KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit-3 ta’ Lulju 20071(1)
Kawża C‑280/06
Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato
vs
Ente Tabacchi Italiani – ETI SpA et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja))
“Kompetizzjoni – Artikolu 81 KE – Akkordju dwar il-prezz tal-bejgħ ta’ sigaretti – Imputazzjoni ta’ responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ impriżi – Responsabbiltà personali – Kontinwità ekonomika – Referenza mid-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni għad-dritt Komunitarju”
I – Introduzzjoni
1. F’liema ċirkustanzi tista’ r-responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni mwettaq minn impriża li kienet preċedentement topera fis-suq rilevanti tiġi attribwita lis-suċċessur tagħha f’dak is-suq? Din hija essenzjalment id-domanda li l-Consiglio di Stato Taljan irrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti.
2. L-isfond għal din il-kawża huwa akkordju li influwenza l-prezzijiet bl-imnut fis-suq tas-sigaretti fl-Italja bejn l-1993 u l-2001 b’mod anti-kompetittiv u li ġie skopert mill-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni. L-Amministrazione Autonoma dei Monopoli di Stato (korp awtonomu li jamministra l-monopolji ta’ l-Istat) oriġinarjament kienet membru ta’ dan l-akkordju. Madankollu, b’effett minn Marzu 1999 l-attività ekonomika tagħha fis-settur tal-manufattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk, inkluż il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, ġiet akkwiżita mill-Ente Tabacchi Italiani li twaqqfet ġdida u li sussegwentement ġiet ipprivatizzata. Għandha issa - għall-inqas skond l-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni - tiġi attribwita lilha u ssanzjonata b’multa mhux biss il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju minn Marzu 1999 imma anki l-parteċipazzjoni preċedenti fl-akkordju ta’ l-Amministrazione Autonoma dei Monopoli di Stato.
3. Il-limiti ta’ tali imputazzjoni ta’ responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ impriża huma ta’ rilevanza prattika konsiderevoli għall-istruttura attwali taċ-ċessjoni, ristrutturazzjoni u privatizzazzjoni ta’ impriżi. Dan għaliex ir-riskji għal bejjiegħa u akkwirenti ta’ impriżi fir-rigward tar-responsabbiltà jiddependu fuq il-kriterji applikati mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni.
4. Il-kawża preżenti hija ta’ interess kbir minn lat ieħor ukoll. Id-deċiżjoni ta’ l-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni li timponi multa hija bbażata biss fuq id-dritt nazzjonali ta’ l-antitrust, imma din hija allineata mad-dritt Komunitarju, li l-interpretazzjoni tiegħu mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba fil-kawża preżenti. Jekk rinviju għal deċiżjoni preliminari jistax ikun ammissibbli f’ċirkustanzi bħal dawn huwa ta’ importanza kbira għal kooperazzjoni futura bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali fir-rigward tad-dritt ta’ l-antitrust, b’mod partikolari peress illi d-dritt nazzjonali u d-dritt Komunitarju f’dan il-qasam qegħdin kontinwament isiru iktar konnessi ma’ xulxin mill-qrib.
II – Il-kuntest ġuridiku
5. Il-kuntest tad-dritt Komunitarju ta’ din il-kawża huwa stabbilit mill-Artikoli 81 et seq. KE u 3(1)(g) KE. Fir-rigward tad-drittnazzjonali, wieħed għandu jirreferi min-naħa waħda għal dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan fil-qasam tal-kompetizzjoni, u min-naħa l-oħra għal xi dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-amministrazzjoni tal-monopolju Taljan tat-tabakk.
A – Id-dritt Taljan fil-qasam tal-kompetizzjoni
6. Safejn għandu x’jaqsam id-dritt Taljan fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Liġi Nru 287 ta’ l-10 ta’ Ottubru 1990 dwar l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tas-suq(2) hija rilevanti, u t-Titolu I tagħha fih b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
“Artikolu 1
(1) Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, adottati b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni bl-iskop li jiġi protett u ggarantit id-dritt għall-inizjattiva ekonomika, japplikaw għal akkordji, abbużi ta’ pożizzjoni dominanti u konċentrazzjonijjiet ta’ impriżi li ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 65 u/jew l-Artikolu 66 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Kommunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, ta’ l-Artikolu 85 u/jew Artikolu 86 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE), tar-Regolamenti tal-KEE, u ta’ atti tal-Komunità li għandhom l-istess effett fid-dritt.
[…]
(4) Id-dispożizzjonijiet f’dan it-Titolu għandhom jiġu interpretati fuq il-bażi tal-prinċipji tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.
Artikolu 2
1) Il-ftehim u/jew il-prattiċi miftiehma bejn impriżi, kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ konsorzji, assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u ta’ korpi oħra simili, anke jekk adottati abbażi ta’ dispożizzjonijiet statutorji jew regolamentari huma kkunsidrati bħala akkordji.
(2) Dawn li ġejjin għandhom ikunu projbiti, jiġifieri l-akkordji bejn impriżi li għandhom bħala l-għan jew l-effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq nazzjonali jew f’parti sinjifikanti minn dak is-suq fuq bażi permanenti u b’mod partikolari dawk li jinvolvu
a) l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kundizzjonijiet oħra tan-negozju;
b) il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni, il-fatturat, l-aċċess għas-suq, l-investiment, l-iżvilupp tekniku jew il-progress teknoloġiku ;
c) it-tqassim tas-swieq jew it-tqassim ta’ fonti ta’ provvista;
d) l-applikazzjoni, fir-rapporti kummerċjali ma’ partijiet oħra, ta’ kundizzjonijiet oġġettivament differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti, li b’hekk jiġu mqiegħda b’mod inġustifikat fi żvantaġġ kompetittiv;
e) is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratti għall-aċċettazzjoni mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta’ dawn il-kuntratti;
(3) L-akkordji pprojbiti huma nulli għall-għanijiet kollha”.
7. It-Titolu II tal-Liġi Nru 287/90 jipprovdi għat-twaqqif ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, bażikament l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (iktar ’il quddiem l-“Autorità Garante”), li hija mogħtija s-setgħat segwenti mill-Artikolu 15(1) ta’ din il-liġi:
“Jekk […] l-Awtorità tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur ta’ l-Artikoli 2 jew 3, din għandha tistabbilixxi terminu għall-impriżi u l-entitajiet ikkonċernati sabiex iwaqqfu dawn il-ksur. F’każ ta’ ksur serju, tenut kont tal-gravità u d-dewmien tiegħu, din tista’ timponi wkoll sanzjoni pekunjarja amministrattiva li tista’ tlaħħaq sa 10 % tal-fatturat magħmul minn kull impriża jew entità matul l-aħħar sena ta’ kontabbiltà ta’ qabel id-data ta’ notifika ta’ l-intimazzjoni, u għandha tiffissa t-termini ta’ żmien li matulhom l-impriża għandha tħallas is-sanzjoni”
8. It-Titolu VI tal-Liġi Nru 287/90 jinkludi wkoll l-Artikolu 31 li jipprovdi kif ġej:
“Is-sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi għall-ksur ta’ din il-liġi huma suġġetti, safejn huma applikabbli, għad-dispożizzjonijiet li jissemmew fil-Kapitolu I, taqsimiet I u II, tal-Liġi Nru 689 ta’ l-24 ta’ Novembru 1981”
B – Id-dispożizzjonijiet legali li jikkonċernaw l-amministrazzjoni tal-monopolju Taljan tat-tabakk
9. B’Dirgriet-Liġi Rjali(3) Nru 2258 tat-8 ta’ Diċembru 1927(4) ġiet imwaqqfa fl-Italja l-Amministrazzjoni Awtonoma tal-Monopolji ta’ l-Istat Amministrazione Autonoma dei Monopoli di Stato (l-“AAMS”). L-AAMS hija korp amministrattiv ta’ l-Istat, li għadu sal-lum suġġett għall-Ministeru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi(5).Fir-rigward kemm ta’ l-amministrazzjoni kif ukoll tal-funzjonijiet finanzjarji u ta’ kontabbiltà tagħha, din hija awtonoma, għalkemm m’għandhiex personalità ġuridika tagħha. Sa u inkluż Frar ta’ l-1999 l-AAMS kienet fdata, inter alia, bil-monopolju Taljan tat-tabakk.
10. Id-Digriet Legiżlattiv(6) Nru 283 tal-President tar-Repubblika tad-9 ta’ Lulju 1998(7) waqqaf entità ekonomika pubblika(8) bl-isem ta’ Ente Tabacchi Italiani (iktar ’il quddiem l-“ETI”). L-operazzjonijiet kollha ta’ manifatturazzjoni ta’ kkummerċjalizzazzjoni ta’ l-AAMS, bl-eċċezzjoni tal-lotteriji, kienu ttrasferiti lilha b’operazzjoni tal-liġi. L-ETI hija s-suċċessur fit-titolu ta’ l-AAMS fir-rigward tal-materji kollha ttrasferiti għal dawk li huma assi, passiv, drittijiet u propjetà(9). L-ETI bdiet l-operazzjonijiet tagħha fl-1 ta’ Marzu 1999.
11. L-ETI kienet inizjalment suġġetta għas-superviżjoni tal-Ministeru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi, li stabbilixxa linji gwida għall-operazzjonijiet tagħha, ħatar id-diretturi tagħha u kien jissorvelja d-deċiżjonijiet tagħha(10). Madanakollu, kif kien il-ħsieb sa mill-bidu nett(11), fit-23 ta’ Ġunju 2000 l-ETI ġiet ittrasformata f’kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata, jiġifieri Ente Tabacchi Italiani – ETI SpA [iktar ’il quddiem (“ETI”)]. Il-kapital ta’ din il-kumpannija kien inizjalment miżmum kompletament mill-Ministru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi. Finalment, fl-2003 ETI ġiet ipprivatizzata, u minn dakinhar ilha taħt il-kontroll esklużiv ta’ British American Tobacco plc, kumpannija possedenti stabbilita taħt id-dritt Inġliż, li hija propjetà tal-grupp BAT – British American Tobacco.
12. Rigward l-AAMS, mill-1 ta’ Marzu 1999 fis-settur tal-prodotti tat-tabakk din wettqet biss attivitajiet sovrani(12), u ma wettqet ebda attivitajiet ekonomiċi f’dan is-settur. B’kuntrast ma’ dan, skond l-informazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-AAMS baqgħet twettaq attivitajiet ekonomiċi lilhinn minn dik id-data fis-settur tal-logħob għall-flus u l-logħob ta’ l-azzard, u b’mod partikolari tal-lotteriji.
III – Il-fatti u l-kawża prinċipali
13. B’Deċiżjoni Nru 11795 tat-13 ta’ Marzu 2003(13) l-Autorità Garante sostniet li bejn l-1993 u l-2001 diversi kumpanniji fil-grupp Philip Morris(14) kienu kkonkludew akkordju l-ewwel ma’ l-AAMS u mbagħad ma’ ETI li kellu bħala għan u effett id-distorzjoni tal-kompetizzjoni b’mod permanenti fir-rigward tal-prezz bl-imnut tas-sigaretti fis-suq intern Taljan. L-Autorità Garante imponiet multi fuq il-parteċipanti ta’ l-akkordju għall-ksur ta’ l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tal-Liġi Nru 287/1990 li kienu jammontaw għal EUR 50 miljun għal Philip Morris u għal EUR 20 miljun għal ETI. Barra dan, l-Autorità Garante ordnat lill-parteċipanti ta’ l-akkordju jwaqqfu l-komportament offensiv.
14. Fid-deċiżjoni tagħha l-Autorità Garante attribwiet lil ETI l-parteċipazzjoni ta’ l-AAMS fl-akkordju qabel l-1 ta’ Marzu 1999, u ġġustifikat dan billi għamlet referenza għal waqfien ta’ l-AAMS mill-attività ekonomika fil-produzzjoni u l-kumerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk u għall-akkwist ta’ din l-attività ekonomika minn ETI.
15. Kemm Philip Morris kif ukoll ETI kkontestaw id-deċiżjoni ta’ l-Autorità Garante quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio – Roma(15) (iktar ’il quddiem it-“TAR”). Filwaqt li fil-prim’istanza l-kontestazzjonijiet ta’ Philip Morris ma rnexxewx, it-TAR laqa’ l-kontestazzjoni ta’ ETI sal-punt li r-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni mill-AAMS fl-akkordju ma kellhiex tiġi attribwita lilha. Dan kien ifisser li d-deċiżjoni ta’ l-Autorità Garante kienet ġiet maqluba in parti. F’dan ir-rigward it-TAR ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà personali skond l-Artikoli 1 u 7 tal-Liġi Nru 689/1981, li għalihom jagħmel referenza l-Artikolu 31, u spjega li l-istess prinċipju japplika wkoll fid-dritt Komunitarju. Il-kriterju ta’ kontinwità ekonomika oġġettiva seta’ jiġi applikat biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali definiti b’mod strett, li ma kinux jeżistu hawnhekk.
16. Wara li mhux biss ETI u Philip Morris imma anki l-Autorità Garante appellaw kontra d-deċiżjoni fil-prim’istanza, il-proeċedimenti tressqu quddiem il-Consiglio di Stato Taljan(16) (iktar ’il quddiem ukoll “ il-qorti tar-rinviju”) fil-kapaċità tiegħu bħala l-qorti amministrattiva suprema. Il-Consiglio di Stato diġà ċaħad l-ilmenti ta’ ETI u Philip Morris fir-rigward ta’ twettiq ta’ ksur tal-kompetizzjoni u issa qed jikkunsidra l-kwistjoni mqajma fl-appell ta’ l-Autorità Garante fir-rigward ta’ jekk ir-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni ta’ l-AAMS fl-akkordju tistax tiġi attribwita lil ETI għall-perijodu ta’ ’qabel ma ġiet inkorporata’.
IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
17. B’deċiżjoni ddatata t-8 ta’ Novembru 2005 li wasslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ġunju 2006 il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
“(a) X’inhu, skond l-Artikolu 81 KE et seq. u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, il-kriterju li għandu jiġi applikat biex tiġi stabbilita l-impriża li għandha tiġi ssanzjonata għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni meta, fil-kuntest ta’ komportament globalment issanzjonata l-aħħar parti ta’ dan il-komportament ġiet imwettqa minn impriża li ssuċċediet fil-qasam ekonomiku kkonċernat lill-impriża oriġinali u meta [din ta’ l-aħħar], għalkemm ma waqfitx milli teżisti, ma toperx iktar, għall-inqas fis-settur ekonomiku kkonċernat mis-sanzjoni, bħala impriża kummerċjali?
(b) Fid-determinazzjoni tal-persuna li għandha tiġi ssanzjonata, hija l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tar-regoli antitrust, li għandha tevalwa b’mod diskrezzjonali jekk jeżistux ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-imputazzjoni, lis-suċċessur ekonomiku, tar-responsabbiltà għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettqa mill-persuna ġuridika li hija ssuċċediet, anki meta din ta’ l-aħħar ma waqfitx milli teżisti fid-data tad-deċiżjoni, biex b’hekk l-effettività tar-regoli tal-kompetizzjoni ma tkunx kompromessa mit-tibdil magħmul lill-forma ġuridika ta’ l-impriżi?”
18. ETI, Philip Morris, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issottomettew osservazzjonijiet bil-miktub u orali lill-Qorti tal-Ġustizzja.
V – Analiżi
A – Ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari
19. Is-suġġett tal-kawża prinċipali quddiem il-qrati Taljani huwa deċiżjoni ta’ l-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni, l-Autorità Garante, f’kawża ta’ akkordju. Id-deċiżjoni hija bbażata biss fuq id-dritt nazzjonali ta’ l-antitrust, speċifikament il-Liġi Nru 287/1990. Hija u tevalwa l-legalità tagħha il-qorti tar-rinviju madanakollu tqis li huwa neċessarju li jiġi interpretat id-dritt Komunitarju tal-kompetezzjoni. F’dan ir-rigward hija tagħmel referenza għall-Artikolu 1(4) tal-Liġi Nru 287/1990, skond liema l-prinċipji tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jiffurmaw il-bażi għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijet tat-Titolu I ta’ din il-liġi, fi kliem ieħor, dawn huma rilevanti wkoll għad-dritt nazzjonali.
20. F’dawk iċ-ċirkustanzi huwa meħtieġ li jsiru ċerti rimarki dwar l-ammissibbiltà tad-domandi rrinvjati, partikolarment fir-rigward ta’ jekk humiex rilevanti għad-deċiżjoni li għandha tittieħed.
1. Rimarki introduttivi
21. Il-fatt waħdu li fil-kawża preżenti d-dritt Komunitarju huwa rilevanti biss għaliex issir referenza għalih mid-dritt nazzjonali ma jfissirx li d-domandi rrinvjati mill-Consiglio di Stato mhumiex rilevanti għad-deċiżjoni jew li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni biex tweġibhom.
22. Skond ġurisprudenza kostanti, li tmur lura għas-sentenza f’Dzodzi (’il-ġurisprudenza Dzodzi’)(17), la d-diċitura ta’ l-Artikolu 234 KE u lanqas l-għan tal-proċedura preliminari ma jipprekludu li jiġu mwieġba domandi rrinvjati dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji li għalihom jagħmel referenza d-dritt nazzjonali sabiex jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal sitwazzjoni purament interna għal dak l-Istat.
23. Għal kuntrarju, kif ġie ripetutament irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa manifestament fl-interess tas-sistema ġuridika Komunitarja li, sabiex jiġu evitati differenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur, kull dispożizzjoni Komunitarja għandha tingħata interpretazzjoni uniformi irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom għandha tiġi applikata(18).
24. Fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni dan l-interess f’interpretazzjoni u applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet fuq livell Komunitarju li jkunu kemm jista’ jkun uniformi huwa partikolarment b’saħħtu(19), għaliex f’dan il-qasam id-dritt nazzjonali huwa ta’ spiss orjentat lejn id-dritt Komunitarju. Dan ma sarx sempliċement hekk mad-dħul fis-seħħ ta’ Regolament (KE) Nru 1/2003(20), li ħoloq interazzjoni partikolarment mill-qrib bejn id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni u d-dritt Komunitarju. Anki qabel dan, jiġifieri fiż-żmien meta ir-Regolament Nru 17 kien għadu japplika(21), id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ diversi Stati Membri kien orjentat lejn id-dritt Komunitarju anki fl-applikazzjoni tiegħu għal sitwazzjonijiet purament interni. Dan ta’ l-aħħar japplika mhux l-inqas għal-Liġi Taljana Nru 287/1990, li hija applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali.
25. F’dan l-isfond il-koperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali fil-kamp tad-dritt tal-kompetizzjoni għandha valur partikolari. Din tikkontribwixxi għall-iktar grad għoli possibbli ta’ ċertezza legali u għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jkunu paragunabbli għall-parteċipanti ekonomiċi kollha li għalihom japplika d-dritt Komunitarju, kemm jekk direttament jew indirettament.
26. Madanakollu, fil-kawża preżenti l-Kummissjoni tesprimi dubji rigward l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Għal diversi raġunijiet hija tqis il-ġurisprudenza Dzodzi bħala irrilevanti għall-kawża preżenti.
27. Jien ngħid mill-ewwel li l-ebda waħda mill-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni ma tipperswadini. Il-Kummissjoni tintilef lilha nnifisha fid-dettalji tad-dispożizzjonijiet Taljani u hija u tagħmel dan tinsa li fil-proċedura preliminari mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dritt nazzjonali(22). Hija tinjora wkoll il-fatt li fil-kuntest fattwali u leġiżlattiv li l-qorti nazzjonali hija responsabbli li tiddefinixxi u li l-akkuratezza tiegħu mhijiex kwistjoni li din il-Qorti għandha tiddetermina, id-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jgawdu preżunzjoni ta’ rilevanza(23). Jekk id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, obbligata tagħti risposta(24).
28. F’dan li ġej jiena ser nikkunsidra kull waħda mill-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni fid-dettall.
2. L-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-ammissibbiltà
29. Il-Kummissjoni qajjmet total ta’ erba’ motivi rigward l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Consiglio di Stato. L-ewwel nett, hija kienet tal-fehma li d-dispożizzjonijiet Taljani applikabbli ma kien fihom ebda referenza għad-dritt Komunitarju. It-tieni nett, hija ssottomettiet li kull ħaġa li setgħet kienet ta’ referenza ma kinitx f’kull każ inkondizzjonali jew vinkolanti. It-tielet, nett il-Kummissjoni ma kinitx taħseb li hemm xi interess fl-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju. Ir-raba’ nett, hija bbażat ruħha fuq in-nuqqas ta’ rekwiżiti tad-dritt Komunitarju.
a) L-ewwel motiv: l-ebda referenza għad-dritt Komunitarju
30. Bl-ewwel motiv tagħha il-Kummissjoni ssottomettiet li f’każijiet bħal dan preżenti d-dritt Taljan bl-ebda mod ma rrefera għad-dritt Komunitarju. It-Titolu I biss tal-Liġi Nru 287/1990 kellu jkun interpretat skond id-dritt Komunitarju. Madanakollu, il-kawża preżenti ma kinitx tikkonċerna bl-ebda mod id-dispożizzjonijiet sostantivi tat-Titolu 1, imma d-dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet fit-Titoli II u VI tal-Liġi Nru 287/1990, għaliex kienet tikkonċerna biss l-‛imputazzjoni tal-multa’ lil persuna fiżika jew ġuridika speċifika. F’dan ir-rigward id-dritt Taljan ma kienx orjentat lejn id-dritt Komunitarju. Konsegwentement id-dritt nazzjonali biss kellu jiddetermina l-kwistjoni .
31. Dan l-argument ma jikkonvinċinix. Kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni tidher li qed tassumi, bl-ebda mod m’huwa ovvju li f’każijiet ta’ suċċessjoni ta’ impriżi l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur ta-kompetizzjoni taqa’ esklużivament fi ħdan il-qafas tad-dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet u tista’ tiġi ddeterminata mingħajr ma jingħata qies għad-dispożizzjonijiet sostantivi dwar il-kompetizzjoni u għall-kunċett ta’ impriża. Għalhekk, per eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-kwistjoni ta’ l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni mhux biss fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar sanzjonijiet finanzjarji (l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, issa l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003), imma anki fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ l-Artikolu 81 KE(25), fejn jista’ jintlagħab rwol importanti mhux l-inqas mill-kriterju tal-kontiwità jew ta’ l-identità ekonomika ta’ l-impriża(26).
32. Jekk il-Consiglio di Stato jixtieq jieħu approċċ komparabbli fil-kuntest tad-dritt nazzjonali Taljan tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiċħad dan bħala ovvjament żbaljat mingħajr ma tikkontradixxi l-ġurisprudenza tagħha stess.
33. Verament, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċidi li t-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Consiglio di Stato hija inammissibbli jekk kien ovvju li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma kellha ebda relazzjoni mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew ma’ l-għan tagħha(27). Għalhekk, li kieku kien ċar li fir-rigward ta’ każijiet bħal din preżenti d-dritt Taljan ma orjentax ruħu mad-dritt Komunitarju, id-domandi rrinvjati lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju kien ikun imiss li jiġu miċħuda abbażi ta’ l-irrilevanza għad-deċiżjoni(28).
34. Madanakollu, dan definittivament mhuwiex il-każ hawnhekk. Fir-rinviju tiegħu għal deċiżjoni preliminari l-Consiglio di Stato jipproċedi fuq il-premessa li t-Titolu 1 tal-Liġi Nru 287/1990, inkluż ir-referenza għad-dritt Komunitarju, huwa rilevanti għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali(29). Din il-konstatazzjoni fir-rigward tal-qafas legali nazzjonali, u xejn iktar, torbot lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-għanijiet tal-proċedura preliminari.
35. Kif intqal iktar ’il fuq, fi ħdan il-qafas tal-proċedura preliminari, ma jmissx lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel konstatazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni tagħhom mill-qorti nazzjonali hijiex korretta(30). B’mod partikolari, f’każ bħal dan preżenti jmiss biss lill-qorti nazzjonali tevalwa l-għan preċiż tar-referenza fid-dritt nazzjonali għad-dritt Komunitarju; fit-tweġiba tagħha lill-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni l-iskema ġenerali tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li, filwaqt li jirreferu għad-dritt Komunitarju, jiddefinixxu l-estent ta’ dik ir-referenza(31).
36. Konsegwentement, l-ewwel oġġezzjoni tal-Kummissjoni mhijiex sostenibbli.
b) It-tieni oġġezzjoni: nuqqas ta’ referenza inkondizzjonali u vinkolanti għad-dritt Komunitarju
37. Bit-tieni oggezzjoni tagħha l-Kummissjoni sostniet li anki jekk applikabbli r-referenza għad-dritt Komunitarju fl-Artikolu 1(4) tal-Liġi Nru 287/1990 ma kinitx diretta u inkondizzjonali; barra dan, f’dan il-qasam l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx vinkolanti għall-qrati nazzjonali. Għal din ir-raġuni, bħal fi Kleinwort Benson(32) it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża preżenti kienet inammissibbli.
38. Din is-sottomissjoni bl-istess mod mhijiex konvinċenti.
39. B’mod speċifiku, mis-sentenza f’Kleinwort Benson jirriżulta li l-punt deċisiv huwa jekk il-leġiżlatura nazzjonali għamlitx distinzjoni bejn sitwazzjonijiet purament nazzjonali u sitwazzjonijiet irregolati bid-dritt Komunitarju, jew tippruvax tittratta ż-żewġ kategoriji ta’ sitwazzjonijiet bl-istess mod u għalhekk torjenta ruħha billi tagħmel referenza għad-dritt Komunitarju fir-rigward tat-tnejn(33). F’dan il-kuntest huwa rrilevanti jekk id-dritt nazzjonali espressament jew sempliċement b’mod impliċitu jagħmilx referenza għad-dritt Komunitarju; minflok, dak li huwa deċisiv huwa l-orjentazzjoni fis-sustanza għad-dritt Komunitarju(34).
40. Safejn wieħed jista’ jara, il-leġiżlatura Taljana m’għamlet ebda distinzjoni bejn sitwazzjonijiet purament nazzjonali u dawk irregolati mid-dritt Komunitarju. Ir-referenza fl-Artikolu 1(4) tal-Liġi Nru 287/1990 għad-dritt Komunitarju tapplika fiż-żewġ każijiet. Dan minnu nnifsu jindika li d-domandi rrinvjati mill-Consiglio di Stato huma ammissibbli abbażi tal-ġurisprudenza Dzodzi, inkluża s-sentenza f’Kleinwort Benson.
41. Barra minn dan, kuntrarju għall-fehma tal-Kummissjoni l-kawża preżenti mhijiex bl-ebda mod komparabbli ma’ Kleinwort Benson.
42. Fl-ewwel lok, f’Kleinwort Benson il-leġiżlatura nazzjonali limitat ruħha sempliċement li tuża d-dritt Ewropew (il-Konvenzjoni ta’ Brussell) parzjalment biss bħala mudell, u rrepetiet il-kliem tiegħu biss in parti. Il-liġi nazzjonali kienet ibbażata fuq id-dritt Ewropew, imma ma kien fiha ebda referenza diretta u inkondizzjonali għalih, u minflok anki ppermettiet espressament diverġenzi minnu, kif ukoll emendi “intiżi sabiex jipproduċu diverġenza”(35).
43. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 1(4) tal-Liġi Nru 287/1990, ebda dispożizzjoni bħal din ma tidher hawnhekk. Minflok, id-dispożizzjoni fiha referenza espressa għall-“prinċipji stabbiliti fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni”. Fi kwalsiasi każ, la d-diċitura ta’ din id-dispożizzjoni, la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas id-dokumenti ppreżentati ma jindikaw li din ir-referenza għad-dritt Komunitarju hija suġġetta għal xi kundizzjoni.
44. It-tieni, skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli f’Kleinwort Benson fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali l-qrati nazzjonali kienu meħtieġa biss “iqisu” l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr mhuma attwalment marbutin biha(36).
45. Kuntrarju għall-fehma tal-Kummissjoni, fil-kawża preżenti bl-istess mod ma jista’ jkun hemm ebda suġġeriment li m’hemm obbligu bħal dan fuq il-qrati nazzjonali: id-dispożizzjonijiet fit-Titolu I tal-Liġi Nru 287/1990 “għandhom jiġu interpretati skond il.-prinċipji stabbiliti fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni’ (Artikolu 1(4) tal-Liġi Nru 287/1990). La d-diċitura ta’ din id-dispożizzjoni, la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas id-dokumenti ppreżentati ma jindikaw li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex vinkolanti fil-kuntest ta’ interpretazzjoni bħal din(37).
46. Il-Kummissjoni nnifisha ma tipprovdi ebda element wieħed ta’ prova għall-asserzjoni tagħha li għal dawk li japplikaw il-liġi fl-Italja d-dritt Komunitarju huwa sempliċement wieħed minn numru ta’ elementi li għandhom jiġu kkunsidrati fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali. Il-parteċipanti l-oħrajn kollha fil-proċeduri orali enfasizzaw li f’kawża bħal dik preżenti l-qrati Taljani kienu marbuta bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
47. Fl-aħħar nett, dak li huwa fi kwalunkwe każ deċisiv huwa jekk it-tweġiba għad-domandi rrinvjati tistax tkun utli għall-qorti nazzjonali jew le. Dan għaliex il-proċedura preliminari skond l-Artikolu 234 KE hija strument ta’ koperazzjoni ġudizzjarja, permezz ta’ liema l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali b’punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għalihom fl-evalwazzjoni ta’ l-effetti ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali in kwistjoni fil-kwistjonijiet quddiemhom(38). Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ għajnuna, il-qorti nazzjonali għandha marġini ta’ diskrezzjoni(39).
48. Abbażi ta’ dan, it-tieni oġġezzjoni tal-Kummissjoni bl-istess mod ma treġġix
c) It-tielet oġġezzjoni: nuqqas ta’ interess fl-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju
49. Bit-tielet oġġezzjoni tagħha l-Kummissjoni ssottomettiet li fil-kawża preżenti, b’kuntrast mal-kawżi Bronner(40)u Asnef-Equifax(41) – ma kien hemm ebda interess fl-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, ’il għaliex fi kwalunkwe każ dan ma setax jiġi applikat parallelament mad-dritt nazzjonali.
50. Anki dan l-argument mhuwiex konvinċenti. Il-Kummissjoni tonqos milli tirrikonoxxi li l-ġurisprudenza Dzodzi mhijiex limitata għal kawżi li fihom id-dritt Komunitarju u d-dritt nazzjonali, kif jista’ jkun il-każ, jistgħu jkunu applikabbli ħdejn xulxin.
51. Ċertament, aktar minn kull qasam ieħor id-dritt ta’ l-antitust huwa kkaratterizzat bil-fatt li ta’ spiss kemm dispożizzjonijiet nazzjonali u d-dritt Komunitarju jistgħu jkunu applikabbli għall-istess serje ta’ fatti(42). Dan huwa dejjem il-każ fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ l-antitrust u tad-dritt Komunitarju ta’ l-antitrust jintrikkbu u b’hekk fejn ftehim bejn impiriżi huma koperti mhux biss bid-dritt nazzjonali ta’ l-antitrust imma anki bl-Artikolu 81 KE, partikolarment għax jistgħu joħolqu distorsjoni fil-kummerċ bejn Stati Membri fi ħdan it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni. Anki qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 1/2003, f’każijiet bħal dawn l-interess fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kien partikolarment ovvju(43).
52. Imma bl-ebda mod ma jsegwi minn dan li huwa biss fejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u tad-dritt Komunitarju jistgħu jiġu applikati parallelament li hemm interess fit-tweġiba għat-talba għal deċiżjoni preliminari fi ħdan it-tifsira tal-ġurisprudenza Dzodzi. Għal kuntrarju, din il-ġurisprudenza sa llum ikkonċernat prinċipalment każijiet li fihom id-dritt Komunitarju ma kienx applikabbbli bħala tali u fejn, għaldaqstant, ma jista’ jkun hemm l-ebda suġġeriment li d-dritt Komunitarju u d-dritt nazzjjonali jiġu applikati parallelament(44).
53. Anki fid-dritt tal-kompetizzjoni l-interess fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju mhuwiex limitata biss għal każijiet li fihom id-dritt Komunitarju u d-dritt nazzjonali japplikaw parallelament, peress illi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ wieħed u ta’ l-ieħor huwa miftuħ. Il-leġiżlatura ta’ ħafna mill-Istati Membri torjenta ruħha lejn dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt Komunitarju anki għal sitwazzjonijiet purament nazzjonali li jaqgħu esklużivament fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali, biex b’hekk ta’ l-ewwel japplika indirettament. Din it-tendenza ma ġietx osservata biss mid-dħul fis-seħħ ta’ Regolament Nru 1/2003, li għadu mhuwiex applikabbli għall-kawża preżenti. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan tal-kompetizzjoni in kwistjoni fil-kawża preżenti, li jiddattaw diġà għall-1990, juru b’mod ċar li diġà minn ħafna qabel, tali orjentazzjoni sostantiva lejn id-dritt Komunitarju kienet ipprattikata.
54. Indipendentement minn jekk id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni japplikax parallelament mad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni jew jekk huwiex rilevanti għal sitwazzjonijiet purament nazzjonali b’modindirett biss permezz ta’ referenza fid-dritt nazzjonali ta’ l-antitrust, dan għandu jiġi interperat u applikat b’mod uniformi, biex jinkisbu grad ta’ ċertezza legali kemm jista’ jkun possibbli għoli u kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni komparabbli għal parteċipanti kollha fis-suq li għalihom japplika d-dritt Komunitarju, kemm jekk direttament kif ukoll indirettament. Li dan jiġi żgurat huwa wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-proċedura preliminari taħt l-Artikolu 234 KE f’kawżi li għandhom x’jaqsmu mad-dritt tal-kompetizzjoni.
55. Konsegwentement, f’kawżi dwar id-dritt tal-kompetizzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja wkoll tqis talbiet għal deċiżjonijiet preliminari bħala ammissibbli mhux biss fejn jidher possibbli li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u d-dritt nazzjonali ta’ l-antitrust huma applikabbli parallelament(45), imma anki fejn id-dritt nazzjonali biss huwa applikabbli u d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni huwa rilevanti b’mod indirett biss, permezz ta’ referenza fid-dritt nazzjonali(46).
56. Konsegwentement, anki t-tielet oġġezzjoni tal-Kummissjoni mhijiex sostenibbli.
d) Ir-raba’ oġġezzjoni: nuqqas ta’ rekwiżiti tad-dritt Komunitarju
57. Ir-raba’ u l-aħħar oġġezzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, speċifikament ir-raba’ subinċiż tiegħu. Minn din id-dispożizzjoni jidher li fi proċeduri ta’ antitrust l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom dejjem jimponu s-sanzjonijiet previsti fil-liġijiet nazzjonali rilevanti, anki fejn japplikaw id-dritt Komunitarju (Artikolu 81 KE). Minn dan il-Kummissjoni inferit li d-dritt Komunitarju ma stipulax xi rekwiżiti fir-rigward ta’ każ bħal dan preżenti, li kien jikkonċerna biss l-“attribuzzjoni [imputazzjoni] tas-sanzjoni”. Għal dik ir-raġuni ma kien hemm l-ebda interess fl-interpretazzjoni tiegħu.
58. Din il-fehma mhijiex konvinċenti. Dan għaliex, kif diġà issemma’(47), m’huwa bl-ebda mod ovvju li f’każijiet ta’ suċċessjoni ta’ impriżi l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni hija kwistjoni li tirrigwarda esklużivament id-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet u jistgħu jiġu evalwati mingħajr ma ssir referenza għad-dispożizzjonijiet sostantivi tad-dritt tal-kompetizzjoni.
59. Il-kawża preżenti ma tikkonċernax prinċipalment il-fatt dwar jekk jistgħux jiġu applikati sanzjonijiet tad-dritt kriminali jew tad-dritt amministrattiv u jekk sanzjonijiet bħal dawn jistgħux, skond il-każ, jiġu imposti fuq persuni fiżiċi bħad-diretturi ta’ impriżi li jipparteċipaw fl-akkordju. Minflok, dak li għandu jiġi stabbilit huwa jekk impriża tistax tinżamm b’xi mod responsabbli għal ksur tal-kompetizzjoni mwettaq minn impriża oħra f’perijodu partikolari. Kuntrarju għal dak li taħseb il-Kummissjoni, din il-problema ma tistax tiġi ridotta għas-sempliċi “attribuzzjoni tas-sanzjoni”, imma tikkonċerna l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur tal-kompetizzjoni fit-totalità tagħha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tevalwax din id-domanda esklużivament in konnessjoni mad-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet imma anki fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ l-Artikolu 81 KE(48).
60. Madanakollu, r-raba’ subinċiż ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament 1/2003 jindika biss liema dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet awtorità nazzjonali tista’ tapplika fi proċeduri dwar il-kompetizzjoni li hija twettaq. Min dan isegwi li din id-dispożizzjoni ma tippermettix konklużjonijiet ċari fir-rigward tar-rispsota għad-domanda li tqum fil-kawża preżenti dwar l-imputazzjoni ta’ responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ impriża.
61. Konsegwentement din l-oġġezzjoni wkoll għandha tiġi miċħuda.
3. Rimarki finali dwar l-ammissibbiltà
62. Għandu jiġi osservat għas-sens ta’ kompletezza, li m’hemm xejn fis-sentenza f’Ynos(49) li jżomm milli tiġi applikata l-ġurisprudenza Dzodzi għall-kawża preżenti.
63. F’Ynos il-Qorti tal-Ġustizzja ma abbandunatx il-ġurisprudenza Dzodzi. Minflok, irrifjutat il-ġurisdizzjoni biex twieġeb rinviju għal deċiżjoni preliminari għaliex il-fatti f’dik il-kawża ġraw qabel l-adeżjoni ta’ l-Istat Membru in kwistjoni ma’ l-Unjoni Ewropea, jiġifieri barra mill-kamp ta’ applikazzjoni temporali tad-dritt Komunitarju(50). Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis ruħha li għandha ġurisdizzjoni biex tinterpreta d-dritt Komunitarju fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tiegħu fi Stat Membru ġdid imma biss miż-żmien ta’ l-adeżjoni(51).
4. Konklużjoni provviżorja
64. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nikkonkludi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.
B – Analiżi sostantiva tad-domandi rrinvjati
65. Biż-żewġ domandi tagħha l-qorti nazzjonali tistaqsi essenzjalment dwar iċ-ċirkustanzi li fihom id-dritt Komunitarju jippermetti l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni lis-suċċessur ekonomiku tal parteċipant fl-akkordju(52) (l-ewwel domanda) u jekk l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhomx diskrezzjoni rigward imputazzjoni bħal din (it-tieni domanda).
66. Fir-rigward tal-kawża prinċipali, din tiddetermina jekk l-Autorità Garante kinitx korretta tattribwixxi lil ETI l-parteċipazzjoni mill-AAMS fl-akkordju, jew jekk kien imissha minflok żammet lill-AAMS u ETI separatament responsabbli, u biss għat-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom fl-akkordju. Filwaqt li l-Gvern Taljan argumenta favur l-imputazzjoni lil ETI, mhux biss ETI nnifisha imma anki Philip Morris u l-Kummissjoni ħadu l-pożizzjoni opposta.
1. Il-kriterji għall-imputazzjoni ta’ responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni (l-ewwel domanda)
67. L-ewwel domanda tal-Consiglio di Stato tikkonċerna l-kriterji għal imputazzjoni ta’ responsabbiltà għal ksur tal-kompetezzjoni fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ impriża.
68. Il-problema fundamentali ta’ l-imputazzjoni ta’ responsabbiltà għal ksur tal-kompetezzjoni hija bbażata fuq il-fatt li dawk li lilhom huma indirizzati r-regoli tal-kompetizzjoni u dawk li lilhom huma indirizzati d-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni mhumiex neċessarjament l-istess.
69. B’mod speċifiku, filwaqt li r-regoli tal-kompetizzjoni huma diretti lejn impriżi u japplikaw fir-rigward tagħhom direttament irrispettivament minn kif huma organizzati u n-natura ġuridika tagħhom, deċiżjonijiet mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li jissanzjonaw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jistgħu jiġu diretti biss lil persuni, mhux l-inqas minħabba l-fatt li tali deċiżjonijiet iridu jiġu nfurzati(53). Għal din ir-raġuni, f’kull każ fejn awtorità tal-kompetizzjoni tissanzjona ksur tal-kompetizzjoni tqum id-domanda dwar l-imputazzjoni ta’ dak il-komportament lil persuna speċifika(54).
a) Responsabbiltà personali u kontinwità ekonomika
70. Fl-għażla ta’ kriterji għal imputazzjoni ta’ ksur, kemm in-natura sanzjonattiva tal-miżuri imposti kif ukoll l-għan tagħhom iridu jittieħdu in kunsiderazzjoni. Il-miżuri jservu għall-infurzar effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni sabiex jiġu evitati distorzjonijiet tal-kompetizzjoni (Artikolu 3(1)(g) KE); għalhekk, dawn huma intiżi biex iservu sabiex jiskoraġġixxu lil operaturi ekonomiċi milli jwettqu ksur tal-kompetizzjoni(55).
– Il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali
71. Il-konsegwenza tan-natura sanzjonattiva ta’ miżuri imposti mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni biex jissanzjonaw ksur tal-kompetizzjoni – b’mod partikolari multi – hija li dan il-qasam huwa għall-inqas viċin tad-dritt kriminali. Għalhekk, dak li huwa deċiżiv għall-imputazzjoni ta’ responabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni huwa l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali(56), li huwa bbażat fuq ir-regola tal-liġi u l-prinċipju ta’ tort. Responsabbiltà personali tfisser li fil-prinċipju r-responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni għandha tiġi attribwita lill-persuni fiżika jew ġuridika li toperaw l-impriża li tipparteċipa fl-akkordju; (57) fi kliem ieħor il-prinċipal ta’ l-impriża huwa responsabbli.
72. It-teħid tar-responsabbiltà personali bħala punt ta’ referenza normalment isaħħaħ l-infurzar effettiv tad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni, meta jiġi kkunsidrat li l-persuna li tmexxi l-impriża għandha wkoll influwenza deċiżiva fuq il-komportament tagħha fis-suq; il-pressjoni tal-multi imposti għandha twassalha tbiddel il-komportament tagħha, b’tali mod li fil-futur l-impriża topera b’mod konformi mad-dritt tal-kompetizzjoni. Fl-istess ħin is-sanzjoni għandha effett deterrenti ġenerali peress li sservi wkoll sabiex tiskoraġġixxi lil parteċipanti ekonomiċi oħrajn milli jikkommettu ksur tal-kompetizzjoni.
73. Ċertament, riorganizzazzjonijiet, ċessjonijiet ta’ impriżi u tibdil ieħor jistgħu jwasslu għas-sitwazzjoni li fiha fiż-żmien li ksur ta’ kontra l-kompetizzjoni huwa ssanzjonat il-persuna li tmexxi impriża li pparteċipat fl-akkordju mhijiex il-persuna li mexxiet l-impriża fi żmien tal-ksur. F’dak ix-xenarju jirriżulta mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali li fil-prinċipju l-ksur tal-kompetizzjoni għandu jiġi attribwit lill-persuna fiżika jew ġuridika li mexxiet l-impriża fiż-żmien tal-ksur (operatur oriġinali), anki jekk fiż-żmien tad-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni persuna differenti hija responsabbli għall-operazzjoni tagħha (operatur ġdid)(58); jekk l-impriża kompliet il-ksur taħt ir-responsabbiltà ta’ l-operatur il-ġdid, il-ksur tal-kompetizzjoni għandu jiġi attribwit lill-operatur il-ġdid biss miż-żmien li fih huwa ħa l-impriża(59).
– Ir-riskju ta’ applikazzjoni eċċessivament formalistika tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali
74. Madankollu, jekk l-operatur oriġinali ta’ l-impriża m’għadux jeżisti iktar jew ma jwettaqx xi attività ekonomika sinjifikanti, is-sanzjoni għall-ksur tal-kompetizzjoni tista’ tkun ineffettiva. Applikazzjoni eċċessivament formalistika tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali tista’ għaldaqstant jkollha bħala riżultat li l-għan tas-sanzjonijiet għal ksur tal-kompetizzjoni, prinċipalment l-infurzar effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni, jiġi mgħawweġ(60). Barraminhekk, din toħloq inċentiv għal operaturi ta’ impriżi biex jaħarbu deliberatament mir-responsabbiltà tagħhom taħt id-dritt ta’ l-antitrust permezz ta’ ċertu tibdil organizzattiv.
– Il-kriterju ta’ kontinwità ekonomika
75. Għalhekk, għall-infurzar effettiv tad-dritt tal-kompetizzjoni jista’ jsir neċessarju, bħala eċċezzjoni, li tiġi attribwita r-responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni mhux lill-operatur oriġinali imma lill-operatur il-ġdid ta’ l-impriża li pparteċipat fl-akkordju.
76. Madanakollu, tali imputazzjoni lill-operatur il-ġdid hija possibbli biss jekk f’termini ekonomiċi dan jista’ fil-fatt jiġi meqjus bħala s-suċċessur ta’ l-operatur oriġinali(61), jiġifieri jekk ikompli l-impriża li pparteċipat fl-akkordju(62) (il-kriterju ta’ kontinwità ekonomika(63)).
77. Barra dan, iridu jeżistu ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw it-tluq mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. Ġew żviluppati essenzjalment żewġ kategoriji ta’ każijiet fil-ġurisprudenza.
78. L-ewwel nett, il-kriterju ta’ kontinwità ekonomika huwa applikat fejn it-tibdil jaffettwa biss lill-operatur ta’ l-impriża li pparteċipat fl-akkordju u jkollu bħala r-riżultat li dan ma baqax jeżisti iktar ġuridikament(64). Għaldaqstant, ir-rigward għall-kontinwità ekonomika jiżgura li persuni ġuridiċi ma jistgħux jaħarbu mir-responsabbiltà tagħhom taħt id-dritt ta’ l-antitrust sempliċement billi jbiddlu l-forma ġuridika tagħhom jew isimhom(65). L-istess għandu japplika per eżempju fir-rigward ta’ għaqda fejn l-operatur oriġinali ta’ l-impriża li pparteċipat fl-akkordju iċedi l-personalità ġuridika tiegħu lil persuna ġuridika oħra li hija s-suċċessur tiegħu fid-dritt.
79. It-tieni nett, il-ġurisprudenza tapplika wkoll il-kriterju ta’ kontinwità ekonomika għal riorganizzazzjonijiet fi ħdan grupp ta’ kumpanniji li fihom l-operatur oriġinali ma jieqafx neċessarjament milli jeżisti fid-dritt imma ma jwettaqx aktar xi attività ekonomika sinjifikanti, lanqas f’xi suq ieħor għajr dak affettwat bl-akkordju(66). B’mod speċifiku, l-eżistenza ta’ rabta strutturali bejn l-operatur oriġinali ta’ l-impriża li pparteċipat fl-akkordju u l-ġdid(67) tista’ tippermetti lill-persuni kkonċernati jaħarbu r-responsabbiltà tagħhom taħt id-dritt ta’ l-antitrust, kemm jekk intenzjonalment u anki jekk le, permezz tal-possibiltajiet strutturali disponibbli għalihom. Għalhekk, per eżempju, ristrutturazzjoni interna ta’ grupp jista’ jkollha l-effett li l-operatur oriġinali ta’ l-impriża jinbidel f’qoxra vojta’. Sanzjoni imposta fuqha taħt id-dritt ta’ l-antitrust tkun ineffettiva(68).
80. F’dawn il-kategoriji ta’ każijiet huwa biss bl-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur tal-kompetizzjoni lill-operatur il-ġdid ta’ l-impriża li wieħed jista’ jiżgura li minn naħa l-persuna miżmuma bħala responsabbli hija dik li tiggwadanja minn xi profitti u żidiet fil-valur ta’ l-impriża bħala konsegwenza tal-parteċipazzjoni fl-akkordju(69), u minn naħa l-oħra li s-sanzjoni bħala tali mhijiex ineffettiva. Dan għaliex huwa biss l-operatur il-ġdid attiv ekonomikament li jista’ jagħmel mod li l-impriża taġixxi fil-futur b’mod konformi mad-dritt tal-kompetizzjoni. Sanzjoni ma jkollhiex effett komparabbli jekk tkun imposta fuq l-operatur oriġinali ta’ l-impriża li ma kienx aktar ekonomikament attiv. L-effett deterrenti ġenerali fuq parteċipanti ekonomiċi oħrajn ukoll ikun ta’ l-inqas anqas.
– Il-limiti ta’ l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kontinwità ekonomika
81. Madanakollu, il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali ma jistax jiġi mminat permezz tar-rikors għall-kontinwità ekonomika, u fil-prattika jiġi ttrasformat fl-oppost tiegħu. B’mod speċifiku, il-kriterju ta’ kontinwità ekonomika huwa intiż mhux biex ikun sostitut għall-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, imma sempliċement biex jissupplimentah safejn ikun meħtieġ sabiex jiġi punit ksur tal-kompetizzjoni skond it-tort u b’mod effettiv, u b’hekk biex jikkontribwixxi għall-infurzar effettiv tad-dritt tal-kompetizzjoni. Għalhekk, ir-rikors għall-kriterju ta’ kontinwità ekonomika għandu jibqa’ l-eċċezzjoni.
82. Dan ma jipprevenix li kategoriji ġodda ta’ każijiet jiġu rikonoxxuti b’żieda mat-tnejn imsemmija iktar ’il fuq(70). Madankollu, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ attività ekonomika għandu jkun suġġett għal limiti partikolarment stretti fejn l-impriża li pparteċipat fl-akkordju tiġi ttrasferita lil terza parti indipendenti u mhemm ebda rabta strutturali bejn l-operatur oriġinali u l-operatur il-ġdid. F’dan ix-xenarju r-rikors għall-kriterju ta’ kontinwità ekonomika, u għalhekk imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni lill-operatur il-ġdid, għandha tkun permessibbli biss jekk l-impriża ġiet ittrasferita lilu abbużivament, jiġifieri bl-intenzjoni li jiġu evitati s-sanzjonijiet tad-dritt ta’ l-antitrust(71).
83. B’kuntrast, jekk dan l-element ta’ abbuż huwa nieqes u l-impriża kienet ġiet akkwistata minn terza parti skond il-kundizzjonijiet tas-suq, il-kriterju ta’ kontinwità ekonomika m’għandux ikun disponibbli. F’dan ix-xenarju l-infurzar effettiv tad-dritt tal-kompetizzjoni ma jirrikjedix neċessarjament deroga mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. Minflok, is-sanzjoni taħt id-dritt tal-kompetizzjoni normalment tkun effettiva kontra l-operatur oriġinali ta’ l-impriża wkoll.
84. Barra dan, fil-każ ta’ ċessjoni skond il-kundizzjonijiet tas-suq mhuwiex neċessarjament il-każ li huwa biss l-operatur il-ġdid li jiggwadanja minn xi profitti u żidiet fil-valur ta’ l-impriża li huma referibbli għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Minflok, dan jiddependi fuq l-arranġamenti kuntrattwali bejn il-bejjiegħ u x-xerrej, u b’mod partikolari fuq jekk multi imminenti għal ksur tal-kompetizzjoni jittiħdux in kunsiderazzjoni jew le permezz ta’ tnaqqis fil-prezz.
b) Il-karatteristiċi tal-kawża preżenti
85. Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex imsejħa tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali, madanakollu hija xorta tista’ tagħti lill-qorti nazzjonali xi gwida li tista’ tkun ta’għajnuna biex tiġi riżolta l-kwistjoni prinċipali b’kunsiderazzjoni għall-fatti partikolari tal-każ. F’dan il-kuntest is-segwenti għandu jiġi enfasizzat.
86. Il-kawża preżenti hija kkaratterizzata mill-fatt li permezz ta’ l-impriża tiegħu, l-AAMS, l-Istat Taljan kien inizjalment ekonomikament attiv f’żewġ setturi, li kienu, l-ewwel, logħob ta’ l-azzard u lotteriji u, t-tieni, is-settur tat-tabakk. Wieħed biss minn dawn iż-żewġ setturi, jiġifieri l-produzzjoni ta’ u n-negozju fil-prodotti tat-tabakk, kien imbagħad ġie ttrasferit lill-korp ekonomiku pubbliku l-ETI, li ġie stabbilit għal dan il-għan u li inizjalment kien baqa’ taħt il-kontroll tal-Ministeru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi u kien biss wara li ġie ittrasformat f’kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata u pprivatizzat.
87. Għalhekk, kien hemm l-ewwel pass li kien jikkonsisti f’sempliċi ristrutturazzjoni interna, skond liema l-attivitajiet ekonomiċi in kwistjoni ta’ l-Istat fis-setturi tal-logħob ta’ l-azzard u tat-tabakk baqgħu flimkien ir-responsabbiltà tal-Ministeru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi u baqgħu wkoll suġġetti għall-kontroll tiegħu. Madankollu, f’tieni pass l-attivitajiet ekonomiċi ta’ l-Istat fis-settur tat-tabakk kienu mneħħija mill-isfera ta’ influwenza tal-Ministeru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi u ġew ittrasferiti għal kontroll privat.
88. Mhuwiex ikkontestat li l-korp ekonomiku pubbliku l-ETI u l-kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata ETI SpA għandhom jiġu meqjusa bħala s-suċċessuri ekonomiċi ta’ l-AAMS fis-settur tal-produzzjoni ta’ u n-negozju fil-prodotti tat-tabakk. Dan huwa indikat mhux biss bit-trasferiment formali ta’ dawn l-attivitajiet lil ETI u l-pożizzjoni ta’ ETI bħala s-suċċessur legali għall-assi, passiv, drittijiet u propjetà ta’ l-AAMS(72). Anki f’termini ekonomiċi, abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli ETI kompletament assumiet il-funzjonijiet ta’ l-AAMS, inkluż ukoll il-parteċipazzjoni fl-akkordju ma’ Philip Morris.
89. Madankollu, l-fatt biss li l-ETI tibqa’ twettaq l-attivitajiet kummerċjali ta’ l-AAMS fis-settur tal-produzzjoni ta’ u n-negozju f’prodotti tat-tabakk u li l-kriterju ta’ kontinwità ekonomika huwa għalhekk sodisfatt mhux biżżejjed sabiex ksur tal-kompetizzjoni ta’ l-AAMS jiġi attribwit lil ETI b’deroga mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. Dan għaliex, kif diġà ġie msemmi(73), il-kriterju ta’ kontinwità ekonomika mhuwiex intiż biex jissostitwixxi l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, imma sempliċiment biex jissupplimentah safejn ikun meħtieġ sabiex jiġi punit il-ksur tal-kompetizzjoni skond it-tort u b’mod effettiv, u b’hekk sabiex jikkontribwixxi għall-infurzar effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni.
90. F’każ bħal dak preżenti ebda neċessità bħal din mhija apparenti.
– Kontinwazzjoni ta’ l-attività ekonomika ta’ l-AAMS
91. L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li mhux l-attività ekonomika kollha ta’ l-AAMS ġiet ittrasferita lil ETI: minflok, skond l-informazzjoni pprovduta mill-qorti nazzjonali l-AAMS baqgħet teżisti bħala parteċipant ekonomiku indipendenti b’attivitajiet sinjifikanti fis-settur tal-logħob ta’ l-azzard u l-lotteriji. Għalhekk, il-każ preżenti mhuwiex paragunabbli għal dak li fih l-operatur oriġinali ta’ l-impriża li pparteċipat fl-akkordju ma baqax iktar jeżisti ġuridikament, jew għall-inqas m’għadux iktar jilgħab xi rwol bħala parteċipant ekonomiku.(74)
92. Għalhekk, l-għan tas-sanzjoni ma jirrikjediex neċessarjament li din għandha tiġi imposta fuq ETI pjuttost milli fuq l-AAMS. Sanzjoni imposta fuq l-AAMS bħala l-operatur oriġinali ta’ l-impriża xorta jista’ jkollha effett detterenti u b’hekk tikkontribwixxi għall-infurzar effettiv tad-dritt tal-kompetizzjoni. Dan għaliex l-AAMS tibqa’ tipparteċipa fil-ħajja ekonomika u tista’ permezz ta’ sanzjoni tiġi mġiegħlha ġġib ruħha fil-futur b’mod li jkun konformi mad-dritt tal-kompetizzjoni.
93. Wieħed irid jammetti li multa pagabbli minn impriża li hija proprjetà ta’ l-Istat bħal l-AAMS tirritorna lura għand l-Istat; madanakollu l-awtonomija finanzjarja u ta’ kontabbiltà li tgawdi l-AAMS(75) tindika li s-sanzjoni tista’ madanakollu jkollha effett fuq l-imġiba individwali fis-suq ta’ l-AAMS.
94. Lanqas il-fatt li l-AAMS m’għadhiex iktar ekonomikament attiva fis-settur tat-tabakk ma jipprekludi li tiġi attribwita lill-AAMS ir-responsabbiltà għall-ksur tal-kompetizzjoni abbażi tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali(76). Dan għaliex, fi kwalsiasi każ, kull multa li hija tħallas xorta jista’ jkollha effett deterrenti ġenerali f’dak is-settur, sabiex impriżi li għadhom attivi f’dik il-fergħa ta’ l-ekonomija jista’ jinġibu jikkonduċu rwieħom b’mod konformi mad-dritt tal-kompetizzjoni u jkunu skoraġġuti milli jikkommettu ksur ġdid tal-kompetizzjoni.
– Il-privatizzazzjoni u ċ-ċessjoni ta’ ETI lil terza parti indipendenti
95. It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li sa dak iż-żmien ETI ġiet ittrasformata f’kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata u pprivatizzata, kif kien wara kollox ippjanat mill-bidu nett. F’dan ir-rigward m’hemm l-ebda bażi għalfejn it-trasferiment ta’ l-impriża lil ETI jiġi meqjus bħala abbużiv, bil-għan li jiġu evitati s-sanzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni.
96. Barraminhekk, safejn jidher, għall-inqas meta s-sanzjoni kienet imposta, ma kienx għad hemm ebda rabta strutturali bejn l-AAMS bħala l-operatur preċedenti ta’ l-impriża li pparteċipa fl-akkordju u ETI bħala l-operatur il-ġdid. Minflok, meta s-sanzjoni ġiet imposta l-impriża kienet diġà proprjetà ta’ terza parti indipendenti.
97. Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar il-każ preżenti jixbah inqas lir-ristrutturazzjoni interna ta’ grupp milli liċ-ċessjoni ta’ impriża lil terza parti indipendenti skond il-kundizzjonijiet tas-suq, sitwazzjoni li għaliha l-kriterju ta’ kontinwità ekonomika, kif diġà ġie spjegat(77), m’għandux jiġi applikat.
98. B’kuntrast mal-Gvern Taljan jiena ma nqisx li xi żieda fil-valur ta’ l-impriża relatata mal-akkordju li ETI kompliet twettaq bħala raġuni biex issir deroga mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. Dan għaliex kif diġà ġie spjegajt, mhux neċessarjament il-każ li l-operatur il-ġdid ta’ l-impriża jiggwadanja minn tali żieda fil-valur. Għal kuntrarju, tali żieda fil-valur setgħet ġiet riflessa fil-prezz tax-xiri ta’ l-ishma f’ETI SpA fiż-żmien li ġiet kompletament ipprivatizzata, u li f’dak il-każ ikun anki ġie realizzat mill-bejjiegħ, jiġifieri l-Istat Taljan.
99. Fl-aħħar nett, irid jissemma’ li safejn għandha x’taqsam l-imputazzjoni ta’ responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni m’għandhiex tagħmel differenza jekk kinitx persuna privata jew l-Istat li ċediet l-impriża li pparteċipat f’akkordju lil terza parti indipendenti. Fi kwalsiasi każ, l-Istat m’għandux jitqiegħed f’pożizzjoni aħjar minn bejjiegħ privat.
100. Ċertament, il-Kummissjoni hija tal-fehma li f’ċerti ċirkustanzi r-responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni mwettaq minn impriza pubblika li ġiet ipprivatizzata tiġi ttrasferita lill-operatur privat il-ġdid tagħha abbażi tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika. Din tieħu din il-pożizzjoni speċifikament fir-rigward tal-każ li fih in segwitu tal-privatizzazzjoni l-Istat ma jibqax iwettaq iktar xi attività ekonomika permezz ta’ l-istruttura organizzattiva partikolari li għaliha l-impriża privatizzata kienet inizjalment tappartjeni, anki jekk dan jista’ jibqa’ ekonomikament attiv fi ħdan strutturi l-oħra, pereżempju fi ħdan l-isfera ta’ kompetenza ta’ ministeri oħrajn(78).
101. Madanakollu, argument kontra dan huwa l-fatt li s-sempliċi privatizzazzjoni ta’ impriża pubblika m’għandhiex teħles lill-Istat mir-responsabbiltà tiegħu għal xi ksur tal-kompetizzjoni mwettaq mill-impriża li kien jopera qabel. Għal kuntrarju, din ir-responsabbiltà ta’ l-Istat hija l-konsegwenza loġika ta’ l-attività ekonomika tiegħu fir-rigward ta’ liema ma jistax fil-prinċipju jaħrab mir-regoli tal-kompetizzjoni li japplikaw għall-impriżi kollha (ara wkoll l-Artikolu 86(1) KE). Għalhekk, jekk persuna privata tibqa’ tinżamm responsabbli abbażi tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali għal ksur tal-kompetuzzjoni mwettaq minn impriża li hija kienet topera anki wara ċ-ċessjoni tagħha, l-ebda regola oħra ma tista’ tapplika għall-Istat.
102. Madanakollu, fl-aħħar mill-aħħar il-problema mqajma mill-Kummissjoni m’hemmx bżonn li tiġi riżolta definittivament fil-kawża preżenti. Dan għaliex skond l-informazzjoni pprovduta mill-qorti nazzjonali, fil-każ preżenti l-Istat Taljan fi kwalunkwe każ jibqa’ ekonomikament attiv permezz ta’ l-AAMS. Għalhekk, l-attività ekonomika tiegħu tkompli permezz ta’ l-istess struttura organizzattiva minn fejn oriġinat l-isfera ta’ attività li sussegwentement ġiet ittrasferita lil ETI u pprivatizzata.
103. Kollox ma’ kollox, jiena għalhekk tal-fehma li f’każ bħal dak preżenti l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u m’għandhomx jattribwixxu r-responsabbiltà għall-ksur tal-kompetizzjoni billi jagħmlu referenza għall-kriterju ta’ kontinwità ekonomika.
2. Id-diskrezzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ imputazzjoni ta’ responsabbiltà (it-tieni domanda)
104. Bit-tieni domanda tiegħu l-Consiglio di Stato jistaqsi fis-sustanza għal gwida rigward jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti għandhiex diskrezzjoni libera tattribwixxi responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni jew lill-operatur oriġinali ta’ l-impriża li pparteċipat fl-akkordju jew lill-operatur il-ġdid sabiex tiżgura li l-effettività prattika tar-regoli tal-kompetizzjoni mhijiex ipperikolata.
105. Kif diġà ġie spjegat, fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ impriżi r-responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni għandha tiġi attribwita skond il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. Il-kriterju ta’ kontinwità ekonomika mhuwiex intiż sabiex jissostitwixxi l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, imma sempliċement biex jissupplimentah safejn hu meħtieġ biex jiġi punit ksur tal-kompetizzjoni skond it-tort u b’mod effettiv, u b’hekk sabiex jikkontribwixxi għall-infurzar effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni.
106. Minn dan isegwi li la l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kompetenti u lanqas il-qrati kompetenti m’għandhom għażla dwar jekk jattribwixxux ir-responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni mwettaq minn impriża lill-operatur oriġinali jew lill-operatur il-ġdid tagħha. Għal kuntrarju, il-kriterju ta’ kontinwità ekonomika jista’ jiġi applikat biss jekk bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali s-sanzjoni tad-dritt ta’ l-antitrust ma tilħaqx l-għan tagħha.
107. Madanakollu, il-punt dwar jekk sanzjoni tad-dritt ta’ l-antitrust tfallix milli tilħaq l-għan tagħha jista’, fil-każ individwali, jeħtieġ evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.
108. Għalhekk jista’ jkun meħtieġ li jiġi evalwat jekk, fiż-żmien meta l-komportament qiegħed jiġi punit, l-operatur oriġinali ta’ l-impriża li pparteċipat fl-akkordju xorta jwettaq xi attività ekonomika sinjifikanti, sabiex sanzjoni imposta fuqu tista’ tikkostitwixxi kontribuzzjoni effettiva għall-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni. Barra dan, l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ rabta strutturali bejn l-operatur oriġinali u l-operatur il-ġdid ta’ l-impriża tista’ teħtieġ evalwazzjoni bħal din ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, flimkien mad-domanda dwar jekk l-impriża kinitx ċeduta lill-operatur il-ġdid skond il-kundizzjonijiet tas-suq jew b’xi għan abbużiv.
109. Kif ġie enfasizzat korrettement mill-Kummissjoni, id-dritt Komunitarju jħalli lill-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti marġini ta’ diskrezzjoni meta tagħmel evalwazzjonijiet bħal dawn(79).
VI – Konklużjoni
110. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Consiglio di Stato:
1) a) Skond il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, ir-responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni mwettaq minn impriża għandha fil-prinċipju tkun attribwita lill-operatur oriġinali tagħha li kien responsabbli għall-impriża meta twettaq il-ksur, anki jekk fiż-żmien tad-deċiżjoni mill-awtorità tal-kompetizzjoni operatur ġdid huwa responsabbli għall-impriża.
Dan japplika wkoll jekk fiż-żmien tal-ksur l-impriża kienet operata mill-Istat u r-responsabbiltà għaliha kienet ġiet sussegwentement ittrasferita lil persuna privata.
b) B’mod eċċezzjonali biss, ir-responsabbiltà għall-ksur tal-kompetizzjoni għandha tiġi attribwita lill-operatur il-ġdid ta’ l-impriża jekk
– l-operatur il-ġdid kompla jopera l-impriża sa meta ttieħdet id-deċiżjoni mill-awtorità tal-kompetizzjoni,
– meta ttieħdet id-deċiżjoni mill-awtorità tal-kompetizzjoni l-operatur oriġinali ma kienx għadu jeżisti ġuridikament jew ma kienx għadu jwettaq xi attività ekonomika sinjifikanti, lanqas f’suq differenti għajr dak affettwat mill-akkordju, u
– jew hemm rabta strutturali bejn l-operatur il-ġdid u dak oriġinali jew l-impriża kienet ittrasferita lill-operatur il-ġdid abbużivament sabiex tiġi evitata s-sanzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni.
2) Fl-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni l-awtorità kompetenti m’għandha l-ebda diskrezzjoni. Madanakollu, għandha marġini ta’ diskrezzjoni safejn għandha tevalwa sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi fi ħdan il-qafas ta’ imputazzjoni bħal din.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – Legge 10 ottobre 1990, Nru 287, Norme per la tutela della concorrenza e del mercato (GURI Nru 240 tat-13 ta’ Ottubru 1990, p. 3), “Liġi Nru 287/1990”.
3 – Regio decreto-legge.
4 – Ippromulgata mill-ġdid bħala l-Liġi Nru 3474 tas-6 ta’ Diċembru 1928.
5 – Ministero dell’Economia e delle Finanze.
6 – Decreto legislativo.
7 – GURI Nru 190 tas-17 ta’ Awwissu 1998, p. 3 (Digriet Leġiżlattiv Nru 283/1998).
8 – Ente pubblico economico.
9 – Artikolu 3(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 283/1998.
10 – Skond l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Taljan b’risposta għal mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja.
11 – Artikolu 1(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 283/1998.
12 – L-eżempji mogħtija kienu s-sorveljanza tal-kummerċ f’prodotti tat-tipjip u l-għoti ta’ konċessjonijiet biex jinbiegħu prodotti tat-tabakk lill-pubbliku.
13 – Provvedimento 13 marzo 2003, n. 11795, I 479 ‘Variazione di prezzo di alcune marche di tabacchi’ (Bollettino settimanale, Volum XIII, Nru 11/2003, p. 5). Din id-deċiżjoni kienet ippreċeduta b’investigazzjoni li nbidet f’Ġunju 2001.
14 – Philip Morris Products SA, Philip Morris Holland BV, Philip Morris GmbH, Philip Morris Products Inc. u Philip Morris International Management SA. Biex issir referenza aktar faċli għal dawn l-impriżi se ssir referenza għalihom flimkien bħala “Philip Morris”.
15 – Qorti Amministrattiva għar-reġjun tal-Lazio, li għandha s-sede tagħha f’Ruma.
16 – Kunsill ta’ l-Istat.
17 – Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C-297/88 u C-197/89, Ġabra I-3763, punt. 36); ara wkoll is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher (C-231/89, Ġabra I‑4003, punt 25), tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C-28/95, Ġabra I-4161, punt 25) u Giloy (C-130/95, Ġabra I-4291, punt 21), tal-11 ta’ Jannar 2001, Kofisa Italia (C‑1/99, Ġabra I-207, punt 21), tas-17 ta’ Marzu 2005, Feron (C-170/03, Ġabra I‑2299, punt 11), tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering (C-3/04, Ġabra I-2505, punt 15), u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (C-217/05, Ġabra I-11987, punt 19); is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2003, fil-kawża C-306/99 (BIAO, Ġabra, I-1, punt 90) hija silili.
18 – Sentenzi Dzodzi (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17), punt 37, u tal-25 ta’ Ġunju 1992, Federconsorzi (C-88/91, Ġabra I-4035, punt 7); huma simili s-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 Leur-Bloem (punt 32), Giloy (punt 28), Kofisa Italia (punt 32), Poseidon Chartering (punt 16) u Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (punt 20), kif ukoll is-sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2001, Adam (C-267/99, Ġabra I-7467, punt 27), tal-15 ta’ Jannar 2002, Andersen u Jensen (C-43/00, Ġabra I-379, punt 18), tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann (C-300/01, Ġabra I-4899, punt 34), tad-29 ta’ April 2004, British American Tobacco (C-222/01, Ġabra I-4683, punt 40). Ara wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-ġurisdizzjoni tagħha biex tinterpreta dispożizzjonijiet fi trattati misti tad-dritt internazzjonali pubbliku, u b’mod partikolari s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Hermès (C-53/96, Ġabra I-3603, punt 32).
19 – Dwar dan il-punt ara l-Konklużjonijiet tiegħi f’Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17), punt 21 et seq.
20 – Regolament tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003 L 1, p. 1; “Regolament Nru 1/2003”). Dan ir-regolament immodernizza r-regoli għall-infurzar ta’ l-Artikoli 81 u 82 KE u involva awtoritajiet u qrati nazzjonali b’mod aktar estensiv fl-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew; ara bħala eżempju s-sitt, is-seba’ u l-ħmistax–il premessa tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikoli 5 u 6 tiegħu.
21 – Regolament tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 1962: l-Ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU, Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż 1959-1962, p. 87).
22 – Ġurisprudenza kostanti; ara sempliċement is-sentenza ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze (C-222/04, Ġabra I-289, punt 63), u sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi (C-295/04 sa C-298/04, Ġabra I-6619, punt 70).
23 – Salzmann (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 31) u s-sentenza ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005, Burtscher (C‑213/04, Ġabra I-10309, punt 35).
24 – Ġurisprudenza kostanti; ara sempliċement sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra I-4921, p. 59), Dzodzi (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 35), is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax (C-238/05, Ġabra I-11125, punt 15), u Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 17).
25 – Il-konnessjoni bejn l-Artikolu 81 KE (li qabel kien l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE) u l-kwistjoni ta’ l-imputazzjoni tar-responsabbiltà issir partikolarment ċara fis-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1984, CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (Kawżi Maqgħuda 29/83 u 30/83, Ġabra 1679, punt 9), u s-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (Kawżi Maqgħuda C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C‑217/00 P u C-219/00 P, Ġabra I-123, punt 59).
26 – CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 9) u s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C-49/92 P, Ġabra I-4125, punt 145).
27 – Ġurisprudenza kostanti; ara sempliċement Bosman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punti 59 u 61), is-sentenza ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra I-403, punt 24), Asnef-Equifax (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 17) u Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 17).
28 – Fl-istess sens ara s-segwenti sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17: Dzodzi (punt 40), Gmurzynska-Bscher (punt 23), Leur-Bloem (punt 26), Giloy (punt 22) u Kofisa Italia (punt 22).
29 – Waqt is-smigħ orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Philip Morris għamlet ukoll referenza għas-sentenza Nru 1189 tal-Consiglio di Stato tat-2 ta’ Marzu 2001 (b’mod partikolari l-punt 4.4 et seq) li jgħid li l-qorti nazzjonali torjenta ruħha lejn id-dritt Komunitarju u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja anki fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet.
30 – Sentenzi tat-30 ta’ Ottubru 2000, Corsten (C-58/98, Ġabra I-7919, punt 24), tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos und Oliveri (C-482/01 u C-493/01, Ġabra I-5257, punt 42), u tat-12 ta’ Jannar 2006, Turn-und Sportunion Waldburg (C-246/04, Ġabra I-589, punt 21).
31 – Dzodzi (punt 41 u 42) u Leur-Bloem (punt 33), iċċitati iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17.
32 – Sentenza tat-28 ta’ Marzu 1995, Kleinwort Benson (C-346/93, Ġabra I-615).
33 – F’dan is-sens ara wkoll id-diskussjoni ta’ Kleinwort Benson f’sentenzi sussegwenti, b’mod partikolari Leur-Bloem (punti 29 fin u 31), Giloy (punti 25 fin u 27), u Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (punti 21 fin u 22). Is-sentenza f’Poseidon Chartering (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17) hija sostnuta fuq l-istess bażi: punt 17.
34 – Is-sentenza f’BIAO (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17), punti 92 u 93, hija partikolarment ċara għal dan l-effett.
35 – Sentenza Kleinwort Benson (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32) punti 9, 10 u 16 sa 18). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat dan l-aspett tas-sentenza tagħha f’Kleinwort Benson f’ġurisprudenza sussegwenti, per eżempju Leur-Bloem (punt 29), Giloy (punt 25), Kofisa Italia (punt 30), BIAO (punt 93) u Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (punt 21), kollha iċċitati iktar ’il fuq fil-punt 17.
36 – Sentenza Kleinwort Benson, (iċċitata iktar ’il fuq fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32) punti 10 u 20 sa 23. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat dan l-aspett fis-sentenza Kleinwort Benson f’ġurisprudenza sussegwenti, pereżempju Leur-Bloem (punt 29), Giloy (punt 25) it-tnejn li huma ċċitati iktar ’il fuq fil-punt 17.
37 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċirkustanzi simili ma kinux analogi ma’ Kleinwort Benson, per eżempju f’Kofisa Italia (punt 31), u Poseidon Chartering (punt 18) it-tnejn li huma ċċitati fil-punt 17.
38 – Sentenza Salzmann (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 28), u s-sentenza ta’ l-4 ta’ Diċembru 2003, EVN u Wienstrom (C-448/01, Ġabra I-14527, punt 77).
39 – Il-ġurisprudenza kostanti dwar ir-rilevanza tad-domandi preliminari hija fl-istess sens; ara fost oħrajn Bosman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 59), EVN u Wienstrom (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 74), Asnef-Equifax (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 15), u Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 16).
40 – Sentenza tas-26 Novembru 1998, Bronner (C-7/97, Ġabra I-7791).
41 – Iċċitata iktar ’il fuq , fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24.
42 – Sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Walt Wilhelm u Oħrajn (14/68, Ġabra. 1, punt 3); ara fl-istess sens is-sentenza ta’ l-10 ta’ Lulju 1980, Giry u Guerlain (253/78 u 1/79 sa 3/79, Ġabra 2327, punt 15), sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992 Asociación Española de Banca Privada u oħrajn (C-67/91, Ġabra I-4785, punt 11), Bronner (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 19) u Asnef-Equifax (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 20).
43 – Tabilħaqq, sa mid-dħul fis-seħħ ta’ Regolament Nru 1/2003 awtoritajiet tal-kompetizzjoni u qrati nazzjonali huma espressament ipprojbiti milli japplikaw id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni tagħhom b’mod iżolat f’każijiet li jaqgħu wkoll fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE. Minflok, ir-Regolament Nru 1/2003 jirrikjedi li f’każijiet bħal dawn l-Artikolu 81 KE għandu jiġi applikat parallellament mad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni (Artikolu 3(1) tar-Regolament), fejn evalwazzjonijiet ta’ ordni superjuri li jsiru mid-dritt Komunitarju jieħdu preċedenza (ara l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 3(2) tar-Regolament).
44 – Dan hu magħmul partikolarment ċar per eżempju f’Leur-Bloem (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27), Giloy (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23), BIAO (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 90), Feron (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10),, Poseidon Chartering (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17), u Andersen u Jensen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 16 u 19).
45 – Bronner (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna ta’ qiegħ il-paġna 40, punti 18 sa 20) u Asnef-Equifax (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punti 19 sa 21).
46 – Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, partikolarment il-punti 19 sa 22).
47 – Fuq dan il-punt ara d-diskussjoni ta’ l-ewwel oġġezzjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-punt 31 iktar ’il fuq.
48 – Ara wkoll iktar ’il fuq, il-punt 31, kif ukoll is-setnenzi ċċitati fil-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (punt 9) u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (punt 59).
49 – Sentenza ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, Ynos (C-302/04, Ġabra I-371).
50 – Sentenza Ynos (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 37).
51 – Sentenza Ynos (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 36).
52 – Il-problema relatata li tiġi attribwita r-responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni fi ħdan grupp, pereżempju bejn kumpannija sussidjarja u kumpannija parent, mhijiex is-suġġett tal-kawża preżenti u għalhekk m’għandhiex tiġi kkunsidrata fid-dettall f’li ġej. Din il-kawża lanqas ma tikkonċerna d-domanda dwar jekk u taħt liema ċirkustanzi suċċessur ekonomiku huwa responsabbli għal djun li jikkonsistu f’multi diġà imposti fuq il-predeċessur tiegħu.
5353 – L-Artikolu 256 (1) jipprovdi li deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu obbligi pekunjarji fuq persuni li mhumiex l-Istati, jkollhom forza eżekuttiva. Filwaqt li l-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża ma fiha ebda kjarifika ulterjuri, wieħed jista’ jikkonkludi minn diversi verżjonijiet lingwistiċi oħrajn li din għandha tirreferi għall-enforzabbiltà ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw peruni fiżiċi jew ġuridiċi; ara bħala eżempju l-verżjonijiet lingwistiċi l-Franċiż (‘personnes’), it-Taljan (‘persone’), l-Ingliż (‘persons’), il-Portugiż (‘pessoas’) u l-Ispanjol (‘personas’), kif ukoll – partikolarment ċar – l-Olandiż (‘natuurlijke of rechtspersonen’).
54 Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 tad-Diċembru 1991, Enichem Anic vs Commission (T-6/89, Ġabra. p. II-1623, point 236); hija partikolarment ċara fuq dan il-punt; fl-istess sens Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 60).
5455 – F’dan ir-rigward ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni (41/69, Ġabra p. 661, punt 173), li tgħid illi l-għan ta’ sanzjonijiet għal ksur tal-kontra l-kompetizzjoni huwa “sabiex jiġu sopressi attivitajiet illegali u sabiex tiġi evitata xi repetizzjoni”; ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (C-76/06 P, Ġabra p. I-4405, punt 22). Fir-rigward ta’ l-għan li jiġi skoraġġut ksur fil-futur, ara wkoll is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni (C-289/04 P, Ġabra p. I-5859, punt 61), u SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C-308/04 P, Ġabra p. I-5977, punt 37)
5556 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 145). Il-prinċipju ta' responsabbiltà personali huwa normalment ukoll il-punt tat-tluq li jittieħed mis-sistemi ġuridiċi nazzjonali ta’ l-Istati Membri għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tal-kompetizzjoni.
5657 – Dwar dan il-punt ara l-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer tal-11 ta’ Frar 2003 fil-Kawża C-204/00 P (Aalborg Portlandvs Il-Kummissjoni, Ġabra, I-123, I-133), b’mod partikolari l-punti 63 sa 65. Il-prinċipju ta' tort jiġi kkunsidrat anki, pereżempju fl-Artikolu 32(2) ta’ Regolament Nru 1/2003, li jipprovdi li mġiba li hija jew intenzjonata jew negliġenti tista’ tiġi ppenalizzata b’multa.
5758 – Ara. f’dan is-sens is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni (C-248/98 P, Ġabra I-9641, punt 71), Cascades vs Il-Kummissjoni (C-279/98 P, Ġabra I-9693, punt 78), Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C-286/98 P, Ġabra I-9925, punt 37) u SCA Holding vs Il-Kummissjoni (C-297/98 P, Ġabra I-10101, punt 27); ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni (T-327/94, Ġabra II‑1373, punt 63).
5859 – Għal darba oħra, ara l-ġurisprudenza iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57; fl-istess sens, ara Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 145).
5960 – Ara b’mod partikolari Cascades vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57, punti 77 sa 80).
6061 – Li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti importanza partikolari lil dan il-kriterju huwa muri pereżempju fis-sentenzi CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 9), Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 146 fin), u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 59); ara wkoll is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1999, NMH Stahlwerke vs Il-Kummissjoni (T-134/94, Ġabra II-239, punt 127) u ta' l-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni. (T-9/99, Ġabra II-1487, punti 106 u 107).
6162 – Ara fl-istess sens is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unieet vs Il-Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra 1663, punt 84).
6263 – Ara fl-istess sens CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 9) u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 59).
63 – Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 145), u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 359).
64 – Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 punt 145).
65 – Ara fl-istess sens CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (punt 9), u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (punt 59), iċċitati iktar ’il fuq fil-punt 25.
66 – Ara, fl-istess sens Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 359); hemmhekk ġie enfasizzat li l-kriterju ta’ kontinwità ekonomika mhuwiex applikabbli fejn hemm “żewġ impriżi eżistenti u funzjonanti fejn waħda minnhom sempliċement ittrasferiet parti mill-attivitajiet tagħha lill-oħra u fejn ma kien hemm l-ebda rabta strutturali bejniethom’; is-sentenza NMH Stahlwerke vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61, punti 127 sa 137).
67 – Fir-rigward tat-tifsira tat-terminu “rabta strutturali” ara Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 359), flimkien mal-punt 344. F’dan il-każ il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li sehem ta’ 50 % fl-operatur il-ġdid miżmum mill-operatur oriġinali ta’ l-impriża li pparteċipat fl-akkordju kien biżżejjed biex ikun hemm “rabta strutturali” bejn it-tnejn.
68 – F’dan ir-rigward wieħed għandu jżomm f’moħħu b’mod partikolari li l-fatturat ta’ l-impriżi jilgħab rwol deċiżiv fil-kalkolu tal-multi (ara pereżempju l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003). Jekk impriża m’għadx għandha fatturat sinjifikanti, ma jkunx iktar possibbli li tiġi imposta multa effettiva fuqha.
69 – Fil-ġurisprudenza huwa rikonoxxut li l-profitt li impriża kienet kapaċi takkwista permezz tal-komportament anti-kompettitiv tagħha huwa wieħed mill-fatturi relevanti biex tiġi stabbilita s-serjetà tal-ksur, u li t-teħid in kunsiderazzjoni ta' dan il-fattur huwa intiż sabiex jiġi żgurat li multa għandha effett deterrenti (ara sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rorindustri et vs Il-Kummissjoni C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra I-5425, punti 260 u 292).
70 – Ara iktar ’il fuq il-punti 78 u 79.
71 – Ara fl-istess sens is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 145 u 146 (in fine), HFB et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61, punt 107). Ara wkoll il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-Kawża C-204/00 P (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57, punti 66 u 67).
72 – Regolament Nru 283/1998; dwar dan, ara iktar ’il fuq, il-punt 10.
73 – Ara iktar ’il fuq,,il-punt 81.
74 – Ara iktar ’il fuq, il-punti 78 u 79.
75 – Ara iktar ’il fuq il-punt punt 9. Waqt is-smigħ orali ir-rappreżentant tal-Gvern Taljan żied jgħid f’dan ir-rigward li l-baġit ta’ l-AAMS kien separat minn dak tal-Ministeru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi.
76 – Dwar dan il-punt ara Il-Kummissjoni vs Anic Parteċipazzjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 145), fejn Anic kienet irtirat mill-fergħa ekonomika affettwata bl-akkordju imma kienet xorta waħda nżammet responsabbli b’referenza għall-prinċipju ta’ responsabbiltà personali; dan kien ġie kkjarifikat fis-sentenza sussegwenti f’Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 359), fejn Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni ġiet deskritta bħala “każ [li] kien jikkonċerna żewġ impriżi eżistenti u funzjonanti li waħda minnhom sempliċement ittrasferiet parti mill-attivitajiet tagħha lill-oħra” [enfasi miżjuda].
77 – Ara iktar ’il fuq, il-punti 81 sa 84.
78 – Bħala eżempju l-Kummissjoni tqajjem il-fatt li impriżi ta’ l-Istat fis-setturi postali u tal-ferrovija fl-Italja, tradizzjonalment kienu parti minn strutturi organizzattivi oħrajn, u b’mod partikolari suġġetti għal ministeri differenti mill-AAMS.
79 – Il-ġurisprudenza f’dan is-sens hija konsistenti ; ara sempliċement is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni (42/84, Ġabra 2545, punt 34), tas-17 ta’ Novembru 1987, BAT u Reynolds vs Il-Kummissjoni (142/84 u 156/84, Ġabra 4487, punt 62), u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 279).
Full & Egal Universal Law Academy