KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
POIARES MADURO
ippreżentati fil-25 ta’ Ottubru 2007 1(1)
Kawża C‑250/06
United Pan-Europe Communications Belgium SA
Coditel Brabant SA
Société Intercommunale pour la Diffusion de la Télévision (Brutele)
Wolu TV ASBL
vs
État Belge
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju))
1. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti deċiżjoni sabiex il-Conseil d’État (il-Kunsill ta’ l-Istat tal-Belġju) jkun jista’ jevalwa l-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ miżuri nazzjonali li jimponu obbligi ta’ trażmissjoni (“must carry”) fuq operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni bil-kejbil fir-reġjun ta’ Brussell-Kapitali. Għalkemm it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna d-dritt tal-kompetizzjoni u l-libertà li tipprovdi servizzi, għar-raġunijiet li se nispjega iktar ’l isfel, jien se nindirizza l-problemi mqajjma mill-qorti tar-rinviju, prinċipalment, fid-dawl ta’ l-Artikolu 49 KE.
I – Il-fatti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali u t-talba għal deċiżjoni preliminari
2. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma operaturi tal-kejbil. Permezz tan-netwerks tagħhom huma jittrażmettu kanali tat-televiżjoni fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali. Fit-2 ta’ April 2001, ir-rikorrenti ressqu kawża quddiem il-qorti tar-rinviju għall-annullament ta’ żewġ digrieti maħruġa mill-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u tar-Riċerka Xjentifika fis-17 ta’ Jannar 2001 u fl-24 ta’ Jannar 2002 rispettivament. Iż-żewġ digrieti huma bbażati fuq il-Liġi tat-30 ta’ Marzu 1995 dwar in-netwerks ta’ distribuzzjoni għax-xandir u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ xandir fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tax-Xandir”).
3. L-Artikolu 13 tal-Liġi tax-Xandir jimponi l-obbligu li jiġu trażmessi ċerti programmi mill-operaturi tal-kejbil fir-reġjun ta’ Brussell-Kapitali. Dan jipprovdi:
“Operaturi tal-kejbil li għandhom permess biex joperaw netwerk ta’ distribuzzjoni għal xandiriet fir-reġjun bilingwali [bilingwi] ta’ Brussell-Kapitali għandhom jittrażmettu simultanjament u fl-intier tagħhom il-programmi li ġejjin:
– il-programmi tat-televiżjoni mxandra mix-xandara tas-servizz pubbliku tal-Komunità Franċiża u dawk tal-Komunità Fjamminga;
– il-programmi tat-televiżjoni mxandra minn kwalunkwe xandara oħrajn tal-Komunitajiet Franċiżi jew Fjammingi, kif speċifikati mill-ministru kompetenti”.
4. Id-digriet Ministerjali tas-17 ta’ Jannar 2001 jagħti r-raġunijiet għar-regoli dwar dan l-obbligu ta’ trażmissjoni ta’ ċerti programmi u jagħti l-benefiċċju ta’ l-istatus ta’ trażmissjoni must carry li jirriżulta minn dan l-obbligu lil tmien xandara. It-test huwa fformulat kif ġej:
“Peress li s-sistema ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry hija parti mill-politika awdjoviżwali maħsuba sabiex tagħmilha possibbli għat-telespettaturi li jkollhom aċċess kemm għax-xandara tas-servizz pubbliku kif ukoll għax-xandara privati li jidħlu għall-obbligi ta’ servizz pubbliku;
Peress li l-għan tas-sistema ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry huwa li jħares in-natura pluralista u kulturali ta’ l-għażla tal-programmi disponibbli fuq in-netwerks ta’ distribuzzjoni tat-televiżjoni u sabiex tassigura li t-telespettaturi kollha jkollhom aċċess għal dan il-pluraliżmu;
Peress li din is-sistema hija mingħajr dubju ġġustifikata fl-interess pubbliku;
Peress li l-għażla ta’ kanali privati li jgawdu mill-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry saret fl-interess li jiġi armonizzat ix-xenarju awdjoviżwali fil-Belġju;
Peress li l-Komunità Franċiża u l-Komunità Fjamminga ġew ikkonsultati;
Peress li l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry għandha tingħata lix-xandara magħżula bħala riżultat tal-fatt li jkunu qabblu ma’ obbligi sinjifikanti li ġew imposti;
Peress li ċerti xandara magħżula huma fdati b’inkarigu ta’ servizz pubbliku;
Peress li l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry għandu jingħata wkoll lil asbl Télé Bruxelles u vzw TV Brussel bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp tat-televiżjoni lokali, li jxandru aħbarijiet lokali intiżi għal pubbliku lokali;
Peress li l-konsegwenza tal-fatt li jiġi rtirat l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry tkun li titqiegħed fil-perikolu l-eżistenza ta’ dawn ix-xandara li ma jistgħux jifilħu għall-ispejjeż għoljin tad-distribuzzjoni,
Għalhekk qed jiġi stabbilit:
Artikolu 1
Distributur awtorizzat li jopera netwerk ta’ distribuzzjoni tat-televiżjoni fir-reġjun bilingwali ta’ Brussell-Kapitali huwa meħtieġ li jittrażmetti, simultanjament fl-intier tagħhom, il-programmi tat-televiżjoni tax-xandara li ġejjin:
1. Vlaamse Media Maatschappij n.v.
2. TV Brussel v.z.w.
3. Belgian business television n.v.
4. Media ad infinitum n.v.
5. TVi s.a.
6. A.s.b.l. Télé Bruxelles
7. Canal+ Belgique s.a.
8. Satellimages s.a.
[…]”
5. Id-digriet ta’ l-24 ta’ Jannar 2002 jemenda d-digriet tas-17 ta’ Jannar 2001 u jagħti l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry lil żewġ xandara ġodda oħra, jiġifieri Event TV Vlaanderen n.v. u YTV s.a.. Jien se nirreferi għad-digrieti tas-17 ta’ Jannar 2001 u ta’ l-24 ta’ Jannar 2002 bħala l-“miżuri kkontestati”.
6. Ir-rikorrenti argumentaw quddiem il-Conseil d’État li l-għoti ta’ l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry lil ċerti xandara tat-televiżjoni jikkostitwixxi għoti ta’ drittijiet speċjali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 86 KE, li x’aktarx toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bi ksur ta’ l-Artikoli 3(1)(g), 10, 82 u 86 KE. Barra dan, ir-rikorrenti argumentaw li l-miżuri kkontestati jirrestrinġu l-libertà li tipprovdi servizzi billi jnaqqsu n-numru ta’ stazzjonijiet disponibbli u billi jeżentaw xandara bl-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry minn negozjati ma’ operaturi tal-kejbil. Skond ir-rikorrenti, dan jammonta għal ksur ta’ l-Artikolu 49 KE.
7. B’digriet tas-17 ta’ Mejju 2006, il-Conseil d’État ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:
“1) L-obbligu impost fuq impriżi li jiddistribwixxu programmi tat-televiżjoni bil-kejbil sabiex jiddistribwixxu ċerti programmi stabbiliti minn qabel, għandu jiġi interpretat bħala li jagħti lill-awturi ta’ dawn il-programmi “dritt speċjali” fit-tifsira ta’ l-Artikolu 86 KE?
2) Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, ir-regoli li ssir referenza għalihom fl-aħħar ta’ l-Artikolu 86(1) KE (jiġifieri “għar-regoli f’dan it-Trattat, b’mod partikolari, għal dawk li hemm fl-Artikolu 12 u fl-Artikoli 81 sa 89 inklużi”) għandhom jiġu interpretati bħala li ma jippermettux lil Stati Membri li jimponu fuq impriżi li jiddistribwixxu programmi tat-televiżjoni bil-kejbil sabiex jiddistribwixxu ċerti programmi minn xandara privati, imma “li jaqgħu taħt” (fis-sens tal-Liġi Belġjana tat-30 ta’ Marzu 1995 dwar in-netwerks ta’ distribuzzjoni għax-xandir u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ xandir fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali) poteri pubbliċi speċifiċi ta’ dak l-Istat, bir-riżultat li n-numru ta’ programmi li jiġu minn Stati Membri oħrajn jew minn Stati mhux membri ta’ l-Unjoni Ewropea, u minn organizzazzjonijiet li ma jaqgħux taħt dawk il-poteri pubbliċi naqas għan-numru ta’ programmi koperti bl-“obbligu ta’ trażmissjoni must carry)”?
3) L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li ostaklu għal-libertà li tipprovdi servizzi, li huwa pprojbit, ikun jeżisti mill-mument li fih tittieħed miżura meħuda minn Stat Membru, f’din il-kawża l-obbligu li tirritrażmetti programmi televiżivi fuq in-netwerks tad-distribuzzjoni tal-kejbil, li tista’ tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-provvista ta’ servizzi minn Stat Membru ieħor minn min jirċievi dawn is-servizzi fl-ewwel Stat Membru, li jkun il-każ jekk, minħabba f’din il-miżura, il-fornitur tas-servizz isib ruħu f’pożizzjoni sfavorevoli meta jinnegozja aċċess għal dawk in-netwerks?
4) L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat li jfisser li ostaklu għal-libertà li tipprovdi servizzi, li huwa pprojbit, jeżisti minħabba li miżura meħuda minn Stat Membru, f’din il-kawża l-obbligu li tirritrażmetti programmi televiżivi fuq in-netwerks tad-distribuzzjoni bil-kejbil, fil-biċċa ’l kbira tal-każijiet jingħata biss lil impriżi stabbiliti f’dak l-Istat Membru, minħabba fil-post ta’ l-istabbiliment ta’ dawk li jibbenefikaw mill-miżura jew il-fatt li għandhom xi rabta oħra ma’ dak l-Istat Membru, filwaqt li mhemm l-ebda ġustifikazzjoni għal tali ostaklu bbażat fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fir-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità?”
II – Evalwazzjoni
A – It-tielet u r-raba’ domanda
8. L-ewwel nett, jiena se nindirizza t-tielet u r-raba’ domanda mqajjma mill-qorti tar-rinviju. Dawn id-domandi essenzjalment jistaqsu jekk il-miżuri nazzjonali, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jimponu fuq operaturi tal-kejbil obbligu ta’ trażmissjoni must carry fir-rigward ta’ ċerti xandara, jirrestrinġux l-libertà li tipprovdi servizzi u, jekk hu hekk, jekk tali miżuri humiex madankollu kompatibbli mad-dritt Komunitarju.
9. Is-servizzi in kwistjoni – it-trażmissjoni ta’ sinjali televiżivi bil-kejbil – evidentement jaqgħu fl-ambitu tal-kunċett ta’ ‘servizzi’ fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 49 KE(2). Xandara u operaturi tal-kejbil iridu jaħdmu flimkien sabiex jipprovdu dawn is-servizzi. F’dan il-kuntest jistgħu joqgħodu fuq l-Artikolu 49 KE sabiex jikkontestaw miżuri nazzjonali li jittrattaw il-provvista ta’ servizzi fuq livell purament domestiku b’mod iktar favorevoli mill-provvista ta’ servizzi fuq livell intra Komunitarju(3). Tali miżuri jistgħu jinżammu biss jekk huma xierqa u meħtieġa fl-interess pubbliku u jekk l-effetti differenti tagħhom fuq il-provvista ta’ servizzi f’livell domestiku u l-provvista ta’ servizzi f’livell intra Komunitarju huwiex proporzjonali mad-differenzi oġġettivi bejn dawn is-servizzi(4).
Jekk teżisti restrizzjoni
10. Is-sistema dwar obbligu ta’ trażmissjoni must carry bħal dik li hemm kwistjoni dwarha fil-kawża preżenti tiffaċilita d-distribuzzjoni ta’ stazzjonijiet ta’ xandara li għandhom l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry, imma taħdem ukoll għad-dannu ta’ xandara li ma ngħatawx dan l-istatus. Huwa fatt stabbilit, li netwerks tad-distribuzzjoni tat-televiżjoni li qed jiġu diskussi għandhom medda ta’ frekwenza [bandwidth] limitat. Għalhekk, bl-allokazzjoni ta’ numru ta’ kanali lil xandara bl-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni, l-ammont totali ta’ kanali disponibbli fuq in-netwerks jonqos għal din ir-raġuni. Jidher mill-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li n-netwerks ta’ distribuzzjoni analogi li teżisti kwistjoni dwarhom f’din il-kawża għandhom kapaċità ta’ madwar 40 kanali, li minnhom 20 għandhom jiġu rriżervati għal stazzjonijiet ta’ xandara bi status ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni. Bir-riżultat li, operaturi tal-kejbil jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jqassmu ċerti stazzjonijiet li kienu jqassmu, kieku ma kienx għar-regoli dwar l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry. Bħala eżempju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li r-regoli dwar l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry wasslu sabiex Coditel tneħħi l-istazzjonijiet televiżivi Arte, RAI Uno u La Cinquième minn netwerk analogu tagħha. Barra dan, il-benefiċċjarji ta’ l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry għandhom vantaġġ sostanzjali fir-rigward tal-kompetituri tagħhom peress li ma jkollhomx għalfejn jinnegozjaw ma’ operaturi tal-kejbil u jikkompetu ma’ xandara oħrajn sabiex jassiguraw id-distribuzzjoni tal-kanali tagħhom permezz tan-netwerks tad-distribuzzjoni tat-televiżjoni bil-kejbil.
11. Mhuwiex għal kollox ċar mis-sentenza tar-rinviju jekk l-Artikolu 13 tal-Liġi tax-Xandir titlobx li xandara għandhom ikunu stabbiliti fil-Belġju sabiex ikunu eleġibbli għall-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry. Għalkemm il-Gvern Belġjan argumenta li l-għoti ta’ l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry mhuwiex neċessarjament limitat għal xandara bbażati fil-Belġju, il-benefiċċjarji msemmija fil-miżuri kkontestati huma lkoll xandara nazzjonali. Barra dan, waqt is-smigħ, il-Gvern Belġjan indika li l-fatt li wieħed minn dawn ix-xandara kien reċentement biddel il-post ta’ l-istabbiliment tiegħu għal-Lussemburgu dan kien ser jiġi kkunsidrat fl-evalwazzjoni li jmiss ta’ l-istatus tiegħu ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry, anki jekk il-kontenut tal-programmi tiegħu ma nbidilx. Fi kwalunkwe każ, peress li s-sistema ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry għandha l-għan, fi kliem il-Gvern Belġjan, li tiggarantixxi liċ-ċittadini Belġjani aċċess għall-informazzjoni lokali u nazzjonali u l-wirt kulturali tagħhom, huwa inqas probabbli għal xandara barranin minn xandara domestiċi li jakkwistaw l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry. Fil-prattika, għalhekk, is-sistema ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry bħal dik li teżisti kwistjoni dwarhom fil-kawża preżenti tirrendi l-aċċess għan-netwerks ta’ distribuzzjoni tat-televiżjoni iktar diffiċli għal xandara bbażati fi Stati Membri oħrajn milli għal xandara domestiċi. Anki jekk ma titlobx espressament li jkunu stabbiliti ġewwa l-Istat Membru, il-provvista ta’ servizzi ta’ xandir f’livell domestiku huma effettivament suġġetti għal sistema iktar favorevoli mill-provvista ta’ servizzi transkonfinali permezz ta’ dawn ir-regoli. Għal din ir-raġuni, dawn jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-libertà li jipprovdu servizzi.
Jekk ir-restrizzjoni hija ġġustifikata
12. Il-Gvern Belġjan enfasizza li l-għan tas-sistema ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry huwa li jiġi ssalvagwardjat il-karattru pluralista u kulturali ta’ l-għażla ta’ programmi trażmessi permezz tan-netwerks tad-distribuzzjoni tat-televiżjoni fir-reġjun ta’ Brussell-Kapitali u sabiex jiġi assigurat li t-telespettaturi kollha f’dak ir-reġjun jistgħu jibbenefikaw minn natura pluralista u għażla ta’ programmi televiżivi. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li politika awdjoviżiva li hija intiża sabiex tiġi stabbilita sistema pluralista ta’ xandir bl-għan li tissalvagwardja l-libertà ta’ l-espressjoni, u speċjalment il-komponenti soċjali, kulturali, reliġjużi, filosofiċi jew lingwistiċi, hija tabilħaqq kapaċi tiġġustifika restrizzjoni fuq il-libertà li tipprovdi servizzi(5). Madankollu, sabiex ikunu permissibbli skond l-Artikolu 49 KE, il-miżuri nazzjonali in kwistjoni, għandhom l-ewwel u qabel kollox, ikunu mezzi xierqa sabiex ikun assigurat li jiġi ggarantit l-interess ġenerali tal-pluraliżmu(6).
13. Jidhirli li s-sistema ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry li attwalment teżisti kwistjoni dwarha għandha tinftiehem, f’sens wiesgħa, fl-isfond speċifiku li Brussell-Kapital huwa reġjun bilingwi. Ġewwa dan ir-reġjun, kull operatur tal-kejbil ikopri żona, li tikkonsisti f’diversi muniċipalitajiet, li fiha huwa l-uniku distributur tat-televiżjoni bil-kejbil analogu. Ir-regoli dwar l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry jistgħu jiġu applikati sabiex jiġi assigurat li t-telespettaturi f’kull muniċipalità jkollhom aċċess għal stazzjonijiet li għandhom rabta lingwistika u kulturali mal-komunità Franċiża, kif ukoll għal stazzjonijiet li għandhom rabta lingwistika u kulturali mal-komunità Fjammijga. F’dan il-kuntest, ir-regoli dwar l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry jikkostitwixxu mezz xieraq sabiex jiġi assigurat li t-telespettaturi f’reġjun partikolari għandhom aċċess, fil-lingwa tagħhom, għal informazzjoni lokali u nazzjonali u għal programmi li jivvalorizzaw il-wirt kulturali tagħhom.
14. Is-sistema ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry adottata għal dan il-għan inevitabbilment tiffavorixxi xandara li l-programmi tagħhom huma qrib ħafna kulturalment ma’ telespettaturi fir-reġjun ikkonċernat. Madankollu, filwaqt li t-Trattat ma jipprojbix l-adozzjoni ta’ miżuri li jħarsu u jippromwovu l-wirt kulturali nazzjonali u lingwistiku ta’ Stat Membru, tali miżuri fi kwalunkwe ċirkustanza m’għandhomx ikunu sproporzjonati fir-rigward ta’ l-għan imfittex u l-mod kif jiġu applikati m’għandux joħloq diskriminazzjoni arbitrarja għad-dannu ta’ fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn. Fi kliem ieħor, sistema għall-promozzjoni tal-wirt kulturali nazzjonali u lingwistiku ma tippermettix lil Stat Membru jadotta, hekk kif jidhirlu, miżuri li jagħtu vantaġġ kompetittiv lil operaturi ekonomiċi lokali(7).
15. Fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari, l-evalwazzjoni finali tal-proporzjonalità ħafna drabi titħalla f’idejn il-qorti tar-rinviju(8). Madankollu, huwa importanti għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiġbed l-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-kriterji li għandha tapplika sabiex teżerċita b’mod korrett ir-reviżjoni tal-proporzjonalità li hi fdata biha. F’din il-kawża, hemm, fil-fehma tiegħi tliet aspetti li l-qorti tar-rinviju għandha partikolament tivverifika.
16. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju għandha tassigura li, safejn l-għoti ta’ l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry ikun suġġett għal kundizzjonijiet li xandara stabbiliti fi Stati Membri oħrajn se jkun inqas faċli għalihom li jissodisfaw minn xandara domestiċi, dawn il-kundizzjonijiet huma tabilħaqq meħtieġa bil-għan li jiġi ssalvagwardjat il-pluraliżmu u l-aċċess għal informazzjoni lokali u nazzjonali(9). L-iktar importanti, hekk kif turi s-sentenza VT4, xandar jista’ wara kollox jipprovdi programmi televiżivi, inklużi programmi ta’ aħbarijiet, li l-kontenut tagħhom ikun imfassal għall-pubbliku fi Stat Membru wieħed, filwaqt li jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor(10). Il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk tkun ċerta li, fil-prattika, il-fatt li xandar huwa stabbilit fil-Belġju mhuwiex fattur rilevanti għall-għoti ta’ l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry.
17. It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk in-numru ta’ kanali li għandhom jiġu rriservati għal xandara bl-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry m’għandux b’mod manifest jaqbeż in-numru ta’ kanali meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi ssalvagwardjat il-pluraliżmu u l-aċċess għall-informazzjoni lokali u nazzjonali. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha r-responsabbiltà li tassigura li l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry ma jingħatax mingħajr l-ebda riżerva fir-rigward tal-kanali kollha ta’ xandar partikolari, imma li jkun limitat għal dawk il-kanali li tabilħaqq jikkontribwixxu għal dan il-għan.
18. It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju għandha tistabbilixxi jekk jeżistux proċeduri bażiċi ta’ salvagwardja tad-drittijiet ta’ xandara differenti sabiex jiġi evitat li l-għoti ta’ l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry jirriżulta abbażi ta’ diskriminazzjoni arbitrarja. Meta Stat Membru jagħti l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry lil numru ta’ xandara, għandu jagħmel dan skond proċeduri trasparenti u mhux diskriminatorji, abbażi ta’ kriterji stabbiliti b’mod ċar li jistgħu jkunu magħrufin minn qabel.
19. Dawn it-tliet aspetti jinsabu wkoll fid-Direttiva 2002/22/KE(11), li l-Istati Membri kienu fid-dmir li jimplementaw sal-25 ta’ Lulju 2003. L-Artikolu 31(1) ta’ din id-Direttiva, li essenzjalment isemmi prinċipji li joħorġu mit-Trattat, jipprovdi li “l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi raġonevoli ta’ trażmissjoni (must carry)”. Dan ikompli billi jipprovdi li dawn l-obbligi “għandhom jiġu imposti biss fejn huma meħtieġa biex jilħqu miri ta’ interess ġenerali definiti b’mod ċar u għandhom ikunu proporzjonati u trasparenti” u “għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni perjodika”.
20. L-Artikolu 49 KE ma jipprekludix miżuri nazzjonali li jimponu obbligu ta’ trażmissjoni must carry fuq operaturi tal-kejbil f’reġjun partikolari sabiex jiġi assigurat li t-telespettaturi f’dak ir-reġjun ikollhom aċċess għal informazzjoni lokali u nazzjonali u għal programmi li jivvalorizzaw il-wirt kulturali tagħhom, bil-kundizzjoni li miżuri bħal dawn huma proporzjonali ma’ l-għan imfittex u l-mod kif jiġu applikati ma jwassalx għal diskriminazzjoni arbitrarja kontra fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.
B – L-ewwel u t-tieni domanda
21. Jiena qed nipproponi li ma tingħatax risposta għall-ewwel u t-tieni domanda. B’dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry għandux jiġi kkunsidrat bħala “dritt speċjali” fis-sens ta’ l-Artikolu 86 KE u, jekk dan hu hekk, jekk dik id-dispożizzjoni, moqrija flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat, tipprekludix l-għoti ta’ l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali argumentaw li s-sistema ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn operaturi tal-kejbil u operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni ta’ tipi oħrajn. Huma argumentaw ukoll li, bl-għoti ta’ l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry lil ċerti impriżi, l-Istat Belġjan effettivament qiegħed dawn l-impriżi f’pożizzjoni dominanti li minnha jistgħu jabbużaw.
22. Is-sentenza tar-rinviju, madankollu, ma fiha ebda indikazzjoni rigward, partikolarment, id-definizzjoni tas-suq rilevanti, il-kalkolu ta’ l-ishma tas-suq miżmuma mid-diversi impriżi li joperaw f’dak is-suq, u s-suppost abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tar-regoli dwar il-kompetizzjoni li jinsabu fit-Trattat għandhom jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli(12).
III – Konklużjoni
23. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jien nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi mressqa mill-Conseil d’État:
L-Artikolu 49 KE ma jipprekludix miżuri nazzjonali li jimponu obbligu ta’ trażmissjoni must carry fuq operaturi tal-kejbil f’reġjun partikolari bil-għan li jiġi assigurat li t-telespettaturi f’dak ir-reġjun ikollhom aċċess għal informazzjoni lokali u nazzjonali u għal programmi li jivvalorizzaw il-wirt kulturali tagħhom, bil-kundizzjoni li miżuri bħal dawn huma proporzjonali ma’ l-għan imfittex u l-mod kif jiġu applikati ma jġibx miegħu diskriminazzjoni arbitrarja kontra l-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra.
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk il-miżuri humiex skond il-prinċipju tal-proporzjonalità. B’mod partikolari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha r-responsabbiltà li tivverifika li:
– safejn l-għoti ta’ l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni huwa suġġett għal kundizzjonijiet li x-xandara stabbiliti fi Stati Membri oħrajn huwa inqas faċli għalihom li jissodisfaw milli mix-xandara domestiċi, dawn il-kundizzjonijiet huma meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan hawn fuq imsemmi;
– in-numru ta’ kanali li għandhom jiġu rriżervati għax-xandara bl-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni must carry m’għandux b’mod manifest jaqbeż in-numru ta’ kanali meħtieġa sabiex jintlaħaq dan l-għan;
– l-għoti ta’ l-istatus ta’ l-obbligu ta’ trażmissjoni jingħata skond proċeduri trasparenti u mhux diskriminatorji, abbażi ta’ kriterji stabbiliti b’mod ċar li jistgħu jkunu magħrufa minn qabel.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Sacchi (155/73, Ġabra 1974 p. 409, punt 6); tat-18 ta’ Marzu 1980, Debauve (52/79, Ġabra 1980 p. 833, punt 8); tas-16 ta’ Diċembru 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-211/91, Ġabra 1992 p. I-6757, punt 5); u tal-5 ta’ Ottubru 1994, TV10 (C-23/93, Ġabra 1994 p. I-4795, punti 13 u 16).
3 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2005, Mobistar u Belgacom Mobile (C-544/03 u C-545/03, Ġabra 2005 p. I-7723, punti 31 sa 33); ta’ l-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C-205/99, Ġabra 2001 p. I-1271, punt 21); u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (C-255/04, Ġabra 2006 p. I-5251, punt 37).
4 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C-322/01, Ġabra 2003 p. I-14887) u l-Konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, Ahokainen u Leppik (C-434/04, Ġabra 2006 p. I-9171).
5 – Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda (C-288/89, Ġabra 1991 p. I-4007, punti 22 u 23); tal-25 ta’ Lulju 1991, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-353/89, Ġabra 1991 p. I-4069, punti 3, 29 u 30); u tat-3 ta’ Frar 1991, Veronica Omroep Organisatie (C-148/91, Ġabra 1993 p. I-487, punt 9).
6 – Sentenza Collectieve Antennevoorziening Gouda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 24).
7 – Sentenzi tat-28 ta’ Novembru 1989, Groener (C-379/87, Ġabra 1989 p. I-3967, punt 19); u tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-180/89, Ġabra 1991 p. I-709, punt 20).
8 – Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tas-26 ta’ Mejju 2005, Burmanjer et (C-20/03, Ġabra 2005 I-4133), u tat-23 ta’ Frar 2006, A-Punkt Schmuckhandel (C-441/04, Ġabra 2006 I-2093).
9 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza Collectieve Antennevoorziening Gouda (ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 24).
10 – Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, VT4 (C-56/96, Ġabra 1997 p. I-3143, punti 8 u 22).
11 – Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU 2002 L 108, p. 51).
12 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2005 Viacom Outdoor (C-134/03, Ġabra 2005 I-1167, punti 25 sa 29).
Full & Egal Universal Law Academy