18.4.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 90/2
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Frar 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (Il-Ġermanja)) – Mehmet Soysal, Ibrahim Savatli vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
(Kawża C-228/06) (1)
(Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Obbligu ta’ pussess ta’ viża għad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru)
2009/C 90/02
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Mehmet Soysal, Ibrahim Savatli
Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Fil-preżenza ta’: Bundesagentur für Arbeit
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari – Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg – Interpretazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, tat-23 ta’ Novembru 1970, anness mal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (ĠU L 293, p.4) – Validità tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, p.1) – Restrizzjonijiet ġodda għall-provvista libera ta’ servizzi – Obbligu, għal ċittadin Tork impjegat bħala xufier ta’ vetturi ta’ merkanzija tqila minn impriża ta’ trasport Torka, li jkollu viża sabiex ikun jista’ jidħol f’territorju ta’ Stat Membru, meta dan l-obbligu ma kienx jeżisti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali.
Dispożittiv
L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fi Brussell fit-23 ta’ Novembru 1970 u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-introduzzjoni, mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, tal-ħtieġa ta’ viża sabiex ċittadini Torok, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ikunu jistgħu jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru sabiex jipprovdu fih servizzi f’isem impriża stabbilita fit-Turkija, meta, f’dik id-data, tali viża ma kinitx meħtieġa.
(1) ĠU C 190, 12.8.2006.
Full & Egal Universal Law Academy