapital azzjonarju.
85 Ir-rikorrenti tqis li, kuntrarjament għal konklużjoni tal-Kummissjoni, il-kontribuzzjoni inkwistjoni hija ġuridikament u ekonomikament differenti meta mqabbla mal-mudell tal-kontribuzzjoni taċita li jirriżulta mid-dritt tal-kumpanniji, jew meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat fis-suq u rikonoxxuti bħala fondi proprji bażiċi, u għandha struttura partikolari li tipprekludi li din titqabbel ma’ kontribuzzjonijiet taċiti magħżula mill-Kummissjoni għal dan il-għan. Hija tqis, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fil-mument li fih saret il-kontribuzzjoni inkwistjoni sabiex tkun tista’ twettaq l-evalwazzjoni tagħha u li, barra minn hekk, hija evalwat b’mod żbaljat is-sitwazzjoni tas-suq f’dak il-mument.
86 Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-karatteristiċi ġuridiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-imsemmija kontribuzzjoni ma tikkostitwixxix, minn perspettiva formali, kontribuzzjoni taċita “normali”, fis-sens tad-dritt tal-kumpanniji Ġermaniż, b’mod partikolari, peress li ġiet maħsuba sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi u mid-Dikjarazzjoni ta’ Sydney sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti mill-fondi proprji bażiċi ta’ Helaba, u dan lil hinn mil-limitu ta’ 15 %.
87 Fir-rigward, it-tieni nett, tal-karatteristiċi ekonomiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, ir-rikorrenti ssemmi ħames elementi li jirrendu l-profil tar-riskju tal-kontribuzzjoni inkwistjoni iktar jixbah lil dak tal-investiment f’kapital azzjonarju milli lil dak tal-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat: il-volum tagħha, il-kwalità tagħha bħala garanzija, il-profil tal-qligħ tagħha, il-protezzjoni tal-kapital investit kif ukoll it-tul tagħha u n-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ trasferiment.
88 Fir-rigward, it-tielet nett, tas-sitwazzjoni tas-suq fil-mument li fih saret il-kontribuzzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-kriterju ta’ investitur privat billi għażlet perijodu ta’ riferiment żbaljat. Għalhekk, hija ssostni li l-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha, li tipprovdi li l-kontribuzzjoni inkwistjoni kellha titqabbel mal-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat, fuq informazzjoni dwar il-prassi tal-banek privati matul il-perijodu ta’ wara d-data tal-kontribuzzjoni inkwistjoni.
89 Ir-rikorrenti tikkontesta, barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li jipprovdu li, minn naħa, fil-Ġermanja kien hemm, fil-mument tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, suq stabbilit ta’ strumenti ta’ kapital proprju ibridu u li, min-naħa l-oħra, Helaba seta’ wkoll jkopri l-bżonn tiegħu ta’ kapital billi jagħmel kontribuzzjoni taċita f’diversi porzjonijiet ta’ daqs iżgħar. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-kwistjoni ma hijiex dwar dak li seta’ jagħmel Helaba sabiex jikseb fondi, iżda dwar jekk investitur privat kienx jagħtih kontribuzzjoni tal-istess natura u bl-istess kundizzjonijiet bħall-dawk tal-kontribuzzjoni inkwistjoni.
90 Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.
c) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
91 Preliminarjament, għandha tiġi kkjarifikata l-pożizzjoni tal-partijiet fir-rigward tal-importanza, għad-deċiżjoni tal-kawża preżenti, tal-forma ġuridika magħżula minn Helaba u mil-Land għall-kontribuzzjoni inkwistjoni.
92 Mid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill-premessi 127, 128 u 139 (ara l-punti 75 u 82 iktar ’il fuq), jirriżulta li l-Kummissjoni interpretat l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti matul il-proċeduri amministrattivi bħala li huma intiżi sabiex jiġi kkonstatat li l-użu tal-forma ġuridika tal-kontribuzzjoni taċita kien illegali.
93 Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta din l-interpretazzjoni u ssostni li qatt ma ġie allegat li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi, ġuridikament, kapital azzjonarju. Hija ssostni li, matul il-proċedura amministrattiva hija allegat li permezz tal-organizzazzjoni konkreta tagħha, il-kontribuzzjoni inkwistjoni kienet kunsiderevolment differenti, fuq livell ekonomiku, minn kontribuzzjoni taċita u li kienet tixbah ħafna kapital azzjonarju, b’mod li għall-imsemmija kontribuzzjoni investitur privat kien jeżiġi remunerazzjoni li tikkorrispondi mal-profil tar-riskju ta’ kapital azzjonarju. Barra minn hekk, hija teżamina l-karatteristiċi ġuridiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni u ssostni li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tista’ titqabbel ma’ kontribuzzjonijiet taċiti “normali” ma tipprekludix analiżi fid-dettall tal-istruttura ġuridika tal-imsemmija kontribuzzjoni u li tippreżenta karatteristiċi importanti meta mqabbla ma’ kontribuzzjoni taċita “normali” li tikkorrispondi mal-mudell li jirriżulta mid-dritt tal-kumpanniji.
94 Madankollu, mill-osservazzjonijiet bil-miktub kollha tal-partijiet jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni interpretatx b’mod korrett jew le l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva ma tikkostitwixxix l-għan veru tal-kawża preżenti. Fil-fatt, mill-argumenti tal-partijiet jirriżulta li huma jaqblu dwar il-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ġiet legalment ikklassifikata mil-Land u minn Helaba bħala kontribuzzjoni taċita u ġiet rikonoxxuta bħala tali mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Huma jaqblu wkoll dwar il-fatt li l-karatteristiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni ma jipprekludix lil-Land u lil-Helaba milli jirrikorru għall-forma ġuridika tal-kontribuzzjoni taċita.
95 Għalhekk, il-partijiet jiffokaw l-argumenti tagħhom, rigward il-klassifika tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, sabiex jiddeterminaw it-tranżazzjonijiet ta’ riferiment, fuq il-kwistjoni dwar jekk din tantx tixbah, fir-rigward tal-profil tar-riskju, il-kapital azzjonarju li investitur privat kien jeżiġi remunerazzjoni li tikkorrispondi ma’ dik tal-kapital azzjonarju jew inkella jekk tixbahx iktar lill-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat u rikonoxxuti bħala fondi proprji bażiċi, b’mod li r-remunerazzjoni tagħha tista’ titqabbel ma dik tal-imsemmija kontribuzzjonijiet taċiti.
96 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-paragun bejn il-kontribuzzjoni inkwistjoni u l-istrumenti ibridi oħra jikkostitwixxi kwistjoni ta’ ċerta kumplessità ekonomika, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni għanda setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, punt 351).
97 Barra minn hekk, il-klassifika tal-kontribuzzjoni inkwistjoni bħala kontribuzzjoni taċita għal żmien determinat jew bħala investiment f’kapital azzjonarju tikkostitwixxi biss strument analitiku użat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il quddiem, punt 250).
98 L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma tippermettix għalhekk li jiġu determinati b’mod awtomatiku l-eżistenza u d-dimensjoni ta’ għajnuna mill-Istat, iżda tippermettilha biss li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha, ikollha punt ta’ tluq li jieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li fihom investituri privati wettqu tranżazzjonijiet li jixxiebhu. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni għalhekk ma teħlishiex mill-obbligu li twettaq analiżi kompluta tal-elementi kollha rilevanti tat-tranżazzjoni inkwistjoni u tal-kuntest tagħha, inkluż is-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja u tas-suq ikkonċernat, sabiex tivverifika jekk l-impriża benefiċjarja tiksibx vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, punti 251 u 257).
99 Għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet fir-rigward tal-karatteristiċi differenti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni billi jiġu studjati, qabelxejn, dawk rigward il-karatteristiċi li fuqhom ibbażat ruħha prinċipalment il-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li l-kontribuzzjoni inkwistjoni kellha titqabbel ma’ dik tal-kontribuzzjoni għal żmien determinat, u sussegwentement, dawk rigward il-karatteristiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat li ma jipprekludux l-imsemmi paragun u, fl-aħħar nett, dawk rigward karatteristiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li ma ġewx invokati matul il-proċedura amministrattiva u li ma ġewx eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata. Għandha tiġi eżaminata wkoll il-kritika tar-rikorrenti rigward il-perijodu ta’ riferiment li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat.
Fuq il-karatteristiċi li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li r-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni għandha titqabbel ma’ dik tal-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat
– Riskju ta’ telf fil-każ ta’ falliment jew ta’ stralċ
100 Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kontribuzzjoni inkwistjoni għandha l-istess riskji fil-każ ta’ falliment jew ta’ stralċ bħall-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat eżistenti fis-suq peress li, f’dan il-każ, hija għandha tiġi rimborsata qabel il-kapital azzjonarju. Hija bbażat ruħha f’dan ir-rigward fuq id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll fuq rapport ta’ perizja ppreżentat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata).
101 Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kuntratt huma l-Artikoli 3 u 9. L-Artikolu 3(2) dwar il-“Parteċipazzjoni fit-telf”, jipprovdi:
“[I]r-relazzjonijiet bejn il-krediti ta’ min jagħmel il-kontribuzzjoni u dawk ta’ investituri oħra ta’ fondi proprji fis-sens tal-Artikolu 10 tal-[Kreditwesengesetz] huma rregolati skont l-ordni kronoloġika tal-kontribuzzjoni f’kapital lil bank, b’mod li l-krediti li jirriżultaw mill-fondi proprji preċedentement ikkontribwiti għandhom il-prijorità. Fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet simultanji ta’ kapital, il-krediti huma sodisfatti abbażi tas-sehem tal-fondi proprji li huma jirrappreżentaw fis-sens tal-Artikolu 10(4) u (5) tal-[Kreditwesengesetz]. Għall-kontribuzzjonijiet skont l-Artikolu 10(4) tal-[Kreditwesengesetz], id-data rilevanti hija dik ta’ meta saret il-kontribuzzjoni filwaqt li fil-qasam tad-dritt ta’ tgawdija, id-data rilevanti hija dik ta’ meta jibda’ jiddekorri t-tul tal-validità tagħhom.”
102 L-Artikolu 9, dwar l-“Inferjorità fil-grad”, jipprovdi:
“Fil-każ ta’ falliment jew ta’ stralċ tal-bank, il-ħlas tal-kreditu li għandu jiġi rifuż għandu jsir biss – bla ħsara għall-Artikolu 3(2) [...] – wara li jkunu tħallsu l-kredituri kollha tal-bank – minbarra l-investituri privati li jinsabu fi grad inqas, skont l-Artikolu 10 tal-[Kreditwesengesetz].”
103 Ir-rapport ta’ perizja ppreżentat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jipprovdi:
“L-Artikolu 3(2) tal-kuntratt ma jbiddel xejn mill-prijorità, ipprovduta mill-liġi, li r-rimbors tal-kontribuzzjoni taċita għandu fuq eventwali assi residwi f’każ ta’ falliment jew stralċ tal-bank. Dan jirriżulta l-ewwel nett mill-istruttura tad-dispożizzjoni li, fit-tieni frażi tagħha, tirreferi biss għall-kapital proprju fis-sens tal-Artikolu 10(4) u (5) tal-[Kreditwesengesetz] u li, fit-tielet frażi tagħha, tindika d-data li tiddetermina l-ordni kronoloġiku għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni biss għall-kontribuzzjoni taċita u għad-dritt ta’ tgawdija.”
104 Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li minkejja li kontribuzzjoni taċita għandha bħala prinċipju tiġi rimborsata qabel il-kapital azzjonarju, il-kwistjoni dwar jekk dan japplikax ukoll fir-rigward tal-kontribuzzjoni inkwistjoni ma hijiex solvuta mit-test tal-kuntratt. Barra minn hekk, hija ssostni li ma tafx fuq liema elementi bbaża ruħu l-awtur tar-rapport tal-perizja ċċitat mill-Kummissjoni sabiex jasal għall-konklużjoni, li tmur kontra t-test tal-kuntratt, li l-kontribuzzjoni inkwistjoni għandha tiġi rimborsata qabel il-kapital azzjonarju. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tiddikjara li, ladarba l-kredituri li jkunu taw fondi proprji bażiċi għandhom jiġu sodisfatti, skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 9 tal-kuntratt, skont l-ordni kronoloġika tal-kontribuzzjonijiet tagħhom, il-Land kellu jibda’ bil-premessa li kien ser ikun l-aħħar wieħed li jiġi sodisfatt f’każ ta’ falliment jew stralċ ta’ Helaba, u mhux biss wara l-kredituri “normali” kollha, iżda saħansitra wara l-investituri kollha tal-fondi proprji bażiċi u għalhekk anki wara l-investituri fil-kapital azzjonarju.
105 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-kuntratt ma jipprovdix b’mod espliċitu li l-kontribuzzjoni inkwistjoni għandha tiġi rimborsata wara l-kapital azzjonarju u, min-naħa l-oħra, li r-riferiment għall-“investituri oħra f’fondi proprji skont l-Artikolu 10 tal-[Kreditwesengesetz]”, li tissemma’ fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tal-kuntratt, toħloq diffikultà ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-prijorità tal-krediti dwar il-kapital ikkontribwit preċedentement jikkonċernax ukoll il-kontribuzzjonijiet tal-kapital azzjonarju.
106 Għalhekk, minn naħa, għandu jiġi osservat li għalkemm f’siltiet tan-noti tagħha r-rikorrenti ssostni li l-kuntratt jipprovdi li l-kontribuzzjoni inkwistjoni għandha tiġi rimborsata wara l-kapital azzjonarju, madankollu, fir-rikors tagħha hija ssostni wkoll li tibqa’ mhux solvuta l-kwistjoni dwar jekk ir-regola tad-dritt mhux mandatorja - li skontha l-kontribuzzjonijiet taċiti għandhom jiġu rimborsati qabel il-kapital azzjonarju - hijiex applikabbli għall-kontribuzzjoni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, minkejja l-fatt li r-rapport ta’ perizja msemmi mill-Kummissjoni ġie kkomunikat lilha fuq talba tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma ppreżentatx argumenti intiżi li jikkontestaw l-interpretazzjoni tal-awtur tar-rapport ta’ perizja li skontha r-riferiment għal “investituri oħra ta’ fondi proprji fis-sens tal-Artikolu 10 tal-[Kreditwesengesetz]”, li jissemmew fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tal-kuntratt, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tat-tieni u tat-tielet sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, li jikkonċernaw il-kontribuzzjonijiet taċiti u d-drittijiet ta’ sehem u mhux il-kapital azzjonarju.
107 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset, fid-dawl tar-rapport ta’ perizja pprovdut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-kontribuzzjoni inkwistjoni għandha tiġi rimborsata, fil-każ ta’ falliment jew ta’ stralċ, qabel il-kapital azzjonarju. Is-sempliċi fatt li r-rikorrenti tinterpreta l-kuntratt b’mod differenti minn dak stabbilit fir-rapport ta’ perizja, mill-Kummissjoni u mill-partijiet kontraenti għall-kontribuzzjoni inkwistjoni, effettivament ma huwiex biżżejjed sabiex tipprova l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.
108 Ir-rikorrenti ssostni, it-tieni nett, li anki kieku l-kontribuzzjoni inkwistjoni kellha tiġi rimborsata qabel il-kapital azzjonarju, ir-riskju ta’ telf jixbah lil dak tal-kapital azzjonarju peress li, fil-prattika, f’każ ta’ falliment, il-kredituri fi grad inqas u l-investituri fil-kapital azzjonarju ma jirċievu xejn.
109 F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li kull każ ta’ falliment fil-qasam bankarju jimplika kemm għall-proprjetarji kif ukoll għall-kredituri ta’ grad inqas, it-telf totali tal-kapital tagħhom, fatt ikkontestat mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti, din il-karatteristika hija kondiviża mill-kontribuzzjonijiet taċiti kollha rikonoxxuti bħala fondi proprji bażiċi, peress li huma neċessarjament kollha kreditu ta’ grad inferjuri. Konsegwentement, din il-karatteristika tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, għalkemm hija kondiviża mill-kapital azzjonarju, ma tiddistingwihiex mill-kontribuzzjonijiet taċiti rikonoxxuti bħala fondi proprji bażiċi.
110 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi deċiż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-kontribuzzjoni inkwistjoni kienet tinvolvi, f’każ ta’ falliment jew ta’ stralċ, l-istess riskju bħall-kontribuzzjonijiet taċiti.
– Profil tal-qligħ
111 Il-Kummissjoni qieset li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi kontribuzzjoni taċita normali peress li l-Land, l-istess bħal investitur ta’ kontribuzzjoni taċita għal żmien determinat, jirċievi, sakemm l-impriża ma ssofri ebda telf, ir-remunerazzjoni kollha miftiehma, filwaqt li investitur fil-kapital azzjonarju għandu biss id-dritt għal ħlas ta’ dividend proporzjonali mal-profitt (premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata).
112 Ir-rikorrenti tikkritika din l-evalwazzjoni u ssostni li kemm ir-remunerazzjoni fissa kif ukoll ir-remunerazzjoni varjabbli jistgħu jintużaw għall-kapital azzjonarju u għall-kontribuzzjonijiet taċiti, peress li kemm waħda kif ukoll l-oħra jistgħu jirriżultaw iktar vantaġġużi mill-oħra skont ir-riżultati tal-bank. F’dan ir-rigward hija tosserva li, fil-kawża WestLB, il-Kummissjoni qablet it-tranżazzjoni inkwistjoni ma’ investiment fil-kapital azzonarju, minkejja l-fatt li r-remunerazzjoni inkwistjoni kienet fissa. Hija ssostni wkoll li, fi kwalunkwe każ, mill-perspettiva tal-investitur, il-kwistjoni ewlenija hija jekk il-ħlas tar-remunerazzjoni jiddependix fuq it-twettiq ta’ profitti. Hija tqis li f’dan il-każ, huwa tabilħaqq il-każ peress li l-Land jirċievi r-remunerazzjoni kollha biss jekk il-profitt ta’ Helaba jkun minn tal-inqas daqs ir-remunerazzjoni u li ma huwiex neċessarju għall-finijiet tar-rifinanzjament tal-fondi proprji.
113 Fir-rigward, l-ewwel nett, tan-natura fissa jew varjabbli tar-remunerazzjoni, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li hawnhekk ma hijiex kwistjoni ta’ liema waħda hija l-iktar vantaġġuża f’sitwazzjoni partikolari, iżda li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-fatt li r-remunerazzjoni miftiehma bejn il-partijiet hija remunerazzjoni fissa, li bħala prinċipju għandha titħallas sakemm Helaba ma jagħmilx telf, iktar jagħmel lill-kontribuzzjoni inkwistjoni tixbah kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat milli kontribuzzjoni fil-kapital azzjonarju peress li din it-tip ta’ remunerazzjoni hija speċifika għall-kontribuzzjonijiet taċiti.
114 F’dan ir-rigward, Helaba jsostni b’mod utli li, anki fil-każijiet fejn remunerazzjoni fissa hija prevista għall-kapital azzjonarju, il-profitt attwali li l-proprjetarji tal-banek jagħmlu mill-investiment tagħhom huma dejjem varjabbli. Fil-fatt, sa fejn il-profitt li jkun ikbar mir-remunerazzjoni fissa mħallsa jżid ir-riżervi tal-bank, li jkollhom jitqassam f’każ ta’ stralċ jew li għandhom influwenza pożittiva fuq il-valur tal-ishma, il-profitt tal-investitur fil-kapital azzjonarju ikun iktar mir-remunerazzjoni li huwa rċieva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammont finali ma jistax jiġi previst minn qabel, u għalhekk ir-remunerazzjoni finali tal-investiment issir varjabbli.
115 Helaba jsostni wkoll, mingħajr ma huwa kkontestat mir-rikorrenti, li, fl-istudju dwar il-fondi proprji bażiċi ibridi li ddepożitat ir-rikorrenti nfisha, hemm indikat li l-aħjar fondi proprji bażiċi huma dawk fil-forma ta’ kapital azzjonarju, peress li huma l-uniċi li ma jagħtux lok, b’mod partikolari, għall-obbligu ta’ ħlas fiss.
116 Għalhekk, minn dan jirriżulta li anki jekk ma huwiex dejjem il-każ, huwa effettivament abitwali li l-kontribuzzjonijiet taċiti jkunu remunerati b’mod fiss u li l-kapital ikun remunerat permezz ta’ dividendi varjabbli. Fi kwalunkwe każ, filwaqt li r-remunerazzjoni tal-kontribuzzjonijiet taċiti għandha bilfors titħallas ladarba l-kundizzjonijiet ipprovduti fil-kuntratt huma sodisfatti, l-użu tal-profitti mill-proprjetarji jista’ jieħu diversi forom, pereżempju l-ħlas fir-riżervi jew id-distribuzzjoni tal-profitt, u jiddependi, bħala prinċipju, fuq ir-rieda tal-maġġoranza.
117 Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-deċiżjoni WestLB tal-1999. Minn naħa, għandu jitfakkar li din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, sa fejn l-argument tar-rikorrenti jista’ jinftiehem bħala li jirreferi għad-deċiżjoni WestLB tal-2004, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-Kummissjoni qieset li r-remunerazzjoni tal-kapital ittrasferit fit-tranżazzjoni inkwistjoni għandha titqabbel mar-remunerazzjoni tal-kapital azzjonarju ma jimplikax li l-profil tal-qligħ tal-imsemmija tranżazzjoni huwa speċifiku għall-kapital azzjonarju, iżda jimplika biss li, fil-kuntest tal-eżami globali tat-tranżazzjoni, kien hemm elementi oħra li taw indikazzjoni qawwija li kellu jitwettaq dan il-paragun. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kienet, b’mod partikolari qalet li l-kapital ittrasferit kien ikkunsidrat bħala fondi proprji bażiċi filwaqt li l-istrumenti proposti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex isisr il-paragun setgħu jintużaw fil-Ġermanja biss bħala fondi proprji addizzjonali.
118 Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li, kemm fil-każ tal-kontribuzzjoni inkwistjoni kif ukoll fil-każ tal-kapital azzjonarju, ir-remunerazzjoni tiddependi fuq l-eżistenza ta’ profitt, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-ħlas tar-remunerazzjoni, anki jekk din tkun fissa, jiddependi fuq li l-bank ma jirreġistrax żbilanċ annwali u fuq li l-ħlas li ma jagħtix lok għal tali żbilanċ, japplika għall-kontribuzzjonijiet taċiti kollha rikonoxxuti bħala fondi proprji bażiċi, peress li l-Artikolu 10(4) tal-Kreditwesengesetz (Liġi Ġermaniża dwar l-istabbilimenti tal-kreditu) jeżiġi dan. Konsegwentement, din iċ-ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li turi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tixbah lill-kontribuzzjonijiet taċiti rikonoxxuti bħala fondi proprji bażiċi eżistenti fis-suq.
119 Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ammont tal-profitt neċessarju sabiex ir-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, jew ta’ kontribuzzjonijiet taċiti oħra, tkun tista’ titħallas, huwa inqas minn dak li għandu jintlaħaq sabiex il-proprjetarji tal-bank jirċievu dividend. Fil-fatt, ir-remunerazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet taċiti tikkostitwixxi, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, spiża tal-operat li bħala tali titħallas qabel it-taxxa u qabel id-distribuzzjoni tal-profitti. Minn dan jirriżulta li huwa biżżejjed li l-bank jikseb bilanċ annwali qabel it-taxxi li jkun daqs ir-remunerazzjoni tal-kontribuzzjonijiet sabiex l-investitur jirċievi r-remunerazzjoni kollha. Min-naħa l-oħra, sabiex il-proprjetarji jirċievu l-istess ammont fil-forma ta’ dividendi, ikun meħtieġ, bħala prinċipju, li l-bank iwettaq bilanċ annwali qabel it-taxxa li jkun daqs ir-remunerazzjoni tal-kontribuzzjonijiet taċiti magħduda flimkien mal-ammont tat-taxxa u mal-ammont tal-imsemmi dividend.
120 L-argument tar-rikorrenti, ippreżentat bħala tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, li jipprovdi li l-imsemmija karatteristika ma tiddistingwix verament bejn, minn naħa, il-kontribuzzjoni inkwistjoni u l-kontribuzzjonijiet taċiti nnegozjati fis-suq u, min-naħa l-oħra, l-kapital azzjonarju, peress li l-proprjetarji jistgħu juru profitti li jistgħu jitqassmu anki fil-każ ta’ telf annwali - b’mod partikolari billi jnaqqsu ir-riżervi - jikkontradixxi l-argument tagħha dwar il-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ ħlas tar-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni iktar jagħtuha sura ta’ investiment f’kapital azzjonarju milli ta’ kontribuzzjonijiet taċiti li jsiru fis-suq. Fil-fatt, filwaqt li l-ħlas tar-remunerazzjoni tal-kontribuzzjonijiet taċiti jirrikjedi l-eżistenza ta’ bilanċ annwali, il-ħlas ta’ dividendi jista’ jsir anki fil-każ ta’ telf annwali billi jintwerew profitti li jistgħu jitqassmu.
121 Barra minn hekk, filwaqt li l-ħlas tar-remunerazzjoni tal-kontribuzzjonijiet taċiti huwa obbligatorju hekk kif jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt, il-ħlas ta’ dividendi fi tmiem ta’ sena finanzjarja li tat lok għal telf annwali ma huwiex awtomatiku, iżda jimplika approvazzjoni mill-maġġoranza tal-azzjonarji. Iktar minn hekk, kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti waqt is-seduta bħala tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-fatt li bank li għamel telf annwali u li ma ħallasx ir-remunerazzjoni tal-kontribuzzjonijiet taċiti jiddeċiedi li jħallas dividendi, jkun ta’ ħsara għar-reputazzjoni tiegħu u għall-probabbiltajiet ta’ suċċess tal-ħruġ futuri tiegħu.
122 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-profil tal-qligħ tal-kontribuzzjoni inkwistjoni kien karatteristiku għall-kontribuzzjonijiet taċiti.
Fuq il-karatteristiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat li ma jipprekludux il-paragun bejn ir-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni u l-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat
123 Il-Kummissjoni ma laqgħetx l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-volum tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, fuq il-parti li din il-kontribuzzjoni għandha fil-fondi proprji ta’ Helaba u fuq in-natura permanenti tagħha.
– Volum
124 Il-Kummissjoni qieset li d-daqs tal-volum globali tal-kontribuzzjoni inkwistjoni ma jimplikax neċessarjament li din għandha tiġi kklassifikata bħala kapital azzjonarju. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-fatt li, minħabba l-mudell gradwali, bejn l-1999 u l-2002, Helaba seta’ biss juża parti mill-fondi ttrasferiti bħala garanzija għat-tranżazzjonijiet kummerċjali tiegħu. Barra minn hekk, hija ċaħdet il-paragun li sar mal-kawża WestLB peress li, f’din il-kawża, id-daqs tal-volum ta’ kapital injettat kien biss indizju fost oħrajn li ppermettew li jixxebbah mal-kapital azzjonarju. F’dan ir-rigward, hija ssostni li ħadet ukoll inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-fondi kienu għalkollox suġġetti għar-riskju ta’ telf fil-każ ta’ falliment jew ta’ stralċ u l-fatt li s-suq tal-istrumenti ta’ kapital proprju ibridu ma kienx għadu żviluppat fil-Ġermanja (premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata).
125 Ir-rikorrenti ssostni li hemm lok, mill-perspettiva tal-investitur, li ssir distinzjoni bejn żewġ aspetti, jiġifieri l-ammont totali tal-ħruġ u d-daqs tal-parti mill-ħruġ imputabbli lil kull investitur. Hija tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ma tagħmilx din id-distinzjoni.
126 Fir-rigward tal-ammont totali tal-ħruġ, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta r-raġunijiet ippreżentati mill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li, għalkemm id-daqs tal-volum tal-ħruġ ittieħed inkunsiderazzjoni fis-sentenza WestLB bħala indizju tax-xebh mal-kapital azzjonarju, madankollu fil-kawża inkwistjoni d-daqs tal-volum tal-kontribuzzjoni inkwistjoni ma jimplikax tali klassifikazzjoni. Għalhekk, hija tfakkar li, fil-fehma tagħha, il-kontribuzzjoni inkwistjoni tagħmel parti, fuq livell ekonomiku, mir-riskju ta’ telf fil-każ ta’ falliment jew ta’ stralċ u ssostni li suq tal-kapital fejn investitur privat kien jinvesti f’Helaba investiment bħall-kontribuzzjoni inkwistjoni, qatt ma eżista, la fl-1998 u lanqas sussegwentement. Hija ssostni li kemm il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni WestLB tal-1999, kif ukoll il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha WestLB, punt 7 supra, taw importanza kunsiderevoli għall-volum kbir tal-kontribuzzjoni tal-fondi waqt il-klassifika tat-tranżazzjoni. Hija tikkunsidra li l-fatt li l-volum tal-kontribuzzjoni inkwistjoni huwa partikolarment kbir, u għalhekk għandu importanza kunsiderevoli fil-kawża inkwistjoni, huwa kkonfermat mill-paragun mat-tranżazzjonijiet imsemmija mill-Kummissjoni fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll mill-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tirrappreżenta 25 % tal-volum totali Ewropew ta’ strumenti tal-kapital proprju ibridu fl-1998.
127 It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-ġustifikazzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq il-mudell gradwali ma tistax tiġi aċċettata peress li investitur privat ma kienx jaċċettaha u peress li huwa żbaljat li jiġi kkunsidrat li din is-sistema tirreferi għal ħames kontribuzzjonijiet iżgħar peress li, minn naħa, il-kontribuzzjoni inkwistjoni kollha ġiet immedjatament rikonoxxuta bħala fondi proprji bażiċi ta’ Helaba u, min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa f’perijodi differenti, il-kundizzjonijiet ta’ kull kontribuzzjoni jkunu differenti, filwaqt li, fil-każ inkwistjoni, il-kontribuzzjoni kollha hija suġġetta għall-istess kundizzjonijiet.
128 Fir-rigward l-ewwel nett, tal-paragun mas-sentenza WestLB, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni WestLB tal-1999, li tibbaża ruħha fuqha r-rikorrenti, ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, fid-deċiżjoni WestLB tal-2004, li ġiet adottata wara dan l-annullament u tissemma’ fil-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-daqs tal-volum tal-kapital ittrasferit sabiex tqabbel it-trasferiment inkwistjoni f’din il-kawża ma’ kapital azzjonarju, hija ma bbażatx ruħha fuq il-volum globali tat-tranżazzjoni iżda biss fuq il-parti tal-fondi proprji bażiċi ta’ WestLB li kienet tirrappreżenta l-kapital inkwistjoni kif ukoll, b’mod deċiżiv, fuq il-fatt li, fid-data li fiha saret din it-tranżazzjoni, l-istrumenti ta’ kapital proprju ibridu li ma kinux jikkostitwixxu iżjed minn 20 % tal-fondi proprji, ma kinux ikkunsidrati bħala fondi proprji bażiċi fil-Germanja u mhux kollha kienu inħarġu b’mod perpetwu (premessi 204, 206, 208 u 209 tad-deċiżjoni WestLB tal-2004).
129 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, l-ammont tagħha (EUR 1.264 biljun), anki jekk huwa ikbar minn dak tat-tranżazzjonijiet li rreferiet għalihom il-Kummissjoni sabiex tagħmel paragun, huwa ferm inqas mill-volum tat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża WestLB (EUR 3.02 biljun inklużi fil-bilanċ, li minnhom EUR 2.05 biljun ġew rikonoxxuti bħala fondi proprji bażiċi) (premessi 54 u 71 tad-deċiżjoni WestLB tal-2004). Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-kontribuzzjoni inkwistjoni ngħatat fi tmiem is-sena 1998, filwaqt li dik inkwistjoni fil-kawża WestLB ingħatat fl-1991. Issa, ma huwiex ikkontestat li, fi tmiem is-sena 1998, l-istrumenti ta’ kapital proprju ibridu setgħu diġà jiġu kkunsidrati, skont il-leġiżlazzjoni Germaniża, bħala fondi proprji bażiċi u mhux biss bħala fondi proprji addizzjonali, u setgħu jinħarġu għal żmien determinat u, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni ta’ Sydney, jirrappreżentaw parti kbira mill-fondi proprji bażiċi ta’ bank.
130 Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, tat importanza kunsiderevoli lill-kriterju tal-volum tal-investiment. Fil-fatt, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet spjegat għalfejn hija qieset li d-differenzi bejn l-istrumenti ta’ kapital proprju ibridu u t-tranżazzjoni inkwistjoni kienu tali li l-paragun bejnha u dawn l-istrumenti kellu biss valur limitat u ddikjarat li, b’mod partikolari, il-Kummissjoni kienet ġibdet l-attenzjoni fuq il-fatt li l-istrumenti ta’ kapital proprju ibridu invokati mir-rikorrenti f’din il-kawża kienu ġeneralment jikkostitwixxu biss parti żgħira mill-fondi proprji ta’ bank, kuntrarjament għal fondi ttrasferiti lil WestLB. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tivverifika li r-raġunament tal-Kummissjoni fil-każ inkwistjoni ma kienx ivvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, mingħajr ma ddikjarat li l-kriterju tad-daqs tal-volum tal-fondi proprji ttrasferiti kien għadu determinanti. Barra minn hekk, hija fakkret li l-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa waqt din id-determinazzjoni (sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, punti 350 u 351).
131 Fir-rigward, sussegwentement, tal-ġustifikazzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni li tgħid li, bħala konsegwenza tal-mudell gradwali, bejn l-1999 u l-2002, Helaba seta’ juża biss parti mill-fondi ttrasferiti bħala garanzija għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu, għandu jitfakkar li fil-punti 58 sa 73 iktar ’il fuq, ġie deċiż li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta aċċettat l-imsemmi mudell gradwali. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu, kif tosserva r-rikorrenti, li l-kontribuzzjoni kollha tniżżlet fil-karta ta’ bilanċ ta’ Helaba mid-data tal-kontribuzzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-parti li taqbeż il-porzjonijiet annwali pprovduti mill-mudell gradwali, l-istess bħall-parti li kellha tiggarantixxi l-attivitajiet ta’ għajnuna għall-promozzjoni tal-akkomodazzjoni ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala li tissodisfa biss funzjoni ta’ garanzija u mhux ta’ tkattir tal-attivitajiet kummerċjali u li, konsegwentement, ir-remunerazzjoni tagħha ġiet stabbilita skont ir-remunerazzjoni li jeżiġi investitur privat għal garanzija u mhux skont ir-remunerazzjoni li tali investitur jeżiġi għal kontribuzzjoni taċita li tippermetti lill-bank ikattar l-attivitajiet kummerċjali tiegħu. Fid-dawl tal-fatt li l-kontribuzzjonijiet taċiti jippermettu l-estensjoni immedjata tal-attivitajiet kummerċjali, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li, fid-dawl tal-mudell gradwali, il-kontribuzzjoni inkwistjoni ma hijiex ekwivalenti għall-kontribuzzjoni taċita ta’ EUR 1.2 biljun li tippermetti lil Helaba jkattar immedjatament l-attivitajiet tiegħu, iżda ekwivalenti għal serje ta’ ħames kontribuzzjonijiet taċiti ta’ volum li jvarja bejn EUR 180 miljun u EUR 380 miljun.
132 L-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li, fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa f’perijodi differenti, il-kundizzjonijiet ta’ kull kontribuzzjoni huma differenti filwaqt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni hija suġġetta għall-kundizzjonijiet uniformi, ma tistax tikkonfuta din il-konklużjoni. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tispjegax kif il-kundizzjonijiet applikabbli għal ħames kontribuzzjonijiet imħallsa b’mod sussegwenti huma neċessarjament differenti.
133 Fir-rigward, it-tieni nett, tal-parti tal-ħruġ imputabbli għal kull investitur, ir-rikorrenti ssostni li anki l-fatt li l-ħruġ ma jinqasamx bejn numru ta’ investituri iżda jiġi sottoskritt minn investitur wieħed huwa inabitwali. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li r-riskju inkors minn investitur jiżdied gradwalment skont id-daqs tal-kapital ikkontribwit kemm globalment kif ukoll meta mqabbel mar-riskju inkors minn operaturi oħra li jwettqu investimenti iżgħar. Ir-rikorrenti tikkunsidra li, f’dawn il-kundizzjonijiet, il-kontribuzzjoni inkwistjoni li saret mill-istess investitur uniku tixbah lill-investiment f’kapital azzjonarju.
134 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tippreżenta ebda prova li tippermetti li jiġi kkunsidrat li huwa abitwali li r-remunerazzjoni ta’ investitur li jissottoskrivi parti mill-kontribuzzjoni taċita tvarja skont id-daqs li din il-parti għandha fil-ħruġ globali, b’mod li l-investituri li ssottoskrivew volumi ikbar jieħdu remunerazzjoni ikbar mill-oħrajn. Barra minn hekk, fit-tranżazzjonijiet użati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex isir il-paragun, hemm riferiment biss għar-rata ta’ remunerazzjoni, u xejn ma jipperemetti li jitqies li l-investituri li investew iktar irċevew remunerazzjoni ogħla. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tispjegax sa fejn ż-żieda tar-riskju inkors mil-Land minħabba x-xewqa tiegħu li ma jaqsamx il-fond speċjali jirrendi l-investiment tiegħu jixbah lill-investiment f’kapital azzjonarju ta’ bank, peress li dan l-investiment ma huwiex neċessarjament ikkarratterizzat mid-daqs tiegħu u li proprjetarju tal-kapital azzjonarju jista’ jissottoskrivi volum pjuttost baxx kemm globalment kif ukoll fir-rigward tal-kapital kollu.
135 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-volum tal-kontribuzzjoni inkwistjoni ma jipprekludix li jiġi kkunsidrat li dan iktar jixbah kontribuzzjonijiet taċiti li nħarġu fis-suq milli kapital azzjonarju.
– Il-marġni tal-kapital azzjonarju
136 Il-Kummissjoni kkunsidrat li n-natura ridotta tal-marġni tal-kapital azzjonarju ma kinitx tippermettilha teskludi li investitur privat kien jagħmel investiment li jixbah lill-kontribuzzjoni inkwistjoni fil-forma ta’ kontribuzzjoni taċita. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq il-fatt li, peress li l-Landesbanken, inkwantu stabbilimenti tad-dritt pubbliku, ma jistgħux jiksbu kapital azzjonarju fis-swieq finanzjarji, huma jużaw kontribuzzjonijiet taċiti iktar milli jużawhom banek privat. Hija indikat li l-investituri, uħud fosthom privati, huma iktar disposti jaċċettaw marġni ta’ kapital azzjonarju mnaqqas fil-każ tal-Landesbanken peress li l-istruttura tar-riskju tagħhom hija inqas għolja (premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata).
137 Ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm il-Kummissjoni tevoka l-fatt li fil-każ inkwistjoni l-marġni tal-kapital azzjonarju huwa inqas għoli minn dak tal-banek privati, hija tinjora l-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tippreżenta erba’ karatteristiċi li jagħtuh kwalità ta’ garanzija partikolari u li jpinġuha bħala mezz, simili għall-kapital azzjonarju, sabiex il-bażi tal-kapital ta’ Helaba tiġi ggarantita fit-tul. Barra minn hekk, hija tikkritika l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li t-tnaqqis tal-marġni tal-kapital azzjonarju ma jippermettix li jiġi eskluż li investitur privat ikun wettaq investiment paragunabbli f’forma ta’ kontribuzzjoni taċita.
138 Fir-rigward, minn naħa, l-erba’ karatteristiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li jagħtuh kwalità ta’ garanzija partikolari, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssemmi l-fatt li din tirrappreżenta parti anormalment għolja tal-fondi proprji ta’ Helaba, jiġifieri 40 %. It-tieni nett, hija tirrileva li din il-parti għolja tal-fondi proprji ta’ Helaba ġiet sottoskritta minn investitur wieħed biss filwaqt li fil-kontribuzzjonijiet taċiti użati mill-Kummissjoni sabiex isir il-paragun, ebda investitur individwali ma kellu parti ikbar minn 1 %. Il-marġni tal-kapital azzjonarju għall-investitur għalhekk huwa ta’ 99 % fil-każ tal-kontribuzzjonijiet taċiti użati sabiex isir il-paragun u ta’ 60 % fil-każ tal-kontribuzzjoni inkwistjoni. It-tielet nett, hija tenfasizza li l-kontribuzzjoni kollha ġiet ikkunsiderata bħala li tikkostitwixxi fondi proprji bażiċi u mhux sempliċement fondi proprji bażiċi tal-grupp li huwa affiljat miegħu, u għalhekk tagħti iktar flessibbiltà lil Helaba għall-użu tigħu, b’mod li investitur privat kien jitlob żieda tar-remunerazzjoni tiegħu.
139 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel xejn, li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tirrappreżenta, waħedha, parti effettivament kbira ħafna mill-fondi proprji ta’ Helaba, filwaqt li l-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat jistgħu jirrappreżentaw biss, skont id-Dikjarazzjoni ta’ Sydney, 15 % tal-fondi proprji bażiċi. Mingħajr dubju hemm differenza bejn il-kontribuzzjoni inkwistjoni u l-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat.
140 Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ġiet sottoskritta minn investitur wieħed li, għal din ir-raġuni, għandu 40 % tal-fondi proprji ta’ Helaba, għandu jiġi kkonstatat li din iċ-ċirkustanza ma tistax tbiddel, minn perspettiva ekonomika, kontribuzzjoni taċita f’kapital azzjonarju, bl-istess mod bħal ma l-fatt li investitur jkollu parti żgħira ħafna mill-kapital azzjonarju ma għandux l-effett li jċaħħad l-investiment tiegħu min-natura tiegħu ta’ investiment f’kapital azzjonarju.
141 Huwa minnu li l-parti tal-fondi proprji tal-investitur tiddetermina l-espożizzjoni tiegħu għar-riskji, iżda la taffettwa n-natura ta’ dan ir-riskju u lanqas il-klassifika ekonomika tal-investimenti li saru. Għalhekk, il-karatteristiċi essenzjali li jiddistingwu l-kontribuzzjonijiet taċiti mill-kapital azzjonarju, jiġifieri l-grad fil-każ ta’ stralċ, il-kundizzjonijiet ta’ ħlas ta’ remunerazzjoni u l-vantaġġi u l-iżvantaġġi marbuta, għal bank, mal-użu ta’ waħda minn dawn it-tekniki, jibqgħu l-istess, indipendentement mill-ammont tal-investiment individwali.
142 Għal dak li jirrigwarda l-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ġiet ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi fondi proprji bażiċi ta’ Helaba u mhux tal-grupp tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni u l-intervenjenti ma kkontestawx il-fatt li effettivament din kienet karatteristika partikolari tal-kontribuzzjoni inkwistjoni. Madankollu, il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li din il-klassifika tagħti lil Helaba flessibbiltà ikbar fl-użu tal-fondi ma tippermettix li jiġi identifikat element li jżid il-profil tar-riskju tal-kontribuzzjoni inkwistjoni meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet taċiti u li jagħtuha sura ta’ kapital azzjonarju.
143 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ġiet globalment ikkunsidrata bħala fondi proprji bażiċi, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tillimita ruħha li ssemmi din il-karatteristika mingħajr ma tiżviluppa l-argument tagħha. Peress li din hija l-konsegwenza tal-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ġiet maħsuba bħala “kontribuzzjoni permanenti” mingħajr klawżola ta’ żieda tal-interessi (iktar ’il quddiem, il-“klawżola step-up”), għandu jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura permanenti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni (ara l-punti 150 sa 154 iktar ’il quddiem).
144 Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovd li n-natura ridotta tal-marġni tal-kapital azzjonarju ma jippermettilhiex li teskludi li investitur istituzzjonali privat kien iwettaq investiment li jixbah il-kontribuzzjoni inkwistjoni fil-forma ta’ kontribuzzjoni taċita, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-Landesbanken ta’ spiss jużaw kontribuzzjonijiet taċiti ma jimplikax li l-investituri jirrinunzjaw għal remunerazzjoni xierqa. Hija ssostni wkoll li l-imsemmija kontribuzzjonijiet taċiti kienu, fi kwalunkwe każ, sottoskritti mill-proprjetarji tagħhom, investituri pubbliċi, u mhux minn investituri privat, b’mod li l-Kummissjoni ma setgħetx tirreferi għalihom sabiex tagħmel paragun. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-investituri jkunu iktar disposti li jaċċettaw marġni ta’ kapital azzjonarju iżgħar fil-każ tal-Landesbanken peress li l-istruttura ta’ riskju tagħhom hija inqas għolja, ir-rikorrenti ssostni li l-paragun bejn il-klassifika tal-Landesbanken u dik tal-banek privati juri li l-istruttura ta’ riskju tal-Landesbanken ma hijiex inqas għolja.
145 Għandu jiġi rrilevat li, kif tindika r-rikorrenti, il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk il-kontribuzzjoni inkwistjoni setgħetx tinħareġ fis-suq minkejja l-eżistenza ta’ marġni ta’ kapital azzjonarju ta’ 60 % biss, iżda jekk din iċ-ċirkustanza tirrendix il-kontribuzzjoni inkwistjoni tixbah iktar, għal dak li jirrigwarda l-profil tar-riskju, il-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat jew il-kapital azzjonarju u teżiġix remunerazzjoni ikbar.
146 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-proċess jirriżulta li, qabel id-Dikjarazzjoni ta’ Sydney, il-kontribuzzjonijiet taċiti kienu biss jirrappreżentaw parti żgħira mill-fondi proprji bażiċi tal-banek. Huwa biss wara din id-dikjarazzjoni, f’Ottubru 1998, li ġie kkjarifikat li l-istrumenti ta’ kapital proprju ibridu setgħu jiġu kkunsidrati bħala fondi proprji bażiċi lil hinn mil-limitu ta’ 15 % u li l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-rikonoxximent ġew ippreċiżati. Għalhekk, jista’ jitqies li, fil-mument li fih il-partijiet finalment qablu dwar il-kontribuzzjoni inkwistjoni, f’Diċembru 1998, il-konsegwenzi tad-Dikjarazzjoni ta’ Sydney dwar il-proporzjoni tal-fondi proprji bażiċi miksuba permezz ta’ strumenti ta’ kapital proprju ibridu, u għalhekk dwar il-marġni tal-kapital azzjonarju, kien għadhom ma japplikawx fis-suq.
147 Issa, mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 129 u 134) jirriżulta li, sussegwentement, kemm il-banek privati kif ukoll il-Landesbanken żiedu l-parti tal-istrumenti ta’ kapital proprju ibridu fil-fondi proprji bażiċi tagħhom, fejn din iż-żieda kienet partikolarment kbira fil-każ tal-Landesbanken. Mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 179 u 180) jirriżulta wkoll li l-istrumenti ta’ kapital proprju ibridu li nħarġu mill-banek wara d-Dikjarazzjoni ta’ Sydney u li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ipprovduti fiha sabiex jiġu rikonoxxuti bħala fondi proprji bażiċi lil hinn mil-limitu ta’ 15 %, ma ġewx remunerati b’rata wisq ikbar minn dik tal-kontribuzzjonijiet taċiti li nħarġu qabel. Fl-aħħar nett, kemm mid-deċiżjoni kkontesta (premessa 134) kif ukoll mit-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li, fost l-investituri li ssottoskrivew kontribuzzjonijiet taċiti maħruġa mil-Landesbanken, kien hemm investituri privati li ma kinux talbu remunerazzjoni ikbar tal-kontribuzzjonijiet sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura ridotta tal-marġni tal-kapital azzjonarju tal-imsemmija banek.
148 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-marġni mnaqqas tal-kapital azzjonarju, il-profil tar-riskju tal-kontribuzzjoni inkwistjoni jixbah, minn perspettiva ekonomika, lill-kapital azzjonarju.
149 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kritika tar-rikorrenti fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-investituri huma iktar disposti li jaċċettaw marġni mnaqqas tal-kapital azzjonarju fil-każ tal-Landesbanken peress li l-istruttura tagħhom ta’ riskju hija inqas għolja. Fil-fatt, ir-raġunijiet li għalihom l-investituri huma iktar disposti li jaċċettaw marġni ta’ kapital azzjonarju mnaqqas fil-każ tal-Landesbanken ma humiex rilevanti għall-kawża inkwistjoni peress li huwa paċifiku li l-eżistenza ta’ marġni tal-kapital azzjonarju mnaqqas ma jipprekludix lill-investituri privati milli jissottoskrivu għall-kontribuzzjonijiet taċiti tal-Landesbanken u lanqas ma jwassalhom li jitolbu remunerazzjoni għola minn dik tal-kontribuzzjonijiet taċiti maħruġa minn banek li għandhom marġni ta’ kapital azzjonarju ikbar.
– In-natura permanenti tal-kontribuzzjoni u n-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ trasferiment
150 Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment ikkunsidrat li n-natura permanenti tal-kontribuzzjoni u n-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ trasferiment ma jiġġustifikawx il-fatt li r-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni titqabbel mar-remunerazzjoni tal-kapital azzjonarju pjuttost milli ma’ dik tal-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat u li l-effett ta’ din il-karatteristika għandu jiġi eżaminata fil-kuntest tal-kalkolu tar-remunerazzjoni xierqa. Hija mmotivat din l-evalwazzjoni billi indikat li n-natura permanenti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni timplika prinċipalment riskju għall-investitur li ma jsegwix l-argumenti tar-rati ta’ interessi fis-suq, iżda li ma għandiex effett fuq il-livell ta’ riskju ta’ telf fil-każ ta’ falliment jew ta’ stralċ (premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata).
151 Ir-rikorrenti ssostni li l-fattur li jżid il-profil tar-riskju tal-kontribuzzjoni inkwistjoni meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet taċiti maħruġa fis-suq ma huwiex iż-żmien indeterminat, iżda l-fatt li l-Land ma jistax jirtira l-investiment peress li l-imsemmija kontribuzzjoni ma hijiex funġibbli u li ma jistax jittrasferixxi d-drittijiet tiegħu lil terzi mingħajr il-kunsens ta’ Helaba. Min-naħa l-oħra, il-“kontribuzzjonijiet permanenti” maħruġa fis-suq jiġu kkwotati fil-Borża b’mod li l-investitur ikun jista’ jirtira l-investiment f’kull mument u ma jkunx marbut mal-bank għal żmien indeterminat. Fir-replika tagħha, hija tikkritika l-fatt li, skontha, il-Kummissjoni tittratta l-permanenza u l-funġibbiltà bħala żewġ aspetti li ma għandhom ebda konnessjoni bejniethom filwaqt li l-profil tar-riskju tal-kontribuzzjoni inkwistjoni jirriżulta mill-interazzjoni bejn iż-żewġ karatteristiċi, li għandu bħala konsegwenza li jirrendi l-irtirar mill-investiment impossibbli għal Land. Hija tikkontesta, barra minn hekk, l-argumenti tal-Kummissjoni li jipprovdu li l-funġibbiltà ma hijiex eskluża iżda biss limitata.
152 Għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet ikkonfermaw waqt is-seduta, bħala tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali li jeżistu kontribuzzjonijiet taċiti li, bħal fil-każ inkwistjoni, ġew konklużi privatament bejn il-bank emittenti u l-investituri, li ma jiġux ikkwotati fil-Borża. Minn dan jirriżulta li l-funġibbiltà li tirriżulta mill-kwotazzjoni ta’ kontribuzzjoni fil-Borża ma hijiex karatteristika ta’ kull kontribuzzjoni taċita sottoskritta minn investituri privati. Madankollu, mill-proċess ma jirriżultax li l-kontribuzzjonijiet innegozjati privatament jiġu remunerati b’ammont ikbar minn dawk ikkwotati fil-Borża.
153 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tiddistingwi ruħha f’dan ir-rigward ukoll mill-investimenti f’kapital azzjonarju sa fejn, kif sostniet ir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata), is-soċju, minn tal-inqas tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju, bħall-banek Ġermaniżi li ħarġu l-kontribuzzjonijiet użati mill-Kummissjoni bħala riferiment, jista’ liberament ibigħ l-investiment tiegħu f’kull mument.
154 Minn dan jirriżulta li, anki jekk jitqies li l-investiment tal-Land ma jkunx funġibbli u li dan iżid ir-riskju ta’ telf fil-każ ta’ falliment jew ta’ stralċ meta mqabbel mal-kontribuzzjonijiet taċiti, din iċ-ċirkustanza tiddistingwi l-kontribuzzjoni inkwistjoni wkoll mill-investiment f’kapital azzjonarju fil-banek li ħarġu l-kontribuzzjonijiet użati mill-Kummissjoni bħala riferiment, u ma timplikax li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-kontribuzzjoni inkwistjoni kellha titqabbel ma’ kontribuzzjonijiet taċiti oħra maħruġa fis-suq, u mhux mal-kapital azzjonarju, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, permezz taż-żidiet neċessarji, b’mod partikolari dik tal-permanenza, tal-karatteristiċi speċifiċi tagħha.
Karatteristiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li ma ġewx invokati matul il-proċedura amministrattiva u li ma ġewx eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata
155 Ir-rikorrenti ssostni li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tinkludi riskju kbir ta’ telf kemm tar-remunerazzjoni kif ukoll tal-fondi ttrasferiti, u dan saħansitra lil hinn mil-każ ta’ stralċ jew ta’ falliment li ġie eżaminat iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni hija suġġetta għat-telf annwali ta’ Helaba, kif ukoll għar-riskji li l-Land ma jirċevix ir-remunerazzjoni fil-każ li Helaba jagħmel telf annwali u li ma jkunx jista’ jirkupra l-fondi ttrasferiti permezz ta’ rifużjoni.
156 Fir-rigward tal-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni hija suġġetta għat-telf annwali ta’ Helaba, ir-rikorrenti ssostni li l-kontribuzzjoni inkwistjoni hija suġġetta, minn perspettiva ekonomika, għall-imsemmi telf bl-istess mod bħall-kapital azzjonarju, peress li, skont l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 8(1) tal-kuntratt, il-kontribuzzjoni hija kompletament suġġetta għal eventwali telf annwali ta’ Helaba u li l-eventwali telf jillimita d-dritt għar-rimbors tal-Land f’każ ta’ xoljiment tal-kuntratt. Hija ssostni wkoll li l-fatt li huwa tipiku li l-kontribuzzjonijiet taċiti kollha jkunu suġġetti ma huwiex rilevanti peress li din iċ-ċirkustanza għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-karatteristiċi ekonomiċi kollha tal-kontribuzzjoni inkwistjoni. Hija tikkunsidra, barra minn hekk, li l-fatt li, skont l-Artikolu 4 tal-kuntratt (klawżola tal-irkupru finanzjarju), fl-każ ta’ telf, eventwali profitt futur għandu jintuża għar-rifinanzjament tal-kontribuzzjoni ma jpoġġix lil Land f’sitwazzjoni iktar vanaġġjuża minn dik ta’ azzjonist peress li, kuntrarjament għal dan tal-aħħar, huwa ma jibbenefikax miż-żieda tal-valur tal-impriża.
157 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa minnu li l-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni hija suġġetta għat-telf jagħtiha iktar is-sura ta’ kapital azzjonarju, u din hija r-raġuni għalfejn il-BAKred irrikonoxiha bħala fondi proprji bażiċi ta’ Helaba, xorta jibqa’ l-fatt li dan ma jiddistingwihiex minn kontribuzzjonijiet taċiti oħra li huma wkoll rikonoxxuti bħala fondi proprji bażiċi.
158 Għalkemm huwa ċertament minnu li, fil-kawża inkwistjoni, il-miżura li fiha l-valur tal-kontribuzzjoni għandu jitnaqqas minħabba t-telf ta’ Helaba għandu jkun ikbar minn dak tal-kontribuzzjonijiet użati mill-Kummissjoni bħala riferiment. Peress li din iċ-ċirkustanza hija madankollu l-konsegwenza tal-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tirrappreżenta parti ikbar mill-fondi proprji bażiċi ta’ Helaba milli minn kontribuzzjonijiet oħra fil-fondi proprji ta’ banek emittenti, hija ma tirrappreżentax karatteristika tal-kontribuzzjoni inkwistjoni distinta minn dik tal-volum tagħha meta mqabbla mal-fondi proprji bażiċi kollha ta’ Helaba (ara l-punti 136 sa 149 iktar ’il fuq).
159 Rigward il-klawżola tal-irkupru finanzjarju pprovduta fl-Artikolu 4 tal-kuntratt (ara l-punt 156 iktar ’il fuq), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa possibbli, kif issostni r-rikorrenti, li din mhux neċessarjament tagħti vantaġġ lil Land meta mqabbel ma’ investitur f’kapital azzjonarju, peress li l-kwistjoni dwar liema investiment huwa l-iktar vantaġġuż tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi ta’ kull sena finanzjarja, għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li din tiddistingwihom u għalhekk iktar tagħti lill-kontribuzzjoni inkwistjoni s-sura ta’ kontribuzzjonijiet taċiti, li jistgħu jipprovdu tali klawżola, milli dik ta’ kapital azzjonarju.
160 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni hija suġġetta għat-telf ma huwiex ta’ natura li juri li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qabblet ir-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni ma’ dik tal-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat.
161 Fir-rigward tar-riskju li l-Land ma jirċevix ir-remunerazzjoni fil-każ ta’ telf annwali ta’ Helaba, ir-rikorrenti ssostni li r-remunerazzjoni li għandha titħallas lil Land tikkostitwixxi parti kunsiderevoli mill-profitt ta’ Helaba u li, konsegwentement, hemm riskju kunsiderevoli li l-Land ma jirċevihiex. F’dan ir-rigward, hija ssostni li r-remunerazzjoni li għandha titħallas lil Land tikkostitwixxi parti mill-profitt ta’ Helaba, fis-sena tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, ferm ikbar minn dik li r-remunerazzjoni tal-kontribuzzjonijiet maħruġa minn banek privati, użati bħala riferiment fid-deċiżjoni kkontestata, kienet tirrappreżenta mill-profitt ta’ kull wieħed minn dawn il-banek.
162 Fir-rigward tar-riskju li l-Land ma jkunx jista’ jirkupra l-fondi ttrasferiti permezz ta’ rimbors, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tad-daqs tal-kontribuzzjoni inkwistjoni fil-fondi proprji bażiċi ta’ Helaba, dan ma jkunx f’pożizzjoni li jirrimborsa l-kontribuzzjoni tal-Land peress li l-profitt tiegħu ma jippermettulux li jissostitwixxi l-fondi proprji bażiċi li huwa jitlef f’din iċ-ċirkustanza.
163 Għandu jiġi osservat li dawn iż-żewġ karatteristiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni essenzjalment huma l-konsegwenza tal-fatt li din tirrappreżenta parti mill-fondi proprji bażiċi ta’ Helaba li hija għola minn dik li jirrappreżentaw it-tranżazzjonijiet ta’ riferiment fil-fondi proprji bażiċi tal-banek. Għalhekk, kif ġie deċiż fir-rigward tal-parteċipazzjoni fit-telf (ara l-punt 158 iktar ’il fuq), ma hemmx lok li dawn iż-żewġ karatteristiċi jiġu eżaminati indipendentement. Barra minn hekk, fir-rigward tal-parti mill-profitt ta’ Helaba fl-1998 li kienet tirrappreżenta r-remunerazzjoni tal-Land, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-rikorrenti ma tieħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont il-mudell gradwali, Helaba kellu jirremunera l-kontribuzzjoni inkwistjoni kollha – minbarra l-parti neċessarja sabiex tiggarantixxi l-attivitajiet ta’ għajnuna għall-bini ta’ akkomodazzjoni – bir-rata ta’ 1.4 %, biss b’effett mill-2003 u li, min-naħa l-oħra, r-rikorrenti tuża, sabiex tagħmel il-paragun tagħha, il-profitt wara t-taxxa ta’ Helaba fl-1998 u mhux il-bilanċ annwali tiegħu qabel it-taxxa, filwaqt li ma huwiex ikkontestat li, peress li l-kontribuzzjoni inkwistjoni hija kontribuzzjoni taċita, ir-remunerazzjoni tagħha tikkostitwixxi, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, spiża tal-operat li għandha titħallas qabel it-taxxa.
164 Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tar-riskji li l-Land ma jirċevix remunerazzjoni fil-każ ta’ telf annwali ta’ Helaba u li ma jkunx jista’ jirkupra l-fondi ttrasferiti permezz ta’ rimbors ma jippermettewx li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qabblet ir-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni ma’ dik tal-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat.
Fuq is-sitwazzjoni tas-suq meta kien hemm l-integrazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni
165 Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-kriterju ta’ investitur privat billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kwalifika ekonomika tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, is-sitwazzjoni eżistenti fid-data tal-għoti tagħha, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 1998.
166 F’dan ir-rigward, hija tosserva li, fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għall-prassi tal-banek privati deskritta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li hija miġbura fil-qosor fil-premessi 96 u 99 tal-imsemmija deċiżjoni. F’dawn il-premessi, il-Kummissjoni tindika li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet spjegat, l-ewwel nett li, ftit xhur biss wara Helaba, id- Deutsche Bank kien kiseb “kontribuzzjoni permanenti” fis-suq tal-kapital, it-tieni nett, li sa mill-1999 is-suq ma kienx jagħti importanza kbira lid-distinzjoni bejn strumenti finanzjarji għal żmien determinat u għal żmien indeterminat, u, it-tielet nett, li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li, għal volumi kbar, huwa biss possibbli li wieħed jirrikorri għall-kapital azzjonarju, kienet kontradetta mid-daqs kbir tal-kontribuzzjonijiet taċiti li ċerti stabbilimenti ta’ kreditu privat kienu kisbu fis-suq tal-kapital kemm fis-snin 1998 u 1999 kif ukoll wara. Barra minn hekk, hija tosserva li t-tabella fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi l-iżvilupp tal-parti tal-fondi proprji bażiċi ta’ tliet banek privati magħmula minn fondi proprji ibridi bejn l-1998 u l-2003. Hija ssostni li, billi rreferiet għall-prassi tal-banek Ġermaniżi kif ippreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq informazzjoni li kienet biss disponibbli fis-snin ta’ wara li saret il-kontribuzzjoni inkwistjoni.
167 Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, fi tmiem l-1998, il-Land ma setax jipprevedi l-iżviluppi sussegwenti li seħħew fis-suq tal-kapital fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet taċiti u tal-“kontribuzzjonijiet permanenti”. Hija ssostni li, konsegwentement, l-Kummissjoni kellha, għall-klassifika ekonomika tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, tieħu inkunsiderazzjoni biss is-sitwazzjoni tas-suq fl-1998 u mhux l-iżviluppi futuri tas-suq tal-kapital li ma kinux magħrufa fil-mument ta’ meta saret il-kontribuzzjoni inkwistjoni.
168 Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-paragun bejn l-aġir tal-investituri pubbliċi u dak tal-investituri privati għandu jiġi stabbilit skont l-attitudni li kien jadotta investitur privat waqt it-tranżazzjoni inkwistjoni, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli u tal-iżviluppi prevedibbli f’dak il-mument (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 1998, Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, T‑16/96, Ġabra p. II‑757, punt 76, u WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, punt 246).
169 Fil-kawża inkwistjoni, hemm lok l-ewwel nett li jiġi kkonstatat li r-riferiment magħmul mill-Kummissjoni, fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-prassi tal-banek Ġermaniżi hija biss intiża li ssostni l-interpretazzjoni tagħha tad-Dikjarazzjoni ta’ Sydney li tipprovdi li din ma tippermettix li jiġi konkluż li strumenti finanzjarji innovattivi permanenti ma jistgħu f’ebda każ jiġu rikonoxxuti bħala fondi proprji bażiċi jew li jaqgħu wkoll taħt il-limitu ta’ 15 % tal-fondi proprji bażiċi. Għalhekk, il-Kummissjoni tirreferi għal din il-prassi billi tindika li hija taqbel mal-possibbiltà li jintużaw bħala fondi proprji ċerti strumenti finanzjarji innovattivi permanenti lil hinn mil-limitu ta’ 15 %. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tibbażax l-evalwazzjoni tagħha fuq dawn it-tranżazzjonijiet wara l-kontribuzzjoni inkwistjoni, iżda tużahom biss sabiex issostni l-interpetazzjoni tagħha tad-Dikjarazzjoni ta’ Sydney.
170 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tispjegax għalfejn l-iżvilupp tas-suq wara d-Dikjarazzjoni ta’ Sydney ma kienx prevedibbli għal Land u għal Helaba fil-mument ta’ meta huma ftehmu fuq il-kontribuzzjoni inkwistjoni. Din l-ispjegazzjoni hija iktar u iktar neċessarja peress li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-imsemmi żvilupp tas-suq ikkonferma l-evalwazzjoni tal-partijiet fil-kontribuzzjoni inkwistjoni li tipprovdi li, minn naħa, il-“kontribuzzjonijiet permanenti” ma kellhomx jiġu remunerati b’riferiment għall-kapital azzjonarju u, min-naħa l-oħra, id-daqs tal-marġni tal-kapital azzjonarju ma taffettwax il-livell tar-remunerazzjoni.
171 Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li, meta saret il-kontribuzzjoni inkwistjoni, kien hemm suq żviluppat ta’ strumenti ta’ kapital proprju ibridu fil-Ġermanja, li fih Helaba seta’ joħroġ kontribuzzjoni bħall-kontribuzzjoni inkwistjoni. Għalhekk hija ssostni li “kontribuzzjonijiet permanenti” mingħajr klawżola step-up bħall-kontribuzzjoni inkwistjoni ma setgħux jinħarġu fl-1998 lill-investituri istituzzjonali bħall-Land. Kien biss b’effett mill-2004 li l-investituri istituzzjonali aċċettaw li jissottoskrivu tali “kontribuzzjonijiet permanenti”. Barra minn hekk, dawn il-“kontribuzzjonijiet permanenti” kienu jirrigwardaw volum iżgħar u kienu ikkwotati fil-Borża. Barra minn hekk, il-kontribuzzjoni inkwistjoni lanqas ma setgħet tiġi ttrasferita sussegwentement minħabba l-volum tagħha, peress li kienet sottoskritta minn investitur wieħed, u rikonoxxuta bħala fondi proprji bażiċi sal-ammont kollu tagħha, u dan fil-livell ta’ Helaba u mhux tal-grupp li huwa affiljat miegħu.
172 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tinjora dan il-fatt billi tiddikjara li Helaba seta’ jikseb il-fondi billi joħroġ diversi porzjonijiet ta’ daqs iżgħar. F’dan ir-rigward, hija ssostni b’mod partikolari li din id-dikjarazzjoni tikser il-kriterju ta’ investitur privat peress li timplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-aġir ta’ investitur f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-Land kif ukoll inverżjoni tal-prijoritajiet fis-sens li hija bbażata fuq alternattivi li Helaba kien ikollu fil-futur u mhux fuq il-kwistjoni dwar jekk investitur privat kienx jagħti lil Helaba kontribuzzjoni tal-istess natura u taħt l-istess kundizzjonijiet. Konsegwentement, huwa jikkunsidra li n-nuqqas ta’ żvilupp tas-suq ta’ strumenti ta’ kapital proprju bażiku ibridu fil-Ġermanja kellu jwassal lill-Kummissjoni tikkunsidra li Helaba seta’ jikseb l-istess volum ta’ fondi proprji bażiċi fis-suq biss fil-forma ta’ kapital azzjonarju.
173 Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax direttament ir-riferiment magħmula mill-Kummissjoni, fil-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-eżistenza ta’ “kontribuzzjoni permanenti” mingħajr klawżola step-up maħruġa fl-1987 u sottoskritta minn investituri istituzzjonali u ma tippreżentax argumenti intiż li juri li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq dan l-element. Għalhekk, minkejja li tiddikjara li l-ewwel ħruġ ta’ “kontribuzzjoni permanenti” mingħajr klawżola step-up sottoskritta minn investituri istituzzjonali Ġermaniżi sar fl-2004 u l-ewwel ħruġ ta’ dan it-tip li twettaq minn bank Ġermaniż sar fl-2005, dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex biżżejjed sabiex juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi bbażat ruħha fuq it-tranżazzjoni msemmija fil-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkonfuta l-argument li l-investituri istituzzjonali ma kinux disposti li jissottoskrivu “kontribuzzjonijiet permanenti” mingħajr klawżola step-up, b’mod li l-kontribuzzjoni inkwistjoni setgħet biss titqabbel, minħabba ż-żmien indeterminat tagħha, ma’ kapital azzjonarju.
174 Fir-rigward tad-differenzi invokati mir-rikorrenti bejn il-kontribuzzjoni inkwistjoni u l-kontribuzzjonijiet taċiti maħruġa fis-suq, għandu jiġi kkonstatat li dawn jikkorrispondu ma’ argumenti li diġà ġew eżaminati u miċħuda.
175 Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni tikser il-kriterju ta’ investitur privat meta tiddikjara li Helaba seta’ jikseb il-fondi billi jittrasferixxi diversi porzjonijiet ta’ daqs iżgħar, għandu jitfakkar li, għalkemm huwa minnu li l-kriterju ta’ investitur privat jeżiġi li ssir evalwazzjoni dwar jekk tali investitur kienx iwettaq it-tranżazzjoni inkwistjoni taħt l-istess kundizzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 35 u 36 iktar ’il fuq, l-għan tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat huwa li jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja tirċievix vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq u li, għal dan il-għan, ma jistax jiġi kkunsidrat li hija biss il-perspettiva tal-investitur li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tqis li l-kwistjoni dwar jekk Helaba setax jikseb fis-suq l-istess vantaġġi għall-istess prezz hija irrilevanti filwaqt li din il-kwisjtoni hija essenzjali sabiex jiġi ddeterminat x’kien ikun ir-riżultat ta’ negozjati bejn Helaba u l-investitur privat ipotetiku li kien jinsab fis-sitwazzjoni tal-Land.
176 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-applikazzjoni ta’ perijodu ta’ riferiment żbaljat u ta’ evalwazzjoni żbaljata tas-sitwazzjoni fis-suq meta sar it-trasferiment tal-kontribuzzjoni inkwistjoni.
Konklużjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni bħala kontribuzzjoni taċita
177 Ma huwiex ikkontestat li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi strument partikolari li la jikkorrispondi eżattament għall-kontribuzzjonijiet taċiti maħruġa fis-suq, kemm jekk huma għal żmien determinat jew le, u lanqas għall-kapital azzjonarju.
178 Madankollu, mill-eżami preċedenti jirriżulta li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tixbah il-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat rikonoxxuti bħala fondi proprji bażiċi minħabba l-karatteristiċi segwenti: il-grad tagħha f’każ ta’ stralċ jew ta’ falliment, kemm fir-rigward tal-kredituri tal-bank kif ukoll tal-proprjetarji; il-fatt li jeżisti obbligu ta’ remunerazzjoni annwali li l-ammont tagħha huwa stabbilit fil-kuntratt; il-fatt li r-remunerazzjoni hija sospiża f’’każ ta’ telf annwali, li tikkostitwixxi l-uniku profitt li l-investitur jikseb mill-kontribuzzjoni tiegħu, in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fiż-żieda tal-valur tal-impriża, u li Helaba għandu l-obbligu li jħallas ir-remunerazzjonijiet mhux imħallsa fis-snin ta’ wara is-sena jew snin li matulhom ir-remunerazzjoni ma tħallsitx; il-fatt li hija suġġetta għat-telf annwali tal-bank, u l-fatt li hemm klawżola tal-irkupru finanzjarju fil-każ fejn il-valur tal-kontribuzzjoni jitnaqqas minħabba telf.
179 Min-naħa l-oħra, din tiddistingwi ruħha mill-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat u li huma rikonoxxuti bħala fondi proprji bażiċi u tixbah il-kapital azzjonarju peress li hija għal żmien indeterminat, u, minħabba dan il-fatt, setgħet tiġi rikonoxxuta bħala fondi proprji bażiċi lil hinn mil-limitu ta’ 15 %, u peress li tirrappreżenta parti sostanzjali mill-fondi proprji bażiċi u peress li ġiet rikonoxxuta bħala fondi proprji bażiċi fuq il-livell ta’ Helaba u mhux tal-grupp li huwa affiljat miegħu.
180 Fl-aħħar nett, hija tiddistingwi ruħha kemm mill-parti l-kbira tal-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat u rikonoxxuti bħala fondi proprji bażiċi kif ukoll mill-kapital azzjonarju tal-banek privati li ħarġu l-kontribuzzjonijiet li ntużaw mill-Kummissjoni għall-paragun peress li l-investiment tal-Land ma huwiex funġibbli jew huwa funġibbli b’mod limitat ħafna. Barra minn hekk, hija tiddistinwi ruħha minn kontribuzzjonijiet taċiti użati mill-Kummissjoni bħala riferiment u min-numru kbir ta’ investimenti fil-kapital azzjonarju peress li l-Land għandu parti sostanzjali ħafna mill-fondi proprji tal-bank.
181 Minn dan jirriżulta li l-uniċi karatteristiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li, fl-istess ħin jiddistingwuha minn kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat u jxebbħuha mal-kapital azzjonarju huma, minn naħa, iż-żmien determinat tagħha u, min-naħa l-oħra, il-fatt li tirrappreżenta iktar minn 15 % tal-fondi proprji bażiċi ta’ Helaba. Għalhekk, mill-eżami iktar ’il fuq jirriżulta, minn naħa, li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li dawn il-karatteristiċi, li huma speċifiċi għal-“kontribuzzjonijiet permanenti”, jagħtu lok fis-suq għal remunerazzjoni li iktar tixbah lil dik tal-kapital azzjonarju milli lil dik tal-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat u, min-naħa l-oħra, li ma hemmx indikazzjonijiet li juru li l-Land u Helaba ma setgħux jipprevedu tali żvilupp.
182 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, wara eżami globali tal-karatteristiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, li din iktar kienet tixbah il-kontribuzzjonijiet taċiti milli l-kapital azzjonarju u li, konsegwentement, ir-remunerazzjoni tagħha kellha titqabbel ma’ dik tal-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat ta’ volum li abitwalment jinsab fis-suq, u li, skont il-każ, kellha tiżdied ir-remunerazzjoni tagħha.
4. Fuq il-paragun bejn ir-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni u r-remunerazzjoni ta’ garanzija meħtieġa fis-suq
183 Fir-rigward tal-paragun bejn ir-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni u r-remunerazzjoni ta’ garanzija meħtieġa fis-suq, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispiża addizzjonali li tirriżulta mit-taxxa fuq in-negozju li Helaba għandu jħallas minħabba l-kontribuzzjoni inkwistjoni, rigward il-paragun bejn ir-remunerazzjoni bażika miftiehma bejn il-Land u Helaba u r-remunerazzjoni ta’ garanzija bażika meħtieġa fis-suq, u rigward il-paragun bejn iż-żieda permanenti miftiehem fil-każ inkwistjoni u ż-żieda permanenti meħtieġ fis-suq.
a) Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa fuq in-negozju
Id-deċiżjoni kkontestata
184 Il-Kummissjoni qieset li, għall-finijiet tal-paragun bejn ir-remunerazzjoni miftiehma għall-kontribuzzjoni inkwistjoni u r-remunerazzjoni miftiehma fis-suq, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tat-taxxa fuq in-negozju imposta fuq il-kontribuzzjoni inkwistjoni, li fil-każ inkwistjoni tammonta għal 0.26 % fis-sena. F’dan ir-rigward, hija tindika li, filwaqt li din it-taxxa kellha titħallas mill-investituri istituzzjonali li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-Ġermanja, li minħabba dan x’aktarx jeżiġu remunerazzjoni ikbar, fil-każ inkwistjoni din kellha titħallas minn Helaba, peress li l-Land ma huwiex suġġett għal tali taxxa. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-obbligu finanzjarju kollu ta’ Helaba li kellu jitqabbel mal-medda tar-remunerazzjoni fis-suq ma kienx ir-remunerazzjoni ta’ 1.4 % miftiehma bejn il-partijiet, iżda dik ta’ 1.66 % (premessi 156 sa 159 tad-deċiżjoni kkontestata).
L-argumenti tal-partijiet
185 Ir-rikorrenti tikkritika din l-evalwazzjoni u ssostni li l-investituri ma jieħdux inkunsiderazzjoni, fl-aspettattivi ta’ qligħ tagħhom, l-istatus fiskali tal-benefiċjarju tal-investiment u li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li, fis-suq, dan ikun f’pożizzjoni li jsostni l-obbligu fiskali kollu tal-investitur. Hija ssostni li ma hemm ebda differenza fl-ammont tar-remunerazzjoni mħallsa lid-diversi investituri għall-istess kontribuzzjoni, u dan minkejja li kemm l-investituri nazzjonali li ma jeżerċitaw ebda attività industrijali jew kummerċjali kif ukoll l-investituri barranin ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq in-negozju meta jagħmlu kontribuzzjonijiet taċiti u konsegwentement, isibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni bħal dik tal-Land.
186 Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, fi kwalunkwe każ, l-obbligu finanzjarju addizzjonali li għandu jkun suġġett għalih Helaba ma huwiex ekwivalenti għar-rata tat-taxxa fuq in-negozju, iżda huwa ferm inqas, peress li l-imsemmija taxxa tikkostitwixxi spiża tan-negozju għal Helaba u konsegwentement, tnaqqas il-qligħ taxxabbli tiegħu. Għalhekk, wara l-ħlas tat-taxxa fuq in-negozju (li dak iż-żmien kienet ta’ 40 % fil-Ġermanja) u t-taxxa ta’ solidarjetà għar-riunifikazzjoni tal-Ġermanja [Solidaritaetszuschlag] (5.5 %), l-ispiża addizzjonali tammonta biss għal 0.15 %.
187 Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
188 Fir-rigward, l-ewwel nett, tan-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tat-taxxa fuq in-negozju fuq l-obbligu finanzjarju sostnut minn Helaba minħabba l-kontribuzzjoni inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li Helaba huwa marbut iħallas din it-taxxa peress li l-Land ma huwiex suġġett għaliha. Għalkemm hija ssostni li lanqas ċerti investituri oħra ma huma suġġetti għal din it-taxxa u li dan ma jbiddilx l-ammont tar-remunerazzjoni mħallsa, għandu jiġi osservat li matul is-seduta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Helaba ddikjaraw li, għalkemm huwa minnu li l-banek għandhom bħala prinċipju jħallsu t-taxxa fuq in-negozju għar-remunerazzjonijiet li jitħallsu lill-investituri li ma humiex stabbiliti fil-Ġermanja jew li ma jeżerċitaw ebda attività industrijali jew kummerċjali, xorta jibqa’ l-fatt li la l-banek u lanqas l-awtoritajiet Ġermaniżi ma jkunu jafu l-identità tal-investituri li għandhom it-titoli li jirriżultaw mill-kontribuzzjonijiet taċiti u li, konsegwentement, il-banek ma jħallsux it-taxxa fuq in-negozju għar-remunerazzjonijiet mħallsa, minkejja li parti minnhom titħallas lill-investituri li ma humiex suġġetti għaliha.
189 Għandu jiġi osservat li, peress li l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex ibbażat fuq il-fatt li ma huwiex il-Land li għandu jħallas it-taxxa, iżda li huwa Helaba li għandu jħallasha, u għalhekk li dan tal-aħħar ikun suġġett għal obbligu finanzjarju li ma kienx ikun suġġett għalih kieku l-kontribuzzjoni twettqet minn investitur privat fis-suq, il-fatt li, fil-prattika, il-banek ma jħallsux it-taxxa fuq in-negozju fir-rigward ta’ remunerazzjonijiet imħallsa lill-investituri li ma humiex stabbiliti fil-Ġermanja jew li ma jeżerċitaw ebda attività industrijali jew kummerċjali, jirrendi l-argument tar-rikorrenti irrilevanti. Fil-fatt, fil-każ inkwistjoni, għad-differenza ta’ dak li huwa l-każ f’kontribuzzjonijiet taċiti oħra fis-suq, Helaba għandu jkun suġġett għal obbligu finanzjarju addizzjonali minħabba l-ħlas tat-taxxa fuq in-negozju. Dan l-obbligu, anki jekk ma jimplikax remunerazzjoni ikbar lil-Land, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni dwar jekk Helaba huwiex suġġett, minħabba l-kontribuzzjoni inkwistjoni, għal obbligu finanzjarju minn tal-inqas ekwivalenti għal dak sostnut mill-banek li ħarġu kontribuzzjonijiet taċiti fis-suq u konsegwentement, jekk huwa jirċevix vantaġġ.
190 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħadet inkunsiderazzjoni l-effett tat-taxxa fuq in-negozju fuq l-obbligu finanzjarju globali sostnut minn Helaba minħabba l-kontribuzzjoni inkwistjoni.
191 Fir-rigward sussegwentement tal-kalkolu tal-obbligu finanzjarju effettivament sostnut minn Helaba, għandu jiġi osservat li f’din il-kawża l-kwistjoni ma hijiex dwar liema huwa l-obbligu finanzjarju finali, wara li tkun tnaqqset it-taxxa, li huwa suġġett għalih Helaba minħabba l-kontribuzzjoni inkwistjoni, iżda li dan l-obbligu finanzjarju jiġi pparagunat ma’ dak li kieku jirriżulta minn kontribuzzjoni għal żmien determinat sottoskritta minn investitur privat. Għal dan il-għan, il-paragun bejn l-ispejjeż li jirriżultaw minn kontribuzzjoni jew oħra jista’ jsir qabel jew wara t-taxxa, sakemm l-imsemmi obbligu finanzjarju jiġi evalwat fl-istess mument. Għalhekk, peress li l-Kummissjoni tieħu bħala riferiment fid-deċiżjoni kkontestata l-obbligu finanzjarju qabel it-taxxa rrappreżentat mill-kontribuzzjonijiet taċiti li hija tuża għal paragun, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-obbligu finanzjarju qabel it-taxxa li jirriżulta mit-taxxa fuq in-negozju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, punt 384).
192 Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti lanqas ma tistabbilixxi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-obbligu finanzjarju li jirriżulta mill-ħlas tat-taxxa fuq in-negozju, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex isir paragun bejn ir-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni u r-remunerazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet oħra eżistenti fis-suq, huwa l-obbligu finanzjaru qabel ma titnaqqas it-taxxa.
b) Fuq il-paragun bejn ir-remunerazzjoni bażika u r-remunerazzjoni ta’ garanzija bażika meħtieġa fis-suq
Id-deċiżjoni kkontestata
193 Il-Kummissjoni tindika li l-eżami tal-għaxar tranżazzjonijiet invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jinsabu fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, juri medda ta’ remunerazzjoni ta’ garanzija ta’ bejn 0.75 sa 1.6 % fis-sena (premessi 162, 163, 165 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata).
194 Sussegwentement, il-Kummissjoni teżamina d-diversi aspetti speċifiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li jistgħu jinfluwenzaw l-ammont tar-remunerazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tqis li la għandha tiġi applikata żieda minħabba l-volum tat-tranżazzjoni u lanqas tnaqqis minħabba l-klassifika ta’ Helaba. Madankollu, hija tikkunsidra li minħabba l-marġni tal-kapital azzjonarju mnaqqas, għandu jiġi deċiż li investitur privat ma kienx jaċċetta remunerazzjoni ta’ garanzija bażika li tinsab fil-parti inferjuri tal-medda (premessi 168, 169, 171 u 172 tad-deċiżjoni kkontestata).
195 Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li, peress li l-ispejjeż sostnuti minn Helaba minħabba l-kontribuzzjoni inkwistjoni jinsabu fil-parti medja, saħansitra f’dik superjuri tal-medda tas-suq, la kienx possibbli li jiġi konkluż li jeżisti vantaġġ għal Helaba u lanqas, konsegwentement, li hemm għajnuna mill-Istat (premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata).
L-argumenti tal-partijiet
196 L-ewwel nett, ir-rikorrenti tfakkar li l-kontribuzzjoni inkwistjoni għandha titqabbel, minħabba l-profil tar-riskju tagħha, ma’ investiment fil-kapital azzjonarju u mhux ma’ kontribuzzjoni taċita għal żmien determinat u ssostni li, konsegwentement, il-kalkolu magħmul mill-Kummissjoni, ibbażat fuq medda tas-suq stabbilita abbażi ta’ remunerazzjonijiet ta’ garanzija li ġew stabbiliti għal kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat, huwa żbaljat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, billi qarrbet b’mod żbaljat il-kontribuzzjoni inkwistjoni mal-kontribuzzjonijiet taċiti, naqqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, minbarra ż-żieda li kellha tiġi applikata sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura permanenti tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, żidiet oħra huma neċessarji sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Helaba, in-nuqqas ta’ pubbliċità u l-ispejjeż iżgħar tat-tranżazzjoni.
197 It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkritika l-mod kif il-Kummissjoni kkalkolat r-remunerazzjoni ta’ garanzija bażika.
198 Hija ssostni, minn naħa, li l-Kummissjoni ma evalwatx l-ammont ta’ remunerazzjoni ta’ garanzija bażika fid-dawl tas-sitwazzjoni u tal-ambjent tas-suq kif dawn kienu fi tmiem l-1998, iżda fid-dawl ta’ tranżazzjonijiet sussegwenti.
199 Min-naħa l-oħra, hija ssostni li minħabba d-differenza bejn il-kontribuzzjoni inkwistjoni u t-tranżazzjonijiet ta’ riferiment, il-livell ta’ remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni għandu jkun taħt il-medda tas-suq tar-remunerazzjoni ta’ garanzija bażika stabbilita skont it-tranżazzjonijiet ta’ riferiment. Hija tikkunsidra li l-Kummissjoni mhux biss ma evalwatx korrettament id-differenzi bejn il-kontribuzzjoni inkwistjoni u t-tranżazzjonijiet ta’ riferiment li hija eżaminat, iżda, barra minn hekk, ma eżaminatx differenzi oħra importanti.
200 Fir-rigward tad-differenzi eżaminati mill-Kummissjoni, jiġifieri l-volum tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, id-daqs tal-marġni tal-kapital azzjonarju u l-klassifika ta’ Helaba, ir-rikorrenti ssostni li dawn l-elementi kollha kellhom iwasslu għal żieda tar-remunerazzjoni ta’ garanzija bażika meta mqabbla mat-tranżazzjonijiet ta’ riferiment. Fir-rigward tad-differenzi bejn il-kontribuzzjoni inkwistjoni u t-tranżazzjonijiet ta’ riferiment li l-Kummissjoni ma eżaminatx u li kellhom iwasslu għal żieda ta’ remunerazzjoni ta’ garanzija bażika, ir-rikorrenti ssemmi, minn naħa, l-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni kollha ġiet sottoskritta minn investitur wieħed u, min-naħa l-oħra, l-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ma hijiex funġibbli b’mod li l-Land ma jistax jirtira l-investiment minn Helaba.
201 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-kontribuzzjoni tad-Dresdner Bank ta’ USD biljun, imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata fost it-tranżazzjonijiet ta’ riferiment, hija prova li l-livell ta’ remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni kellu jkun taħt il-medda ta’ riferiment, peress li din il-kontribuzzjoni, minkejja profil tar-riskju, li skontha, huwa iżgħar, ġiet remunerata b’rata ogħla minn dik tal-kontribuzzjoni inkwistjoni.
202 Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
203 L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-medda użata mill-Kummissjoni hija żbaljat peress li hija bbażat fuq tranżazzjonijiet li ma humiex paragunabbli mal-kontribuzzjoni inkwistjoni, huwa biżżejjed li jingħad li mill-eżami tal-kwistjoni dwar il-klassifika tal-kontribuzzjoni inkwistjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li din iktar kienet tixbah il-kontribuzzjonijiet taċiti milli l-kapital azzjonarju (ara l-punt 181 iktar ’il fuq).
204 It-tieni nett, fir-rigward tal-eżami tal-konformità mas-suq ta’ remunerazzjoni bażika tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li twettaq mill-Kummissjoni, għandu mill-ewwel jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq l-ambjent tas-suq fid-data tal-kontribuzzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, anki mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-ħames tranżazzjonijiet tal-1999 li rreferiet għalihom il-Kummissjoni, mill-eżami tal-kumplament tat-tranżazzjonijiet jirriżulta li l-medda tas-suq definita mill-Kummissjoni, jiġifieri minn 75 sa 160 punti bażiċi, ma tinbidilx, peress li t-tranżazzjonijiet li jistabbilixxu l-limiti massimi (kontribuzzjoni tal-Bayerische Hypo- und Vereinsbank ta’ DEM 1.2 biljun) u minimi (it-tieni porzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ USD 700 miljuni maħruġa mid-Deutsche Bank) tal-imsemmija medda huma żewġ tranżazzjonijiet tal-1998. Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li dawn il-kontribuzzjonijiet ma humiex madankollu paragunabbli mal-kontribuzzjoni inkwistjoni peress li kienu għal żmien determinat, għandu jitfakkar li din il-karatteristika ma hijiex tali li tipprekludi kwalunkwe paragun.
205 Hemm lok, sussegwentement, li jiġu eżaminati kull waħda mit-tmien karatteristiċi li r-rikorrenti tikkunsidra bħala li jistgħu jimplikaw żieda tal-medda tas-suq għar-remunerazzjoni ta’ garanzija bażika u li l-Kummissjoni jew evalwat b’mod żbaljat, jew naqqset milli tevalwa.
206 Fir-rigward, l-ewwel nett, tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Helaba, ir-rikorrenti ssostni li l-profitt ta’ Helaba fl-1998 kien relattivament inqas fid-dawl tal-ammont tar-remunerazzjoni li kellha titħallas lil Land b’mod li kien hemm perikolu li l-profitt ma jkunx biżżejjed sabiex titħallas ir-remunerazzjoni miftiehma. Hija ssostni wkoll li, b’mod stabbli bejn l-1984 u l-1994, iċ-ċifri finanzjarji ta’ Helaba (dħul mill-fondi proprji, distribuzzjoni tal-profitt, proporzjon ta’ fondi proprji bażiċi) kienu sostanzjalment inqas minn dawk tal-banek privati.
207 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argument ibbażat fuq il-profitt allegatament imnaqqas ta’ Helaba meta mqabbel mal-ammont tar-remunerazzjoni, ir-rikorrenti ttenni l-argument dwar ir-riskju ta’ telf tar-remunerazzjoni li ġie espost fil-punt 161 iktar ’il fuq. Issa, kif ġie stabbilit fil-punt 163 iktar ’il fuq, il-paragun li sar mir-rikorrenti bejn ir-remunerazzjoni li għandha titħallas minn Helaba mill-2003 u l-profitt tiegħu fl-1998, ma jippermettix li jiġi stabbilit li jeżisti riskju partikolari ta’ telf tar-remunerazzjoni. Rigward l-argument li jipprovdi li r-riżultati l-oħra ta’ Helaba kienu inqas minn dawk tal-banek privati kbar, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, għalkemm il-kontribuzzjoni inkwistjoni ġiet innegozjata u integrata fil-Helaba fi tmiem l-1998, ir-rikorrenti tirreferi għal data relatata mall-perijodu ta’ bejn l-1984 u l-1994. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma kkunsidratx li r-remunerazzjoni kellha tkun ikbar minn dik miftiehma minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Helaba.
208 Fir-rigward, it-tieni nett, tan-nuqqas, b’mod ġenerali, ta’ pubbliċità dovut għall-fatt li Helaba kiseb il-kontribuzzjoni inkwistjoni mingħand investitur wieħed, ir-rikorrenti ssostni li l-effetti dannużi li ġġib magħha l-pubbliċità, f’każ ta’ diffikultajiet jew ta’ bdil dwar il-kontribuzzjoni, jistgħu jiġi evitati fil-każ inkwistjoni, jew minn tal-inqas, ikkontrollati. Hija ssostni li investitur privat kien jitlob żieda tar-remunerazzjoni ta’ garanzija bażika sabiex jiġi paċut dan il-vantaġġ.
209 Għandu jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni sommarja tar-rikorrenti ma hijiex biżżejjed sabiex turi li, fis-suq, iċ-ċirkustanza allegata effettivament timplika żieda tar-remunerazzjoni ta’ garanzija bażika u li, konsegwentement, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma kkonstatatx tali żieda fil-kawża inkwistjoni. Barra minn hekk, għalkemm mir-riferimenti li l-partijiet jagħmlu għal kontribuzzjoni taċita sottoskritta minn kumpannija tal-assigurazzjoni, jirriżulta li anki investituri privati jistgħu jissottoskrivu kontribuzzjoni taċita kollha, madankollu r-rikorrenti ma tressaqx provi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li tali żieda hija effettivament meħtieġa fis-suq.
210 Barra minn hekk, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti nfisha, il-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni toriġina minn investitur wieħed ma jippermettix lil Helaba jevita kull pubbliċità. Fil-fatt, Helaba ma jistax jipprekludi lil Land milli jevoka diffikultajiet eventwali jew bdil tal-kontribuzzjoni, iktar u iktar peress li dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu diskussi pubblikament fi ħdan il-Hessischer Landtag (parlament tal-Land) bl-istess mod li ġiet diskussa s-sottoskrizzjoni inizjali tal-kontribuzzjoni inkwistjoni.
211 Għal dak li jirrigwarda, it-tielet nett, l-ispejjeż tat-tranżazzjoni allegatament imnaqqsa għal Helaba, ir-rikorrenti ssostni li, peress li Helaba kiseb il-kontribuzzjoni mingħand investitur wieħed, huwa jekonomizza spejjeż kbar marbuta mal-bidu tal-ħruġ kif ukoll mat-tmexxija u l-implementazzjoni tagħha. Hija ssostni li investitur privat kien ukoll jitlob żieda tar-remunerazzjoni ta’ garanzija bażika sabiex jiġi paċut dan il-vantaġġ.
212 Għandu jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni mhux sostnuta tar-rikorrenti ma turix li, fis-suq, iċ-ċirkustanza allegata kienet timplika żieda tar-remunerazzjoni ta’ garanzija bażika. Barra minn hekk, il-Land josserva li huwa wkoll ekonomizza spejjeż kbar billi kkontribwixxa l-fond speċjali kollu lil Helaba minflok ma qasam il-kontribuzzjoni inkwistjoni bejn banek differenti u li, konsegwentement, iż-żieda ma tiġġustifikax ruħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-argument lanqas ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li ma kellux ikun hemm żieda tar-remunerazzjoni għal dan il-għan.
213 Fir-rigward, ir-raba’ nett, tal-volum tat-tranżazzjoni, ir-rikorrenti tikkritika l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-fatt li l-volum tal-kontribuzzjoni inkwistjoni huwa kunsiderevolment ogħla minn dawk tal-kontribuzzjonijiet użati biex isir il-paragun ma jistax jagħti lok għal żieda peress li l-kontribuzzjoni inkwistjoni hija ekwivalenti, minħabba l-mudell gradwali, għal ħames kontribuzzjonijiet suċċessivi ta’ ammonti iżgħar. Hija ssostni wkoll li l-Kummissjoni tikkontradixxi l-argument li hija kienet żviluppat fil-proċedura ġudizzjarja li tat lok għas-sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, fejn hija kienet iddikjarat li investitur li jopera f’ekonomija tas-suq “li kien ikkonfrontat minn dawk li huma fil-prattika, somom anormalment għolja [kien] jeżiġi żieda tad-dħul”.
214 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ttenni l-argumenti li tagħmel fir-rigward tal-ammissjoni tal-mudell gradwali. Mill-punt 131 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li, fir-rigward tal-kalkolu tar-remunerazzjoni xierqa għat-tkattir tal-attivitajiet kummerċjali, il-kontribuzzjoni inkwistjoni setgħet titqabbel ma’ serje ta’ ħames kontribuzzjonijiet taċiti ta’ ammonti iżgħar.
215 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk ma jittieħidx inkunsiderazzjoni l-mudell gradwali, mill-eżami tat-tranżazzjonijiet meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li d-daqs tal-volum jimplika neċessarjament żieda tar-remunerazzjoni ta’ garanzija. Għalhekk, għall-kontribuzzjoni tal-SGZ-Bank (Ottubru 1998) ta’ DEM 50 miljun biss (madwar EUR 25 miljun), ġiet stabbilita remunerazzjoni ta’ garanzija ta’ 1.20 %, filwaqt li d-Deutsche Bank ħallas biss remunerazzjoni ta’ garanzija ta’ 0.75 % u ta’ 0.8 % għall-porzjonijiet tal-kontribuzzjoni tiegħu ta’ USD 700 miljun (Jannar 1998).
216 Rigward l-argument ippreżentat mill-Kummissjoni matul il-proċedura ġudizzjarja li tat lok għas-sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jitfakkar li d-deċiżjoni inkwistjoni f’din il-kawża ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali u li, fid-deċiżjoni WestLB tal-2004, il-Kummissjoni ma imponietx iktar iż-żieda minħabba l-volum kbir tat-tranżazzjoni li tagħha hija kienet ippruvat tistabbilixxi l-fondatezza.
217 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma kkunsidratx li r-remunerazzjoni kellha tkun ogħla minn dik miftiehma minħabba l-volum kollu tal-kontribuzzjoni inkwistjoni.
218 Għal dak li jirrigwarda, il-ħames nett, il-marġni tal-kapital azzjonarju, ir-rikorrenti tqis li, għalkemm il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-daqs tal-kontribuzzjoni inkwistjoni meta mqabbel mal-kapital azzjonarju kien jeżiġi li r-remunerazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni tkun tinsab fl-ogħla parti tal-medda tas-suq għar-remunerazzjoni ta’ garanzija bażika, hija kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-kontribuzzjoni kollha ġiet ikkunsidrata bħala fondi proprji bażiċi lil hinn mil-limitu ta’ 15 % ta’ strumenti ta’ kapital proprju ibridi previsti mid-Dikjarazzjoni ta’ Sydney, u dan fil-livell ta’ Helaba u mhux tal-grupp li huwa affiljat miegħu.
219 Għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn ir-rikonoxximent tal-kontribuzzjoni kollha bħala fondi proprji bażiċi ta’ Helaba sar possibbli minħabba n-natura permanenti tagħha, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkustanza allegata mir-rikorrenti timplika żieda differenti minn dak li tirriżulta miż-żmien indeterminat tagħha. Fir-rigward tal-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ġiet rikonoxxuta bħala fondi proprji bażiċi fil-livell ta’ Helaba u mhux tal-grupp li huwa affiljat miegħu, għandu jitfakkar li r-rikorrenti tillimita ruħha li tiddikjara li dan ir-rikonoxximent jippermetti iktar flessibbiltà għal Helaba fl-użu tal-fondi. Fir-rigward tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni konformi mas-suq, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni b’ebda mod ma tista’ turi l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.
220 Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma qisitx li r-remunerazzjoni kellha tkun ogħla minn dik miftiehma minħabba n-natura iżgħar tal-marġni tal-kapital azzjonarju.
221 Fir-rigward, is-sitt nett, tal-klassifika fuq żmien twil ta’ Helaba fil-grad tal-kredituri, ir-rikorrenti tikkritika l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tidher fil-premessa 171 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li investitur privat iqis li r-riskju ta’ telf sostnut ma’ Helaba huwa paragunabbli ma dak ta’ investitur f’wieħed mill-banek privati l-kbar iċċitati fl-imsemmija deċiżjoni. F’dan ir-rigward, hija tiddikjara li huwa inkonċepibbli li, jekk ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-garanziji tal-Istat, l-imsemmija klassifika u dik tal-banek privati l-kbar iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata jkunu paragunabbli u, konsegwentement, li t-tranżazzjonijiet ta’ riferiment ikunu jistgħu jintużaw għall-finijiet ta’ paragun mingħajr ebda aġġustament. Hija ssostni, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ma mmotivatx l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward.
222 Għandu jiġi rrilevat li, insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha li tipprovdi li huwa inkonċepibbli li, mingħajr il-garanziji tal-Istat, il-klassifika fuq żmien twil ta’ Helaba u dik tal-banek privati l-kbar iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata tkun paragunabbli, ir-rikorrenti tillimita ruħha li ssostni li, kieku l-proporzjonijiet ta’ Helaba kienu paragunabbli għal dawk tal-banek privati l-kbar, hija kienet “probabbilment” tikseb klassifikazzjoni inqas favorevoli.
223 Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkonfutax id-dikjarazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li tirreferi għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 171), li tipprovdi li ebda metodu sabiex tiġi kkalkolata l-klassifika fuq żmien twil tal-banek reġjonali, jekk ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-obbligu taż-żamma fl-attività u ta’ garanzija li dak iż-żmien kellhom l-poteri pubbliċi, ma kienet teżisti qabel, l-iktar kmieni, l-2001. Huwa minnu li, fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, jekk ma jittieħdux inkunsiderazzjoni l-imsemmija garanziji tal-Istat, il-klassifika ta’ Helaba fis-snin 1998 u 1999 kienet fi grad inqas minn dik tal-banek privati l-kbar u tinvoka f’dan ir-rigward il-klassifiki intrinsiċi u ta’ solidità finanzjarja ta’ Helaba filwaqt li tqabbilhom mal-klassifiki tal-imsemmija banek privati matul dawn is-snin. Issa, peress li mid-dokument ipprovdut insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni jirriżulta li l-klassifikazzjonijiet intrinsiċi u ta’ solidità finanzjarja huma klassifiki differenti mill-klassifika fuq żmien twil, is-sempliċi riferiment għal dawn il-klassifiki fi grad inqas ta’ Helaba ma huwiex biżżejjed sabiex juri li, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet speċifiċi oħra, il-klassifika tagħha fuq żmien twil kellha neċessarjament tkun inqas minn dik tal-banek privati l-kbar kieku ġiet determinata billi ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-garanziji tal-Istat, u lanqas li fi tmiem l-1998 kien hemm mod kif tiġi determinata tali klassifika għal Helaba.
224 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li, fl-assenza, fi tmiem l-1998, ta’ metodu xieraq sabiex tiġi kkalkolata l-klassifika fuq żmien twil tal-banek reġjonali, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-garanziji tal-Istat, investitur privat kien iqis li r-riskju tat-telf sostnut ma’ Helaba kien paragunabbli ma’ dak ta’ investitment f’wieħed mill-banek privati l-kbar imsemmija fl-imsemmija deċiżjoni.
225 Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata f’dan ir-rigward. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kkritikata mir-rikorrenti ma kinitx intiża li tinnega r-rilevanza ta’ eventwali żieda tar-remunerazzjoni, iżda kienet tirrigwarda t-tnaqqis mitlub mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja minħabba l-allegat riskju żgħir ta’ investiment f’Helaba minħabba garanziji tal-Istat. Dan il-fatt jispjega għaliex il-Kummissjoni tillimita ruħha li tindika r-raġunijiet li għalihom il-kalkolu tar-remunerazzjoni ma kellux ikun ibbażat fuq il-klassifika fuq żmien twil li kien jibbenefika minnha Helaba fi tmiem l-1998 u ma tagħtix attenzjoni partikolari lill-klassifika eżatta li kieku kien ikollu fin-nuqqas ta’ garanziji mill-Istat.
226 Fir-rigward, is-seba’ nett, tal-fatt li l-kontribuzzjoni kollha kienet sottoskritta minn investitur wieħed, ir-rikorrenti ssostni li, fit-tranżazzjonijiet ta’ riferiment, il-kontribuzzjonijiet taċiti ġew sottoskritti minn diversi investituri, kull wieħed fosthom jinvesti, b’mod ġenerali, bejn EUR 5 u 10 miljuni jew, iżda biss b’mod eċċezzjonali, sa EUR 100 miljun. Hija ssostni li, filwaqt li l-Land kiseb 40 % mill-fondi proprji ta’ Helaba, fit-tranżazzjonijiet ta’ riferiment, il-parti tal-investituri individwali fil-fondi proprji tal-banek ikkonċernati kienu jirrappreżentaw inqas minn 1 %.
227 Ir-rikorrenti tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fir-risposta tagħha, li skontha d-differenza skont il-parti fil-ħruġ ta’ kull investitur tkun nieqsa minn bażi meta mqabbla mal-prassi tas-suq fis-seħħ fi tmiem l-1998. F’dan ir-rigward hija ssostni li din id-dikjarazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, li qieset, fis-sentenza tagħha WestLB, punt 7 iktar ’il fuq (punt 255), li investitur privat “jixtieq jikseb l-ikbar profitt, iżda mingħajr ma jinkorri wisq riskji meta mqabbel ma’ parteċipanti oħra fis-suq”. Hija ssostni li, meta mqabbel ma’ atturi oħra fis-suq, investitur jinkorri riskju ferm ikbar meta jinvesti bħal investitur uniku fi ħruġ, b’mod partikolari, meta l-volum kollu tiegħu huwa kunsiderevoli, iktar milli jissottoskrivi, bħal fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ banek Ġermaniżi privati msemmija mill-Kummissjoni sabiex isir il-paragun, flimkien ma’ parteċipanti oħra fis-suq, porzjon ferm iżgħar ta’ ħruġ li barra minn hekk, il-volum tiegħu huwa iżgħar.
228 Hija ssostni wkoll li l-kontribuzzjoni inkwistjoni żżid kunsiderevolment il-profil tar-riskju tal-portafoll tal-Land minħabba l-konċentrazzjoni tar-riskji tiegħu fuq debitur wieħed biss. F’dan ir-rigward, hija ssostni li d-diversifikazzjoni tar-riskju għandu valur ta’ prinċipju ġenerali fl-amministrazzjoni tar-riskju mill-impriża u li r-regoli ta’ prudenza dwar ir-“riskji kbar” huma bbażati fuq il-prinċipju li l-konċentrazzjoni tar-riskju fuq debitur wieħed hija pjuttost perikoluża.
229 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li anki jekk is-sottoskrizzjoni tal-kontribuzzjoni kollha li tirrappreżenta 40 % tal-fondi proprji tal-bank emittenti timplika riskju ogħla għall-investitur milli s-sottoskrizzjoni ta’ parti li tirrappreżenta inqas minn 1 % tal-imsemmija fondi, żieda tar-remunerazzjoni tista’ biss tkun iġġustifikata jekk dan il-fatt jinkludi vantaġġ għal bank emittenti li għalih dan huwa lest li jħallas, jew jekk dan il-bank għandu bżonn fondi proposti mill-investitur u ma huwiex f’pożizzjoni li jiksibhom mingħand persuni oħra. Min-naħa l-oħra, jekk iż-żieda tar-riskju għall-investitur tirriżulta minn deċiżjoni li huwa adotta għal raġunijiet li huma speċifiċi għalih, mingħajr ma jkun influwenzat mix-xewqat jew mill-bżonnijiet tal-bank, dan jirrifjuta li jħallas żieda tar-remunerazzjoni u jikseb il-fondi mingħand investituri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, punt 320).
230 Fil-kawża inkwistjoni, iż-żieda tar-riskju li jinvolvi, għal-Land, il-fatt li huwa għandu parti importanti mill-fondi proprji ta’ Helaba hija r-riżultat tad-deċiżjoni tiegħu li ma jaqsamx il-fond speċjali minħabba l-iżvantaġġi li kienu jirriżultaw minn dan, u mhux tal-interess ta’ Helaba li, kif ġie stabbilit (ara l-punti 39 sa 42 iktar ’il fuq), ma kellux bżonn urġenti li jżid b’mod sostanzjali l-fondi tiegħu li seta’ jwasslu sabiex jaċċetta żieda tar-remunerazzjoni.
231 Barra minn hekk, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li Helaba ma kienx ikun jista’ jikseb fis-suq, skont il-każ mingħand diversi investituri, fondi tal-istess daqs tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, b’kunsiderazzjoni għall-mudell gradwali, taħt kundizzjonijiet li jippermettu wkoll ir-rikonoxximent tagħhom bħala fondi proprji bażiċi u għal remunerazzjoni ta’ garanzija bażika ekwivalenti għal rata miftiehma mil-Land u minn Helaba.
232 Konsegwentement, anki jekk id-daqs tal-parti tal-Land fil-fondi proprji bażiċi ta’ Helaba timplika għalih żieda tar-riskju sostnut, ma huwiex ċar jekk dan il-fatt jimplikax vantaġġ li għalih Helaba kellu jħallas żieda. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma kkunsidratx li r-remunerazzjoni kellha tkun ikbar minn dik miftiehma minħabba l-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ġiet sottoskritta minn investitur wieħed.
233 Fir-rigward, it-tmien nett, tan-nuqqas ta’ funġibbiltà tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, jew tal-funġibbiltà limitata tagħha, ir-rikorrenti ssostni li dan il-fatt jiddistingwi l-kontribuzzjoni inkwistjoni mit-tranżazzjonijiet użati mill-Kummissjoni biex isir paragun sa fejn jipprojbixxi lil Land milli jirtira mill-investiment.
234 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħal fil-punt 229 iktar ’il fuq, li l-fatt li wieħed mill-aspetti tat-tranżazzjoni jimplika żieda tar-riskju sostnut mill-investitur jiġġustifika żieda tar-remunerazzjoni jekk l-imsemmi aspett jinvolvi vantaġġ għal bank jew jekk tali bank ma jkunx f’pożizzjoni li jirrifjuta l-fondi proposti.
235 Issa, fil-kawża inkwistjoni, in-nuqqas ta’ funġibbiltà tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, jew il-funġibbiltà limitata tagħha, ma jimplikawx vantaġġ għal Helaba.
236 Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-kontribuzzjonijiet taċiti maħruġa fis-suq isiru permezz ta’ kumpannija li tissottoskrivi l-kontribuzzjoni bħala soċju taċitu u tirrealizza l-kapital neċessarju fis-suq. Għalhekk, l-investituri ma jissottoskrivux direttament il-kontribuzzjoni taċita mal-bank emittenti iżda mal-kumpannija intermedjarja. Min-naħa l-oħra, tali kumpannija, bħala soċju taċitu, tista’ biss tittrasferixxi d-drittijiet tagħha fil-kontribuzzjoni taċita bil-kunsens tal-bank emittenti.
237 Fil-kawża inkwistjoni, il-Land, li diġà kellu kapital li seta’ jinvesti, jipparteċipa fit-tranżazzjoni bħala soċju taċitu minflok il-kumpannija intermedjarja. Minn dan jirriżulta li, għal Helaba, it-tranżazzjoni tiżvolġi bħal fil-każ tal-kontribuzzjonijiet maħruġa fis-suq u li huwa ma jikseb ebda vantaġġ addizzjonali mill-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ma tiġix ikkwotata fil-Borża, peress li l-uniċi karatteristiċi rilevanti għalih huma dawk li jippermettu li l-kontribuzzjoni tiġi kkunsidrata bħala fondi proprji bażiċi lil hinn mil-limitu ta’ 15 % tal-imsemmija fondi stabbilit mid-Dikjarazzjoni ta’ Sydney għall-istrumenti tal-kapital proprju ibridi, jiġifieri ż-żmien indeterminat, in-nuqqas ta’ dritt tas-soċju taċitu li jirtira l-kontribuzzjoni u n-nuqqas ta’ klawżola step-up. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bi tweġiba għall-mistoqsija li l-Qorti Ġenerali għamlitilha waqt is-seduta dwar il-vantaġġi li jirriżultaw għal Helaba mill-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ma hijiex ikkwotata fil-Borża, ir-rikorrenti ddikjarat li ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf jekk dan il-fatt effettivament jimplikax vantaġġ għal Helaba.
Konklużjoni dwar il-paragun bejn ir-remunerazzjoni bażika u r-remunerazzjoni ta’ garanzija bażika meħtieġa fis-suq
238 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li investitur privat li jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-Land ma kienx jirnexxilu jikseb, mingħand Helaba, remunerazzjoni bażika ikbar minn dik miftiehma bejn il-partijiet, peress li l-l-elementi li jimplikaw żieda tar-riskju għal Land jirriżultaw min-natura tal-fond speċjali tiegħu kif ukoll mill-għażliet tiegħu u ma jimplikawx, għal Helaba, vantaġġ meta mqabbel ma’ dak li huwa seta’ jikseb fis-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-obbligu finanzjarju kollu ta’ 1.43 % li jirriżulta għal Helaba mir-remunerazzjoni bażika tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, b’kunsiderazzjoni għall-effett tat-taxxa fuq in-negozju, ma jagħtix vantaġġ lil Helaba li huwa ma setax jikseb fil-kundizzjonijiet tas-suq.
c) Fuq il-paragun bejn iż-żieda permanenti u r-remunerazzjoni ta’ garanzija meħtieġa fis-suq
Id-deċiżjoni kkontestata
239 Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tiddistingwi ruħha mill-parti l-kbira tat-tranżazzjonijiet invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja peress li tikkostitwixxi “kontribuzzjoni permanenti” u kkunsidrat li din iċ-ċirkustanza teżiġi żieda tar-remunerazzjoni peress li timplika, għal Land, riskju ikbar li ma jkunx jista’ jsegwi l-varjazzjonijiet tar-rati ta’ interessi u, għal Helaba, valur ekonomiku ikbar peress li tippermetti li jinqabeż il-limitu ta’ 15 % stabbilit mid-Dikjarazzjoni ta’ Sydney (premessi 173 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata).
240 Il-Kummissjoni tindika li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rata ta’ 0.23 %, li tikkorrispondi għal żieda permanenti miftiehem bejn il-partijiet miżjud bil-parti korrispondenti tat-taxxa fuq in-negozju, hijiex konformi mas-suq, hija ma tistax, jew tista’ b’mod limitat ħafna biss, tibbaża ruħha fuq data tas-suq ta’ meta saret it-tranżazzjoni, peress li l-partijiet kienu jaġixxu b’tali mod bħala pijunieri fis-suq. Hija ssostni, madankollu, li investitur pubbliku jew bank pubbliku ma jistgħux jiġu pprojbiti milli jaġixxu bħala pijunieri fis-suq u li għalhekk għandu jiġi biss eżaminat jekk id-determinazzjoni taż-żieda permanenti huwiex manifestament ivvizzjat bi żball ta’ evalwazzjoni fuq livell ekonomiku, jiġifieri jekk hijiex eventwalment ibbażata fuq kriterji ta’ evalwazzjoni żbaljati (premessi 176 u 177 tad-deċiżjoni kkontestata).
241 Hija ssostni li, fid-dawl tal-ftit data disponibbli dwar is-sena tal-kontribuzzjoni inkwistjoni u s-sena ta’ wara, il-kalkolu propost mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jirriżulta minn paragun bejn ir-remunerazzjoni ta’ “kontribuzzjoni permanenti” tad-Deutsche Bank u dik ta’ kontribuzzjoni taċita tad-Dresdner Bank, li twassal għal żieda ta’ madwar 0.29 %, kien kredibbli. Minn dan hija tikkonkludi li ma hemmx lok li jitqies li r-rata paragunabbli rilevanti ta’ 0.23 % fis-sena għal żieda minħabba l-permanenza tinsab l-isfel mill-medda tas-suq u li, konsegwentement, Helaba kien ġie ppreferut, jiġifieri kien ibbenefika minn għajnuna mill-Istat (premessi 182 u 183 tad-deċiżjoni kkontestata).
L-argumenti tal-partijiet
242 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li ma kienx hemm lok li tiġi emendata il-medda ta’ riferiment kkalkolata abbażi tal-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ż-żmien indeterminat tal-kontribuzzjoni inkwistjoni.
243 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat li l-Land u Helaba aġixxew bħala pijunieri u li, konsegwentement, huma kellhom jingħataw marġni ikbar ta’ diskrezzjoni. F’dan ir-rigward, hija ssostni li Helaba u l-Land ma aġixxewx bħala pijunieri peress li ebda tranżazzjoni oħra li kellha l-karatteristiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni ma kienet saret sussegwentement u, fuq kollox, peress li mid-diskussjonijiet li saru fi ħdan il-Hessischer Landtag qabel ma saret il-kontribuzzjoni inkwistjoni, irriżulta li l-partijiet fittxew li jikkuppjaw b’mod eżawrjenti t-tranżazzjonijiet imwettqa bejn Länder oħra u Landesbanken oħra, li r-remunerazzjoni tagħhom ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala li tinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat.
244 It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni, għall-eżami tagħha, “kontribuzzjonijiet permanenti” tal-perijodu ta’ bejn Mejju 1999 u Diċembru 2003. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, meta ebda data tas-suq ma tkun disponibbli, il-Kummissjoni ma tistax tqis li ċ-ċirkustanzi li investitur privat kien jieħu inkunsiderazzjoni fil-perijodu ta’ bejn Mejju u Lulju 1999, jew f’Diċembru 2003, kienu diġà jeżistu, bħal dawk fi tmiem l-1998, peress li l-iżvilupp attwali tas-suq Ewropew tal-kapital huwa prova tal-fatt li s-sitwazzjoni kienet l-oppost. Hija tqis li, konsegwentement, il-fatt li s-sitwazzjoni kompetittiva tal-1999 tiġi applikata, mingħajr ebda motivazzjoni, għall-1998 jikkostitwixi żball ċar.
245 It-tielet nett, hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, l-erba’ tranżazzjonijiet, tlieta minnhom imwettqa mid-Deutsche Bank u l-oħra mid-Dresdner Bank, użati bħala riferiment mill-Kummissjoni sabiex tikkalkula ż-żieda permanenti ma humiex paragunabbli mal-kontribuzzjoni inkwistjoni fir-rigward tal-volum totali u tal-volum investit minn kull investitur, tal-proporzjon tal-fondi proprji bażiċi tal-banek emittenti li jirrappreżentaw d-diversi kontribuzzjonijiet, ir-rikonoxximent tagħhom bħala fondi proprji bażiċi tal-bank jew tal-grupp, kif ukoll il-possibbiltà tal-irtirar mill-investiment.
246 Ir-raba’ nett, hija ssostni li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, l-ikbar żieda applikata għar-remunerazzjoni ta’ “kontribuzzjoni permanenti” tad-Deutsche Bank meta mqabbla mal-kontribuzzjoni taċita tad-Dresdner Bank ma tistax tiġi ġġustifikata bil-klassifika iktar favorevoli tal-“kontribuzzjoni permanenti”. Bħala tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali magħmula waqt is-seduta, ir-rikorrenti spjegat li, permezz ta’ dan l-argument, hija riedet issostni li l-klassifika inqas favorevoli tal-“kontribuzzjoni permanenti” tad-Deutsche Bank meta mqabbla ma’ dik tal-kontribuzzjoni taċita għal żmien determinat tad-Dresdner Bank ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li ż-żieda permanenti fis-suq tkun inqas mir-rata ta’ 0.29 % ikkalkolata meta jsir paragun bejn dawn it-tliet tranżazzjonijiet, peress li l-klassifiki huma influwenzati minn numru kbir ta’ fatturi.
247 Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
248 Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Land u Helaba ma aġixxewx bħala pijunieri, peress li fittxew biss li jillimitaw it-tranżazzjonijiet preċedenti tal-Landesbanken, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li kif issostni Helaba, dan ma huwiex sostnut mill-minuti tas-sessjoni tal-Kumitat Ekonomiku tal-Hessischer Landtag tat-2 ta’ Diċembru 1998, li fuqhom tibbaża ruħha r-rikorrenti. Għalkemm huwa minnu li minn dan id-dokument jirriżulta li l-imsemmija tranżazzjonijiet ittieħdu inkunsiderazzjoni, madankollu jirriżulta wkoll li l-Land u Helaba ħadu wkoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni kienet bdiet proċeduri kontra dawn it-tranżazzjonijiet u li kienu seħħew diskussjonijiet sabiex jintlaħaq qbil dwar il-kundizzjonijiet tal-kontribuzzjoni inkwistjoni. It-tieni nett, rigward l-argument li jgħid li, sussegwentement, ma saret ebda tranżazzjoni paragunabbli mal-kontribuzzjoni inkwistjoni, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-analiżi preċedenti dwar il-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni kif ukoll għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi tagħha għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni konformi mas-suq.
249 Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni “kontribuzzjonijiet permanenti” tal-perijodu ta’ bejn Mejju 1999 u Diċembru 2003, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma segħetx tikkontesta ż-żieda permanenti miftiehma bejn il-Land u Helaba mingħajr ma jkollha ammont minimu ta’ elementi li fuqhom setgħet tibbaża ruħha sabiex tikkunsidra li tali żieda kienet inqas minn dik li kieku kienet tiġi stabbilita fis-suq. Huwa bil-għan li tikseb tali provi, u għalhekk tillimita l-marġni ta’ manuvra tal-partijiet involuti fil-kontribuzzjoni inkwistjoni, li l-Kummissjoni eżaminat l-iżvilupp sussegwenti tas-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kritika tar-rikorrenti, li hija intiża li tipprekludi lill-Kummissjoni milli tuża d-data dwar perijodu sussegwenti għall-kontribuzzjoni inkwistjoni, ma hijiex ta’ natura li turi li din wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li ma kienx hemm lok li jitqies li ż-żieda permanenti miftiehma bejn il-Land u Helaba ma kinitx konformi mas-suq.
250 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-volum tas-suq tal-istrumenti ta’ kapital proprju ibridi kien żdied b’mod ferm sinjifikanti fl-1999 ma huwiex biżżejjed sabiex juri li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li setgħet tibbaża ruħha fuq tranżazzjonijiet li saru wara l-kontribuzzjoni inkwistjoni, peress li ma kienx hemm lok li jitqies li ż-żieda permanenti minħabba l-permanenza tal-kontribuzzjoni taċita kienet inbidlet sostanzjalment maż-żmien (premessi 177 u 178 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, is-sempliċi fatt li l-volum tas-suq tal-istrumenti tal-kapital proprju ibridi żdied b’mod sostanzjali ħafna fl-1999 ma jimplikax li, kuntrarjament għal dak li tiddikjara l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, iż-żieda permanenti kien inqas matul din is-sena, b’tali mod li l-fatt li l-Kummissjoni għamlet riferiment għad-data li tirreferi għal dan il-perijodu jista’ jfixkel il-konklużjoni tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tispjegax kif iż-żieda tal-volum tas-suq affettwat ir-rata taż-żieda permanenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tressaqx argumenti li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-Land u Helaba ma setgħux, f’Diċembru 1998, validament jikkalkolaw l-ammont taż-żieda li kellu sussegwentement jiġi determinat minn banek oħra.
251 Fir-rigward, it-tielet nett, tal-ilment li jipprovdi li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ma hijiex paragunabbli mal-erba’ kontribuzzjonijiet imsemmija mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti tinvoka argumenti, diġà invokati diversi drabi insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha, li jipprovdu li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tippreżenta profil tar-riskju li jipprekludi li din tiġi pparagunata ma’ kontribuzzjonijiet taċiti oħra, u li ġew micħuda mill-Qorti Ġenerali.
252 Ir-rikorrenti tiddikjara wkoll li, il-fatt li l-kontribuzzjonijiet li għamlet riferiment għalihom mill-Kummissjoni sabiex isir il-paragun, huma kkwotati fil-Borża, jimplika li ma humiex għal-żmien determinat mill-perspettiva tal-investitur u li, konsegwentement, iż-żieda tar-riskju li jintilef il-kapital meta mqabbel ma’ strument finanzjarju għal żmien determinat hija, jekk teżisti, negliġibbli. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, il-Land ma jkunx jista’ jirtira mill-investiment u, konsegwentement, iż-żieda permanenti għandu jkun ogħla minn dak applikat fil-każijiet tal-kontribuzzjonijiet taċiti kkwotati fil-Borża.
253 Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li d-differenza fil-livell ta’ funġibbiltà bejn il-kontribuzzjonijiet li għamlet riferiment għalihom mill-Kummissjoni sabiex isir il-paragun u l-kontribuzzjoni inkwistjoni u, konsegwentement, fil-possibbiltà tal-irtirar mill-investiment hija biss konsegwenza tal-fatt li l-Land, għad-differenza tal-investituri f’kontribuzzjonijiet taċiti kkwotati fil-Borża, ma investiex assi likwidi, u għalhekk funġibbli, iżda fond speċjali li huwa ma xtaqx ibigħ u li ried li r-rimbors għalih isir biss permezz ta’ beni. Barra minn hekk, l-impossibbiltà li l-Land jirtira mill-investiment, jew il-possibbiltà limitata ħafna li jagħmel dan, ma jagħtux vantaġġ addizzjonali lil Helaba li, għalhekk, huwa għandu jkun dovut li jirrimborsa.
254 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża inkwistjoni, fil-kuntest tan-negozjati f’kundizzjonijiet normali tas-suq, kien ikun impossibbli li investitur privat li jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal Land jinjora l-fatt li n-nuqqas ta’ possibbiltà li jirtira mill-investiment, jew il-possibbiltà limitat li jagħmel dan, kien il-konsegwenza tal-għażliet tiegħu dwar il-ġestjoni tal-fond speċjali u mhux tal-bżonnijiet ta’ Helaba. Għalhekk, tali investitur kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-perspettiva ta’ Helaba u l-fatt li dan ma kienx dispost iħallas remunerazzjoni ogħla għal żvantaġġ sostnut mill-Land minħabba l-għażliet tiegħu stess u li ma jikkostitwixxix vantaġġ addizzjonali għalih.
255 Fir-rigward, ir-raba’ nett, tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-klassifika inqas favorevoli tal-“kontribuzzjoni permanenti” tad-Deutsche Bank meta mqabbla ma’ dik tal-kontribuzzjoni taċita għal żmien determinat tad-Dresdner Bank ma tippermettix li jitnaqqas iż-żieda permanenti kkalkolata billi jsir paragun bejn dawn it-tranżazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-kalkolu propost mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’dan ir-rigward kien eżatt u llimitat ruħha li tiddikjara li dan kien kredibbli. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti jkun ifisser li f’dan il-każ il-Kummissjoni tkun prekluża milli twettaq paragun mas-suq peress li, kif iddikjarat matul is-seduta, ir-remunerazzjoni ta’ kull tranżazzjoni magħmula fis-suq tiddependi fuq numru ta’ fatturi li l-influwenza tagħhom fuq ir-remunerazzjoni finali hija diffiċli li tiġi kkwantifikata b’mod preċiż.
256 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, peress li l-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward taż-żieda permanenti miftiehma f’din il-kawża ma hijiex ibbażata fuq dan il-kalkolu biss, dan l-argument ma jistax, anki kieku kien fondat, juri li l-imsemmija konklużjoni hija vvizzjata bi żball manifest. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punti 240 u 241 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ħadet b’mod partikolari inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Land u Helaba aġixxew bħala pijunieri fis-suq u, sussidjarjament, il-fatt li l-paragun tar-remunerazzjoni tal-“kontribuzzjoni permanenti” imsemmija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tippermettix li jiġi konkluż li l-medda tar-remunerazzjoni tal-“kontribuzzjoni permanenti” kienet ogħla minn dik tal-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat.
257 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li ma kien hemm xejn li jippermettilha tikkonkludi li r-rata paragunabbli rilevanti ta’ 0.23 % fis-sena għaż-żieda permanenti kienet inqas mill-medda tas-suq u, li konsegwentement, Helaba ġie ppreferut u għalhekk ibbenefika minn għajnuna mill-Istat.
Konklużjoni dwar l-eżami tal-konformità tar-remunerazzjoni ta’ garanzija mas-suq
258 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-obbligu finanzjarju sostnut minn Helaba minħabba l-kontribuzzjoni inkwistjoni kien konformi mar-remunerazzjoni ta’ garanzija miftiehma fis-suq għal tranżazzjonijiet paragunabbli u, konsegwentement, li kienx jagħti vantaġġ lil Helaba li dan tal-aħħar ma kienx jikseb fil-kundizzjonijiet tas-suq.
5. Fuq il-fatt li mir-remunerazzjoni l-Kummissjoni naqqset l-ispejjeż ta’ rifinanzjament dovuti minn Helaba minħabba n-nuqqas ta’ likwidità tal-kontribuzzjoni
a) Id-deċiżjoni kkontestata
259 Il-Kummissjoni tindika li, peress li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ma tagħtx likwidità lil Helaba, huwa kellu jsostni spejjeż ta’ rifinanzjament addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk li għandhom jiġu sostnuti minn bank li rċieva kontribuzzjoni likwida, peress li huwa kien għad kellu jikseb l-imsemmija likwidità mis-suq sabiex jipprova jestendi l-attivitajiet tiegħu bl-istess mod (premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tikkunsidra, konsegwentement, li Helaba kellu biss jirremunera r-riskju li għalih il-Land jesponi l-fondi tiegħu, jiġifieri li huwa kellu biss iħallas lil Land ir-remunerazzjoni ta’ garanzija li teċċedi r-rata ta’ rifinanzjament applikabbli fis-suq interbankarju (premessi 162 u 187 tad-deċiżjoni kkontestata).
260 F’dan ir-rigward hija tiċħad l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li kienu biss l-ispejjeż ta’ rifinanzjament wara t-taxxa li kellhom jitnaqqsu mir-remunerazzjoni billi tindika li, għad-differenza tal-kawża WestLB invokata minnha, il-kontribuzzjoni inkwistjoni ma tagħtix lil Helaba riduzzjoni addizzjonali, tat-taxxa meta mqabbla mat-tnaqqis mogħti permezz ta’ kontribuzzjoni likwida, li tiġġustifika riduzzjoni tal-ammont imnaqqas (premessi 185 u 186 tad-deċiżjoni kkontestata).
b) L-argumenti tal-partijiet
261 Ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni u, min-naħa l-oħra, li tmur kontra l-kriterju ta’ investitur privat.
262 Fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni, hija ssostni li t-tnaqqis kollu tar-rata ta’ rifinanzjament imur kompletament kontra l-pożizzjoni li kienet ħadet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kif ukoll kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u ssostni li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha timmotiva d-deċiżjoni tagħha bir-reqqa. Hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix informazzjoni dwar il-kriterji li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li Helaba effettivament sostna spejjeż ta’ rifinanzjament addizzjonali sal-limitu tar-rata ta’ rifinanzjament grossa, dwar għaliex Helaba għandu biss iħallas ir-remunerazzjoni ta’ garanzija li teċċedi r-rata ta’ interessi ta’ riferiment, dwar jekk ir-remunerazzjoni ta’ garanzija għandhiex tkun ibbażata fuq ir-rata ta’ finanzjament grossa jew inkella fuq ir-rati Libor jew Euribor, jew dwar jekk ir-rata ta’ riferiment u r-rata Libor humiex l-istess rata.
263 Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, ir-rikorrenti ssostni li, billi tikkunsidra li Helaba għandu jħallas biss għar-riskju li għalih il-Land jesponi l-fond speċjali tiegħu billi jagħtih il-forma ta’ kontribuzzjoni taċita, il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat dan il-kriterju peress li, l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ likwidità kien diġà ġie paċut mill-valur tal-integrazzjoni mnaqqas tal-fond speċjali, it-tieni nett, peress li investitur privat ma jaċċettax li r-remunerazzjoni tiegħu titnaqqas minħabba n-nuqqas ta’ likwidità tal-investiment tiegħu u, it-tielet nett, peress li fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li investitur privat jaċċetta biss li jkun hemm tnaqqis sal-livell tal-ispejjeż attwali sostnuti mill-bank minħabba n-nuqqas ta’ likwidità.
264 Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.
c) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
265 Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstata li mill-premessi 184 sa 187 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatt li investiment f’fondi proprji bażiċi ma huwiex likwidu jimplika spejjeż ogħla għal bank meta mqabbla mal-ispejjeż relatati ma’ investiment likwidu, peress li l-bank għandu jikseb fis-suq ammont likwidu daqs il-valur tal-investiment. Għalhekk, il-bank jaċċetta dan l-investiment biss jekk ir-remunerazzjoni miftiehma tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw min-nuqqas tal-likwidità tal-investiment u konsegwentement, tippermetti li l-ispejjeż ta’ tali investiment ikunu identiċi għal dawk relatati ma’ investiment li jinkludi trasferiment ta’ likwidità.
266 Meta, bħal fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet taċiti bħall-kontribuzzjoni inkwistjoni, kemm ir-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni kif ukoll l-ispejjeż addizzjonali jitħallsu qabel it-taxxa, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ispejjeż ta’ kontribuzzjoni likwida u ta’ kontribuzzjoni mhux likwida ma jistgħux ikunu identiċi ħlief jekk ir-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni hija kkalkolata mingħajr ma tittieħed inkunsderazzjoni r-rata ta’ interessi li, fil-każ tal-kontribuzzjonijiet taċiti likwidi, hija intiża li tirremunera l-provvista tal-likwidità. Madankollu, meta, bħal fil-kawża WestLB, ir-remunerazzjoni tal-investiment titħallas wara t-taxxa, peress li l-investiment ma jieħux il-forma ta’ kontribuzzjoni taċita, filwaqt li l-ispejjeż ta’ rifinanzjament huma dejjem ikkunsidrati bħala spejjeż tan-negozju u jitħallsu qabel it-taxxa, huma biss l-ispejjeż ta’ rifinanzjament netti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni peress li, fil-każ kuntrarju, l-investiment mhux likwidu ikun inqas profittabbli għal bank minn investiment likwidu. Il-Kummissjoni tikkunsidra li f’dan l-aħħar każ investitur kieku jeżiġi li r-remunerazzjoni tiegħu tkun ogħla sabiex jiġi paċut dan il-vantaġġ għal bank.
267 Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni spjegat b’mod suffiċjenti, inkluż fid-dawl b’mod partikolari tal-kawża WestLB, ir-raġuni għaliex, fil-fehma tagħha, Helaba effettivament isostni, fir-rigward tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, spejjeż ta’ rifinanzjament addizzjonali sal-limitu tar-rata ta’ rifinanzjament grossa meta mqabbla ma’ kontribuzzjoni taċita likwida u, konsegwentement, ir-raġuni għaliex Helaba għandu biss iħallas ir-remunerazzjoni ta’ garanzija li teċċedi r-rata ta’ interessi ta’ riferiment. Barra minn hekk, fid-dawl ta’ din il-motivazzjoni, ma kienx neċessarju li l-Kummissjoni tindika jekk ir-remunerazzjoni ta’ garanzija kellhiex tkun ibbażata fuq ir-rata ta’ rifinanzjament grossa jew fuq ir-rati Libor jew Euribor, u lanqas li tindika liema kienet ir-rata ta’ riferiment.
268 Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar il-fondatezza tat-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ finanzjament, dawn għandhom jiġu eżaminati separatament.
Fuq l-argument li jipprovdi li n-nuqqas ta’ likwidità kien diġà ttieħed inkunsiderazzjoni permezz tal-valur ta’ integrazzjoni mnaqqas
269 Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li, filwaqt li l-portafoll tas-self tal-fond speċjali kien jammonta, fil-31 ta’ Diċembru 1998, għal madwar EUR 4 biljuni, il-kontribuzzjoni taċita mniżżla fil-karta tal-bilanċ ta’ Helaba kienet tammonta biss għal EUR 1.264 biljuni. Hija ssostni li d-determinazzjoni tal-valur attwali rrendiet il-kontribuzzjoni inkwistjoni ekwivalenti għal assi oħra, inklużi dawk likwidi, tal-istess ammont, b’mod partikolari peress li din hija kkunsidrata bħala li għandha tipproduċi interessi bir-rata normali tas-suq. Minn dan hija tiddeduċi li investitur privat jieħu inkunsiderazzjoni d-dħul li Helaba jagħmel miż-żieda tal-valur tal-fond speċjali u jqiegħdu f’sitwazzjoni parallela għal dik tal-eventwali spejjeż ta’ rifinanzjament sostnuti mill-bank.
270 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif tiddikjara l-Kummissjoni, l-evalwazzjoni tal-valur tal-fond speċjali fil-jum tat-trasferiment tiegħu lil Helaba ma għandu ebda rabta mal-ispejjeż addizzjonali li l-kontribuzzjoni inkwistjoni rrappreżentat għal Helaba meta mqabbla ma’ kontribuzzjoni taċita likwida. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-valur tal-fond speċjali, tal-iżvantaġġi li jirriżultaw għal Helaba min-nuqqas ta’ likwidità u mill-ispejjeż ta’ rifinanzjament li huwa għandu jsostni sabiex ikattar l-attivitajiet tiegħu sal-massimu jirriżulta b’mod ċar mill-fatt li din l-evalwazzjoni twettqet mhux biss mill-partijiet involuti fil-kontribuzzjoni inkwistjoni, iżda wkoll minn BAKred, u dan sabiex jiġi stabbilit liema valur seta’ jiġi mniżżel fil-karta tal-bilanċ ta’ Helaba bħala fondi proprji bażiċi. Għalhekk, dan il-valur ikkalkolat għall-finijiet tal-protezzjoni tal-kredituri terzi huwa l-istess, kemm jekk Helaba jiddeċiedi li effettivament ikattar l-attivitajiet tiegħu sal-massimu u kemm jekk le. Għaldaqstant, dan huwa valur oġġettiv li ma jiddependix fuq l-użu tal-fond speċjali. Dan il-valur kien ikun l-istess anki li kieku l-fond nbiegħ lill-impriża privata jew lill-awtorità pubblika li sempliċement tixtieq tissokta l-attività tal-fond speċjali u li, minħabba dan, ma jkollhiex bżonn tikseb likwidità sal-valur tal-fondi.
271 Barra minn hekk, ir-rapport ta’ perizja mitlub mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva fil-kawża WestLB jikkonferma din il-konklużjoni. Fil-fatt, l-eżempju mogħti minn dan ir-rapport, ibbażat fuq bejgħ mill-awtoritajiet tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ta’ djar mikrija lil persunal militari b’kera irħas minn dik tas-suq, li għaliha l-prezz imħallas mix-xerrej kien l-istess bħall-valur attwali, jikkonferma li l-imsemmi valur jikkorrispondi għall-prezz oġġettiv tal-bejgħ, indipendentement mill-intenzjoni li x-xerrej beħsiebu jagħmel tal-fond ittrasferit.
272 Il-fatt, irrilevat f’dan ir-rapport u invokat mir-rikorrenti fil-kawża inkwistjoni sabiex tikkontesta t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament, li l-fond ittrasferit, ladarba jiġi kkalkolat il-valur attwali, jiġi kkunsidrat bħala li għandu jipproduċi interessi bir-rata tas-suq, għalkemm huwa minnu, madankollu ma huwiex ta’ natura li jipprekludi l-imsemmi tnaqqis. Fil-fatt, minn naħa, mit-terminu “għandha”, imsemmi fir-rapport, jirriżulta li din hija ipoteżi u mhux fatt ċert li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu paċuti l-ispejjeż ta’ rifinanzjament. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li l-valur attwali li l-fond kellu xi snin wara l-ewwel evalwazzjoni tiegħu ma jkunx ekwivalenti għall-ewwel valur miżjud bl-interessi dovuti iżda jkun inqas, minħabba pereżempju n-nuqqas ta’ rimbors ta’ parti mis-self mogħti. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill-premessi 18 u 30, jirriżulta li l-valur tal-fond imniżżel fil-karta tal-bilanċ baqa’ stabbli bejn l-1999 u l-2003 u li l-integrazzjoni tal-fond speċjali ma l-assi ta’ Helaba ma jimplikax fluss tal-likwidità jew dħul għall-bank, peress li l-ħlas marbut mas-self tal-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali huwa allokat għall-fond speċjali u għandu jintuża għall-finijiet ta’ għajnuna. Minn dan jirriżulta li l-fatt li l-valur attwali tal-fond speċjali huwa inqas mill-valur nominali tiegħu ma jimplikax profitt annwali għal Helaba.
273 Konsegwentement, għandu jiġu kkunsidrat li, kif isostnu l-Kummissjoni u l-intervenjenti, il-fatt li l-valur attwali tal-fond speċjali, fil-jum ta’ meta ġie integrat, kif rikonoxxut bejn il-partijiet u minn BAKred, huwa inqas mill-valur nominali tiegħu, ma jpaċix, u ma għandux bħala għan li jpaċi, l-ispejjeż ta’ finanzjament sostnuti minn Helaba sabiex jikseb likwidità fis-suq sal-livell tal-ammont tal-kontribuzzjoni inkwistjoni. Għalhekk, l-argument preżenti għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun neċessarju li l-Kummissjoni tintalab, kif propost mir-rikorrenti, tipprovdi ż-żewġ rapporti ta’ perizja, li jistabbilixxu l-valur attwali tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, msemmija fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata.
Fuq l-argument ibbażat fuq il-fatt li investitur privat ma kienx jaċċetta tnaqqis tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament
274 Ir-rikorrenti ssostni li billi kkunsidrat li investitur privat jaċċetta li r-remunerazzjoni tiegħu titnaqqas minħabba n-natura mhux likwida tal-kontribuzzjoni tiegħu, il-Kummissjoni wettqet żewġ żbalji, wieħed ta’ kontabbiltà u l-ieħor ta’ makroekonomija.
275 L-iżball ta’ kontabbiltà jikkonsisti fl-iffissar ta’ rabta bejn id-deċiżjoni tal-Land li jintegra l-fond speċjali u d-deċiżjoni ta’ Helaba li taċċettah. Ir-rikorrenti tiddikjara li kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet hija ddeterminata minn parametri – fosthom prospettivi ta’ dħul, riskju, spejjeż ta’ rifinanzjament – li ma humiex stabbiliti mill-partijiet iżda mis-suq tal-kapital u li investitur ma jwettaqx il-kontribuzzjoni tiegħu li kieku ma jkollux aspettattiva li jkun ser jibbenefika minn dħul korrispondenti għar-riskju meħud. Fir-rigward tal-kritika tal-Kummissjoni li tipprovdi li r-rikorrenti tibbaża ruħha fuq “teorema tas-separazzjoni” li, minbarra l-fatt li ma hijiex l-unika waħda li ġiet proposta, tmur kontra l-kriterju ta’ investitur privat, ir-rikorrenti ssostni li teżisti biss “teorema ta’ separazzjoni” waħda u li mhux biss talli l-kriterju ta’ investitur privat ma jmurx kontrih, iżda talli huwa bbażat fuqu.
276 L-iżball ta’ makroekonomija jikkonsisti fil-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li investitur privat kien iqiegħed parti mill-assi tiegħu għad-dispożizzjoni tal-kredituri ta’ Helaba għal żmien indeterminat bir-rata ta’ 1.4 %, li mhux biss talli hija ferm inqas mir-rata għas-self mingħajr riskju tal-perijodu inkwistjoni, jiġifieri 4 %, iżda talli barra minn hekk din lanqas ma tilħaq ir-rata ta’ inflazzjoni fuq żmien twil. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li r-rata ta’ remunerazzjoni hija inqas minn dik ta’ kontribuzzjoni likwida peress li ma kinitx tikkkonċerna kontribuzzjoni abitwali. Hija ssostni f’dan ir-rigward li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ma hijiex inabitwali peress li l-kontribuzzjonijiet f’oġġetti bħal bini, artijiet jew siti ta’ produzzjoni, isiru ta’ sikwit.
277 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mis-sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, jirriżulta li, fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ investiment f’impriża bħala għajnuna mill-Istat, ma jistax jiġi invokata li għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni xierqa hija biss il-perspettiva tal-investitur li hija rilevanti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ negozjati fil-kundizzjonijiet normali tal-ekonomija tas-suq, kien ikun impossibbli, għall-investitur privat li jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal Land ta’ Nordrhein-Westfalen, li jinjora n-nuqqas ta’ likwidità tal-kapital integrat u l-fatt li, għal WestLB, dan kellu utilità limitat. Għalhekk, l-imsemmija qorti qieset li għal dan il-kapital il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen ma setax jeżiġi remunerazzjoni paragunabbli għal dik ta’ kapital likwidu (sentenza WestLB, punt 7 iktar ’il fuq, punti 326 u 328). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, hija l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-impriża li hija determinanti. Minn dan jirriżulta li, f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn il-Land ifittex li jinvesti assi ta’ natura partikolari, tranżazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tagħti lok għall-għajnuna mill-Istat meta, wara n-negozjati bejn l-awtorità pubblika li tixtieq tinvesti u l-impriża, il-kundizzjonijiet li din tal-aħħar tkun lesta li taċċetta minħabba l-iżvantaġġi li l-kapital ittrasferit jinvolvi fir-rigward tagħha, jimplikaw remunerazzjoni iżgħar minn dik miftiehma fis-suq għall-investimenti likwidi. Fil-fatt, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux iktar vantaġġużi għall-impriża minn dawk li hija setgħet tikseb li kieku t-tranżazzjoni kienet tikkonċerna, bħal ma huwa normalment il-każ, kapital likwidu, hija ma tirċevix vantaġġ li ma kinitx tkun tista’ tikseb fis-suq. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi kkunsidrat li, sabiex tranżazzjoni ta’ dan it-tip ma tiġix ikkunsidrata bħala li tagħti lok għall-għajnuna mill-Istat, l-awtorità pubblika għandha dejjem tirċievi għall-investiment tagħha l-istess remunerazzjoni bħal investitur li huwa dispost li jittrasferixxi kapital likwidu.
278 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti relatati mal-inflazzjoni u mar-rata ta’ self mingħajr riskju għandhom jiġu miċħuda, peress li huma bbażati fuq il-premessa li tipprovdi li hija biss il-perspettiva tal-investitur li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni u li huwa biss rilevanti l-paragun bejn ir-remunerazzjoni rċevuta mill-Land u dik li kienet tkun meħtieġa minn investitur li jassumi l-istess riskji, indipendentement mill-vantaġġi u mill-iżvantaġġi li jirriżultaw għal Helaba mill-kontribuzzjoni inkwistjoni meta mqabbla mat-tranżazzjonijiet ta’ riferiment.
279 Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ma hijiex inabitwali peress li l-kontribuzzjonijiet f’oġġetti bħal bini, artijiet jew siti ta’ produzzjoni, huma isiru ta’ sikwit. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ssostnix li l-istrumenti ta’ kapital proprju ibridi bħall-kontribuzzjoni inkwistjoni jiġu sottoskritti fis-suq fi skambju ma’ beni bħal bini jew artijiet. Min-naħa l-oħra, dan il-paragun jinjora l-fatt li l-kontribuzzjoni inkwistjoni hija partikolari, anki meta mqabbla ma’ tali beni. Fil-fatt, mhux biss talli l-kontribuzzjoni inkwistjoni ma hijiex likwida, iżda talli Helaba lanqas ma’ jista’ jikseb likwidità billi jbiegħha jew jużaha sabiex jagħmel profitt.
280 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li r-rata miftiehma bejn il-partijiet involuti fil-kontribuzzjoni inkwistjoni hija inqas mir-rata ta’ self mingħajr riskju u mill-inflazzjoni, ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li, peress li l-kontribuzzjoni inkwistjoni ma tikkontribwixxix likwidità lil Helaba u li dan għandu jikseb tali likwidità mis-suq, dan kellu jirremunera lil Land biss għar-riskju li għalih huwa espona l-assi tiegħu (żieda ta’ garanzija).
Fuq il-fatt li investitur kien biss jaċċetta, l-iktar l-iktar, tnaqqis tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament li jikkorrispondi mal-ispejjeż attwali sostnuti minn Helaba
281 Ir-rikorrenti tfakkar li, bis-saħħa tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, Helaba jista’ jkattar l-attivitajiet tiegħu b’mod kunsiderevoli u ssostni li, konsegwentement, l-ispejjeż ta’ rifinanzjament ma jistgħux jiġu imputati fuq “unità ta’ attività” iżda fuq l-attività kollha ġġenerata mill-kontribuzzjoni. Hija tiddikjara li l-Kummissjoni kien messha qabblet il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ekonomiċi relatati ma kontribuzzjoni f’forma likwida, minn naħa, u l-kontribuzzjoni inkwistjoni, min-naħa l-oħra, u tikkunsidra li n-natura mhux likwida tal-kontribuzzjoni inkwistjoni tista’ l-iktar l-iktar tiġġustifika riduzzjoni tad-dħul u mhux tnaqqis fil-forma ta’ somma f’daqqa tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament. Barra minn hekk, hija tqis li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti tranżazzjonijiet ma għandhomx bżonn ta’ likwidità iżda jiġġeneraw dħul għall-bank.
282 Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li, anki li kieku ir-rata ta’ rifinanzjament kollha kellha tittieħed inkunsiderazzjoni, l-ispejjeż ta’ rifinanzjament jikkostitwixxu spiża tan-negozju li tnaqqas il-bażi taxxabbli ta’ Helaba, b’tali mod li l-obbligu finanzjarju attwali tiegħu wara t-taxxa huma inqas mir-rata ta’ rifinanzjament.
283 Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Kummissjoni kellha tqabbel il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ekonomiċi tal-kontribuzzjoni skont jekk kinitx likwida jew le, għandu jiġi kkonstatat li kontribuzzjoni mhux likwida ma tinkludix vantaġġi addizzjonali għal bank meta mqabbla ma’ kontribuzzjoni likwida. Għalhekk, il-possibbiltà ta’ tkattir tal-attivitajiet li tirriżulta miż-żieda tal-fondi proprji, kemm għal dawk li jeħtieġu likwidità kif ukoll għal dawk li jeħtieġu biss fondi proprji ta’ garanzija, tibqa’ l-istess tkun xi tkun in-natura tal-assi pprovduti lill-bank. Min-naħa l-oħra, kontribuzzjoni mhux likwida tinvolvi spejjeż addizzjonali għal bank, sakemm dan tal-aħħar ma jwettaqx tranżazzjonijiet li ma jeħtieġux likwidità. Issa, ir-rikorrenti ma ssostnix li dan huwa l-każ ta’ Helaba jew ta’ banek li ħarġu kontribuzzjonijiet taċiti fis-suq. Barra minn hekk, fil-kalkoli li hija tippreżenta fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha sabiex turi li t-telf tal-profitt ta’ Helaba huwa ferm inqas mill-ammont kollu tal-ispejjeż tagħha, ir-rikorrenti tassumi wkoll li l-bank ser jipprova jikseb likwidità sal-ammont ittrasferit.
284 Fir-rigward, barra minn hekk, tal-kalkoli tar-rikorrenti, għandu jiġi indikat li huma saru permezz ta’ eżempju bbażat fuq kontribuzzjoni ta’ EUR 100, ta’ fattur ta’ tkattir tal-attivitajiet ta’ 12.5, ta’ rata ta’ rifinanzjament ta’ 4 % u ta’ rata ta’ self lill-klijenti ta’ Helaba ta’ 6.6 %. Ir-rikorrenti tispjega li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, Helaba għandu jikseb profitt, qabel il-ħlas tar-remunerazzjoni, ta’ EUR 36.50 fil-każ ta’ kontribuzzjoni likwida u ta’ EUR 32.50 fil-każ ta’ kontribuzzjoni mhux likwida u li, konsegwentement, it-telf tal-profitt tiegħu meta jirċievi kontribuzzjoni mhux likwida huwa ta’ EUR 4, jiġifieri ta’ 10.96 %. Konsegwentement, hija tipproponi li r-remunerazzjoni li għandha titħallas għal kontribuzzjoni likwida titnaqqas b’10.96 %, jiġifieri 5.4 % – li jikkorrispondi għar-rata ta’ self mingħajr riskju ta’ 4 % miżjuda biż-żieda ta’ garanzija miftiehem bejn il-Land u Helaba ta’ 1.4 %. Għalhekk, hija tqis li r-remunerazzjoni li għandha titħallas lil Land hija ta’ 4.81 %.
285 F’dan ir-rigward, għandu qabel xejn jiġi kkonstatat li dawn il-kalkoli huma ferm spekulattivi. Għalkemm ir-rata ta’ rifinanzjament tas-self mingħajr riskju li r-rikorrenti tuża hija dik applikabbli għas-self tal-Istat għal għaxar snin fil-Ġermanja fil-mument tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li Helaba għandu jħallas, għar-rifinanzjament tiegħu fis-suq, rata għola minn dik tar-rati ta’ self tal-Istat (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Fir-rigward tar-rata ta’ 6.6 %, minbarra l-fatt li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha r-rikorrenti ma tispjegax fuqiex hija bbażata, jidher evidenti li bank ma japplikax rata waħda għat-tranżazzjonijiet kollha tiegħu, f’kull ħin u fir-rigward tal-klijenti kollha.
286 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li t-tnaqqis parzjali tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament proposti mir-rikorrenti jippermetti biss tpaċija parzjali bejn l-ispejjeż għola li jirriżultaw għal Helaba mill-kontribuzzjoni inwkistjoni meta mqabbla mal-kontribuzzjoni likwida. Fil-fatt, għalkemm mill-kalkolu propost mir-rikorrenti jirriżulta li l-ispejjeż ta’ rifinanzjament sostnuti minn Helaba sabiex jikseb likwidità fis-suq kienu jammontaw għal EUR 4 għal self ta’ EUR 100, ir-riduzzjoni tar-remunerazzjoni li għandha titħallas lil Land tkun biss ta’ EUR 0.59. Għalhekk, jekk jintuża l-metodu propost mir-rikorrenti, l-ispejjeż li jkunu sostnuti minn Helaba minħabba l-kontribuzzjoni inkwistjoni ikunu ogħla minn dawk li jirriżultaw minn kontribuzzjoni likwida.
287 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li f’dan il-każ l-ispejjeż grossi ta’ rifinanzjament setgħu jitnaqqsu sabiex il-kontribuzzjoni inkwistjoni ma tirriżultax fi spejjeż li jkunu ogħla, għal Helaba, minn dawk ta’ kontribuzzjoni likwida, ħaġa li investitur privat ma kienx jirnexxilu jimponi fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni.
288 Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-iżvantaġġ sostnut minn Helaba minħabba l-ispejjeż ta’ rifinanzjament huwa mtaffi bil-vantaġġ li huwa jikseb mill-fatt li l-imsemmija spejjeż jikkostitwixxu spejjeż li jnaqqsu l-bażi taxxabbli u għalhekk l-ammont tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anki li kieku dan huwa effettivament il-każ, il-profitti li Helaba jagħmel wara t-taxxa huma għaldaqstant ukoll inqas minn dawk li kienet tagħmel li kieku l-kontribuzzjoni kienet likwida. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-natura mhux likwida tal-kontribuzzjoni inkwistjoni ma timplika ebda vantaġġ għal Helaba.
289 Għalhekk, għandha ssir distinzjoni bejn din il-kawża u s-sentenza WestLB, fejn il-Kummissjoni, mingħajr ma l-proċedura segwita minnha ma ġiet ikkonfutata mill-Qorti Ġenerali, kienet tat il-kunsens tagħha biss għat-tnaqqis tar-rata ta’ rifinanzjament netta, u mhux grossa, kif kienu qed jitolbu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-partijiet involuti fit-tranżazzjoni, minħabba l-fatt li, peress li l-WestLB, kuntrarjament għal Helaba, kellha tirremunera l-investitur wara t-taxxa, kuntrarjament għal Helaba, hija kienet tagħmel profitt ikbar, permezz tat-trasferiment ta’ assi mhux likwidi, milli kieku kienet tagħmel permezz tat-trasferiment b’kapital likwidu.
290 Fil-fatt, peress li l-impatt tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament fuq il-profitt tal-bank tnaqqas minħabba l-fatt li t-tnaqqis tal-bażi taxxabbli sarraf fi tnaqqis tat-taxxa dovuta, l-impatt tal-imsemmija spejjeż fuq ir-remunerazzjoni kellu ukoll jitnaqqsu b’mod li l-bank ma jibbenefikax, fl-istess ħin, kemm mir-riduzzjoni tat-taxxa u kemm minn riduzzjoni eċċessiva tar-remunerazzjoni. Għalhekk, billi naqqset l-ispejjeż ta’ rifinanzjament netti mir-remunerazzjoni, il-Kummissjoni paċiet iż-żieda tal-ispejjeż tal-WestLB li jirriżultaw mill-imsemmija spejjeż u r-riduzzjoni tagħhom li tirriżulta mid-diminuzzjoni tar-remunerazzjoni li għandha titħallas, u b’dan il-mod irrendiet it-tranżazzjoni paragunabbli ma’ tranżazzjoni li tikludi trasferiment tal-likwidità.
291 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament sostnuti minn Helaba minħabba n-natura mhux likwida tal-fond speċjali.
292 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, essenzjalment, li l-obbligu finanzjarju sostnut minn Helaba għal parti tal-kontribuzzjoni li huwa seta’ juża sabiex jiggarantixxi l-attivitajiet kummerċjali tiegħu, li jirriżulta mir-remunerazzjoni miftiehma, mit-taxxa fuq in-negozju u mill-ispejjeż ta’ rifinanzjament, kif ukoll l-ispiża ta’ 0.3 % għall-kumplament tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, kienu jikkorrispondu mal-ispiża li Helaba kien isostni li kieku kiseb fondi, li jagħtuh l-istess vantaġġi, fis-suq. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, fid-dawl tal-kuntest li fih żvolġiet it-tranżazzjoni, li l-fatt li l-Land ikkontribwixxa parti sostanzjali mill-fondi proprji bażiċi ta’ Helaba u li ma jistax jirtira mill-investiment liberament, anki jekk ċertament iżid ir-riskju sostnut mil-Land, ma jagħtix vantaġġ addizzjonali lil Helaba u ma kienx jippermetti li investitur privat jikseb żieda tar-remunerazzjoni.
293 Il-motivi tar-rikorrenti bbażati fuq ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 87 KE kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandhom għaldaqstant jiġi miċħuda.
294 Għalhekk, ir-rikors huwa miċħud.
Fuq it-talbiet l-oħra tal-partijiet
295 Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 64(3) tar-Regoli tal-Proċedura, tipproduċi, l-ewwel nett, ir-rapport ta’ perizja ppreżentat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul il-proċedura amministrattiva, dwar il-grad tal-kontribuzzjoni inkwistjoni fil-każ ta’ falliment ta’ Helaba, imsemmi fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni nett, iż-żewġ rapport ta’ perizja li jistabbilixxu l-valur attwali tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, imsemmija fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata u, t-tielet nett, il-ftehim konkluż jew konklużi bejn l-azzjonisti ta’ Helaba li minnhom tirriżulta l-“influwenza ta’ kontroll” favur il-Land, li rreferiet għaliha l-Kummissjoni fid-Deċiżjoni C (2005) 3232 finali, tas-6 ta’ Settembru 2005, dwar it-trasferiment tal-Hessischer Investitionsfonds lil Landesbank Hessen-Thüringen Girozentrale bħala kontribuzzjoni taċita, ikkontestata fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-lum, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑36/06), punt 31 iktar ’il fuq.
296 Hija titlob ukoll lill-Qorti Ġenerali li, fil-kuntest tal-proċedura orali, jinstemgħu l-esperti s-Sinjuri H. u F. bħala xhieda.
297 Barra minn hekk, ir-rikorrenti tissuġġerixxi li l-Qorti Ġenerali tordna lil Helaba jipprovdi statistika dwar is-sehem tas-suq tiegħu f’Hessen, f’ Thüringen u fil-Ġermanja fis-snin ta’ bejn l-1998 u l-2004.
298 Fl-aħħar nett, hija tipproponi li jinstemgħu diversi xhieda fil-każ fejn il-Kummissjoni tikkontesta wħud mid-dikjarazzjonijiet relatati mal-ammissibbiltà tar-rikors.
299 Fuq talba tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni pproduċiet ir-rapport ta’ perizja, pprovdut matul il-proċedura amministrattiva mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dwar il-grad tal-kontribuzzjoni inkwistjoni fil-każ ta’ falliment ta’ Helaba. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet matul il-proċedura, ma huwiex neċessarju li tintalab il-produzzjoni taż-żewġ rapporti ta’ perizja li jistabbilixxu l-valur attwali tal-kontribuzzjoni inkwistjoni. Fir-rigward tal-ftehim konkluż jew konklużi bejn l-azzjonisti ta’ Helaba, li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fid-Deċiżjoni (2005) 3232 finali, għandu jiġi kkonstatat li, peress li ebda evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma hija bbażata fuq l-influwenza tal-Land fuq Helaba, il-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti ma jidhirx li hija neċessarja.
300 Il-Qorti Ġenerali tqis ukoll li ma hemmx lok li jinstemgħu, bħala xhieda, l-esperti s-Sinjuri H. u F., peress li r-rapporti tagħhom diġà ġew inklużi fil-proċess.
301 Barra minn hekk, fid-dawl tan-nuqqas ta’ deċiżjoni rigward l-ammissibbiltà tar-rikors preżenti, la huwa neċessarju li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti intiża li tordna lil Helaba jipprovdi statistika dwar is-sehem tas-suq tiegħu f’Hessen, f’ Thüringen u fil-Ġermanja fis-snin ta’ bejn l-1998 u l-2004, u lanqas li jiġu ntimati bħala xhieda, il-persuni li s-smigħ tagħhom huwa propost fil-każ fejn il-Kummissjoni tikkontesta wħud mid-dikjarazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti rigward l-ammissibbiltà tar-rikors.
302 Fir-rigward tat-talba ta’ trattament kunfidenzjali tar-rikorrenti fir-rigward tar-replika (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, peress li l-informazzjoni kkunsidrata mir-rikorrenti bħala kunfidenzjali ma hijiex inkluża fil-verżjoni tar-replika ppreżentata, din it-talba għandha titqies li ma għandhiex skop.
303 Fl-aħħar nett, hemm lok li tintlaqa’ t-talba dwar l-irtirar mill-proċess ta’ ċerti dokumenti annessi mar-replika (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), peress li din tikkonċerna ċerti dokumenti interni tal-Kummissjoni.
Fuq l-ispejjeż
304 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni, mil-Land u minn Helaba.
305 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-dokumenti prodotti minn Bundesverband deutscher Banken eV fl-Annessi 9 u 10 tar-replika huma rtirati mill-proċess.
2) Ir-rikors huwa miċħud.
3) Il-Bundesverband deutscher Banken għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Land Hessen u tal-Landesbank Hessen-Thüringen Girozentrale.
4) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Czúcz
Vadapalas
Labucka
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Marzu 2010.
Firem
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża
A – Il-kontribuzzjoni inkwistjoni
B – Kawżi li jikkonċernaw il-Landesbanken Ġermaniżi
C – Id-deċiżjoni kkontestata
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
A – Fuq l-ammissibbiltà
B – Fuq il-mertu
1. Il-kuntest li fih ġiet innegozjata l-kontribuzzjoni inkwistjoni
2. Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-mudell gradwali
a) Id-deċiżjoni kkontestata
b) L-argumenti tal-partijiet
c) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
3. Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkwalifikat b’mod żbaljat il-kontribuzzjoni inkwistjoni bħala kontribuzzjoni taċita “normali” u mhux bħala investiment fil-kapital azzjonarju
a) Id-deċiżjoni kkontestata
b) L-argumenti tal-partijiet
c) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq il-karatteristiċi li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li r-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni għandha titqabbel ma’ dik tal-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat
– Riskju ta’ telf fil-każ ta’ falliment jew ta’ stralċ
– Profil tal-qligħ
Fuq il-karatteristiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat li ma jipprekludux il-paragun bejn ir-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni u l-kontribuzzjonijiet taċiti għal żmien determinat
– Volum
– Il-marġni tal-kapital azzjonarju
– In-natura permanenti tal-kontribuzzjoni u n-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ trasferiment
Karatteristiċi tal-kontribuzzjoni inkwistjoni li ma ġewx invokati matul il-proċedura amministrattiva u li ma ġewx eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata
Fuq is-sitwazzjoni tas-suq meta kien hemm l-integrazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni
Konklużjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni bħala kontribuzzjoni taċita
4. Fuq il-paragun bejn ir-remunerazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni u r-remunerazzjoni ta’ garanzija meħtieġa fis-suq
a) Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa fuq in-negozju
Id-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
b) Fuq il-paragun bejn ir-remunerazzjoni bażika u r-remunerazzjoni ta’ garanzija bażika meħtieġa fis-suq
Id-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Konklużjoni dwar il-paragun bejn ir-remunerazzjoni bażika u r-remunerazzjoni ta’ garanzija bażika meħtieġa fis-suq
c) Fuq il-paragun bejn iż-żieda permanenti u r-remunerazzjoni ta’ garanzija meħtieġa fis-suq
Id-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Konklużjoni dwar l-eżami tal-konformitŕ tar-remunerazzjoni ta’ garanzija mas-suq
5. Fuq il-fatt li mir-remunerazzjoni l-Kummissjoni naqqset l-ispejjeż ta’ rifinanzjament dovuti minn Helaba minħabba n-nuqqas ta’ likwiditŕ tal-kontribuzzjoni
a) Id-deċiżjoni kkontestata
b) L-argumenti tal-partijiet
c) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq l-argument li jipprovdi li n-nuqqas ta’ likwidità kien diġà ttieħed inkunsiderazzjoni permezz tal-valur ta’ integrazzjoni mnaqqas
Fuq l-argument ibbażat fuq il-fatt li investitur privat ma kienx jaċċetta tnaqqis tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament
Fuq il-fatt li investitur kien biss jaċċetta, l-iktar l-iktar, tnaqqis tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament li jikkorrispondi mal-ispejjeż attwali sostnuti minn Helaba
Fuq it-talbiet l-oħra tal-partijiet
Fuq l-ispejjeż
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy