23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/21
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-13 ta' Diċembru 2007 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Finanzgericht Düsseldorf — Il-Ġermanja) — BATIG Gesellschaft für Beteiligungen mbH vs Hauptzollamt Bielefeld
(Kawża C-374/06) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Dispożizzjonijiet fiskali - Armonizzazzjoni tal-liġijiet - Direttiva 92/12/KEE - Prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa - Marki fiskali - Tluq irregolari minn arranġament ta' sospensjoni - Serq - Rilaxx għall-konsum fl-Istat Membru li fih saret is-serqa - Nuqqas ta' ħlas lura tal-marki fiskali ta' Stat Membru ieħor li diġà twaħħlu fuq il-prodotti misruqa)
(2008/C 51/34)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Finanzgericht Düsseldorf
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: BATIG Gesellschaft für Beteiligungen mbH
Konvenut: Haupzollamt Bielefeld
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Finanzgericht Düsseldorf — Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta' Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta' dan it-tip ta' prodotti (ĠU L 76, p. 1) — Rifjut ta' Stat Membru li jħallas lura l-ammont imħallas għall-ksib ta' marki fiskali mwaħħla fuq il-prodotti tat-tabakk li sussegwentement telqu, b'mod irregolari, mill-arranġament ta' sospensjoni fit-territorju ta' Stat Membru ieħor bil-konsegwenza li l-ħlas tad-dazji tas-sisa sar f'dan l-Istat Membru l-ieħor — Serq ta' sigarretti
Dispożittiv
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta' Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta' dan it-tip ta' prodotti, kif emendata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 807/2003 ta' l-14 ta' April 2003 li jaddatta, għad-Deċiżjoni 1999/468/KE, id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-kumitati li jassistu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' implementazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti tal-Kunsill adottati skond il-proċedura ta' konsultazzjoni (unanimità), ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li teskludi l-ħlas lura ta' l-ammont imħallas għax-xiri ta' marki fiskali maħruġa minn dan l-Istat Membru meta dawn il-marki jkunu ġew imwaħħla fuq prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa qabel ir-rilaxx tagħhom għall-konsum fl-imsemmi Stat Membru, meta dawn il-prodotti jkunu ġew misruqa fi Stat Membru ieħor, liema fatt ta lok għall-ħlas tad-dazji tas-sisa f'dan l-Istat Membru l-ieħor, u meta ma nġabitx il-prova li l-prodotti misruqa mhumiex sejrin jinbiegħu fl-Istat Membru li ħareġ l-imsemmija marki.
(1) ĠU C 326, 30.12.2006.
Full & Egal Universal Law Academy