23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/16
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-13 ta' Diċembru 2007 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d'État — il-Belġju) — United Pan-Europe Communications Belgium SA, Coditel Brabant SPRL, Société Intercommunale pour la Diffusion de la Télévision (Brutele), Wolu TV ASBL vs L-Istat Belġjan
(Kawża C-250/06) (1)
(Artikolu 49 KE - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Liġi nazzjonali li tipprovdi għall-obbligu li operaturi ta' netwerks ta' distribuzzjoni bil-kejbil jittrażmettu programmi minn xandara privati (“must carry’) - Restrizzjoni - Raġuni imperattiva ta' interess ġenerali - Żamma tal-pluraliżmu f'reġjun bilingwali)
(2008/C 51/26)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d'État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: United Pan-Europe Communications Belgium SA, Coditel Brabant SPRL, Société Intercommunale pour la Diffusion de la Télévision (Brutele), Wolu TV ASBL
Konvenut: L-Istat Belġjan
Fil-preżenza ta': BeTV SA, Tvi SA, Télé Bruxelles ASBL, Belgian Business Television SA, Media ad Infinitum SA, TV5-Monde
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Conseil d'État (il-Belġju) — Interpretazzjoni ta' l-Artikoli 49 u 86 tat-Trattat KE — Kunċett ta' “dritt speċjali” — Obbligu impost fuq il-kumpanniji li jiddistribwixxu programmi tat-televiżjoni bil-kejbil, sabiex jiddistribwixxu l-programmi ta' ċerti xandara stabbiliti fil-biċċa l-kbira fit-territorju nazzjonali
Dispożittiv
L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix liġi ta' Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, milli timponi fuq l-operaturi tal-kejbil li huma attivi fuq it-territorju kkonċernat ta' dan l-Istat milli jittrażmettu, skond obbligu ta' trażmissjoni magħruf bħala “must carry”, programmi minn xandara privati li jaqgħu taħt poteri pubbliċi ta' dan l-Istat li ġew stabbiliti minn dawn ta' l-aħħar, peress illi din il-liġi:
—
tfittex għan ta' interess ġenerali, bħaż-żamma, skond il-politika kulturali ta' dan l-istess Stat Membru, tal-karattru pluralista ta' l-għażla tal-programmi tat-televiżjoni f'dan it-territorju, u
—
mhijiex sproporzjonata meta mqabbla ma' dan l-għan, li jimplika li l-metodi ta' applikazzjoni tagħha għandhom jirriżultaw minn proċedura trasparenti bbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u magħrufa minn qabel.
Huwa għall-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti.
(1) ĠU C 212, 2.9.2006.
Full & Egal Universal Law Academy