23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/24
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-18 ta' Diċembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-481/06) (1)
(Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Kuntratti Pubbliċi - Ksur ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 93/36/KE - Prinċipji ġenerali tat-Trattat - Prinċipju ta' trattament ugwali u obbligu ta' trasparenza - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jsir użu mill-proċedura negozjata għal kuntratti pubbliċi ta' provvista fir-rigward ta' ċerti materjali għal użi mediċi)
(2008/C 51/38)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [rappreżentanti: M. Patakia u X. Lewis, aġenti]
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika [rappreżentanti: S. Chala u D. Tsagkaraki, aġenti]
Suġġett
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu — Ksur ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, ta' l-14 ta' Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista (ĠU L 199, p. 1) kif ukoll ta' l-obbligu li tiġi ggarantita kompetizzjoni effettiva u ġusta — Dispożizzjoni nazzjonali li tikklassifika f'kategoriji s-sustanzi kollha intiżi għal użu mediku u li tistabbilixxi prezz massimu għal kull kategorija — Dispożizzjoni li tistabbilixxi kuntest regolamentari li jippermetti l-użu tal-proċedura negozjata għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista fir-rigward ta' gruppi sħaħ ta' prodotti ta' dan it-tip, li huma kkaratterizzati mill-impossibbiltà li jsir paragun
Dispożittiv
1)
Billi żammet fis-seħħ l-Artikolu 7(2) tal-liġi 2955/2001 dwar il-“Provvista lil sptarijiet u dipartimenti oħra tas-saħħa ta' l-iskemi reġjonali tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali u dispożizzjonijiet oħra” kif ukoll id-dispożizzjonijiet ta' eżekuzzjoni tad-digrieti ministerjali konġunti DY6a/oik.38611 u DY6a/oik.38609, tat-12 ta' April 2005, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista, kif emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE, tat-13 ta' Settembru 2001, kif ukoll skond il-prinċipji ġenerali tat-Trattat, b'mod partikolari t-trattament ugwali u l-obbligu ta' transparenza.
2)
Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tbati l-ispejjeż.
(1) ĠU C 326, 30.12.2006.
Full & Egal Universal Law Academy