Kawża T-295/05
Document Security Systems, Inc.
vs
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)
“Unjoni Monetarja – Ħruġ ta’ karti tal-flus ta’ l-Euro – Allegat użu ta’ invenzjoni protetta bi privattiva intiża biex tipprevjeni l-falsifikazzjoni – Azzjoni għal ksur ta’ privattiva Ewropea – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza – Inammissibbiltà – Rikors għad-danni”
Sommarju tad-digriet
1. Proċedura – Azzjoni għal ksur ta’ privattiva Ewropea – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja
(Artikoli 7 KE u 220 KE sa 241 KE)
2. Stati Membri – Obbligi – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali ma’ l-istituzzjonijiet Komunitarji
(Artikolu 10 KE)
3. Rikors għad-danni – Terminu ta’ preskrizzjoni – Punt tat-tluq
(It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE)
4. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali
(Artikolu 235 KE u t-tieni u t-tielet paragrafi ta’ l-Artikolu 288 KE)
1. Bis-saħħa ta’ l-Artikoli 7 KE u 220 KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ teżerċita biss il-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mid-dritt Komunitarju. Fin-nuqqas ta’ tali attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiddeċiedi fuq rikors mingħajr ma testendi l-ġurisdizzjoni tagħha għall-kwistjonijiet li għalihom il-Komunità hija parti u li fir-rigward tagħhom il-ġurisdizzjoni taqa’, skond l-Artikolu 240 KE, taħt il-qrati nazzjonali.
Fir-rigward ta’ azzjoni għal ksur, intiża sabiex jiġi kkonstatat li l-Bank Ċentrali Ewropew kiser id-drittijiet mogħtija minn privattiva Ewropea relattiva, b’mod partikolari, għal elementi ta’ protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni ta’ karti ta’ flus, il-ġurisdizzjoni biex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ dan il-ksur taqa’ taħt il-qrati nazzjonali u mhux taħt il-Qorti tal-Prim’Istanza.
Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma tagħti lill-Qorti tal-Prim’Istanza l-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fil-qasam tal-ksur ta’ privattivi. L-azzjoni għal ksur ta’ privattivi mhijiex inkluża fost ir-rimedji li l-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwarhom hija mogħtija lill-qrati Komunitarji mill-Artikoli 220 KE sa 241 KE. Minbarra dan, id-dritt nazzjonali dwar il-privattivi, b’kuntrast ma’ drittijiet oħra ta’ proprjetà intelletwali, bħad-dritt nazzjonali dwar it-trade marks, ma kienx is-suġġett ta’ ebda armonizzazzjoni Komunitarja. Peress li dan huwa qasam li fih il-Komunità għadha ma lleġiżlatx u li, għaldaqstant, jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri, il-protezzjoni ta’ ċerti drittijiet ta’ proprjetà intelletwali, bħall-privattivi u l-miżuri meħuda għal dan il-għan mill-awtoritajiet ġudizzjarji, ma jaqgħux taħt id-dritt Komunitarju
(ara l-punti 50-51, 56-57, 71)
2. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tqiegħed f’dubju l-legalità ta’ dritt nazzjonali ta’ proprjetà industrijali mingħajr ma tippreġudika l-prinċipju ta’ kooperazzoni leali li, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 10 KE, għandu jirregola r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji u li mhux biss jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex tiġi garantita l-applikazzjoni u l-effettività tad-dritt Komunitarju, imma jimponi wkoll fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji obbligi reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali ma’ l-Istati Membri.
(ara l-punt 70)
3. It-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità ma jistax jibda jiddekorri qabel ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li għalihom huwa suġġett l-obbligu ta’ kumpens. Fil-kuntest ta’ ksur ta’ privattiva Europea li bih ikun akkużat il-Bank Ċentrali Ewropew, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ l-azzjoni għal responsabbiltà tal-proprjetarju tal-privattiva kontra l-Komunità jista’ jibda jiddekorri biss mill-mument li fih huwa jkun kiseb konstatazzjoni mill-qrati nazzjonali kompetenti ta’ l-eżistenza tal-ksur li bih huwa jakkuża lill-Bank.
(ara l-punt 75)
4. Biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, għal aġir illegali ta’ l-organi tagħha, diversi kundizzjonijiet għandhom ikunu sodisfatti, jiġifieri, l-illegalità ta’ l-aġir li bih qegħdin jiġu akkużati l-istituzzjonijiet, ir-realità tad-dannu, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat
Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta ma’ l-illegalità ta’ aġir li bih qiegħed jiġi akkużat il-Bank Ċentrali Ewropew u li jikkonsisti fil-ksur ta’ privattiva, huwa biss abbażi ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali komptetenti li tikkonstata l-eżistenza tal-ksur mill-Bank li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun fil-pożizzjoni li tiddeċiedi jekk l-imsemmi ksur jistax jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità.
(ara l-punti 80-81)
DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)
5 ta’ Settembru 2007 (*)
“Unjoni Monetarja - Ħruġ ta’ karti tal-flus ta’ l-Euro – Allegat użu ta’ invenzjoni protetta bi privattiva intiża biex tipprevjeni l-falsifikazzjoni – Azzjoni għal ksur ta’ privattiva Ewropea – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza – Inammissibbiltà – Rikors għad-danni”
Fil-kawża T‑295/05,
Document Security Systems, Inc., stabbilita f’Rochester, New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn L. Cohen, H. Sheraton, u B. Uphoff, solicitors, u C. Stanbrook, QC,
rikorrenti
vs
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn C. Zilioli u P. Machado, bħala aġenti, assistiti minn E. Garayar Gutiérrez u G. de Ulloa y Suelves, avukati,
konvenut
li għandha bħala suġġett azzjoni għal ksur, intiża sabiex jiġi kkonstatat li l-BĊE kiser id-drittijiet mogħtija minn privattiva Ewropea tar-rikorrenti u talba għall-kumpens tad-dannu allegatament sofrut mir-rikorrenti b’riżultat tal-ksur tal-privattiva,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),
komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u V. Ciucă, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Digriet
Il-kuntest ġuridiku
Leġiżlazzjoni Komunitarja
1 L-Artikolu 235 KE jipprovdi:
“Il-Qorti tal-Ġustizzja hi kompetenti li tittratta każijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kumpens għal danni kif previst fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288.”
2 It-tieni u t-tielet paragrafi ta’ l-Artikolu 288 KE jipprovdu:
“Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, il-Komunità għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.
Il-paragrafu preċedenti għandu japplika taħt l-istess kundizzjonijiet għal danni kkaġunati mill-BĊE jew mill-impjegati tiegħu fit-twettiq ta’ dmirijiethom.”
3 L-Artikolu 35(3) tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU 1992, C 191, p. 68, iktar’il quddiem l-“istatut tal-BĊE”), kif emendat, jipprovdi:
“Il-BĊE ikun suġġett għall-[...] kundizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 288 tat-Trattat [...]”
Il-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea
4 Il-Konvenzjoni dwar il-Ħruġ ta’ Privattivi Ewropej, tal-5 ta’ Ottubru 1973, (magħrufa wkoll bħala l-“Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea” jew il-“Konvenzjoni ta’ Munich”, iktar’il quddiem il-“KPE”), kif emendata mill-att li jirrevedi l-Artikolu 63 tal-KPE tas-17 ta’ Diċembru 1991 u mid-deċiżjonijiet tal-Kunsill Amministrattiv ta’ l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi, tal-21 ta’ Diċembru 1978, tat-13 ta’ Diċembru 1994, ta’ l-20 ta’ Ottubru 1995, tal-5 ta’ Diċembru 1996, ta’ l-10 ta’ Diċembru 1998 u tas-27 ta’ Ottubru 2005 u li tinkludi d-dispożizzjonijiet ta’ l-att li jirrevedi l-KPE tad-29 ta’ Novembru 2000, huwa trattat internazzjonali multilaterali li ma jaqax taħt id-dritt Komunitarju u li għandu l-għan li jistabbilixxi proċedura simplifikata ta’ ksib tal-protezzjoni permezz ta’ privattiva fl-Ewropa għal ċertu numru ta’ pajjiżi. Il-KPE daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 1977 u, f’dak il-mument, kienet ġiet ratifikata minn 32 Stat, fosthom l-Istati Membri kollha ta’ l-Unjoni Ewropea.
5 L-Artikolu 4 tal-KPE waqqaf l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi li għandha l-kompitu toħroġ il-privattivi Ewropej. Dan il-kompitu huwa eżegwit minn wieħed mill-organi tagħha, jiġifieri, l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (iktar’il quddiem, l-“Uffiċċju”).
6 L-Artikolu 2(2) tal-KPE jipprovdi li “[i]l-privattiva Ewropea, f’kull wieħed mill-Istati Kontraenti li fir-rigward tagħhom hija maħruġa, għandha l-istess effetti u hija suġġetta għall-istess sistema bħal privattiva nazzjonali maħruġa f’dan l-Istat, sakemm din il-Konvenzjoni ma tipprovdix xort’oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 L-Artikolu 64 tal-KPE jipprovdi:
“1. Bla preġudizzju għall-paragrafu 2, il-privattiva Ewropea tikkonferixxi lill-proprjetarju tagħha, mill-jum tal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż tal-ħruġ tagħha u f’kull wieħed mill-Istati Kontraenti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet maħruġa, l-istess drittijiet li tikkonferixxilu privattiva nazzjonali maħruġa f’dan l-Istat.
2. Jekk is-suġġett tal-privattiva Ewropea jikkonċerna proċess, id-drittijiet mogħtija minn din il-privattiva għandhom jiġu estiżi għall-prodotti miksuba direttament minn dan il-proċess.
3. Kull ksur tal-privattiva Ewropea għandu jiġi ttrattat skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
8 Il-KPE tinkludi xi regoli applikabbli fl-Istati Kontraenti kollha. Dawn ir-regoli komuni huma dawk relativi għall-kriterji għal jedd għal privattiva (Artikoli 52 sa 57 tal-KPE), għar-raġunijiet ta’ invalidament ta’ privattiva Ewropea (Artikolu 138 tal-KPE, ara iktar’il quddiem) kif ukoll għall-portata u għad-dewmien tal-protezzjoni tal-privattiva (Artikolu 63, Artikolu 64 (2), u Artikolu 69 tal-KPE).
9 L-Artikolu 138 tal-KPE jipprevedi l-każijiet li fihom privattiva Ewropea tista’ tiġi ddikjarata invalida, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Kontraenti u b’effett fit-territorju ta’ dan l-Istat.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
10 Ir-rikorrenti hija kumpannija rreġistrata taħt il-liġi Amerikana li, fl-2004, saret propjetarja ta’ privattiva Ewropea relattiva, b’mod partikolari, għal elementi ta’ protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni ta’ karti ta’ flus. Din l-invenzjoni hija ta’ Ralph C. Wicker u tikkonsiti f’metodu ta’ produzzjoni ta’ dokumenti intiżi sabiex jiżvelaw il-falsifikazzjoni meta kopji ta’ dawn id-dokumenti huma magħmula permezz ta’ scanners li jużaw it-tekonoloġija ta’ l-iscanning.
11 Fit-18 ta’ Jannar 1989, Ralph C. Wicker ippreżenta applikazzjoni għal privattiva fl-Istati Uniti għal dan il-metodu ta’ produzzjoni. Fis-16 ta’ Jannar 1990, huwa ppreżenta applikazzjoni għal privattiva Ewropea lill-Uffiċċju.
12 L-applikazzjoni għal privattiva Ewropea ta’ Ralph C. Wicker ġiet ippublikata fil-Bulletin Ewropew tal-Privattivi fit-13 ta’ Novembru 1991. Fit-18 ta’ Lulju 1995, din l-applikazzjoni ġiet miċħuda minħabba nuqqas ta’ attività inventiva fil-konfront tat-teknika użata. Fil-5 ta’ Frar 1999 din id-deċiżjoni ġiet appellata, u wieħed mill-Bordijiet Tekniċi ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju awtorizza l-għoti tal-privattiva mitluba, li finalment ingħatat fl-24 ta’ Novembru 1999, taħt in-numru 0 455 750 B1 u taħt l-isem “Metodu ta’ produzzjoni ta’ dokument li ma jistax jiġi riprodott” (iktar’il quddiem “il-privattiva in kwistjoni”)
13 Ir-rikorrenti ssostni li l-privattiva in kwistjoni kienet ġiet ivvalidata u teżisti fi Franza, fl-Awstrija, fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, fil-Belġju, fi Spanja, fl-Italja, fil-Lussemburgu u fl-Olanda (iktar’il quddiem “il-pajjiżi kkonċernati”). Fil-fatt, Ralph C. Wicker kien indika l-pajjiżi kkonċernati fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni għall-privattiva in kwistjoni. Ir-rikorrenti tisħaq li l-privattiva teżisti wkoll fil-Liechtenstein, fid-Danimarka, fl-Iżvezja u fl-Iżvizzera, Stati li jinsabu barra mit-territorju li fih l-Euro hija l-munita uffiċjali (iż-żona Euro) u li ma stampawx karti ta’ flus ta’ l-Euro u li mhumiex meqjusa fir-rikors.
14 Skond ir-rikorrenti, il-privattiva in kwistjoni baqgħet il-proprjetà ta’ Ralph C. Wicker, li miet fl-1997, u kienet ġiet trasmessa lir-rappreżentati suċċessuri tiegħu bis-saħħa tal-liġijiet ta’ l-Istat ta’ New York, sakemm dawn ittrasferewha lilha fit-22 ta’ Diċembru 2004. It-trasferiment kien jinkludi d-drittijiet li jittieħdu azzjonijiet u li jiġu rkuprati danni għal atti li seħħew qabel it-trasferiment.
15 Skond ir-rikorrenti, il-BĊE wettaq jew awtorizza l-eżekuzzjoni ta’ tliet atti li jiksru d-drittijiet mogħtija mill-privattiva in kwistjoni. L-ewwel nett, il-BĊE ddisinja (jew ordna li jiġu ddisinjati f’ismu) il-karti ta’ flus ta’ l-Euro bl-użu tal-metodu kopert mill-privattiva in kwistjoni. It-tieni nett, il-BĊE ordna li jiġu stampati dawn il-karti ta’ flus. It-tielet nett, il-BĊE awtorizza l-ħruġ tagħhom u l-użu tagħhom bħala valuta legali fiż-żona Euro.
Il-proċedura
16 B’talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Awwissu 2005, ir-rikorrenti ressqet ir-rikors preżenti.
17 Permezz ta’ dan ir-rikors, l-ewwel nett, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara li l-BĊE kiser id-drittijiet mogħtija mill-privattiva in kwistjoni bid-diżinjar, l-istampar u l-ħruġ ta’ karti ta’ flus ta’ l-Euro. It-tieni nett, hija titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza l-kumpens għad-dannu li hija tqis li sofriet, u dan fil-forma ta’ royalties ta’ ammont raġonevoli fir-rigward ta’ l-atti frawdolenti tal-BĊE.
18 B’att ippreżentat fil-21 ta’ Ottubru 2005, il-BĊE qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skond l-Artikolu 114 (1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fid-29 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.
19 B’ittra tas-6 ta’ April 2006, il-BĊE informa lill-Qorti tal-Prim’Istanza li, fit-23 ta’ Marzu 2006 huwa kien ressaq azzjonijiet għal invalidament kontra l-privattiva in kwistjoni fl-Istati kollha kkonċernati bl-eċċezzjoni ta’ l-Italja, fejn azzjoni għal invalidament kienet ġiet imressqa fis-27 ta’ Marzu, u ta’ Spanja. Fil-kuntest ta’ dawn l-azzjonijiet, il-BĊE jsostni li l-privattiva in kwistjoni hija invalida minħabba li, evidentement, din testendi lil hinn mis-suġġett tat-talba inizjali, li l-invenzjoni mhijiex ġdida, u li din ma timplikax attività inventiva.
20 B’ittra tas-7 ta’ Lulju 2006, il-BĊE informa lill-Qorti tal-Prim’Istanza li fit-12 ta’ Mejju 2006, huwa kien ressaq azzjoni għal invalidament kontra l-privattiva in kwistjoni fi Spanja.
21 Fit-18 ta’ Ottubru 2006, ir-rikorrenti bagħtet lill-Qorti tal-Prim’Istanza l-osservazzjonijiet tagħha fuq iż-żewġ ittri tal-BĊE relattivi għat-tressiq ta’ l-imsemmija azzjonijiet għal invalidament. Hija ssostni li t-tressiq ta’ diversi rikorsi għal invalidament quddiem il-qrati nazzjonali m’għandu ebda rilevanza fuq ir-rikors preżenti u li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-BĊE u tiddeċiedi fuq il-mertu.
22 B’ittra tal-11 ta’ April 2007, il-BĊE informa lill-Qorti tal-Prim’Istanza li l-azzjonijiet għal invalidament imressqa fir-Renju Unit u fil-Ġermanja kienu ġew deċiżi fl-ewwel istanza.
23 Fir-rigward ta’ l-azzjoni għal invalidament imressqa fir-Renju Unit, il-BĊE indika li, b’sentenza tas-26 ta’ Marzu 2007, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Patent Court), kienet iddeċidiet li l-privattiva in kwistjoni kienet invalida minħabba li kienet tmur lil hinn mis-suġġett tat-talba inizjali. Il-BĊE informa lill-Qorti tal-Prim’Istanza li r-rikorrenti kienet ġiet awtorizzata tappella minn din is-sentenza quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) u li l-BĊE kien ġie awtorizzat jagħmel appell inċidentali.
24 Fir-rigward ta’ l-azzjoni għal invalidament imressqa fil-Ġermanja, il-BĊE indika li, b’sentenza tas-27 ta’ Marzu 2007, il-Bundespatentgericht (Qorti Federali tal-Privattivi, il-Ġermanja) kienet iddeċidiet li l-privattiva in kwistjoni kienet valida. Il-BĊE informa wkoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza li huwa kellu l-intenzjoni jappella minn din is-sentenza.
It-talbiet tal-partijiet
25 Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tiddeċiedi li l-BĊE kiser id-drittijiet mogħtija mill-privattiva in kwistjoni;
– tikkundanna lill-BĊE jħallas id-danni għall-ksur tad-drittijiet mogħtija mill-privattiva in kwistjoni, li l-ammont tagħhom għandu jiġi stabbilit iktar’il quddiem;
– tikkundanna lill-BĊE jbati l-ispejjeż.
26 Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, il-BĊE jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tiddikjara r-rikors inammissibbli;
– tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.
27 Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;
– tiddikjara r-rikors inammissibbli;
– tagħti s-sentenza dikjaratorja mitluba fir-rikors.
Fuq l-azzjoni għal ksur ta’ privattivi
Fuq l-ammissibbiltà
28 Skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk parti tagħmel talba għal dan il-għan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skond l-Artikolu 114(3), il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tiddeċidix mod ieħor. Fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mid-dokumenti tal-proċess u li mhemmx lok li tinfetaħ il-proċedura orali.
29 L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-BĊE hija bbażata fuq tliet motivi, ibbażati rispettivament fuq in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti, in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim Istanza biex tisma’ u tiddeċiedi l-kawża preżenti, u n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti proċedurali fit-talba.
30 L-ewwel nett, hemm lok li jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
L-argumenti tal-partijiet
31 Il-BĊE jsostni li, għalkemm ir-rikors huwa bbażat fuq l-Artikoli 235 KE u 288 KE, ir-rikorrenti ma titlobx biss danni, imma titlob, qabel kollox, li jiġi kkonstatat li l-BĊE kiser il-privattiva in kwistjoni, u huwa biss wara dan, li hija titlob il-kumpens għad-dannu.
32 Il-BĊE jikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandhiex ġurisdizzjoni sa biex tiddeċiedi fuq l-azzjoni għal ksur. Huwa jsostni li l-qrati nazzjonali biss għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddikjaraw li l-privattiva in kwistjoni ġiet miksura.
33 Il-BĊE jqis li, sabiex tiddikjara r-rikors ammissibbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza jkollha tassumi l-ġurisdizzjoni esklużiva mogħtija lill-qrati nazzjonali mil-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom fil-qasam ta’ ksur ta’ privattivi, fatt li jmur kontra l-KPE, li tipprovdi li l-kontroversji dwar privattivi Ewropej jaqgħu taħt il-qrati nazzjonali ta’ l-Istati Kontraenti.
34 In sostenn ta’ dan l-argument, il-BĊE isostni li, ġaladarba privattiva Ewropea tkun inħarġet u validata f’kull wieħed mill-Istati indikati, joħorġu ħafna privattivi indipendenti u nazzjonali. Għaldaqstant, il-BĊE huwa tal-fehma li huwa d-dritt nazzjonali ta’ kull Stat li jiddetermina kemm l-effetti tal-privattivi fit-territorju tiegħu, kif ukoll ir-regoli proċedurali applikabbli f’każ ta’ kontroversja. Skond il-BĊE, peress li l-kwistjoni dwar il-ksur hija esklużivament irregolata mid-dritt nazzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwarha.
35 Il-BĊE jenfasizza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru fil-qasam ta’ privattivi:
– tipprevedi kundizzjonijiet differenti sabiex il-privattiva tibbenefika mill-protezzjoni nazzjonali;
– tagħti lil ċerti qrati, li huma ta’ spiss speċjalizzati, il-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jevalwaw il-kwistjonijiet ta’ ksur u ta’ invalidament ta’ privattivi;
– tipprevedi regoli proċedurali differenti, inklużi b’mod partikolari restrizzjonijiet fir-rigward tal-locus standi;
– tipprevedi kundizzjonijiet differenti li għandhom jiġu sodisfatti għall-għoti ta’ danni;
– tipprevedi termini ta’ preskrizzjoni differenti għall-ksib ta’ danni kif ukoll għall-azzjoni għal ksur.
36 Il-BĊE jsostni li xejn ma jipprekludi lir-rikorrenti taġixxi quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti sabiex jiġi deċiż fuq l-eżistenza ta’ l-allegat ksur. Il-BĊE jirrileva li skond l-Artikolu 35(2) ta’ l-Istatut tal-BĊE, il-kwistjonijiet bejn il-BĊE min-naħa, u kull persuna oħra, min-naħa l-oħra, ikunu deċiżi mill-qrati nazzjonali kompetenti, minbarra meta l-ġurisdizzjoni tkun ġiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja.
37 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi r-rikors bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE meħuda flimkien, li jikkonferixxu lill-qorti Komunitarja l-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi l-kwistjonijiet dwar il-kumpens mill-Komunità, skond il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri, għad-danni kkaġunati mill-istituzzjonijet Komunitarji fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali. Ir-rikorrenti tosserva li l-BĊE huwa istituzzjoni Komunitarja u li t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE jipprovdi espliċitament li l-Komunità għandha tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-BĊE jew mill-impjegati tiegħu fit-twettiq ta’ dmirijiethom.
38 Ir-rikorrenti tqis li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija rregolata esklużivament mit-Trattat u ma tistax tkun irregolata minn ebda leġiżlazzjoni nazzjonali jew mid-dritt Komunitarju sekondarju. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tikkontesta li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tkun irregolata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p.1) (regolament li jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali f’materji ċivili u kummerċjali).
39 B’mod partikolari, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 44/2001 jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar għall-ġurisdizzjoni mogħtija bis-saħħa ta’ strumenti tal-Komunità bħat-trattat.
40 Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali fil-qasam ta’ ksur ta’ privattivi hija rregolata mir-Regolament Nru 44/2001. Bħala prinċipju, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-parti konvenuta hija domiċiljata għandhom ġurisdizzjoni anki jekk il-ksur seħħ fit-territorju ta’ Stat ieħor.
41 Ir-rikorrenti tqis ukoll li, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti adita fl-ewwel lok biex tiddeċiedi kwistjoni bejn żewġ partijiet dwar il-ksur ta’ privattiva għandha ġurisdizzjoni esklużiva biex tiddeċiedi kull kwistjoni dwar ksur bejn l-istess partijiet u fuq l-istess privattiva.
42 Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li l-ġurisprudenza kkonfermat li l-qrati ta’ l-Istat li fit-territorju tiegħu privattiva tkun ġiet irreġistrata jibbenefikaw minn ġurisdizzjoni esklużiva biss f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet dwar il-validità tal-privattiva nfisha jew dwar l-eżistenza tad-depożitu jew tar-reġistrazzjoni tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee, 288/82, p. 3663, punt 22). Għaldaqstant, l-affermazzjoni tal-BĊE li l-qrati ta’ kull Stat ikkonċernat għandhom ġurisdizzjoni esklużiva biex jiddeċiedu fuq il-ksur tal-privattiva in kwistjoni fit-territorju tagħhom, skond il-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom, mhijiex korretta.
43 Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li bosta konvenzjonijiet internazzjonali jipprevedu li l-ksur ta’ privattiva jikkostitwixxi nuqqas ta’ natura ċivili li għalih d-danni għandhom jiġu mħallsa bħala kumpens u li, fil-fatt, dan il-prinċipju ġie adottat min-nazzjonijiet negozjanti l-iktar importanti u kien is-suġġett ta’ l-attivitajiet ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ODK). Għaldaqstant, skond ir-rikorrenti, dan huwa prinċipju fundamentali kemm tad-dritt Komunitarju kif ukoll tad-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tippreċiza li l-Komunità hija membru ta’ l-ODK sa mill-1 ta’ Jannar 1995 u li, għaldaqstant, hija obbligata tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar Aspetti ta’ Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (“TRIPS”). Ir-rikorrenti ssostni li, skond ġurisprudenza kostanti, id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni Ewropea, bħat-Trips, huma parti integrali ta’ l-istruttura ġuridika Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73. p.449). Ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea huma wkoll membri ta’ l-ODK u marbuta bit-TRIPS. Għaldaqstant, il-prinċipji li jinsabu fih, jagħmlu parti mil-liġi nazzjonali ta’ kull Stat Membru.
44 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-diffikultà invokata mill-BĊE li jkollha l-Qorti tal-Prim’Istanza biex tapplika diversi liġijiet nazzjonali sabiex tivverifika jekk il-BĊE kisirx il-privattiva in kwistjoni mhijiex rilevanti fil-kawża preżenti. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-fatt li huwa neċessarju għall-Qorti tal-Prim’Istanza li tivverfika u tapplika liġijiet nazzjonali ma jaffettwax il-ġurisdizzjoni tagħha. Fil-fatt, ir-rikorrenti tqis li, skond il-ġurisprudenza (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink et vs Il-Kummissjoni, 169/83 u 136/84, Ġabra p. 2801, u tas-27 ta’ Marzu 1990, Grifoni vs Il-Kummissjoni, C-308/87, Ġabra p. I 1203), il-ksur ta’ obbligi stabbiliti fid-dritt nazzjonali jagħti lok għar-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji għad-danni kkaġunati lill-individwi u li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dawn il-kawżi.
45 Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li, skond l-Artikolu 288 KE, il-liġi applikabbli għal azzjonijiet dwar danni kkaġunati mill-istituzzjonijiet Komunitarji hija dik li tirriżulta mill-prinċipji ġuridiċi komuni għall-Istati Membri. B’konsegwenza ta’ dan, l-osservazzjonijiet ifformulati mill-BĊE dwar id-differenzi bejn id-drittijiet nazzjonali fir-rigward tal-kalkolu tad-danni f’każ ta’ ksur ta’ privattiva, skond ir-rikorrenti, mhumiex f’posthom.
46 Ir-rikorrenti ssostni li hija mhijiex obbligata teżawrixxi r-rimedji nazzjonali qabel ma tippreżenta r-rikors preżenti. Hija ssostni li l-ġurisprudenza invokata mill-BĊE in sostenn ta’ dan l-argument tikkonċerna kawżi li fihom l-Istati Membri japplikaw jew jittrasponu b’manjiera żbaljata d-dritt Komunitarju. Skond ir-rikorrenti, huwa biss f’dawn iċ-ċirkustanzi li titqajjem id-domanda dwar jekk rikorrent għandux jeżawrixxi r-rimedji nazzjonali kontra l-Istat Membru nnifsu qabel ma jressaq rikors għad-danni kontra l-Komunità. Issa, ir-rikorrenti ssostni li mhux qed jiġi allegat li Stat Membru wettaq nuqqas fil-kawża preżenti, peress li l-BĊE biss huwa responsabbli għall-ksur in kwistjoni.
47 Bl-istess mod, ir-rikorrenti tenfasizza li l-proposta mressqa mill-BĊE, li proċeduri għandhom jinbdew simultanjament quddiem il-qrati ta’ diversi Stati Membri, tista’ twassal għal kumplikazzjonijiet, għal spejjeż inutli u għal dewmien inġustifikat minħabba diffikultajiet li jqajjem ir-Regolament Nru 44/2001 fir-rigward ta’ l-eżerċizzju tal-kompetenzi ġudizzjarji konkorrenti. Minħabba dan il-fatt, il-Komunità tkun qiegħda tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 41 tat-TRIPS, li jeżiġi li l-proċeduri intiżi sabiex jiġu osservati d-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali jkunu ekwi, mingħajr kumplikazzjonijiet inutli jew dewmien inġustifikat.
48 Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li, kieku hija kellha tibda proċeduri simultanji quddiem il-qrati nazzjonali, ikun hemm riskju li r-rikors għad-danni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jista’ jiġi preskritt.
49 Finalment, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha ġurisdizzjoni biex tiddikjara li l-BĊE kiser il-privattiva in kwistjoni, peress li l-effett ta’ dikjarazzjoni bħal din huwa identiku għal dak ta’ konstatazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza li l-Komunità hija responsabbli għall-ħlas ta’ danni. Issa, l-possibbiltà li tagħmel tali konstatazzjoni hija mogħtija lill-Qorti tal-Prim’Istanza mill-Artikolu 288 KE. Minbarra dan, ir-rikorrenti tqis li l-ġurisprudenza awtorizzat espressament lill-Qorti tal-Prim’Istanza tadotta sentenzi dikjaratorji relattivi għal talbiet għad-danni meta danni li seħħew fil-passat ma jistgħux jiġu kkalkolati jew meta danni potenzjali huma previsti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ġunju 1976, Kampffmeyer vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 56/74 sa 60/74, Ġabra p. 711). Finalment, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Komunità hija marbuta, bis-saħħa tat-TRIPS, tagħti “sentenzi dikjaratorji u kumpens adegwat” f’każ ta’ ksur ta’ privattiva.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
50 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ teżerċita biss il-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mid-dritt Komunitarju. Dan il-prinċipju jirriżulta mill-Artikolu 7 KE, li jipprovdi li l-qorti Komunitarja għandha taġixxi fil-limiti tal-poteri lilha mogħtija b’dan it-Trattat. L-Artikolu 220 KE jipprovdi, ukoll, li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza għandhom jassiguraw l-osservanza tal-liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni rispettiva tagħhom.
51 Fin-nuqqas ta’ tali attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiddeċiedi fuq rikors mingħajr ma testendi l-ġurisdizzjoni tagħha għall-kwistjonjiet li għalihom il-Komunità hija parti u li fir-rigward tagħhom il-ġurisdizzjoni taqa’, skond l-Artikolu 240 KE, taħt il-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 tal-Mejju 1987, Rau et 133/85 sa 136/85, Ġabra p. 2289, punt 10; id-digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Ottubru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il-Kummissjoni, T-186/96, Ġabra p. II 1633, punt 47; tat-12 ta’ Diċembru 2005, Natexis Banques Populaires vs RoboBAT, T-360/05, Ġabra ,p. I-104, punt 12, u tas-26 ta’ Jannar 2007, Theofilopoulos vs Il-Kummissjoni, T-91/06, li mhux ippublikat fil-Ġabra, punt 16). L-Artikolu 35(2) ta’ l-Istatut tal-BĊE jipprovdi wkoll li l-kwistjonijiet bejn il-BĊE u kull persuna oħra għandhom jiġu deċiżi mill-qrati nazzjonali kompetenti, minbarra meta l-ġurisdizzjoni tkun ġiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja.
52 Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara hija stess li l-BĊE kiser id-diversi privattivi nazzjonali tagħha.
53 Hekk kif jindika l-BĊE, privattiva Ewropea hija biss, fil-fatt, ħafna privattivi nazzjonali identiċi, maħruġa minn kull Stat indikat mill-applikant għall-privattiva fl-applikazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2 u l-Artikolu 64(1) tal-KPE jipprovdu li l-privattiva Ewropea tipproduċi l-istess effett ġuridiku bħal privattiva nazzjonali f’kull Stat indikat mill-applikant u li hija suġġetta għall-istess regoli bħal privattiva nazzjonali. L-Artikolu 64(3) tal-KPE jipprovdi wkoll li kull ksur ta’ privattiva Ewropea huwa analizzat skond il-liġi nazzjonali.
54 B’hekk, peress li r-rikorrenti takkuża lill-BĊE bil-ksur tal-privattiva in kwistjoni f’disa’ mill-Istati li fir-rigward tagħhom din ta’ l-aħħar inħarġet, dan jammonta għal akkuża fir-rigward tal-BĊE li kiser disa’ privattivi nazzjonali.
55 Id-dritt ta’ kull wieħed mid-disa’ Stati kkonċernati jipprojbixxi lit-terżi persuni milli jużaw invenzjonijiet li huma s-suġġett ta’ privattiva mingħajr il-kunsens tal-propjetarju u jippermeti lil dan ta’ l-aħħar jopponi għal tali użu quddiem il-qrati. Il-BĊE ma jikkontestax l-obbligu tiegħu li jirrispetta r-regoli fil-qasam tal-privattivi ta’ l-Istati kkonċernati u jammetti li r-rikorrenti tista’ tressaq azzjoni għal ksur ta’ privattiva fir-rigward tiegħu quddiem il-qrati nazzjonali.
56 Issa, ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma tagħti lill-Qorti tal-Prim’Istanza l-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fil-qasam tal-ksur ta’ privattivi. L-azzjoni għal ksur ta’ privattivi mhijiex inkluża fost ir-rimedji li l-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwarhom hija mogħtija lill-qrati Komunitarji mill-Artikoli 220 KE sa 241 KE.
57 Minbarra dan, id-dritt nazzjonali dwar il-privattivi, b’kuntrast ma’ drittijiet oħra ta’ proprjetà intelletwali, bħad-dritt nazzjonali dwar it-trade marks, ma kienx is-suġġett ta’ ebda armonizzazzjoni Komunitarja. Peress li dan huwa qasam li fih il-Komunità għadha ma lleġiżlatx u li, għaldaqstant, jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri, il-protezzjoni ta’ ċerti drittijiet ta’ proprjetà intelletwali, bħall-privattivi u l-miżuri meħuda għal dan il-għan mill-awtoritajiet ġudizzjarji, ma jaqgħux taħt id-dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et, C-300/98 u C-392/98, Ġabra p. I-11307, punt 48).
58 Madankollu, ir-rikorrenti tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 235 KE u tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE meħuda flimkien jippermettu lill-Qorti tal-Prim’Istanza tagħmel kull konstatazzjoni neċessarja sabiex tiddetermina jekk istituzzjoni Komunitarja wettqitx illegalità li tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità, mingħajr l-eżistenza ta’ ebda limiti la fir-rigward tar-regoli nazzjonali li l-ksur tagħhom jista’ jiġi konstatat u lanqas fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali li jista’ jsir għal dan il-għan.
59 Ir-rikorrenti tikkunsidra li, peress illi l-ksur ta’ privattiva hija kwistjoni li taqa’ taħt ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tkun tista’, f’kull każ tiddetermina jekk dan effettivament seħħx. Għaldaqstant, is-sentenzi Leussink et vs Il-Kummissjoni u Grifoni vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar’il fuq, stabbilixxew li l-qorti Komunitarja għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi r-rikorsi sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà dwar il-kumpens ta’ danni kkawżati mill-ksur, minn istituzzjonijiet Komunitarji, ta’ obbligi stabbiliti fid-dritt nazzjonali, bħall-osservanza tal-privattivi eżistenti.
60 Issa, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ.
61 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma tiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li hija ressqet azzjoni għal ksur li hija konċettwalment differenti mill-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali li hija ressqet ukoll. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha neċessarjament tittratta l-azzjoni għal ksur bħala rikors awtonomu u abbazi tar-regoli li jirregolaw ir-rikorsi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Komunitarji.
62 It-tieni nett, l-argument tar-rikorrenti għandu bħala konsegwenza li l-Qorti tal-Prim’Istanza jkollha tiddeċiedi fuq kwalunkwe kwistjoni suġġetta għad-dritt nazzjonali, sakemm hija tagħmel dan sabiex tevalwa jekk instituzzjoni Komunitarja wettqitx illegalità fil-kuntest ta’ rikors għad-danni. B’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun imwassla tiddeċiedi fuq kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-ġurisdizzjoni tagħha, billi tassumi kompetenzi li huma esklużivament tal-qorti nazzjonali. Issa, mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza tittratta l-allegat ksur ta’ liġi nazzjonali bħala kwistjoni ta’ dritt li timplika stħarriġ ġudizzjarju mingħajr limiti, peress li stħarriġ ta’ dan it-tip jaqa’ biss taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2000, AICS vs Il-Parlament, T-139/99, Ġabra p. II-2849, punt 40, ikkonfermata bid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 2001, AICS vs Il-Parlament, C-330/00 P, Ġabra p. I 4809).
63 Ir-rikorrenti ma tistax tagħmel użu mill-ġurisprudenza li hija tinvoka in sostenn ta’ l-argumenti tagħha.
64 Fir-rigward tal-kawża li tat lok għas-sentenza Leussink et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, li tikkonċerna rikors għad-danni mressaq minn uffiċjal tal-Kummissjoni li weġġa’ f’inċident tat-traffiku fil-Ġermanja waqt li kien fuq missjoni u li kien qiegħed jivvjaġġa f’karozza tal-Kummissjoni misjuqa minn xufier ta’ din l-istituzzjoni, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, is-sentenza in kwistjoni qatt ma stabbiliet li l-qorti Komunitarja kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddetermina jekk istituzzjoni Komunitarja kinitx kisret regola ta’ dritt nazzjonali. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, li kkundannat lill-Kummissjoni, eskludiet espressament li r-responsabbiltà ta’ din ta’ l-aħħar setgħet f’dak il-każ, tiġi eżaminata fir-rigward tad-dritt nazzjonali (punt 15 tas-sentenza)
65 Fir-rigward tas-sentenza Grifoni vs Il-Kummissjoni, li tikkonċerna rikors għad-danni mressaq minn kuntrattur li sofra inċident waqt li kien qiegħed jispezzjona bejt ta’ bini tal-Kummissjoni f’Ispra (l-Italja) sabiex iwettaq hemmhekk xogħlijiet ta’ tiswija, għandu jiġi rrilevat li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma evalwatx hija stess il-konformità ta’ l-aġir li bih kienet qed tiġi akkużata l-Kummissjoni, jiġifieri l-ommissjoni ta’ l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ siġurtà rikjesti mil-liġi ta’ l-Istat li fih kien jinsab il-bini, mar-reġoli nazzjonali applikabbli. Fil-fatt, il-ksur mill-Kummissjoni tar-regoli nazzjonali ta’ prevenzjoni ta’ inċidenti kien ġie kkonstatat minn qabel mill-organu nazzjonali kompetenti biex jivverifika l-osservanza ta’ l-imsemmija regoli, li kien stabbilixxa li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet ebda miżura ta’ prevenzjoni (Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża Grifoni vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar’il fuq, Ġabra p. I-1203, punt 26). F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-aġir negliġenti tal-Kummissjoni, li ma kinitx uriet diliġenza fir-rigward tal-miżuri ta’ siġurtà neċessarji għal prevenzjoni ta’ l-inċident, kien ġie stabbilit u kien jikkostitwixxi illegalità li tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità (punti 13 u 14 tas-sentenza) peress li l-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa għar-responsabbiltà Komunitarja kienu sodisfatti, jiġifieri r-realtà tad-dannu sostnut u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-aġir illegali li bih kienet qed tiġi akkużata l-istituzzjoni kkonċernata. Issa, din is-sitwazzjoni hija opposta għal dik fil-kawża preżenti, peress li l-qrati nazzjonali kompetenti ma kkonstatawx il-ksur mill-BĊE tad-diversi privattivi nazzjonali in kwistjoni.
66 Il-Qorti tal-Prim’Istanza segwiet l-istess approċċ fiż-żewġ kawżi li taw lok, rispettivament għas-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2000, AICS vs Il-Parlament, iċċitata iktar’il fuq, u għas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2002, AICS vs Il-Parlament (T- 365/00, Ġabra p. II 2719), li t-tnejn li huma jikkonċernaw l-għoti mill-Parlament ta’ kuntratt pubbliku ta’ trasport ta’ persuni marbuta ma’ din l-istituzzjoni f’vetturi mingħajr marka b’xufiera fi Strasbourg. Wieħed mill-offerenti li l-offerta tiegħu kienet ġiet miċħuda ressaq rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-Parlament, li huwa kien jikkunsidra illegali, u rikors għad-danni kontra l-imsemmija istituzzjoni. Fil-kuntest tar-rikors għal annullament, ir-rikorrent sostna li l-kuntratt finalment iffirmat bejn il-Parlament u l-impriża li l-kandidatura tagħha kienet ġiet aċċettata kien jikser il-leġiżlazzjoni Franċiża applikabbli għall-attività tat-taxis. Permezz tas-sentenza tagħha tas-6 ta’ Lulju 2000, AICS vs Il-Parlament, iċċitata iktar’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-talbiet ta’ annullament u ta’ kumpens minħabba li r-rikorrent ma kienx wera li l-Parlament kien wettaq żball manifest fl-interpretazzjoni tiegħu tal-liġi Franċiża (punt 43). Għall-kuntrarju, permezz tas-sentenza tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2002, AICS vs Il-Parlament, iċċitata iktar’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li t-tribunal correctionnel ta’ Strasbourg kien, sadanittant, ta sentenza fis-7 ta’ April 2000, li fiha kien iddeċieda li l-leġiżlazzjoni Franċiża kienet tipprekludi l-interpretazzjoni tal-Parlament (punti 65 sa 71 tas-sentenza). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt, filwaqt li ċaħdet it-talba għal kumpens minħabba nuqqas ta’ prova tad-dannu allegat (punt 79).
67 Sussidjarjament, għandu jiġi meqjus li l-Artikolu 138 tal-KPE jipprovdi li privattiva Ewropea tista’ tiġi ddikjarata invalida, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Kontraenti u b’effett fit-territorju ta’ dan l-Istat, u li l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 jagħti ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam ta’ validità ta’ privattivi lill-qrati ta’ l-Istat li fit-territorju tiegħu tkun saret ir-reġistrazzjoni tal-privattiva, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din l-esklużività tapplika rrispettivament mill-kuntest proċedurali li fih titqajjem il-kwistjoni tal-validità, kemm jekk permezz ta’ azzjoni, kemm jekk permezz ta’ eċċezzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 Lulju 2006, GAT, C-4/03, Ġabra p. I-6509, punt 25).
68 Il-kwistjoni tal-validità tal-privattiva hija, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, deċiżiva fil-kuntest ta’ l-azzjoni għal ksur, peress li l-persuna akkużata bil-ksur tista’ tqajjem indirettament l-invalidament tal-privattiva bil-għan li tippriva, b’mod retroattiv, lill-propjetarju tal-privattiva mid-dritt li huwa jinvoka, bil-konsegwenza li l-proċeduri għal ksur istitwiti kontrih jiġu miċħuda. Dan huwa, barra minn hekk, il-każ fil-kawża preżenti, peress li l-BĊE diġà ressaq azzjonijiet għal invalidament quddiem il-qrati ta’ l-Istati kkonċernati kollha kontra l-privattiva in kwistjoni.
69 Dan il-fatt jimplika li l-privattivi li l-ksur tagħhom jikkostitwixxi l-att li bih qiegħed jiġi akkużat il-BĊE jistgħu jkunu invalidi, u għaldaqstant, ineżistenti. Fil-każ preżenti, dan mhuwiex riskju ipotetiku, peress li, b’sentenza tas-26 ta’ Marzu 2007, il-High Court of Justice ddeċidiet li l-privattiva in kwistjoni ma kinitx valida fit-territorju tagħha.
70 Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tqiegħed f’dubju l-legalità ta’ dritt nazzjonali ta’ proprjetà industrijali mingħajr ma tippreġudika l-prinċipju ta’ kooperazzoni leali li għandu jirregola r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji u li, skond ġurisprudenza kostanti, mhux biss jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex tiġi garantita l-applikazzjoni u l-effettività tad-dritt Komunitarju, imma jimponi wkoll fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji obbligi reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali ma’ l-Istati Membri (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et C-2/88, Ġabra p. I-3365, punt 17, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ottubru 2003, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C-339/00, Ġabra p. I-11757, punti 71 u 72).
71 Fid-dawl ta’ dak li għadu kif intqal, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisdizzjoni biex tiġi kkonstatata l-eżistenza tal-ksur ta’ privattiva nazzjonali taqa’ taħt il-qrati nazzjonali u mhux taħt il-Qorti tal-Prim’Istanza. Għaldaqstant, l-azzjoni għal ksur għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
72 Din il-konkluzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument tar-rikorrenti li hija mhijiex obbligata li teżawrixxi r-rimedji nazzjonali qabel ma tressaq rikors għad-danni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li f’dan il-każ mhuwiex allegat li Stat Membru huwa konġuntament responsabbli għall-ksur. Hija ssostni wkoll li l-fatt li jiġu istitwiti proċeduri simultanjament quddiem il-qrati nazzjonali ta’ diversi Stati Membri jista’ jwassal għal kumplikazzjonijiet u għal dewmien mhux ġustifikat.
73 L-ewwel nett, il-ħtieġa li r-rikorrenti tinstitwixxi proċeduri legali simultanji quddiem il-qrati nazzjonali sabiex tinforza d-drittijiet tagħha ma jirriżultax mir-responsabbiltà konġunta ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri fil-ksur allegat, imma, biss, mill-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddetermina jekk il-BĊE kisirx privattiva nazzjonali.
74 It-tieni nett, il-kumplikazzjonijiet u d-dewmien li tista’ ssofri r-rikorrenti minħabba n-neċessità li jiġu istitwiti proċeduri paralleli sabiex issostni d-drittijiet tagħha huma biss il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ privattiva fil-livell Komunitarju u din is-sitwazzjoni hija komuni għall-propjetarji kollha ta’ invenzjoni protetta minn diversi privattivi nazzjonali fil-Komunità.
75 Finalment, fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li r-rikors għad-danni kontra l-BĊE quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jista’ jiġi preskritt sakemm tistenna d-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali kompetenti, għandu jingħad li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità ma jistax jibda jiddekorri qabel ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li għalihom huwa suġġett l-obbligu ta’ kumpens (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 1982, Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, Ġabra p. 85, punt 10, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2002, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, C-136/01 P, Ġabra p. I-6565, punt 30.). Fil-kawża preżenti, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ l-azzjoni għal responsabbiltà tar-rikorrenti kontra l-Komunità jista’ jibda jiddekorri biss mill-mument li fih hija tkun kisbet konstatazzjoni mill-qrati nazzjonali kompetenti ta’ l-eżistenza tal-ksur li bih hija takkuża lill-BĊE.
Fuq ir-rikors għad-danni
76 Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, skond dak li ssostni r-rikorrenti, hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors għad-danni bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE meħuda flimkien, li jagħtu lill-qorti Komunitarja l-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi l-kwistjonijiet dwar il-kumpens mill-Komunità għad-danni kkaġunati fil-kuntest ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji. It-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE jipprovdi li l-Komunità għandha tagħmel tajjeb għad-danni kkaġunati mill-BĊE.
77 Il-BĊE qajjem ukoll eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà dwar it-talba għal kumpens. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkusidra li din it-talba għandha tiġi miċħuda bħala infondata fid-dritt.
78 F’dan ir-rigward, il-BĊE isostni li, skond ġurisprudenza stabbilita, dritt għal kumpens huwa rikonoxxut meta tliet kundizzjonijet huma sodisfatti, jiġifieri: il-ksur mill-istituzzjoni kkonċernata ta’ regola ta’ dritt li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur imwettaq u d-dannu kkawżat. Il-BĊE jżid li, jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet mhijiex sodisfatta, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiċħad ir-rikors fit-totalità tiegħu mingħajr ma teżamina jekk il-kundizzjonijet l-oħra humiex sodisfatti.
79 Skond l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura, meta rikors huwa manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, mingħajr ma tkompli l-proċeduri, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkusidra li hija għandha biżżejjed informazzjoni mid-dokumenti tal-proċess u tiddeċiedi, b’applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, li ma tkomplix il-proċeduri.
80 Għandu jiġi mfakkar li biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, għal aġir illegali ta’ l-organi tagħha, diversi kundizzjonijiet għandhom ikunu sodisfatti, jiġifieri, l-illegalità ta’ l-aġir li bih qegħdin jiġu akkużati l-istituzzjonijiet, ir-realità tad-dannu, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs Il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II-729, punt 44, u tas-16 ta’ Ottubru 1996, Efisol vs Il-Kummissjoni, T-336/94, Ġabra p. II-1343, punt 30).
81 Fil-kawża preżenti, l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa, jiġifieri l-illegalità ta’ l-aġir li bih qiegħed jiġi akkużat il-BĊE, li jikkonsisti fil-ksur tal-privattiva in kwistjoni, ma ġietx stabbilita. Fil-fatt, hekk kif diġà ġie deċiż, l-eżistenza tal-ksur għandha tiġi kkonstatata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova f’dan ir-rigward, imma, għall-kuntrarju, talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tagħmel tali konstatazzjoni hija stess. Issa, huwa biss abbażi ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali komptetenti li tikkonstata l-eżistenza tal-ksur mill-BĊE li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun fil-pożizzjoni li tiddeċiedi jekk l-imsemmi ksur jistax jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità.
82 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors għad-danni huwa manifestament infondat fid-dritt u, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
83 Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tigi kkundannata tbati l-ispejjez, kif mitlub mill-BĊE.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)
tordna:
1) L-azzjoni għal ksur ta’ privattivi hija miċħuda bħala inammissibbli.
2) Ir-rikors għad-danni huwa miċħud.
3) Document Security Systems, Inc. għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Mogħti fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Settembru 2007.
E. Coulon
J. D. Cooke
Reġistratur
President
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy