26.1.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 22/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta' Diċembru 2007 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht — Il-Ġermanja) — Ursula Voß vs Land Berlin
(Kawża C-300/06) (1)
(Artikolu 141 KE - Prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa - Uffiċjali pubbliċi - Xogħol matul sigħat supplimentari - Diskriminazzjoni indiretta kontra ħaddiema nisa impjegati part time)
(2008/C 22/16)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesverwaltungsgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Ursula Voß
Konvenut: Land Berlin
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) — Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 141 tat-Trattat KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi, kemm fir-rigward tal-ħaddiema full time kif ukoll fir-rigward ta' dawk part time, tnaqqis fir-remunerazzjoni għas-sigħat supplimentari meta mqabbla ma' dik imħallsa għall-ħin normali tax-xogħol — Remunerazzjoni ta' għalliem, li huwa uffiċjal pubbliku u li jaħdem part time, u li barra minn hekk jaħdem sigħat supplementari, li hija inqas minn dik imħallsa għall-istess numru ta' sigħat ta' xogħol fil-kuntest ta' impjieg full time — Diskriminazzjoni indiretta kontra ħaddiema nisa
Dispożittiv
Konsegwentement, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 141 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tar-remunerazzjoni ta' l-uffiċjali pubbliċi li, minn naħa, tiddefinixxi s-sigħat supplimentari maħduma kemm mill-uffiċjali pubbliċi impjegati full time kif ukoll minn dawk impjegati part time bħala sigħat li huma jaħdmu iktar mill-ħin normali tax-xogħol tagħhom u li, min-naħa l-oħra, tipprovdi li r-remunerazzjoni għal dawn is-sigħat għandha tkun skond rata inqas mir-rata fis-siegħa applikata għas-sigħat maħduma sal-limitu tal-ħin normali tax-xogħol ta' individwu, b'mod li l-uffiċjali pubbliċi part time huma mħallsa inqas tajjeb mill-uffiċjali pubbliċi full time għal dak li jikkonċerna s-sigħat li jaħdmu iktar mill-ħin normali tax-xogħol tagħhom u sal-limitu ta' sigħat li huwa obbligat jaħdem uffiċjal pubbliku full time fil-ħin normali tax-xogħol tiegħu, fil-każ li:
—
fost il-ħaddiema kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni in kwistjoni, huwa affettwat perċentwali kunsiderevolment ikbar ta' ħaddiema nisa milli rġiel;
u
—
id-differenza fit-trattament mhijiex iġġustifikata minn fatturi oġġettivi li mhumiex relatati ma' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.
(1) ĠU C 96 tat-22.4.2006.
Full & Egal Universal Law Academy