26.4.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 107/3
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta' Marzu 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgericht Köln — Il- Ġermanja) — Deutsche Post AG (C-287/06, C-288/06 u C-291/06), Magdeburger Dienstleistungs-und Verwaltungs GmbH (MDG) (C-289/06), Marketing Service Magdeburg GmbH (C-290/06), Vedat Deniz (C-292/06) vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
(Kawżi magħquda C-287/06 sa C-292/06) (1)
(Servizzi postali - Direttiva 97/67/KE - Qasam riżervat għal provditur ta' servizz postali universali - Tariffi speċjali għad-depożitu minn klijenti kummerċjali, f'punti stabbiliti tan-network postali, ta' kwantitajiet minimi ta' posta ssortjata minn qabel - Rifjut ta' dawn it-tariffi lill-intermedjarji li jiġbru flimkien, għal għanijiet kummerċjali u f'isimhom, il-posta ta' diversi mittenti)
(2008/C 107/04)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgericht Köln
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Deutsche Post AG (C-287/06, C-288/06 u C-291/06), Magdeburger Dienstleistungs- und Verwaltungs GmbH (MDG) (C-289/06), Marketing Service Magdeburg GmbH (C-290/06), Vedat Deniz (C-292/06)
Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Fil-preżenza ta': Marketing Service Magdeburg GmbH (C-287/06), Citipost Gesellschaft für Kurier- und Postdienstleistungen mbH (C-288/06), Deutsche Post AG (C-289/06, C-290/06 u C-292/06), Magdeburger Dienstleistungs- und Verwaltungs GmbH (MDG) (C 291/06),
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Verwaltungsgericht Köln — Interpretazzjoni ta' l-Artikoli 47(2) u 95 tat-Trattat KE, kif ukoll tal-ħames inċiż ta' l-Artikolu 12 u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta' Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 1998, p. 14), kif emendata bid-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' l-10 ta' Ġunju 2002, li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 176, p. 21) — Obbligu għal provditur ta' servizz postali universali li joffri tariffi speċjali, applikabbli għall-klijenti kummerċjali li jittrasportaw huma stess posta ssortjata minn qabel liċ-ċentri postali ta' tluq, bl-istess mod għal provditur kummerċjali ta' servizzi postali li jiġbru l-posta mingħand il-mittenti sabiex wara, fuq inizjattiva tal-klijenti kummerċjali, jissortjahom u jikkonsenjahom lil ċentru ta' tluq
Dispożittiv
Il-ħames inċiż ta' l-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta' Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/39/KE, ta' l-10 ta' Ġunju 2002, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li l-impriżi li jiġbru fi gruppi, għal għanijiet kummerċjali u f'isimhom, il-posta ta' diversi mittenti jiġu miċħuda l-benefiċċju tat-tariffi speċjali li l-provditur nazzjonali tas-servizz postali universali jagħti, fil-qasam tal-liċenzja esklużiva tiegħu, lil klijenti professjonali għad-depożitu fiċ-ċentri postali tagħha ta' kwantitajiet minimi ta' posta ssortjata minn qabel.
(1) ĠU C 261, 28.10.2006.
Full & Egal Universal Law Academy