KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
J. MAZÁK
ippreżentati fid- 29 ta’ Marzu 2007 1(1)
Kawża C-158/06
Stichting ROM-projecten
vs
Staatssecretaris van Economische Zaken
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda))
“Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(95) 1753 tas-16 ta’ Ottubru 1995 dwar kontribuzzjoni mill-Fond Ewropew Reġjonali ta’ l-Iżvilupp (ERDF) u mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF) – Nuqqas ta’ rkupru ta’ għajnuna, wara irregolarità, fil-konfront ta’ benefiċjarju li ma kienx infurmat bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni – Prinċipju ta’ ċertezza legali”
I – Introduzzjoni
1. Il-kwistjoni prinċipali li għandha tiġi indirizzata fil-każ preżenti hija dwar jekk id-dritt komunitarju jipprekludix lil Stat Membru milli jastjeni milli jirkupra għajnuna finanzjarja, u milli jistrieħ għal dan il-għan fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali, meta l-irregolarità materjali min-naħa tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna tkun ibbażata fuq dispożizzjoni komunitarja li la ġiet ikkomunikata lill-benefiċjarju u lanqas ma tkun giet ippubblikata.
II – Kuntest Legali
2. Sa fejn hi relevanti hawnhekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tas-16 ta’ Ottubru 1995 rigward l-għoti ta’ għajnuna mill-Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) u l-Fond Soċjali Ewropew (ESF) għal programm ta’ ħidma fil-kuntest ta’ l-inizjattiva Komunitarja SME favur żoni eliġibbli skond l-Obbjettivi 1 u 2 fl-Olanda (aktar il-quddiem id-“Deċiżjoni C(95) 1753”) tipprovdi:
“Artikolu 1
Il-programm ta’ ħidma SME għall-Olanda adottat fir-rigward tal-perjodu bejn it-30 ta’ Novembru 1994 u l-31 ta’ Diċembru 1999, li huwa elenkat fl-annessi ta’ hawn taħt, li jkopri numru koerenti ta’ miżuri multiannwali fil-kuntest ta’ l-inizjattiva Komunitarja SME favur żoni eliġibbli skond l-Obbjettivi 1 u 2 fl-Olanda, huwa bil-preżenti approvat.
[...]
Artikolu 6
L-għajnuna komunitarja tkopri l-infiq fuq l-attivitajiet li jitwettqu taħt dan il-programm li, fl-Istat Membru kkonċernat, jieħdu l-forma ta’ impenji li jorbtu legalment u li għalihom ġew allokati l-finanzi neċessarji mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1999. Id-data finali li fiha wieħed jista’ jieħu in kunsiderazzjoni l-infiq fuq dawn il-miżuri hija l-31 ta’ Diċembru 2001.
[...]
Artikolu 9
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ l-Olanda.”
3. Fir-rigward tat-terminoloġija użata fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni C(95) 1753, il-Folja informattiva Nru 3, annessa mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 1997, li temenda d-deċiżjonijiet li japprovaw l-oqsma ta’ sostenn Komunitarju, id-dokumenti waħdiena ta’ pprogrammar u l-Programmi ta’ inizjattiva Komunitarja fir-rigward ta’ l-Olanda (aktar il-quddiem id-“Deċiżjoni 97/320/EC”)(2), tipprovdi li:
“ ‘Arranġamenti li jorbtu legalment’ u ‘impenji finanzjarji neċessarji’ jinkludu d-deċiżjonijiet meħuda mill-benefiċjarji finali sabiex jimplementaw l-attivitajiet eliġibbli u l-allokazzjoni tal-fondi pubbliċi korrispondenti […]
L-impenn li daħal għalih Stat Membru għandu jinkudi l-impenn li daħal għalih il-benefiċjarju finali. Dan l-impenn għandu jorbot legalment u jkollu miegħu l-impenn finanzjarju, i.e. l-allokazzjoni tal-fondi pubbliċi neċessarji […]”
III – Il-proċedimenti prinċipali u r-rinviju lill-Qorti
A – L-isfond tal-kontroversja
4. F’Awwissu 1999, Stichting ROM-projecten (aktar il-quddiem “ROM-projecten”) applikat għall-għoti ta’ sussidju għall-progett imsemmi “Kenniskaart Medische Technologie en Life Science” (aktar il-quddiem il-“proġett”) fil-kuntest tal-programm ta’ ħidma ta’ l-inizjattiva SME għall-Olanda.
5. Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Diċembru 1999, is-Segretarju ta’ l-Istat ta lill-ROM-projecten sussidju li jammonta għal mhux aktar minn NLG 200 000, liema somma tikkostitwixxi 45,45 % ta’ l-ispejjeż totali eliġibbli għas-sussidju ta’ NLG 440 000.
6. Waħda mill-kundizzjonijiet imposti kienet li l-proġett kellu jitwettaq sal- 31 ta’ Diċembru 2000 u, barra minn hekk, li kwalunkwe spejjeż li saru qabel l-1 ta’ Jannar 2000 u wara l-31 ta’ Diċembru 2000 kienu jkunu ineliġibbli għal sussidju. B’deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2000, madankollu, is-Segretarju ta’ l-Istat qabel li d-data li fiha l-proġett kellu jibda jitmexxa ‘l quddiem mill-1 ta’ Jannar 2000 sa l-1 ta’ Novembru 1999. Barra minn dan, b’deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2000, is-Segretarju ta’ l-Istat, fuq talba ta’ ROM-projecten, estenda sat-30 ta’ Ġunju 2001 il-perijodu li fih setgħu jiġu ddikjarati l-ispejjeż li ntefqu.
7. B’deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2002, is-Segretarju ta’ l-Istat innotifika lil ROM-projecten, inter alia, li hija kienet naqset milli tikkonforma ruħha mal-kundizzjoni imposta mill-Kummissjoni li l-impenji kellhom jitwettqu qabel il-31 ta’ Diċembru 1999 (aktar il-quddiem ir-“rekwiżit tad-data”). Il-kwistjoni jekk is-sussidju kellux, b’konsegwenza, jiġi ffissat għall-ammont ta’ żero tressqet mis-Segretarju ta’ l-Istat quddiem il-Kummissjoni, liema domanda ngħatatilha risposta informali fin-negattiv mid-dipartimenti tal-Kummissjoni. Fil-pendenza ta’ konferma formali ta’ din id-domanda, is-Segretarju ta’ l-Istat iffissa s-sussidju fl-ammont ta’ NLG 69 788, liema ammont kien suġġett għal riżerva ġenerali.
8. B’deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2003, is-Segretarju ta’ l-Istat iffissa s-sussidju (retroattivament) għall-ammont ta’ żero, għaliex sar evidenti li l-Kummissjoni żammet għal kollox mal-kundizzjoni taż-żmien. Is-Segretarju ta’ l-Istat talab ukoll ir-rifużjoni ta’ l-ammont ta’ NLG 69 788 li kien fadal.
9. B’deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2003, is-Segretarju ta’ l-Istat iddikjara li l-oġġezzjonijiet imressqa minn ROM-projecten kontra ż-żewġ deċiżjonijiet (id-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Lulju 2002 u tas-27 ta’ Frar 2003) kienu infondati.
10. F’appell sussegwenti, ir-Rechtbank Roermond iddikjara li l-appell kien fondat u ħassar id-deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2003. Is-Segretarju ta’ l-Istat ġie ordnat jadotta deċiżjoni ġdida.
11. Din id-deċiżjoni ġiet adottata fis-16 ta’ Awwissu 2004. F’din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata d-deċiżjoni ta’ qabel li ffissat is-sussidju għall-ammont ta’ żero minħabba li ROM-projecten ma kinitx ikkonformat ruħha mal-kundizzjoni taż-żmien.
12. ROM-projecten ikkontestat id-Deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2004. Il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti Amministrattiva għall-Kummerċ u l-Industrija) (l-Olanda) staqsiet jekk is-Segretarju ta’ l-Istat setax iqajjem kontra ROM-projecten il-fatt li hija ma kinitx ikkonformat ruħha mal-kundizzjoni taż-żmien li tinsab fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni C(95) 1753. Huwa fid-dawl ta’ dan l-isfond li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċiediet li tagħmel id-domandi għal deċiżjoni preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja.
B – Domandi magħmula
“(1) L-artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ottubru 1995, rigward l-għoti ta’ għajnuna mill-Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) u l-Fond Soċjali Ewropew (ESF) għal programm ta’ ħidma fil-kuntest ta’ l-inizjattiva Komunitarja SME favur żoni eliġibbli skond l-Obbjettivi 1 u 2 fl-Olanda (C(95) 1753) huwa ta’ natura inkundizzjonata u biżżejjed ċar u preċiż biex ikun direttament applikabbli fl-ordinament ġuridiku nazzjonali ?
(2) Jekk ir-risposta għad-Domanda 1 hija fl-affermattiv:
L-Artikolu 249 KE għandu jiġi interpretat li jfisser li l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni għandu effett dirett, b’tali mod li jirrikjedi lill-individwu, bħala l-benefiċjarju finali, li jidħol għall-impenji kkontemplati f’dan ir-rigward u li jalloka speċifikament il-finanzi neċessarji sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1999?
(3) Jekk ir-risposta għad-Domanda 2 hija fl-affermattiv:
L-Artikolu 38(1)(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jipprovdi dipożizzjonijiet ġenerali fuq il-Fondi Strutturali, meħud fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt komunitarju, jagħti lok lill-Istati Membri milli jastjenu mill-irkupru minħabba vjolazzjoni ta’ dispożizzjoni fejn il-benefiċjarju tas-sussidju kkoncernat ma kienx jaf b’tali dispożizzjoni u ma jaħtix ta’ dan-nuqqas ta’ għarfien?”
C – Proċedura quddiem il-Qorti
13. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn ROM-projecten u mill-Kummissjoni. Fis-seduta ta’ l-1 ta’ Frar 2007, l-Olanda u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali.
IV – Evalwazzjoni
14. L-ewwel żewġ domandi fil-fatt jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni f’deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata lil Stat Membru, fuq is-suppożizzjoni li hija inkundizzjonata u ċara biżżejjed (l-ewwel domanda), tistax tkun applikabbli direttament fil-konfront tal-benefiċjarju finali (it-tieni domanda), fi kliem ieħor, jekk Stat Membru jistax jinvoka kontra l-benefiċjarju tali dispożizzjoni, dak li huwa magħruf bħala “l-effett dirett invers”. It-tielet domanda essenzjalment tindirizza l-obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna li ġiet mogħtija b’mod illeċitu b’ kuntrast mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.
15. Dawn id-domandi huma mqajma fid-dawl taċ-ċirkustanza li l-ammont tas-sussidju mogħti kien retroattivament iffissat għal żero u l-ħlas lura kien ordnat. Ir-raġuni għal dan l-aġir kienet li l-benefiċjarju kien naqas milli jikkonforma ruħu mal-kundizzjoni taż-żmien, prevista fl-Artikolu 6 tad-deċiżjoni C(95) 1753.
16. Kif isegwi mid-digriet tar-rinviju, fil-każ preżenti huwa stabbilit li l-kundizzjoni taż-żmien kif ikkuntemplata fid-Deċiżjoni C(95) 1753 ma kienet inkluża la fid-deċiżjoni nazzjonali li kkonferixxiet is-sussidju u lanqas fil-kundizzjonijiet, fl-obbligi u fid-dispożizzjonijiet relatati mas-sussidju. Lanqas ma kien hemm riferiment għal dan ir-rekwiżit fil-formola ta’ applikazzjoni jew fid-dokumenti relatati magħha.
17. Barra min hekk, id-Deċiżjoni C(95) 1753 ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
18. Għaldaqstant, il-Qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-benefiċjarju kkonċernat ma kienx jaf bid-dispożizzjoni u, fil-fehma ta’ din il-Qorti, ma kienx jaħti għal dan in-nuqqas ta’ għarfien.
19. Meta wieħed jikkunsidra l-kuntest li fih tqajmu dawn id-domandi, nikkunsidrah preferibbli li nibda bit-tielet domanda. Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi, għandu jkun biżżejjed li tiġi ttrattata biss din id-domanda, b’varjazzjoni minima tal-kliem.
20. Sussegwentement, nixtieq nosserva li r-riferiment għall-artikolu 38(1)(h) tar-Regolament Nru 1260/1999(3) huwa ċentrali għat-tielet domanda, filwaqt li l-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet miktuba tagħha, tqis li l-qafas applikabbli u rilevanti huwa l-hekk imsejjaħ Regolament dwar il-koordinazzjoni(4). F’dan ir-rigward, meta nqis l-Artikolu 52(1) tar-Regolament 1260/1999, jiena naqbel mal-Kummissjoni. Din però, ftit tagħmel differenza fil-kuntest tad-domanda rrinvijata, għaliex irrispettivament mil-liema dispożizzjoni tiġi applikata, l-Istati Membri huma obbligati, b’xi mod jew ieħor, jieħdu passi fil-każ ta’ irregolarità.
21. Kif ġie spjegat mill-qorti tar-rinviju, taħt il-liġi Olandiża, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jfisser li tali kundizzjoni ta’ sussidju, li hija ta’ natura oneruża, ma tistax tiġi invokata kontra l-benefiċjarju tas-sussidju ħlief jekk tkun ġiet mgħarrfa minn-qabel lil dak il-benefiċjarju.
22. Dan ir-rekwiżit li hija għandha tiġi mgħarrfa joħroġ wkoll mill-Kodiċi Olandiż tal-liġi Amministrattiva (Algemene wet bestuursrecht). Kif indikat mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 4:37 ta’ dan il-Kodiċi, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 4:38(2) u (3) tiegħu stess, jirrikjedi li kwalunkwe obbligu marbut ma sussidju għandu jinsab jew f’dispożizzjoni legali jew fid-deċiżjoni li tikkonċedi s-sussidju.
23. Skond l-istess Kodiċi, sussidju jista’ jingħata wkoll direttament bis-saħħa ta’ programm adottat mill-Kummissjoni. F’dan il-każ, mhijiex meħtieġa bażi legali separata. Però, il-kundizzjoni taż-żmien mhijiex inkluża fir-rigward tal-kategorija ta’ proġetti li minnha ROM-projecten tagħmel parti.
24. Għaldaqstant, taħt il-liġi Olandiża waħedha l-kundizzjoni taż-żmien ma tistax tiġi invokata kontra l-benefiċjarju.
25. Għalhekk id-domanda hija jekk hemmx obbligu li dan ir-rekwiżit jiġi inforzat skond id-dritt Komunitarju, jew fi kliem ieħor, jekk il-prinċipju taċ-ċertezza legali jistax jipprekludi l-irkupru ta’ l-għajnuna finanzjarja in kwistjoni.
26. Din mhijiex l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tittratta kwistjonijiet li jirrigwardaw l-irkupru ta’ ammonti li ma kellhomx jitħallsu taħt id-dritt Komunitarju.
27. L-ewwel nett, hija ġurisprudenza kostanti li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, kontroversji li jirrigwardaw l-irkupru ta’ ammonti li ma kellhomx jitħallsu skond id-dritt komunitarju għandhom jiġu deċiżi mill-qrati nazzjonali, b’applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tagħhom, suġġetti għal-limiti imposti mid-dritt komunitarju, li jipprovdu li r-regoli u l-proċeduri pprovduti mil-liġi nazzjonali m’għandhomx ikollhom l-effett li jirrendu l-irkupru ta’ l-għajnuna li ma kinitx dovuta prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli u li l-liġi nazzjonali għandha tiġi applikata b’mod li mhijiex diskriminatorja meta mqabbla mal-proċeduri li bihom jiġu deċiżi kontroversji simili nazzjonali(5).
28. It-tieni nett, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju. Nirreferi f’dan ir-rigward għal Huber(6). F’din il-kawza, li kkonċernat programm nazzjonali ta’ għajnuna koffinanzjat mill-Komunità fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, il-Qorti kkonstatat li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali sabiex jiġi evitat l-irkupru ta’ l-ammonti li ġew imħallsa indebitament, peress li dan il-prinċipju jifforma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Komunità.
29. It-tielet nett, taħt id-dritt komunitarju, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, prinċipju fundamentali, ifisser li r-regoli għandhom jippermettu lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu preċiżament safejn jaslu l-obbligi li huma imposti fuqhom(7).
30. Kif intqal, l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali m’għandhiex tirrendi l-irkupru ta’ l-għajnuna mħallsa indebitament prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Barra minn hekk, għandha tiġi applikata b’mod li mhijiex diskriminatorja meta mqabbla mal-proċeduri użati sabiex jiġu deċiżi kontroversji simili nazzjonali. Dan ta’ l-aħħar jimplika li l-interess tal-Komunità wkoll jittieħed in kunsiderazzjoni. (8)
31. Fl-opinjoni tiegħi, il-konklużjoni milħuqa mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li l-prinċipju ta’ ċertezza legali taħt il-ligi Olandiża jipprekludi lis-Segretarju ta’ l-Istat milli jistrieħ fuq il-kundizzjoni taż-żmien kontra ROM-projecten, peress li din il-kundizzjoni ma ġietx ikkomunikata lill-benefiċjarju u, barra minn hekk, ma setax ikun raġonevolment mistenni minn dan ta’ l-aħħar li jaċċerta ruħu mill-kontenut tad-Deċiżjoni C(95) 1753 b’ebda mod ieħor, ma tippreġudika la l-prinċipju ta’ effettività u lanqas dak ta’ ekwivalenza.
32. Peress li l-benefiċjarju ma kienx jaf bid-dispożizzjoni in kwistjoni u ma jaħtix għal dan in-nuqqas ta’ għarfien, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali mhuwiex prekluż mid-dritt Komunitarju.
33. Fl-aħħar nett, nirrileva li hemm possibbiltà li, fil-każ li l-irregolarità tkun imputabbli lil Stat Membru, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jinżamm finanzjarjament responsabbli għall-ammonti li ma jkunux ġew irkuprati.
V – Konklużjoni
34. Għar-raġunijiet msemmija hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti għandha tagħti r-risposta segwenti għad-domandi magħmula mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven:
“Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix lil Stat Membru milli japplika l-prinċipju ta’ ċertezza legali sabiex jastjeni milli jirkupra għajnuna minħabba l-vjolazzjoni ta’ dispożizzjoni, fejn il-benefiċjarju tas-sussidju ma kienx jaf b’dik id-dispożizzjoni u ma jaħtix għan-nuqqas ta’ għarfien ta’ dik id-dispożizzjoni.”
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – ĠU L 146, 1997, p. 7.
3 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali, ĠU L 121, 1999, p.1. Huwa rrevoka r- Regolamenti Nru 2052/88 u Nru 4253/88 b'effett mill-1 ta’ Jannar 2000 (ara l-Artikolu 54 tar- regolament ).
4 – Regolament (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta' Diċembru 1988, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet tad-diversi Fondi Strutturali bejnithom u ma' l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew ta' Investiment u ta’ l-istrutturi finanzjarji oħra eżistenti (ĠU L374, 1988, p.1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill Nru. 2082/93 ta' l-20 ta' Lulju 1993 (ĠU L193, 1993, p.20), b'mod partikolari l-Artikolu 23(1) ta' dan ir-Regolament. Isir riferiment wkoll għall-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1681/94 tal-11 ta’ Lulju 1994, dwar irregolaritajiet u l-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa indebitament in konnessjoni ma l-iffinanzjar tal-politika strutturali u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam (ĠU L 178, 1994, p. 43), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2035/2005 (ĠU L 328, 2005, p. 8).
5 – Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkontor et (205/82 sa 215/82, Ġabra p. 2633, punt 19).
6 – Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002 Huber, (C‑336/00 Ġabra p. I‑7699, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
7 – Ara, per eżempju, is-sentenza ta’ l-1 ta’ Ottubru 1998, Ir-Renju Unit v Il-Kummissjoni (C‑209/96, Ġabra I‑5655, punt 35).
8 – Ara s-sentenza Deutsche Milchkontor et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 32.
Full & Egal Universal Law Academy