5.7.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 171/4
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) ta' l-20 ta' Mejju 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Hoge Raad der Nederlanden — L-Olanda) — Staatssecretaris van Financiën vs Orange European Smallcap Fund N. V.
(Kawża C-194/06) (1)
(Artikoli 56 KE sa 58 KE - Moviment liberu tal-kapital - Tassazzjoni ta' dividendi - Dritt ta' tpaċija konċess lil impriża ta' investiment kollettiv ta' natura fiskali minħabba taxxa mnaqqsa f'ras il-għajn minn Stat ieħor fuq id-dividendi riċevuti minn din l-impriża - Limitazzjoni ta' din it-tpaċija sa l-ammont li azzjonist residenti fl-Istat Membru fejn hija stabbilita din l-impriża li jkun għamel investiment mingħajr l-intervent ta' tali impriża jista' jimputa lit-taxxa fuq id-dħul skond ftehim kontra t-tassazzjoni doppja - Limitazzjoni ta' din it-tpaċija skond is-sehem ta' azzjonisti li mhumiex residenti fil-kapital ta' din l-impriża)
(2008/C 171/05)
Lingwa tal-kawża: L-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hoge Raad der Nederlanden
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Staatssecretaris van Financiën
Konvenuti: Orange European Smallcap Fund N. V.
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Hoge Raad der Nederlanden — Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 56 KE, l-Artikolu 57(1) KE u l-Artikolu 58(1) KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti kreditu ta' taxxa lil kumpannija ta' investiment minħabba l-ġbir, minn Stat Membru ieħor, ta' taxxa f'ras il-għajn fuq id-dividendi — Limitazzjoni f'każ ta' azzjonisti li mhumiex residenti fl-Olanda jew li mhumiex suġġetti għat-taxxa Olandiża fuq il-kumpanniji
Dispożittiv
1)
L-Artikoli 56 KE u 58 KE ma jipprojbixxux leġiżlazzjoni ta' Stat Membru bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li, filwaqt li tipprovdi, favur impriżi ta' investiment kollettiv ta' natura fiskali stabbiliti fuq it-territorju ta' dan l-Istat Membru, għal tpaċija intiża sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni t-taxxa mnaqqsa f'ras il-għajn minn Stat Membru ieħor fuq id-dividendi mħallsa lil dawn l-impriżi, tirrestrinġi din it-tpaċija għall-ammont li persuna fiżika residenti fuq it-territorju ta' dan l-ewwel Stat Membru setgħet timputa, minħabba tnaqqis simili, permezz ta' ftehim kontra t-tassazzjoni doppja konkluż ma dan l-Istat Membru l-ieħor.
2)
L-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprojbixxu leġiżlazzjoni ta' Stat Membru bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li, filwaqt li tipprovdi, favur impriżi ta' investiment kollettiv ta' natura fiskali stabbiliti fuq it-territorju ta' dan l-Istat Membru, għal tpaċija intiża sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni t-taxxa mnaqqsa f'ras il-għajn minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz fuq id-dividendi mħallsa lil din l-impriża, tnaqqas dan l-ammont tat-tpaċija jekk u safejn ix-shareholding tagħha huwa kkostitwit minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jew f'pajjiżi terzi, peress li tali tnaqqis joħloq żvantaġġ b'mod indistint lill-azzjonisti kollha ta' l-impriżi msemmija.
F'dan ir-rigward, mhuwiex rilevanti l-fatt li l-azzjonisti barranin ta' impriża ta' investiment kollettiv ta' natura fiskali huma residenti jew stabbiliti fi Stat li miegħu l-Istat Membru fejn hija stabbilita din l-impriża kkonkluda ftehim li jipprovdi, fuq bażi ta' reċiproċità, għall-imputazzjoni tat-taxxa mnaqqsa f'ras il-għajn fuq id-dividendi.
3)
Restrizzjoni taqa' taħt l-Artikolu 57(1) KE bħala restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital li tolqot investimenti diretti meta hija tkun tirrigwarda l-investimenti ta' kull tip li jsiru mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li jservu sabiex jinħolqu jew jinżammu relazzjonijiet fit-tul u diretti bejn min qed jiffinanzja u l-impriża li għaliha huma ddestinati dawn il-fondi sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika.
(1) ĠU C 178, 29.7.2006.
Full & Egal Universal Law Academy