KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis-26 ta’ April 20071(1)
Kawża C‑186/06
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Renju ta’ Spanja
“Direttiva 79/409/KEE – Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi – Żona tas-saqwi tal-Kanal Segarra-Barrigues (Lleida)”
I – Introduzzjoni
1. Din il-kawża tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi(2) (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva dwar l-għasafar”), fil-każ ta’ proġetti ta’ irrigazzjoni ta’ żona li sal-ġurnata tal-lum hija kkaratterizzata mill-habitats steppiċi tagħha u mill-ispeċi rari ta’ għasafar li huma tipiċi ta’ dawn il-habitats. Peress li fiż-żmien meta seħħew il-fatti, din iż-żona kienet għadha ma ġietx ikklassifikata bħala żona ta’ protezzjoni speċjali għall-għasafar ta’ l-isteppa, hija għall-ewwel darba minn mindu nħarġet id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa(3) (iktar ’il quddiem : id-“Direttiva dwar il-habitats”), li qiegħda tiġi applikata l-iskema ta’ konservazzjoni ta’ dawk iż-żoni li jissejħu żoni effettivament ta’ protezzjoni għall-għasafar. Iż-żoni effettivament ta’ protezzjoni għall-għasafar huma żoni li suppost kellhom jiġu kklassifikati bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem: “ŻPS”) skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar, imma li għadhom ma ġewx ikklassifikati bħala tali.(4) Minbarra serje ta’ kwistjonijiet ta’ fatt, għandu jiġi ċċarat qabel kollox jekk, u eventwalment f’liema kundizzjonijiet, miżuri ta’ kumpens jistgħu jiġġustifikaw interventi dannużi li jolqtu din l-iskema ta’ protezzjoni.
II – Il-kuntest ġuridiku
2. Id-Direttiva dwar l-għasafar tikkonċerna, skond it-termini ta’ l- Artikolu 1 tagħha, il-konservazzjoni ta’ l-ispeċi ta’ għasafar kollha li jgħixu b’mod naturali fi stat selvaġġ fl-Ewropa. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2 jistabbilixxi l-obbligu prinċipali ta’ l-Istati Membri:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iżommu l-popolazzjoni għall-ispeċi li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 1 fil-livell li jikkorrispondi partikolarment għall-ħtiġijiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi u rikreazzjonali, jew biex tkun adattata l-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi għal dak il-livell.”
3. L-Artikolu 3 jsemmi l-mezzi li l-Istati Membri għandhom jużaw għal dan il-għan, partikolarment it-twaqqif ta’ żoni ta’ protezzjoni u ż-żamma tal-habitats.
4. L-Artikolu 4 jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar it-territorji li l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw bħala ŻPS għal ċerti għasafar li għandhom bżonn protezzjoni speċjali. Oriġinarjament, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4 kienet tirregola anki l-protezzjoni ta’ dawn iż-żoni:
“1. L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw il-ħabitats tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.
F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont ta’ l-:
a) ispeċi fil-perikolu ta’ l-estinzjoni;
b) ispeci vulnerabili għat-tibdil speċifiku fil-ħabitats tagħhom;
ċ) ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;
d) ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzioni partikolari għar-raġunijiet tan-natura specifika tal-ħabitats tagħhom.
Drawwiet u varjazzjonijiet fil-livelli tal-popolazzjoni għandhom ikunu meħuda in kunsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.
L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw partikolarment l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs bħala żoni speċjali tal-protezzjoni għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-Direttiva.
2. – 3. [...]
4. Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fuq, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ħabitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu jkunu sinifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. [...]”
5. Skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-habitats, l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu l-obbligi li joħorġu mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-habitat – jiġifieri minn Ġunju 1994(5) – jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew ta’ l-għarfien minn Stat Membru taż-żona in kwistjoni bħala ŻPS skond id-Direttiva dwar l-għasafar, meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.
III – Il-fatti, il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet
6. Fil-provinċja Katalana ta’ Lleida hemm għadd ta’ habitats steppiċi li joffru kundizzjonijiet ta’ ħajja tajba għall-ispeċi ta’ għasafar li joqogħdu hemmhekk. F’din il-kawża huma kkonċernati, b’mod partikolari, l-ajkla ta’ Bonelli (Hieraaetus fasciatus), il-pitarra (Tetrax tetrax), il-kalandra (Melanocorypha calandra), l-alwetta tad-deżert (Chersophilus duponti), il-farruġ (Coracias garrulus) u l-bilbla (Calandrella brachydactyla).
7. Għal din il-provinċja, il-lista taż-żoni fi Spanja li huma importanti għall-għasafar, ippubblikata mill-Organizzazzjoni Spanjola ta’ l-Ornitoloġija (Sociedad Española de Ornitología) fl-1998(6), issemmi żewġ żoni partikolarment adattati għall-protezzjoni ta’ l-ispeċi ta’ l-għasafar imsemmija aktar ’il fuq: IBA Nru 142, magħrufa bħala “Secanos de lurida”, b’medda ta’ 62,500 ettaru, u IBA Nru 144, magħrufa bħala “Cogul-Alfes”, b’medda ta’ 18,000 ettaru (‛IBA’ tfisser Important Bird Area [Żona Importanti għall-Għasafar], u IBAs tfisser Important Bird Areas [Żoni Importanti għall-Għasafar]).
8. Fl-1988, Spanja, kienet tikklassifika ŻPS waħda skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar: iż-ŻPS “Mas de Melons”, b’medda ta’ 1,652 ettaru (li issa ġiet estiża għal 6,418 ettaru). F’dak iż-żmien, minbarra din iż-ŻPS, ma kienx hemm ŻPS oħra fit-territorju taż-żewġ IBAs.
9. Fl-2001, il-Kummissjoni ġiet informata, permezz ta’ lment dwar proġett li, f’dan it-territorju, kellu jiżgura l-irrigazzjoni ta’ madwar 110,000 ettaru ta’ artijiet agrikoli. Dan il-proġett kellu jippermetti irrigazzjoni addizzjonali ta’ 1,500, 3,500 jew 6,500 metru kubu ta’ ilma għal kull ettaru. Dan kien jeħtieġ, b’mod partikolari, diversi interventi ta’ kostruzzjoni. Bil-liġi tat-30 ta’ Settembru 1994, Nru. 42,(7) Spanja ddikjarat li dan il-proġett kien ta’ interess ġenerali (nazzjonali).
10. Fis-26 ta’ Settembru 2002, l-awtoritajiet reġjonali kompetenti taw evalwazzjoni pożittiva ta’ l-impatt ambjentali tal-proġett. Ix-xogħol inbeda fl-istess sena. Qed jiġi stmat li t-twettiq ta’ l-interventi meħtieġa kollha se jieħu madwar għaxar snin. L-irrigazzjoni proprja għadha ma bdietx.
11. Peress li, wara li rċeviet aktar informazzjoni minn Spanja u min-naħa ta’ min għamel l-ilment, qieset li l-proġett kien jikser id-Direttiva dwar l-għasafar, fl-1 ta’ April 2004, il-Kummissjoni stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jippreżenta osservazzjonijiet skond l-Artikolu 226 KE. Minkejja r-risposta ta’ dan ta’ l-aħħar, il-Kummissjoni baqgħet issostni l-pożizzjoni tagħha u fl-14 ta’ Diċembru 2004 ħarġet opinjoni motivata, li twasslet lir-rappreżentanza permanenti ta’ Spanja fi Brussell fit-22 ta’ Diċembru 2004. Fl-opinjoni motivata l-Kummissjoni iffissat terminu finali ta’ xahrejn, jiġifieri sat-22 ta’ Frar 2005, sabiex Spanja tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-għasafar.
12. Fir-risposta tagħha, li waslet għand il-Kummissjoni fis-7 ta’ Marzu 2005, Spanja semmiet kif diġà fl-2003, fiż-żoni in kwistjoni, 20,475 ettaru ieħor kienu ġew ikklassifikati bħala ŻPS. Wieħed jista’ jassumi li dawn kienu ż-żoni ta’ “Anglesola-Vilagrassa” (857 ettaru), “Bellmunt-Almenara” (3,466 ettaru), “Plans de Sió” (li suċċessivament ġiet estiża għal 5,298 ettaru), “Granyena” (6,646 ettaru), “Valls del Sió-Llobregós” (27 ,791 ettaru, li iżda tinsab biss parzjalment fit-territorju kkonċernat mill-proġett) u “Secans de la Noguera” (li wieħed jassumi li tinsab barra mit-territorju kkonċernat mill-proġett) fl-IBA Nru 142, kif ukoll iż-żona “Secans del Segrià i Utxesa”, li tista’ tikkoinċidi parzjalment mat-territorji ta’ l-IBA Nru 144.
13. Minkejja r-risposta ta’ Spanja, fil-11 ta’ April 2006, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors, fejn talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiddikjara li bil-proġett ta’ irrigazzjoni taż-żona tas-saqwi tal-kanal Segarra-Garrigues, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 2, 3, 4(1) u 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi;
– tordna li r-Renju ta’ Spanja jbati l-ispejjeż.
14. Ir-Renju ta’ Spanjal jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lill-istituzzjoni rikorrenti tbati l-ispejjeż.
15. Waqt il-proċedura kontenzjuża, fil-5 ta’ Settembru 2006, il-Katalonja kklassifikat bħala ŻPS territorji oħra li jinsabu fiż-żewġ IBAs Nru 142 u Nru 144. Minbarra l-estensjoni taż-ŻPS eżistenti, għandha tissemma wkoll iż-ŻPS "Secans de Belianes-Preixana" (1,925 ettaru) li tinsab fl-IBA Nru 142. B’kollox, fit-territorju kkonċernat mill-proġett, jidher li, attwalment, ġew ikklassifikati 38,150 ettaru bħala ŻPS.
IV – Evalwazzjoni ġuridika
A – Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
16. L-ewwelnett, Spanja qed tilmenta li, fl-opinjoni motivata u fir-rikors, il-Kummissjoni estendiet is-suġġett tal-kawża, peress li fl-ittra ta’ intimazzjoni Spanja kienet ġiet mistiedna sabiex tippreżenta osservazzjonijiet biss dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 4(1) u (4) tad-Direttiva dwar l-għasafar u mhux ukoll dwar il-ksur ta’ l-Artikoli 2 u 3. Il-Kummissjoni ma tesprimix ruħha espliċitament f’dan ir-rigward.
17. L-eċċezzjoni ta’ Spanja hija fondata. Is-suġġett ta’ rikors imressaq skond l-Artikolu 226 KE jiġi ddeterminat mill-proċedura prekontenzjuża, kif inhu previst mill-istess dispożizzjoni.(8) Din il-funzjoni taqdiha b’mod partikolari l-istedina sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, li mhux biss tindika lill-Istat Membru l-elementi li jeħtieġ sabiex jorganizza d-difiża tiegħu,(9) imma tippermettilu wkoll li jikkonforma ruħu qabel ma jitressaq ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.(10) Għaldaqstant, l-opinjoni motivata u r-rikors tal-Kummissjoni għandhom jikkonċernaw l-istess ilmenti li kienu diġà ssemmew fl-ittra ta’ intimazzjoni li fetħet il-fażi prekontenzjuża.(11) Għaldaqstant, l-ilmenti tal-Kummissjoni għandhom ikunu diġà ġew esposti b’mod sħiħ fl-ittra ta’ intimazzjoni.(12)
18. Kif irrilevat Spanja, l-istedina sabiex ikunu ppreżentati l-osservazzjonijiet, fil-parti operattiva, tindika biss l-Artikolu 4(1) u (4) tad-Direttiva dwar l-għasafar bħala d-dispożizzjoni miksura. Il-Kummissjoni ma ssemmix l-Artikolu 2 u, fir-rigward ta’ l-Artikolu 3, tagħmel biss referenza għalih,(13) mingħajr ma tindika b’liema mod inkiser. L-ilmenti li għandhom x’jaqsmu mal-ksur ta’ l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva dwar l-għasafar, għaldaqstant, ma ssemmewx fl-ittra ta’ intimazzjoni, lanqas b’mod ġenerali. Għalhekk, minn dan isegwi li l-opinjoni motivata u r-rikors jinkludu estensjoni inammissibbli tas-suġġett tar-rikors.
19. Għaldaqstant, ir-rikors mhuwiex ammissibbli fil-parti fejn il-Kummissjoni ssemmi l-ksur ta’ l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva dwar l-għasafar.
B – Fuq il-mertu tar-rikors
1. Fuq il-bażi ġuridika tar-rikors
20. Fil-parti ammissibbli tar-rikors, il-Kummissjoni tallega li Spanja, bil-proġett ta’ irrigazzjoni taż-żona tas-saqwi tal-kanal Segarra-Garrigues, kisret l-Artikolu 4(1) u (4) tad-Direttiva dwar l-għasafar.
21. Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, għandhom jiġu previsti miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw il-habitat għall-ispeċi li ġew elenkati fl-Anness I, sabiex jiġu ggarantiti s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona ta’ distribuzzjoni tagħhom. B’mod partikolari, fuq il-bażi tar-raba' paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1), l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali t-territorji li huma l-aktar adattati, fejn għandhom x’jaqsmu n-numru u d-daqs, għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi. S'issa dan l-aspett partikolari kien jikkostitwixxi, għall-ġurisprudenza, il-kamp ta’ applikazzjoni prinċipali ta’ l-Artikolu 4(1).
22. Madankollu, il-partijiet jaqblu li dan ir-rikors ma jikkonċernax il-klassifikazzjoni ta’ ŻPS partikolari,(14) imma d-deterjorament ta’ siti li kellhom jiġu kklassifikati bħala ŻPS. Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk Spanja, lilhinn mill-klassifikazzjonijiet, adottatx miżuri speċjali ta’ konservazzjoni biżżejjed skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar.
23. Iż-ŻPS jirrappreżentaw il-kamp ta’ applikazzjoni tipiku ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar, li tikkonkretizza lill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1). Skond din id-dispożizzjoni l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri adattati sabiex jevitaw, fiż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2), it-tniġġis jew id-deterjorament tal-habitats, kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa l-għasafar, li jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi meta jitqiesu l-għanijiet ta’ l-istess Artikolu 4. Il-fatt li l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tikkonkretizza l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar ma jeskludix, madankollu, li ż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu jiġu miksura fl-istess ħin.(15) Anzi, għall-kuntrarju, minn ksur ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) wieħed għandu jiddeduċi li fl-istess ħin inkiser ukoll l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ l-istess Direttiva dwar l-għasafar.
24. L-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar kienet oriġinarjament tapplika għaż-ŻPS li diġà kienu kklassifikati. Is-sentenza dwar l-artijiet mistagħdra ta’ Santoña estendiet l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għaż-żoni effettivament ta’ protezzjoni għall-għassafar.(16) Skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-habitat, l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-direttiva ta’ l-aħħar jissostitwixxu l-obbligi li joħorġu mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar. Is-sostituzzjoni tibda tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-habitat - jiġifieri minn Ġunju 1994 – jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew ta’ għarfien min-naħa ta’ Stat Membru taż-żona in kwistjoni bħala ŻPS skond it-termini tad-Direttiva dwar l-għasafar. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Basses Corbières, ippreċiżat li ż-żoni effettivament ta’ protezzjoni għall-għasafar baqgħu jaqgħu taħt l-iskema ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar.(17)
25. Peress li għaż-ŻPS diġà kklassifikati issa japplika l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-habitat, il-ksur invokat mill-Kummissjoni jirreferi esklużivament għal żoni effettivament ta’ protezzjoni għall-għasafar. Il-Kummissjoni għandha turi li l-proġett ta’ irrigazzjoni ta’ dawn iż-żoni jbiddel il-funzjoni tagħhom ta’ habitat għal għasafar protetti.
2. Fuq l-imġiba kkontestata
26. Il-Kummissjoni mhix qed tilmenta dwar danni li diġà seħħew; il-ksur li għamlet Spanja jikkonsisti fl-organizzazzjoni u fit-twettiq tal-formalitajiet għall-awtorizzazzjoni tal-proġett ikkontestat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għal żewġ atti ġuridiċi: id-dikjarazzjoni ta’ interess ġenerali li tinsab fil-Liġi 42/1994 u l-evalwazzjoni pożittiva ta’ l-impatt ambjentali ta’ l-2002. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-ewwelnett jiġi vverifikat jekk tali atti humiex tabilħaqq adattati sabiex jiksru l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar.
27. Skond l-Avukat Ġenerali Van Gerven kien evidenti li l-proġetti li għadhom ma twettqux ma setgħux jiksru l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar, filwaqt li setgħu jiksruha l-proġetti li diġà twettqu.(18) Minn dan wieħed jista’ jikkonkludi li dannu effettiv biss iwassal għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, qabel ma jitwettaq proġett id-deterjorament taż-żona kkonċernata ma jkunx ċert. Aktar minn hekk, osserva l-Avukat Ġenerali, ċerti proġetti kkontestati sadanittant kienu ġew abbandunati.
28. Fil-fatt, il-kawżi relatati ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar kienu dejjem jikkonċernaw proġetti li kienu twettqu, għall-inqas fil-parti l-kbira tagħhom, jekk mhux kompletament, u li, għaldaqstant, kienu diġà pproduċew konsegwenzi fuq iż-żoni kkonċernati.(19)
29. Madankollu, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar ma tkunx adattata, prattikament, sabiex tipproteġi b’mod effikaċi ż-żoni li għandhom jiġu konservati li kieku jkun jista’ jiġi ddikjarat li ġiet miksura biss f’każi ta’ danni reali u mhux ukoll f’każ ta’ azzjonijiet min-naħa ta’ Stat Membru li joħolqu l-kundizzjonijiet legali sabiex iseħħ tali dannu jew saħanistra jiffavorixxuh.
30. Huwa minħabba dan li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ssuġġettat l-eżami tagħha għall-eżistenza ta’ danni.(20) Għall-kuntrarju, meta l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad miżura provviżorja fil-konfront tal-proġett ta’ bini ta’ diga fil-bajja Ġermaniża ta’ Leybucht, dan kien minħabba li l-Kummissjoni kienet ippreżentat talba għaliha sentejn wara li ngħatat l-awtorizzazzjoni, meta l-proġett kien kważi twettaq kollu.(21) Minn dan isegwi, b’raġunament kuntrarju, li sabiex ikun hemm protezzjoni ġuridika effettiva, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar tista’ titqies bħala diġà miksura minn deċiżjonijiet amministrattivi u li dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċedura dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu u eventwalment jiġġustifikaw anki miżuri provviżorji.
31. F’dan il-każ, kemm il-Liġi 42/1994 kif ukoll l-evalwazzjoni pożittiva ta’ l-impatt ambjentali huma, fil-prinċipju, adattati sabiex jiffavorixxu d-deterjorament ta’ l-artijiet ikkonċernati, peress li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-proġett ikkontestat.
32. Madankollu, dwar il-Liġi 42/1994 nafu biss li tirrikonoxxi interess ġenerali lill-operazzjoni ta’ irrigazzjoni. Mill-inkartament ma jirriżultax jekk tiddikjarax anki li tali interess jipprevali fuq il-ħtiġijiet ta’ protezzjoni ta’ l-għasafar. Għaldaqstant, minnha nnifisha, din il-liġi ma tippermettix li jiġi konkluż li l-miżuri ta’ konservazzjoni ta’ l-artijiet ikkonċernati mhumiex biżżejjed għall-finijiet ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar.
33. Għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni pożittiva ta’ l-impatt ambjentali tassumi li tqiesu anki l-interessi ambjentali involuti u, b’mod partikolari, il-ħtiġijiet ta’ l-ispeċi ta’ għasafar li għandhom jiġu protetti. Skond it-termini tagħha, il-protezzjoni ta’ l-għasafar ma teskludix it-twettiq tal-proġett, fil-mod kif dan ġie preżentat.
34. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi verifikat jekk tali evalwazzjoni pożittiva tirrispettax l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar. Jirriżulta li din id-dispożizzjoni tkun inkisret jekk l-evalwazzjoni tkun tinkludi, mingħajr ġustifikazzjoni adegwata, deterjorament ta’ żoni effettivament ta’ protezzjoni għall-għasafar.
3. Fuq l-eżistenza ta’ żoni effettivament ta’ protezzjoni għall-għasafar
35. Il-partijiet jaqblu li, meta saret l-evalwazzjoni pożittiva ta’ l-impatt ambjentali, iż-żoni kklassifikati bħala ŻPS fit-territorju kkonċernat mill-proġett ma kinux biżżejjed. Dan tindikah b’mod ċar l-istess evalwazzjoni pożittiva ta’ l-impatt ambjentali, li tagħti mandat lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jindikaw u jikklassifikaw aktar żoni.(22)
36. Bl-ebda dubju, dan japplika għal mill-inqas 36,688 ettaru, id-differenza bejn it-38,150 ettaru li sadanittant ġew ikklassifikati bħala ŻPS fit-territorju kkonċernat mill-proġett u l-1,462 ettaru li kienu kklassifikati inizjalment.
37. L-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, madankollu, jistgħu jinftiehmu fis-sens li, fl-opinjoni tagħha, kellhom jiġu kklassifikati saħansitra aktar żoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni tirreferi għall-medda taż-żewġ IBAs ikkonċernati, li flimkien ikopru aktar minn 80,000 ettaru.
38. Ir-referenza għall-inventarju ta’ l-IBAs, madankollu, mhijiex biżżejjed sabiex jiġi affermat li fit-territorju kkonċernat mill-proġett għandhom jiġu kklassifikati siti oħra bħala ŻPS. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikkjarat, fil-konfront ta’ inventarju Franċiż simili, li l-fatt biss li sit jiġi inkluż fl-inventarju taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar ma kienx jipprova li dan kellu jiġi kklassifikat bħala ŻPS.(23) Ir-referenza għall-inventarju ta’ l-IBAs hija biss indizju dubjuż peress li dawn huma artijiet li għandhom jiġu kklassifikati.
39. F’dan il-każ, l-istess mapep ta’ distribuzzjoni ta’ l-aktar speċi importanti ta’ għasafar, ippreżentati mill-Kummissjoni, jimmilitaw kontra klassifikazzjoni integrali bħala ŻPS tat-territorji ta’ l-IBAs. Dawn juru li mhux il-medda kollha taż-żewġ IBAs tintuża minn dawn l-ispeċi. Il-Kummissjoni ma tindikax safejn, fuq il-bażi ta’ l-imsemmija mapep għandhom jiġu kklassifikati żoni oħra fit-territorju kkonċernat mill-proġett.
40. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni taż-żewġ IBAs tippermetti li jiġi konkluż li huma ma jinstabux kompletament fit-territorju kkonċernat mill-proġett, imma jinkludu anki artijiet barra minn dan it-territorju. Madankollu, il-Kummissjoni lanqas ma ppreċiżat liema huma dawn l-artijiet.
41. Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, wieħed irid jikkunsidra, bħal ma tagħmel Spanja, li meta saret l-evalwazzjoni pożittiva ta’ l-impatt ambjentali fit-territorju kkonċernat mill-proġett kien hemm żoni effettivament ta’ protezzjoni għall-għasafar li kellhom medda totali ta’ 36,688 ettaru.
4. Fuq id-deterjorament
42. Issa jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk Spanja, meta adottat l-evalwazzjoni pożittiva ta’ l-impatt ambjentali, żguratx is-salvagwardja preskritta mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar għal dawn iż-żoni effettivament ta’ protezzjoni għall-għasafar. Skond din id-dispożizzjoni, għandhom jiġu adottati miżuri adattati sabiex ikunu evitati t-tniġġis jew id-deterjorament tal-habitats, kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa l-għasafar, li jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi meta jitqiesu l-għanijiet ta’ l-istess Artikolu 4.
43. L-irrigazzjoni u l-intensifikazzjoni konsegwenti ta’ l-agrikoltura jimmodifikaw il-karatteristiċi tal-habitats steppiċi. Wieħed jista’ jassumi li l-artijiet irrigati jkunu inqas adattati għall-ispeċi karatteristiċi ta’ tali habitats. Għaldaqstant, l-irrigazzjoni tipprovoka deterjorament taż-żoni effettivament ta’ protezzjoni għall-għasafar.
44. Spanja tirrispondi li tali suppożizzjoni m'għandha l-ebda bażi konkreta u tenfasizza, fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà li d-deterjoramenti eventwali jiġu bbilanċjati b’miżuri ta’ tnaqqis u ta’ kumpens għad-dannu. L-affermazzjonijiet tagħha, madankollu, huma kontradetti mill-evalwazzjoni pożittiva ta’ l-impatt ambjentali. L-istess kif jirrikonoxxu espliċitament l-istess Gvern Spanjol,(24) f’din l-evalwazzjoni l-awtoritajiet kompetenti jaslu għall-konklużjoni li, minkejja l-miżuri ta’ prevenzjoni, ta’ korrezzjoni u ta’ kumpens previsti, il-konsegwenzi jkunu ta’ natura serja (“carácter severo”).(25)
45. Barra minn hekk, jekk il-miżuri ta’ tnaqqis tad-dannu jistgħu jillimitaw jew saħansitra jimpedixxu deterjorament, dan mhux minnu, mid-definizzjoni tagħhom stess, għall-miżuri ta’ kumpens. Fil-fatt dawn jassumu l-eżistenza ta’ dannu li tabilħaqq irid jinstab rimedju għalih b’mod ieħor.
46. F’dan il-każ, fil-prinċipju, l-unika miżura ta’ tnaqqis tad-dannu li wieħed jista’ jimmaġina hija l-esklużjoni ta’ l-irrigazzjoni addizzjonali ta’ l-artijiet li għandhom jiġu kklassifikati bħala ŻPS. Issa, l-evalwazzjoni pożittiva ta’ l-impatt ambjentali tipprevedi l-esklużjoni biss ta’ madwar 18,000 ettaru.(26) Iż-żona ta’ Mas de Melons, li diġà kienet ikklassifikata bħala ŻPS, jidher li hija inkluża kollha. Għaldaqstant, huwa maħsub li mill-inqas 20,000 ettaru taż-żoni effettivament ta’ protezzjoni għall-għasafar, jiġifieri aktar minn nofs, jirċievu irrigazzjoni addizzjonali.
47. Fid-dawl tad-daqs ta’ l-artijiet ikkonċernati, għandu jiġi kkunsidrat li d-deterjorament għandu konsegwenzi sinjifikattivi fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar. Il-fatt li fl-evalwazzjoni pożittiva ta’ l-impatt ambjentali ġie affermat li – u fid-dawl ta’ miżuri ta’ kumpens – mhi ser tinqered l-ebda waħda mill-ispeċi importanti, ma jegħlibx din il-konklużjoni. Fil-fatt, it-tnaqqis fin-numru ta’ għasafar diġà huwa sinjifikattiv.
48. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, bl-evalwazzjoni pożittiva ta’ l-impatt ambjentali, l-awtoritajiet kompetenti awtorizzaw id-deterjorament ta’ żoni effettivament ta’ protezzjoni għall-għasafar. Il-miżuri meħtieġa biex ikunu evitati t-tniġġis jew id-deterjorament tal-habitat, kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa l-għasafar, għalhekk, ma ġewx adottati.
5. Fuq il-ġustifikazzjoni
49. Minkejja dan, il-Gvern Spanjol jinvoka diversi argumenti sabiex jiġġustifika tali deterjorament.
50. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, deroga mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar tista’ tkun iġġustifikata biss minn raġunijiet eċċezzjonali ta’ interess ġenerali, li jipprevalu fuq il-finijiet ekoloġiċi tad-direttiva.(27) Dan jippresupponi, b’mod partikolari, li ma teżisti l-ebda alternattiva għad-deterjorament, jiġifieri li dan m'għandux imur lilhinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq.(28)
51. F’dan il-każ, il-proġett ta’ irrigazzjoni qed jitwettaq minħabba raġunijiet ekonomiċi. Madankollu, skond ġurisprudenza kostanti, il-ħtiġiet ekonomiċi ma jistgħux jiġġustifikaw id-deterjorament taż-żoni effettivament ta’ protezzjoni għall-għasafar.(29) Għalhekk jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-deterjorament jistax ikun iġġustifikat mill-miżuri ta’ kumpens u mill-vantaġġi ekoloġiċi li ssemmi Spanja.
52. Fis-sentenza Leybucht, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-kumpens ekoloġiku jista’ jiġġustifika d-deterjorament ta’ żona protetta minħabba raġunijiet ekonomiċi.(30) Din is-sentenza tista’ tinftiehem fis-sens li l-miżuri ta’ kumpens huma, fil-prinċipju, adattati sabiex jiġġustifikaw interventi dannużi f’żoni protetti.
53. Fejn għandha x’taqsam il-possibbiltà li jiġu ġġustifikati dawn l-interventi b’kumpens, madankollu, jeħtieġ li tintuża l-akbar kawtela, peress li huwa ferm diffiċli li jiġi ggarantit minn qabel li dawn jirnexxu. Fil-fatt, ir-riżultat jiddependi minn proċessi naturali li rarament jistgħu jinftiehmu u jiġu previsti b’mod sħiħ. Bil-miżuri ta’ kumpens wieħed b’hekk ikun qed jirriskja li l-wirt naturali Ewropew eżistenti effettivament jitnaqqas, filwaqt li l-ħolqien ta’ valuri ġodda jibqa' biss tama. Għalhekk, il-kumpens għandu jirrappreżenta biss l-aħħar soluzzjoni għall-każijiet fejn l-intervent dannuż ikun assolutament meħtieġ.(31)
54. Mill-bqija, jekk wieħed jaqra b’aktar attenzjoni s-sentenza Leybucht jinduna li hija kienet tikkonċerna sitwazzjoni partikolari, u għalhekk mhuwiex possibbli li tiġi trasposta inkondizzjonatament għal każijiet oħra. Dak il-każ kien jikkonċerna l-bini u l-ispostament ta’ digi fil-Baħar tat-Tramuntana, fejn kienu se jiġu sagrifikati mergħat miksija bil-melħ u artijiet fil-baxx, jiġifieri habitats importanti għall-konservazzjoni ta’ diversi speċi ta’ għasafar. Madankollu, fil-prinċipju, id-deterjorament kien iġġustifikat minn raġunijiet aktar importanti ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-prevenzjoni tal-periklu ta’ għargħar u l-protezzjoni tal-kosta.(32)
55. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset il-kumpens ekoloġiku biss peress li l-proġett, meta kkunsidrat globalment, jieħu in kunsiderazzjoni l-interessi ekonomiċi, li minnhom infushom mhumiex adattati sabiex jagħtu ġustifikazzjoni.(33) Li kieku l-proġett ma kienx qies dawn l-interessi, il-konsegwenzi tiegħu fuq il-protezzjoni ta’ l-għasafar kienu definittivament ikunu aktar limitati, imma d-danni ekonomiċi kienu jkun akbar. Id-deterjorament taż-żona ta’ protezzjoni għall-għasafar, għalhekk, ma kienx intiż sabiex jinħolqu possibbiltajiet ekonomiċi ġodda, imma sabiex jiġi evitat preġudizzju fil-konfront ta’ pożizzjonjiet eżistenti.
56. F’dak il-kuntest, l-Avukat Ġenerali Van Gerven kien sostna t-teżi li wieħed jista’ jqis l-interessi ekonomiċi fil-preparazzjoni ta’ proġett li kien meħtieġ minħabba interess aktar importanti mill-interessi ekoloġiċi, sakemm il-preġudizzju addizzjonali kkawżat fil-konfront ta’ l-ambjent minħabba l-imsemmija interessi ekonomiċi ma jkunx sproporzjonat fir-rigward ta’ l-iżvantaġġ konsiderevoli li kien ikollhom dawn ta’ l-aħħar li kieku ma tqisux.(34) Fi kliem ieħor, elementi waħdanija ta’ proġett sħiħ li kien iġġustifikat b’raġunijiet eċċezzjonali jistgħu jiġu ġġustifikati minn raġunijiet ekonomiċi jekk dawn ikunu prevalenti fir-rigward tad-deterjorament ekoloġiku u jekk ikun hemm kumpens għad-deterjorament. Jidher li dan huwa r-raġunament li fuqu hija bbażata anki s-sentenza Leybucht.
57. Dan ġie kkonfermat ukoll mid-deċiżjonijiet suċċessivi tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn hija enfasizzat li l-iskema ta’ protezzjoni prevista mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar hija aktar stretta minn dik introdotta mill-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar il-habitat,(35) peress li d-Direttiva dwar l-għasafar kienet tipprevedi inqas possibbiltajiet li l-interventi dannużi jiġu ġġustifikati.(36)
58. Tali evalwazzjoni tibqa' mingħajr sinjifikat li kieku l-interventi dannużi fiż-żoni effettivament ta’ protezzjoni għall-għasafar jistgħu jiġu ġġustifikati dejjem u fi kwalunkwe każ mill-miżuri ta’ kumpens. L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitat, fil-fatt, jeħtieġ mhux biss sempliċi kumpens imma anki l-preżenza ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku rilevanti u n-nuqqas ta’ alternattivi.
59. It-teżi, li jiena naqbel magħha, ta’ l-Avukat Ġenerali Van Gerven għaldaqstant taqbel b’mod sħiħ mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għandu jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li lanqas fuq il-bażi ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar mhuwa biżżejjed kumpens sabiex jiġu ġġustifikati l-interventi dannużi. Anzi, jinħtieġ ukoll li l-proġett, kollu kemm hu, ikun iġġustifikat minn raġunijiet eċċezzjonali. F’dan il-każ biss il-kumpens jista’ jipperemetti dawk l-interventi dannużi fil-konfront tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni ta’ l-għasafar li jirriżulta li jkunu meħtieġa sabiex ikun limitat id-dannu kkawżat mill-proġett kollu lill-pożizzjonijiet ekonomiċi eżistenti. Fuq il-bażi ta’ din l-interpretazzjoni huwa aktar faċli li proġett jiġi ġġustifikat skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitat milli skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar.
60. Ikun xi jkun il-każ, f’dan ir-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandiex għalfejn tispjega b’mod dettaljat il-kundizzjonijiet u l-ambitu ta’ din l-eċċezzjoni ferm limitata għas-salvagwardja territorjali preskritta mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar. Fil-fatt, il-każ huwa għalkollox differenti minn dak tas-sentenza Leybucht. Ma jirriżultax li hemm raġunijiet eċċezzjonali għall-proġett ta’ irrigazzjoni. Għaldaqstant, mhija possibbli l-ebda ġustifikazzjoni permezz ta’ miżuri ta’ kumpens.
61. Barra minn hekk, wieħed jista’ jiddubita li l-miżuri ta’ kumpens previsti jistgħu tassew jibbilanċjaw it-telf ta’ habitats steppiċi li dwaru hemm il-biża. L-użu, min-naħa tal-pitarra, ta’ għelieqi irrigati, li fuqu, b’mod partikolari, tibni d-difiża tagħha Spanja, ma jidhirx li huwa biżżejjed sabiex jikkumpensa d-deterjorament. Anzi, għandu jiġi mfakkar għal darb’oħra li, skond l-istess evalwazzjoni ta’ l-impatt ambjentali, il-konsegwenzi tal-proġett huma serji minkejja l-miżuri kollha previsti.
62. Barra minn hekk, Spanja tenfasizza li l-irrigazzjoni tippermetti li l-artijiet jibqgħu jintużaw għal finijiet agrikoli. Dan l-użu huwa meħtieġ peress li, mingħajr koltivazzjoni, dawn l-artijiet jitilfu l-karatteristiċi li jagħmluhom partikolarment adattati sabiex jipprovdu protezzjoni lill-għasafar.
63. Fil-fatt, huwa ferm possibbli, jekk mhux ukoll ferm probabbli, li l-użu attwali għal finijiet agrikoli jkollu jitkompla sabiex ikunu kkonservati l-kundizzjonijiet favorevoli għall-protezzjoni ta’ l-għasafar. Għalhekk, Spanja tkun obbligata li tiżgura tali kontinwazzjoni skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar.(37)
64. Madankollu, ma jirriżultax li l-kontinwazzjoni tal-koltivazzjoni tista’ tkun żgurata biss mill-proġett ta’ irrigazzjoni. Anzi, dan il-proġett saħanistra jwassal għal bidla fil-koltivazzjoni li, minħabba l-irrigazzjoni addizzjonali u l-intensifikazzjoni ta’ l-agrikoltura, tnaqqas il-karatteristiċi li jagħmlu l-artijiet ikkonċernati adatti sabiex jipproteġu l-għasafar. Għalhekk, ikun hemm ħtieġa għal miżuri oħra sabiex tkun żgurata l-kontinwazzjoni tal-koltivazzjoni attwali, bħal per eżempju sussidji speċifiċi.(38)
65. Għaldaqstant, ma jirriżultax li d-deterjorament huwa ġġustifikat.
6. Fuq l-eliminazzjoni tan-nuqqas tat-twettiq ta’ l-obbligu
66. Fl-aħħarnett, għandu jiġi osservat li, fid-data rilevanti, jiġifieri fit-22 ta’ Frar 2005, jiġifieri meta skada t-terminu ffissat mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata, Spanja ma kinitx temmet il-ksur ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar.
67. Huwa minnu li sa din id-data, Spanja kienet ikklassifikat ŻPS ġodda fit-territorju kkonċernat mill-proġett u li, barra minn hekk, ġew ikklassifikati żoni oħra wara l-iskadenza tat-terminu. Madankollu, il-klassifikazzjoni taż-ŻPS mhijiex biżżejjed sabiex jintemm in-nuqqas tat-twettiq ta’ l-obbligu. Fil-fatt, kif enfasizzaw għal bosta drabi l-partijiet, din il-proċedura ma tikkonċernax l-obbligu li jiġu kklassifikati żoni partikolari, imma l-kwistjoni jekk iż-żoni effettivament ta’ protezzjoni għall-għasafar humiex qed jiġu ddeterjorati minħabba l-evalwazzjoni pożittiva ta’ l-impatt ambjentali.
68. Sabiex jintemm in-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligu, għalhekk, ikun meħtieġ li Spanja tirrinunzja għall-proġett, għall-inqas fejn għandhom x’jaqsmu ż-żoni effettivament ta’ protezzjoni għall-għasafar, jew inkella, bħala alternattiva, li dawn iż-żoni jiġu kklassifikati u tiġi implementata l-proċedura preskritta fl-Artikolu 7 flimkien ma’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar il-habitat. F’dan il-każ, la saret ħaġa u lanqas oħra. Fid-data rilevanti, għalhekk, Spanja ma kinitx għadha temmet in-nuqqas tat-twettiq ta’ l-obbligu tagħha.
69. Fi ftit kliem, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja, meta adotta l-evalwazzjoni pożittiva ta’ l-impatt ambjentali tal-proġett ta’ irrigazzjoni taż-żona tas-saqwi tal-kanal Segarra-Garrigues, naqas mill-obbligi li kellu skond l-Artikolu 4(1) u (4) tad-Direttiva dwar l-għasafar.
V – Fuq l-ispejjeż
70. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Anki li kieku r-riskors jiġi ddikjarat parzjalment inammissibbli, l-ilmenti dwar il-proġett li tqajmu f’dan il-każ mill-Kummissjoni ngħataw raġun. Għalhekk, Spanja għandha tbati l-ispejjeż.
VI – Konklużjoni
71. Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
1) Billi adotta l-evalwazzjoni pożittiva ta’ l-impatt ambjentali tal-proġett ta’ irrigazzjoni taż-żona tas-saqwi tal-kanal Segarra-Garrigues, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi li kellu skond l-Artikolu 4(1) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi.
2) Mill-bqija, tiċħad ir-rikors.
3) Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – ĠU L 103, p. 1.
3 – ĠU L 206, p. 7.
4 – Ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (Basses Corbières) (C-374/98, Ġabra p. I‑10799, punti 47 u 57).
5 – Anki s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1999, Il-Kummissjoni vs Franza (estwarju tas-Seine) (C‑166/97, Ġabra p. I-1719, punt 5), issemmi sempliċement Ġunju 1994. Fil-fatt, mhuwiex faċli li jiġi stabbilit bi preċiżjoni meta skada t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-habitat. Dan jiddependi – skond l-Artikolu 191(2) tat-Trattat KEE li kien fis-seħħ dak iż-żmien (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 254 KE) ) – mid-data tal-komunikazzjoni tad-direttiva lill-Istati Membri. Il-Eur-Lex isemmi bħala terminu finali l-10 ta’ Ġunju 1994, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (nuqqas ta’ traspożizzjoni) (C-329/96,Ġabra p. I-3749, punt 2) u tal-11 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (nuqqas ta’ traspożizzjoni) (C-83/97, Ġabra p. I-7191, punt 2), tindika l-5 ta’ Ġunju 1994.
6 – Carlota Viada (Ed.), Áreas importantes para las aves en España, Madrid 1998 (anness mar-rikors fil-kawża pendenti C-235/04, Il-Kummissjoni vs Spanja).
7 – BOE tal-31 ta’ Diċembru 1994.
8 – Sentenza ta’ l-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑350/02, Ġabra I‑6213, punt 20).
9 – Sentenzi tas-17 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-289/94, Ġabra p. I-4405, punt 15) u tal-15 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑230/99, Ġabra p. I‑1169, punt 31).
10 – Sentenza tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-365/97, Ġabra, p. I-7773, punti 23 u 24).
11 – Sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-191/95, Ġabra p. I-5449, punt 55) u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 23).
12 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 (punt 54), u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 26).
13 – It-traduzzjoni provviżorja ta’ l-abbozz ta’ l-ittra ta’ intimazzjoni f’dan il-punt issemmi anki l-Artikolu 2, imma r-referenza għebet fil-verżjoni definittiva Spanjola.
14 – Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, bħalissa għaddejja proċedura minħabba nuqqas ta’ klassifikazzjoni komplessiva taż-ŻPS min-naħa ta’ Spanja. F’dan ir-rigward ara l-Konklużjonijiet tiegħi li ġew ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2006 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (C-235/04, Ġabra p. I‑5415).
15 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi li ġew ippreżentati fid-19 ta’ April 2007, fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (Santa Catarina) (C-304/05, Ġabra p. I‑7495, punti 74 et seq).
16 – Sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja (l-artijiet mistagħdra ta’ Santoña) (C-355/90, Ġabra p. I-4221, punt 22).
17 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 (punti 47 u 57).
18 – Konklużjonijiet tad-9 ta’ Ġunju 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja (l-artijiet mistagħdra ta’ Santoña) (C-355/90, Ġabra p. I-4221, punt 50).
19 – Ara s-sentenzi dwar l-artijiet mistagħdra ta’ Santoña, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 (punti 33 et seq), dwar l-estwarju tas-Seine, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 (punti 27 et seq), kif ukoll id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Awwissu 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Leybucht) (C-57/89, Ġabra p. 2849, punt 16).
20 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza dwar l-artijiet mistagħdra ta’ Santoña, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 (punti 42 et seq), dwar il-motiv tar-rikors li dwaru l-Avukat Ġenerali Van Gerven jagħti l-opinjoni riprodotta fil-punt 27.
21 – Digriet Leybucht, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 (punti 16 et seq).
22 – Paġna 54 ta’ l-annessi tar-risposta.
23 – Sentenza dwar l-estwarju tas-Seine, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 (punt 42).
24 – Punti 40 u 42 tar-risposta.
25 – Paġna 52 ta’ l-annessi għar-risposta. Jidher li n-noti ta’ l-awtoritajiet kompetenti dwar il-kompatibbiltà ambjentali, li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fl-Anness 5 għar-rikors, jixhdu wkoll li hemm deterjorament notevoli.
26 – Paġna 55 ta’ l-anness għar-risposta.
27 – Sentenzi tat-28 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Leybucht) (C-57/89, Ġabra p. I‑883, punti 21 u 22.) u dwar l-artijiet mistagħdra ta’ Santoña, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 (punt 19).
28 – Dan huwa stabbilit espliċitament fl-Artikolu 6(4) u fl-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-habitat, kif ukoll fl-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar. Dwar il-ġustifikazzjoni ta’ limitu għal-libertajiet fundamentali għal finijiet ta’ interess ġenerali, anki jekk mhux miktuba, ara s-sentenzi tal-11 ta’ Settemru 2003, Anomar u oħrajn (C‑6/01, Ġabra p. I‑8621, punt 86); ta’ l-24 Novembru 2005, Schwarz (C‑366/04, Ġabra p. I‑10139, punt 33); tal-15 ta’ Diċembru 2005, Nadin u Nadin-Lux (C‑151/04 u C‑152/04, Ġabra p. I‑11203, punt 39) kif ukoll is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, A-Punkt Schmuckhandel (C‑441/04, Ġabra p. I‑2093, punti 26 et seq).
29 – Sentenzi Leybucht, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 (punt 22) u dwar l-artijiet mistagħdra ta’ Santoña, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 (punt 19 u 45).
30 – Sentenza Leybucht, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 (punt 26).
31 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi li ġew ippreżentati fis-27 ta’ April 2006 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (Castro Verde) (C‑239/04, Ġabra p. I‑10183, punt 35).
32 – Sentenza Leybucht, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 (punt 23).
33 – Sentenza Leybucht, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 (punt 24).
34 – Konklużjonijiet ippreżentati fil-5 ta’ Diċembru 1990 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Leybucht) (C-57/89, Ġabra p. I‑993, punt 39).
35 – Sentenza Basses Corbières, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, (punt 50).
36 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, Royal Society for the Protection of Birds (Lappel Bank) (C-44/95, Ġabra p. I-3805, punt 37).
37 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Santa Catarina, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 (punt 75), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi li ġew ippreżentati fit-26 ta’ Frar 2006 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (Moura, Mourão, Barrancos) (C-191/05, Ġabra p. I‑6853, punt 14); ara wkoll, għaż-ŻPS kklassifikati, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Otturbu 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (konformità) (C‑6/04, Ġabra p. I‑9017, punti 33 et seq).
38 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (kaċċa fir-rebbiegħa ta’ għasafar akwatiċi) (C‑344/03, Ġabra p. I‑11033, punti 35, 38 u 40), u l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-11 ta’ Jannar 2007 fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (konformità) (C-507/04, punt 61).
Full & Egal Universal Law Academy