KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fil-11 ta’ Settembru 2007 1(1)
Kawża C-263/06
Carboni e Derivati Srl
vs
Ministero dell’Economia e delle Finanze, Riunione Adriatica di Sicurtà SpA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte Suprema di Cassazione (l-Italja))
“Ħadid hematite mhux maħdum li joriġina mir-Russja – Dazju antidumping – Determinazzjoni tal-valur doganali għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dazju antidumping – Valur tat-tranżazzjoni – Possibbiltà għall-awtorità doganali li tieħu in kunsiderazzjoni l-prezz indikat f’bejgħ ta’ prodotti li sar qabel dak li abbażi tiegħu saret id-dikjarazzjoni doganali”
I – Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda d-determinazzjoni tal-valur doganali ta’ prodotti importati fil-Komunità għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dazju antidumping.
2. B’mod partikolari, permezz tad-domanda preliminari li hija staqsiet b’digriet tat-30 ta’ Marzu 2006, il-Corte Suprema di Cassazione, Sezione Tributaria (Il-Qorti ta’ l-Appell – Sezzjoni tat-Taxxa) (l-Italja) tixtieq, essenzjalment, tkun taf jekk awtorità doganali tistax, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dazju antidumping bħal dak stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 67/94/KEFA, tat-12 ta’ Jannar 1994, timponi dazju provviżorju antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ħadid hematite mhux maħdum fil-Komunità, li joriġina mill-Brażil, mill-Polonja, mir-Russja u mill-Ukrajna (iktar’il quddiem id-“Deċiżjoni 67/94” jew id-“deċiżjoni li timponi dazju provviżorju”),(2) tirreferi għall-prezz indikat f’bejgħ ta’ l-istess prodotti li sar qabel dak li abbażi tiegħu saret id-dikjarazzjoni doganali.
3. Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta’ kawża bejn Carboni e derivati Srl (iktar’il quddiem “Carboni”) u l-awtoritajiet doganali Taljani fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet li jiddeterminaw il-valur doganali ta’ kunsinna ta’ ħadid hematite mhux maħdum – li joriġina mir-Russja u li huwa importat fil-Komunità minn Carboni permezz ta’ aġent – mhux abbażi tal-prezz iddikjarat fl-irċevuta ta’ l-aħħar bejgħ ta’ Carboni imma abbażi ta’ prezz orħos indikat f’bejgħ preċedenti ta’ dawn il-prodotti, bir-riżultat li l-valur doganali kien inqas mill-prezz minimu għall-importazzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni 67/94 u ġie impost dazju antidumping.
II – Il-kuntest legali
A – Il-leġiżlazzjoni antidumping
4. Fit-12 ta’ Jannar 1994, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 67/94 abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2424/88/KEFA tad-29 ta’ Lulju 1988 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma riżultat ta’ dumping jew sussidji minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni bażika”)(3).
5. Il-Kapitolu G, intitolat “Dazju provviżorju”, fil-preambolu tad-Deċiżjoni 67/94, li kienet applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti, huwa fformulat kif ġej:
“(63) Billi ġie stabbilit li l-importazzjonijiet li qed jiġu kkunsidrati u li huma suġġett ta’ dumping ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Komunità u li huwa fl-interess tal-Komunità li tieħu azzjoni, il-miżuri previsti għandhom jillimitaw ruħhom li jeliminaw il-ħsara kkawżata.
(64) Sar kalkolu sabiex jiġi stabbilit il-livell tal-prezz li fih l-importazzjonijiet ikkonċernati ma jkomplux jikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Komunità. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat il-kalkolu tagħha fuq data dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni pprovduta mill-industrija tal-Komunità bl-eċċezzjoni ta’ ċerti impriżi l-inqas effiċjenti. Flimkien ma’ l-ispejjeż tal-produzzjoni hemm marġni ta’ profitt ta’ 5 % fuq id-dħul mill-bejgħ, marġni li jista’ jiġi kkunsidrat raġonevoli taħt il-kundizzjonijiet tas-suq preżenti.
(65) Il-Kummissjoni tikkunsidra li filwaqt li jassiguraw li jerġa’ jkun hemm kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-ħadid hematite mhux maħdum, il-miżuri għandhom ukoll jippermettu lill-pajjiżi esportaturi jiksbu qligħ aħjar mill-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.
(66) Il-Kummissjoni tikkunsidra li, f’dan il-każ partikolari, l-introduzzjoni ta’ prezz minimu hija iktar adattata minn kwalunkwe tip ta’ miżura oħra sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
[…]
(68) Filwaqt li tikkunsidra l-ispejjeż sostnuti mill-importaturi tal-prodott ikkonċernat u l-bżonn tagħhom għal rata raġonevoli ta’ profitt, flimkien mal-kalkolu tal-ħsara kif espost fil-premessa 64, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tistabbilixxi, permezz ta’ miżura provviżorja, dazju varjabbli li huwa ekwivalenti għad-differenza bejn il-prezz minimu (dazju ‘cif’ mhux imħallas) ta’ ECU 149 għal kull tunnellata u l-valur doganali iddikjarat tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Brażil, mill-Polonja, mir-Russja u mill-Ukrajna fil-każijiet kollha fejn il-valur doganali ddikjarat huwa inqas mill-prezz minimu għall-importazzjoni.
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6. L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni li timponi dazju provviżorju jipprovdi kif ġej:
“1. L-importazzjonijiet ta’ ħadid hematite mhux maħdum li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 7201 10 19, li joriġina mill-Brażil, mill-Polonja, mir-Russja u mill-Ukrajna huma suġġetti għal dazju provviżorju antidumping.
2. L-ammont tad-dazju għandu jkun id-differenza bejn il-prezz ta’ ECU 149 għal kull tunnellata (dazju ‘cif’ mhux imħallas) u l-valur doganali ddikjarat fil-każijiet kollha fejn il-valur doganali ddikjarat huwa inqas mill-prezz minimu għall-importazzjoni.
3. Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.
4. Ir-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera ta’ prodott imsemmi fl-Artikolu 1(1) għandu jkun suġġett għal garanzija, ekwivalenti għall-ammont tad-dazju provviżorju”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7. Id-dazju provviżorju antidumping ġie kkonfermat mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1751/94/KEFA, tal-15 ta’ Lulju 1994, li timponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ħadid hematite mhux maħdum fil-Komunità, li joriġina mill-Brażil, mill-Polonja, mir-Russja u mill-Ukrajna (iktar’il quddiem id-“Deċiżjoni 1751/94” jew id-“deċiżjoni li timponi dazju definittiv”)(4).
8. L-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni li timponi dazju definittiv jipprovdu kif ġej:
“Artikolu 1
1. L-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ħadid hematite mhux maħdum li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 7201 10 19, li joriġina mill-Brażil, mill-Polonja, mir-Russja u mill-Ukrajna huma suġġetti għal dazju definittiv antidumping.
2. L-ammont ta’ dazju għandu jkun id-differenza bejn il-prezz ta’ ECU 149 għal kull tunnellata u l-valur doganali aċċettat (gratwitu mal-fruntiera KE) fil-każijiet kollha fejn dan il-valur huwa inqas mill-prezz imsemmi iktar’il fuq.
[…]
4. Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.
Artikolu 2
1. L-ammonti miġbura bħala dazju provviżorju antidumping impost skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 67/94/KEFA għandhom jinġabru fuq il-livell ta’ dazju definittiv impost u kwalunkwe ammont miġbur li jeċċedi l-ammont ta’ dazju antidumping impost definittivament għandu jinħeles.
2. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(4) imsemmija iktar’il fuq għandhom japplikaw ukoll għall-ġbir definittiv ta’ l-ammonti li huma ddeterminati provviżorjament”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
B – Il-Kodiċi Doganali u r-regolament ta’ implementazzjoni
9. L-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità(5) (iktar’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), li huwa inkluż fil-Kapitolu 3 tat-Titolu II, intitolat “Valur ta’ Merkanzija għall-Iskopijiet Doganali”, jipprovdi kif ġej:
“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu jistabbilixxu l-valur doganali għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej u miżuri mhux tat-tariffa stipulati bid-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jirregolaw oqsma speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ kummerċ ta’ merkanzija”.
10. Safejn huwa rilevanti għal dan il-każ, l-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi kif ġej:
“1. Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33, sakemm:
[…]
(ċ) ebda parti tad-dħul minn xi bejgħ mill-ġdid sussegwenti, jew minn kif jiddisponi minnha jew juża l-merkanzija x-xerrej ma tmiss direttament jew indirettament lill-bejjiegħ, ħlief meta jista’ jsir aġġustament xieraq skond l-Artikolu 32; u
(d) li x-xerrej u l-bejjiegħ ma jiġux minn xulxin, jew, fejn ix-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin, dak il-valur tat-transazzjoni huwa aċċettabbli għall-iskopijiet doganali taħt il-paragrafu 2”.
11. Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (iktar’il quddiem ir-“regolament ta’ implementazzjoni”),(6) il-Kummissjoni stabbilixxiet dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali. Fil-verżjoni fis-seħħ f’Ġunju 1994, fiż-żmien ta’ l-importazzjoni tal-ħadid hematite mhux maħdum in kwistjoni, l-Artikolu 147(1) kien jipprovdi kif ġej:
“1. Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 29 tal-Kodiċi, il-fatt li l-merkanzija li hija s-suġġett ta’ bejgħ hija dikjarat[a] għal ċirkolazzjoni libera għandu jitqies bħala indikazzjoni adegwata li [n]biegħet għal esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Komunità. Din l-indikazzjoni għandha tapplika wkoll fil-każ ta’ kull bejgħ suċċessiv qabel il-valutazzjoni; f’ dan il-każ kull prezz li jirriżulta minn dan il-bejgħ jista’, salvi d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 178 sa 181, jittieħed bħala l-bażi tal-valutazzjoni”.
12. Fil-verżjoni attwali, kif emendat, fir-rigward tat-tieni sentenza, mir-Regolament (KE) Nru 1762/95 tad-19 ta’ Lulju 1995(7), l-Artikolu 147(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni huwa fformulat kif ġej:
“1. Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 29 tal-Kodiċi, il-fatt li l-merkanzija li hija s-suġġett ta’ bejgħ hija dikjarat[a] għal ċirkulazzjoni libera għandu jitqies bħala indikazzjoni adegwata li [n]biegħet għal esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Komunità. Fil-każ ta’ bejgħ suċċessiv qabel l-istima, l-aħħar bejgħ biss, li wassal għall-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità, jew bejgħ li sar fit-territorju doganali tal-Komunità qabel id-dħul għal ċirkulazzjoni ħielsa tal-merkanzija għandu jikkostitwixxi dik l-indikazzjoni. Meta prezz ikun dikjarat li jirrelata għall-bejgħ li jsir qabel l-aħħar bejgħ li abbażi tiegħu l-merkanzija kienet introdotta fit-territorju doganali tal-Komunità, għandu jintwera għas-sodisfazzjoni ta’ l-awtoritajiet doganali li dan il-bejgħ seħħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali in kwistjoni. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 178 sa 181a għandhom japplikaw.”
13. L-Artikoli 178 sa 181(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni jikkonċernaw id-dikjarazzjoni ta’ l-elementi u d-dokumenti li għandhom jiġu pprovduti sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali. Għandu jiġi osservat li permezz tar-Regolament (KE) Nru 3254/94 tad-19 ta’ Diċembru 1994(8), is-segwenti Artikolu 181a ġie inkluż fir-regolament ta’ implementazzjoni:
“1. L-awtoritajiet doganali m’għandhomx għalfejn jistabbilixxu l-valutazzjoni doganali tal-merkanzija importata fuq il-bażi tal-metodu tal-valur tat-transazzjoni jekk, skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, dawn ma jkunux sodisfatti, fuq il-bażi ta’ dubji raġonevoli, li l-valur dikjarat jirrappreżenta l-ammont totali mħallas jew dovut kif imsemmi fl-Artikolu 29 tal-Kodiċi.
2. Meta l-awtoritajiet doganali jkollhom id-dubji kif deskritt fil-paragrafu 1 dawn jistgħu jitolbu għall-informazzjoni addizzjonali skond l-Artikolu 178(4). Jekk dawn id-dubji jippersistu, l-awtoritajiet doganali għandhom, qabel jieħdu deċiżjoni finali, jinnotifikaw lill-persuna interessata, bil-miktub jekk mitlub, dwar ir-raġunijiet għal dawk id-dubbji u jipprovduh bl-opportunità raġonevoli biex jirrispondi. Deċiżjoni finali u l-motivi għaliha għandhom ikunu kkomunikati bil-miktub lill-persuna interessata”.
III – Il-kuntest ta’ fatt, il-proċedura u d-domanda preliminari
14. F’Mejju 1994, Carboni akkwistat kunsinna ta’ ħadid hematite mhux maħdum li joriġina mir-Russja mingħand Commercio Materie Prime CMP SpA (iktar’il quddiem “CMP”), li għandha l-uffiċċju reġistrat fl-Italja. Min-naħa tagħha, CMP akkwistat il-ħadid hematite mhux maħdum mingħand OME-DTECH Electronics Limited of Limassol (Ċipru) (iktar’il quddiem “OME-DTECH”).
15. F’Ġunju 1994, il-kunsinna ta’ ħadid hematite mhux maħdum ġiet iddikjarata għall-importazzjoni mill-aġent ta’ Carboni, il-kumpannija ta’ trasport SPA-MAT, fil-port ta’ Molfetta u għaddiet mid-dwana abbażi ta’ polza ta’ l-imbark datata l-14 ta’ Ġunju 1994, bil-kundizzjoni li jitħallsu d-dazji doganali.
16. Permezz ta’ avviż ta’ stima tas-16 ta’ Lulju 1994, l-uffiċċju doganali informa lil Carboni permezz ta’ l-aġent tiegħu SPA-MAT, li l-ammont dovut kellu jiġi miżjud minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni antidumping introdotta mid-Deċiżjoni 67/94 li timponi dazju provviżorju ekwivalenti għad-differenza bejn il-prezz minimu għall-importazzjoni ta’ ECU 149 għal kull tunnellata u l-valur doganali ddikjarat.
17. Carboni kkontestat din l-istqarrija f’kawża quddiem it-Tribunale di Bari (Il-Qorti ta’ Bari) kontra l-Ministero delle Finanze (Il-Ministeru tal-Finanzi) u r-Riunione Adriatica di Sicurtà (iktar’il quddiem “RAS”), filwaqt li sostniet li l-prezz stabbilit fl-irċevuta kien ta’ ECU 151, u għaldaqstant, ogħla mill-prezz minimu għall-importazzjoni. Hija staqsiet lit-Tribunale di Bari sabiex jiddikjara li ma kienx hemm ksur tal-leġiżlazzjoni antidumping u konsegwentement, li ma kellha tħallas xejn fir-rigward ta’ l-akkwist tal-prodotti kkonċernati.
18. Quddiem din il-qorti l-Ministeru tal-Finanzi sostna li mad-dikjarazzjoni ta’ l-importazzjoni kien hemm mehmuż ċertifikat ta’ oriġini invalidu u rċevuta pro forma mingħand CMP, u li l-prezz indikat fuqhom ma kienx kredibbli, u riżultat ta’ dan, waqt l-istennija sabiex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dazju antidumping ġewx issodisfati, il-prodotti għaddew mid-dwana permezz tal-proċedura ta’ dazju sospiż, b’kundizzjoni li jitħallas l-ammont korrett tad-dazji doganali. Hija sostniet li l-irċevuta oriġinali ta’ l-ewwel bejgħ maħruġa minn OME-DTECH, li kienet irċeviet wara rikjesta li kienet għamlet, uriet li l-prezz ta’ bejgħ lil CMP kien ta’ ECU 130,983 għal kull tunnellata u li għalhekk kien hemm differenza bejn il-prezz minimu għall-importazzjoni.
19. Ir-rikors ta’ Carboni ġie miċħud permezz tas-sentenza tat-Tribunale di Bari tat-30 ta’ Settembru 2000 għar-raġuni, inter alia, li l-protezzjoni tas-suq Ewropew permezz ta’ impożizzjoni ta’ dazju antidumping kellha ssir meta jseħħ l-ewwel akkwist magħmul minn impriża tal-Komunità (fil-każ preżenti OME-DTECH) fil-mument tad-dħul fil-Komunità Ewropea.
20. Carboni ressqet appell minn din is-sentenza quddiem il-Corte d’appello di Bari (Il-Qorti ta’ Appell ta’ Bari), li ċaħdet l-appell bħala infondat. Skond din il-qorti, il-frażi “rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera” tfisser rilaxx fis-suq liberu tal-Komunità, li għandu jirreferi għall-istadju kummerċjali ta’ l-akkwist tal-prodotti mill-ewwel operatur Komunitarju. Hija sostniet li huwa għalhekk dan l-istadju kummerċjali li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, għaliex huwa qabel l-iżdoganar li, min-naħa tiegħu, jiggarantixxi l-protezzjoni tal-prezz minimu għall-importazzjoni.
21. Fil-kawża prinċipali, il-Corte Suprema di Cassazione għandha tiddeċiedi l-appell imressaq minn Carboni kontra s-sentenza tal-Corte d’appello di Bari.
22. Fid-difiża tagħha waqt din il-kawża, l-Amministrazzjoni Doganali ssostni li t-twettiq ta’ bejgħ li ma jsirx direttament ma’ operatur Komunitarju li jippreżenta l-prodotti fid-dwana jikkostitwixxi operazzjoni li hija maħsuba sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ miżuri antidumping, u li l-għan tagħha huwa biss li tgħolli l-prezz tal-prodotti meta jiġu ppreżentati fid-dwana. Dan l-argument huwa kkontestat minn Carboni, li tikkunsidra li, is-sistema doganali Komunitarja hija deċiżiva u ssostni li skond din is-sistema, huwa biss il-mument ta’ l-introduzzjoni tal-prodotti fis-suq Komunitarju, li huwa meta jiġu ppreżentati l-prodotti fid-dwana, li huwa rilevanti.
23. Skond il-qorti tar-rinviju, id-domanda hija essenzjalment jekk l-awtoritajiet doganali għandhomx is-setgħa li, bħala l-bażi għall-applikazzjoni ta’ dazju antidumping, jagħżlu l-valur li jikkorrispondi għall-prezz indikat f’bejgħ ta’ prodotti għall-importazzjoni fil-Komunità li sar qabel dak li abbażi tiegħu saret id-dikjarazzjoni doganali.
24. Kien f’dan il-kuntest li l-Corte Suprema di Cassazione qieset neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
“Skond il-prinċipji tad-dritt doganali Komunitarju u għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dazju antidumping bħal dak stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 67/94/KEFA, l-awtoritajiet doganali jistgħu jirreferu għall-prezz indikat f’bejgħ ta’ l-istess prodotti li sar qabel dak li abbażi tiegħu saret id-dikjarazzjoni doganali, meta x-xerrej huwa suġġett Komunitarju jew, fi kwalunkwe każ, il-bejgħ sar għal importazzjoni fil-Komunità?”
IV – Analiżi legali
A – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
25. F’din il-kawża, l-osservazzonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Gvern Taljan, li jintervjeni wkoll fl-interess ta’ l-Amministrazione delle Finanze (Amministrazzjoni tal-Finanzi), u mill-Kummissjoni.
26. Skond il-Gvern Taljan, it-tweġiba għad-domanda mressqa għandha tkun fl-affermattiv. Huwa tal-fehma li l-awtorità doganali kellha s-setgħa tiddetermina l-valur doganali abbażi ta’ l-ewwel bejgħ tal-ħadid hematite mhux maħdum in kwistjoni mingħand OME-DTECH għal CMP, li hija operatur Komunitarju.
27. Il-Gvern Taljan isostni li ż-żmien rilevanti għad-determinazzjoni tal-valur doganali għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dazju antidumping jista’ ikun biss dak ta’ l-ewwel akkwist tal-prodotti kkonċernati minn operatur Komunitarju, li għandu jitqies bħala ż-żmien meta dawn il-prodotti jidħlu fis-suq Komunitarju. Konsegwentement, il-prezz imħallas f’dak il-waqt, u mhux il-prezz li huwa mħallas mill-importatur għall-akkwist tal-prodotti kkonċernati, huwa, bħal fil-każ preżenti, il-prezz li abbażi tiegħu għandu jiġi ddeterminat il-valur doganali għall-iskop ta’ l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali.
28. Approċċ bħal dan huwa konsistenti mal-loġika sottostanti l-leġiżlazzjoni antidumping, peress li l-ħsara għas-suq Komunitarju sseħħ mhux biss minħabba r-rilaxx effettiv fit-territorju doganali Komunitarju ta’ prodotti li jinbiegħu għall-prezz inqas mill-kost tal-produzzjoni, imma anki meta jingħata vantaġġ lill-operatur Komunitarju li jakkwista prodotti bi prezz inqas milli jakkwistawhom operaturi Komunitarji oħra.
29. Skond il-Gvern Taljan, din l-opinjoni hija sostnuta mill-fatt li l-kliem tad-deċiżjoni li timponi dazju definittiv li tirreferi għall-“valur doganali aċċettat (gratwitu mal-fruntiera KE)” minflok il-“valur doganali ddikjarat” stabbilit mid-deċiżjoni provviżorja.
30. Il-Kummissjoni taċċetta li l-użu tal-valur ta’ l-aħħar tranżazzjoni għad-determinazzjoni ta’ dazju antidumping varjabbli huwa sa ċertu punt, problematiku. Minn naħa, mill-aspett tad-dritt doganali, il-prezz ta’ l-aħħar bejgħ huwa fil-fatt l-aħjar metodu sabiex l-elementi tal-kost tal-produzzjoni jittieħdu in kunsiderazzjoni u għalhekk tiggarantixxi l-impożizzjoni korretta ta’ dazju ta’ importazzjoni. Min-naħa l-oħra, mill-aspett tal-miżura antidumping, jekk il-valur doganali għandu jiġi ddeterminat b’referenza għall-aħħar bejgħ, l-għan u l-iskop ta’ l-iffissar ta’ prezz minimu jista’ jiġi evitat faċilment.
31. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, madankollu, il-kliem tad-deċiżjoni li timponi dazju definittiv ma jippermettix kalkolu tad-dazju varjabbli ħlief abbażi tal-prezz ta’ l-aħħar bejgħ. Fi kliem ieħor, il-bejgħ jew it-tranżazzjoni rilevanti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dazju antidumping jistgħu jkunu biss il-bejgħ jew it-tranżazzjoni li huma wżati għad-determinazzjoni tal-valur doganali.
32. Madankollu, jista’ jagħti l-każ li l-awtoritajiet doganali xorta jiddubitaw dwar jekk fil-verità l-valur doganali ddikjarat jirrappreżentax l-ammont imħallas jew dovut mill-importatur. Il-Kummissjoni tenfasizza li, għalkemm m’għandhiex il-fatti dettaljati tal-każ preżenti, fil-fehma tagħha l-awtorità doganali tista’ – skond il-prassi doganali fiż-żmien meta seħħew il-fatti, li hija stabbilita mill-Artikolu 181a li kien sussegwentement inkluż fir-regolament ta’ implementazzjoni – tagħżel prezz preċedenti għal dak li huwa ddikjarat sabiex tiddetermina l-valur doganali, jekk anki wara investigazzjoni ulterjuri jista’ jkun hemm dubju raġonevoli dwar jekk il-prezz iddikjarat jikkorrispondix għall-prezz effettivament imħallas jew dovut.
33. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-awtorità doganali tista’ tirreferi għall-prezz indikat f’bejgħ ta’ l-istess prodotti li sar qabel dak li abbażi tiegħu saret id-dikjarazzjoni doganali, jekk l-awtorità, wara li din tkun talbet li tingħata informazzjoni supplimentari skond il-Kodiċi Doganali, xorta jibqgħalha dubji dwar jekk il-valur iddikjarat jikkorrispondix għall-prezz effettivament imħallas jew dovut skond l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali.
B – Evalwazzjoni
34. Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li din il-kawża mhijiex dwar l-iffissar tal-valur normali jew, abbażi tiegħu, tal-prezz minimu għall-importazzjoni ta’ ECU 149 għal kull tunnellata kif stabbilit fil-miżura antidumping in kwistjoni, imma hija dwar id-determinazzjoni ta’ l-ammont ta’ dazju antidumping li għandu jiġi impost skond dik il-miżura fir-rigward ta’ importazzjoni partikolari.
35. Skond id-deċiżjoni li timponi dazju provviżorju, l-ammont ta’ dazju antidumping jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz minimu għall-importazzjoni u l-“valur doganali ddikjarat”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-test tad-deċiżjoni li timponi dazju definittiv jirreferi f’dan il-kuntest għall-“valur doganali aċċettat”, li fil-fehma tiegħi huwa iżjed preċiż minħabba li l-valur doganali ddikjarat jista’, skond il-Kodiċi Doganali, ikun inaċċettabbli għal raġunijiet varji. Madankollu, din id-differenza fil-kliem ftit li xejn hija rilevanti f’dan il-kuntest. Min-naħa l-oħra, huwa importanti li d-dazju antidumping ikun impost fuq il-valur doganali ta’ l-importazzjoni kkonċernata(9), li għandu jiġi ddeterminat – kif inhu ppreċiżat mir-referenza fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni li timponi dazju provviżorju – skond id-dritt doganali applikabbli, jiġifieri b’mod partikolari, skond il-metodu stabbilit fil-Kapitolu 3 tat-Titolu II tal-Kodiċi Doganali dwar il-valur tal-prodotti għall-finijiet doganali u skond ir-regoli rilevanti ta’ implementazzjoni.
36. Il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf jekk, skond dawk id-dispożizzjonijiet(10), l-awtoritajiet doganali kellhomx is-setgħa li jiddeterminaw il-valur doganali għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-miżura ta’ dazju antidumping in kwistjoni abbażi ta’ prezz stabbilit fl-okkażjoni ta’ bejgħ qabel l-aħħar bejgħ li wassal għall-introduzzjoni tal-prodotti fit-territorju doganali tal-Komunità.
37. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi osservat mill-bidu, li d-digriet għar-rinviju huwa ambigwu fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom tqajmet din id-domanda. B’mod partikolari, mhuwiex ċar jekk l-awtoritajiet doganali Taljani għażlux li jirreferu għall-prezz tal-bejgħ preċedenti, kif jissuġġerixxu l-osservazzjonijiet tagħhom, peress li huma jikkontestaw il-fatt li Carboni effettivament ħallset għall-prodotti importati in kwistjoni l-prezz ta’ ECU 151 stabbilit fl-irċevuta mingħand CMP jew inkella, peress li huma tal-fehma li, anki jekk dak l-ammont jirrappreżenta l-prezz effettivament imħallas minn Carboni għall-merkanzija importata, l-għan u l-iskop tal-leġiżlazzjoni antidumping tirrikjedi li l-valur doganali jkun iddeterminat abbażi ta’ l-ewwel bejgħ lil operatur Komunitarju.
38. Kif ser jirriżulta minn din l-evalwazzjoni, il-possibbiltà ta’ l-awtoritajiet doganali li jirreferu, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali, għall-bejgħ preċedenti, hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet, u għalhekk huwa importanti li fil-każ preżenti tiġi ddeterminata x’inhi preċiżament is-sitwazzjoni rilevanti. Madankollu, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, ser neżamina d-domanda magħmula f’sens usa’ billi nikkunsidra s-sitwazzjoni fejn hemm dubji raġonevoli dwar jekk il-valur iddikjarat jirrappreżentax fil-fatt il-prezz imħallas mill-importatur u s-sitwazzjoni fejn dan il-fattur mhuwiex ikkkontestat.
39. Għal dan il-għan, l-ewwel ser neżamina s-setgħa ta’ l-awtoritajiet doganali taħt is-sistema ta’ valutazzjoni kif stabbilita mir-regoli doganali Komunitarji applikabbli, li jagħżlu, f’każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ suċċessivi, il-prezz ta’ bejgħ preċedenti għad-determinazzjoni ta’ valur doganali u, it-tieni ser nindirizza, b’mod iżjed speċifiku, il-kwistjoni dwar jekk, kif osserva l-Gvern Taljan, il-loġika sottostanti l-leġiżlazzjoni antidumping tirrikjedix f’każ bħal dan, li l-valur doganali jiġi ddeterminat b’kunsiderazzjoni għall-bejgħ preċedenti, li f’dan il-każ huwa l-bejgħ li sar minn OME-DTECH lil CMP.
40. Għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-valutazzjoni doganali, tipprova tistabbilixxi sistema ġusta, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri doganali arbitrarji jew fittizzji u li hija bbażata fuq il-prinċipju li l-valur doganali għandu jirrifletti l-valur ekonomiku reali tal-prodotti importati(11).
41. Għaldaqstant, il-valur għall-finijiet doganali għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-kunċett ta’ “valur tat-tranżazzjoni”(12), li huwa, skond l-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali, il-prezz effettivament imħallas jew dovut għall-prodotti meta dawn jinbiegħu għall-esportazzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn neċessarju, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Doganali.
42. Konsegwentement, il-valur doganali jikkorrispondi, bħala prinċipju, għall-prezz miftiehem bejn il-bejjiegħ (l-importatur) u x-xerrej (l-esportatur) għall-prodotti esportati(13).
43. L-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali jippreċiża li l-valutazzjoni doganali tikkonċerna biss “merkanzija li tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità” li jfisser li waqt il-bejgħ għandu jsir ftehim li l-prodotti li joriġinaw minn Stat terz jiġu ttrasportati fit-territorju doganali tal-Komunità(14).
44. Skond l-Artikolu 147(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni, il-fatt li l-merkanzija hija ddikjarata għal ċirkulazzjoni libera fil-Komunità għandu jiġi kkunsidrat bħala indikazzjoni suffiċjenti li dik il-kundizzjoni hija ssodisfata, jiġifieri li dawn inbiegħu għall-esportazzjoni lejn il-Komunità.
45. Fejn il-prodotti huma suġġetti għal żewġ tranżazzjonijiet jew iżjed sussegwenti qabel il-valutazzjoni, il-kundizzjoni li l-bejgħ tal-prodotti sar għall-esportazzjoni fil-Komunità jista’, bħala prinċipju, jiġi ssodisfat fir-rigward ta’ kull bejgħ sussegwenti. Konsegwentement, l-Artikolu 147(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni jestendi l-preżunzjoni li, jekk il-merkanzija hija ddikjarata għal ċirkulazzjoni libera, il-kundizzjoni ta’ “bejgħ għall-esportazzjoni” hija ssodisfata fir-rigward ta’ kull bejgħ sussegwenti.
46. Il-verżjoni oriġinali ta’ l-Artikolu 147(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni, fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti f’din il-kawża, ipprovda li f’każ bħal dan kull prezz li jirriżulta minn dawn it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ seta’ jittieħed bħala bażi għall-valutazzjoni.
47. Kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Unifert dan ifisser li fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ suċċessivi ta’ prodotti għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Komunità, l-importatur huwa liberu li jagħżel bejn il-prezzijiet mifthiema għal kull bejgħ dak il-prezz li huwa jagħżel bħala bażi sabiex jiddetermina l-valur doganali, bil-kundizzjoni li jista’ jagħti lill-awtoritajiet doganali l-partikolaritajiet u d-dokumenti neċessarji relatati mal-prezz li jagħżel(15).
48. Ċertament, il-fatt li l-importatur tal-prodotti jista’, bħala prinċipju, jagħżel bejn il-prezzijiet miftiehma f’katina ta’ bejgħ li jwasslu għall-importazzjoni tal-prodotti għall-finijiet li jiġi stabbilit il-valur tat-tranżazzjoni għandu l-konsegwenza li l-elementi tal-kost tal-produzzjoni inklużi fil-prezz finali tal-prodotti kif imħallas jew dovut mill-importatur, bħal per eżempju, marġni ta’ profitt għal wieħed mill-bejjiegħa jew għal diversi bejjiegħa preċedenti tal-prodotti, jistgħu ma jkunux riflessi fil-valur doganali.
49. Għalhekk, għandu jingħad li din ir-regola, sa ċertu punt, ma taqbilx mal-metodu tal-valur tat-tranżazzjoni. Dan il-kunċett jipprova, b’mod partikolari, kif diġà semmejt iktar’il fuq(16), li jiddetermina valur doganali li jirrifletti l-valur ekonomiku effettiv tal-prodotti importati, jiġifieri l-prezz effettiv tal-prodotti kif huma ddikjarati għar-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera. Fi kliem ieħor, il-valur doganali għandu jikkorrispondi, safejn huwa possibbli, għall-prezz ta’ l-esportazzjoni meta l-prodotti jaslu fil-fruntiera Komunitarja, li jidher ukoll mill-fatt li, skond l-Artikolu 145 tar-regolament ta’ implementazzjoni, tnaqqis fil-valur kummerċjali tal-prodotti – per eżempju minħabba telf jew ħsara tal-prodotti – li jkun sar wara li jinxtraw imma qabel ma jiġu rrilaxxati fiċ-ċirkulazzjoni libera, għandhom jirriżultaw f’roħs proporzjonali tal-prezz effettivament imħallas jew dovut(17).
50. Kif sostniet il-Kummissjoni, huwa minħabba f’hekk li fil-verżjoni attwali ta’ l-Artikolu 147(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni, kif emendat fl-1995, huwa ppreċiżat li fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ suċċessivi qabel il-valutazzjoni, il-valur doganali huwa, bħala regola, iddeterminat abbażi ta’ l-aħħar bejgħ li wassal għall-introduzzjoni tal-prodotti fit-territorju doganali tal-Komunità. Il-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni ma tistax, skond l-Artikolu 147(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni kif emendat, tillimita ruħha li tiddikjara prezz li għandu x’jaqsam ma’ bejgħ li sar qabel l-aħħar bejgħ, imma għandha, f’każ bħal dan, turi għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali, li dak il-bejgħ li sar qabel l-aħħar bejgħ kien intiż għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali.
51. Madankollu, biex nasal għad-domanda magħmula f’dan il-każ, fl-opinjoni tiegħi, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 147(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni jippermetti biss lill-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni li tagħżel, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ suċċessivi, prezz relatat ma’ bejgħ li sar qabel l-aħħar bejgħ li abbażi tiegħu ġew introdotta l-prodotti.
52. Min-naħa l-oħra, la din id-dispożizzjoni u lanqas l-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali ma jistgħu jiġu interpretati b’mod li jippermettu lill-awtorità doganali tagħżel – bħal fil-każ preżenti, fejn il-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni ddikjarat il-prezz tal-prodotti kif miftiehem fl-aħħar bejgħ li wassal għall-introduzzjoni tal-prodotti fil-Komunità – liberament prezz relatat ma’ bejgħ preċedenti.
53. Fl-opinjoni tiegħi, tali interpretazzjoni, l-ewwel nett, tmur kontra l-kunċett tal-valur tat-tranżazzjoni li huwa l-bażi tad-dritt doganali Komunitarju, li jirrikjedi li, bħala regola, il-prodotti huma valutati abbażi tal-prezz ta’ l-aħħar bejgħ qabel ma saret il-valutazzjoni li twassal għall-introduzzjoni tagħhom fil-Komunità u li, konsegwentement, eċċezzjonijiet għal din ir-regola għandhom jiġu interpretati strettament. It-tieni nett, l-eżiġenza taċ-ċertezza legali u l-bżonn li jiġi protett l-importatur individwali minn impożizzjoni diskrezzjonali ta’ dazji doganali u, b’mod partikolari, dazji antidumping, ifisser ukoll li l-awtoritajiet doganali ma jistax ikollhom il-libertà li jagħżlu prezz ieħor li mhuwiex dak magħżul u ddikjarat mill-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni.
54. Għalhekk, jidher li skond il-Kodiċi Doganali u r-regolament ta’ implementazzjoni, il-valur doganali għandu, bħala prinċipju, jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz effettivament imħallas jew dovut għall-prodotti taħt l-aħħar bejgħ qabel il-valutazzjoni doganali, jekk dan il-prezz huwa ddikjarat mill-importatur. Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jirreferu għall-prezz miftiehem fl-okkażjoni ta’ bejgħ ta’ l-istess prodotti li sar qabel dak il-bejgħ.
55. Minbarra dan, fil-fehma tiegħi u kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Gvern Taljan, l-għanijiet tar-regoli antidumping lanqas jiġġustifikaw interpretazzjoni differenti.
56. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li skond l-Artikoli 1 u 2(1), rispettivament, tad-deċiżjoni bażika, li huma applikabbli għad-deċiżjoni provviżorja u d-deċiżjoni definittiva f’dan il-każ(18), ir-regoli antidumping huma maħsuba għall-protezzjoni kontra “importazzjonijiet li huma riżultat ta’ dumping jew sussidji” u li jista’ jiġi applikat dazju antidumping għal kwalunkwe prodott li huwa s-suġġett ta’ dumping “li r-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera fil-Komunità tikkawża ħsara.” Barra minn hekk, skond id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni bażika, prodott huwa kkunsidrat suġġett ta’ dumping jekk il-prezz ta’ esportazzjoni tiegħu lejn il-Komunità huwa orħos mill-valur normali ta’ prodott simili.
57. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jista’ jidher li l-applikazzjoni ta’ miżura antidumping tippresupponi introduzzjoni ta’ prodotti fil-kummerċ Komunitarju li jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja. Kuntrarjament għall-osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan, l-leġiżlazzjoni Komunitarja antidumping ma tikkonċernax bejgħ ta’ prodotti bħala tali (bħal, per eżempju, fil-każ preżenti, il-bejgħ ta’ ħadid hematite mhux maħdum minn OME-DTECH lil CMP) qabel ma huma effettivament esportati lejn it-territorju doganali tal-Komunità, anke jekk operatur Komunitarju huwa wieħed mill-partijiet fi tranżazzjoni bħal din.
58. Barra minn hekk, dazji antidumping huma intiżi sabiex jinnewtralizzaw il-marġni ta’ dumping li essenzjalment jirriżulta mid-differenza bejn il-prezz ta’ esportazzjoni lejn il-Komunità u l-valur normali tal-prodott, u sabiex, b’dan il-mod, ineħħu l-effetti perikolużi ta’ l-importazzjoni tal-prodotti fil-Komunità. F’din il-kawża, il-prezz minimu ta’ ECU 149 għal kull tunnellata stabbilit fid-deċiżjoni li timponi dazju provviżorju u fid-deċiżjoni li timponi dazju definittiv, jirrappreżenta l-livell ta’ prezz li bih l-importazzjonijiet ta’ ħadid hematite mhux maħdum in kwistjoni ma jagħmlux iżjed ħsara lill-industrija Komunitarja(19).
59. Minn dan isegwi li jekk il-prezz effettivament imħallas jew dovut mill-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni huwa ogħla mill-prezz minimu stabbilit mill-miżura antidumping, m’hemm ebda raġuni, fir-rigward ta’ l-għan u l-iskop tar-regoli antidumping, li jinġabar dazju antidumping b’referenza, per eżempju, għal bejgħ preċedenti tal-prodotti. Dan japplika wkoll anki jekk prezz li huwa ogħla mill-prezz minimu ġie espressament miftiehem sabiex jiġi evitat dazju antidumping(20).
60. Għaldaqstant, skond il-leġiżlazzjoni doganali u dik antidumping, jekk il-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni tagħżel li tiddikjara prezz li jirrigwarda l-aħħar bejgħ li wassal għall-introduzzjoni tal-prodotti fil-Komunità, l-awtoritajiet doganali mhumiex liberi li jiddeterminaw l-valur doganali għall-iskop ta’ impożizzjoni ta’ dazju antidumping bħal dak f’dan il-każ abbażi ta’ prezz relatat ma’ bejgħ preċedenti ta’ l-istess prodotti.
61. Madankollu, għandu jigi ppreċiżat li dan jappika bil-kundizzjoni li l-valur iddikjarat veru jirrappreżenta l-prezz imħallas jew dovut għall-prodotti.
62. Fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward ta’ dubji raġonevoli dwar il-veraċità tad-dikjarazzjoni doganali u fejn hemm suspett, per eżempju – kif jidher mid-digriet tar-rinviju li ssuġġerixxa l-Ministeru tal-Finanzi, – li l-prezz stabbilit fl-irċevuta mhuwiex kredibbli jew huwa ffalsifikat.
63. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li fl-Artikoli 30 u 31 tiegħu, il-Kodiċi Doganali jipprovdi għal metodi sussidjarji ta’ valutazzjoni f’każijiet fejn il-valur doganali ma jistax jiġi ddeterminat skond il-metodu tal-valur tat-tranżazzjoni taħt l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali.
64. Għaldaqstant, l-Artikolu 181a tar-regolament ta’ implementazzjoni kif emendat mir-Regolament Nru 3254/94 jipprovdi li jekk l-awtoritajiet doganali għandhom dubji raġonevoli dwar jekk il-valur iddikjarat jirrappreżentax l-ammont totali mħallas jew dovut, huma m’għandhomx għalfejn jiddeterminaw l-valur doganali skond il-metodu tal-valur tat-transazzjoni u għalhekk, jistgħu jirrifjutaw il-prezz iddikjarat jekk dawn id-dubji jippersistu anki wara li dawn ikunu talbu informazzjoni addizzjonali skond l-Artikolu 178(4) tal-Kodiċi Doganali.
65. Għalkemm din id-dispożizzjoni tar-regolament ta’ implementazzjoni ma kinitx fis-seħħ meta l-prodotti in kwistjoni kienu ddikjarati, din tirrifletti, skond l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, prassi doganali kostanti – kif kienet diġà tapplika fiż-żmien meta seħħew il-fatti – u fil-fehma tiegħi, hija, minbarra hekk, konformi mas-sistema tal-Kodiċi Doganali.
66. Skond l-Artikolu 29(2)(a) tal-Kodiċi Doganali, per eżempju, l-awtoritajiet doganali jistgħu, fil-każijiet fejn ix-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin, jirrifjutaw li jaċċettaw il-valur tat-tranżazzjoni li huwa ddeterminat skond l-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali, jekk fid-dawl ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-persuna li tkun għamlet id-dikjarazzjoni jew mod ieħor, l-awtoritajiet doganali jqisu li r-relazzjoni tkun influwenzat il-prezz.
67. F’dawn il-każijiet, fejn il-valur tat-tranżazzjoni ma jistax jiġi aċċettat għal kwalunke raġuni, il-Kodiċi Doganali jipprovdi li l-valur doganali huwa bħala prinċipju ddeterminat minn metodi sussidjarji ta’ valutazzjoni, li jvarjaw minn determinazzjoni permezz ta’ referenza għall-valur tat-tranżazzjoni ta’ prodotti identiċi mibjugħa għall-esportazzjoni skond l-Artikolu 30(2)(a) tal-Kodiċi Doganali għall-użu ta’ metodi oħra kif ipprovdut fl-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali.
68. Madankollu, fir-rigward tad-domanda in kwistjoni, jiġifieri, dwar jekk l-awtoritajiet doganali jistgħux jirreferu wkoll għall-prezz stabbilit fl-okkażjoni ta’ bejgħ li sar qabel l-aħħar wieħed li wassal għall-introduzzjoni tal-prodotti kkonċernati u li abbażi tiegħu saret id-dikjarazzjoni doganali, għandu jiġi osservat li dan il-metodu ta’ valutazzjoni doganali jista’ jkun iżjed kapaċi li jirrifletti l-valur reali ta’ dawk il-prodotti fid-dwana, milli l-“valuri kostrutti” msemmija iktar’il fuq kif stabbiliti skond l-Artikoli 30 u 31 tal-Kodiċi Doganali. Barra minn hekk, taħt il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 147(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni, il-prezz miftiehem f’bejgħ preċedenti jidher li huwa aċċettabbli bħala valur tat-tranżazzjoni tal-prodotti.
69. Għaldaqstant, jidher li jekk l-awtoritajiet doganali għandhom – wara li jkunu talbu informazzjoni addizzjonali – raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 62 iktar’il fuq sabiex jirrifjutaw valutazzjoni tal-prodotti abbażi tal-prezz iddikjarat, huma jistgħu, skond is-sistema ta’ valutazzjoni doganali stabbilita mill-Kodiċi Doganali, jirreferu għall-prezz indikat f’bejgħ ta’ l-istess prodotti li sar qabel dak li abbażi tiegħu saret id-dikjarazzjoni tal-valur.
70. Fid-dawl kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li skond il-prinċipji tad-dritt doganali Komunitarju u għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dazju antidumping bħal dak stabbilit mid-deċiżjoni li timponi dazju provviżorju, l-awtoritajiet doganali mhumiex liberi li jiddeterminaw il-valur doganali abbażi ta’ prezz miftiehem fl-okkażjoni ta’ bejgħ li sar qabel dak li abbażi tiegħu sar il-valur doganali, jekk il-prezz iddikjarat huwa l-prezz effettivament imħallas jew dovut mill-importatur.
71. Madankollu, jekk l-awtoritajiet doganali għandhom dubji raġonevoli dwar jekk il-valur iddikjarat jirrappreżentax l-ammont totali effettivament imħallas jew dovut għall-prodotti kkonċernati, huma jistgħu, jekk dawn id-dubji jiġu kkonfermati wara li jkunu talbu informazzjoni addizzjonali u wara li jkunu taw opportunità raġonevoli lill-persuna kkonċernata sabiex twieġeb, kif ipprovdut fil-Kodiċi Doganali u fir-regolament ta’ implementazzjoni, jikkalkolaw il-valur doganali għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dazju antidumping, billi jirreferu għall-prezz miftiehem fl-okkażjoni ta’ bejgħ preċedenti tal-prodotti kkonċernati għal esportazzjoni lejn il-Komunità.
V – Konklużjoni
72. Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad preċedentement, nipproponi li r-risposta għad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun li:
Skond il-prinċipji tad-dritt doganali Komunitarju u għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dazju antidumping bħal dak stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 67/94/KEFA, tat-12 ta’ Jannar 1994, li timponi dazju provviżorju antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ħadid hematite mhux maħdum fil-Komunità, li joriġina mill-Brażil, mill-Polonja, mir-Russja u mill-Ukrajna, l-awtoritajiet doganali mhumiex liberi li jiddeterminaw il-valur doganali abbażi ta’ prezz iffissat fl-okkażjoni ta’ bejgħ li sar qabel dak li abbażi tiegħu sar il-valur doganali, jekk il-prezz iddikjarat huwa l-prezz effettivament imħallas jew dovut mill-importatur.
Madankollu, jekk l-awtoritajiet doganali għandhom dubji raġonevoli dwar jekk il-valur iddikjarat jirrappreżentax l-ammont totali effettivament imħallas jew dovut għall-prodotti kkonċernati, huma jistgħu, jekk dawn id-dubji jiġu kkonfermati wara li jkunu talbu informazzjoni addizzjonali u wara li jkunu taw opportunità raġonevoli lill-persuna kkonċernata sabiex twieġeb, kif ipprovdut fil-Kodiċi Doganali u fir-regolament ta’ implementazzjoni, jikkalkolaw il-valur doganali għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dazju antidumping, billi jirreferu għall-prezz miftiehem fl-okkażjoni ta’ bejgħ preċedenti tal-prodotti kkonċernati għal esportazzjoni lejn il-Komunità.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – ĠU 1994 L 12, p.5.
3 – ĠU 1988 L 209, p.18.
4 – ĠU 1994 L 182, p. 37.
5 – ĠU 1992 L 302, p.1.
6 – Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU 1993 L 253, p. 1).
7 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1762/95, tad-19 ta’ Lulju 1995, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi [l-]Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU 1995 L 171, p. 8).
8 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3254/94, tad-19 ta’ Diċembru 1994, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-kodiċi doganali tal-Komunità (ĠU 1994 L 346, p. 1).
9 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima, (C-69/89, Ġabra p. I 2069, punt 105); u tad-29 ta’ Mejju 1997, ICT, (C-93/96, Ġabra p. I 2881, punt 14).
10 – Għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher ċar li l-frażi “prinċipji tad-dritt doganali Komunitarju” fit-test tad-domanda magħmula mhijiex intiża sabiex tirreferi għall-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju f’sens tekniku, imma b’mod ġenerali, għar-regoli tad-dritt doganali Komunitarju li huma rilevanti għal dan il-każ kif stabbiliti, b’mod partikolari, fil-Kodiċi Doganali u fir-regolament ta’ implementazzjoni. Fejn nirreferi għal din il-frażi, din għandha tinftiehem fl-istess sens.
11 – Ara, f’dan ir-rigward, inter alia, is-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 2005, Unifert (C-11/89, Ġabra p. I-2275, punt 35); u tas-16 ta’ Novembru 2006, Compaq Computer (C-306/04, Ġabra p. I-10991, punt 30).
12 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza ta’ l-4 ta’ Frar 1986, Van Houten (C-65/85, Ġabra p. 447, punt 13).
13 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Van Houten, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 13; Unifert, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 36; u tat-23 ta’ Frar 2006, Dollond & Aitchison (C-491/04, Ġabra p. I-2129, punt 26).
14 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Unifert, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 11.
15 – Sentenza Unifert, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 16 u 21. Din is-sentenza rreferiet għall-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1224/80, tat-28 ta’ Mejju 1980, dwar l-evalwazzjoni ta’ prodotti għall-finijiet doganali (ĠU L 134, p. 1) u għall-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1495/80, tal-11 ta’ Ġunju 1980, li jimplementa ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1, 3 u 8 tar-Regolament imsemmi iktar ’il fuq (ĠU L 154, p. 14), li madankollu ġew ippromulgati mill-ġdid fl-istess termini fl-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali u fl-Artikolu 147(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni, rispettivament.
16 – Ara l-punt 40 iktar ’il fuq.
17 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 1986, Repenning (183/85, Ġabra p. 1873, punt 18); u Unifert, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 35.
18 – Ara wkoll id-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2423/88, tal-11 ta’ Lulju 1988, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma riżultat ta’ dumping jew sussidji minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 209, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”), kif ukoll l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 56, p. 1).
19 – Ara wkoll l-erba’ u sittin premessa tad-Deċiżjoni 67/94.
20 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1996, Birkenbeul (C-99/94, Ġabra p. I-1791, punt 17); u tal-11 ta’ Lulju 1990, Neotype Techmashexport vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill (C-305/06, Ġabra p. I-2945, punt 60).
Full & Egal Universal Law Academy