KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fil-15 ta’ Novembru 20071(1)
Kawża C‑96/06
Viamex Agrar Handels GmbH
vs
Hauptzollamt Hamburg-Jonas
talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht ta’ Hamburg (il-Ġermanja)
“Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni – Protezzjoni ta’ l-annimali ta’ l-ifrat waqt it-trasport – Oneru tal-prova – Interpretazzjoni ta’ atti Komunitarji – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
1. B’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti a quo qiegħda essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża r-relazzjoni li għandha tiġi stabbilita bejn dak li hemm fil-paragrafu (3) u dak fil-paragrafu (2) ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 615/98/KE(2) b’referenza għall-prova tat-tħaris tal-kundizzjonijiet magħmulin minn dan ir-Regolament fir-rigward tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.
I – Il-kuntest ġuridiku
2. It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 13(9) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 805/68/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1968, dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella(3), kif emendat mir-Regolament Nru 2634/97/KE(4), jagħmel il-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjonijiet ta’ annimali ħajjin suġġett għat-tħaris tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-benesseri ta’ l-annimali, partikolarment, tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport.
3. Il-metodi ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 805/68 huma speċifikati fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 615/98.
4. L-Artikolu 1 ta’ dan l-aħħar regolament jispeċifika li l-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjonijiet ta’ annimali ta’ l-ifrat ħajjin huwa suġġett, b’mod partikolari, għat-tħaris tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628 (5), waqt it-trasport u sa l-ewwel post ta’ ħatt ta’ annimali f’pajjiż terz tad-destinazzjoni finali.
5. Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 615/98 għandu jkun hemm verifika ta’ l-annimali meta joħorġu mit-territorju tal-Komunità. Il-paragrafu (3) ta’ dan l-Artikolu jistabbilixxi li veterinarju uffiċjali, iddelegat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat li mit-territorju tiegħu joħorġu l-annimali, għandu jivverifika u jiċċertifika a) li l-annimali huma b’saħħithom, skond dak preskritt fid-Direttiva 91/628, biex jagħmlu l-vjaġġ previst, b) li l-mezz tat-trasport li fuqu l-annimali ħajjin jitilqu mit-territorju Komunitarju huwa skond dak stabbilit mid-direttiva msemmija u ċ) li ġew adottati l-miżuri adegwati li jiggarantixxu l-kura ta’ l-annimali matul il-vjaġġ hekk kif stabbiliti mill-istess direttiva.
6. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 615/98 jistabbilixxi li ma’ l-applikazzjonijiet ta’ ħlas dwar ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għandha tinhemeż il-prova tat-tħaris ta’ l-Artikolu 1 ta’ l-istess regolament; huwa jippreċiża li din il-prova hija kkostitwita mid-dokument fl-Artikolu 2(3) tiegħu, jiġifieri ċ-ċertifikat magħmul mill-veterinarju mill-punt tal-ħruġ u, skond il-każ, mir-rapport skond l-Artikolu 3(2), jekk ikun sar bdil fil-mezz tat-trasport.
7. L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 jistabbilixxi dan li ġej:
“Ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma titħallasx għal annimali li jmutu waqt it-trasport jew għal annimali li fil-konfront tagħhom l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw, fid-dawl tad-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 2, ir-rapporti fuq il-verifiki msemmijin fl-Artikolu 4 u/jew kull element ieħor li jkollhom f’idejhom dwar il-konformità ma’ l-Artikolu 1, li d-Direttiva fuq il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport, ma ġietx imħarsa” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
8. Id-Direttiva 91/628 tistabbilixxi l-kriterji li l-Istati Membri għandhom isegwu għall-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport. B’mod partikolari, l-Artikolu 5(1)(b) u (ċ) jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li kull trasportatur juża mezzi li jiggarantixxu t-tħaris tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fir-rigward tal-protezzjoni tal-benesseri ta’ l-annimali, jiġifieri r-regoli fl-Anness tad-direttiva, u li ma jinġarrux jew iġiegħel li jinġarru, annimali f’kundizzjonijiet li ma jiġux esposti għal riskji ta’ ġrieħi jew tbatijiet żejda.
9. Fl-aħħar nett, l-imsemmi anness tad-direttiva jindika d-diversi rekwiżiti li l-mezzi tat-trasport għandu jkollhom biex jiġi evitat li l-annimali jiġu esposti għall-ġrieħi jew tbatija żejda, bħal dawk li jirrigwardaw l-ispazju li jkollhom l-annimali ttrasportati jew il-kundizzjonijiet iġeniċi.
II – Il-fatti, id-domanda preliminari u l-proċediment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
10. F’Marzu 1999 il-kumpannija Viamex Agrar Handels (iktar’il quddiem “Viamex”) iddikjarat lill-Hauptzollamt Emden l-esportazzjoni lejn il-Libanu ta’ 35 annimal ta’ l-ifrat permezz tal-bastiment “Al Hajj Moustafa II”.
11. B’deċiżjoni ta’ l-1 ta’ Frar il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (iktar’il quddiem il-“Hauptzollamt”) ċaħad, abbażi ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, it-talba għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni magħmula minn Viamex, billi deherlu li din il-kumpannija kienet għamlet it-trasport in kwistjoni bi ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward tal-protezzjoni ta’ l-annimali. B’mod partikolari, il-Hauptzollamt sostna li l-annimali in kwistjoni kienu ġew ittrasportati lejn il-Libanu abbord bastiment li, billi ddaħħal fit-28 ta’ Frar 1997 fil-lista s-sewda tal-Kummissjoni, fil-fehma tiegħu kellu jiġi kkunsidrat li ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 91/628 fiż-żmien l-esportazzjoni u għalhekk ma kienx xieraq għat-trasport ta’ annimali ħajjin.
12. Viamex ippreżentat ilment kontra din iċ-ċaħda. Il-Hauptzollamt b’deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2001 ċaħad dan l-ilment.
13. Kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda Viamex appellat quddiem il-Finanzgericht ta’ Hamburg billi sostniet li f’dan il-każ partikolari ma kien hemm l-ebda ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rigward rifużjonijiet, jiġifieri d-Direttiva 91/628, billi ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni Komunitarja fejn bastiment kellu jkun awtorizzat għat-trasport ta’ l-annimali ħajjin; għalhekk ir-rifużjoni ma setgħetx tkun miċħuda għar-raġuni biss li l-bastiment użat għall-esportazzjoni kien fil-lista s-sewda tal-Kummissjoni u, a fortiori, ma setax ikun hekk billi d-dħul f’din l-lista kienet ibbażata fuq spezzjoni magħmula mill-espert tal-Kummissjoni fit-18 u d-19 ta’ Frar 1997, jiġifieri sentejn sħaħ qabel it-trasport in kwistjoni, u billi mat-talba għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ġew mehmużin dawn id-dokumenti li ċċertifikaw ix-xogħlijiet magħmulin fuq il-bastiment:
a) dikjarazzjoni bil-miktub tal-kaptan tal-bastiment bid-data tas-16 ta’ Ottubru 1997 u kkontrofirmata mill-kap tal-veterinarji tal-fruntieri ta’ Koper (is-Slovenja) u
b) perizja tas-settling agent Kähler & Prinz.
14. Min-naħa tiegħu l-Hauptzollamt sostna li f’dan il-każ partikolari l-inklużjoni ta’ mezz ta’ trasport użat f’lista sewda tal-Kummissjoni kien element suffiċjenti biex jiġi deċiż li d-Direttiva 91/628 ma kinitx tħarset u biex b’hekk jiġi miċħud il-ħlas għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni skond ir-Regolament Nru 615/98.
15. Billi l-qorti tar-rinviju kellha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, issospendiet il-kawża pendenti quddiemha u bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:
“1) Id-dispożizzjoni fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 fiha każ ta’ esklużjoni, bil-konsegwenza li l-Hauptzollamt għandu jesponi l-motivi u jipprova l-eżistenza tar-rekwiżiti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98?
2) Fil-każ fejn id-domanda ta’ qabel tiġi solvuta f’sens affermattiv: għall-finijiet tal-konklużjoni skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, dwar in-nuqqas ta’ tħaris tad-direttiva [91/628] teħtieġ prova ta’ ksur konkret ta’ [tali] direttiva, jew jekk huwa biżżejjed sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ l-għoti tal-motivi u tal-prova, li l-awtorità kompetenti tesponi u turi ċirkustanzi li, ikkunsidrati b’mod kumplessiv, juru b’probabbiltà kbira, (b’mod partikolari) fir-rigward ta’ l-esportazzjoni kkonċernata, li d-Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport ma ġietx imħarsa?
3) Indipendentement mir-risposti għad-domandi 1 u 2: awtorità tista tiċħad (għal kollox) lil esportatur ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 fil-każ li, fir-rigward ta’ l-esportazzjoni in kwistjoni, ma jkunx hemm ħjiel tal-fatt li, minħabba l-ksur (eventwali) tad-Direttiva 91/628/KEE, kien ġie ppreġudikat il-benesseri ta’ l-annimali waqt it-trasport”.
16. Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja l-Hauptzollamt u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta, li saret fl-istess waqt għall-kawżi C-37/06 u C-58/06, Viamex, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet dwar din il-kawża.
III – Analiżi ġuridika
17. L-ewwel nett, nosserva li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta s-soluzzjoni proposta minni fl-ambitu tal-kawżi C-37/06 u C-58/06 (fejn, peress illi tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-referenza li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 jagħmel għad-Direttiva 91/628, fir-rigward għall-effetti ta’ l-għoti tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, ma tistax titqies valida), dan ir-regolament jirriżulta li mhux applikabbli għal dan il-każ u għalhekk mhemmx għalfejn li tingħata risposta għad-domandi magħmulin lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tagħha. Madankollu ser nipproċedi għall-analiżi tad-domandi msemmijin iktar’il fuq fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kawżi C-37/06 u C-58/06, tiddeċiedi f’sens pożittiv dwar il-validità u l-konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tar-Regolament Nru 615/98.
A – Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
18. Bl-ewwel u t-tieni domanda, li ser neżamina flimkien hawn taħt minħabba r-rabta evidenti li teżisti bejniethom, il-qorti a quo qiegħda essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża jekk, abbażi ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, l-awtorità amministrattiva nazzjonali, minkejja li jkollha ċertifikat ta’ veterinarju uffiċjali ta’ Stat Membru fil-punt tal-ħruġ ta’ l-annimali ta’ l-ifrat mill-Komunità li jikkonferma li l-mezz li fuqu qed jiġu ttrasportati lejn Stat terz huwa, fil-mument meta jinħareġ dan iċ-ċertifikat, konformi ma’ dak meħtieġ mid-Direttiva 91/628, tistax tirrifjuta l-ħlas ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni minħabba elementi li, għalkemm ma jirrigwardawx direttament it-trasport in kwistjoni, jagħtu lil wieħed x’jifhem li probabbilment din id-direttiva ma tħarsitx, jew li, minflok, dik l-awtorità hija obbligata tesponi l-motivi u tagħti prova tan-nuqqas ta’ tħaris tad-Direttiva b’referenza speċifika għall-każ partikolari.
19. Ir-risposta għal dawn id-domandi, kif ingħad fil-bidu, teħtieġ li tiġi aċċertata r-relazzjoni li jidher li hemm bejn il-paragrafu (2) u l-paragrafu (3) ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 615/98 ma’ l-effetti tar-regoli tar-rifużjoni fuq l-esportazzjonijiet ta’ l-annimali ta’ l-ifrat.
20. F’dan ir-rigward għandu jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjoni fil-paragrafu (3) ta’ dan l-Artikolu (li jgħid li “ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni m’għandhiex titħallasx għal annimali li jmutu waqt it-trasport jew għal annimali li fil-konfront tagħhom l-awtorità kompetenti, skond id-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 2, ir-rapporti ta’ l-eżamijiet skond l-Artikolu 4 u/jew kull element ieħor li jkollhom f’idejhom dwar il-konformità ma’ l-Artikolu 1, tqis li d-Direttiva fuq il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport, ma ġietx imħarsa” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) fihiex, kif intqal fit-talba magħmula mill-Finanzgericht Hamburg, “każ ta’ esklużjoni”. Għal dan l-iskop jeħtieġ jiġi ċċarat jekk għandhiex tinqara flimkien mad-dispożizzjoni tal-paragrafu (2) − li tgħid li ma’ l-applikazzjonijiet għall-ħlas dwar ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, magħmulin skond l-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 3665/87/KEE għandha tiżdied, fit-termini stabbiliti minn dan l-Artikolu, il-prova tal-konformità ma’ l-Artikolu 1, prova magħmula minn i) id-dokument skond l-Artikolu 2(3), mimli kif suppost, u ii) skond il-każ, ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 3(2) − jew jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jinftehmu u jiġu applikati b’mod awtonomu waħda mill-oħra. Fl-ewwel ipoteżi jsir relattiv ħafna l-valur tal-prova tat-tħaris ta’ dak stabbilit fl-Artikolu 5(2) ipprovduta mill-esportatur permezz tal-produzzjoni ta’ dokument maħruġ, skond l-Artikolu 2(3) mill-veterinarju uffiċjali mill-punt ta’ ħruġ tal-bhejjem mill-Komunità u li jiċċertifika li dan ta’ l-aħħar ivverifika u żgura, għall-finijiet tal-partikolaritajiet ta’ dan il-każ, li “l-mezz ta’ trasport li fuqu l-annimali ħajjin iħallu t-territorju doganali fil-Komunità jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628/KEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Direttiva li l-Artikolu 5 tagħha jobbliga lill-Istati Membri, fost affarijiet oħra, li jaraw li “kull trasportatur […] ċ) juża, għat-trasport ta’ annimali koperti minn din id-Direttiva, mezzi ta’ trasport li jiggarantixxu t-tħaris […] tar-regoli stabbiliti fl-Anness” [traduzzjoni mhux uffiċjali]); huwa biżżejjed għall-awtorità kompetenti sabiex toħroġ ir-rifużjoni li turi, abbażi ta’ kwalunkwe element li jkollha f’idejha, dubji sostanzjali dwar it-tħaris tad-direttiva biex tneħħi l-effett tal-prova mogħtija mill-esportatur u ġġiegħlu juri l-inkonsistenza ta’ dawn id-dubji. Minn naħa l-oħra, fit-tieni ipoteżi, hija l-awtorità msemmija li għandha tagħti l-prova ta’ l-idonejità ta’ l-elementi li tinvoka biex jiġi stabbilit li d-dokumentazzjoni annessa mat-talba ta’ rifużjoni mhijiex xierqa biex tipprova t-tħaris tad-Direttiva.
21. Il-qorti a quo titlob, b’mod ċar, fid-digriet ta’ rinviju tagħha, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tivverifika kemm huma validi l-argumenti li espliċitament iwassluha biex ixxaqleb lejn it-tieni soluzzjoni. L-argumenti li ssemmi f’dan ir-rigward huma dawn li ġejjin:
a) l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 615/98 jipprevedi speċifikament li l-esportatur jagħmel il-prova tat-tħaris ta’ l-Artikolu 1 ta’ l-istess regolament u b’hekk anki tad-Direttiva 91/628 permezz ta’ dokument imħejji kif suppost skond l-Artikolu 2(3) tar-regolament imsemmi;
b) ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 639/2003, tad-9 ta’ April 2003, li jippreskrivi regoli dettaljati skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999, fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet konnessi mal-welfare ta’ l-annimali ta’ l-ifrat ħajjin matul it-trasport(6), kif indikat fit-tieni premessa tiegħu, issostitwixxa r-Regolament Nru 615/98 “fl-interessi taċ-ċarezza”. Għal dan il-għan elimina kull possibbiltà li l-paragrafi (2) u (3) ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament imsemmi jiġu kkunsidrati bħala stadji ta’ l-istess proċedura ta’ ħlas li sabiex issir għandu jkun hemm l-ewwel applikazzjoni bi prova ta’ valur relattiv mogħtija mill-esportatur u mbagħad, skond il-każ, it-tieni fażi għandha tkun ikkaratterizzata mill-analiżi ta’ elementi li jqajmu dubji sostanzjali li huwa l-esportatur, bħala dak li jitlob ir-rifużjoni, li għandu jisfidahom billi jagħmel provi ulterjuri; dan ir-regolament ikklassifika l-elementi li hemm fil-paragrafu (2), jiġifieri l-applikazzjoni għar-rifużjoni ta’ l-esportatur u l-prova magħmula mid-dokumenti stabbiliti mill-istess paragrafu (2) bħala li jikkostitwixxu fihom innifishom il-“proċedura ta’ ħlas tar-rifużjonijiet għall-esportazzjoni”;
ċ) il-leġiżlatur Komunitarju ma fassalx id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 fil-soġġuntiv, billi ppreveda l-possibbiltà li l-awtorità, abbażi ta’ kull element ieħor li jkollha fir-rigward tat-tħaris tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98, tiddeċiedi li d-Direttiva 91/628 tista’ ma tiġix imħarsa, bil-konsegwenza li ċaħda għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni abbażi ta’ l-Artikolu 5(3) msemmi tippresupponi l-prova mill-awtorità kompetenti, li fir-rigward tat-trasport in kwistjoni d-Direttiva 91/628 ma ġietx effettivament osservata;
d) huwa biss il-ksur ikkonstatat u għalhekk ippruvat konkretament li jista’ jiġġustifika fih innifsu, anki taħt il-profil ta’ proporzjonalità, iċ-ċaħda totali tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni lil esportatur, għalkemm huwa jkun ipprovda l-prova tal-konformità ma’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 bil-produzzjoni ta’ dokumenti jew rapporti indikati fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 615/98;
e) l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 fih erba’ każijiet possibbli fejn ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni tiġi miċħuda; billi għandu jiġi deċiż li dawn il-każijiet mhux biss huma ekwivalenti, imma joperaw ukoll separatament u bl-istess rilevanza, l-“elementi l-oħra” li l-awtorità minnhom tiddisponi fir-raba’ każ għandu jkollhom l-istess forza u kwalità tal-każijiet preċedenti, sabiex jiġi ġġustifikat it-telf integrali tad-dritt għar-rifużjoni. Id-dubji u l-probabbiltà m’għandhomx jiġu kkunsidrati biżżejjed sabiex jikkostitwixxu dawn l-elementi.
22. L-argumenti magħmulin mill-qorti tar-rinviju in sostenn għas-soluzzjoni għall-problema fl-ewwel żewġ domandi jidhru kumplessivament sostenibbli. Ma dawn l-argumenti jiżdiedu oħrajn, xejn anqas importanti, dwar l-obbligi li l-Artikolu 8 u l-Artikolu 18 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628 ipoġġu fuq l-Istati Membri, obbligi li l-Kummissjoni ma setgħetx tinjora fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 615/98 u li ma jistgħux jiġu injorati fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu.
23. Skond l-Artikolu 8 ċċitat iktar’il fuq “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw li skond il-prinċipji u r-regoli ta’ kontroll stabbiliti fid-Direttiva 90/425/KEE, li l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw li l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva jkunu ġew imħarsa, billi jwettqu spezzjonijiet mhux diskriminatorji ta’:
24. […]
25. ċ) il-mezzi tat-trasport […] fil-postijiet tat-tluq […]”.
26. Huwa fir-rigward ta’ dan l-obbligu li r-Regolament Nru 615/98 bit-titolu “Kontrolli fil-Komunità”, jistabbilixxi fl-Artikolu 2(2) dan li ġej:
27. “Veterinarju uffiċjali tal-punt ta’ ħruġ għandu jivverifika u jiċċertifika, skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/93/KE, li:
28. […]
– il-mezz tat-trasport li fuqu l-annimali ħajjin ser iħallu t-territorju doganali tal-Komunità jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628/KEE”. U fl-Artikolu 2(3) jistabbilixxi li l-istess veterinarju, “jekk jikkonstata li l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 2 huma sodisfatti, għandu jiċċertifika dan billi jniżżel […]
– ‘Ikkontrollat u konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 615/98’” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
29. L-Artikolu 18 tad-Direttiva 91/628, min-naħa tiegħu, jistabbilixxi li “l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri speċifiċi xierqa”.
30. Il-fatt li d-dokument maħruġ mill-veterinarju uffiċjali tal-punt tal-ħruġ mill-Komunità ma jikkostitwixxix sempliċiment servizz mogħti lill-esportatur mill-veterinarju indikat, imma ċertifikazzjoni ta’ attività ta’ kontroll li l-leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan ir-rigward tobbliga l-Istati Membri li jagħmlu, ma jistax ma jaffettwax b’mod rilevanti l-valur tal-prova li r-Regolament Nru 615/98 jagħti lil dan id-dokument.
31. Ma jistax jingħad li dak indikat fil-punt preċedenti ma jiswiex f’sitwazzjoni, bħal din f’dan il-każ, fejn il-kontroll fuq il-konformità tal-mezz tat-trasport mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 issir fi Stat Membru differenti minn dak kompetenti biex iħallas ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni u hija l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat u mhux ta’ dan ta’ l-aħħar li joħroġ id-dokument skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 615/98. Din l-ipoteżi hija eskluża mil-loġika tas-sistema ġuridika li fiha jidħol dan ir-Regolament.
32. Sabiex din is-sistema tissodisfa l-għanijiet ta’ protezzjoni ta’ l-annimali u t-tħaddim armonjuż ta’ l-organizzazzjonijiet komuni tas-suq għall-annimali u l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali, din is-sistema fil-fatt tat lok għal netwerk Komunitarju li t-tħaddim tiegħu, fid-dawl tat-twettiq tas-suq komuni, jimplika neċessarjament kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.
33. Huwa minħabba t-tisħiħ tal-valur tal-prova attribwit lid-dokument in kwistjoni mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 615/98, ikkostitwit mhux biss mill-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628, imma anki mill-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, li hemm lok li jiġi eskluż li awtorità li hija kompetenti biex tagħmel rifużjoni fuq l-esportazzjoni tkun tista’ tinvoka, filwaqt li tikkunsidrah ta’ importanza kbira, element ta’ prova kuntrarja, li ġiet miċħuda minn informazzjoni ta’ sens kuntrarju, li jkun ta l-esportatur, filwaqt li ssostni ta’ malajr in-nuqqas ta’ rilevanza tagħha.
34. Il-fatt li ma tingħatax biżżejjed attenzjoni għall-informazzjoni mogħtija mill-esportatur a) imur lil hinn minn evalwazzjoni bbilanċjata ta’ l-oneru tal-prova li għandha l-amministrazzjoni skond dik l-applikazzjoni awtonoma ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, li ġustament hija pprospettata mill-qorti tar-rinviju u b) li, essenzjalment, jittrasforma f’bidla kompleta ta’ l-oneru tal-prova billi dan jitpoġġa bla dubju fuq l-esportatur.
35. Il-fatt li, fil-każ imsemmi fid-digriet tar-rinviju, il-pretenzjoni magħmula mill-Hauptzollamt Hamburg turi sitwazzjoni inkompatibbli mal-valur attribwit lid-dokument fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 615/98, bħal dak indikat fil-punt 29 preċedenti, ma tistax ma tirriżultax mill-informazzjoni li ntbagħtet għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
36. Fil-fatt il-qorti tar-rinviju tfakkar li:
– l-awtorità kompetenti għall-ħruġ tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kienet esprimiet dubji fuq il-konformità mad-direttiva tal-mezz tat-trasport użat għaliex ibbażat lilha nnifisha fuq il-fatt li, a) fit-18 u fid-19 ta’ Frar 1997 espert veterinarju tal-Kummissjoni spezzjona fil-port ta’ Koper il-bastiment li fuqu, f’Marzu 1999, kien sar it-trasport dwar il-każ in kwistjoni fejn ġie aċċertat li huwa, taħt diversi aspetti, ma kienx jikkorrispondi ma’ dak stabbilit fid-Direttiva 91/628 u b) kien biss wara spezzjoni ta’ l-istess bastiment magħmula minn veterinarji Franċiżi f’Novembru 1999 li ma baqax indikat bħala mhux xieraq għat-trasport ta’ l-annimali.
– quddiem din l-informazzjoni, l-esportatur, kif ingħad fil-punt 12 iktar’il fuq, sostna li l-aċċertament li sar mill-veterinarji Franċiżi f’Novembru 1999 kien ġie ppreċedut minn, a) xogħlijiet li kienu saru biex jitneħħew in-nuqqasijiet indikati fit-18 u fid-19 ta’ Frar 1997, iċċertifikati minn dikjarazzjoni bil-miktub mill-kaptan tal-bastiment iddatata 16 ta’ Ottubru 1997 u kkontrofirmata mill-kap tal-veterinarji tal-fruntieri ta’ Koper (is-Slovenja) u b) perizja tas-settling agent Kähler & Prinz;
– l-awtorità amministrattiva Ġermaniża qieset din l-informazzjoni bħala rrilevanti, minkejja li setgħu jiġu kkunsidrati kkonfermati mir-riżultati ta’ l-ispezzjoni magħmula mill-veterinarji Franċiżi f’Novembru 1999.
37. Mhemmx dubju li meta ddeċidiet, fil-preżenza ta’ l-informazzjoni fil-punt preċedenti, li kienet teżisti l-kundizzjoni biex jiġi applikat it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 5 u biex jiġi eskluż id-dritt għar-rifużjoni, l-awtorità amministrattiva qalbet malajr wisq l-oneru tal-prova li hija kellha tagħmel u poġġietu l-aktar fuq l-esportatur. Jekk hija setgħet b’mod raġonevoli u bil-għaġla ssostni li d-dikjarazzjoni bil-miktub tas-16 ta’ Ottubru 1997 tal-kaptan tal-bastiment dwar ix-xogħlijiet magħmulin kienet ġejja minn persuna li kienet tappartjeni fl-isfera tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mhux l-istess setgħet tagħmel b’referenza għall-kontrofirma ta’ din id-dikjarazzjoni magħmula mill-kap tal-veterinarji tal-fruntieri ta’ Koper u għall-perizja tas-settling agent Kähler & Prinz iddatata t-22 ta’ Settembru 1998. Għandu jitqies li dan għamlitu jekk jiġi kkunsidrat li, skond evalwazzjoni bbilanċjata tat-tqassim ta’ l-oneru tal-prova, l-awtorità amministrattiva Ġermaniża kellha d-dmir biss li turi “ċirkustanzi li, kkunsidrati kumplessivament, jindikaw probabbiltà kunsiderevoli li d-Direttiva relattiva għall-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport ma kinitx tħarset” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għandu jitqies li l-fatt li ngħatat importanza għall-ispezzjoni tat-18 u tad-19 ta’ Frar, iżda mhux għall-informazzjoni l-oħra fuq imsemmija, ma jikkorrispondix għal evalwazzjoni adegwata u sħiħa taċ-ċirkustanzi.
38. Konferma oħra daqstant valida għas-soluzzjoni ta’ l-ewwel u t-tieni domanda kif ipprospettata fid-digriet tar-rinviju tiġi milli jittieħed in kunsiderazzjoni l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628 li, kif intqal, jgħid li, “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri speċifiċi xierqa biex jippenalizzaw kull ksur ta’ din id-direttiva” (inklużi dawk ġejjin min-nuqqas ta’ użu “għat-trasport ta’ annimali […] mezzi ta’ trasport li jiggarantixxu t-tħaris […] tar-regoli stabbiliti fl-Anness” [traduzzjoni mhux uffiċjali]), “minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi(7)”.
39. Fil-fatt, għandu jitqies li b’din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur Komunitarju applika prinċipju preċiż ħafna meħud mit-tradizzjoni ta’ l-Istati Ewropej u li jagħmel parti integrali mis-sistema ġuridika Komunitarja, jiġifieri l-prinċipju affermat diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja li sanzjonijiet li jolqtu d-drittijiet jew il-libertà ta’ persuni fiżiċi jew legali jistgħu jiġu imposti biss jekk ikunu stabbiliti ġuridikament b’mod ċar u inekwivokabbli(8) u jekk ikunu proporzjonati fir-rigward tal-ksur li għalihom ikunu ġew imposti(9).
40. Il-Kunsill, kif intqal iktar’il fuq fil-punt 34, ippreċiża li, fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva li tagħha huwa parti l-Artikolu 18, dan il-prinċipju għandu jiġi rrispettat mill-Istati Membri.
41. Fil-każ Wilfried Monsees(10) il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet qajmet b’enfażi dan il-prinċipju billi affermat espliċitament li, fl-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att magħmul minn Stat Membru biex jimplimenta d-Direttiva 91/628 li hija hawnhekk ikkunsidrata, dan il-prinċipju huwa applikabbli anki fid-dawl tad-Direttiva 95/29, anki jekk din hija applikabbli minn data suċċessiva għal fatti in kunsiderazzjoni f’din il-kawża partikolari. Hija b’mod evidenti qieset din it-tieni Direttiva bħala li għandha evalwazzjoni u ġudizzju ta’ karattru ġenerali espress direttament mil-leġiżlatur Komunitarju, għaliex fil-punt 30 il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “miżuri adegwati għall-iskop tal-ħarsien tas-saħħa ta’ l-annimali u anqas restrittivi għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija” minn dawk previsti mid-Direttiva 91/628 “setgħu jiġu kkunsidrati, kif jidher mid-dispożizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 95/29”.
42. Il-metodu u l-prinċipju segwiti mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif irrilevat fil-Konklużjonijiet li ppreżentajt fit-13 ta’ Settembru 2007 fil-kawżi C-37/06 u C-58/06, ma setgħux, a fortiori, ma jiġux segwiti mill-Kummissjoni bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 615/98 billi, minn naħa,
a) l-evalwazzjoni u l-ġudizzju li l-leġiżlatur Komunitarju esprima fl-Artikolu 18 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628 taw lok għal kriterju – dak skond liema s-sanzjonijiet li jistgħu jiġu adottati fil-qasam għandhom jikkonsistu f’miżuri adegwati speċifiċi – li hija ma setgħetx tinjora bl-adozzjoni ta’ regolament intiż biex isegwi d-direttiva msemmija u, min-naħa l-oħra,
b) billi huwa possibbli li jintuża parametru ta’ ġudizzju espress mil-leġiżlatur Komunitarju f’direttiva fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżuri li jkun ħa Stat biex jimplimenta direttiva preċedenti, dan il-parametru huwa utilizzabbli a fortiori meta mfisser f’direttiva tal-Kunsill għall-fini ta’ l-interpretazzjoni ta’ regolament tal-Kummissjoni maħsub biex isegwi dik id-direttiva.
43. Isegwi li t-talba għall-preċiżazzjoni li l-Finanzgericht jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja timplika verifika tal-kumpatibbiltà mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tar-referenza magħmula mir-Regolament Nru 615/98 għad-Direttiva 91/628, verifika li fl-eżekuzzjoni tagħha mhux possibbli li wieħed ma jipprovax ifittex bilanċ adegwat bejn il-garanzija tat-twettiq tal-finijiet politiċi Komunitarji li r-regolament huwa intiż għalihom u l-ħarsien ġuridiku ta’ l-individwi li huma suġġetti tiegħu.
44. F’dan ir-rigward hemm bżonn li tingħata attenzjoni għall-fatt li d-direttiva tistabbilixxi li r-responsabbiltà għall-ħarsien tas-saħħa ta’ l-annimali ma taqax biss fuq l-esportatur jew ir-rappreżentant tiegħu, imma anki fuq l-Istati Membri; kif diġà rajna, skond l-Artikolu 8 tad-direttiva, huma obbligati li jassiguraw “li l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw li l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva jkunu ġew imħarsa, billi jwettqu spezzjonijiet mhux diskriminatorji ta’
45. […]
46. ċ) il-mezzi tat-trasport […] fil-postijiet tat-tluq […]”.
47. Quddiem din ir-responsabbiltà maqsuma bejn il-partijiet, sabiex jiġi assigurat il-ħarsien tas-saħħa ta’ l-annimali ta’ l-ifrat, ma jistax jiġi kkunsidrat li jkun skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità li awtorità amministrattiva kompetenti biex toħroġ ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tista’ tagħti interpretazzjoni lill-Artikolu 5(2) bħal dik mogħtija fil-punti 11 u 13 iktar’il fuq. Din l-interpretazzjoni hija sproporzjonata billi tolqot radikalment id-dritt ta’ l-esportatur mingħajr ma tqis il-ksur ta’ l-obbligu tal-kontroll tal-mezzi tat-trasport ta’ l-annimali li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 imsemmi iktar’il fuq jimponi fuq l-Istat Membru li minnu joħorġu dawn il-mezzi mit-territorju doganali, ksur li l-awtorità kompetenti biex tagħmel ir-rifużjoni tasal biex tikkunsidra bħala li seħħ billi ma taċċettax bħala prova d-dokument skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament 615/98 u billi tuża’ l-fakultà li jagħtiha l-paragrafu (3) ta’ l-istess Artikolu. Din għalhekk tirriżulta bħala iktar sproporzjonata billi, dejjem skond l-argument tal-Hauptzollamt abbażi ta’ qari sempliċiment formali tad-dispożizzjoni in kwistjoni, din il-fakultà hija eżerċitabbli abbażi ta’ dubju jew ta’ suppożizzjoni meħuda minn element wieħed kkunsidrat separatament minn oħrajn, li tqiesu b’mod mgħaġġel u b’mod żbaljat, li mhumiex rilevanti.
48. Għal dak irrilevat fil-punti preċedenti, partikolarment fil-punti 40 u 41, ma jistax ma jkunx hemm konferma fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2005, adottat abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li ssir emenda għal-leġiżlazzjoni Komunitarja li tiġi mid-Direttiva 91/628/KEE, emendata bid-Direttiva 95/29/KE ta’ l-istess Kunsill, biex tittieħed in kunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni. Fil-fatt dan ir-Regolament:
a) fis-sittax-il premessa jenfasizza li t-trasport ta’ l-annimali jinvolvi kategoriji ta’ operaturi li huma differenti mit-trasportaturi, bil-konsegwenza li “xi obbligi rigward il-benesseri ta’ l-annimali għandhom jiġu estiżi għal kull operatur involut fit-trasport ta’ l-annimali”; u
b) fit-tnejn u għoxrin premessa jingħad li: “l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali li huma applikabbli għal ksur” tad-dispożizzjonijiet tiegħu u jiġi assigurat li dawn ikunu “proporzjonati”.
B – Fuq it-tielet domanda
49. Bit-tielet domanda l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, abbażi ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, il-ħlas ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni jistax jiġi miċħud jekk hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, għalkemm mhemm l-ebda element li jindika li l-benesseri ta’ l-annimali ttrasportati kien ġie kompromess b’mod konkret minħabba fin-nuqqas ta’ tħaris tad-direttiva msemmija.
50. Jirriżulta b’mod ċar mill-ittra ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, li l-Kummissjoni riedet tissuġġetta l-pagament tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni esklużivament għat-tħaris tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 indipendentement minn kull aċċertament ta' dannu konkret li sofrew l-annimali ttrasportati għan-nuqqas ta’ tħaris tal-kundizzjonijiet magħmulin mid-Direttiva in kwistjoni. Fil-fatt, l-Artikolu msemmi iktar’il fuq jistabbilixxi li l-awtoritajiet kompetenti ma jħallsux ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, minbarra għall-annimali mejtin waqt it-trasport, għal dawk ukoll li huma jqisu li ma tħarsitx id-direttiva, mingħajr ma jkun hemm l-ebda aċċertament konkret ta’ dannu li jkunu batew l-annimali minħabba l-ksur tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-ħarsien tal-benesseri tagħhom.
51. Huwa evidenti li huwa ferm diffiċli li ssib sinjali ta’ tbatija li jkunu sofrew l-annimali kkonċernati matul il-fażijiet ta’ vjaġġ u li konsegwentement jinsabu fatti li juru d-dannu li jkunu sofrew, jew ta’ l-anqas it-tpoġġija fil-perikolu tal-benesseri tagħhom.
52. Dak kollu indikat fil-punti 44 u 45 ma jeskludix madankollu li l-kundizzjonijiet għaċ-ċaħda tar-rifużjoni għandhom jiġu aċċertati abbażi ta’ dak irrilevat fir-risposta mogħtija iktar’il fuq fir-rigward ta’ l-ewwel u t-tieni domanda – fil-punti 18 sa 42 – u li, f’kull każ, is-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita mir-Regolament Nru 615/98 tista’ tiġi applikata biss fejn titqies li hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
IV – Konklużjonijiet
53. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar’il fuq nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li d-domandi magħmulin mill-Finanzgericht ta’ Hamburg tirrispondihom flimkien bil-mod li ġej:
“Ma jistax jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 615/98, tat-18 ta’ Marzu 1998, li jistabbilixxi regoli speċifiċi ddettaljati ta’ applikazzjoni tas-sistemi ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għal dak li jirrigwarda il-benesseri ta’ l-annimali ħajjin ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat waqt it-trasport, għandu x’jaqsam mat-tieni parti tal-provi li min jitlob rifużjoni fuq l-esportazzjoni ta’ annimali ta’ l-ifrat għandu jagħti biex jikseb il-ħlas. Id-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport, tpoġġi l-obbligi għat-tħaris tagħha mhux biss fuq l-esportatur imma anki fuq l-Istati Membri u l-awtoritajiet tagħhom. Meta jkun hemm talba għall-ħlas flimkien mal-prova stabbilita mill-Artikolu 5(2) tar-regolament imsemmi, ma tkunx konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità interpretazzjoni tal-paragrafu (3) ta’ l-istess Artikolu li tawtorizza lill-awtorità, li hija kompetenti tagħmel din ir-rifużjoni, li tiċħadha abbażi ta’ dubju jew suppożizzjoni ta’ nuqqas ta’ tħaris tad-Direttiva waqt it-trasport, u dan indipendentement mill-fatt li hija m’għandhiex fuqha l-obbligu li turi d-dannu konkret li batew l-annimali waqt it-trasport in kwistjoni”.
1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.
2 – Regolament tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Marzu 1998, li jistabbilixxi regoli speċifiċi ddettaljati ta’ applikazzjoni għas-sistemi ta’ rifużjonijiet għall-esportazzjoni għal dak li jirrigwarda l-benesseri ta’ annimali ħajjin ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat waqt it-trasport (ĠU L 82, p. 19).
3 – ĠU L 148, p. 24.
4 – Regolament tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 1997, li jemenda r-Regolament Nru 805/68/KEE dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-laħam ta’ l-annimali ta’ l-ifrat (ĠU L 356, p. 13).
5 – Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE (ĠU L 340, p. 17), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1995 (ĠU L 148, p. 52). Din id-direttiva tħassret bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2005/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li [j]emenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU L 3, p 1). L-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi madankollu t-tħassir mill-5 ta’ Jannar 2007 biss.
6 – ĠU L 93, p. 10.
7 – Artikoli 18 (1) u (5), parti A, (1)(ċ).
8 – Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et (137/85, Ġabra p. 4587, punt 15), u tat-12 ta’ Diċembru 1990, Vandermoortele vs Il-Kummissjoni (C-172/89, I-4677, punt 9).
9 – Ara s-sentenza Maizena et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15, u s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister (C-210/00, Ġabra. I-6453, punt 59).
10 – Sentenza tal-11 ta’ Mejju 1999, Wilfried Monsees (C-350/97, Ġabra p. I-2921).
Full & Egal Universal Law Academy