9.5.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 116/3
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-13 ta' Marzu 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Finanzgericht Hamburg — Il-Ġermanja) — Viamex Agrar Handels GmbH vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas
(Kawża C-96/06) (1)
(“Regolament (KE) Nru 615/98 - Direttiva 91/628/KEE - Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni - Rifjut - Ksur tad-Direttiva 91/628/KEE - Benesseri ta' l-annimali milquta - Oneru tal-prova - Nuqqas ta' elementi ta' prova’)
(2008/C 116/05)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Finanzgericht Hamburg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Viamex Agrar Handels GmbH
Konvenuta: Hauptzollamt Hamburg-Jonas
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Finanzgericht Hamburg — Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 615/98, tat-18 ta' Marzu 1998, li jistabbilixxi regoli partikolari għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni f'dak li jikkonċerna l-ġid ta' l-annimali ħajjin ta' l-ispeċi ta' l-ifrat waqt it-trasport (ĠU L 82, p. 19) — Possibbiltà li l-awtorita' kompetenti tirrifjuta l-konċessjoni ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni meta hija tqis li “fid-dawl ta' […] kull element ieħor li għandha għad-dispożizzjoni tagħha”, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta' Novembru 1991, dwar il-protezzjoni ta' l-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE (ĠU L 340 p. 17) ma ġewx irrispettati — Oneru tal-prova — Rifjut ta' rifużjonijiet minħabba l-użu ta' bastiment irreġistrat fuq lista ta' bastimenti li ma jissodisfawx l-eżiġenzi tad-Direttiva 91/628/KEE (“black list”), fin-nuqqas ta' provi li jippermettu li jiġi konkluż li l-benesseri ta' l-annimali ġie effettivament ippreġudikat
Dispożittiv
1)
Minkejja d-dokumenti ppreżentati mill-esportatur skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 615/98, tat-18 ta' Marzu 1998, li jistabbilixxi regoli ddettaljati speċifiċi ta' applikazzjoni tas-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward tal-benesseri ta' annimali ta' l-ifrat ħajjin matul it-trasport, l-awtorità kompetenti tista' tikkunsidra li d-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta' Novembru 1991, dwar il-protezzjoni ta' l-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad-29 ta' Ġunju 1995, ma ġietx osservata skond l-Artikolu 5(3) ta' l-imsemmi Regolament. Madankollu, l-awtorità kompetenti tista' tasal għal din il-konklużjoni biss billi tibbaża ruħha fuq id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 615/98, fuq ir-rapporti, msemmija fl-Artikolu 4 ta' l-istess Regolament, dwar is-saħħa ta' l-annimali jew fuq kull element oġġettiv ieħor li jaffetwa l-benesseri ta' l-annimali msemmija u li huma ta' natura tali li jikkontestaw id-dokumenti ppreżentati mill-esportatur, u jekk ikun il-każ, huwa l-esportatur li għandu l-oneru li jipprova b'liema mod l-elementi ta' prova li l-awtorità kompetenti tinvoka sabiex turi li d-Direttiva 91/628 ma ġietx osservata, mhumiex rilevanti.
2)
Skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, l-awtorità kompetenti tista' tirrifjuta r-rifużjoni fuq l-esportazzjoni minħabba n-nuqqas ta' osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, kif emendata mid-Direttiva 95/29, li jirrigwardaw is-saħħa ta' l-annimali, minkejja li l-ebda element ta' prova ma jkun jippermetti li jiġi kkonstatat li l-benesseri ta' l-annimali ttrasportati kien konkretament affetwat.
(1) ĠU C 96, 22.4.2006.
Full & Egal Universal Law Academy