15.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 209/4
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta' Ġunju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu
(Kawża C-319/06) (1)
(Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Kollokament ta' ħaddiema - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Direttiva 96/71/KE - Dispożizzjonijiet ta' ordni pubbliku - Mistrieħ fil-ġimgħa - Obbligu ta' preżentazzjoni tad-dokumenti dwar kollokament fuq sempliċi talba mill-awtoritajiet nazzjonali - Obbligu li jiġi appuntat mandatarju ad hoc residenti fil-Lussemburgu u li jikkonserva d-dokumenti neċessarji kollha għall-finijiet ta' kontroll)
(2008/C 209/06)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [rappreżentanti: J. Enegren u G. Rozet, aġenti]
Konvenut: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu [rappreżentant: C. Schiltz, aġent]
Suġġett
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu — Ksur ta' l-Artikoli 49 KE u 50 KE u traspożizzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 3(1) u (10) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU 1997, L 18, p. 1) — Obbligu li jkun hemm mandatarju ad hoc residenti fil-Lussemburgu li jikkonserva d-dokumenti neċessarji kollha għall-finijiet ta' kontroll — Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta' xogħol u ta' impjieg li kultant jeċċedu u kultant ma jilħqux ir-rekwiżiti tad-Direttiva.
Dispożittiv
1)
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu,
—
billi ddikjara li d-dispożizzjonijiet tal-punti 1, 2, 8 u 11 ta' l-Artikolu 1(1) tal-liġi ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi u fuq il-kontroll ta' l-applikazzjoni tad-dritt tax-xogħol, jikkostitwixxu dispożizzjonijiet obbligatorji li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku nazzjonali;
—
billi ttraspona b'mod mhux komplut id-dispożiżżjonijiet tas-subparagrafu (a) ta' l-ewwel subparagrafu ta' Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi;
—
billi, fl-Artikolu 7(1) ta' din il-liġi ta' l-20 ta' Diċembru 2002, stabbilixxa l-kundizzjonijiet dwar l-aċċess għall-indikazzjonijiet essenzjali indispensabbli għal kontroll mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b'mod li huma neqsin miċ-ċarezza meħtieġa sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali ta' l-impriżi li jixtiequ jikkollokaw ħaddiema fil-Lussemburgu, u
—
billi fl-Artikolu 8 ta' din il-liġi ordna li fil-Lussemburgu għandhom jiġu kkonservati d-dokumenti meħtieġa għall-kontroll f'idejn mandatarju ad hoc li jkun residenti hemmhekk,
naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, moqri flimkien mal-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu, kif ukoll taħt l-Artikoli 49 KE u 50 KE.
2)
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa kkundannat għall-ispejjeż.
(1) ĠU C 224, 16.9.2006.
Full & Egal Universal Law Academy