23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/20
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta' Diċembru 2007 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal administratif de Lyon — Franza — Cedilac SA vs Ministère de l'Économie, des Finances et de l'Industrie
(Kawża C-368/06) (1)
(Sitt Direttiva VAT - Dritt għal tnaqqis - Prinċipji ta' tnaqqis immedjat u ta' newtralità fiskali - VAT żejda mmexxija 'l quddiem għall-perijodu li jmiss jew imħallsa lura - Regola ta' dewmien ta' xahar - Dispożizzjonijiet tranżitorji - Żamma ta' l-eżenzjoni)
(2008/C 51/32)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Tribunal administratif de Lyon
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Cedilac SA
Konvenut: Ministère de l'Économie, des Finances et de l'Industrie
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunal administratif de Lyon — Interpretazzjoni ta' l-Artikoli 17 u 18(4) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1) — Kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt li titnaqqas il-VAT imposta fuq il-prezz ta' tranżazzjoni taxxabli meta l-ammont tat-tnaqqis awtorizzat jeċċedi l-ammont tat-taxxa dovuta għal perijodu partikolari — Tmexxija 'l quddiem ta' l-ammont żejjed għall-perijodu li jmiss jew ħlas lura
Dispożittiv
L-Artikoli 17 u 18(4) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux miżura nazzjonali, bħad-dispożizzjoni tranżitorja prevista bil-Liġi Nru 93-859, tat-22 ta' Ġunju 1993, dwar il-Liġi Finanzjarja ta' rettifika għall-1993, li hija intiża sabiex takkompanja t-tħassir ta' dispożizzjoni nazzjonali ta' deroga awtorizzata bl-Artikolu 28(3)(d) ta' l-istess Direttiva, sakemm ikun ġie vverifikat mill-qorti nazzjonali li, fl-applikazzjoni tagħha għall-każ in kwistjoni, din il-miżura tirriduċi l-effetti ta' l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali ta' deroga.
(1) ĠU C 281, 18.11.2006.
Full & Egal Universal Law Academy