KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
J. MAZÁK
ippreżentati fid-19 ta’ April 2007 1(1)
Kawża C‑181/06
Deutsche Lufthansa AG
vs
Ana – Aeroportos de Portugal SA
[Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mit-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto (il-Portugall)]
(Trasport bl-ajru – Aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti Komunitarji – Direttiva 96/67/KE – Artikolu 6 – Artikolu 16(3) – Ħlas mitlub għall-aċċess għal suq ta’ għajnuna u ta’ superviżjoni tal-groundhandling)
1. Dan il-każ jirrigwarda t-trasport bl-ajru, prinċipalment il-ħlasijiet rigward l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti Komunitarji – b’mod partikolari “ħlas għal għajnuna u superviżjoni amministrattiva”. Il-groundhandling bażikament jirreferi għas-servizzi pprovduti lill- inġenju ta’ l-ajru, lill-passiġġieri u lill-merkanzija f’ajruport. Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddeċiedi dwar jekk tali ħlas, kif iffissat mil-liġi nazzjonali, jistax jitqies li ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ kriterji rilevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji – kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni Komunitarja – u jekk tali impożizzjoni hijiex kuntrarja jew le għall-aċċess ħieles tas-suq tal-groundhandling .
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2. Ir-raba’ u l-ħames premessi fil-preambolu għad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996, dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità(2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) rispettivament jipprovdu li: “[i]s-servizzi ta’ groundhandling huma essenzjali għall-funzjonament xieraq tat-trasport bl-ajru’ u ‘[i]l-ftuħ ta’ l-aċċess għall-groundhandling għandu jgħin biex inaqqas l-ispejjeż tat-tħaddim tal-kumpaniji ta’ l-ajru u jtejjeb il-kwalità tas-servizz provdut għal dawk li jużaw l-ajruport”.
3. Skond id-disa’ premessa tad-Direttiva, “aċċess ħieles għas-suq tal-groundhandling huwa konsistenti mat-tħaddim effiċjenti ta’ ajruporti tal-Komunità”.
4. Il-ħamsa u għoxrin premessa tal-preambolu għad-Direttiva tiddikjara li: “[…] l-aċċess għall-istallazzjonijiet ta’ ajruport għandu jkun garantit lill-fornituri awtorizzati li jipprovdu servizzi ta’ ground-handling u lil dawk li jużaw l-ajruport li jmexxu huma stess, sal-limitu meħtieġ għalihom li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u li jippermettu kompetizzjoni ġusta u ġenwina; […] għandu jkun iżda possibbli, għal dak l-aċċess li jagħti lok għall-ġbir ta’ ħlas.” (3)
5. L-Artikolu 6 tad-Direttiva, intitolat “Groundhandling għall-partijiet terzi” jiddikjara dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa skond l-arranġamenti mniżżla fl-Artikolu 1 biex jiżguraw aċċess ħieles għall-fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling għas-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ groundhandling lill-partijiet terzi. L-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jeħtieġu lill-fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling ikunu stabbiliti fil-Komunità.”
6. Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar “Aċċess għal installazzjonijiet”, jgħid:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling u dawk li jużaw l-ajruport li jixtiequ li jmexxu huma stess ikollhom aċċess għall-installazzjonijiet ta’ l-ajruport sal-limitu meħtieġ għalihom biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom. Jekk il-korp li jmexxi l-ajruport jew, fejn japplika, l-awtorità pubblika jew xi korp ieħor li jikkontrollah jimponi xi kondizzjonijiet dwar dak l-aċċess, dawk il-kondizzjonijiet għandhom ikunu relevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.
2. L-ispazju disponibbli għall-groundhandling f’ajruport għandu jkun maqsum mal-fornituri varji tas-servizzi ta’ groundhandling u selfhandling ta’ dawk li jużaw l-ajruport, inklużi dawk li jidħlu ġodda f’dan il-qasam, sal-limitu meħtieġ għat-twettiq tad-drittijiet tagħhom u li jippermetti kompetizzjoni effettiva u ġusta, fuq il-bażi tar-regoli u kriterji relevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.
3. Fejn l-aċċess għall-istallazzjonijiet ta’ ajruport jagħti lok għall-ġbir ta’ ħlas, din ta’ l-aħħar għandha tkun stabbilita skond il-kriterji relevanti, oġġettivi trasparenti u mhux diskriminatorji.”
7. Fiż-żmien ta ’ l-adozzjoni tad-direttiva, il-Kummissjoni inkludiet id-dikjarazzjoni li ġejja fil-minuti li huma rrelatati ma’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 16(3):
“Il-Kummissjoni tiddikjara li l-Artikolu 16(3) jirrikonoxxi li ajruport għandu dritt jiġbor ħlas mingħand il-fornituri tas-servizzi tal-groundhandling u mingħand l-utenti selfhandling għal aċċess għall-installazzjonijiet tiegħu.
Il-Kummissjoni tiddikjara li tali ħlas jista’ jiġi interpretat bħala ħlas kummerċjali u b’mod partikolari jista’ jikkontribwixxi għall-awto-finanzjament ta’ l-ajruport sakemm jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ kriterji rilevanti, oġġetti, trasparenti u mhux diskriminatorji.”
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
8. Fil-Portugall, id-Direttiva 96/67/KE ġiet trasposta, inter alia, permezz tad-Digriet leġiżlattiv Nru 275/99 tat-23 ta’ Lulju 1999,(4) filwaqt li l-ħlasijiet ta’ l-ajruport li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-każ ġew iddefiniti permezz tad-Digriet Nru 12/99 tat-30 ta’ Lulju 1999(5). Il-ħlasijiet għall-groundhandling li ġew stabbiliti fid-Digriet ta’ l-aħħar jammontaw għal 11 b’kollox. Rigward l-ewwel wieħed minn dawn il-ħlasijiet, fid-Digriet ġie essenzjalment stipulat li l-fornituri tas-servizzi jagħtu ħlas għal għajnuna u superviżjoni amministrattiva u dan ġie ddefinit bħala perċentwali tal-fatturat tagħhom. (6)
II – Il-kuntest fattwali u proċedurali u d-domandi preliminari
9. Skond id-digriet tar-rinviju, Deutsche Lufthansa Aktiengesellschaft (“Lufthansa”), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kumpanija kkostitwita taħt il-liġi Ġermaniża, li għandha fergħa bis-sede tagħha fl-ajruport ta’ Liżbona, il-Portugall, fetħet kawża fejn qed tikkonesta d-digriet li jivvaluta u jimponi l-ħlasijiet għal għajnuna u superviżjoni amministrattiva magħmula minn ANA – Aeroportos de Portugal, SA (“ANA”, il-“korp li jmexxi l-ajruport” jew l-“AMB”), il-konvenut fil-kawża prinċipali.
10. ANA kkonċediet lil Lufthansa liċenzja biex twettaq attività ta’ groundhandling fl-Ajruport ta’ Porto Francisco Sá Carneiro. Il-ħlas ikkontestat għall-provvista ta’ għajnuna u superviżjoni amministrattiva lil partijiet terzi fl-ajruport (il-“ħlas in kwistjoni”) li kien impost fuq Lufthansa laħaq PTE 18,944, flimkien ma’ VAT ta’ 17 % li jfisser PTE 3 220, li jammontaw għal total ta’ PTE 22 164 (EUR 110,55). Dak il-ħlas ġie vvalutat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10(1) tad-Digriet Nru 12/99. L-ammont tal-ħlas in kwistjoni li Lufthansa kienet meħtieġa tħallas matul is-sena 2000 kien ivvalutat fi 3,5 % tal-fatturat globali tal-groundhandling li kisbet fl-ajruport ta’ Porto.
11. Fil-kawża prinċipali, Lufthansa qed issostni li d-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika, li kienu l-bażi għad-digriet li vvaluta u impona dak il-ħlas, jiġifieri l-Artikolu 10(1) tad-Digriet Nru 12/99 u l-Artikolu 18(2) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 102/90 tal-21 ta’ Marzu 1990, kif emendat mid-Digriet leġiżlattiv Nru 280/99 tas-26 ta’ Lulju 1999, huma kuntarji għad-Direttiva 96/67/KE, u b’mod aktar partikolari għall-Artikoli 6 u 16(3) tagħha.
12. Skond il-liġi nazzjonali, fir-rigward ta’ l-ammonti involuti f’din il-kawża, skond l-Artikolu 280(4) tal-CPPT (il-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali) mhemm l-ebda rimedju ġudizzjarju rigward id-deċiżjoni li għandha tingħata. B’hekk, skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, trid issir talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni mad-dritt Komunitarju.
13. B’digriet tas-7 ta’ Marzu 2003, it-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto, it-Tribunal Tributário de Primeira Instãncia do Porto (il-Portugall) issospenda l-proċeduri ppreżenta talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:
“1) Is-somma mitluba bħala ħlasijiet għal għajnuna u superviżjoni amministrattiva, skond l-Artikolu 10(1) tad-Digriet Nru 12/99 tat-30 ta’ Lulju 1999, tista’ titqies li hija ħlas li ġie ‘stabbilit […] skond il-kriterji relevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji’, kif meħtieġ mill-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 96/67/KE tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Ottubru 1996?
2) Is-somma mitluba hija f’kunflitt, jew inkompatibbli, ma’ l-aċċess ħieles għas-suq għall-provvista tas-servizzi tal-groundhandling lil partijiet terzi pprovdut mill-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE [tal-15 ta’ Ottubru 1996], jekk ikun meħtieġ pagament ta’ somma bħala ħlasijiet għal għajnuna u superviżjoni amministrattiva, skond l-Artikolu 10(1) tad-Digriet Nru 12/99 tat-30 ta’ Lulju 1999 u l-Artikolu 18(2) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 102/90 tal-21 ta’ Marzu 1990, kif emendat mid-Digriet leġiżlattiv Nru 280/99 tas-26 ta’ Lulju 1999, u dispożizzjonijiet oħra li jiffissaw l-ammont ta’ din is-somma?
3) Huwa f’kunflitt, jew inkompatibbli, mat-twettiq tas-suq intern u mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 3(1)(c) u 4 tat-Trattat KE, li jintalab il-ħlas ta’ somma li tirrapreżenta ħlasijiet għal għajnuna u superviżjoni amministrattiva, skond l-Artikolu 10(1) tad-Digriet Nru 12/99 tat-30 ta’ Lulju 1999 u l-Artikolu 18(2) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 102/90 tal-21 ta’ Marzu 1990, kif emendat mid-Digriet leġiżlattiv Nru 280/99 tas-26 ta’ Lulju 1999, u dispożizzjonijiet oħra li jiffissaw l-ammont ta’ dik is-somma?
4) Ir-rekwiżit li titħallas somma bħala ħlasijiet għal għajnuna u superviżjoni amministrattiva skond l-Artikolu 10(1) tad-Digriet Nru 12/99 tat-30 ta’ Lulju 1999 u l-Artikolu 18(2) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 102/90 tal-21 ta’ Marzu 1990, kif emendat mid-Digriet leġiżlattiv Nru 280/99 tas-26 ta’ Lulju 1999, u dispożizzjonijiet oħra li jiffissaw l-ammont ta’ dik is-somma, jista’ jitqies li huwa abbuż fis-sens ta’ l-Artikolu 82 tat-Trattat KE?”
14. Lufthansa, il-Gvern Portugiż u l-Gvern Grieg kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet kollha ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet fis-seduta li saret fit-8 ta’ Frar 2007.
III – Evalwazzjoni
15. L-ewwel nett, ninnota bħala punt preliminari li d-digriet tar-rinviju mhuwiex ċar rigward it-terminu ta’ żmien rilevanti li għandu x’jaqsam mal-każ fil-kawża prinċipali. Madankollu, dan huwa rilevanti biex jiġi evalwat jekk il-fatti tal-każ jaqgħux jew le fil-kamp ta’ azzjoni tad-Direttiva 96/67/KE: fi kliem ieħor, jekk f’dak iż-żmien l-ajruport ta’ Porto effettivament kienx jikkwalifika taħt il-limiti (rigward il-volum annwali tat-traffiku) ipprovduti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan kien il-każ biss mill-1 ta’ Jannar 2006. Ikun xi jkun il-każ, se nagħti dawn il-konklużjonijiet taħt riżerva li d-direttiva hija applikabbli.
16. Kif se nispjega aktar ‘l isfel, il-każ preżenti essenzjalment iqajjem il-kwistjoni jekk il-ħlas għal għajnuna u superviżjoni amministrattiva għandux jitqies li huwa ‘ħlas għal aċċess għall-installazzjonijiet’ u – jekk it-tweġiba hija fl-affermattiv – jekk effettivament jissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva. L-iskop ta’ dawn il-kriterji huwa anki li d-dispożizzjoijiet nazzjonali li jittrasponu l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti, u anki kwalunkwe deċiżjoni li timponi tali ħlasijiet, ikunu jistgħu jiġu eżaminati permezz ta’ stħarriġ ġudizzarju u tali fini għandu jiġi sodisfatt b’mod konkret.
A – L-ewwel tliet domandi
17. Bl-ewwel tliet domandi tagħha, li lilhom ser inwieġeb flimkien, il-Qorti Nazzjonali essenzjalment qed tistaqsi jekk il-ħlasijiet għal għajnuna u superviżjoni amministrattiva, kif inhu pprovdut fl-Artikolu 10(1) tad-Digriet Nru 12/99 tat-30 ta’ Lulju 1999 u l-Artikolu 18(2) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 102/90 tal-21 ta’ Marzu 1990, kif emendat mid-Digriet leġiżlattiv Nru 280/99 tas-26 ta’ Lulju 1999, humiex kompatibbli mad-Direttiva 96/67/KE, b’mod partikolari l-Artikoli 6 u 16(3) tagħha, u ma’ l-Artikoli 3(1)(c) KE u 4 KE.
1. Is-sottomissjonijiet prinċipali tal-partijiet
18. Essenzjalment, Lufthansa qed issostni li l-ewwel domanda għandha titwieġeb fin-negattiv, ladarba l-ħlas in kwistjoni ma jistax jitqies li huwa ħlas għal aċċess għall-installazzjonijiet ta’ l-ajruport kif inhu pprovdut mid-direttiva, li huwa li huwa l-uniku ħlas permess mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. (7) U anki li kieku kien tali ħlas, li Lufthansa tammeti biss bħala ipoteżi, Lufthansa tqis li l-ħlas ma jissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 96/67/KE. Jekk xejn, minħabba l-fatt li l-fornituri biss huma suġġetti għall-ħlas in kwistjoni, filwaqt li s-selfhandlers mhumiex, kif ukoll minħabba l-fatt li l-ammont tal-ħlas huwa ffissat bħala perċentwali tal-fatturat li wieħed jikseb. (8)
19. Essenzjalment, il-Gvern Portugiż qed isostni li l-ħlas in kwistjoni jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva u jikkorrispondi għal kumpens għall-provvista ta’ servizz pubbliku f’ajruport u għall-użu ta’ beni ta’ dominju pubbliku. ANA trid tiggarantixxi li dan ta’ l-aħħar ikun fi stat xieraq u jinżamm f’kundizzjoni tali li jippermetti li Lufthansa teżerċita l-attività tagħha u għalhekk ANA teħtieġ li, min-naħa tagħha, din tħallas il-ħlas korrispondenti għal għajnuna u superviżjoni amministrattiva. Barra minn hekk, il-perċentwali tal-fatturat miksub jissodisfa r-rekwiżit tal-proporzjonalità. Skond l-Artikolu 6, il-Gvern Portugiż essenzjalment isostni li l-liberalizzazzjoni tas-suq ma tfissirx li s-suq għandu jkun aċċessibbli mingħajr ħlas u li minkejja dan huwa miftuħ għall-fornituri interessati kollha li jistgħu jeżerċitaw attivitajiet b’mod xieraq fis-suq ta’ l-għajnuna u tas-superviżjoni amministrattiva. Lufthansa tibbaża l-argumenti tagħha fuq id-disa’ (9) u l-ħamsa u għoxrin (25) premessa tad-Direttiva u essenzjalment tqis li din id-domanda trid tingħata tweġiba pożittiva.
20. Il-Gvern Grieg qed isostni li l-ħlas in kwistjoni jirrifletti l-ispiża amministrativa ta’ l-immaniġġjar ta’ applikazzjoni ta’ fornitur jew ta’ selfhandler sabiex tkun aċċettata fis-suq tal-groundhandling fl-ajruport, li huwa differenti minn ħlas għal aċċess għas-suq (bħala ħlas għall-għotja ta’ opportunità kummerċjali) ipprojbit mill-Qorti tal-Ġustizzja fi Flughafen Hannover-Langenhagen. (9) L-aħħar nett, il-Gvern Grieg qed isostni li l-ħlas in kwistjoni huwa ġġustifikat fuq il-bażi ta’ l-obbligu li jiġu pprovduti monitoraġġ u superviżjoni kontinwi tal-konformità tas-servizzi offruti.
21. Min-naħa tal-Kummissjoni, hija qed issostni li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprekludi lill-korpi li jmexxu l-ajruport milli jeħtieġu li l-fornituri jagħtuhom ħlas li ma jkunx ħlas għall-użu ta’ l-installazzjonijiet ta’ l-ajruport. Ikun xi jkun il-każ, flimkien mal-Gvern Grieg, hija tqis li hemm nuqqas ta’ ċarezza dwar liema servizzi huma effettivament inklużi fil-ħlas in kwistjoni u anki rigward il-metodu tal-kalkolu. Min-naħa l-oħra, l-AMB għandhom il-jedd li jiġbru ħlas għall-użu ta’ l-installazzjonijiet ta’ l-ajruport, sakemm il-ħlas jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva.
2. Evalwazzjoni
22. L-Artikolu 6 tad-Direttiva jistabbilixxi f’termini ġenerali l-prinċipju li l-fornituri jkollhom aċċess ħieles għas-suq tal-provvista tas-servizzi tal-groundhandling lil partijiet terzi. L-Artikolu 16 tad-Direttiva jinkludi d-dispożizzjonijiet speċifiċi li huma rrelatati mal-kundizzjonijiet li fihom il-fornituri jridu jkollhom aċċess għall-installazzjonijiet, fejn jiġi ddikjarat b’mod partikolari li ‘[f]ejn l-aċċess għall-istallazzjonijiet ta’ ajruport jagħti lok għall-ġbir ta’ ħlas, din ta’ l-aħħar għandha tkun stabbilita skond il-kriterji relevanti, oġġettivi trasparenti u mhux diskriminatorji’.
23. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, fi Flughafen Hannover-Langenhagen, diġà kienet irriteniet li għandu jsegwi li AMB tabilħaqq għandha l-jedd li tiġbor ħlas għall-użu ta’ l-installazzjonijiet ta’ l-ajruport, f’ammont li għandu jiġi ddeterminat skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva, li jqis l-interess ta’ dak il-korp li jagħmel profitt. B’kuntrast, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-direttiva ma tagħtix lok għall-possibbiltà li jinġabar ħlas għal aċċess għall-għotja ta’ opportunità kummerċjali flimkien mal-ħlas li jingħata għall-użu ta’ l-installazzjonijiet ta’ l-ajruport. (10)
24. Jista’ jingħad ukoll li f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ‘[i]r-riferiment għall-installzzjonjiet b’mod ċar hija rrelatata ma’ l-infrastruttura u mat-tagħmir li l-ajruport jagħti għad-dispożizzjoni’. Fil-fehma tiegħi, madankollu, dan m’għandux jitqies b’mod wisq strett li jfisser li tali ħlas jista’ jiġi impost biss għall-użu ta’ l-installazzjonijiet fiżiċi. Anzi, il-kunċett ta’ ‘aċċess għal stallazzjonijiet ta’ l-ajruport’, fil-fehma tiegħi, għandu jinftiehem li jkopri wkoll servizzi pprovduti mill-AMB li huma relatati ma’ l-użu ta’ tali installazzjonijiet. (11)
25. Għalhekk, imiss li jiġi mistħarreġ jekk il-ħlas in kwistjoni għandux jitqies bħala tali ħlas għal aċċess għall-installazzjonijiet kif previst minn din is-sentenza.
26. F’dan il-kuntest, il-Gvern Portugiż essenzjalment isostni li l-ħlas in kwistjoni jikkorrispondi għal kumpens għall-provvista tas-servizz pubbliku fl-ajruport (li jappoġġja l-avjazzjoni ċivili) u għall-użu ta’ beni ta’ dominju pubbliku u għalhekk kumpens biex ikunu disponibbli l-installazzjonijiet ġenerali, bħat-tindif, id-dawl, il-manutenzjoni u s-sigurtà fost l-oħrajn, filwaqt li jippermetti wkoll li l-gvern jiżviluppa l-attivitajiet tal-groundhandling .
27. Min-naħa l-oħra, Lufthansa qed issostni li l-provvista ta’ għajnuna u superviżjoni amministrattiva la teħtieġ l-użu ta’ l-installazzjonijiet ta’ l-ajruport u lanqas il-provvista ta’ servizzi mill-AMB u li l-ħlas in kwistjoni fil-fatt mhux relatat ma’ l-installazzjonijiet ta’ l-ajruport. Dan jirriżulta mir-reġim legali nnifsu, peress li l-ħlas japplika biss għall-fornituri u ma japplikax għall-utenti l-oħra. Madankollu, iż-żewġ kategorji ta’ utenti li ssemmew jużaw l-installazzjonjiet. Għalhekk, dan jikkonferma li l-ħlas in kwistjoni ma jitħallasx għall-installazzjonijiet ta’ l-ajruport. Minflok, Lufthansa tqis li anzi l-ħlas jiġi impost għall-possibbiltà li jsir profitt u b’hekk is-sitwazzjoni tal-każ fil-kawża prinċipali hija l-istess bħal fi Flughafen Hannover-Langenhagen, fejn tali ħlas kien ipprojbit. (12)
28. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-fornituri tas-servizzi tal-groundhandling diġà huma suġġetti għal diversi ħlasijiet parzjali għall-użu ta’ l-installazzjonijiet li huma jeħtieġu biex iwettqu n-negozju tagħhom (li wkoll jeħtieġ li jingħataw il-manutenzjoni u jkunu f’kundizzjoni tajba), u li l-ħlas għal għajnuna u superviżjoni amministrattiva għalhekk jidher li jingħata għall-eżistenza stess ta’ l-ajruport u l-fornituri jridu jħallsuh kollu, li jammonta għal ħlas doppju.
29. Kif iddikjarajt aktar ’il fuq, sabiex ħlas ikun jista’ jinġabar skond l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva, irid jintalab għall-użu ta’ l-installazzjonijiet ta’ l-ajruport u mhux bħala ħlas ġenerali għal aċċess jew tip ta’ ‘ħlas ta’ konċessjoni’. Sakemm il-Gvern Portugiż iqis li l-ħlas isir għall-provvista ta’ servizz pubbliku f’ajruport u għall-użu ta’ beni ta’ dominju pubbliku, jidhirli li dawn is-servizzi mogħtija huma pjuttost ġenerali u mbiegħda mill-użu effettiv ta’ l-installazzjonijiet ta’ l-ajruport, sabiex, fil-fehma tiegħi, il-ħlas effettivament jammonta għal ħlas ta’ aċċess li jingħata għall-għotja ta’ opportunità kummerċjali. (13) Barra min hekk, naħseb li l-kalkolu tal-ħlas in kwistjoni ma jirnexxilux isostni l-konklużjoni li l-ħlas jingħata għall-użu ta’ l-installazzjonijiet ta’ l-ajruport, peress li jiġi vvalutat bħala perċentwali fissa tal-fatturat globali tal-groundhandling fl-ajruport. Barra minn hekk, ir-riferiment li sar mill-Qorti tar-rinviju għal ‘għajnuna u superviżjoni amministrattiva’ ma tippermettix il-konklużjoni definittiva li l-ħlas in kwistjoni jingħata għall-użu ta’ l-installazzjonijiet ta’ l-ajruport.
30. Għalhekk, għalkemm jiena kieku nissuġġerixxi li ħlas bħal dak in kwistjoni ma jingħatax għall-użu ta’ l-installazzjonijiet ta’ l-ajruport fis-sens ta’ l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva u għalhekk mhux kompatibbli miegħu, fin-nuqqas ta’ informazzjoni aktar konkreta li tkun disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja, fl-aħħar mill-aħħar trid tkun il-qorti nazzjonali li tistabbilixxi jekk dak huwiex il-każ.
31. Ikun xi jkun il-każ, sabiex ikun kompatibbli mad-Direttiva 96/67, il-ħlas in kwistjoni jkollu wkoll jikkonforma mal-kundizzjoni li jiġi stabbilit skond kriterji rilevanti, oġġetti, trasparenti u mhux diskriminatorji, kif inhu pprovdut mill-Artikolu 16(3) tad-Direttiva, li se nistħarreġ fil-punti li ġejjin.
a) Non-diskriminazzjoni
32. Jekk nibdew bir-rekwiżit tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni li ġie stabbilit f’dan l-Artikolu, jiena tal-fehma li prima facie l-ħlas in kwistjoni jidher li jfalli dan it-test peress li hu paċifiku bejn il-partijiet li jiġi impost biss fuq il-fornituri, filwaqt li s-selfhandlers jiġu eżentati. Barra minn hekk, id-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jissuġġerux li s-selfhandlers huma suġġetti għal ħlas paragunabbli. Jiena ma nara l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għal dan it-trattament mhux indaqs u ma ġiet ippreżentata l-ebda waħda fl-osservazzjonijiet bil-miktub.
33. Il-punt ta’ tluq hawnhekk huwa li, fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni ta’ Lufthansa (u, minn daqshekk, dik tal-fornituri l-oħra kollha), fuq in-naħa l-waħda, u dik tas-selfhandlers, fuq l-oħra, għall-finijiet ta’ l-analiżi preżenti rigward aċċess għall-installazzjonijiet ta’ l-ajruport hija legalment kif ukoll fattwalment paragunabbli. Kif jikkonfermaw kemm Lufthansa kif ukoll il-Kummissjoni, kemm il-fornituri kif ukoll is-selfhandlers jużaw l-installazzjonijiet ta’ l-ajruport.
34. Tali trattament differenti jrid ikun iġġustifikat oġġettivament. Madankollu, dan ma jirriżulta la (i) mil-leġiżlazzjoni nazzjonali; la (ii) mill-argumenti tal-partijiet jew ta’ l-intervenjenti; u (iii) lanqas jiena ma stajt naċċerta l-ebda raġuni oġġettiva għal dan it-trattament differenti. Meta nqis il-gurisprudenza stabbilita dwar il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni, ninnota li s-sitwazzjonijiet paragunabbli ma jridux jiġu trattati b’mod differenti u s-sitwazzjonijiet differenti ma jridux jiġu trattati bl-istess mod. (14)
35. Minkejja dan, fis-seduta l-Gvern Portugiż spjega li s-selfhandlers mhumiex suġġetti għall-ħlas in kwistjoni, għaliex fil-fatt diġà hemm ħlas ieħor impost fuqhom (li jissejjaħ il-’ħlas tat-traffiku ta’ l-ajru’). Selfhandler, peress li huwa operatur (jew ġarrier) ta’ l-ajru li jipprovdi l-attivitajiet tal-groundhandling f’ismu, il-Gvern Portugiż iżid li tali ħlas jiġi impost dejjem fuq l-operaturi ta’ l-ajru (li b’hekk iħallsu għall-eżistenza, għall-manutenzjoni u għall-użu ta’ l-infrastruttura ta’ l-ajruport). Huwa jqis li permezz ta’ dan il-ħlas, jiġu koperti l-istess servizzi bħal dawk li għandhom x’jaqsmu mal-ħlas in kwistjoni, b’hekk is-selfhandlers għandhom ikunu eżentati minn ta’ l-aħħar, peress li kieku jkunu qed jiffaċċjaw imposta doppja.
36. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan il-punt qed jiġi argumentat f’termini pjuttost ġenerali, u rrid nammetti li mhux konvint li għandu jkun biżżejjed li tiġi kkontestata d-diskriminazzjoni apparenti bejn iż-żewġ kategoriji ta’ utenti. Filwaqt li għadu mhux ċar liema servizzi speċifiċi jiġu koperti minn kwalunkwe wieħed minn dawn iż-żewġ ħlasijiet, u jekk humiex tabilħaqq identiċi, huwa wkoll kollox għajr trasparenti l-mod kif l-ammonti rispettivi tagħhom jiġu kkalkolati u kif dawn jirriflettu l-ispejjeż rilevanti, u għaldaqstant, sa liema punt huma paragunabbli.
b) Rilevanza
37. Mill-bidu nett, irrid nosserva li għandi problema bil-fatt li d-dispożizzjoni nazzjonali rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 10(1) tad-Digriet Nru 12/99, imkien ma jsemmi l-ammont effettiv tal-ħlas in kwistjoni.
38. Barra minn hekk, kif se nispjega aktar ’il quddiem, għall-finijiet li jinstab rimedju għal din il-problema – jiġifieri li jiġi aċċertat liema servizzi speċifiċi jiġu koperti minn dan il-ħlas u sa liema punt jistgħu jiġu karatterizzati bħala li jissodisfaw il-kriterju tar-rilevanza fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva – l-osservazzjonijiet bil-mitkub kif ukoll dawk orali tal-Gvern Portugiż ukoll jidhruli li huma inkonklużivi u mhux ċari.
39. Sabiex jissodisfa l-kriterji rilevanti, il-ħlas irid ikun marbut ma’ l-ispejjeż li jsiru mill-AMB biex jagħmel disponibbli dawk l-installazzjonijiet li jeħtieġlu jipprovdi lill-fornituri u lis-selfhandlers. (15) Tabilħaqq, naqbel mal-metodu li uża l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni v Il-Ġermanja, (16) li biex jiġi stabbilit l-ammont tal-ħlas, huwa essenzjali li jkun hemm konformità mal-kriterju ta’ rilevanza, sabiex jiġi żgurat li l-ħlas effettivament jintalab għal aċċess għall-installazzjonijiet ta’ l-ajruport. Jekk jitħalla li l-ħlas jinkludi spejjeż li mhumiex marbuta ma’ l-ispiża li l-AMB ikollu biex jagħti aċċess għall-infrastrutturi tiegħu (b’din ta’ l-aħħar tkun, per eżempju, l-ispiża tal-manutenzjoni ta’ l-infrastrutturi, kif sostna l-Gvern Portugiż fil-kawża preżenti) dan jista’ jwassal biex il-ħlas jitbiddel fi ħlas moħbi għal aċċess tas-suq, li huwa kuntrarju għall-Artikolu 16(3), kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fi Flughafen Hannover-Langenhagen. (17)
40. Tabilħaqq, naħseb li l-AMB iridu jkunu preklużi milli jitolbu tip ta’ ‘ħlas ta’ konċessjoni’ minħabba li s-servizzi tal-groundhandling ġew illiberalizzati fil-Komunità kollha, peress li dan, b’mod ċar, ikun qed imur kontra d-Direttiva 96/67/KE kif ukoll l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lid-Direttiva. Għalhekk, naqbel mal-fehma li l-ajruporti m’għandhomx jitħallew jitolbu ħlasijiet li mhumiex irrelatati ma’ l-ispejjeż u li minflok jieħdu l-forma ta’ tip ta’ royalty. Barra minn hekk, kif ġie osservat, ir-reġim introdott mid-direttiva huwa maħsub biex jipprovdi aċċess ħieles għas-suq tal-groundhandling filwaqt li jwassal biex effettivament jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kumpaniji tal-linji ta’ l-ajru, aktar milli bil-maqlub.
41. Ir-risposta tiegħi għall-argument laterali tal-Gvern Portugiż, tista’ taqa’ taħt l-ewwel, it-tieni jew it-tielet sottotitolu tal-konklużjonijiet tiegħi - jiġifieri taħt a) in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, b) ir-rilevanza jew c) l-oġġettività, rispettivament.
42. Dan il-Gvern jikkontendi li qed jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn l-utenti u l-fornituri fl-ajruport għaliex jemmen li tali differenza effettivament teżisti, fejn jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li wieħed mill-għanijiet prinċipali tad-direttiva huwa li jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ l-operaturi (tal-ġarriera) ta’ l-ajru, li jista’ jintlaħaq, inter alia, billi jitkabbar in-numru tal-fornituri tas-servizz fis-suq. Imbagħad, madankollu, iżid jgħid li Lufthansa m’għandha l-ebda bażi legali fuq xiex issostni l-argumenti tagħha, peress li mkien fid-direttiva ma jingħad li l-għan kien li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-fornituri tal-groundhandling, peress li qatt ma kien hemm l-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tagħhom ukoll.
43. Ma nistax naqbel ma’ tali interpretazzjoni.
44. L-għan tad-Direttiva 96/67/KE kien li s-suq tas-servizzi tal-groundhandling fil-Komunità gradwalment jinfetaħ għall-kompetizzjoni, biex b’hekk jiġi kkompletat it-tielet stadju fil-liberalizzazzjoni ta’ l-aċċess għas-suq tat-trasport bl-ajru tal-KE. Dan naturalment iwassal li jkun hemm is-suq tal-groundhandling kif ukoll l-atturi involuti fih per se jsiru aktar effiċjenti. Żgur li jekk wieħed jiffoka biss fuq il-fornituri tal-groundhandling – billi l-ispejjeż tagħhom ‘qatt ma kien hemm il-ħsieb li jitnaqqsu’ (speċjalment dawk li mhumiex iġġustifikati, jekk nista’ nżid dan il-kumment) – naħseb li jkun qed imur kontra l-għan ġenerali tad-direttiva. Wara kollox, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(3), li qed nittratta b’ċertu dettall hawnhekk, speċifikament għandhom rwol billi jippermettu aċċess ħieles għas-suq min-naħa tal-fornituri u jiżguraw li l-infrastruttura tat-trasport bl-ajru tintuża b’mod effiċjenti.
45. Fil-fehma tiegħi, il-ħlas in kwistjoni għandu jikkwalifika li huwa rilevanti, sakemm, per eżempju, l-AMB tiġbru bi tpattija għall-ispejjeż amministrattivi relatati ma’ l-ipproċessar ta’ l-applikazzjonijiet imressqa mill-fornituri prospettivi, kif essenzjalment qed jiġi sostnut mill-Gvern Grieg. Madankollu, dan ma jidhirx li huwa l-każ. Barra minn hekk, Lufthansa qed iżżid tgħid li minflok hemm tliet ħlasijiet amministrattivi oħra bħal dawn imposti mill-Istitut Nazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili: (i) ħlas wieħed, biex tinkiseb il-liċenzja; (ii) ieħor biex tinħareġ il-liċenzja; u (iii) ħlas ieħor, għal kwalunkwe modifika fil-liċenzja.
46. Għalhekk, l-ewwel nett, ma narax kif il-ħlas in kwistjoni jista’ jitqies li jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ kriterji rilevanti meta mhux relatat ma’ l-ispejjeż - jiġifieri, ibbażat fuq l-ispejjeż li jsiru mill-AMB – u, it-tieni nett, meta jiġi stabbilit bħala perċentwali (3,5 %) tal-fatturat tal-fornitur li jista’ jiġi mxebbah ma’ taxxa u pjuttost jixbah is-sitwazzjoni fi Flughafen Hannover-Langenhagen (18) fejn il-ħlas kien ibbażat fuq l-opportunità għal profitt li tiġi mill-aċċess għas-suq tas-servizzi tal-groundhandling u li kien ipprojbit mill-Qorti tal-Ġustizzja. Qed ninnota li l-Gvern Portugiż ma jistax jispjega biżżejjed kif intlaħqet din il-perċentwali partikolari u għaliex m’għandhiex titqies li hija arbitrarja.
47. Meta titqies l-informazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tali kriterju ma jidhirlix li huwa rilevanti.
c) Oġġettività
48. Barra minn hekk, il-evalwazzjoni fil-paragrafi ta’ aktar ’il fuq dwar jekk il-ħlas in kwistjoni u l-mod kif ġie ffissat (bi 3.5% tal-fatturat tal-fornitur) jistgħux jitqiesu li huma kriterju rilevanti jew li jistgħu jkunu applikabbli mutatis mutandis għall-oġġettività tiegħu wkoll.
49. Sabiex ikun oġġettiv, il-ħlas in kwistjoni jrid ikun ibbażat fuq l-installazzjonijiet rilevanti u fuq in-natura tagħhom kif ukoll fuq l-użu effettiv li l-fornitur jagħmel tagħhom.
50. Barra minn hekk, naqbel ma’ Lufthansa li l-fatt li l-perċentwali li ntużat sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-ħlas in kwistjoni tiġi kkalkulata fuq il-fatturat globali tal-groundhandling tagħha – jiġifieri, li effettivament jinkludi s-servizzi tal-groundhandling kollha – ma tagħtix daqstant l-impressjoni li hija oġġettiva, sakemm ma tkunx iġġustifikata b’mod xieraq mill-AMB.
51. Tabilħaqq, ma naf bl-ebda dokument jew element li jindika kif jiġi ffissat l-ammont tal-ħlas u għalhekk ma nistax nikonkludi li huwa marbut ma’ kwalunkwe spiża li għandha l-AMB. Anzi, kif issemma aktar ’il fuq, jista’ saħansitra jiġi interpretat li jirrifletti dħul li trid tikseb din ta’ l-aħħar.
52. Għalhekk, rigward ir-rekwiżit li l-ħlas jiġi stabbilit skond kriterji rilevanti u oġġettivi, jidher ċar minn dak li ntqal aktar ’il fuq li l-ħlas in kwistjoni jingħata sempliċement bħala perċentwali tal-fatturat ta’ l-utent u m’għandu l-ebda relazzjoni għal, u lanqas ma jirrifletti, l-ispejjeż effettivi ta’ l-AMB marbuta mal-provvista ta’ għajnuna u superviżjoni amministrattiva. Hawnhekk ukoll, ikolli nikkonkludi li l-ħlas in kwistjoni jidher li mhux qed jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva.
d) Trasparenza
53. Il-ħlas in kwistjoni jista’ jiġi karatterizzat bħala trasparenti sakemm ikun hemm relazzjoni trasparenti bejn il-mod li bih jiġi ffissat l-ammont tal-ħlas (jiġifieri, 3,5 % tal-fatturat mill-groundhandling ta’ Lufthansa) u s-servizzi effettivi provduti li jingħata għalihom.
54. Rigward it-trasparenza ta’ l-iffissar tal-ħlas, mhux biss id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jirnexxilhom jispeċifikaw liema servizzi effettivi qed jiġi impost għalihom, imma l-Gvern Portugiż lanqas ma pprovda tweġiba konklużiva dwar dan il-punt. Meta mitlub jitfa’ ftit dawl fuq x’inhuma effettivament dawn is-servizzi, il-Gvern Portugiż sempliċement spjega li l-ħlas jikkorrispondi għal quid pro quo fejn kienu disponibbli l-installazzjonijiet ġenerali ta’ l-ajruport, bħat-tindif, id-dawl, il-manutenzjoni u s-sigurtà fost l-oħrajn.
55. Barra minn hekk, Luftahnsa qed issostni li l-AMB ma tatha lanqas l-iċken kjarifika pubblika dwar il-ġbir tal-ħlas in kwistjoni u dwar il-kalkolu tiegħu, minkejja l-fatt li l-Kumitat ta’ l-Utenti ta’ l-Ajruport ħareġ opinjonijiet suċċessivi negattivi dwar is-suġġett. Lufthansa qed iżżid ukoll li ma tafx x’inhi d-destinazzjoni ta’ dan id-dħul sabiex tkun tista’ tasal għal konklużjoni dwar il-ġustifikabbiltà tiegħu, mingħajr ma nitkellmu dwar il-legalità tiegħu.
56. Fil-fehma tiegħi, f’dak il-każ ir-relazzjoni bejn is-servizzi rilevanti u l-mod kif sar il-kalkolu bl-ebda mod ma huwa ovvju u trasparenti. Barra minn hekk, lanqas is-seduta ma ċċarat din il-kwistjoni.
57. Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, jiena tal-fehma li ħlas bħal dak deskritt mill-Qorti tar-rinviju mhuwiex kompatibbli mad-direttiva, b’mod partikolari ma’ l-Artikoli 6 u 16(3) tagħha, peress li mhux stabbilit li jikkostitwixxi ħlas li jingħata għall-użu ta’ l-installazzjonijiet ta’ l-ajurport u li jiġi stabbilit skond kriterji rilevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji. Madankollu, hija l-Qorti tar-rinviju li, b’differenza mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ preżenti, li għandha l-fatti rilevanti kollha quddiemha, li trid tistabbilixxi jekk, fuq il-bażi tal-fatti, il-ħlas in kwistjoni jissodisfax id-diversi kriterji msemmija.
58. Safejn għandu x’jaqsam ir-riferiment min-naħa tal-Qorti tar-rinviju għall-Artikoli 3(1)(c) KE u 4 KE, huwa biżżejjed li wieħed ifakkar li skond ġurisprudenza kostanti dawn l-artikoli ma jistabbilixxux sett komplut u komprensiv ta’ regoli sostantivi imma sempliċement jistabbilixxu l-għanijiet ġenerali li jridu jiksbu l-Komunità u l-Istati Membri. (19) Għalhekk jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ interpretazzjoni flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra li jimplementaw il-kontenut tagħhom, imma fil-fatt ma jistgħux iqajmu dubju dwar il-pagament tal-ħlas in kwistjoni.
59. Għalhekk bi ħsiebni nwieġeb l-ewwel tliet mistoqsijiet billi niddikjara li ħlasijiet bħall-ħlas għal għajnuna u superviżjoni amministrattiva, kif inhu pprovdut mill-Artikolu 10(1) tad-Digriet Nru 12/99 tat-30 ta’ Lulju 1999 u mill-Artikolu 18(2) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 102/90 tal-21 ta’ Marzu 1990, kif emendat mid-Digriet leġiżlattiv Nru 280/99 tas-26 ta’ Lulju 1999, sakemm jingħataw bħala ħlasijiet għal aċċess ġenerali iktar milli speċifikament għall-użu ta’ l-installazzjonijiet ta’ l-ajruport, u sakemm mhumiex stabbiliti skond kriterji rilevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, mhumiex kompatibbli mad-Direttiva 96/67/KE, b’mod partikolari ma’ l-Artikoli 6 u 16(3) tagħha. Madankollu għandha tkun il-Qorti Nazzjonali li tistabbilixxi, rigward l-iffissar u l-finijiet tal-ħlas in kwistjoni, fuq il-bażi tal-fatti, jekk il-ħlas effettivament jingħatax għall-użu ta’ l-installazzjonijiet ta’ l-ajruport u jekk il-kriterji li skondhom jiġi ddeterminat il-ħlas, kif ġie stabbilit fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva, humiex rilevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.
B – Ir-raba’ domanda
60. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, anki l-qorti nazzjonali essenzjalment qed tipprova taċċerta ruħha jekk ir-rekwiżit għal pagament ta’ somma bħala l-ħlas in kwistjoni, kif iffissat mid-dispożizzjonijiet rilevanti, jistax jitqies li huwa abbuż minn pożizzjoni dominanti skond l-Artikolu 82 KE.
61. Madankollu, il-qorti nazzjonali tista’ tgħid li ma pprovdiet l-ebda informazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din ta’ l-aħħar tkun tista’ tevalwa din il-kwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skond il-ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandha l-ebda kompetenza li tagħti deċiżjoni preliminari dwar kwistjoni li tressqet minn qorti nazzjonali fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-materjal fattwali jew legali meħtieġ sabiex tkun tista’ tagħti tweġiba utli għad-domandi li tressqu quddiemha. (20)
IV – Konklużjoni
62. Għalhekk inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti t-tweġiba li ġejja għad-domandi li tressqu mit-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto fil-każ preżenti:
Ħlasijiet bħall-ħlas għal għajnuna u superviżjoni amministrattiva kif inhu pprovdut mill-Artikolu 10(1) tad-Digriet Nru 12/99 tat-30 ta’ Lulju 1999 u mill-Artikolu 18(2) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 102/90 tal-21 ta’ Marzu 1990, kif emendat mid-Digriet leġiżlattiv Nru 280/99 tas-26 ta’ Lulju 1999, sa fejn jingħataw bħala ħlasijiet għal aċċess ġenerali iktar milli speċifikament għall-użu ta’ l-installazzjonijiet ta’ l-ajruport, u sakemm mhumiex stabbiliti skond kriterji rilevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, mhumiex kompatibbli mad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità, b’mod partikolari ma’ l-Artikoli 6 u 16(3) tagħha.
Madankollu, għandha tkun il-Qorti Nazzjonali li tistabbilixxi, fuq il-bażi tal-fatti, fid-dawl ta’ l-iffissar u l-iskop effettiv tal-ħlas in kwistjoni, jekk il-ħlas jingħatax għall-użu ta’ l-installazzjonijiet ta’ l-ajruport u jekk il-kriterji li bihom jiġi ddeterminat il-ħlas humiex rilevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, kif inhu stabbilit fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – ĠU 1996 L 272, p. 36.
3 – Rigward id-definizzjoni ta’ wħud mit-termini li se nuża tul id-dokument kollu, l-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprovdi, inter alia, li: “(c) ‘korp li jmexxi l-ajruport’ [“Korp li Jmexxi l-Ajruport” jew “AMB”] tfisser korp li […] għandu bħala l-għanijiet tiegħu taħt xi liġi jew regolament nazzjonali li jamministra u jmexxi l-infrastrutturi ta’ l-ajruport, u l-koordinazzjoni u l-kontroll ta’ l-attivitjiet ta’ l-operaturi differenti preżenti fl-ajruport jew is-sistema ta’ ajruport; […] (f) ‘selfhandling’ tfisser sitwazzjoni li fiha dak li juża l-ajruport direttament jipprovdi għalih innifsu waħda jew aktar mill-kategorija ta’ servizzi ta’ groundhandling u ma jkun ikkonkluda ebda kuntratt ta’ kull deskrizzjoni ma’ partijiet terzi għall-provista ta’ dawk is-servizzi; […] (g) ‘fornitur ta’ servizzi ta’ groundhandling’ tfisser kull persuna naturali jew legali li tipprovdi lill-partijiet terzi kategorija waħda jew aktar ta’ servizzi ta’ groundhandling” (enfażi miżjuda).
4 – Diário da República I, Serje A, Nru 170, 23 ta’ Lulju 1999, p. 4588.
5 – Diário da República I, Serje B, Nru 176, 30 ta’ Lulju 1999, p. 4922.
6 – L-oriġinal jgħid dan li ġej: “A taxa de assistência administrativa em terra e supervisão é devida pelos prestadores de serviços e será definida em função do volume de negócios realizado, por aplicação de um valor percentual.”
7 – Jiġifieri s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Flughafen Hannover-Langenhagen (C-363/01, Ġabra p. I-11893). Lufthansa ssostni, bil-kontra, li l-ħlas in kwistjoni għandu jitqies li huwa ħlas għal aċċess għas-suq.
8 – Sabiex issir distinzjoni bejn dawk li jipprovdu servizzi ta’ groundhandling lil partijiet terzi u l-utenti ta’ l-ajruport li minflok jagħmlu selfhandling, se nirreferi għal fornituri u għal selfhandlers. Ikun xi jkun il-każ, dawn il-kunċetti jiġu spjegati f’aktar dettall fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’aktar ’il fuq.
9 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.
10 – Ara ibid., il-punt 63.
11 – Ibid., il-punt 40.
12 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.
13 – Ara, għal dan il-għan, il-punti 42 u 43 ta’ Flughafen Hannover-Langenhagen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.
14 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, National Farmers’ Union et (C-354/95, Ġabra p. I-4559, punt 61), u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 31).
15 – Konklużjonijiet ta’’ l-Avukat Ġeneralli Léger fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 2005 (C-386/03, Ġabra p. I-6947, punt 72), u ta’ l-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża li wasslet għas-sentenza Flughafen Hannover-Langenhagen, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punt 24.
16 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 74.
17 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.
18 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.
19 – Ara, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Wijsenbeek (C-378/97, Ġabra p. I-6207), u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Échirolles Distribution (C-9/99, Ġabra p. I-8207).
20 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman et (C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 61); tad-9 ta’ Marzu 2000, EKW u Wein & Co (C-437/97, Ġabra p. I-1157, punt 52), u tat-13 ta’ Lulju 2000, Idéal tourisme (C-36/99, Ġabra p. I-6049, punt 20).
Full & Egal Universal Law Academy