9.5.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 116/7
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-13 ta' Marzu 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Niedersächsisches Finanzgericht, il-Ġermanja) — Securenta Göttinger Immobilienanlagen und Vermögensmanagement AG vs Finanzamt Göttingen
(Kawża C-437/06) (1)
(Sitt Direttiva tal-VAT - Persuna taxxabbli li twettaq kemm attivitajiet ekonomiċi, intaxxati jew eżentati, u kemm attivitajiet mhux ekonomiċi - Dritt għal tnaqqis tal-VAT ta' l-input - Spejjeż marbuta mal-ħruġ ta' azzjonijiet u ta' ishma atipiċi - Tqassim tal-VAT ta' l-input skond in-natura ekonomika ta' l-attività - Kalkolu tal-proporzjon imnaqqas)
(2008/C 116/11)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Niedersächsisches Finanzgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Securenta Göttingen Immobilienanlagen und Vermogensmanagement AG
Konvenut: Finanzamt Göttingen
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Niedersächsisches Finanzgericht — Interpretazzjoni ta' l-Artikoli 2(1) u 17(5) tad-Direttiva 77/388/KEE: Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1) — Ħruġ ta' azzjonijiet u ta' ishma taċiti minn kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata minħabba żieda fil-kapital — Servizz imwettaq bi ħlas fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva — Tnaqqis tal-VAT suġġett għar-relazzjoni diretta u immedjata ma' l-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli — Tnaqqis parzjali fis-sens ta' l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva
Dispożittiv
1)
Meta persuna taxxabbli teżerċita kemm attivitajiet ekonomiċi, intaxxati jew eżentati, u attivitajiet mhux ekonomiċi li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa fir-rigward ta' l-ispejjeż marbuta mal-ħruġ ta' azzjonijiet u ta' ishma taċiti atipiċi huwa ammissibbli biss safejn dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu attribwiti għall-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) ta' din id-direttiva.
2)
Id-determinazzjoni tal-metodi u tal-kriterji ta' tqassim ta' l-ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud ta' l-input bejn attivitajiet ekonomiċi u attivitajiet mhux ekonomiċi fis-sens tas-Sitt Direttiva taqa' fid-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri li, fl-eżerċizzju ta' din id-diskrezzjoni, għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-iskop u l-istruttura ġenerali ta' din id-direttiva u, għal dan il-għan, jipprevedu metodu ta' kalkolu li jirrifletti oġġettivament il-parti ta' allokazzjoni reali ta' l-ispejjeż ta' l-input għal kull waħda minn dawn iż-żewġ attivitajiet.
(1) ĠU C 326, 30.12.2006.
Full & Egal Universal Law Academy