26.4.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 107/2
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-28 ta' Frar 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Corte suprema di cassazione — l-Italja) — Carboni e derivati Srl vs Ministero dell'Economia e delle Finanze, Riunione Adriatica di Sicurtà SpA
(Kawża C-263/06) (1)
(Politika kummerċjali komuni - Protezzjoni kontra l-prattiċi ta' dumping - Dazju kontra d-dumping - Ħadid hematite mhux maħdum li joriġina mir-Russja - Deċiżjoni Nru 67/94/KEFA - Determinazzjoni tal-valur doganali għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dazju varjabbli kontra d-dumping - Valur tat-tranżazzjoni - Bejgħ suċċessiv bi prezzijiet differenti - Possibbiltà għall-awtorità doganali li tieħu in kunsiderazzjoni l-prezz indikat f'bejgħ ta' merkanzija li sar qabel dak li abbażi tiegħu saret id-dikjarazzjoni doganali)
(2008/C 107/03)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Qorti tar-rinviju
Corte suprema di cassazione
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Carboni e derivati Srl
Konvenut: Ministero dell'Economia e delle Finanze, Riunione Adriatica di Sicurtà SpA
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Corte suprema di cassazione — Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 147 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-disposizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, p. 1), kif emendat mir-Regolament Nru 1762/95 — Bażi ta' kalkolu sabiex tiġi ddeterminata l-applikazzjoni tad-dazju kontra d-dumping — Possibbiltà għall-awtorità doganali li tikkunsidra l-prezz ta' bejgħ tal-merkanzija li sar qabel dak li fuqu d-dikjarazzjoni tad-dwana kienet ġiet ibbażata — Ħadid hematite mhux maħdum li joriġina mir-Russja
Dispożittiv
Skond l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 67/94/KEFA, tat-12 ta' Jannar 1994, li timponi dazju provviżorju kontra d-dumping fuq importazzjonijiet fil-Komunità ta' ħadid hematite mhux maħdum, li joriġina mill-Brażil, mill-Polonja, mir-Russja u mill-Ukrajna, l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jiddeterminaw il-valur doganali għall-applikazzjoni tad-dazju kontra d-dumping stabbilit mill-imsemmija Deċiżjoni fuq il-bażi tal-prezz stabbilit għall-merkanzija kkonċernata fil-kuntest ta' bejgħ li sar qabel dak li għalih saret id-dikjarazzjoni doganali meta l-prezz iddikjarat jikkorrispondi għall-prezz effettivament imħallas jew dovut mill-importatur.
Meta l-awtoritajiet doganali għandhom dubji raġonevoli dwar il-veracità tal-valur iddikjarat, jekk dawn id-dubji huma kkonfermati wara li jkunu talbu informazzjoni supplementari u wara li jkunu taw lill-persuna kkonċernata opportunità raġonevoli sabiex tagħti l-opinjoni tagħha fir-rigward tar-raġunijiet li abbażi tagħhom huma fondati l-imsemmija dubji, mingħajr ma kien possibbli li jiġi stabbilit il-prezz veru mħallas jew dovut, huma jistgħu, skond l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, jikkalkolaw il-valur doganali għall-applikazzjoni tad-dazju kontra d-dumping, stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 67/94 b'referenza għall-prezz li ġie miftiehem għall-merkanzija kkonċernata fil-kuntest tal-bejgħ li sar qabel l-eqreb għal dak li għalih saret id-dikjarazzjoni doganali, u li fir-rigward tiegħu huma ma jkollhom ebda raġuni oġġettiva li jiddubitaw il-veraċità.
(1) ĠU C 224, 16.9.2006.
Full & Egal Universal Law Academy