KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 20071(1)
Kawża C-265/06
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Portugiża
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 226 KE – Moviment liberu tal-merkanzija – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Ksur ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE kif ukoll ta’ l-Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim ŻEE – Dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu t-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ ta’ vetturi bil-mutur intiżi għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija – Restrizzjoni minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà tat-triq – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
I – Introduzzjoni
1. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ressqet rikors, abbażi ta’ l-Artikolu 226 KE, sabiex jiġi kkonstatat li, in kwantu stabbilixxiet dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu t-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ ta’ vetturi bil-mutur intiżi għat-trasport ta’ passiġġieri jew merkanzija, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28 KE u 30 KE, kif ukoll taħt l-Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim tat-2 ta’ Mejju 1992 dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (iktar ‘il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
1. Id-dritt Komunitarju primarju
2. L-Artikolu 28 KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti, bejn l-Istati Membri.
3. Skond l-Artikolu 30 KE, il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri li huma ġġustifikati, b’mod partikolari, abbażi ta’ raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u tal-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni huma permessi, sakemm dawn ma jikkostitwixxux la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.
2. Id-Direttivi 2001/92/KE u 92/22/KEE
4. Id-Direttiva 2001/92 (3) hija intiża biex taddatta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 92/22/KEE dwar it-tqegħid tal-ħġieġ tas-sigurtà fit-twieqi u l-materjali tal-ħġieġ għat-tqegħid fit-twieqi fuq vetturi bil-mutur u fuq it-trailers tagħhom u d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom.
5. Id-Direttiva 92/22 (4), min-naħa l-oħra, hija intiża sabiex tistabbilixxi proċedura ta’ approvazzjoni uniformi applikabbli għat-tqegħid tal-ħġieġ tas-sigurtà fit-twieqi u l-materjali tal-ħġieġ intiżi biex jiġu installati bħala windscreen jew ħġieġ ieħor jew bħala panew separattiv fuq il-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom.
6. Id-Direttiva 92/22, kif emendata mid-Direttiva 2001/92, tapplika għall-ħġieġ intenzjonat biex jipprovdi protezzjoni kontra x-xemx (ħġieġ skuri), iżda mhux għall-film ikkulurit intenzjonat sabiex jitwaħħal fuq il-ħġieġ tal-vetturi wara l-approvazzjoni tagħhom.
7. It-tielet premessa u l-Anness II B tad-Direttiva 2001/92, min-naħa tagħhom, jirreferu għad-dispożizzjonijiet dwar l-ispeċifikazzjonijiet ġenerali u partikolari, it-testijiet u r-rekwiżiti tekniċi ddefiniti mir-Regolament Nru 43 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti, fl-aħħar verżjoni adottata mill-Komunità Ewropea (5) (iktar ‘il quddiem ir-“Regolament Nru 43”), li minnu jirriżulta li l-glazing tas-sigurtà għandu jkollu fattur ta’ trażmissjoni regolari tad-dawl ta’ mhux inqas minn 70 %, filwaqt li l-fattur ta’ trażmissjoni tad-dawl tal-windscreens m’għandux ikun inqas minn 75 % (6).
8. Min-naħa l-oħra mhuwiex previst fattur minimu ta’ trażmissjoni tad-dawl għall-ħġieġ ta’ wara. Dan ifisser li vettura tista’ tkun attrezzata bi ħġieġ skuri jew miksi b’film ikkulurit b’fattur ferm baxx ta’ trażmissjoni tad-dawl għall-ħġieġ ta’ wara, inkluża t-tieqa ta’ wara, kemm-il darba l-vettura jkollha żewġ mirja fuq barra li jura wara.
B – Id-dritt nazzjonali
9. Id-Direttiva 2001/92 ġiet trasposta fil-liġi Portugiża bid-Digriet-Liġi Nru 40/2003 tal-11 ta’ Marzu 2003 (7).
10. L-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 jipprovdi: “It-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur li jintużaw għat-trasport ta’ passiġġiera jew ta’ merkanzija, bl-eċċezzjoni ta’ stickers regolatorji u film opak li ma jirriflettux fuq il-karrijiet ta’ vetturi li jintużaw għat-trasport ta’ merkanzija huwa pprojbit”.
11. L-Artikolu 5 tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 jipprovdi li, sa mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni, id-Direttorat Ġenerali tat-Trasport għandu l-obbligu li jirrifjuta l-approvazzjoni tat-tip tal-KE u l-approvazzjoni nazzjonali għal kull mudell ta’ vettura li ma jirrispettax id-dispożizzjonijiet tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 dwar il-glazing tas-sigurtà.
III – Il-proċedura prekontenzjuza
12. Fl-1 ta’ April 2004 il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lill-Gvern Portugiż, fejn fiha kkonkludiet li l-Portugall, billi pprojbixxa, bid-dħul fis-seħħ ta’ l-Artikolu 2 tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003, it-twaħħil ta’ film ikkullurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi ta’ trasport ta’ persuni u ta’ merkanzija, mingħajr ma kkomunikalha minn qabel it-test ta’ din id-dispożizzjoni fl-istadju ta’ l-abbozz, il-Portugall naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE u l-Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim ŻEE, kif ukoll taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE (8).
13. Il-Gvern Portugiż irrisponda, b’ittra tat-28 ta’ Ġunju 2004, li l-projbizzjoni in kwistjoni kienet tikkostitwixxi miżura ta’ protezzjoni tas-sigurtà interna, b’mod partikolari ta’ l-ordni pubbliku u s-sigurtà tat-triq, miżura awtorizzata skond l-Artikolu 30 KE.
14. B’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lill-Gvern Portugiż. F’din l-ittra hija esprimiet il-fehma tagħha li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE, kif ukoll taħt l-Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim ŻEE, safejn il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 timpedixxi l-kummerċjalizzazzjoni fil-Portugall tal-film ikkulurit iffabbrikat u kkummerċjalizzat legalment fi Stat Membru ieħor jew fi Stat firmatarju tal-Ftehim ŻEE. Minbarra dan, il-Kummissjoni invokat ksur ta’ l-obbligu ta’ informazzjoni skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34.
15. Il-Kummissjoni tat ukoll lill-Gvern Portugiż terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika biex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ma’ l-opinjoni motivata.
16. Il-Gvern Portugiż b’hekk għarraf lill-Kummissjoni, b’ittra tat-22 ta’ Lulju 2005, l-intenzjoni tiegħu li jħassar l-Artikolu 2 tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003. Huwa ħabbar ukoll l-iżvilupp ta’ abbozz ta’ standard tekniku, li għandu jitlesta fi żmien xahrejn mit-tmiem tal-vaganzi tas-sajf, u li kellu jkun lest biex jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni b’mod konformi mad-Direttiva 98/34.
17. Wara li l-Kummissjoni ġiet innotifikata b’abbozz ta’ digriet leġiżlattiv li jistabbilixxi regoli tekniċi dwar it-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ ta’ vetturi(9) fil-21 ta’ Diċembru 2005, hija ddeċidiet li tirtira l-ilment dwar ksur ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34.
18. Il-Kummissjoni madankollu baqgħet issostni, fir-rikors tagħha, l-ilment dwar l-inkompatibbiltà tal-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003, tat-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi tat-trasport tal-passiġġieri jew tal-merkanzija, ma’ l-Artikolu 28 KE u l-Artikolu 11 tal-Ftehim ŻEE peress li, fl-għarfien tagħha, il-Gvern Portugiż s’issa għadu ma ħassarx id-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni.
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
19. Il-Kummissjoni talbet, fir-rikors tagħha li ġie ppreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2006 fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
1) tiddeċiedi li, billi pprojbixxiet fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003, it-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE, kif ukoll skond l-Artikoli 11 u 13 tal-ftehim ŻEE, peress li din il-projbizzjoni timpedixxi l-kummerċjalizzazzjoni fil-Portugall tal-film ikkulurit iffabbrikat u (jew) ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor jew fi Stat firmatarju tal-Ftehim ŻEE, u
2) tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.
20. Ir-Repubblika Portugiża titlob, fir-risposta tagħha ppreżentata fil-11 ta’ Settembru 2006, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
3) 1) tiċħad ir-rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat li, billi pprojbixxiet, fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 tal-11 ta’ Marzu 2003, it-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ ta’ vetturi bil-mutur, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE, kif ukoll skond l-Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim tat-2 ta’ Mejju 1992 dwar iż-ŻEE, in kwantu din il-projbizzjoni timpedixxi l-kummerċjalizzazzjoni fil-Portugall tal-film ikkulurit iffabbrikat u (jew) ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor jew fi Stat firmatarju tal-Ftehim ŻEE, għar-raġuni li din il-konstatazzjoni hija mingħajr għan, peress li l-Gvern Portugiż iddeċieda li jawtorizza b’mod ġenerali t-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi, u
4) 2) tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
21. Il-proċedura bil-miktub ingħalqet bil-preżentazzjoni tar-replika tal-Kummissjoni fil-21 ta’ Novembru 2006 u l-kontroreplika tal-Gvern Portugiż fil-5 ta’ Frar 2007.
22. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet żewġ mistoqsijiet lill-partijiet, fil-kuntest ta’ miżuri preparatorji, li huma wieġbu għalihom.
23. Fis-seduta tas-7 ta’ Novembru 2007, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Gvern Portugiż ippreżentaw il-pożizzjonijiet tagħhom.
V – Argumenti prinċipali tal-partijiet
24. Il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni Portugiża in kwistjoni, li tipprojbixxi t-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi, tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni li tikser l-Artikoli 28 KE u 11 tal-Ftehim ŻEE, peress li din il-projbizzjoni timpedixxi l-kummerċjalizzazzjoni fil-Portugall tal-film ikkulurit legalment iffabbrikat u (jew) ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor jew fi Stat firmatarju tal-Ftehim ŻEE. B’hekk wieħed jista’ jipprevedi li l-eventwali persuni interessati, kummerċjanti jew individwi, billi jafu li huma mhumiex awtorizzati li jwaħħlu dan il-film fuq il-ħġieġ tal-vetturi, ma jixtruhx.
25. Hija tirrikonoxxi li, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, huwa fil-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jiddeċiedu sa liema livell għandhom jestendu l-protezzjoni tas-sigurtà fuq it-triq fit-territorju tagħhom. Madankollu, huma għandhom l-obbligu li juru li l-miżuri meħuda huma neċessarji u proporzjonati biex jinkiseb l-għan immirat, safejn huma ta’ natura li jostakolaw, b’mod dirett jew indirett, realment jew potenzjalment, il-kummerċ bejn l-Istati Membri.
26. Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Portugiża ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi l-elementi ta’ informazzjoni xierqa – studji, rapporti jew statistiċi – li jippermettu li jiġi konkluż, jekk huwa l-każ, li restrizzjonijiet għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija bħal dawk in kwistjoni f’din il-kawża huma ġġustifikati minħabba raġunijiet previsti fl-Artikolu 30 KE u l-Artikolu 13 tal-Ftehim ŻEE, jew minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, u li l-użu ta’ film ikkulurit, irrispettivament mill-kulur u l-karatteristiċi tiegħu, b’mod partikolari f’termini tal-fattur ta’ trażmissjoni tad-dawl, jippreżenta riskju għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà fuq it-triq.
27. Il-Gvern Portugiż ma jikkontestax il-fatti invokati fir-rikors. Huwa jikkontesta, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni li saret mill-Kummissjoni dwar ċerti fatti. Huwa jsostni li l-projbizzjoni in kwistjoni hija ġġustifikata peress li, skond l-Artikolu 30 KE, l-Istati Membri huma awtorizzati jadottaw il-leġiżlazzjonijiet meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà u l-ordni interna kif ukoll is-sigurtà tat-triq.
28. Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 kellha bħala għan li tiggarantixxi ż-żamma tal-possibbiltà li jiġu osservati u identifikati l-oġġetti u l-persuni ġewwa vetturi. Għal dan il-għan, kien neċessarju li jiġi pprojbit li jiġu mmodifikati l-karatteristiċi tal-ħġieġ tal-vetturi intiżi għat-trasport tal-passiġġieri u ta’ l-ispazju okkupat mill-passiġġieri fil-vetturi tat-trasport tal-merkanzija.
29. Il-Gvern Portugiż jikkunsidra li l-projbizzjoni in kwistjoni hija miżura ta’ preżervazzjoni tas-sigurtà interna. Huwa jsostni li identifikazzjoni viżwali ċara tal-passiġġieri u ta’ l-oġġetti ttrasportati f’vettura hija essenzjali sabiex tiġi pprevenuta u miġġielda l-kriminalità u sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà tat-traffiku fuq it-triq, peress li din tiffaċilita l-kontroll ta’ l-okkupazzjoni korretta tal-postijiet tal-vettura u l-użu obbligatorju taċ-ċinturin tas-sigurtà. Il-Gvern Portugiż isostni li ma jeżistux miżuri inqas restrittivi li jiggarantixxu t-twettiq ta’ l-għanijiet ta’ sigurtà interna u tas-sigurtà tat-triq.
VI – Evalwazzjoni ġuridika
A – Osservazzjonijiet preliminari
30. Skond il-premessi tad-Direttiva 92/22, l-adozzjoni ta’ din in-norma Komunitarja tagħmel parti minn miżuri li ġew stabbiliti, billi użat il-metodu ta’ armonizzazzjoni totali, bil-għan tat-twettiq sħiħ u progressiv tas-suq intern tal-Komunità Ewropea, fil-31 ta’ Diċembru 1992. Din l-inizjattiva leġiżlattiva kellha l-iskop, permezz ta’ l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ approvazzjoni armonizzata u l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-glazing tas-sigurtà relatati magħhom, sabiex jiġu eliminati d-diskrepanzi eżistenti li setgħu ħolqu ostakoli għall-kummerċ.
31. Meta titwaħħal marka ta’ approvazzjoni tal-KEE (jew ta’ l-“approvazzjoni tat-tip tal-KE” skond it-terminoloġija użata mid-Direttiva 2001/92) fuq kull tip ta’ glazing tas-sigurtà b’mod konformi mat-tip approvat, kontroll tekniku ta’ dan il-ħġieġ fl-Istati Membri l-oħra ma jibqax iktar iġġustifikat. Madankollu jeħtieġ li jiġi kkkunsidrat mhux biss l-għan ta’ kisba tas-suq intern, iżda wkoll ir-rekwiżiti tas-sigurtà fit-traffiku fuq it-triq, fir-rigward tad-diversi riskji marbuta ma’ l-użu ta’ dan il-ħġieġ .
32. L-Artikolu 5 tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 jimponi fuq id-Direttorat Ġenerali Portugiż tas-sigurtà tat-triq li jirrifjuta li jagħti approvazzjoni tat-tip tal-KE lil mudelli ta’ vetturi li ma jirrispettawx id-dispożizzjonijiet tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 fir-rigward tal-glazing tas-sigurtà. Dan jinkludi, mingħajr ebda dubju, il-ksur tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 dwar it-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ ta’ vetturi intiżi għat-trasport tal-passiġġieri jew tal-merkanzija.
33. Meta wieħed iqis li l-għoti ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KE huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/22, wieħed jista’ mall-ewwel jikkunsidra li jsir rikors għal din in-norma Komunitarja bħala kriterju ta’ evalwazzjoni ta’ eventwali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’din il-kawża. Iżda, kif intqal qabel, din id-Direttiva tapplika għall-ħġieġ skuri, u mhux għall-films tal-kulur. Il-miżuri nazzjonali meħuda f’dak il-qasam b’hekk mhumiex armonizzati fuq livell Komunitarju. Madankollu, fin-nuqas ta’ regoli komuni jew armonizzati, l-Istati Membri xorta jibqgħu bl-obbligu li jħarsu l-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat, fosthom il-moviment liberu tal-merkanzija, li huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali (10).
34. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam, il-kuntest ġuridiku materjali li fir-rigward tiegħu il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni tad-dritt Portugiż mad-dritt Komunitarju b’hekk jestendi għar-regoli tad-dritt primarju tat-Trattat u tal-Ftehim ŻEE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (11).
35. Fir-rigward tat-tqassim ta’ l-oneru tal-prova, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rikors dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu skond l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li tressaq provi dwar l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas. Min-naħa l-oħra, l-Istat Membru konvenut għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u ddettaljat l-informazzjoni ppreżentata u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (12).
B – Restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija
36. Il-moviment liberu tal-merkanzija huwa b’mod partikolari żgurat permezz tal-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti, bejn l-Istati Membri, stabbilita fl-Artikolu 28 KE. L-Artikolu 11 tal-Ftehim ŻEE huwa identiku, mill-perspettiva tal-kontenut regolatorju tiegħu, għal din id-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju (13).
37. Skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-projbizzjoni tal-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet stabbilita fl-Artikolu 28 KE tkopri l-leġiżlazzjoni kollha ta’ l-Istati Membri li tista’ tostakola, b’mod dirett jew indirett, realment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju (14). B’hekk, għalkemm miżura nazzjonali ma jkollhiex bħala għan li tirregola l-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri, dak li huwa determinanti huwa l-effett tagħha fuq il-kummerċ intrakomunitarju, kemm jekk dan huwa attwali jew potenzjali (15).
38. Meta jitqiesu l-fatti kollha sottomessi għall-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jista’ jkun hemm ebda dubju, fil-fehma tagħna, li l-projbizzjoni in kwistjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti fis-sens ta’ din id-definizzjoni. Projbizzjoni ta’ dan it-tip, anki jekk tkun applikabbli mingħajr ebda distinzjoni u b’hekk mhijiex ta’ natura diskriminatorja, fil-fatt għandha t-tendenza, u hija ta’ tali natura li tostakola, jew tagħmel impossibbli, il-kummerċjalizzazzjoni fil-Portugall tal-film ikkulurit iffabbrikat u (jew) ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor jew fi Stat firmatarju tal-Ftehim ŻEE.
39. Il-Gvern Portugiż jirrikonoxxi li din il-projbizzjoni għandha l-effett li tostakola jew tisfavorixxi l-kummerċ fil-Portugall tal-film ikkulurit in kwistjoni fir-rigward tal-perijodu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003. In-natura restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni b’hekk mhijiex ikkontestata.
40. Projbizzjoni ġenerali bħal dik prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 effettivament hija ta’ tali natura li tiddiswadi lix-xerrejja fl-istadju tax-xiri, u mhux biss tiddiswadihom milli jużaw dan il-film ikkulurit. Kif osservat korrettament il-Kummissjoni, huwa prevedibbli li l-eventwali persuni interessati, kummerċjanti jew individwi, jirrinunzjaw li jixtruhom fl-għarfien li m’humiex awtorizzati li jwaħħlu dan il-film fuq il-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur (16).
41. Dan japplika wkoll peress illi jirriżulta mill-argumenti ppreżentati mill-partijiet li kull possibbiltà oħra ta’ użu idoneu tal-film tal-plastik in kwistjoni, bħal per eżempju fuq uċuħ kbar tal-ħġieġ fi djar, verandi jew serer, hija eskluża. Skond l-informazzjoni tal-Kummissjoni, dan il-film ivarja, kemm fir-rigward tal-materjali li minnhom huwa kompost kif ukoll fir-rigward tal-mezzi industrijali ta’ fabbrikazzjoni tiegħu, mill-film protettiv ieħor li normalment jintuża fid-djar jew, ġeneralment, fil-kostruzzjoni. Barra minn hekk, iż-żewġ tipi ta’ film għandhom karatteristiċi tekniċi oħrajn mill-perspettiva tal-forma tagħhom, il-kulur tagħhom u l-fattur ta’ trażmissjoni tad-dawl, b’mod li f’ebda każ ma jistgħu jitqiesu bħala li jistgħu jitbiddlu ma’ xulxin. Din il-konstatazzjoni tibqa’ tapplika minkejja l-argument tal-Gvern Portugiż li jgħid li hija r-responsabbiltà tal-fabbrikant li f’kull każ jiddetermina l-użu li għalihom huma intiżi. Effettivament, huwa fil-punt meta jiddetermina liema użu ser isir mill-prodott li l-fabbrikant normalment għandu jikkunsidra punti essenzjali bħall-estetika, il-kundizzjonijiet metereoloġiċi, kif ukoll l-karatteristiċi partikolari fl-istruttura ta’ l-uċuħ, biex b’hekk ikun jista’ joħloq u jiffabbrika l-prodott b’tali mod li jkollu l-karatteristiċi mixtieqa. Il-projbizzjoni in kwistjoni b’hekk hija tali li tagħlaq it-toroq kollha tal-kummerċ għall-fabbrikanti u għad-distributuri.
42. Għandha tiġi miċħuda l-oġġezzjoni tal-Gvern Portugiż li tgħid li, peress li l-Istat Portugiż irrinunzja sussegwentement għal din il-projbizzjoni, ma jeżistix iktar ostakolu legali li huwa ta’ natura li jimpedixxi l-ikkummerċjalizzar ta’ dan il-film ikkulurit fil-Portugall. Huwa minnu li r-Repubblika Portugiża kienet disposta, oriġinarjament, li tikkonforma ruħha mar-rekwiżit ifformulat mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata li tneħħi din il-projbizzjoni, meta hija ddeċidiet li tittrasforma l-abbozz ta’ digriet leġiżlattiv li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tekniċi għat-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur (17), li minn dak il-punt’il quddiem kellha tawtorizza l-għoti ta’ l-approvazzjoni għal dan il-film ikkulurit f’abbozz ta’ Digriet-Liġi (18). Skond l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Portugiż, il-bidla fil-forma legali kellha fil-fatt tippermetti li dan it-test ikollu, fis-sistema legali Portugiża, is-saħħa ta’ liġi, b’mod li jkun jista’ jseħħ it-tħassir formali ċar tal-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003. Iżda kif jirrikonoxxi huwa stess, din l-intenzjoni s’issa għadha ma ġietx segwita b’mod effettiv, tant illi l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni dwar it-test ifformulat mill-ġdid tad-dispożizzjoni leġiżlattiva in kwistjoni.
43. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu li kien stabbilit għalih fl-opinjoni motivata, u li l-bidliet li jseħħu wara ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (19). Madankollu mhuwiex eskluż li bidla fundamentali fid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti bejn l-iskadenza tat-terminu ffissat sabiex tinkiseb konformità ma’ l-opinjoni motivata u l-preżentazzjoni tar-rikors minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tneħħi l-utilità ta’ parti sostanzjali tas-sentenza li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod li jista’ jkun preferibbli li l-Kummissjoni, minflok ma tressaq rikors, toħroġ opinjoni motivata ġdida fejn tippreċiża l-ilmenti li hija jkollha l-intenzjoni ssostni fid-dawl tal-bidla fiċ-ċirkustanzi (20). Iżda huwa ċar li tali bidla fundamentali sussegwenti ma seħħitx f’dan il-każ, peress li r-Repubblika Portugiża ma ħassritx il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 permezz ta’ l-adozzjoni tad-digriet leġiżlattiv, kif hija kienet żgurat li ser tagħmel oriġinarjament, iżda fil-biċċa l-kbira żammitha fis-seħħ (21).
44. B’kunsiderazzjoni ta’ l-attitudni eżitanti tar-Repubblika Portugiża fir-rigward tat-tħassir imħabbar tal-projbizzjoni in kwistjoni, u tad-dikjarazzjonijiet parzjalment kontradittorji tal-Gvern Portugiż dwar l-istat attwali tal-proċeduri leġiżlattivi, jiena tal-fehma li l-istat attwali tad-dritt Portugiż ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza.
45. Hija ġurisprudenza kostanti li l-Istati Membri, sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt Komunitarju, għandhom mhux biss jikkonformaw id-dritt nazzjonali tagħhom mad-dritt Komunitarju, iżda għandhom jistabbilixxu wkoll sitwazzjoni ċerta, ċara u trasparenti, b’mod illi l-individwi jkunu jistgħu jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom u jkunu jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali (22). Kif diġà indikajt fil-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-319/06) (23), dan il-prinċipju għandu japplika a fortiori fl-ipoteżi fejn il-liġi ta’ l-Istat Membru in kwistjoni timponi obbligi fuq individwi u tkun tipprevedi sanzjonijiet f’każ ta’ ksur. Fil-każ in kwistjoni, huwa paċifiku li, fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni, id-Direttorat Portugiż għat-traffiku għandu l-obbligu, skond l-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 40/2003, li jirrifjuta l-approvazzjoni tat-tip tal-KE. Fuq kollox huma previsti sanzjonijiet mill-pulizija u kontravenzjonijiet f’każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ film ikkulurit (24). L-Artikolu 2(2) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 jipprevedi f’dan ir-rigward multa ta’ bejn EUR 30 u 150, waqt li n-negliġenza tista’ tkun soġġetta għal sanzjonijiet previsti fil-paragrafu 3.
C – Ġustifikazzjoni
46. Madankollu għandu jiġi vverifikat jekk din il-leġiżlazzjoni, minkejja l-effett restrittiv tagħha fuq il-kummerċ intrakomunitarju, tistax tkun iġġustifikata minħabba waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 30 KE, jew għal xi wieħed mir-rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali li ġew ikkunsidrati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, jekk huwa il-każ, jekk din ir-restrizzjoni hijiex adatta sabiex tiggarantixxi l-kisba ta’ l-għan mixtieq u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba ta’ dak l-għan (25).
47. Fil-każ in kwistjoni, il-Gvern Portugiż isostni li l-projbizzjoni in kwistjoni, stabbilita fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003, hija ġġustifikata minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ta’ sigurtà tat-triq. Huwa jsostni li effettivament il-projbizzjoni ġiet deċiża bil-għan li tiġi ggarantita l-viżibbiltà minn barra ta’ l-ispazju ġewwa l-vettura. Din il-projbizzjoni b’hekk m’għandhiex l-għan, permezz taż-żamma tal-fattur ta’ trażmissjoni tad-dawl tal-ħġieġ, li tikseb viżibbiltà korretta għas-sewwieq, iżda li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu kontroll dirett tal-ħarsien tar-regoli tat-traffiku fuq it-toroq permezz tas-sempliċi osservazzjoni tal-vetturi bil-mutur u tal-persuni ġo fihom. Huwa jiddikjara li huwa essenzjali li jkun hemm il-possibbiltà li jintgħarfu viżwalment b’mod ċar il-persuni f’vetturi u l-merkanzija ttrasportata sabiex tiġi pprevenuta u miġġielda l-kriminalità, kif ukoll għas-sigurtà tat-traffiku fuq it-triq, peress li dan jiffaċilita l-kontroll ta’ l-okkupazzjoni tal-postijiet tal-vettura u ta’ l-użu skond il-liġi taċ-ċinturin tas-sigurtà.
48. Il-Gvern Portugiż b’hekk jinvoka żewġ motivi differenti ta’ ġustifikazzjoni, minn naħa waħda l-ħtieġa li tiġi pprevenuta u li tiġi miġġielda l-kriminalità, u min-naħa l-oħra r-rekwiżiti ta’ sigurtà fuq it-triq li, għalkemm it-tnejn li huma għandhom l-oriġini tagħhom fil-qasam ta’ l-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika(26), għandhom, minħabba raġunijiet ta’ metodoloġija, jiġu eżaminati separatament.
1. Il-ħtieġa li tiġi pprevenuta u miġġielda l-kriminalità
49. L-interess ta’ l-Istat li jiġġieled b’mod effettiv kontra l-kriminalità jaqa’ taħt il-qasam ta’ l-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika, u dawn iż-żewġ kunċetti huma msemmija espressament fost ir-raġunijiet ġustifikattivi speċifikati fl-Artikolu 30 KE u l-Artikolu 13 tal-Ftehim ŻEE.
50. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-protezzjoni ta’ l-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika hija raġuni li tiġġustifika miżuri ta’ l-Istati Membri li jirrestrinġu l-libertajiet fundamentali, prinċipalment fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (27), tal-libertà ta’ stabbiliment, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tad-dritt ta’ assoċjazzjoni tal-Komunità ma’ Stati terzi (28), kif ukoll, għalkemm f’każijiet iktar rari, fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija(29). Fost l-għanijiet leġittimi li jiġġustifikaw restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku skond l-Artikolu 30 KE, insibu per eżempju l-ħtieġa ta’ l-iskoperta u t-trażżin tat-traffikar ta’ vetturi misruqa (30), l-irtirar ta’ muniti tal-flus li ma jkunx għad ikollhom valuta legali sabiex jiġu mdewba mill-Istat (31), u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tar-refużjonijiet fuq l-esportazzjoni (32).
51. L-Istati Membri jibqgħu fundamentalment liberi li jiddeterminaw, skond il-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom, ir-rekwiżiti ta’ l-ordni pubbliku u tas-sigurtà. Madankollu għandu dejjem jiġi kkunsidrat f’dan ir-rigward li l-kunċetti ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju, li jikkontribwixxu sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali, u li dawn ma jistgħux jiġu ddefiniti fuq il-bażi ta’ sistema legali nazzjonali, jew ta’ għadd minnhom (33). Ir-referenza għall-aċċettazzjoni li l-kunċetti għandhom fis-sistemi legali ta’ l-Istati Membri hija fuq kollox eskluża fir-rigward ta’ kunċetti li jippermettu lill-Istati Membri li jirrestrinġu l-libertajiet fundamentali jew drittijiet individwali oħrajn. Għaldaqstant ikun żbaljat jekk jiġu dderivati prinċipji, per eżempju, dwar il-kunċett ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika, mid-dritt nazzjonali dwar is-setgħat tal-pulizija, mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi partikolari tad-dritt Komunitarju, kif ukoll l-għanijiet tat-Trattat (34). Fil-fehma tiegħi, m’hemm ebda raġuni oġġettiva biex tiġi trasposta fid-dritt Komunitarju d-distinzjoni tradizzjonali fid-dritt nazzjonali bejn, minn naħa waħda, il-miżuri tal-pulizija fil-kuntest tal-prevenzjoni tal-kriminalità, li jagħmlu parti mill-miżuri tal-pulizija u tas-sigurtà, u min-naħa l-oħra, il-miżuri repressivi li jagħmlu parti mill-proċeduri penali, b’tali mod li l-miżuri tal-pulizija ta’ prevenzjoni tal-kriminalità msemmija mill-Gvern Portugiż, għandhom ukoll jitqiesu li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ordni pubbliku msemmi fl-Artikolu 30 KE u l-Artikolu 13 tal-Ftehim ŻEE, u dan b’mod speċjali meta jkunu ddefiniti b’mod tant astratt u ġeneriku bħal m’hu l-każ f’din il-kawża.
52. Il-kunċetti ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika huma soġġetti għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (35), b’hekk illi l-Istati Membri mhumiex awtorizzati li jiddeterminaw unilateralment il-portata tagħhom, mingħajr il-kontroll ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità. Bħala derogi għal-libertajiet fundamentali, dawn huma soġġetti għal interpretazzjoni stretta. Dan ma jeskludix li ċirkustanzi speċifiċi jistgħu jiġġustifikaw li jkun hemm rikors għall-kunċett ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika, b’mod illi jekk ikun il-każ jiġi rrikonoxxut lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fil-limiti imposti mit-Trattat (36).
53. Skond ġurisprudenza stabbilita, ir-referenza ta' awtorità nazzjonali għall-kunċett ta' ordni pubbliku tippreżupponi, f'kull każ, l-eżistenza, minbarra l-inkwiet soċjali li kull infrazzjoni tal-liġi tinvolvi, ta’ theddida reali u serja biżżejjed, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (37). Iżda f’din il-kawża, il-Gvern Portugiż ma invoka xejn li jista’ jindika l-possibbiltà ta’ theddida gravi għall-ordni pubbliku fil-Portugall. Għaldaqstant, ma jistax jirrikorri għall-Artikolu 30 KE u l-Artikolu 13 tal-Ftehim ŻEE biex jiġġustifika l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 fuq il-bażi tal-prevenzjoni tal-kriminalità u tal-ġlieda kontra dan il-fenomenu.
2. Ħtiġijiet tas-sigurtà tat-triq
54. Safejn il-Gvern Portugiż isostni li l-projbizzjoni in kwistjoni ġiet deċiża bil-għan li tiggarantixxi s-sigurtà tas-sewwieqa ta’ vetturi, għandu jiġi rrilevat li dan il-motiv ma jissemmiex espressament fl-Artikolu 30 KE u l-Artikolu 13 tal-Ftehim ŻEE. Madankollu, huwa inkontestabbli li s-sigurtà tat-trasport fuq it-triq tikkostitwixxi għan mixtieq mid-dritt Komunitarju (38). Skond ġurisprudenza stabbilita, din hija rikonoxxuta wkoll minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li tista’ tiġġustifika ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija (39).
55. Barra minn hekk, fost ir-raġunijiet ġustifikattivi msemmija fl-Artikolu 30 KE u l-Artikolu 13 tal-Ftehim ŻEE insibu wkoll il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni. Dawn huma valuri fejn il-protezzjoni hija l-aspett ċentrali tal-prevenzjoni ta’ inċidenti tat-traffiku fuq livell Komunitarju (40). Peress li l-kunċett ta’ sigurtà tat-traffiku fuq it-triq tinkludi b’mod partikolari kemm il-protezzjoni tas-saħħa kif ukoll tal-ħajja tal-persuni, flimkien mal-kundizzjonijiet tat-traffiku fuq it-triq, issa ser neżaminaw ir-relazzjoni partikolari li teżisti bejn dawn iż-żewġ oqsma, li teħtieġ analiżi ġuridika essenzjalment fir-rigward tar-raġuni ġustifikattiva li tikkostitwixxi s-sigurtà tat-traffiku fuq it-triq.
56. Fattur ta’ trażmissjoni tad-dawl iktar għoli għall-glazing tas-sigurtà u l-windscreens tal-vetturi jiffaċilita t-twettiq tal-kontrolli mill-pulizija u jikkontribwixxi għas-sigurtà fuq it-triq, safejn jippermetti lill-uffiċjali tal-pulizija, permezz ta’ sempliċi osservazzjoni tat-traffiku, li jivverifikaw jekk in-numru ta’ passiġġieri ma jaqbiżx in-numru awtorizzat, u jekk l-obbligu li jintlibes iċ-ċinturin tas-sigurtà huwiex qed jiġi rrispettat (41). Minn din il-perspettiva, projbizzjoni li jitwaħħal film ikkulurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi hija ċertament adattata sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sigurtà tat-traffiku fuq it-triq.
57. Madankollu, xorta nasal għall-konklużjoni li l-projbizzjoni in kwistjoni, stabbilita fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003, ma tgħaddix mill-analiżi legali tal-kumpatibbiltà tagħha mad-dritt Komunitarju, u dan minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
D – Il-prinċipju ta’ proporzjonalità
58. Minn naħa waħda, huwa inkontestabbli li, fin-nuqqas ta’ regoli ta’ armonizzazzjoni, huma l-Istati Membri, fil-limiti imposti mit-Trattat, li għandhom jistabbilixxu l-livell safejn ikollhom l-intenzjoni jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni (42). Huwa daqstant inkontestabbli li protezzjoni effettiva ta’ drittijiet ta’ importanza daqshekk imperattiva, bħad-dritt għas-saħħa u għall-ħajja, jew speċjalment is-sigurtà fuq it-triq, teħtieġ diversi miżuri preventivi mill-awtoritajiet nazzjonali, b’hekk illi l-Istati Membri fil-prinċipju għandhom kull diskrezzjoni biex jiddeterminaw il-grad tas-severità tal-kontrolli li għandhom isiru (43).
59. Iżda xorta jibqa’ l-fatt li eċċezzjoni għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija tista’ tiġi ġġustifikata taħt l-Artikolu 30 KE jew minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali biss jekk l-awtoritajiet nazzjonali juru li din l-eċċezzjoni hija neċessarja sabiex jintlaħaq wieħed jew diversi mill-għanijiet imsemmija hemmhekk u li hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (44). Barra minn hekk, jidhirli li huwa indispensabbli li jiġi mfakkar li, f’dan ir-rigward, ir-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru, għandhom ikollhom magħhom il-provi xierqa jew analiżi ta’ l-adegwatezza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat u analiżi ta’ kemm hija xierqa, kif ukoll elementi preċiżi li jippermettu li jsostnu l-argument tiegħu (45).
60. Ir-Repubblika Portugiża naqset milli tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja elementi ta’ informazzjoni xierqa – studji, rapporti jew statistiċi – li jwasslu għall-konklużjoni, jekk huwa l-każ, li restrizzjonijiet għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija bħal dawk il-kwistjoni f’din il-kawża huma ġġustifikati minħabba raġunijiet previsti fl-Artikolu 30 KE u l-Artikolu 13 tal-Ftehim ŻEE jew minħabba rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali, u li l-użu ta’ film ikkulurit, irrispettivament mill-kulur u l-karatteristiċi tiegħu, b’mod partikolari f’termini tal-fattur ta’ trażmissjoni tad-dawl, jippreżenta riskju għas-sigurtà fuq it-triq.
61. Barra minn hekk kien wisq iktar neċessarju li tingħata prova ta’ dan ir-riskju għas-sigurtà fuq it-triq peress li r-Repubblika Portugiża ma tipprojbixxix l-użu tal-ħġieġ skuri, minkejja li dan – bl-istess mod bħall-films tal-kulur in kwistjoni – ma jippermettix l-aħjar viżjoni. F’każ ta’ trattament differenti bejn il-każijiet in kwistjoni, li huma essenzjalment identiċi, restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija għandha tkun iġġustifikata b’mod speċjali. Ir-Repubblika Portugiża b’hekk ma ssodisfatx l-oneru tal-prova li kellha, la matul il-proċedura prekontenzjuża u lanqas fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
62. Indipendentement minn dan, projbizzjoni assoluta tal-film in kwistjoni tidher bħala miżura sproporzjonata biex tiggarantixxi s-sigurtà fuq it-triq peress li, kif qalet korrettament il-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu fi kwalunkwe każ jeħtieġu, fuq il-bażi tad-Direttiva 2001/92, li l-fattur ta’ trażmissjoni tad-dawl jilħaq valur minimu ta’ 70 % għall-ħġieġ li jinsab quddiem il-B-pillar u 75 % għall-windscreen. Ir-Regolament Nru 43 effettivament jipproduċi effetti fis-sistema legali Komunitarja, u b’hekk ukoll fis-sistema legali ta’ l-Istati Membri kollha. Minn naħa, permezz tad-Deċiżjoni 97/836/KE tal-Kunsill, tas-27 ta’ Novembru 1997, bil-ħsieb ta’ l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa ta’ l-20 ta’ Marzu 1958 rivedut (46), ir-Regolament Nru 43 ġie inkorporat fid-dritt Komunitarju b’effett mill-24 ta’ Marzu 1998. Skond l-Artikolu 300(7) KE, il-Ftehim kif ukoll ir-Regolament Nru 43 jorbtu kemm lill-Komunità kif ukoll lill-Istati Membri tagħha. Barra minn hekk id-Direttiva 2001/92 tirreferi, fit-tielet premessa tagħha u fl-Anness II B, għar-Regolament Nru 43, li jagħti diversi speċifikazzjonijiet dwar il-kompożizzjoni u l-installazzjoni tal-ħġieġ, fosthom iċ-ċifri dwar il-fattur minimu ta’ trażmissjoni tad-dawl hawn fuq imsemmi, b’hekk illi dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu kkunsidrati kif dovut fil-kuntest tat-twettiq tat-testijiet previsti fid-Direttiva 92/22.
63. B’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-adozzjoni ta’ dan il-fattur minimu ta’ trażmissjoni tad-dawl fuq livell Komunitarju hija intenzjonata biex tindirizza t-tħassib li tiġi żgurata s-sigurtà tat-traffiku fuq it-triq (47), kien ikun biżżejjed li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, ikun meħtieġ li dawn il-limiti ma jinqabżux f’każ ta’ użu konformi tal-film in kwistjoni, jiġifieri wara li jitwaħħal fuq il-ħġieġ tal-vetturi. Ir-riżultat finali jkun li l-projbizzjoni attwalment applikabbli tiġi ristretta fis-sens li jkun ipprojbit biss l-użu ta’ film li ma jistax jiżgura l-ħarsien tal-limiti imposti minħabba li l-fattur ta’ trażmissjoni tad-dawl tiegħu ma jkunx suffiċjenti. Min-naħa l-oħra hemm ukoll lok li l-projbizzjoni f’din il-kawża tiġi ristretta, jiġifieri biss għall-ħġieġ li effettivament jippermetti li jsir kontroll mill-pulizija tat-traffiku fuq it-triq. B’hekk din tkun tikkonċerna kemm il-windscreen tal-vettura kif ukoll il-ħġieġ li jkun fuq l-istess għoli mal-postijiet tal-passiġġieri, iżda mhux it-tieqa ta’ wara. Din il-miżura mhux biss tippermetti kontroll mill-pulizija ta’ l-okkupanti tal-vetturi b’sempliċi osservazzjoni, iżda għall-kuntrarju tal-projbizzjoni attwalment fis-seħħ, din il-miżura jkollha biss effett minimu fuq il-libertà ta’ moviment. Permezz tal-projbizzjoni assoluta ta’ użu tal-films in kwistjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003, il-leġiżlazzjoni Portugiża b’mod ċar tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq l-għan immirat. B’konsegwenza, din il-miżura meħuda mill-Istat Membru la tista’ titqies bħala neċessarja u lanqas bħala adattata sabiex tiżgura s-sigurtà tat-triq.
64. B’mod evidenti, il-Gvern Portugiż ma jikkontestax dan il-punt serjament, in kwantu jindika fir-replika tiegħu li m’huwiex impossibbli li wieħed jaħseb f’soluzzjonijiet oħrajn, fosthom miżuri mhux normattivi. Lanqas ma ressaq provi favur l-argument tiegħu li jgħid li dawn il-miżuri alternattivi mhumiex adattati għall-finijiet biex tiġi żgurata s-sigurtà fuq it-triq.
65. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jinsabu fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 ma jistgħux, minħabba ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità, ikunu ġġustifikati minħabba raġunijiet marbuta mat-traffiku fuq it-triq. Din il-leġiżlazzjoni b’hekk għandha titqies li hija inkompatibbli ma’ l-Artikolu 28 KE u l-Artikolu 11 tal-Ftehim ŻEE.
66. B’hekk nasal għall-konklużjoni li, billi pprojbixxiet, fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 tal-11 ta’ Marzu 2003, it-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ ta’ vetturi bil-mutur, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE, kif ukoll skond l-Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim ŻEE, peress li din il-projbizzjoni timpedixxi l-kummerċjalizzazzjoni fil-Portugall ta’ film ikkulurit legalment iffabbrikat u (jew) ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor jew fi Stat firmatarju tal-Ftehim ŻEE.
VII – Fuq l-ispejjeż
67. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.
VIII – Konklużjoni
68. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
1. tiddeċiedi li, billi pprojbixxiet, fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 tal-11 ta’ Marzu 2003, it-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ ta’ vetturi bil-mutur, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE, kif ukoll skond l-Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim ŻEE, peress li din il-projbizzjoni timpedixxi l-kummerċjalizzazzjoni fil-Portugall ta’ film ikkulurit legalment iffabbrikat u (jew) ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor jew fi Stat firmatarju tal-Ftehim ŻEE, u
2. tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – ĠU 1994, L 1, p. 3.
3 – Direttiva tal-Kummissjoni 2001/92/KE tat-30 ta’ Ottubru 2001 li taddatta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 92/22/KEE dwar it-tqegħid tal-ħġieġ tas-sigurtà fit-twieqi u l-materjali tal-ħġieġ għat-tqegħid fit-twieqi fuq vetturi bil-mutur u fuq it-trailers tagħhom u d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU L 291, p. 24).
4 – Direttiva tal-Kunsill 92/22/KEE tal-31 ta’ Marzu 1992 dwar it-tqegħid tal-ħġieġ tas-sigurtà fit-twieqi u l-materjali tal-ħġieġ għat-tqegħid fit-twieqi fuq vetturi bil-mutur u fuq it-trailers tagħhom (ĠU L 129, p. 11).
5 – Wara t-tmiem tas-snin 1950, il-preskrizzjonijiet tekniċi applikabbli għall-vetturi ġew armonizzati fuq livell internazzjonali sabiex ineħħu l-ostakoli għall-kummerċ ta’ vetturi bil-mutur u ta’ spare parts favur il-konsumaturi, abbażi ta’ ftehim konkluż fl-20 ta’ Marzu 1958 fil-kuntest tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (KEE/NU) u li ġie emendat b’effett mis-16 ta’ Ottubru 1995. Il-ftehim (“Reviżjoni 2 tal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, għat-tagħmir u għall-ispare parts li jistgħu jiġu mmuntati jew użati fuq vettura bir-roti u l-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ l-approvazzjonijiet konċessi fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet”) attwalment għandu 47 firmatarju, fosthom il-Komunità Ewropea (ara f’dan ir-rigward B. Sündermann, “Internationale Harmonisierung der technischen Vorschriften für Kraftfahrzeuge und Übernahme in deutsches Recht”, Straßenverkehrsrecht – Zeitschrift für die Praxis des Verkehrsjuristen, 2006, p. 49, b’mod speċjali p. 50). Kien fuq il-bażi ta’ dan il-ftehim li ġie adottat ir-Regolament Nru 43, li jiffissa l-preskrizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ ħġieġ tas-sigurtà fit-twieqi u l-installazzjoni tagħhom fuq il-vetturi. Skond id-dispożizzjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, dan japplika għall-ħġieġ tas-sigurtà tat-twieqi intenzjonat biex jiġi installat bħala windscreen jew bħala ħġieġ estern ieħor, jew bħala panewijiet interni fuq il-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u għall-installazzjoni tagħhom; ma japplikax għall-ħġieġ tat-tagħmir tad-dawl u ta’ sinjali tad-dawl u għad-dashboard, u lanqas għal ħġieġ speċjali bullet-proof. Dan ir-regolament lanqas ma jkopri l-ħġieġ doppju.
6 – Regolament Nru 43, preskrizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni tal-ħġieġ tas-sigurtà fit-twieqi u l-installazzjoni tagħhom fuq vetturi, anness 21, punt 4: “Preskrizzjonijiet partikolari japplikaw għall-vetturi tal-kategoriji M u N” (ara l-punti 4.1.1, 4.2.1.1 u 4.2.2.1).
7 – Digriet-Liġi Nru 40/2003, Diário da República I Serje A, Nru 59, tal-11 ta’ Marzu 2003.
8 – Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU L 204, p. 37).
9 – Abbozz ta’ digriet leġiżlattiv li jistabbilixxi regoli tekniċi dwar it-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ ta’ vetturi (Projecto de decreto regulamentar que establece condições técnicas para a afixação de películas coloridas nos vidros dos veículos automóveis).
10 – Skond l-Artikolu 3 KE, l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu suq intern karatterizzat bit-tneħħija, bejn l-Istati Membri, ta’ l-ostakoli, b’mod partikolari, għall-moviment liberu tal-merkanzija. Bl-istess mod, l-Artikolu 14(2) KE jipprovdi li “[i]s-suq intern għandu jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija […] huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat”. Dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu b’mod partikolari fl-Artikoli 28 KE et seq. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C-265/95, Ġabra p. I-6959, punti 24 et seq.). Il-Ftehim ŻEE għandu bħala għan, skond l-Artikolu 1(1) tiegħu, “li jiffavorixxi tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn il-partijiet kontraenti, f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali u l-ħarsien ta’ l-istess regoli, bil-għan li tinħoloq Żona Ekonomika Ewropea omoġenja” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond l-Artikolu 1(2)(a) tiegħu, l-assoċjazzjoni tinvolvi b’mod partikolari, bil-għan li jintlaħqu dawn l-objettivi, il-moviment liberu tal-merkanzija. Dan il-qasam huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 8 et seq. tal-Ftehim. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti EFTA tas-16 ta’ Diċembru 1994, Restamark (E-1/94, Report of EFTA Court, p. 14, punti 46 et seq).
11 – Dan jirriżulta, a contrario, mill-ġurisprudenza tal-Komunità, li tgħid li, meta qasam partikolari jkun ġie armonizzat b’mod eżawrjenti fuq il-livell Komunitarju, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-att li jeffettwa din l-armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tad-dritt primarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage, C-37/92, Ġabra p. I‑4947, punt 9; tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C-324/99, Ġabra p. I‑9897, punt 32; tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C-322/01, Ġabra p. I‑14887, punt 64, kif ukoll ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz, C-309/02, Ġabra p. I‑11763, punt 53). Ara wkoll, fl-istess sens, L. Dubois. u C. Blumann, Droit matériel de l’Union européenne, ir-Raba’ Edizzjoni, Pariġi, 2006, punt 430, p. 275, li tgħid li miżura ta’ armonizzazzjoni tirrestrinġi l-kompetenzi ta’ l-Istati Membri taħt l-Artikolu 30 KE. Filwaqt li armonizzazzjoni sħiħa tipprojbixxihom li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-merkanzija, armonizzazzjoni parzjali tagħtihom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fi ħdan il-limiti ffissati mid-dritt armonizzat.
12 – Sentenza tat-22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (272/86, Ġabra p. 4875, punt 21).
13 – Ara s-sentenzi tal-Qorti EFTA, Restamark, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 46, u tas-27 ta’ Ġunju 1997, Tore Willemsen (E‑6/96, Report of EFTA Court, p. 3, punt 43), li jgħidu li l-kontenut ta’ l-Artikolu 11 ŻEE huwa identiku għal dak ta’ l-Artikolu 28 KE. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2007, Ludwigs-Apotheke (C‑143/06, Ġabra p. I-9623, punt 42), li tgħid li “r-regoli li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija elenkati fl-Artikoli 11 u 13 ta’ dan il-Ftehim huma essenzjalment identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 28 KE u 30 KE”.
14 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, Ġabra p. 837, punt 5); ta’ l-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, Ġabra p. I‑6097, punt 11); tas-16 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑217/99, Ġabra p. I‑10251, punt 16); tad-19 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑420/01, Ġabra p. I‑6445, punt 25); tat-23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑192/01, Ġabra p. I‑9693, punt 39); tat-2 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑41/02, Ġabra p. I‑11375, punt 39); ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, De Groot en Slot Allium u Bejo Zaden (C‑147/04, Ġabra p. I‑245, punt 71); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑65/05, Ġabra p. I‑10341, punt 27); tal-15 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑54/05, Ġabra p. I‑2473, punt 30), u ta’ l-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑297/05, Ġabra p. I-7467, punt 53).
15 – Ara l-punt 39 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Mazák tat-8 ta’ Frar 2007 dwar is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑254/05, Ġabra p. I‑0000).
16 – Ara l-punt 20 tar-rikors tal-Kummissjoni.
17 – Abbozz ta’ digriet leġiżlattiv li jistabbilixxi r-regoli tekniċi għat-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur (Projecto de decreto regulamentar que establece condições técnicas para a afixação de películas coloridas nos vidros dos veículos automóveis).
18 – Jirriżulta mill-premessi ta’ l-abbozz tad-digriet leġiżlattiv (Anness VI tar-rikors), li r-Rappreżentanza Permanenti tal-Portugall għall-Unjoni Ewropea bagħtet lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Diċembru 2005, illi skond il-Kummissjoni ir-Repubblika Portugiża stabbilixxiet restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija li jmorru kontra t-Trattat. Intqal ukoll li r-Repubblika Portugiża hija disposta li tikkonforma mar-rekwiżit tal-Kummissjoni, billi tistabbilixxi preskrizzjonijiet tekniċi minimi f’dak li jirrigwarda it-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur, li jieħdu kunsiderazzjoni kemm tar-rekwiżiti tas-sigurtà tat-traffiku fuq it-triq kif ukoll tal-moviment liberu tal-merkanzija. L-Artikolu 8(1) ta’ l-abbozz jistipula li l-approvazzjoni nazzjonali tingħata lill-film li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dak l-istandard. Skond l-Artikolu 8(1), l-awtorizzazzjonijiet mogħtija fi Stati Membri oħra huma rrikonoxxuti bħala ekwivalenti. L-Artikolu 9 jipprevedi li dan il-film għandu juri b’mod ċar l-indikazzjoni ta’ l-approvazzjoni mogħtija.
19 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ‘il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 15), punt 39; tat-18 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑119/04, Ġabra p. I‑6885, punt 27); tas-6 ta’ Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑211/02, Ġabra p. I‑2429, punti 6 u 28); tas-7 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑29/01, Ġabra p. I‑2503, punt 11), tal-15 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑147/00, Ġabra p. I‑2387, punt 26); tal-21 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑119/00, Ġabra p. I‑4795, punt 14); tat-30 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑384/99, Ġabra p. I‑10633, punt 16); tat-3 ta’ Lulju 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑60/96, Ġabra p. I‑3827, punt 15); tas-17 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑289/94, Ġabra p. I‑4405, punt 20), u tat-12 ta’ Diċembru 1996, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑302/95, Ġabra p. I‑6765, punt 13).
20 – Sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑177/03, Ġabra p. I‑11671, punt 21), u ta’ l-1 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑203/03, Ġabra p. I‑935, punti 27 sa 32).
21 – Il-fatt li l-Gvern Portugiż, kif intqal matul is-seduta, kien approva fil-31 ta’ Ottubru 2007 abbozz ta’ liġi li jipprevedi t-tħassir ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003, ma jbiddel xejn. Din il-liġi, skond l-indikazzjonijiet tal-Gvern Portugiż, ser tidħol fis-seħħ biss wara ll-pubblikazzjoni fil-ġurnal uffiċjali tar-Repubblika Portugiża.
22 – Ara f’dan is-sens, fir-rigward ta’ direttivi, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-360/87, Ġabra p. I-791, punt 12), u tal-15 ta’ Ġunju 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-220/94, Ġabra p. I-1589, punt 10). Ara wkoll is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑162/99, Ġabra p. I‑541, punti 22 sa 25); tas-6 ta’ Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑478/01, Ġabra p. I‑2351, punt 20), u ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑275/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 33).
23 – Ara l-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħi tat-13 ta’ Settembru 2007 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑319/06), li għadha pendenti.
24 – Kif jindika ġustament M. Lanord Farinelli, “La norme technique: une source du droit légitime?”, Revue française de droit administratif, 2005, Nru 4, p. 738, standard tekniku huwa intiż sabiex jindirizza l-aġir tal-bniedem, iżda madankollu ma għandux ikollu saħħa vinkolanti li jwassal għal dan l-aġir. Dan ikun possibbli biss jekk jakkwista natura vinkolanti billi jiġi inkorporat f’regola ġuridika, u dik ir-regola ġuridika rkun tipprevedi sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur. Dawk is-sanzjonijiet jistgħu jkunu ta’ natura amministrattiva, ċivili jew saħansitra penali.
25 – Għalkemm il-projbizzjoni in kwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tista’ tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 30 KE jew minn rekwiżiti imperattivi [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 14), punt 29, u tal-5 ta’ Frar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-270/02, Ġabra p. I‑1559, punt 21). Fiż-żewġ każijiet, id-dispożizzjoni nazzjonali għandhom ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ l-għan mixtieq u m’għandhiex tmur oltre minn dak li hu neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-20 ta’ Ġunju 2002, Radiosistemi, C-388/00 u C-429/00, Ġabra p. I‑5845, punti 40 sa 42; tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL, C-14/02, Ġabra p. I‑4431, punt 64); tat-8 ta’ Settembru 2005, Yonemoto, C‑40/04, Ġabra p. I‑7755, punt 55, u ta’ l-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑432/03, Ġabra p. I‑9665, punt 42).
26 – Skond S. Leible, Grabitz, Hilf, Das Recht der Europäischen Union, Vol. I, Artikolu 30 KE, punti 12 u 15, l-Istati Membri għandhom, għall-konkretizzazzjoni tal-kunċetti ta’ ordni pubbliku u sigurtà pubblika, setgħa diskrezzjonali partikolarment wiesgħa. Ostakolu għas-sigurtà pubblika li jirriżulta mill-moviment tal-merkanzija normalment joħloq ukoll theddida għall-ħajja u għas-saħħa u jista’ faċilment jaqa’ taħt dan il-kunċett. L-istess jgħodd għat-theddidiet għas-sigurtà fit-triq (ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1987, Goffette, 406/85, Ġabra p. 2525, fejn is-sigurtà fit-triq ġiet ikkunsidrata li taqa’ taħt l-Artikolu 30 KE anki qabel ma hija rrikonxxuta bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali speċifiku).
27 – Il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem enfasizzat li l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku tikkostitwixxi deroga għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni, li għandha tinftiehem b’mod strett, u li l-portata tagħha ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri (sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili, 36/75, Ġabra p. 1219, punt 27; tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, Ġabra p. 1999, punt 33; tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-441/02, Ġabra p. I-3449, punt 34, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑50/06, Ġabra p. I‑0000, punt 42).
28 – Per eżempju fir-rigward tal-kunċett ta’ ordni pubbliku msemmi fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-Komunità mat-Turkija. Skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 39 KE sa 41 KE għandhom kemm jista’ jkun jiġu trasposti għall-ħaddiema Torok li jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija mid-Deċiżjoni Nru 1/80. Jirriżulta li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-portata ta’ l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandha ssir referenza għall-interpretazzjoni mogħtija ta’ l-istess eċċezzjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema li huma ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Komunità. Tali interpretazzjoni ssib ġustifikazzjoni ikbar mill-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni hija mfassla fi kliem kważi identiku għal dawk ta’ l-Artikolu 39(3) KE. Ara s-sentenzi ta’ l-4 ta’ Ottubru 2007, Polat (C‑349/06, Ġabra p. I-8167); tas-16 ta’ Frar 2006, Torun (C‑502/04, Ġabra p. I‑1563); ta l-10 ta’ Frar 2000, Nazli (C‑340/97, Ġabra p. I‑957, punt 56), u tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya (C‑467/02, Ġabra p. I‑10895, punt 43).
29 – Ara, dwar il-kunċett ta’ ordni pubbliku fid-dritt Komunitaru, il-konklużjonijiet tiegħi tat-13 ta’ Settembru 2007 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 40 sa 44. Fis-sentenza tagħha ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, Ġabra p. I‑9609, punt 26), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-ġustifikazzjoni ta’ projbizzjoni nazzjonali ta’ attività ekonomika deċiża għall-finijiet ta’ protezzjoni ta’ l-ordni pubbliku, in kwantu dik l-attività kienet ġiet ikkunsidrata bħala theddida għad-dinjità tal-bniedem unikament fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ l-eċċezzjonijiet korrispondenti (dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikoli 55 KE u 46(1) KE), minkejja li kienet ikkunsidrat li d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija kienu fil-prinċipju rilevanti. Fil-fehma ta’ P._C. Müller-Graff, Kommentar zum Vertrag über die Europäische Union und zur Gründung der Europäischen Gemeinschaft (taħt id-direzzjoni ta’ Angela Bardenhewer-Rating et), is-Sitt Edizzjoni, Baden-Baden, 2003-2004, Artikolu 30 KE, punt 49, il-kunċett ta’ ordni pubbliku – ġeneralment assoċjat ma’ dak tas-sigurtà pubblika – għandu jinftiehem li huwa ta’ “natura ġenerika”. Għaldaqstant, wieħed jista’ jirrikorri għal dan l-interess ta’ protezzjoni biss f’każ fejn ebda wieħed mill-prinċipji l-oħrajn imsemmija fl-Artikolu 30 KE ma jkun applikabbli. Skond l-awtur, l-Istati Membri s’issa qagħdu lura fil-prattika milli jinvokaw theddid għall-ordni pubbliku biex jiġġustifikaw ostakoli għall-kummerċ. P. Fischer, H. Köck, M. Karollus, Europarecht, ir-Raba’ edizzjoni, Vjenna, 2002, p. 756, punt 1579, jindikaw ukoll li l-ordni pubbliku jidher relattivament rari bħala qasam ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 30 KE.
30 – Sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja (154/85, Ġabra p. 2717, punti 13 et seq), u tat-30 ta’ April 1991, Boscher (C‑239/90, Ġabra p. I‑2023, punt 23).
31 – Sentenza tat-23 ta’ Novembru 1978, Thompson (7/78, Ġabra p. 2247, punti 32 u 34).
32 – Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, Deutsche Milchkontor (C‑426/92, Ġabra p. I‑2757, punt 44).
33 – Sentenzi tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac (C‑296/95, Ġabra p. I‑1605, punt 30); tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin (53/81, Ġabra p. 1035, punti 10 sa 12), u ta’ l-14 ta’ Jannar 1982, Corman (64/81, Ġabra p. 13, punt 8). Il-kunċetti tad-dritt Komunitarju ma jistgħux jiġu ddefiniti b’referenza għar-regoli tal-liġi ta’ l-Istati Membri. Ir-referenza għall-aċċettazzjoni li l-kunċetti għandhom fis-sistemi legali ta’ l-Istati Membri hija eskluża wkoll fid-dawl ta’ kunċetti li jippermettu lill-Istati Membri li jirrestrinġu l-libertajiet fundamentali jew drittijiet individwali oħrajn (ara H.‑J. Schütz ., T. Bruha, D. König, Casebook Europarecht, Munich, 2004, p. 451-452).
34 – Skond J. Bröhmer, fix-xogħol ta’ Calliess u Ruffert (edituri), Kommentar zu EUV/EGV, it-tielet edizzjoni, 2007, Artikolu 46, punt 4, p. 801, il-paralleli ma’, per eżempju, il-kunċett intern ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku tal-liġi dwar is-setgħat tal-pulizija huma biss ta’ utilità limitata għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “sigurtà pubblika u ordni pubbliku” tad-dritt Komunitarju. Skond C. Piska, Kommentar zu EU- und EG-Vertrag, it-tielet edizzjoni, Vjenna, 2003, Artikolu 30 KE, punt 26, il-kunċett Komunitarju ta’ ordni pubbliku ma jaqax taħt il-qasam tas-setgħat tal-pulizija fis-sens tad-dritt nazzjonali.
35 – Ara s-sentenzi Rutili, iċċitata iktar ‘il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 27), punt 27; Bouchereau, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 27), punt 33; tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I‑5257, punti 64 u 65); tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑503/03, Ġabra p. I‑1097, punt 45); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ‘il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 27), punt 34, u Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ‘il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 27), punt 42.
36 – Ara s-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, Ġabra p. 1337, punti 18 u 19).
37 – Sentenzi Rutili, iċċitata iktar ‘il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 27), punt 28; Bouchereau, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 27), punt 35, ta’ l-14 ta’ Marzu 2000, Scientology (C‑54/99, Ġabra p. I‑1335, punt 17); tad-9 ta’ Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑355/98, Ġabra p. I‑1221, punt 28); tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa (C‑348/96, Ġabra p. I‑11, punti 21 u 23); Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 35), punt 66; Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 35), punt 46; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 27), punt 35, u Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 27), punt 43.
38 – It-titjib tas-sigurtà fuq it-triq hija ta’ importanza partikolari fl-Unjoni Ewropea, fejn kull sena jseħħu 1.3 miljun inċident, b’iktar minn 40 000 ruħ jitilfu ħajjithom u 1.7 miljun korruti. Il-Kummissjoni rrakkomandat f’dan ir-rigward, fil-White Paper tat-12 ta’ Settembru 2001 dwar il-Politika Ewropea għat-Trasport [COM(2001)370 finali], li l-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi bħala għan li tnaqqas bin-nofs in-numru ta’ persuni li jitilfu ħajjithom fuq it-toroq sal-2010. L-Istati Membri kollha jħabbtu wiċċhom ma’ l-istess problemi ta’ sigurtà fuq it-triq, jiġifieri veloċità eċċessiva fis-sewqan, konsum ta’ xorb alkoħoliku, nuqqas ta’ lbies taċ-ċinturin ta’ sigurtà, protezzjoni insuffiċjenti kontra d-daqqiet, punti perikolużi fuq it-toroq, nuqqas ta’ ħarsien tal-ħin ta’ sewqan u ta’ mistrieħ fit-trasport fuq it-toroq, u kundizzjonijiet ħżiena ta’ viżibbiltà. L-Artikolu 71(1)(ċ) KE jikkostitwixxi bażi ta’ awtorizzazzjoni speċjali biex jiġu stabbiliti miżuri li jtejbu s-sigurtà fit-trasport. Dawn huma marbuta strettament ma’ l-armonizzazzjoni legali ta’ l-istandards tekniċi, u b’hekk ma’ l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Il-Komunità adottat firxa wiesgħa ta’ dispożizzjonijiet f’dan il-qasam. Dawn jirrigwardaw b’mod partikolari ir-registrazzjoni ta’ vetturi, l-approvazzjoni ta’ l-istrumenti ta’ direzzjoni, tas-sistemi tal-brejkijiet, il-qawwa tal-magni u l-konformità ta’ vetturi tat-trasport ta’ prodotti perikolużi. Dawn jirrigwardaw ukoll ir-rati ta’ emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu, il-kalkolu u l-konsum tal-fjuwil, u ta’ l-emissjonijiet ta’ CO2, il-livell ta’ storbju permess jew id-dimensjonijiet u l-piż ta’ ċerti vetturi. Dan is-settur jikkostitwixxi punt b’saħħtu ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fuq livell Komunitarju. Il-kuntest ġuridiku tal-liċenzja ta’ sewqan Ewropea wkoll jaqa’ taħt il-kunċett ta’ sigurtà fuq it-toroq fis-sens wiesa’ tiegħu. Huma wkoll irregolati fuq livell Komunitarju l-użu obbligatorju taċ-ċinturin tas- sigurtà f’ċerti vetturi u l-miżuri għall-ħarsien ta’ l-ambjent, bħall-bejgħ obbligatorju ta’ petrol mingħajr ċomb. L-istabbiliment tal-ħin tas-sajf fuq livell Ewropew ukoll ġie ġġustifikat għal raġunijiet tal-politika tat-trasport (ara fuq dan is-suġġett Oppermann, T., Europarecht, it-3 edizzjoni, § 22, punt 21, p. 470).
39– Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 14), punt 40; tal-5 ta’ Ottubru 1994, Van Schaik (C‑55/93, Ġabra p. I‑4837, punt 19); tat-12 ta’ Ottubru 2000, Snellers (C‑314/98, Ġabra p. I‑8633, punt 55), u tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen (C‑451/99, Ġabra p. I‑3193, punt 59). Ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Léger tal-5 ta’ Ottubru 2006 fil-kawża li għadha pendenti Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑110/05, punt 44).
40 – Ara wkoll il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Léger, iċċitati iktar ‘il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punt 46.
41 – L-użu obbligatorju taċ-ċinturin ta’ sigurtà huwa rregolat fuq livell Komunitarju mid-Direttiva tal-Kunsill 91/671/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1991 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-użu mandatorju taċ-ċintorini tas-sigurtà f’vetturi ta’ inqas minn 3.5 tunnellati (ĠU L 373, p. 26), emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/20/KE, tat-8 ta’ April 2003 (ĠU L 115, p. 63).
42 – Sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1996, Brandsma (C‑293/94, Ġabra p. I-3159, punt 11); Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ‘il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 25), punt 44, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ‘il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 15), punt 35.
43 – Sentenzi Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 11), punt 103, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 25), punt 44.
44 – Sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1983, Van Bennekom (227/82, Ġabra p. 3883, punt 40); tat-13 ta’ Marzu 1997, Morellato (C‑358/95, Ġabra p. I‑1431, punt 14); tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL (C‑14/02, Ġabra p. I‑4431, punt 67), u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 25), punt 22. Dwar l-importanza tan-natura proporzjonata tal-miżuri ta’ l-Istati firmatarji li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-merkanzija bil-għan li tiġi mħarsa s-saħħa pubblika fil-kuntest tas-sistema legali maħluqa mill-Ftehim ŻEE, ara s-sentenzi tal-Qorti EFTA tas-27 ta’ Ġunju 1997, Tore Wilhelmsen AS vs Oslo kommune (E-6/96, Report of EFTA Court 1997, p. 53, punti 79, 87, 91 u 92), u tal-25 ta’ Frar 2005, Pedicel vs Sosial-og helsedirektoratet (E-4/04, Report of EFTA Court 2005, p. 1, punti 55 u 56).
45 – Sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2003, Lindman (C‑42/02, Ġabra p. I‑13519, punt 25); tat-18 ta’ Marzu 2004, Leichtle (C‑8/02, Ġabra p. I‑2641, punt 45); tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑147/03, Ġabra p. I‑5969, punt 63); tas-16 ta’ Frar 2006, Rockler (C‑137/04, Ġabra p. I‑1441, punt 25); tas-16 ta’ Diċembru 2006, Öberg (C‑185/04, Ġabra p. I‑1453, punt 22), u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 15), punt 36. Skond T. Kingreen, f’Calliess/Ruffert (edituri), Kommentar zu EUV/EGV, it-3 edizzjoni, 2007, Artikoli 28 KE sa 30 KE, punt 199, l-Istati Membri mhumiex awtorizzati, fil-kuntest tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja ta’ persuni, li jibbażaw ruħhom fuq preżunzjonijiet jew allegazzjonijiet. L-obbligu li l-miżura tkun motivata huwa b’mod partikolari iktar rileventi meta, b’mod konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, ir-riskju li jkun ta’ theddida f’każ partikolari jkun iktar għoli u l-probabbiltà li jseħħ tkun kbira. Ċertament, mhuwiex neċessarju li tkun diġà seħħet ħsara, peress illi protezzjoni effettiva normalment teħtieġ miżuri preventivi. Iżda normalment l-obbligu jissussisti fil-kuntest ta’ eżami tan-natura indispensabbli tal-miżura, li tiġi ppruvata b’mod kredibbli n-neċessità ta’ l-intervent b’referenza għall-għarfien xjentifiku jew għall-istandards Ewropej u internazzjonali.
46 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 1997 bil-ħsieb ta’ l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li tikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet liema jistgħu ikunu iffittjati ma’ u/jew ikunu użati ma’ vetturi bir-roti u l-kondizzjonijet reċiproċi ta’ l-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijet (“Ftehim Rivedut ta’ l-1958”, ĠU L346, p. 78. L-Anness II ta’ dab il-ftehim jippreċiża li l-Komunità Ewropea għandha l-intenzjoni, fid-data ta’ l-adeżjoni tagħha mal-ftehim rivedut dwar il-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet, li tillimita l-adeżjoni tagħha għar-rikonoxximent u l-approvazzjoni tar-Regolamenti KEE/NU msemmija f’lista, flimkien ma’ l-emendi indikati, in kwantu dawn ikunu fis-seħħ fid-data ta’ l-adeżjoni. Il-lista tinkludi r-Regolament Nru 43 dwar il-ħġieġ ta’ sigurtà. Skond B. Sündermann, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 5), p. 51, speċjalment p. 54, ebda att ġuridiku ma huwa neċessarju, skond id-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikolu 300(7) KE tal-paragrafu r ta’ l-Artikolu 1 (għal-leġiżlazzjonijiet ġodda), u 7 (għal-leġiżlazzjonijiet eżistenti) tat-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta’ l-1958, sabiex il-leġiżlazzjonijiet u l-emendi għal-leġiżlazzjonijiet jiġu inklużi fid-dritt nazzjonali. Il-Ftehim u r-Regolament KEE/NU Nru 43 b’hekk jorbtu kemm lill-Komunità kif ukoll lill-Istati Membri.
47 – L-armonizzazzjoni tal-preskrizzjonijiet tekniċi dwar il-vetturi taħt l-awspiċju tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (KEE/NU) u fuq livell Komunitarju għandha essenzjalment tliet għanijiet: is-sigurtà fuq it-triq, il-ħarsien ta’ l-ambjent u l-garanzija ta’ aċċess għas-suq għall-kummerċ tal-vetturi bil-mutur permezz tat-tneħħija ta’ l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ. Ara B. Sündermann, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 5), p. 49, 50 u 55; T. Oppermann, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 38), § 22, punt 21, p. 470, u § 18, punt 43, p. 388, u Langner, “Technische Vorschriften und Normen”, f’: Dauses (ed.), Handbuch des EU-Wirtschaftsrechts, C. VI., punti 1 u 4, p. 118).
Full & Egal Universal Law Academy