SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Seba’ Awla)
15 ta’ Ottubru 2008 (*)
“Privileġġi u immunitajiet – Membru tal-Parlament Ewropew – Tneħħija tal-immunità”
Fil-kawża T‑345/05,
Ashley Neil Mote, Membru tal-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Lofthouse u C. Hayes, barristers, u M. Monan, solicitor,
rikorrent,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn H. Krück, D. Moore u M. Windisch, bħala aġenti,
konvenut,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tal-5 ta’ Lulju 2005, li tneħħi l-immunità parlamentari tar-rikorrent,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Seba’ Awla),
komposta minn N. J. Forwood, President, D. Šváby u L. Truchot (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Frar 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
1 Skont il-Kapitolu III tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta’ April 1965, anness mat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1967, Nru 152, p. 13) (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”):
“Kapitolu III
Membri tal-Parlament Ewropew
Artikolu 8
M’għandha tiġi imposta ebda restrizzjoni amministrattiva jew ta’ xort’oħra fuq il-moviment liberu ta’ membri tal-Parlament Ewropew li jkunu qed jivvjaġġaw lejn jew mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.
[…]
Artikolu 9
Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Artikolu 10
Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:
a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;
b) fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.
L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.
L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
2 A. Mote, ċittadin tar-Renju Unit, ibbenefika minn diversi għajnuniet pubbliċi bejn l-1996 u l-2002. F’Novembru 2003 tressqu xi kawżi kriminali kontrih minħabba li din l-għajnuna kienet allegatament ingħatat fuq il-bażi ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa. Wara li ġie msejjaħ biex jidher f’Jannar 2004 u akkużat fis-27 ta’ April 2004, huwa rċieva n-notifika tal-att ta’ akkuża u sommarju tal-akkużi mressqa kontrih fl-10 ta’ Ġunju 2004.
3 Wara li ġie elett fil-Parlament Ewropew f’Ġunju 2004, ir-rikorrent talab is-sospensjoni tal-proċeduri kriminali pendenti kontrih billi invoka l-privileġġi u l-immunitajiet li huwa kien igawdi permezz tal-pożizzjoni tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew. Is-sospensjoni ġiet iddikjarata mill-Chichester Crown Court (il-Qorti tal-Kuruna ta’ Chichester) fil-25 ta’ Novembru 2004. Din il-qorti kkunsidrat li s-sistema ta’ libertà suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet li taħtha tqiegħed A. Mote kienet tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ moviment tal-Membri tal-Parlament u konsegwentement kienet tikser l-Artikolu 8 tal-Protokoll.
4 Permezz ta’ att tat-3 ta’ Frar 2005, l-Attorney General (il-Prosekutur ġenerali tal-Ingilterra u ta’ Wales) talab lill-Parlament:
– jikkonferma li l-proċeduri kriminali mibdija kontra r-rikorrent ma kinux jiksru l-Protokoll, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu;
– jneħħi dan il-privileġġ jew immunità fil-każ li A. Mote kien jibbenefika minn privileġġ jew immunità skont il-Protokoll.
5 Wara li ntbagħat lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament, (iktar ’il quddiem il-“Kumitat għall-Affarijiet Legali”), dan l-att kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet fi ħdan dan il-kumitat fil-21 ta’ April, fl-24 ta’ Mejju u fl-20 ta’ Ġunju 2005. A. Mote kien irrappreżentat minn Membru tal-Parlament ieħor waqt is-seduta organizzata mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali fl-24 ta’ Mejju 2005. F’nota mibgħuta lil dan il-kumitat f’din l-istess ġurnata (iktar ’il quddiem in-“nota”), dan talab ir-rifjut tat-talba għat-tneħħija tal-immunità.
6 Fl-20 ta’ Ġunju 2005, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali adotta unanimament rapport li rrakkomanda lill-Parlament sabiex ineħħi l-immunità ta’ A. Mote (iktar ’il quddiem ir-“rapport”). Dan ir-rapport jinkludi nota ta’ spjegazzjoni u proposta ta’ deċiżjoni għall-Parlament Ewropew.
7 Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2005, is-sessjoni plenarja tal-Parlament iddeċidiet li tneħħi l-immunità u ordnat in-notifika tad-deċiżjoni u tar-rapport lill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
8 Billi bbażat ruħha fuq it-tneħħija tal-immunità ta’ A. Mote deċiża mill-Parlament, l-awtorità tar-Renju Unit responsabbli għall-proċeduri ressqet talba quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) [Qorti tal-Ġustizzja Suprema (Ingilterra u Wales)] sabiex tiġi rrevokata s-sospensjoni tal-proċeduri kriminali. Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2006, din il-qorti ordnat li jitkomplew il-proċeduri kontra r-rikorrent.
9 Fl-4 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrent ressaq talba għad-difiża tal-immunità u l-privileġġi tiegħu, li ġiet miċħuda mill-Parlament fid-deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2007.
10 Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Awwissu 2007, il-Portsmouth Crown Court (il-Qorti tal-Kuruna ta’ Portsmith) iddikjarat lil A. Mote ħati, u permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2007, ikkundannatu għal piena ta’ disa’ xhur ħabs. B’sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2007, il-Court of Appeal (England & Wales) [il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales)] ċaħdet l-aggravji mqajma kontra d-deċiżjoni tas-17 ta’ Awwissu, bl-eċċezzjoni ta’ wieħed biss. Ir-rikorrent ressaq talba intiża għall-awtorizzazzjoni li tressaq appell fit-18 ta’ Jannar 2008.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
11 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Settembru 2005, ir-rikorrent ressaq dan ir-rikors.
12 Fit-3 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrent talab il-benefiċċju tal-anonimità fil-proċedura prinċipali, li ngħatalu fl-14 ta’ Novembru 2005. Wara li ġabar l-osservazzjonijiet tal-partijiet waqt is-seduta tal-21 ta’ Frar 2008, il-President tas-Seba’ Awla neħħa l-anonimità.
13 Permezz ta’ talba għal miżuri provviżorji ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrent talab is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikoli 225(1) KE, 242 KE u 243 KE. B’digriet tas-16 ta’ Marzu 2007, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad it-talba.
14 Permezz ta’ talba għal miżuri provviżorji, ippreżentata fit-8 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrent ressaq mill-ġdid talba għas-sospensjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ġunju 2007.
15 Fid-29 ta’ Awwissu 2007, ir-rikorrent ressaq it-tielet talba għal miżuri provviżorji, fuq l-istess bażi, li giet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Novembru 2007.
16 Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tiddikjara f’kull każ in-nullità tad-deċiżjoni sa fejn tirrigwarda t-tneħħija ta’ privileġġ, bħal dak tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, sa fejn hija ssemmi biss immunità;
– tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
17 Il-Parlament Ewropew jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;
– sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat:
– tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà
18 Il-Parlament isostni l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba li r-rikorrent mhuwiex direttament ikkonċernat bid-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, b’mod partikolari sa fejn tali deċiżjoni tħalli setgħa diskrezzjonali lid-destinatarju tagħha.
19 In sostenn tal-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu, A. Mote jesponi li, għalkemm il-privileġġi u l-immunitajiet huma marbuta mal-Komunitajiet, il-Membri tal-Parlament huma l-benefiċjarji tagħhom skont Artikolu 5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew (ĠU 2005, L 44, p. 1), u li, konsegwentement, kull deċiżjoni li tirrigwarda dawn il-privileġġi u immunitajiet taffettwa b’mod dirett lill-Membru tal-Parlament ikkonċernat.
20 Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità parlamentari tal-5 ta’ Lulju 2005 tikkostitwixxix deċiżjoni kontestabbli.
21 Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-Komunità Ewropea hija komunità ta’ dritt fis-sens li la l-Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħu jaħarbu mill-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mal-karta kostituzzjonali li hija t-Trattat KE u fis-sens li dan tal-aħħar stabbilixxa sistema kompluta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja hija responsabbli għall-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339, punt 23, u tat-23 ta’ Marzu 1993, Weber vs Il-Parlament, C-314/91, Ġabra p. I 1093, punt 8; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Ottubru 2001, Martinez et vs Il-Parlament, T-222/99, T-327/99 u T-329/99, Ġabra p. II-2823, punt 48). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-atti tal-Parlament mhumiex meħlusa, bħala prinċipju, mill-possibbiltà li jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenza Les Verts vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).
22 B’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-Parlament intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi u għal dan il-għan għandha tagħmel distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ atti.
23 L-atti tal-Parlament li jirrigwardaw biss l-organizzazzjoni interna tal-ħidma tiegħu ma jistgħux jiġu kkontestati f’rikors għal annulament (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 1986, Groupe des droites européennes vs Il-Parlament, 78/85, Ġabra p. 1753, punt 11, u tat-22 ta’ Mejju 1990, Blot u Front National vs Il-Parlament, C-68/90, Ġabra p. I-2101, punt 11; sentenza Weber vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9).
24 Din il-kategorija tinkludi l-atti tal-Parlament li m’għandhomx effetti legali jew li għandhom effetti legali biss fi ħdan il-Parlament f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni interna tal-ħidma tiegħu u huma suġġetti għal proċeduri ta’ verifika stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura tiegħu (sentenza Weber vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10; is-sentenza Martinez et vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).
25 Għall-kuntrarju, jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qorti Komunitarja l-atti tal-Parlament li jipproduċu jew li huma intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi jew, fi kliem ieħor, l-atti li l-effetti legali tagħhom jmorru lil hinn mill-kuntest tal-organizzazzjoni interna tal-ħidma tal-istituzzjoni (sentenza Weber vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11; is-sentenza Martinez et vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).
26 Il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li l-Membri tal-Parlament, li għandhom mandat bħala rappreżentanti tal-popli tal-Istati miġbura fil-Komunità, għandhom, fir-rigward ta’ att li joħroġ mill-Parlament u li jipproduċi effetti legali f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ dan il-mandat, jiġu kkunsidrati bħala terzi fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 KE (sentenza Martinez et vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).
27 Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Protokoll, il-privileġġi u l-immunità rikonoxxuti għall-Komunità Ewropea minn dan it-test huma ta’ natura funzjonali biss sa fejn huma intiżi sabiex jevitaw li jkun hemm ostakolu għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-Komunitajiet (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ April 1989, Générale de Banque vs Il-Kummissjoni, 1/88 SA, Ġabra p. 857, punt 9, u tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et, C-2/88 IMM, Ġabra p. I-3365, punt 19).
28 Madankollu, minkejja li l-privileġġi u l-immunitajiet ingħataw esklużivament fl-interess tal-Komunità, xorta jibqa’ l-fatt li ngħataw espressament lill-uffiċjali u aġenti oħra tal-istituzzjonijiet tal-Komunità kif ukoll lill-Membri tal-Parlament. Il-fatt li l-privileġġi u l-immunitajiet huma previsti fl-interess pubbliku Komunitarju jiġġustifika s-setgħa mogħtija lill-istituzzjonijiet sabiex ineħħu, jekk ikun il-każ, l-immunità, iżda ma jfissirx li dawn il-privileġġi u l-immunitajiet huma mogħtija lill-Komunità u mhux direttament lill-uffiċjali tagħha, lil aġenti oħra tagħha u lill-Membri tal-Parlament. Għaldaqstant, il-Protokoll joħloq dritt suġġettiv għall-persuni previsti, li r-rispett tiegħu huwa ggarantit mid-dritt li jitressaq rikors previst fl-Artikolu 230 KE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs Belgische Staat, 6/60, Ġabra p. 1125).
29 Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li biha l-Parlament ineħħi l-immunità ta’ wieħed mill-Membri tiegħu tipproduċi effetti legali li jmorru lil hinn mill-kuntest tal-organizzazzjoni interna tiegħu, peress li tippermetti li jitressqu proċeduri kontra l-Membru tal-Parlament għall-fatti previsti.
30 Il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-mandat tal-Membru tal-Parlament ikkonċernat huma affettwati minn tali deċiżjoni, li tippermetti li jitressqu jew jitkomplew proċeduri kriminali kontrih li, jekk ikun il-każ, jistgħu jirriżultaw f’miżuri li jillimitaw il-libertà ta’ natura li jostakolaw l-eżerċizzju tal-mandat parlamentari tiegħu. Fil-kawża preżenti, id-deċiżjoni kkontestata ppermettiet lill-awtorità tar-Renju Unit responsabbli għall-proċeduri sabiex titlob u tikseb ir-revoka tas-sospensjoni tal-proċedura kriminali mressqa fir-rigward ta’ A. Mote permezz ta’ digriet tal-High Court of Justice (England & Wales) tas-17 ta’ Ottubru 2006.
31 Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala att li jipproduċi jew li huwa intiż li jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ partijiet terzi. Minn dan isegwi li, skont il-kriterji ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Weber vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, din id-deċiżjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ta’ legalità mill-qorti Komunitarja skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230.
32 Fir-rigward tal-eċċezzjoni bbażata fuq l-inammissibbiltà tar-rikors, imqajma mill-Parlament b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, għandu jiġi kkonstatat li dan jammetti li r-rikorrent huwa individwalment ikkonċernat, iżda jikkontesta li huwa direttament ikkonċernat.
33 Skont ġurisprudenza kostanti, il-kundizzjoni li persuna tkun direttament ikkonċernata titlob li l-miżura Komunitarja kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha, li huma responsabbli mill-implementazzjoni tagħha, liema implementazzjoni hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Glencore Grain vs Il-Kummissjoni, C‑404/96 P, Ġabra p. I‑2435, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il-Parlament, C‑486/01 P, Ġabra p. I‑6289, punt 34, u tat-2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, C-417/04 P, Ġabra p. I-3881, punt 28).
34 Fil-kawża preżenti, l-immunità prevista mill-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll tipproteġi lill-Membri tal-Parlament kontra ċerti miżuri li jistgħu jostakolaw l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, b’tali mod li deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità timmodifika s-sitwazzjoni legali tal-Membru tal-Parlament, bis-sempliċi effett tat-tneħħija ta’ din il-protezzjoni, billi tistabbilixxi mill-ġdid l-istatus tiegħu ta’ persuna suġġetta għad-dritt komuni tal-Istati Membri u billi b’hekk tesponih, mingħajr ma tkun neċessarja xi regola intermedjarja, għal miżuri, b’mod partikolari ta’ detenzjoni u ta’ proċeduri legali, stabbiliti minn dan id-dritt komuni. Minn dan jirriżulta li r-rikorrent huwa direttament ikkonċernat bid-deċiżjoni kkontestata.
35 Is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali, wara t-tneħħija tal-immunità, fir-rigward tat-tkomplija jew tal-abbandun tal-proċeduri mibdija kontra l-Membru tal-Parlament, m’għandhiex impatt fuq jekk is-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar hijiex direttament ikkonċernata, peress li l-effetti marbuta mad-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità huma limitati għat-tneħħija tal-protezzjoni li jibbenefika minnha bħala Membru tal-Parlament, b’mod li ma jimplika ebda miżura supplimentari ta’ implementazzjoni.
36 Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li r-rikors għal annullament għandu jiġi ddikjarat bħala ammissibbli.
Fuq il-mertu
37 Insostenn tar-rikors għal annullament tiegħu, A. Mote jinvoka erba’ motivi. Permezz tal-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi, ir-rikorrent isostni li l-Parlament kien imissu kkonstata li l-privileġġ mogħti mill-Artikolu 8 tal-Protokoll kien ġie miksur. It-tieni motiv fih żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq il-ksur tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament minħabba opinjoni li ġiet espressa mill-Parlament fuq il-proprjetà tal-proċeduri kriminali mressqa kontra A. Mote. Skont it-tieni parti, ir-rikorrent isostni li l-Parlament ma kkunsidrax b’mod ġust u komplet il-fatti u l-argumenti li huwa kien espona quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali. It-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni kompleta u adegwata għad-deċiżjoni kkontestata. L-aħħar motiv huwa bbażat fuq in-natura mhux raġjonevoli u sproporzjonata tad-deċiżjoni. Skont ir-rikorrent, l-argumenti mqajma minnu kellhom iwasslu għar-rifjut tat-tneħħija tal-immunità tiegħu.
Fuq l-iżball ta’ liġi
L-argumenti tal-partijiet
38 Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata fid-dritt minħabba li l-Parlament kien imissu kkonstata l-ksur ta’ privileġġ li huwa kien jibbenefika minnu skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn il-privileġġ, rikonoxxut fl-Artikolu 8, li jirrigwarda l-libertà ta’ moviment tal-Membri tal-Parlament, u l-immunità stabbilità mill-Artikolu 10, li tirrigwarda l-immunità ta’ dawn tal-aħħar fil-każ ta’ proċeduri legali. Fil-kawża preżenti, in-natura tal-libertà suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet fid-dritt kriminali tar-Renju Unit tippreġudika l-privileġġ tal-Artikolu 8 sa fejn l-akkużat irid ikun għad-dispożizzjoni tal-qorti nazzjonali. Il-parteċipazzjoni fis-sessjonijiet tal-Parlament, iżda wkoll fil-ħidma tal-kumitati tal-Parlament, tiddependi għaldaqstant mis-setgħa diskrezzjonali tal-qorti, u dan jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment tal-Membri tal-Parlament u jippreġudika l-indipendenza tal-Parlament, tkun xi tkun ir-rieda ta’ kooperazzjoni manifestata mill-awtoritajiet ġudizzjarji tar-Renju Unit. Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 wasslet liċ-Chischester Crown Court sabiex tissospendi l-proċeduri kriminali fl-istennija tar-risposta tal-Parlament għat-talba għat-tneħħija tal-immunità. Billi adotta interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 8 fin-nota ta’ spjegazzjoni tar-rapport u billi ma tax deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-privileġġ, il-Parlament wettaq żball ta’ liġi.
39 Il-Parlament jikkunsidra li dan il-motiv mhuwiex fondat. Huwa jispjega li huwa sempliċement irrisponda għal talba għat-tneħħija ta’ immunità. Huwa jippreċiża li l-espożizzjoni tal-motivi ma jirriflettux neċessarjament il-pożizzjoni tiegħu bħala istituzzjoni u jesponi l-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikoli 8 u 10 tal-Protokoll, filwaqt li jenfasizza n-natura funzjonali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
40 Skont il-Parlament, l-Artikolu 8 tal-Protokoll, adottat fi żmien meta l-movimenti fi ħdan il-Komunitajiet ma kinux daqshekk faċli daqs kemm huma llum, huwa intiż essenzjalment li jelimina kull ostakolu ta’ natura amministrattiva, mill-pulizija jew ta’ natura doganali, għall-moviment ta’ Membru tal-Parlament. Bħala tali, dan l-artikolu ma jagħtix immunità fi kwistjonijiet ġudizzjarji. L-Artikolu 10 tal-Protokoll, min-naħa tiegħu, jipprevdi l-invjolabbiltà tal-Membri tal-Parlament fir-rigward tal-atti mwettqa fit-territorju nazzjonali tal-Istat tagħhom jew fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, barra mill-opinjonijiet jew voti mogħtija fl-eżerċizzju tal-funzjoni taghhom li jaqgħu taħt l-Artikolu 9. Barra minn hekk, l-Artikolu 10 jagħti lill-Membri tal-Parlament il-benefiċċju tal-immunità meta jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament. Dawn id-dispożizzjonijiet ikunu mingħajr effett jekk il-privileġġ mogħti mill-Artikolu 8 ikun jista’ jostakola l-proċeduri legali. Il-Parlament iżid li ebda privileġġ rikonoxxut mill-Artikolu 8 ma jista’ jitneħħa fuq il-bażi tal-Artikolu 10.
41 Fir-rigward tal-possibbiltà li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tostakola l-attività tal-Parlament Ewropew jekk din il-qorti tkun tista’ teżerċita kontroll fuq il-moviment tar-rikorrent, il-Parlament ifakkar li r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji huma rregolati minn prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, taħt l-Artikolu 10 KE. L-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali huma marbuta sabiex jiffavorixxu kemm jista’ jkun il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet Komunitarji u sabiex jirrispettaw il-prerogattivi tagħhom, kif għamlet il-qorti tar-Renju Unit, għaliex jekk jonqsu milli jagħmlu dan, l-Istat Membru jista’ jkollu jirrispondi għal dan in-nuqqas quddiem il-qrati Komunitarji.
42 Ir-rikorrent jammetti li l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet huma qabel kollox ta’ natura funzjonali u jikkontesta li huwa qatt ma xebbah id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 ma’ immunità assoluta kontra l-proċeduri kriminali. Madankollu, huwa jispjega li huwa jsostni li l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-privileġġ mogħti mill-Artikolu 8 hija ġenerali ħafna u li, f’ċirkustanzi partikolari, dan il-privileġġ jista’ jostakola l-proċeduri li min-natura tagħhom jistgħu jimplikaw miżuri restrittivi għal-libertà. Dan il-privileġġ jevita interferenzi fil-funzjonijiet tal-Membru tal-Parlament, b’mod kompletament differenti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10.
43 Il-Parlament iqis li l-interpretazzjoni mogħtija minn A. Mote tal-Artikolu 8 għandha tiġi miċħuda peress li l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet għall-moviment ta’ Membru tal-Parlament ma tistax twassal għal protezzjoni superjuri mill-immunità mogħtija mill-Artikolu 10. F’dan il-każ, l-immunità mogħtija lill-Membru tal-Parlament tkun assoluta, peress li privileġġ ma jistax jitneħħa, b’mod kuntrarju għal immunità.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
44 Ir-rikorrent jakkuża lill-Parlament li ma kkonstatax li huwa kien protett mill-privileġġ stabbilit mill-Artikolu 8 tal-Protokoll u li dan il-privileġġ kien ġie miksur mill-proċeduri mressqa kontrih, filwaqt li huwa l-Parlament, u mhux il-qorti nazzjonali, li għandu jieħu pożizzjoni dwar dan il-punt billi jiddeċiedi fuq ir-riskji kkawżati minn proċedura legali li jkun hemm ostakolu għall-eżerċizzju mill-Membru tal-Parlament tal-funzjonijiet parlamentarji tiegħu.
45 Mill-aħħar paragrafu tal-Artikolu 10 tal-Protokoll, li jipprovdi li l-immunità ma tistax tipprekludi lill-Parlament Ewropew milli jneħħi l-immunità ta’ wieħed mill-Membri tiegħu, jirriżulta li l-Parlament huwa kompetenti sabiex jiddeċiedi fuq talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Membru tal-Parlament Ewropew. L-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament jikkompletaw dan it-test billi jippreċiżaw ir-regoli li huma imposti fuq il-proċediment ta’ tneħħija tal-immunità.
46 Għall-kuntrarju, ma teżistix, la fil-Protokoll, u lanqas fir-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament, regola li tistabilixxi lill-Parlament bħala awtorità kompetenti sabiex jikkonstata l-eżistenza tal-privileġġ previst mill-Artikolu 8 tal-Protokoll.
47 Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikoli 8 u 10 tal-Protokoll m’għandhomx l-istess kamp ta’ applikazzjoni.
48 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Protokoll għandu bħala effett li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli joħolqu, b’mod partikolari bil-prattiki tagħhom fejn tidħol it-tassazzjoni, xi restrizzjonijiet amministrattivi għal-libertà ta’ moviment tal-Membri tal-Parlament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1981, Bruce of Donington, 208/80, Ġabra p. 2205, punt 14). Kif tippreċiża din id-dispożizzjoni, il-privileġġ huwa intiż li jiggarantixxi l-eżerċizzju mill-Membri tal-Parlament tal-libertà tagħhom li jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament.
49 Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, minkejja li mhumiex elenkati b’mod eżawrjenti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, li jirreferi għar-restrizzjonijiet ammnistrattivi “jew ta’ xort’oħra”, dawn ir-restrizzjonijiet ma jinkludux dawk li jirriżultaw minn proċeduri legali, peress li dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10, li jiddefinixxi s-sistema ġuridika tal-immunitajiet, lil hinn mill-kamp speċifiku tal-voti u opinjonijiet mogħtija mill-Membri tal-Parlament fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom previst mill-Artikolu 9. Fil-fatt, il-proċeduri legali jissemmew espressament fl-inċiż (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-Protokoll bħala proċeduri fost dawk li l-Membru tal-Parlament huwa eżenti minnhom, fuq it-territorju ta’ kull Stat Membru ħlief dak ta’ residenza tiegħu, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament. Bl-istess mod, skont l-inċiż (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-Protokoll, il-Membru tal-Parlament jibbenefika, waqt l-istess perijodu, fuq it-territorju nazzjonali tiegħu, mill-immunitajiet rikonoxxuti għall-Membri tal-Parlament fil-pajjiż tiegħu, li wħud minnhom jipproteġu lill-Membri tal-Parlament nazzjonali kontra l-proċeduri legali li jistgħu jkunu suġġetti għalihom. Fl-aħħar, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 jipprovdi li l-immunità tkopri lill-Membri tal-Parlament anki waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament. L-eżistenza ta’ din id-dispożizzjoni, li, bħall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, tipproteġi lill-Membri tal-Parlament kontra l-ostakoli għal-libertà ta’ moviment tagħhom, tikkonferma li r-restrizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma jinkludux l-ostakoli kollha possibbli għall-moviment liberu tal-Membri tal-Parlament u li, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 eżaminati iktar ’il fuq, il-proċeduri legali għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt is-sistema ġuridika stabbilita minn dan l-aħħar artikolu.
50 B’hekk, l-Artikolu 10 tal-Protokoll huwa intiż sabiex jiżgura l-indipendenza tal-Membri tal-Parlament billi jipprojbixxi li xi pressjoni, fil-forma tar-riskju ta’ arrest jew ta’ proċeduri legali, tkun eżerċitata fuqhom waqt il-perijodu tas-sessjonijiet tal-Parlament (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Mejju 2000, Rothley et vs Il-Parlament, T‑17/00 R, Ġabra p. II-2085, punt 90).
51 Il-funzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll hija li jipproteġi lill-Membri tal-Parlament kontra r-restrizzjonijiet, barra dawk ġudizzjarji, fuq il-libertà ta’ moviment tagħhom.
52 Peress li ma ġiex issostanzjat li r-riskji ta’ ostakolu għall-eżerċizzju minn A. Mote tal-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-Parlament kienu jikkostitwixxu f’restrizzjonijiet ta’ natura oħra barra dawk li jirriżultaw mill-proċeduri mressqa mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat ta’ oriġini tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament ma wettaq ebda żball ta’ liġi meta ddeċieda li jneħħi l-immunità ta’ A. Mote mingħajr ma ħa pożizzjoni dwar il-privileġġ mogħti lilu fil-kwalità tiegħu ta’ Membru tal-Parlament, u mingħajr ma ddeċieda li l-Artikolu 8 ġie miksur fil-kawża preżenti.
53 Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq l-espressjoni ta’ opinjoni mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-proprjetà tal-proċeduri bi ksur tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament u fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ġusta u kompleta tal-fatti u argumenti
L-argumenti tal-partijiet
54 Il-motiv invokat mir-rikorrent huwa maqsum f’żewġ partijiet.
– Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament u fuq l-espressjoni ta’ opinjoni dwar il-proprjetà tal-proċeduri
55 Ir-rikorrent isostni li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ma setax, fir-rapport tiegħu, jieħu pożizzjoni dwar il-proprjetà tal-proċeduri mressqa kontrih. Il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni taffettwa r-regolarità tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa jżid li l-opinjoni espressa mill-Parlament fl-istess rapport ma tagħmilx riferiment għall-osservazzjonijiet li huwa ressaq f’dan ir-rigward.
56 Il-Parlament isostni li dan il-motiv huwa manifestament infondat. Huwa jenfasizza li n-nota ta’ spjegazzjoni inkluża fir-rapport tħejjiet taħt ir-responsabbiltà tar-relatur biss u li opinjoni espressa minnu ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi kkontestata r-riżoluzzjoni adottata mill-Parlament. F’kull każ, id-deskrizzjonijiet użati mir-relatur ma jirrigwardawx il-fondatezza tal-proċeduri iżda jekk humiex sostanzjati.
– Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ġusta u kompleta tal-fatti u l-argumenti
57 Ir-rikorrent isostni li m’hemm xejn fir-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali li jindika li dan tal-aħħar, u għaldaqstant il-Parlament, eżamina b’mod effettiv u adegwat l-argumenti li huwa qajjem dwar il-mertu. Dan in-nuqqas jostakola d-dritt tar-rikorrent li jkun jaf il-konklużjonijiet li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali wasal għalihom u minħabba f’hekk jivvizzja d-deċiżjoni b’nullità.
58 Il-Parlament isostni li dan il-motiv mhuwiex fondat. Huwa jfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(3) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, A. Mote kellu l-possibbiltà li jispjega ruħu quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali billi ġie rrappreżentat minn Membru tal-Parlament ieħor fl-24 ta’ Mejju 2005. Huwa jsostni li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi espressament din is-seduta fil-preambolu tagħha.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
– Fuq l-ewwel parti tal-motiv
59 Qabel kollox, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi segwa l-proposta magħmula lilu mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali biex ineħħi l-immunità ta’ A. Mote u billi semma, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rapport ta’ dan tal-aħħar, mingħajr ma fformula ebda riżerva fir-rigward tal-kontenut tan-nota ta’ spjegazzjoni li tinsab f’dan id-dokument, il-Parlament ikkonferma l-motivi tar-rapport. Minn dan jirriżulta li l-kritika magħmula fl-ewwel parti tal-motiv preżenti għandha tiġi kkunsidrata bħala diretta kontra l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.
60 L-Artikolu 7(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament jipprovdi li “il-Kumitat [għall-Affarijiet Legali] […] m’għandu f’ebda ċirkustanza jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-[Membru], u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu/lilha jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu/tagħha, anki jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, il-Kummissjoni [għall-Affarijiet Legali], jikseb tagħrif iddettaljat tal-fatti tal-każ”.
61 Għandu jiġi eżaminat jekk il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ħax pożizzjoni fir-rapport tiegħu favur il-proċeduri mressqa u jekk esprimiex opinjoni fuq il-ħtija ta’ A. Mote. Fil-punt II.2 tar-rapport, ir-relatur jikkonstata, qabel kollox, in-natura “dettaljata” tal-proċeduri. Din l-evalwazzjoni, li tesprimi l-opinjoni tar-relatur fuq in-natura suffiċjentement motivata tal-proċeduri mressqa kontra A. Mote, ma tistax titqies bħala opinjoni li tirrigwarda l-ħtija tiegħu jew fuq il-proprjetà ta’ dawn il-proċeduri. Dan jgħodd ukoll, fil-punt II.3, għall-konstatazzjoni, purament oġġettiva, tar-relatur dwar is-serjetà tal-ksur in kwistjoni, fir-Renju Unit, u f’bosta mill-Istati Membri. Fl-aħħar, billi afferma, fl-istess punt, li “il-proċeduri jidhru li mixjin sew”, ir-relatur sempliċement irrileva li kienu fi stadju avvanzat u li kellhom jirriżultaw f’seduta, mingħajr ma ppreġudika r-riżultat tal-proċess.
62 Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-Artikolu 7 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament ma ġiex miksur u li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha, bħala konsegwenza, tiġi miċħuda.
– Fuq it-tieni parti tal-motiv
63 L-argumenti dwar il-mertu, li r-rikorrent isostni li ma ġewx eżaminati realment jew adegwatament mill-Parlament huma dawk li ġejjin: in-natura tardiva tal-proċeduri mressqa kontrih, li għandha bħala effett li tippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-Parlament, bi ksur tal-Artikolu 10 KE; il-mod kif l-awtoritajiet tar-Renju Unit ittrattaw it-talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu; in-nuqqas ta’ ċarezza tat-talba għat-tneħħija tal-immunità fir-rigward tas-serjetà tal-fatti akkużat bihom u fir-rigward tal-proprjetà tal-proċeduri; il-possibbiltà għall-Parlament li jneħħi privileġġ.
64 Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-motiv ibbażat fuq id-dewmien fil-proċeduri mressqa mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kontra A. Mote, dan id-dewmien, fl-opinjoni tiegħu, fixkel l-eżerċizzju tal-mandat parlamentari tiegħu u, għaldaqstant, il-funzjonament tal-Parlament, b’tali mod li kkawża l-ksur, min-naħa tar-Renju Unit, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst mill-Artikolu 10 KE.
65 Għandu jiġi rrilevat li, billi indika li xejn ma jippermetti li jiġu ddubitati l-affermazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-sens li “l-opinjonijiet jew ir-responsabbiltajiet politiċi ta’ A. Mote m’għandhom ebda influwenza fuq il-proċeduri u […] l-istħarriġ twettaq bl-iktar ħeffa possibbli” u li ċ-Chichester Crown Court setgħat tippreżenta talba għat-tneħħija tal-immunità li kieku “kellha xi dubji fuq l-intenzjonijiet tal-prosekutur jew ta’ kwalunkwe attur ieħor, (li mhuwiex manifestament il-każ)”, il-Parlament injora b’mod impliċitu, iżda reali, il-motiv ibbażat fuq id-dewmien. Huwa qies li ebda rieda li jiġi mfixkel l-eżerċizzju tal-mandat parlamentari ta’ A. Mote ma kienet fl-oriġini tal-proċeduri, billi bbaża ruħu mhux biss fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Avukat Ġenerali, iżda wkoll fuq l-analiżi taċ-Chichester Crown Court.
66 Hemm lok li jingħad ukoll li minn ebda argument imqajjem mir-rikorrent quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ma jirriżulta li t-tul tal-istħarriġ u, għaldaqstant, id-dewmien li affettwa d-dehra tiegħu quddiem il-qorti kriminali jixhdu rieda li tiġi ppreġudikata l-attività tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew. Fil-fatt, l-osservazzjonijiet ifformulati minn A. Mote jirrispondu għall-affermazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-sens li t-tul tal-istħarriġ irriżulta min-nuqqas ta’ informazzjoni min-naħa tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kont bankarju fl-Isle of Mann, u min-nuqqas ta’ kollaborazzjoni min-naħa tiegħu. A. Mote sostna li huwa kien ikkontesta li rrifjuta li jikkollabora mal-investigaturi u li xtaq iżomm is-silenzju, kif jawtorrizawh li jagħmel id-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, huwa kien iqis li l-investigaturi kienu wrew dewmien mhux ġustifikat biex jinterrogaw lill-bank Barclays fl-Isle of Mann. Ebda wieħed minn dawn l-elementi ma kien ta’ natura li jipprova kwalunkwe rieda li tiġi ppreġudikata l-attività tiegħu ta’ Membru tal-Parlament.
67 Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-attitudni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit fit-trattament tat-talba għat-tneħħija tal-immunità, għandu jiġi osservat li l-Parlament indika li ma kien hemm ebda dubju li formalment it-talba kienet ġiet ippreżentata kif meħtieġ. Billi għamel dan, il-Parlament ikkunsidra l-argumenti tar-rikorrent marbuta mal-mod kif ġiet ittrattata t-talba għat-tneħħija ta’ immunità u minn dan ikkonkluda li ebda wieħed minnhom ma kien jostakola l-eżami ta’ din it-talba.
68 Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament ma ħax pożizzjoni fir-rigward tal-argumenti dwar in-nuqqas ta’ ċarezza, inklużi dawk dwar il-proprjetà tal-proċeduri, dwar it-talba għat-tneħħija tal-immuntà u dwar is-serjetà tal-ksur allegat. Għaldaqstant il-Parlament astjena milli jifformola kwalunkwe evalwazzjoni dwar il-proprjetà tal-proċeduri, li kienet teħtieġ eżami ta’ dan l-ilment u, billi għamel dan, ikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(7) tar-Regoli tal-Proċedura.
69 Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-possibbiltà li huwa kellu li jneħħi l-privileġġ stabbilit mill-Artikolu 8 tal-Protokoll, il-Parlament ma wettaq ebda żball ta’ liġi, kif diġà ġie espost fil-punti 44 sa 52 iktar ’il fuq, billi ddeċieda fuq l-immunità ta’ A. Mote mingħajr ma ħa pożizzjoni dwar il-privileġġ mogħti lilu fil-kwalità tiegħu ta’ Membru tal-Parlament u mingħajr ma ddeċieda li l-Artikolu 8 tal-Protokoll kien ġie miksur fil-kawża preżenti. Fin-nuqqas tal-kompetenza tal-Parlament sabiex ineħħi l-privileġġ previst mill-Artikolu 8, ma jistax jiġi kkritikat li ma kkunsidrax l-argumenti żviluppati f’dan ir-rigward.
70 Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li ma ġiex ipprovat li d-deċiżjoni kkontestata naqset milli tikkunsidra realment jew adegwatament il-fatti u l-argumenti invokati mir-rikorrent.
71 Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.
Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni kompleta u adegwata
L-argumenti tal-partijiet
72 Ir-rikorrent isostni li l-Parlament huwa marbut jimmotiva deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ immunità. In-nuqqas ta’ motivazzjoni jikser l-eżiġenzi demokratiċi li l-Parlament Ewropew huwa suġġett għalihom skont l-Artikolu 6 UE, iżda wkoll skont il-prinċipju tat-trasparenza tal-attivitajiet tiegħu li jidher fir-Regoli tal-Proċedura tiegħu.
73 Fil-kawża preżenti, ir-rikorrent iqis li r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali jipprovdi l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata iżda jikkontesta n-natura kompleta u adegwata tagħha minħabba li l-integrità tal-argumenti mressqa favur iż-żamma tal-immunità tiegħu ma ġietx eżaminata. Fl-opinjoni tiegħu, il-ġurisprudenza preċedenti tal-Parlament fir-rigward tal-immunità kellha twassal għal motivazzjoni adegwata filwaqt li dik mogħtija la tippermetti lill-qarrejja tad-deċiżjoni sabiex jifhmu r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tagħha u lanqas ma tippermetti lill-partijiet sabiex jevalwaw il-validità tagħha u sabiex, eventwalment, jikkontestawha.
74 Il-Parlament jitlob iċ-ċaħda tal-motiv.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
75 Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza kostanti, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-anqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi f’dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa n-nuqqas tal-argumenti essenzjali ta’ liġi li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-52/90, Ġabra p. I-2187, punt 17; digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 1993, Keolman vs Il-Kummissjoni, T-56/92, Ġabra p. II-1267, punt 21, u tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-154/98, Ġabra p. II-1703, punt 49; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T-201/04, Ġabra p. II-3601, punt 94). Għaldaqstant, mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li fuqhom hija tista’ tikkunsidra li huwa bbażat ir-rikors peress li l-funzjoni tal-annessi hija waħda purament probatorja u strumentali (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T-84/96, Ġabra p. II-2081, punt 34, u Microsoft vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94).
76 Fil-kawża preżenti, ir-rikorrent jinvoka n-nuqqas ta’ motivazzjoni kompleta u adegwata tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jindika l-punti li fuqhom iqis li l-motivazzjoni hija nieqsa. Ir-rikors sempliċement ifakkar il-bżonn ta’ organu demokratiku modern li jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu b’mod komplet u adegwat u li jeżamina l-punti mqajma kollha, kif ukoll l-importanza ta’ tali motivazzjoni. A. Mote ma jippreċiżax l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt li fl-opinjoni tiegħu kienu jeħtieġu żvilupp supplimentari min-naħa tal-Parlament. L-uniku lment preċiż jirrigwarda l-espressjoni ta’ opinjonijiet bi ksur tal-Artikolu 7(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament, li huwa s-suġġett tal-ewwel parti tat-tieni motiv, miċħud mis-sentenza preżenti.
77 Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.
Fuq in-natura mhux raġjonevoli u sproporzjonata tad-deċiżjoni
L-argumenti tal-partijiet
78 Ir-rikorrent isostni li l-argumenti li huwa qajjem kontra t-tneħħija tal-immunità kellhom iwasslu lill-Parlament sabiex jieħu deċiżjoni raġjonevoli u proporzjonata u għalhekk sabiex jirrifjuta t-tneħħija tal-immunità. Huwa jirreferi għall-argumenti li jidhru fin-nota annessa mar-rikors, filwaqt li jindika li dawn ma ġewx esposti in extenso.
79 Ir-rikorrent isostni li, fin-nuqqas ta’ raġuni li tiġġustifika r-rifjut tal-argument dwar id-dewmien, ebda organu deċiżjonali ma seta’ raġjonevolment ineħħi l-immunità u li l-Parlament kellu jirrifjuta li jneħħi l-privileġġ jew l-immunità.
80 Huwa jqajjem il-kwistjoni tas-setgħa tal-Parlament li jneħħi privileġġ pjuttost milli immunità minħabba li r-Regoli tal-Proċedura ta’ dan tal-aħħar ma jitkellmux dwar it-tneħħija ta’ privileġġ.
81 Ir-rikorrent jenfasizza li eżami komplet u rilevanti tal-argumenti tiegħu ma kienx iwassal lill-Parlament sabiex ineħħi l-immunità tiegħu u jirreferi għar-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali fil-kawża Sichrowsky sabiex isostni li l-Parlament japplika tali preżunzjoni fil-każ ta’ fumus persecutionis.
82 Ir-rikorrent jinsisti dwar in-natura tardiva tal-proċeduri mressqa kontrih, li jfixklu l-attivitajiet tal-Parlament u jiksru l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-Istati Membri. Huwa jispjega li xtaq ikun jaf l-analiżi tal-Parlament fuq dan il-punt.
83 Fl-aħħar, fir-replika, huwa jsostni li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali ma eżaminax it-talbiet għal informazzjoni supplimentari fformulati fin-nota tiegħu.
84 Il-Parlament isostni li dan il-motiv mhuwiex fondat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
85 Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami tat-talbiet għal informazzjoni supplimentari fformulati fin-nota, ippreżentata fl-istadju tar-replika, għandu jiġi mfakkar li mid-dispożizzjonjiet moqrija flimkien tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jkollu sunt tal-motivi mressqa u li m’huwiex permess li jittressqu motivi ġodda fil-mori tal-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Settembru 1990, Hanning vs Il-Parlament, T-37/89, Ġabra p. II-463, punt 38). Soluzzjoni analoga tapplika fir-rigward ta’ lment invokat in sostenn ta’ motiv (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T-231/99, Ġabra p. II-2085, punt 156).
86 Fil-kawża preżenti, ir-rikorrent iqajjem għall-ewwel darba fir-replika tiegħu l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tat-talbiet jew tad-domandi tiegħu intiżi sabiex jikseb iktar informazzjoni. Dan l-ilment, li jirrigwarda speċifikament l-istruzzjoni tat-talba għat-tneħħija ta’ immunità mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali u mhux l-eżami tal-elementi li kellhom jiġu kkunsidrati mill-Parlament waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala amplifikazzjoni tal-ilmenti elenkati fir-rikors promotur tal-istanza.
87 Għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.
88 Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-argumenti mqajma fin-nota kellhom iwasslu lill-Parlament sabiex jieħu deċiżjoni raġjonevoli u proporzjonata billi jirrifjuta t-tneħħija tal-immunità, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti mhumiex esposti fir-rikors u li r-rikorrent jistieden li jsir riferiment għal din in-nota, li hija prodotta fl-anness. Skont il-ġurisprudenza kostanti ċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, mhuwiex għall-Qorti tal-Prim’Istanza li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li hija tista’ tikkunsidra bħala l-bażi tar-rikors.
89 Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli, ħlief sa fejn jirrigwarda d-dewmien min-naħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Madankollu, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet fuq dan l-argument, fil-punti 64 sa 66 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi miċħud bħala infondat.
90 Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat u li r-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
91 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Seba’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Ashley Neil Mote huwa kkundannat għall-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew.
Forwood
Šváby
Truchot
Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta’ Ottubru 2008.
E. Coulon
N. J. Forwood
Reġistratur
President
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy