KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
J. MAZÁK
ippreżentati fis-6 ta’ Marzu 2007 1(1)
Kawża C-142/06
Olicom A/S
vs
Skatteministeriet
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Østre Landsret (id-Danimarka))
“Tariffa Doganali Komuni – Intestaturi doganali 8471 (magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data) u 8517 (apparat tat-telekomunikazzjoni) – Kards tan-netwerk b’funzjoni doppja, aċċess għal Local Area Network (LAN) u għal Wide Area Network (WAN) – Klassifikazzjoni fin-Nomenklatura Magħquda – Funzjoni speċifika”
1. Din il-kawża tirrigwarda l-klassifikazzjoni tat-tariffi ta’ kards tan-netwerk/modem magħquda li jagħtu aċċess għal Local Area Network (bħala eżempju, intranets ta’ kumpanniji, iktar ’il quddiem “LAN”) kif ukoll għal Wide Area Network (bħala eżempju, l-internet, iktar ’il quddiem “WAN”). Il-Qorti tal-Ġustizzja qegħdha essenzjalment tintalab tiddeċiedi jekk prodotti bħal dawn għandhomx ikunu suġġetti għal dazji doganali bħala apparat għall-ipproċessar ta’ data (kompjuters) (intestatura 8471) jew bħala apparat tat-telekomunikazzjoni (intestatura 8517). Li huwa importanti hawnhekk huwa, b’mod partikolari, jekk il-prodotti in kwistjoni jwettqux “funzjoni speċifika”.
2. Jidher li hawn diverġenzi wiesgħa ta’ opinjoni kurrenti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-tariffi ta’ prodotti elettroniċi (u partikolarment ta’ l-informazzjoni teknoloġika). Madankollu, mhux l-ewwel darba li dawn il-kwistjonijiet tqajmu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja(2). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet numru ta’ kwistjonijiet f’dan il-kuntest. F’dan l-istadju jiena kont insemmi, b’mod partikolari, is-sentenzi Peacock u Cabletron(3). Madankollu, kif se nuri hawn isfel, jiena ta’ l-opinjoni li applikazzjoni wisq stretta ta’ din l-aħħar ġurisprudenza mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawża bħal din tista’ attwalment tmur kontra l-iskop tal-klassifikazzjoni tat-tariffi.
I – Il-kuntest legali
3. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni(4) stabbilixxa fl-Anness I tiegħu nomenklatura ta’ prodotti bl-isem “Nomenklatura Magħquda” (iktar ’il quddiem in-“NM”), li hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifika ta’ oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”)(5). Il-verżjoni tan-NM fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija dik emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3009/95(6), applikabbli sa mill-1 ta’ Jannar 1996.
4. It-Taqsima XVI (7) ta’ l-Anness I tinkludi l-Kapitoli 84 u 85(8), li huma rilevanti għall-kawża preżenti. L-intestatura 8471 tan-NM tirreferi għall-“magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data u unitajiet tagħhom; apparat li jaqra b’sistema manjetika jew ottika, magni biex jittraskrivu data fuq mezzi ta’ data f’għamla kodifikata u magni biex jipproċessaw din id-data, li m’humiex speċifikati jew inklużi band’oħra”. Min-naħa l-oħra, l-intestatura 8517 tan-NM taqra kif ġej: “apparat elettriku għal telefonija bil-linji jew telegrafija bil-linji, inklużi settijiet tat-telefon bil-linji b’handsets mingħajr fili u apparat tat-telekomunikazzjoni għal sistemi bil-linja carrier-current jew għal sistemi bil-linja diġitali; vidjofoni”(9).
5. Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM (iktar ’il quddiem ir-“regoli ġenerali għall-interpretazzjoni” jew ir-“regoli ġenerali”) (10), li jidhru fl-ewwel parti tat-Titolu I A, b’mod partikolari, jistipulaw:
“3. Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt titlu wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:
(a) it-titlu li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madankollu, meta jkun hemm żewġ titli jew iżjed li kull wieħed minnhom jirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk it-titli għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;
(b) taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;
(ċ) meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati taħt it-titlu li jiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom kunsiderazzjoni.
4. Oġġetti li ma jistgħux ikunu klassifikati skond ir-regoli ta’ hawn fuq għandhom ikunu klassifikati taħt l-intestatura xierqa għall-oġġetti li huma l-iżjed jixbhu.”
6. In-Nota 3 għat-Taqsima XVI u n-Nota 5 għall-Kapitolu 84 tan-NM jipprovdu rispettivament:
“3. Sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew aktar mwaħħlin flimkien biex jagħmlu waħda u magni oħrajn maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet kumplimentari jew alternattivi jew aktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il-komponent jew huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali.”
“5. A. Għall-għanijiet ta’ titlu 8471, l-espressjoni ‘magni awtomatiċi għal ipproċessar ta’ data’ tfisser:
[…]
(ċ) magni ibridi magħmulin jew minn magna diġitali b’elementi analo[ġiċi] jew b’magna analo[ġika] b’elementi diġitali.
B. Magni awtomatiċi għal ipproċessar ta’ data jistgħu jkunu f’għamla ta’ sistemi magħmulin minn numru varjabbli ta’ unitajiet separati. Suġġett għal paragrafu E hawn taħt, unità għandha titqies li tagħmel parti minn sistema kompluta jekk hija tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha:
(a) hija ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data;
(b) tista’ titqabbad ma’ l-unità ċentrali ta’ pproċessar kemm direttament jew permezz ta’ unità oħra jew aktar; u
(ċ) tista’ tilqa’ jew tagħti data f’forma (kodiċi jew sinjali) li jistgħu jintużaw mis-sistema;
Ċ. Unitajiet ta’ magna awtomatika għal ipproċessar ta’ data ppreżentati separatament għandhom jiġu kklassifikati taħt titlu 8471.
[…]
E. Magni ji jagħmlu funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data u jinkorporaw jew jaħdmu flimkien ma’ magna awtomatika għal ipproċessar ta’ data għandhom jiġi kklassifikati fit-titli xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, jekk le, fit-titli li jibqa.”
7. L-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (iktar ’il quddiem l-“ODD”) tinkludi Kumitat għas-Sistema Armonizzata (iktar ’il quddiem il-“Kumitat SA”), li fih il-Komunità Ewropea, bħala parti kontraenti fil-Konvenzjoni fuq is-sistema armonizzata, hija rrappreżentata mill-Kummissjoni. Il-Kumitat SA għandu r-rwol li jipproponi emendi għas-SA u li jipprepara noti ta’ spjegazzjoni għalihom, opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni, pariri oħrajn dwar interpretazzjoni u rakkomandazzjonijiet biex jassiguraw uniformità fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tas-SA(11). Il-Kummissjoni tipprepara wkoll noti ta’ spjegazzjoni fir-rigward tan-NM. Dawn jikkumplementaw dawk tas-SA.
II – Il-kuntest fattwali, il-proċedura u d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja
8. Din il-kawża tirrigwarda kards PCMCIA ta’ netwerk/modem magħquda, iddiżinjat biex jiddaħħal f’laptops, tat-tip OC 2232 u OC 3232 (iktar ’il quddiem “GoCards” jew il-“prodotti”), importati minn Olicom A/S (iktar ’il quddiem “Olicom”) fil-perijodu 1996 sa l-1999(12). Kull GoCard għandha PC-interface, li hu konformi mas-sistema PCMCIA. Il-kards huma ‘magħquda’ fis-sens li kull waħda għandha kemm interface LAN u interface WAN (modem), li bihom kompjuter ikun jista’ jikkomunika ma’ kompjuters oħrajn permezz ta’ netwerk(13). Għalhekk hemm unità li tirċievi, tipproċessa u tibgħat id-data minn kompjuter wieħed għal kompjuters oħrajn fin-netwerk. In-NM tirreferi għal “magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data” b’mod ġenerali minflok “kompjuters” jew “PCs”, u l-istess tagħmel is-SA. Għalhekk fl-opinjoni tiegħi jiena se nagħmel użu minn dan il-kliem tekniku jew mill-forma mqassra tiegħu “magni ADP” ukoll.
9. Skond id-digriet tal-qorti tar-rinviju, peress li GoCards huma fil-fatt sempliċement żvilupp ta’ kards LAN puri ddiżinjati b’tali mod li funzjoni tagħhom tal-WAN (modem) ma tistax taħdem mingħajr il-funzjoni LAN (Token Ring). Dan ta’ l-aħħar madankollu, jista’ jaħdem kemm jekk titneħħa l-funzjoni WAN u kemm jekk le(14).
10. Olicom, kumpannija Daniża, meta importat apparat tan-netwerk, b’mod partikolari l-GoCards li fuqhom hemm kwistjoni fil-kawża prinċipali, ikklassifikathom bħala apparat ADP taħt l-intestatura 8473/71. Din importat ukoll GoCards tat-tip li għandhom biss funzjoni LAN, li kklassifikathom ukoll taħt l-intestatura 8471. Il-Kummissjoni adottat żewġ Regolamenti, in-Nru 1638/94 (15) u n-Nru 1165/95 (16), li bihom, b’mod partikolari l-apparat tal-LAN bħala adapters, adapters magħquda bil-fil, transreceivers u kards ta’ l-adapter kellhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8517 minflok 8471 tan-NM, li bħala riżultat ta’ dan żdied id-dazju ta’ dwana applikabbli. B’deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 1999, it-Told- og Skatteregion Helsingør (l-awtorità reġjonali tad-dwana u tat-taxxa ta’ Helsingør) ipproċediet biex tirkupra a posteriori d-dazji tad-dwana mingħand Olicom fir-rigward tal-GoCards. Olicom appellat kontra din id-deċiżjoni fis-16 ta’ Ġunju 1999.
11. Madankollu, fis-sentenza Cabletron, il-Qorti ddikjarat dawn iż-żewġ Regolamenti tal-Kummissjoni invalidi fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-tariffa għal adapters, adapters bil-fil, transceivers u kards ta’ l-adapter. Wara din is-sentenza, il-Kummissjoni adottat linji gwida dwar firxa ta’ prodotti u l-ħlas lura ta’ dazju f’dak il-każ(17). L-awtoritajiet imbagħad ħallsu lura dazji ta’ dwana fir-rigward ta’ GoCards li jkollhom funzjoni LAN, imma affermaw li prodotti li jkollhom funzjoni kemm ta’ LAN u WAN kellhom jiġu kklassifikati bħal WAN. Meta l-appelli amministrattivi kienu ġew eżawriti, it-tilwima li kellha x’taqsam mal-klassifikazzjoni tressqet quddiem l-Østre Landsret fl-14 ta’ April 2003.
12. Fil-11 ta’ Novembru 2004, il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali (iktar ’il quddiem il-“KKD”) iltaqa’ biex jisma’ lill-Olicom. Huwa ħareġ opinjoni fl-10 ta’ Jannar 2005, fejn iddikjara li l-prodotti in kwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8517 tan-NM. Il-Kumitat wasal għal din il-konklużjoni billi l-prodotti ma kellhomx funzjoni prinċipali(18).
13. B’digriet tad-9 ta’ Marzu 2006, l-Østre Landsret (il-Qorti Reġjonali tal-Lvant, Awla 15, Kopenħagen) għalhekk issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1. L-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni kif emendat bir-Regolament [tal-Kummissjoni] Nru 3009/95, għandu jiġi interpretat li jfisser li kards tan-netwerk/modem magħquda bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom ikunu suġġetti, wara l-1 ta’ Jannar 1996, għal dazju ta’ dwana bħala magni għall-ipproċessar ta’ data taħt l-intestatura 8471 jew bħala apparat tat-telekomunikazzjoni taħt l-intestatura 8517?
B’konnessjoni ma’ dan il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej qed tintalab tiddeċiedi dwar jekk il-kunċett ta’ ‘funzjoni speċifika’ skond it-tifsira tan-Nota 5(E) għal Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Maqugħda, kif emendata bir-Regolament Nru 3009/95, għandhiex tiġi interpretata bħala li tfisser li dik il-klassifikazzjoni għandha tkun taħt intestaura differenti minn 8471 meta jkolhha funzjoni WAN, jew jekk għandux ikun hemm klassifikazzjoni differenti minn 8471 jekk biss il-funzjoni WAN tkun tista’ topera b’mod indipendenti minn magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data.
2. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha ssib li l-funzjoni tal-WAN fil-kard tan-netwerk/modem magħquda hija funzjoni speċifika, il-Qorti hija mitluba tiddeċiedi dwar jekk din hijiex rilevanti għall-klassifikazzjoni tat-tariffi li l-funzjoni prinċipali tal-prodott għandhiex titqies bħala funzjoni LAN.”
III – Evalwazzjoni
A – L-argumenti tal-partijiet
14. Skond id-digriet tal-qorti tar-rinviju, Olicom (ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali) targumenta li l-prodotti għandhom jiġu kklassifikati bħala magni ADP taħt l-intestatura 8471, peress li ma jwettqu ebda “funzjoni speċifika”. Filwaqt li l-partijiet jaqblu li tlieta mill-erba’ kundizzjonijiet ta’ Cabletron(19) ġew sodisfatti, jeżisti nuqqas ta’ qbil dwar jekk ir-raba’ waħda ġietx sodisfatta wkoll: “4. l-apparat m’għandu l-ebda funzjoni li jkun kapaċi jwettaq mingħajr l-assistenza ta’ apparat [ADP]”. Skond is-sentenzi Cabletron u Peacock(20), apparat tal-komunikazzjoni fil-forma ta’ kard tan-netwerk jeħtieġ apparat ADP sabiex ikun jista’ jwettaq funzjoni(21) – mhux, bħala eżempju, telefon ċellulari, li jwettaq funzjoni ta’ komunikazzjoni b’mod indipendenti – għaldaqstant l-intestatura 8471(22). F’kull każ, Olicom temmen li għandha tapplika xorta waħda l-intestatura 8471, minħabba l-funzjoni prinċipali tal-prodotti (LAN), peress li jikkostitwixxu sempliċement “żvilupp” ta’ prodotti purament LAN. Olicom ma taqbilx mad-dikjarazzjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali.
15. L-Iskatteministeriet (il-konvenut fil-kawża prinċipali) u l-Kummissjoni, it-tnejn li huma jsostnu, essenzjalment, li l-klassifikazzjoni korretta tal-prodotti għandha tkun taħt l-intestatura 8517 peress li dawn m’għandhom l-ebda funzjoni speċifika. In-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 timpedixxi l-klassifikazzjoni tagħhom taħt l-intestatura 8471, minħabba li bil-modem mibni ġewwa fihom, dawn huma kapaċi li jistabbilixxu komunikazzjoni ta’ data b’mod indipendenti mill-apparat ADP. Il-konnessjoni fiżika tal-prodotti ma’ apparat ADP ma jfissirx li dawn ma jwettqux funzjoni speċifika minnhom infushom, peress li l-funzjoni WAN mhijiex dipendenti fuq l-apparat ADP u l-funzjonijiet tagħha. Kemm l-Iskatteministeriet u l-Kummissjoni(23) jqisu li r-raba’ kundizzjoni tas-sentenza Cabletron ma ġietx sodisfatta.
B – L-ewwel domanda
16. Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti nazzjonali essenzjalment tfittex taċċerta jekk il-prodotti għandhomx jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8471 jew 8517 tan-NM, kif emendata bir-Regolament Nru 3009/95. Madankollu, jiena se nibda l-ewwel b’xi każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-materja.
17. Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li, fl-interess taċ-ċertezza legali u għal verifika faċli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni ta’ prodotti għal skop ta’ dwana għandha ġeneralment titfittex fil-karatteristiċi u kwalitajiet oġġettivi kif imfissra fl-ifformular ta’ l-intestatura rilevanti tan-NM(24).
18. Fis-sentenza Peacock, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li bejn Lulju 1990 u Mejju 1995, kards tan-netwerk (LAN) iddiżinjati biex jiġu installati f’magni ADP kellhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8471 bħala unitajiet ta’ magni ta’ dan it-tip(25), filwaqt li fis-sentenza Cabletron(26) hija essenzjalment ikkonfermat li apparat tan-netwerk (LAN) għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471 tan- NM kemm qabel u kemm wara l-1 ta’ Jannar 1996.
19. Fis-sentenza CBA Computer(27), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kards ta’ l-awdjo in kwistjoni f’dik il-kawża(28) m’għandhom l-ebda funzjoni speċifika u għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8471 tan-NM. Wara, fis-sentenza Jacob Meijer(29), hija kkonfermat li kards ta’ l-awdjo m’għandhomx jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8543, li għandhom x’jaqsmu biss ma’ magni elettriċi u apparat li għandu funzjonijiet individwali. Għal kuntrarju, f’Ikegami(30), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li apparat ta’ rrekordjar ta’ sinjali trażmessi minn kameras, li wara li jkun ikkumpresshom, jirripproduċihom fuq skrin, għal skopijiet ta’ sorveljanza bil-vidjo, iwettaq funzjoni differenti minn dik ta’ pproċessar tad-data skond in-Nota 5 tal-Kapitolu 84 tan-NM.
20. Fis-sentenza Hewlett Packard(31), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, b’mod partikolari, li “hu ċar min-Nota 5(E) li t-tip ta’ apparat li hu eskluż mill-intestatura 8471 hu entità għalih li jwettaq biċċa xogħol speċifika li tista’ titwettaq ukoll, anki jekk bi sforz akbar mingħajr apparat [ADP]”(32). Hija ddikjarat ukoll li t-trażmissjoni ta’ data fi ħdan sistema ta’ pproċessar ta’ data m’għandhiex titqies li hija funzjoni tat-telekomunikazzjoni(33).
21. Jiena jkolli nenfasizza li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet f’numru ta’ kawżi l-klassifikazzjoni ta’ ċirkuwiti elettroniċi (apparat ta’ LAN), għadha sa issa ma għamlitx l-istess fir-rigward tal-WAN. Għalhekk, filwaqt li issa huwa ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kards tan-netwerk LAN sempliċement “jipprovdu u jaċċettaw data” fi forma li apparati ADP jkunu jistgħu jużaw u huma għalhekk paragunabbli ma’ kull mezz ieħor li permezz tiegħu l-apparat jaċċetta jew iqassam data (jiġifieri, m’għandhom l-ebda funzjoni speċifika), il-prodotti in kwistjoni f’din il-kawża huma kards tan-netwerk/modem magħquda.
22. Għalhekk, dak li kien intqal dwar il-kards tal-LAN ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi applikat b’analoġija għal kards tan-netwerk li jinkorporaw funzjoni WAN, peress illi, minflok ma “jipprovdi u jaċċetta data” biss, dan ta’ l-aħħar għandu wkoll neċessarjament “jikkonverti” data u sinjali bħal dawn. L-apparat WAN għandu attwalment jipproċessa d-data/sinjali li jirċievi billi “jimmodulahom” u “jiddemodulahom” (għalhekk l-isem “modem”) minn forma analoġika għal diġitali u viċiversa sabiex ikunu, minn naħa, trażmissibbli fin-netwerk tat-telefon (forma analoġika) u, min-naħa l-oħra, kompatibbli ma’ apparat ADP (forma diġitali). Jiena nikkunsidra li l-argument tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward – li l-funzjoni WAN, kif spjegata fil-punt ta’ hawn fuq, għandha titqies li hija funzjoni “differenti minn dik ta’ pproċessar ta’ data” – huwa fondat.
23. Jiena ta’ l-opinjoni li fuq il-bażi ta’ karatteristiċi oġġettivi, il-funzjoni WAN (modem) tassew taqa’ taħt telekomunikazzjoni (jiġifieri, taħt l-intestatura 8517) u mhux taħt ipproċessar ta’ data (jiġifieri taħt l-intestatura 8471). Barra minn dan, b’mod differenti minn apparat tal-LAN, il-WAN juża’ linji tat-telefon għal komunikazzjoni. Jiena nenfasizza f’dan ir-rigward li l-prodotti kienu diġà approvati għall-użu f’netwerk tat-telefon u jistgħu malajr jiġu użati bħala modems.
24. Jiena nikkonkludi għalhekk li jsegwi li l-apparat WAN – għal kuntrarju ta’ l-apparat li jinkorpora biss funzjoni LAN – iwettaq “funzjoni speċifika”, għaliex id-data mibgħuta u rċevuta mill-modem trid inevitabbilment tiġi kkonvertita minn sinjali li apparat ADP huwa kapaċi jipproċessa għal sinjali trasferibbli permezz ta’ linji tat-telefon u mezzi oħrajn simili.
25. Dan huwa kkonfermat min-noti ta’ spjegazzjoni tas-SA, li jeskludu espliċitament modems milli jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8471 u, pjuttost, jattribwuhom b’mod ċar lill-intestatura 8517(34). Il-klassifikazzjoni tal-prodotti taħt l-intestatura 8517 ġiet ukoll ikkonfermata mill-KKT(35). Barra min dan, il-Ġabra ta’ l-Opinjonijiet Klassifikatriċi tas-Sistema Armonizzata(36), ippublikata mill-ODD, tinkludi l-lista numerika ta’ l-opinjonijiet klassifikatriċi adottati minn din l-organizzazzjoni, imħejjija skond l-ordni ta’ l-intestaturi u s-subintestaturi tas-SA. L-opinjoni klassifikatriċi segwenti tat-13 ta’ Novembru 1998 hija inkluża hemmhekk:
“3. Kard iddiżinjata biex tiddaħħal f’apparat [ADP] (kard slot-it)” għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 8517.50/3 peress li din “tikkonverti sinjali diġitali ta’ apparat [ADP] f’sinjali analoġiċi, u viċiversa, u b’hekk tippermetti komunikazzjoni ma’ apparat [ADP] ieħor permezz tas-sistema tal-linja tat-telefon. Din tagħmilha wkoll possibbli li l-apparat [ADP] jibgħat u jirċievi fax u posta elettronika u tħalli dawk l-operazzjonijiet jitwettqu permezz anki ta’ telefon ċellulari”(37).
26. Barra minn dan, anki jekk mhux rilevanti rationae temporis għall-kawża preżenti, l-aħħar tibdil għan-NM (bħala riżultat tar-ristrutturar tas-SA), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007, li ġab tibdil sinjifikattiv fl-istruttura tal-Kapitoli 84 u 85, isostnu l-konklużjonijiet tiegħi. Filwaqt li n-Nota 5(E) tibqa’ kif inhi, permezz tan-Nota ġdida 5(D), prodotti speċifiċi huma issa esklużi mill-intestatura 8471. Dan b’mod partikolari jinkludu: “[ii] tagħmir għat-trażmissjoni jew riċezzjoni ta’ vuċi, immaġni jew forom ta’ data oħra, inkluż apparat għal komunikazzjoni f’netwerk ikkollegat bil-wajer jew bla wajer (bħal netwerk ta’ żona lokali jew ta’ żona wiesgħa)” (38). Fl-istess ħin, l-intestatura NM 8517 hija emendata biex tinkludi: “Settijiet tat-telefon, inklużi telefons għal netwerks ċellulari jew netwerks oħrajn mingħajr fili; apparat ieħor għat-trażmissjoni jew riċezzjoni tal-leħen, immaġini jew data oħra, inkluż apparat għal komunikazzjoni f’netwerk bil-fili jew mingħajr fili (bħal netwerk ta’ żona lokali jew ta’ żona wiesgħa)”(39).
27. Id-domandi magħmula jinkludu l-allegazzjoni li f’kull każ il-prodotti għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8471, peress li l-funzjoni WAN ma tistax topera b’mod indipendenti minn apparat ADP.
28. Jien ikolli ngħid li ma nistax naqbel ma’ din. Kif spjegajt hawn fuq, il-funzjoni WAN tal-prodotti għandha tiġi interpretata oġġettivament bħala li hija differenti mill-ipproċessar tad-data. Jekk il-kriterji pjuttost stretti tal-ġurisprudenza Peacock u Cabletron (40) u l-Kapitoli 84 u 85 jiġu interpretati b’mod strett iżżejjed, allura kull apparat ikollu jiġi kklassifikat bħala apparat ADP – anki jekk iwettqu funzjonijiet totalment differenti mill-ipproċessar ta’ data – għar-raġuni sempliċi li tali apparat jaħdem meta mqabbad ma apparat ADP, bħala eżempju permezz ta’ ċirkuwiti elettroniċi(41). F’din il-perspettiva, jiena jkolli naqbel ma’ l-argument tal-Kummissjoni li interpretazzjoni bħal din tneħħi kull effett tan-Nota NM 5(E).
C – It-tieni domanda
29. Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi – fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ssib li l-funzjoni WAN tal-Prodotti hija funzjoni speċifika – jekk hijiex rilevanti għall-iskopijiet tal-klassifikazzjoni tat-tariffi li l-funzjoni prinċipali tal-prodotti tista’ titqies li hija funzjoni LAN.
30. Olicom argumentat li l-funzjoni prinċipali tal-prodotti hija f’kull każ LAN u dik essenzjalment użata mill-konsumaturi. Madankollu, l-fatt li l-kards in kwistjoni huma ddiżinjati speċjalment għall-użu f’laptops juri, fil-fehma tiegħi, li minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tal-laptops u l-użu u l-iskop tagħhom, ħafna drabi jista’ jiġri li l-funzjoni LAN biss tkun disponibbli (l-WAN tkun inerentement “lokali” u limitata ma’, bħala eżempju, l-uffiċċju ta’ dak li jkun jew il-bini tal-kumpannija b’mod ġenerali). Fil-fehma tiegħi wieħed normalment jixtri laptop minflok kompjuter tipiku preċiżament minħabba l-flessibbiltà u t-trasportabbiltà li ta’ l-ewwel joffri, li huma riflessi fil-prezz ogħla tiegħu u s-saħħa u l-apparat tiegħu li huwa ġeneralment iktar baxx.
31. Minn dak li għidt fir-rigward ta’ l-ewwel domanda hawn fuq isegwi li, fil-fehma tiegħi, huwa biżżejjed li jingħad li – peress li l-funzjoni WAN tal-prodotti hi funzjoni speċifika – ma tagħmilx differenza jekk il-funzjoni LAN tistax tabilħaqq titqies li hi l-funzjoni prinċipali tagħhom jew le.
32. F’kull każ, kontra l-argument ta’ Olicom, jiena ta’ l-opinjoni li fir-realtà n-natura essenzjali tal-prodotti għandha tkun pjuttost il-funzjoni doppja tagħhom (jiġifieri, il-fatt li huma għandhom kemm kapaċità ta’ LAN u ta’ WAN) li hija riflessa fid-diżinn speċifiku tagħhom għal laptops, prezz etc. Barra minn dan, kif diġà ssemma hawn fuq, il-KKT ddeċidiet b’vot unanimu (ta’ l-Istati Membri kollha preżenti) li huwa impossibbli li tiġi stabbilita funzjoni prinċipali tal-prodotti in kwistjoni fil-proċeduri legali prinċipali(42).
33. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, peress li f’dan il-każ, la r-regola ġenerali 3(a) u lanqas ir-regola ġenerali 3(b) ma huma applikabbli (peress li fir-rigward ta’ l-ewwel, kemm l-intestatura 8471 u kemm l-intestatura 8517 għandhom l-istess grad ta’ speċifiċità u, fir-rigward ta’ l-aħħar, trid ikun in-natura essenzjali – il-funzjoni doppja tal-kards – aktar milli l-funzjoni prinċipali li tkun deċiżiva), fil-fehma tiegħi huma r-regola ġenerali 1, 3(ċ) (klassifikazzjoni taħt l-intestatura li tkun l-aħħar fl-ordni numeriku) u r-regola ġenerali 6 li jistabbilixxu li l-klassifikazzjoni korretta tal-prodotti taqa’ taħt l-intestatura 8517 tan-NM.
IV – Konklużjoni
34. Jien għalhekk inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi mressqa mill-Østre Landsret fil-kawża preżenti kif ġej:
“(1) L-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3009/95, għandu jiġi interpretat li jfisser li kards tan-netwerk/modem magħquda bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom ikunu suġġetti, wara l-1 ta’ Jannar 1996, għal dazju ta’ dwana bħala apparat tat-telekomunikazzjoni taħt l-intestatura 8517.
Il-kunċett ta’ ‘funzjoni speċifika’ skond it-tifsira tan-Nota 5(E) għal Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 3009/95, għandu jiġi interpretata li tfisser li l-klassifikazzjoni għandha tkun taħt intestatura differenti minn 8471, skond jekk hemmx funzjoni WAN, indipendentement mill-fatt li l-funzjoni WAN tkun tista’ topera b’mod indipendenti minn apparat awtomatiku għall-ipproċessar tad-data.
(2) Peress li l-funzjoni WAN fil-kards tan-netwerk/modem magħquda bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija funzjoni speċifika, mhijiex rilevanti għall-klassifikazzjoni tat-tariffi li l-funzjoni prinċipali tal-prodotti tkun tista’ titqies li hija funzjoni LAN.”
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Sa mill-1999, l-Avukat Ġenerali Jacobs innota fil-kawża Peacock (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2000, C‑339/98, Ġabra p. I‑8947, punt 13 tal-konklużjonijiet), li “l-iżvilupp tal-LAN u l-konverġenza tat-teknoloġija użata fit-trażmissjoni ta’ data bil-kompjuter u t-telefonija ġġeneraw inċertezza dwar fejn għandha tinqata’ l-linja bejn iż-żewġ tipi ta’ sistemi”.
3 – Sentenza ta’ l-10 ta’ Mejju 2001, Cabletron (C‑463/98, Ġabra p. I-3495).
4 – ĠU L 256, 1987, p. 1.
5 – Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti introdotta bil-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ l-14 ta’ Ġunju 1983, approvata għall-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987, (ĠU L 198, 1987, p. 1). In-NM tieħu minnha l-intestaturi u s-subintestaturi ta’ sitt numri, bis-seba’ u t-tmien numri jiffurmaw is-subintestaturi speċifiċi għan-NM. Għalhekk in-NM tagħmilha possibbli li jintlaħqu r-rekwiżiti kemm tat-Tariffa Komuni Doganali u ta’ l-istatistika tal-kummerċ barrani tal-Komunità. Nixtieq inżid li l-Anness I huwa emendat kull sena b’effett mill-1 ta’ Jannar.
6 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3009/95 tat-22 ta’ Diċembru 1995, li jemenda l-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, (ĠU L 319, 1995, p. 1). Dan ir-regolament tal-Kummissjoni rrifletta reviżjoni sostanzjali tas-SA.
7 – Dan huwa intitolat: “Makkinarju u għodod […]”.
8 – Ta’ l-ewwel għandu x’jaqsam ma’: “Reatturi nukleari, kaldaruni (boilers), makkinarju […]” u ta’ l-aħħar ma’: “Makkinarju u tagħmir elettriku […]”.
9 – Kemm fl-intestaturi tan-NM kif ukoll fir-regoli ta’ interpretazzjoni fil-verżjoni kif emendata mir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 3009/95, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.
10 – Is-sitt regoli ġenerali huma applikabbli permezz ta’ ordni ġerarkika (jiġifieri r-regola ġenerali 1 qabel ir-regola ġenerali 2, din ta’ l-aħħar qabel ir-regola ġenerali 3 etc.). Fuq kollox, ir-regola ġenerali 1 hija r-regola fundamentali, li tgħid li: “It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn it-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin”. Ir-regola ġenerali 6 tipprovdi li: “Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ iktar ’il fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”
11 – Għalkemm mhumiex irrikonoxxuti bħala vinkolanti, normalment jitqiesu bħala indikativi. Ara s-sentenzi ta’ l-10 ta’ Diċembru 1998, Glob-Sped (C‑328/97, Ġabra p. I‑8357, punt 26) u tas-6 ta’ Novembru 1997, LTM vs FIRS (C-201/96, Ġabra p. I‑6147, punt 17), u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata.
12 – L-isem sħiħ ta’ l-ewwel mudell huwa “GoCard 2232 Eth/Modem 336 PC Card” u tat-tieni “GoCard 3232 TRN/Modem 336 PC Card”. “Eth” u “TRN” jirreferu għall-Ethernet u għat-Token Ring, li, fiż-żmien li l-kards kienu qed jinbiegħu, kienu ż-żewġ teknoloġiji fil-komunikazzjoni LAN.
13 – PCMCIA tirrappreżenta l-Assoċjazzjoni ta’ l-Industrija tal-Kards tal-Memorja tal-Kompjuters Personali. Il-GoCards faċilment jistgħu jiddaħħlu f’kull laptop (kompatibbli ma’ din is-sistema) f’ports ipprovvduti għal dan l-iskop. Apparat LAN, kif jimplika l-isem, huwa intiż għal komunikazzjoni lokali, bħala eżempju intranet. Apparat WAN huwa ddiżinjat għal komunikazzjoni fuq distanza twila u għalhekk maħsub għal netwerks esterni, b’mod partikolari l-internet. L-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti jgħidu li “[l-]kapaċità tal-modem tippermetti lill-utenti meta jivvjaġġaw jew jaħdmu mid-dar jikkonettjaw ma’ server għal aċċess għal fajls, posta elettronika, forums elettroniċi u servizzi pubbliċi kemm permezz tan-netwerk telefoniku, jew permezz ta’ telefon ċellulari analoġiku”.
14 – Għal iktar dettalji u spjegazzjoni fir-rigward tal-kards tan-network bħala tali, LAN, WAN kif ukoll għal kuntest aktar wiesa’, nirreferi għas-sentenzi Peacock u Cabletron, li kellhom x’jaqsmu ma’ kards tan-netwerk LAN u apparat tal-LAN rispettivament. B’mod partikolari, ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Peacock, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, bħala eżempju l-punti 10 sa 18 u l-punti 39 sa 40; u sa ċertu punt ukoll il-konklużjonijiet tiegħu f’Cabletron, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 3 sa 10.
15 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1638/94 tal-5 ta’ Lulju 1994, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-nomenklatura magħquda (ĠU L 172, 1994, p. 5).
16 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1165/95 tat-23 ta’ Mejju 1995, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-nomenklatura magħquda (ĠU L 117, 1995, p. 15).
17 – Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar firxa ta’ prodotti u ħlas lura ta’ dazju fil-Kawża C‑463/98 Cabletron (TAXUD/1666/2002), tat-12 ta’ Frar 2002.
18 – Skond id-digriet tal-qorti tar-rinviju, l-opinjoni tal-KKT ġiet allegatament ibbażata fuq it-teżi żbaljata li l-partijiet attwalment qablu li l-funzjoni tal-WAN in kwistjoni kienet funzjoni speċifika fil-forma ta’ telefonija bil-fil. Madankollu, il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dan l-argument u tgħid li kien inftiehem ħażin: l-opinjoni tal-KKT ma tistax tinftiehem li l-partijiet qablu li modem huwa “funzjoni speċifika” skond it-tifsira tan-Nota 5(E) tan-NM. Jekk il-KKT ħaseb hekk, il-każ kollu kien jispiċċa jsir bla ebda sens peress li kien preċiżament proprju fuq dan il-punt li l-partijiet ma jaqblux.
19 – Iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 17. Permezz ta’ dawn l-erba’ kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet meta kards tan-netwerk għandhom jiġu kklassifikati bħala magni ADP taħt l-intestatura 8471.
20 – Iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 16.
21 – Peress li magna ADP tittrażmetti lill-prodotti l-kurrent elettriku, istruzzjonijiet kif ukoll data meħtieġa għat-tħaddim tagħhom, il-prodotti mhumiex kapaċi jaħdmu mingħajr l-għajnuna ta’ magna ADP (PC) u dik tal-program relattiv (driver). Kemm il-LAN u l-WAN jeħtieġu li l-prodotti jkunu fiżikament imqabbda ma’ magna ADP.
22 – Peress li l-iskop uniku tal-prodotti huwa li tiġi stabbilita komunikazzjoni ta’ data bejn magni ADP, din ma tistax, skond il-ġurisprudenza, tkun “funzjoni speċifika” fit-tifsira tan-Nota 5(E); il-funzjoni tal-modem ma tbiddel xejn f’dan ir-rigward. Kemm il-funzjonijiet LAN u WAN huma simili peress li t-tnejn li huma jibgħatu/jirċievu data bejn magni ADP fi ħdan netwerk, bl-unika differenza tkun li ta’ l-ewwel tkopri netwerks lokali u ta’ l-aħħar dawk esterni, speċjalment l-internet.
23 – Il-linji gwida tal-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, iddikjaraw li fejn l-erba’ kundizzjonijiet ma jiġux sodisfatti, il-prodott m’għandux jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8417, iżda probabbilment taħt l-intestatura 8517 (u jgħidu wkoll li (i) funzjoni speċifika hija preżenti fejn il-prodott huwa kapaċi li jsostni komunikazzjoni bejn netwerks tal-kompjuter fuq linji tat-telefon jew billi jużaw teknoloġiji tat-telekomunikazzjoni; u (ii) modems, inklużi modems diġitali, u prodotti li jinkorporaw kull xorta ta’ modem huma dejjem ikklassifikati fl-intestatura SA 8517).
24 – Ara bħala eżempju s-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2005, Ikegami (C‑467/03, Ġabra p. I‑2389, punt 17), u Peacock, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 9, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata.
25 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2. B’mod partikolari, kards tan-netwerk (LAN) huma ddiżinjati unikament għal magni ADP, huma direttament imqabbda ma’ dawk il-magni u l-funzjoni tagħhom hija li jipprovdu u li jaċċettaw data fi forma li dawk il-magni jkunu jistgħu jużaw.
26 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 27. Ninnota li anki jekk wieħed mit-58 tip ta’ apparat li ġew ittrattati f’Cabletron dehru li huma ddiżinjati wkoll għal WANs, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat f’dik il-kawża li dawk it-tipi kollha ta’ apparat kienu intiżi li jqabbdu kompjuters li jaħdmu f’LAN.
27 – Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2001, CBA Computer (C‑479/99, Ġabra p. I‑4391, punti 21 sa 28).
28 – Imfissra bħala “ċirkuwiti elettroniċi li permezz tagħhom apparat [ADP] u unitajiet tagħhom jipproċessaw sinjali awdjo”.
29 – Sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Jacob Meijer u Eagle International Freight (C‑304/04 u C‑305/04 Ġabra p. I‑6251).
30 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24.
31 – Sentenza tat-13 ta’ Frar 2001, Hewlett Packard France u Hewlett-Packard Europe vs Il-Kummissjoni (T‑133/98 u T‑134/98 Ġabra p. II‑613).
32 – Ibid., ara l-punt 39 tas-sentenza. Din sabet, madankollu, li ebda wieħed minn dawn il-prodotti (għal netwerks tal-LAN) huwa kapaċi jwettqu funzjoni b’mod indipendenti kemm minn apparat ADP jew mis-sistema kompleta.
33 – Ibid., ara l-punt 42 tas-sentenza.
34 – Taqsima XVI, Parti IV, intitolata “apparat tat-telekomunikazzjoni għal sistemi bil-linja carrier-current jew għal sistemi bil-linja diġitali” taqra kif ġej: “Dawn is-sistemi huma bbażati fuq il-modulazzjoni ta’ carrier-current elettriku jew ta’ raġġ ta’ dawl b’sinjali analoġiċi jew diġitali [u] huma użati għat-trażmissjoni ta’ kull xorta ta’ informazzjoni (karattri, grafika, immaġini, jew data oħra. Din tinkludi: […] (B) modulatori demodulaturi magħquda (modems)”, p. 1654 (Verżjoni ta’ Frar 2004).
35 – Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-opinjonijiet tal-KKT ma jorbtux legalment, hija innutat ukoll li dawn “jikkostitwixxu mezzi importanti sabiex tiġi assigurata applikazzjoni uniformi tal-Kodiċi Doganali mill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membri u jistgħu, fihom infushom, jitqiesu li huma mezzi validi għall-interpretazzjoni ta’ l-imsemmi kodiċi” (sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Friesland Coberco Dairy Foods, C‑11/05 Ġabra p. I‑4285, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 – Sistema Armonizzata ta’ Merkanzija u Sistema ta’ Kodifikazzjoni ta’ l-ODD – Ġabra ta’ l-Opinjonijiet Klassifikatriċi, Taqsima XVI, Intestatura 8517.50, p. XVI/19 E (Verżjoni ta’ Frar 2004).
37 – Din tirreferi wkoll għal opinjonijiet paralleli 8517.50/1, fir-rigward ta apparat biex iqabbad apparat ADP ma’ linja tat-telefon, u 8517.50/2, dwar apparat biex iqabbad apparat ADP ma’ linja tat-telefon via ISDN, u żiedu jgħidu li regoli ġenerali 1 sa 6 ġew applikati.
38 – Emendi għan-Nomenklatura mniżżla bħala Anness għall-Konvenzjoni, aċċettati skond ir-Rakkomandazzjoni tas-26 ta’ Ġunju 2004 tal-Kunsill għall-Koperazzjoni fid-Dwana, Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (Brussell, fl-14 ta’ Ġunju 1983), data tad-dħul fis-seħħ: l-1 ta’ Jannar 2007, p. 67.
39 – Ibid., p. 80.
40 – Li ddikjarat fost l-oħrajn li prodotti li ma jkollom ebda funzjoni li jkunu kapaċi jwettqu mingħajr l-assistenza ta’ apparat ADP għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8471.
41 – Meta nħares lejn il-progress teknoloġiku (użu kullimkien ta’ kompjuters, ċirkuwiti elettroniċi etc. f’varjetà tiżdied ta’ prodotti) jien ikolli nżid li dan għalhekk ikun ikopri perċentwali mhux insinjifikanti ta’ prodotti – pjuttost il-kuntrarju – li żżid biss mal-gravità tal-kwistjoni diskussa.
42 – Jiena nsib l-opinjoni tal-KKT f’dan il-każ – fejn sostniet li fuq il-bażi ta’ karatteristiċi u argumenti oġġettivi l-prodotti m’għandhomx funzjoni speċifika – pjuttost persważiva. Il-konklużjoni tiegħu kienet li l-prodotti għandhom żewġ funzjonijiet separati (LAN u WAN) u m’għandhomx funzjoni prinċipali.
Full & Egal Universal Law Academy