KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fit-13 ta’ Marzu 20081(1)
Kawża C‑277/06
Interboves GmbH
vs
Hauptzollamt Hamburg-Jonas
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja)]
“Protezzjoni tal-annimali matul it-trasport – Trasport bil-baħar tal-annimali tal-ifrat – Tul ta’ żmien tat-trasport – Perijodu ta’ mistrieħ”
I – Introduzzjoni
1. Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-punt 48.7(a) u (b) tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE tad-19 ta’ Novembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE(2), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1995(3) (iktar’il quddiem id-“Direttiva 91/628”).
2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Interboves GmbH (iktar’il quddiem “Interboves”) u l-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (iktar’il quddiem il-“Hauptzollamt”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lil Interboves rifużjoni fuq l-esportazzjoni tal-ifrat ħajjin mitluba fix-xahar ta’ Ġunju 2002, għar-raġuni li t-tul ta’ żmien tat-trasport (bil-baħar) ta’ dawn l-annimali kien eċċeda dak previst fil-punt 48.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628.
II – Il-kuntest ġuridiku
3. L-Artikolu 33(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella(4), jissuġġetta l-ħlas tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ta’ annimali ħajjin għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-benesseri tal-annimali u, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport .
4. Fit-18 ta’ Marzu 1998, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 615/98, tat-18 ta’ Marzu 1998, li jistabbilixxi regoli ddettaljati speċifiċi ta’ applikazzjoni tas-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward tal-benesseri ta’ annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport(5). Dan ir-Regolament, li ġie adottat fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68, tas-27 ta’ Ġunju 1968, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-laħam taċ-ċanga(6), b’mod partikolari l-Artikolu 13(9) tiegħu(7), u li ppreċeda r-Regolament Nru 1254/1999, baqa’ fis-seħħ sat-13 ta’ April 2003, mil-liema data ġie ssostitwit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 639/2003 tad-9 ta’ April 2003 li jippreskrivi regoli dettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet konnessi mal-welfare tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport(8). Ir-Regolament Nru 615/98 b’hekk kien applikabbli għad-dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni ppreżentati qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 639/2003(9), fosthom dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
5. L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament Nru 805/68, il-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ annimali tal-ifrat ħajjin huwa suġġett għall-osservanza, matul it-trasport tal-annimali sal-ewwel darba li jinħattu fl-Istat terz ta’ destinazzjoni finali, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 u tad-dispożizzjonijiet tar-regolament Nru 651/98.
6. Skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 91/628, it-termini li ġejjin għandhom ifissru:
“[…]
b) ‘trasport’, kull ċaqlieq ta’ annimali, effettwat permezz ta’ trasport li jinvolvi t-tagħbija u l-ħatt ta’ l-annimali;
[…]
g) ‘vjaġġ’, it-trasport mill-post tat-tluq sal-post tad-destinazzjoni;
h) ‘perjodu ta’ mistrieħ’, perjodu kontinwu matul il-vjaġġ li matulu l-annimali mhumiex qegħdin jiġu mċaqalqa permezz ta’ mezz ta' trasport;.
[…]”
7. Il-Kapitolu 1 tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jipprovdi, fil-punt A. 2(d) tiegħu, li .matul it-trasport l-annimali għandhom jirċievu l-ilma u l-ikel xieraq fl-intervalli ffissati fil-Kapitolu VII tal-istess anness.
8. Il-punt 48 li jinsab fil-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jirrigwarda b’mod partikolari t-tul ta’ żmien tal-vjaġġ u l-perijodi ta’ mistrieħ. Dan il-Kapitolu jipprovdi li:
“[…]
2. Il-ħinijiet tal-vjaġġ għall-annimali li jappartjenu għall-ispeċi li għalihom issir referenza fil-punt 1 m’għandhomx jeċċedu t-tmien sigħat.
3. Il-ħin ta’ vjaġġ massimu fil-punt 2 jista’ jiġi estiż meta l-vettura tat-trasport tissodisfa r-rekwiżiti addizzjonali li ġejjin:
– ikun hemm saqqijiet biżżejjed fl-art tal-vettura,
– il-vettura tat-trasport iġġorr għalf xieraq għall-ispeċi ta’ annimal trasportat u għall-ħin tal-vjaġġ,
– hemm aċċess dirett għall-annimali,
– ventilazzjoni adegwata hija possibbli u din tista’ tiġi aġġustata skond it-temperatura (ta’ ġewwa u ta’ barra),
– hemm panewwijiet mobbli biex jinħolqu kompartamenti separati,
– il-vetturi huma armati għal konnessjoni ma’ provvista ta’ l-ilma meta jkunu wiefqa,
– fil-każ ta’ vetturi għat-trasport tal-ħnieżer, irid jinġarr ilma suffiċjenti għat-tisqija matul il-vjaġġ.
4. L-intervalli ta’ tmigħ u tat-tisqija, il-ħinijet tal-vjaġġ u l-perjodi ta’ mistrieħ meta jintużaw l-vetturi tat-triq li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 3 huma definiti kif ġej:
[…]
d) L-annimali l-oħra kollha ta’ l-ispeċi li għalihom issir referenza fil-punt 1 [(10)] iridu, wara 14-il siegħa ta’ vjaġġ, jingħataw perjodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa li tkun biżżejjed għalihom b’mod partikolari sabiex jingħataw likwidu u jekk ikun meħtieġ għalf. Wara dan il-perjodu ta’ mistrieħ, jistgħu jiġu trasportati għal 14-il siegħa oħra.
5. Wara l-ħin tal-vjaġġ stabbilit, l-annimali jridu jinħattu, jingħataw x’jieklu u x’jixorbu u jitħallew jistrieħu għal mill-inqas 24 siegħa.
[…]
7. a) L-annimali m’għandhomx jiġu trasportati permezz tal-baħar jekk il-ħin tal-vjaġġ massimu jeċċedi dak stabbilit fil-punt 2, sakemm [salv jekk] il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti 3 u 4, minbarra l-ħinijiet tal-vjaġġ u l-perjodu ta’ mistrieħ, jintlaħqu.
b) Fil-każ ta’ trasport bil-baħar b’rabta [fuq rotta] regolari u diretta bejn [...] żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, dawn ta’ l-aħħar iridu jingħataw mistrieħ għal 12-il siegħa wara li jinħattu fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata tagħha sakemm [salv jekk] il-ħin tal-vjaġġ bil-baħar huwa tali li l-vjaġġ jista’ jiġi inkluż fl-iskema ġenerali tal-punti 2 sa 4.
8. Fl-interessi tal-annimali, il-ħinijiet tal-vjaġġ fil-punti 3, 4 u 7(b) jistgħu jiġu estiżi b’sagħtejn, waqt li jitqies b’mod partikolari kemm huwa fil-qrib il-post ta’ destinazzjoni.
[…]”
III – Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
9. Fit-12 ta’ Ġunju 2002, Interboves iddikjarat lill-Hauptzollamt l-esportazzjoni lejn l-ex Repubblika Federali tal-Jugożlavja ta’ 33 annimal tal-ifrat ħajjin u talbet għal dan il-għan l-għoti ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni.
10. B’deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2003, il-Hauptzollamt irrifjuta r-rifużjoni, għar-raġuni li, matul it-trasport tal-annimali, Interboves ma kinitx irrispettat il-punt 48.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628.
11. Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Hauptzollamt spjega li, skont l-analiżi tiegħu tal-pjan tat-trasport ippreżentat minn Interboves, l-annimali tal-ifrat ġew ittrasportati matul perijodu ta’ trasport ta’ 23 siegħa, jiġifieri 14-il siegħa u 30 minuta ta’ trasport bil-baħar fuq bastiment roll-on/roll-off bejn Bari (l-Italja) u Igoumenitsa (il-Greċja) kif ukoll 8 sigħat u 30 minuta ta’ trasport bit-triq sa Evzoni, post li jinsab mal-fruntiera bejn il-Greċja u l-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, mingħajr ebda perijodu ta’ mistrieħ. Wara li kkunsidrat li l-punt 48.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jistabbilixxi li, wara 14-il siegħa ta’ trasport, fil-każ ta’ trasport bil-baħar bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, dawn tal-aħħar iridu jingħataw mistrieħ għal 12-il siegħa wara li jinħattu fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata tiegħu, il-Hauptzollamt b’hekk irrifjutat l-għoti tar-rifużjoni.
12. B’deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2005, il-Hauptzollamt ċaħad ir-rikors amministrattiv ta’ Interboves kontra r-rifjut li tingħata r-rifużjoni fuq l-esportazzjoni, billi kkunsidra li l-perijodu tat-traġitt bil-baħar kellu jitqies bħala estensjoni tat-trasport bit-triq u mhux, kif sostniet Interboves, li t-tul ta’ żmien ta’ dak it-traġitt ma kellux jiġi kkalkulat fil-ħin tat-trasport. Skont il-Hauptzollamt, sabiex jiġi vverifikat jekk iż-żmien totali tat-trasport kienx konformi mal-punt 48.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, kellu jiġi miżjud it-tul ta’ żmien tat-trasport bil-baħar ma’ dak tal-perijodi tat-trasport bit-triq li seħħew qabel u wara, li f’dan il-każ jammontaw għal 32 siegħa u 45 minuta (jew 14-il siegħa u 30 minuta ta’ trasport bil-baħar u 18-il siegħa u 15-il minuta ta’ trasport bit-triq sad-destinazzjoni finali).
13. Fil-21 ta’ Lulju 2005, Interboves ressqet rikors għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Hamburg, fejn hija sostniet li kienet ħarset id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628.
14. Peress li kienet tal-fehma li s-soluzzjoni tal-kawża kienet tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628, li fir-rigward tagħhom seta’ jkun hemm ċerti dubji, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
“1) Il-punt 48.7(a) […] tal-Anness tad-Direttiva 91/628 […] jiffissa l-kundizzjonijiet bażiċi għat-trasport (ta’ annimali) bil-baħar b’tali mod li, bħala regola – u kemm-il darba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-punti 48.3 u 48.4 […] tal-anness iċċitat iktar’il fuq – il-perijodi ta’ trasport bit-triq qabel u wara t-trasport bil-baħar m’humiex konnessi, anki fil-każ ta’ trasport ta’ annimali fuq l-hekk imsejħa bastimenti “roll-on/roll-off”?
2) Il-punt 48.7(b) […] tal-Anness tad-Direttiva 91/628 […] jinkludi dispożizzjoni speċjali dwar l-hekk imsejħa bastimenti “roll-on/roll-off” li joperaw fil-Komunità li tapplika b’mod kumulattiv mar-rekwiżiti tal-punt 48.4[d]), b’tali mod li, mal-wasla tal-bastiment fil-port ta’ destinazzjoni, huwa biss jekk it-tul ta’ żmien tat-trasport bil-baħar kien kontra r-regoli ġenerali tal-punti 48.2 sa 48.4 […] tal-Anness [tad-]Direttiva – jiġifieri perijodu massimu ta’ 29 siegħa, [ara] l-punt 48.4(d) – li jibda perijodu massimu ġdid ta’ 29 siegħa u li għandu jiġi rrispettat perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa?”
15. Skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Interboves, il-Hauptzollamt, il-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Greċja u tal-Iżvezja kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. It-trattazzjonijiet tagħhom instemgħet matul is-seduta li saret fit-23 ta’ Mejju 2007, ħlief għall-Hauptzollamt u l-Gvern Belġjan li ma ġewx irrappreżentati f’dik is-seduta.
IV – Analiżi
16. Għandu jiġi mfakkar li l-punt 48 li jinsab fil-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jistabbilixxi r-regoli dwar l-intervalli ta’ tisqija u ta’ tmigħ, kif ukoll it-tul ta’ żmien tal-vjaġġ u l-perijodi ta’ mistrieħ għall-ispeċji tal-annimali elenkati fl-Artikolu 1(1)(a) ta’ dik id-Direttiva, fosthom l-annimali tal-ifrat, matul it-trasport tagħhom, bl-eċċezzjoni tat-trasport bl-ajru.
17. Il-punt 48.2 tal-imsemmi anness jippreċiża li t-tul ta’ żmien tal-vjaġġ m’għandux jeċċedi t-tmien sigħat. Dan il-ħin madankollu jista’ jiġi estiż meta l-vettura tat-trasport tissodisfa r-rekwiżiti addizzjonali stipulati fil-punt 48.3 tal-istess anness. B’hekk, meta l-mezz ta’ trasport ikun vettura tat-triq li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-imsemmi punt 48.3 – ħaġa li l-qorti tar-rinviju ma tiddubitax fil-kawża prinċipali – il-punt 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jistabbilixxi li, wara 14-il siegħa ta’ trasport, l-annimali għandhom jingħataw perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa sabiex dawn jiġu misqija u mitmugħa, u wara dan jistgħu jkomplu jiġu ttrasportati għal 14-il siegħa oħra. L-istess punt 48.4(d) b’hekk jiffissa l-perijodu massimu tat-trasport għal 28 siegħa għall-vetturi tat-triq li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-imsemmi punt 48.3.
18. F’dan ir-rigward, għandi nippreċiża li l-interpretazzjoni kurrenti, li ġiet adottata kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll minn uħud mill-partijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, li fihom jgħidu li l-punt 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jawtorizza perijodu massimu ta’ trasport ta’ 29 siegħa, m’hi xejn ħlief interpretazzjoni mhux preċiża tar-regola ta’ 14 + 1 + 14 prevista f’dik id-dispożizzjoni(11). Effettivament, ir-regola tal-imsemmi punt 48.4(d) tistabbilixxi biss perijodu massimu ta’ trasport bit-triq ta’ 28 siegħa, interrott b’perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ siegħa, u dawk iż-żewġ perijodi flimkien jammontaw għal perijodu minimu ta’ vjaġġar ta’ 29 siegħa. Konsegwentement, it-tul ta’ żmien ta’ vjaġġ jista’ jkun, per eżempju, ta’ 50 siegħa, jiġifieri żewġ perijodi (massimi) ta’ trasport ta’ 14-il siegħa kull wieħed, interrotti b’perijodu ta’ mistrieħ ta’ 22 siegħa.
19. Fir-rigward tat-trasport bil-baħar, il-punt 48.7(a) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jirreferi għar-regola ffissata fil-punt 48.2 (jew tul ta’ żmien massimu tal-vjaġġ ta’ 8 siegħat), salv jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 48.3 u 48.4 tal-istess anness, minbarra l-ħinijiet tal-vjaġġ u l-perijodu ta’ mistrieħ, jintlaħqu. Isegwi, minn qari tal-istess silta tal-punt 48.7(a) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, li l-perijodu minimu ta’ 29 siegħa ta’ vjaġġar previst fl-imsemmi punt 48.4(d) ma japplikax, bħala regola ġenerali, għat-trasport bil-baħar. Dan il-mezz ta’ trasport jinkludi, ta’ mill-inqas, u kif indikaw il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-trasport b’bastimenti speċjalizzati li jissodisfaw kundizzjonijiet ta’ kumdità simili għal dawk fi stalla (komunament imsejħa “bastimenti-stalel”).
20. Barra minn hekk, il-punt 48.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jippreċiża li, fil-każ ta’ trasport bil-baħar fuq rotta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità Ewropea permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali (iktar’il quddiem it-“trasport b’bastiment roll-on/roll-off”), dawn tal-aħħar iridu jingħataw mistrieħ għal 12-il siegħa wara li jinħattu fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata tiegħi salv jekk il-ħin tal-vjaġġ bil-baħar huwa tali li l-vjaġġ jista’ jiġi inkluż fl-iskema ġenerali tal-punti 48.2 sa 48.4.
21. Fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment u fl-ewwel lok, dwar il-possibbiltà li t-trasport b’bastiment roll-on/roll-off, kopert mill-punt 48.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, jiġi kkunsidrat bħala trasport bil-baħar, fis-sens tal-punt 48.7(a) ta’ dak l-anness. Fil-każ ta’ risposta affermattiva u fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, meta t-trasport b’bastiment roll-on/roll-off isir bejn żewġ perijodi ta’ trasport bit-triq, jekk dawn tal-aħħar humiex interkonnessi, bħal m’huwa preżunt fil-każ ta’ pjan identiku ta’ vjaġġ meta l-parti fuq il-baħar issir permezz ta’ bastiment-stalla.
22. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk wara trasport b’bastiment roll-on/roll-off li t-tul ta’ żmien tiegħu jkun jidher li jaqbeż l-14-il siegħa, jiġifieri l-perijodu massimu ta’ trasport previst fil-punt 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 qabel il-perijodu minimu ta’ siegħa ta’ mistrieħ, l-annimali għandhomx jibbenefikaw minn perijodu mistrieħ ta’ 12-il siegħa skont l-imsemmi punt 48.7(b) jew jekk, it-trasport bit-triq jistax iseħħ immedjatament wara l-ħatt, għal perijodu massimu ta’ 28 siegħa.
23. Biex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandha tingħata interpretazzjoni sistematika u teleologika tal-punt 48 tal-Anness tad-Direttiva 91/628 għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-ivjaġġar tal-annimali tal-ifrat matul it-trasport bit-triq, matul it-trasport b’bastiment roll-on/roll-off u meta dawn jiġu ttrasportati permezz ta’ bastiment-stalla.
24. L-imsemmi punt 48 jiddistingwi bejn mezzi ta’ trasport skont il-garanziji kwalitattivi li dawn joffru fir-rigward tal-ħarsien tas-saħħa tal-annimali, f’dan il-każ l-annimali tal-ifrat.
25. B’hekk, għalkemm it-tul ta’ żmien massimu tat-trasport bit-triq, previst fil-punt 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, huwa ta’ 28 siegħa, it-trasport bil-baħar tal-annimali tal-ifrat permezz ta’ bastiment-stalla, imsemmi fil-punt 48.7(a) tal-istess anness m’huwa suġġett għal ebda perijodu massimu minħabba l-kundizzjonijiet ta’ vjaġġar sostanzjalment aħjar li jiggarantixxi għall-annimali.
26. Bejn dawn iż-żewġ estremi, insibu t-trasport b’bastiment roll-on/roll-off, li hu ċentrali għad-domandi preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju. Effettivament, għalkemm l-annimali tal-ifrat ma jinħattux mit-trakk fuq il-bastiment bħal fil-każ ta’ trasport permezz ta’ bastiment-stalla, dawn jibbenefikaw minn kundizzjonijiet li jipproteġu saħħithom b’mod aħjar minn dawk li jeżistu matul it-trasport bit-toroq, u dan minħabba l-garanziji addizzjonali stipulati fil-punt 26 tal-Kapitolu I tal-Anness tad-Direttiva 91/628. B’hekk, filwaqt li l-annimali tal-ifrat ikunu suġġetti għal ħafna skossi matul it-trasport bit-triq, il-punt 26(i) tal-imsemmi Kapitolu I jipprovdi għal sistema ta’ rbit fit-trakkijiet li jillimita l-movimenti tal-vettura matul it-trasport b’bastiment roll-on/roll-off. Bl-istess mod, filwaqt li matul it-trasport bit-triq l-annimali tal-ifrat jistgħu jiġu mitmugħa jew misqija biss matul perijodu ta’ waqfien, huma jistgħu, min-naħa l-oħra, ikomplu jiġu mitmugħa u misqija matul it-traġitt, b’mod konformi mal-imsemmi punt 26(iii).
27. Mingħajr ma rrid nantiċipa r-risposta għad-domandi preliminari, jidher li l-leġiżlatur Komunitarju rrikonoxxa l-karatteristiċi speċifiċi tat-trasport b’bastiment roll-on/roll-off meta stabbilixxa ukoll fil-punt 48.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 dispożizzjonijiet ad hoc, inklużi dawk dwar it-tul ta’ żmien tat-trasport, billi kkunsidra l-kundizzjonijiet kwalitattivi ta’ dak it-trasport. Jiena ser neżamina iktar’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet l-effetti li dawk il-kundizzjonijiet għandhom fuq id-determinazzjoni tat-tul ta’ żmien tat-trasport b’bastiment roll-on/roll-off.
28. Dan premess, ir-referenza, fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għall-punt 26 li jinsab fil-Kapitolu I tal-Anness tad-Direttiva 91/628 twassalni immedjatament biex nirrispondi għall-ewwel parti tal-ewwel domanda fis-sens li m’hemm ebda dubju li t-trasport b’bastiment roll-on/roll-off għandu jiġi kkwalifikat bħala trasport bil-baħar. Effettivament, kif diġà kelli l-okkażjoni nirrileva fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Schwaninger Martin iċċitati iktar’il fuq, it-trasport b’bastiment roll-on/roll-off, minkejja l-karatteristiċi partikolari tiegħu, jappartjeni għat-trasport bil-baħar(12). Barra minn hekk, il-punt 48.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jirreferi għal dan il-mezz ta’ trasport bħala “trasport bil-baħar”.
29. Għaldaqstant, nemmen li jista’ jingħad mingħajr ebda eżitazzjoni li l-imsemmi punt 48.7(a) jiffissa d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar it-trasport bil-baħar, inkluż it-trasport b’bastiment roll-on/roll-off. Minn dan irriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni tapplika għal kull tip ta’ trasport bil-baħar li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 48.2 sa 48.4, ħlief għat-tul ta’ żmien tal-vjaġġ u l-perijodi ta’ mistrieħ.
30. Biex tingħata risposta għall-ewwel domanda kollha li saret mill-qorti tar-rinviju, għad irid jiġi kkjarifikat jekk il-perijodi kollha ta’ trasport bit-triq ta’ qabel u wara t-trasport b’bastiment roll-on/roll-off humiex konnessi bejniethom.
31. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jsostnu li ż-żewġ perijodi ta’ trasport bit-triq qatt m’huma konnessi. Il-Gvern Żvediż isostni, għall-kuntrarju, li dawn huma dejjem konnessi bejniethom, peress li dan hu vjaġġ wieħed mingħajr interruzzjoni. Dan il-Gvern jippreċiża li l-argument tiegħu biss huwa konformi mal-għan tad-Direttiva 91/628.
32. Fil-fehma tiegħi, id-domanda li saret ma tistax tingħata risposta daqstant kategorika. Fl-aħħar mill-aħħar, kif ser nuri iktar’il quddiem, il-ħtieġa li jiġu kkalkulati kumulattivament iż-żewġ perijodi tat-trasport bit-triq għandha tiġi evalwata skont it-tul ta’ żmien tat-trasport b’bastiment roll-on/roll-off, jiġifieri jekk it-tul ta’ żmien ta’ dak it-trasport jilħaqx jew le dak previst fil-punt 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628.
33. Diġà indikajt li t-trasport b’bastiment roll-on/roll-off, minkejja l-kwalifikazzjoni tiegħu bħala trasport bil-baħar, għandu karatteristiċi partikolari. Dawk il-karatteristiċi ġew rikonoxxuti mil-leġiżlatur Komunitarju fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, b’mod partikolari fil-punt 48.7(b) tal-anness tagħha. F’dan ir-rigward, ir-referenza li ssir fl-aħħar ta’ dik id-dispożizzjoni għall-iskema ġenerali tal-punti 48.2 sa 48.4 ta’ imsemmi anness timplika li, għall-kuntrarju tar-regoli applikabbli għat-trasport bil-baħar b’mod ġenerali [punt 48.7(a)], il-perijodu massimu ta’ trasport ta’ 28 siegħa previst fil-punt 48.4(d) tal-istess anness isir applikabbli fil-każ ta’ trasport ta’ annimali tal-ifrat b’bastiment roll-on/roll-off. Madankollu għandu jiġi ppreċiżat li, matul it-trasport bil-baħar, il-perijodu ta’ mistrieħ imsemmi fl-imsemmi punt 48.4(d) ma jagħmilx sens. Effettivament, kemm fuq il-bastimenti-stalel kif ukoll fuq il-bastimenti roll-on/roll-off l-annimali jistgħu jkomplu jiġu misqija u/jew mitmugħa, fl-ewwel każ, minħabba kundizzjonijiet li jixbhu lil dawk ta’ stalla, u fit-tieni każ, minħabba l-eżistenza u l-ħarsien tad-dispożizzjonijiet tal-punt 26(iii) li jinsabu fil-Kapitolu I tal-Anness tad-Direttiva 91/628 li jippermettu li jiġu ggarantiti t-tisqija u t-tmigħ tal-annimali.
34. Isegwi li, meta jintalaħaq il-perijodu ta’ 28 siegħa ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off l-annimali għandhom jibbenefikaw, mal-wasla fil-port tad-destinazzjoni, minn perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa, b’mod konformi mal-imsemmi punt 48.7(b). F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li t-12-il siegħa previsti minn dik id-dispożizzjoni għandhom l-istess funzjoni ta’ “newtralizzazzjoni” tal-perijodi ta’ trasport effettwati qabel dak il-mistrieħ bħall-perijodu ta’ 24 siegħa previst fil-punt 48.5 tal-Anness tad-Direttiva 91/628 applikabbli għat-trasport bit-triq. Dan jimplika li, wara l-perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa wara t-trasport b’bastiment roll-on/roll-off għal perijodu ta’ 28 siegħa, jista’ jibda perijodu ġdid ta’ trasport.
35. Din l-interpretazzjoni tal-funzjoni tal-perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa hija kkonfermata, minn naħa waħda, mill-kliem tal-punt 48.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, li ma jagħmilx referenza għall-punt 48.5 ta’ dak l-anness u, min-naħa l-oħra, min-natura tat-trasport b’bastiment roll-on/roll-off li, kif diġà ġie spjegat qabel, joffri kundizzjonijiet kwalitattivi tal-ivjaġġar li jipproteġu b’mod aħjar is-saħħa tal-annimali minn dawk tat-trasport bit-triq.
36. Fil-każ fejn it-trasport b’bastiment roll-on/roll-off isir bejn żewġ perijodi ta’ trasport bit-triq, ipoteżi msemmija mill-qorti ta’ rinviju, il-konnessjoni bejn dawn tal-aħħar hija, fil-fehma tiegħi, ikkundizzjonata mit-tul ta’ żmien tat-trasport b’bastiment roll-on/roll-off.
37. Jekk it-tul ta’ żmien tat-trasport b’bastiment roll-on/roll-off jilħaq il-perijodu massimu ta’ 28 siegħa, il-perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa, li minnu għandhom jibbenefikaw l-annimali tal-ifrat, jinnewtralizza t-tul ta’ żmien ta’ kull mezz ta’ trasport preċedenti li jkun għadda qabel.
38. Jekk it-tul ta’ żmien tat-trasport b’bastiment roll-on/roll-off ma jilħaqx il-perijodu massimu ta’ 28 siegħa, iż-żewġ perijodi tat-trasport bit-triq għandhom ikunu konnessi, minħabba l-għan tad-Direttiva 91/628, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali matul it-trasport. Effettivament, jekk wieħed jargumenta, f’din is-sitwazzjoni u kif għamlet il-Kummissjoni, favur l-interpretazzjoni li l-perijodi ta’ trasport bit-triq mhumiex konnessi bejniethom dan ikun ifisser li jkun qed jiġi ttrattat b’mod iktar favorevoli perijodu ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off milli perijodu ta’ mistrieħ. B’hekk, għalkemm wara perijodu ta’ mistrieħ ta’ 20 siegħa, ippreċedut minn perijodu ta’ trasport bit-triq ta’ 14-il siegħa, il-perijodu ta’ trasport bit-triq suċċessiv ma jistax jaqbeż l-14-il siegħa, b’mod konformi mal-iskema ġenerali tal-punt 48.4(d) tal-Annes tal-imsemmija Direttiva, jekk jiġi ammess f’sitwazzjoni bħal din, li wara t-trasport b’bastiment roll-on/roll-off ta’ 20 siegħa jista’ jkun hemm perijodu ta’ trasport massimu ta’ 28 siegħa, mingħajr ma jiġi kkunsidrat it-tul ta’ żmien tat-trasport bit-triq li jkun seħħ qabel it-trasport bil-baħar, dan imur kontra l-għan tad-Direttiva 91/628 li kemm jista’ jkun jitnaqqas it-trasport tal-annimali għal distanzi twal u b’hekk li jiġi llimitat il-ħin ta’ dak it-trasport fl-interess tal-benesseri tagħhom. L-importanza ta’ dan il-għan barra minn hekk ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, ZVK(13), fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “trasport”, fis-sens tad-Direttiva 91/628.
39. L-interpretazzjoni li tagħmel konnessjoni bejn il-perijodi ta’ trasport bit-triq skont it-tul ta’ żmien tat-trasport b’bastiment roll-on/roll-off tiggarantixxi protezzjoni proporzjonata għall-annimali matul il-vjaġġ billi kemm jista’ jkun tillimita l-akkumulazzjoni ta’ perijodi twal ta’ trasport. Din l-interpretazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, konformi mal-għan li l-leġiżlatur Komunitarju ried jikseb, jiġifieri livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-annimali matul it-trasport tagħhom, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet kwalitattivi differenti li jikkaratterizzaw kull mezz ta’ trasport, b’mod li jiġu stabbiliti regoli adattati għal kull wieħed minn dawk il-mezzi, b’mod partikolari dawk relattivi għat-tul ta’ żmien tat-trasport.
40. Għalhekk,, fil-fehma tiegħi mhuwiex fonadat l-argument tal-Gvern Żvediż li, sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li jeżisti vjaġġ wieħed mhux interrott. Għalkemm għandu jiġi rikonoxxut li t-trasport isir permezz ta’ vjaġġ wieħed(14), dak il-vjaġġ madankollu hu kompost minn mezzi ta’ trasport differenti li huma suġġetti għal regoli differenti. Barra minn hekk, l-argument tal-Gvern Żvediż jidher li jintroduċi trattament diskriminatorju lejn ċerti mezzi ta’ trasport, f’dan il-każ it-trasport bil-baħar, u b’hekk imur kontra r-ratio tad-Direttiva 91/628.
41. Għaldaqstant, la nista’ naqbel mal-pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni li tgħid li l-perijodi ta’ trasport bit-triq qabel u wara l-perijodu ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off qatt m’huma konnessi, u lanqas ma’ dik tal-Gvern Żvediż li tgħid li dawk il-perijodi huma dejjem konnessi fi ħdan vjaġġ wieħed mhux interrott. Għall-kuntrarju, fil-fehma tiegħi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni parti tal-ewwel domanda li saret mill-qorti tar-rinviju għandha tkun fis-sens li l-konnessjoni bejn il-perijodu ta’ trasport bit-triq li jiġi qabel u dak li jiġi wara l-perijodu ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off tiddependi mill-kwistjoni jekk ikunx intlaħaq jew le l-perijodu massimu ta’ dak it-trasport skont il-punt 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, b’mod konformi mar-referenza magħmula fil-punt 48.7(b) ta’ dan l-anness.
42. L-analiżi magħmula hawn fuq u r-risposta li għadni kif tajt għall-ewwel domanda jippermettu wkoll, essenzjalment, li tiġi riżolta t-tieni domanda li saret mill-qorti tar-rinviju.
43. F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, wara trasport b’bastiment roll-on/roll-off li t-tul ta’ żmien tiegħu jkun jidher li jaqbeż l-14-il siegħa, jiġifieri l-perijodu massimu ta’ trasport previst fl-imsemmi punt 48.4(d), l-annimali għandhomx jibbenefikaw minn perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa skont l-imsemmi punt 48.7(b) jew jekk it-trasport bit-triq jistax iseħħ immedjatament wara li jinħattu għal perijodu massimu ta’ 28 siegħa.
44. Kif diġà indikajt qabel, wara trasport b’bastiment roll-on/roll-off li ma jiħux 28 siegħa, jista’ jibda perijodu ġdid ta’ trasport, iżda għandha tiġi kkunsidrata l-eżistenza eventwali ta’ perijodu ta’ trasport bit-triq li jippreċedi t-trasport b’bastiment roll-on/roll-off.
45. F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li t-trasport bit-triq li seħħ qabel it-trasport b’bastiment roll-on/roll-off ġie nnewtralizzat minn perijodu ta’ mistrieħ ta’ iktar minn 24 siegħa (b’mod konformi mal-punt 48.5 tal-Anness tad-Direttiva 91/628) u li l-problema li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-kwistjoni jekk, wara t-trasport b’bastiment roll-on/roll-off għal tul ta’ żmien allegatament eċċessiv (14-il siegħa u 30 minuta) jistax jibda perijodu ġdid ta’ trasport. Kif jirriżulta mill-analiżi tiegħi dwar l-ewwel domanda preliminari, it-trasport bit-triq jista’ jseħħ immedjatament wara l-wasla fil-port ta’ destinazzjoni ta’ bastiment roll-on/roll-off meta t-traġitt ma jkunx dam 28 siegħa. Barra minn hekk, ir-riżerva li jiena fformulajt preċedentement, li tirrigwarda n-neċessità li jiġu interkonnessi l-perijodi ta’ trasport bit-triq, m’hijiex relevanti fil-kawża prinċipali minħabba n-newtralizzazzjoni tal-perijodu ta’ trasport bit-triq li ppreċeda t-trasport b’bastiment roll-on/roll-off.
46. Għandi ngħid ukoll, għal kull bon fini, li l-alternattiva msemmija mill-qorti tar-rinviju li tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa wara perijodu ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off ta’ 14-il siegħa għandha tiġi respinta mhux biss minħabba r-raġuni li għadha kif issemmiet, iżda wkoll għal raġunijiet oħrajn relatati mal-interpretazzjoni sistematika tad-Direttiva 91/628. B’mod partikolari, dik l-interpretazzjoni tittratta b’mod iktar favorevoli t-trasport bit-triq għal perijodu ta’ 14-il siegħa, li, skont il-punt 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, għandu jiġi segwit biss b’perijodu ta’ mistrieħ “ta’ mill-inqas siegħa”, meta mqabbel mat-trasport b’bastiment roll-on/roll-off, li għandu jiġi segwit b’perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa, minkejja li dan l-aħħar mezz ta’ trasport jassigura għall-annimali kundizzjonijiet kwalitattivi tal-ivjaġġar li jipproteġu saħħithom b’mod aħjar minn dawk tat-trasport bit-triq (15).
47. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li d-domandi preliminari jingħataw risposta fis-sens li, fl-ewwel lok, il-punt 48.7(a) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jirregola r-rekwiżiti essenzjali applikabbli għat-trasport bil-baħar, inkluż it-trasport b’bastiment roll-on/roll-off previst fil-punt 48.7(b) tal-imsemmi anness. Fit-tieni lok, il-konnessjoni bejn il-perijodu ta’ trasport bit-triq li jiġi qabel u dak li jiġi wara perijodu ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off tiddependi mill-kwistjoni jekk ikunx intlaħaq jew le l-perijodu massimu ta’ dak it-trasport stabbilit fil-punt 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, b’mod konformi mar-referenza magħmula fil-punt 48.7(b) tal-imsemmi anness. Għaldaqstant, meta t-tul ta’ żmien tat-trasport b’bastiment roll-on/roll-off ma jilħaqx il-perijodu massimu ta’ 28 siegħa, perijodu ta’ trasport bit-triq jista’ jibda immedjatament mal-wasla fil-port tad-destinazzjoni. Sabiex jiġi kkalkulat it-tul ta’ żmien ta’ dan il-perijodu b’mod konformi mad-Direttiva 91/628, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat it-tul ta’ żmien tal-perijodu tat-trasport bit-triq li jkun seħħ qabel dak tat-trasport b’bastiment roll-on/roll-off, ħlief jekk perijodu ta’ mistrieħ ta’ mhux inqas minn 24 siegħa, b’mod konformi mal-punt 48.5 tal-Anness tad-Direttiva 91/628, ikun innewtralizza l-perijodu ta’ trasport bit-triq li jkun seħħ qabel it-traġitt bil-baħar. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fil-kawża prinċipali, il-vjaġġ inkwistjoni ssodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq.
V – Konklużjoni
48. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula lilha mill-Finanzgericht Hamburg kif ġej:
“1) Il-punt 48.7(a) tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE tad-29 ta’ Ġunju 1995, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola r-rekwiżiti essenzjali applikabbli għat-trasport bil-baħar, inkluż it-trasport fuq rotta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità Ewropea permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, imsemmi fil-punt 48.7(b) tal-imsemmi anness.
2) Il-konnessjoni bejn il-perijodu ta’ trasport bit-triq li jiġi qabel u dak li jiġi wara perijodu ta’ trasport fuq rotta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità Ewropea permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali tiddependi mill-kwistjoni jekk ikunx intlaħaq jew le l-perijodu massimu ta’ dak it-trasport stabbilit fil-punt 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, kif emendata mid-Direttiva 95/29, b’mod konformi mar-referenza magħmula fil-punt 48.7(b) tal-istess anness.
Għaldaqstant, meta t-tul ta’ żmien tat-trasport fuq rotta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità Ewropea permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali ma jilħaqx il-perijodu massimu ta’ 28 siegħa, perijodu ta’ trasport bit-triq jista’ jibda immedjatament mal-wasla fil-port tad-destinazzjoni. Sabiex jiġi kkalkulat it-tul ta’ żmien ta’ dan il-perijodu b’mod konformi mad-Direttiva 91/628, kif emendata mid-Direttiva 95/29, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat it-tul ta’ żmien tal-perijodu tat-trasport bit-triq li jkun seħħ qabel it-trasport fuq rotta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità Ewropea permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, ħlief jekk perijodu ta’ mistrieħ ta’ mhux inqas minn 24 siegħa, b’mod konformi mal-punt 48.5 tal-Anness tal-imsemmija Direttiva, ikun innewtralizza l-perijodu ta’ trasport bit-triq li jkun seħħ qabel it-traġitt bil-baħar.
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fil-kawża prinċipali, il-vjaġġ inkwistjoni ssodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – ĠU L 340, p. 17.
3 – ĠU L 148, p. 52.
4 – ĠU L 160, p. 21.
5 – ĠU L 82, p. 19 [traduzzjoni mhux uffiċjali].
6 – ĠU L 148, p. 24 [traduzzjoni mhux uffiċjali].
7 – It-test tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament Nru 805/68 kien identiku għal dak tal-Artikolu 33(9) tar-Regolament Nru 1254/1999.
8 – ĠU L 93, p. 10.
9 – Ara l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 639/2003.
10 – Dawn jikkonsistu f’annimali tal-ifrat, bl-eċċezzjoni tal-għoġġiela.
11 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-28 ta’ Frar 2008 fil-kawża Schwaninger Martin (C-207/06), li tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (nota ta’ qiegħ il-paġna 7).
12 – Punt 26.
13 – C-300/05, Ġabra p. I-11169, punt 19.
14 – Infakkar li, skont l-Artikolu 2(g) tad-Direttiva 91/628, vjaġġ huwa ddefinit bħala t-“trasport mill-post tat-tluq sal-post tad-destinazzjoni”.
15 – Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Schwaninger Martin, iċċitati iktar ’il fuq (punti 31 sa 35).
Full & Egal Universal Law Academy