KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fis-16 ta’ Jannar 2008 1(1)
Kawża C‑331/06
K.D. Chuck
vs
Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam (l-Olanda))
“Pensjoni tax-xjuħija – Kalkolu ta’ perijodi ta’ l-assigurazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li ħadem f’żewġ Stati Membri oħra – Residenza fi Stat li mhuwiex Membru fid-data ta’ l-irtirar”
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-Artikolu 48 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1386/2001 tal-5 ta’ Ġunju 2001 (ir-“Regolament Nru 1408/71” jew ir-“Regolament”). (2)
2. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna perijodi ta’ assigurazzjoni ta’ inqas minn sena f’sistema nazzjonali partikolari ta’ pensjonijiet. L-Artikolu 48(2) tar-Regolament Nru 1408/71 essenzjalment jipprovdi li tali perijodi qosra għandhom jiġu aggregati ma’ perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati f’sistemi ta’ sigurtà soċjali oħra ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ diversi Stati Membri.
3. Fil-każ li jagħti lok għal din it-talba, ċittadin Britanniku kien jaħdem għal diversi snin fil-Komunità (prinċipalment fl-Olanda imma anki għal disa’ xhur fid-Danimarka) u mbagħad telaq lejn l-Istati Uniti fejn baqa’ joqgħod minn dak iż-żmien lil hawn. Meta ressaq talba għal pensjoni quddiem l-awtoritajiet tal-pensjoni Olandiżi, inqalgħet il-kwistjoni jekk ir-regola inkluża fl-Artikolu 48(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhiex tiġi applikata għal talba għal pensjoni mressqa minn persuna li hija residenti barra mill-Komunità, li jfisser f’dan il-każ, li l-awtorità tal-pensjoni Olandiża jkollha tqis il-perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati kemm skond il-liġi Olandiża kif ukoll skond il-liġi Daniża meta tikkalkula l-pensjoni mitluba.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
4. Ir-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-koordinazzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ skemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità.
5. L-Artikolu 2 tar-regolament jipprovdi dan li ġej:
“Il-persuni koperti
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom.
[…]”
6. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament jipprovdi dan li ġej:
“Trattament ugwali
Bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, il-persuni [residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri (3)] li għalih japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-istess obbligi u jgawdu l-istess benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru bħaċ-ċittadini nazzjonali ta’ dan l-Istat.”.
7. L-Artikolu 10 tar-Regolament jipprovdi dan li ġej:
“Tneħħija tal-klawsoli ta’ residenza — L-effett tas-sigurtà bilfors wara r-rimborsament tal-kontribuzzjonijiet
1. Barra fejn hu pprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament il-benefiċċji għall-invalidità, għax-xjuħija u għall-ħlas tas-superstiti, il-pensjoni għall-inċidenti fuq ix-xogħol jew għall-mard u l-mewt okkupazzjonali akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar Stati Membri ma jkunu suġġetti għall-ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, tneħħija jew konfiska minħabba l-fatt li r-reċipjent jabita fit-territorju ta’ Stat [M]embru għajr dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas.
L-ewwel sottoparagrafu jkun japplika wkoll għall-benefiċċji mħallsa f’somma waħda mogħtija fil-każijiet ta’ żwieġ mill-ġdid tal-parti li tibqa’ ħajja u li kienet intitolata għall-pensjoni tas-superstiti.
[…]”
8. L-Artikolu 46(2) tar-Regolament jipprovdi:
“2. Fejn il-kondizzjonijiet mitluba mil-leġislazzjoni ta’ Stat Membru għall-intitolar ta’ benefiċċji jissodisfaw biss wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 45 jew ta’ l-Artikolu 40(3), japplikaw ir-regoli li ġejjin:
(a) l-istituzzjoni kompetenti tikkalkula l-ammont teoretiku tal-benefiċċju li għalih il-persuna kkonċernata tkun tista’ tagħmel it-talba basta l-perijodi kollha ta’ l-assigurazzjoni u/jew tar-residenza, li kienu mwettqa taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri li għalihom il-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha kienet suġġetta, jkunu ġew imwettqa fl-Istat inkwistjoni taħt il-leġislazzjoni li hija tamministra fil-jum tal-għoti tal-benefiċċju. Jekk, taħt din il-leġislazzjoni, l-ammont tal-benefiċċju huwa indipendenti mit-tul tal-perjodi mwettqa, l-ammont jitqies bħala li jkun l-ammont teoretiku li għalih hemm riferenza f’dan il-paragrafu;
[…]”
9. L-Artikolu 48 tar-Regolament jipprovdi:
“Perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza ta’ inqas minn sena
1. Minkejja l-Artikolu 46(2), l-istituzzjoni ta’ Stat Membru ma tkunx mistennija li tagħti benefiċċji rigward perjodi mwettqa taħt il-leġislazzjoni li tamministra li jittieħdu inkonsiderazzjoni meta r-riskju jimmaterjalizza, kemm-il darba:
– it-tul ta’ l-imsemmija perjodi ma jammontax għal sena, u
– waqt li jittieħdu dawn il-perjodi biss inkonsiderazzjoni, ebda dritt ta’ benefiċċju ma jinkiseb bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni.
2. L-istituzzjoni kompetenti ta’ kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati tieħu in konsiderazzjoni il-perjodi msemmija fil-paragrafu 1, għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 46(2) bl-eċċezzjoni tas-sottoparagrafu (b).
3. Jekk l-effett ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jeħles mill-obligazzjoni tagħhom lill-istituzzjonijiet kollha ta’ l-Istati Membri kkonċernati, il-benefiċċji jingħataw esklussivament taħt il-leġislazzjoni ta’ l-aħħar minn dawk l-Istati li tiegħu jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet, bħallikieku l-perjodi kollha ta’ assigurazzjoni u residenza mwettqa u meħuda in konsiderazzjoni skond l-Artikolu 45(1) sa (4) kienu mwettqa taħt il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat.”
10. L-Artikolu 36(3) tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 (4) (ir-“Regolament Implementattiv”) jipprovdi dan li ġej:
“Fejn dak li jagħmel it-talba jabita fit-territorju ta’ Stat li mhux Stat Membru, huwa jissottometti t-talba tiegħu lill-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat Membru li l-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha kienet l-aħħar suġġetta.
Kemm-il darba dak li jagħmel it-talba jissottometti t-talba tiegħu lill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, dan ta’ l-aħħar jibgħat tali talba lill-istituzzjoni kompetenti.”
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
1. Il-leġiżlazzjoni Olandiża
11. L-Algemene Ouderdomswet (Liġi Ġenerali dwar il-pensjonijiet għall-anzjanità – “AOW”) tipprovdi li dawk li skond dik il-liġi jitqies li ġew assigurati jirċievu pensjoni minn meta jagħlqu l-65 sena. Il-persuni assigurati huma dawk li għad m’għandhomx 65 sena u li huma residenti fl-Olanda jew li mhumiex residenti fl-Olanda, imma li huma taxxabbli fuq il-pagi u s-salarji għal impjieg bi ħlas fl-Olanda. Il-pensjoni għall-anzjanità titnaqqas bi 2 % għal kull sena kalendarja sħiħa li matulha l-persuna intitolata għal pensjoni ma kinitx assigurata wara li laħqet l-età ta’ 15-il sena u qabel ma laħqet l-età ta’ 65.
2. Il-leġiżlazzjoni Daniża
12. Is-sistema legali Daniża relatata mal-pensjonijiet għall-anzjanità tipprovdi assigurazzjoni għal dawk li jgħixu u jaħdmu fid-Danimarka. Bħas-sistema Olandiża, is-sistema Daniża hija waħda kumulattiva. Taħt id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Daniża, K.D. Chuck ma jistax jikseb intitolament għal pensjoni għall-anzjanità mill-fatt li huwa kien assigurat għal disa’ xhur f’dan il-pajjiż..
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-kawża quddiem il-qorti nazzjonali u d-domanda preliminari
13. Ir-rikorrent twieled fit-13 ta’ Diċembru 1935 u huwa ċittadin Britanniku. Mill-1 ta’ Settembru 1972 sa l-1 ta’ April 1975 u mill-1 ta’ Jannar 1976 sal-31 ta’ Diċembru 1977, jiġifieri, għal erba’ snin u seba’ xhur, kien residenti u ħadem fl-Olanda. Fid-disa’ xhur bejn dawn iż-żewġ perijodi ir-rikorrent ħadem fid-Danimarka, fejn ħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Mill-1 ta’ Jannar 1978 huwa sar residenti fl-Istati Uniti.
14. Malli laħaq l-età pensjonabbli, ir-rikorrent ressaq applikazzjoni għal pensjoni għall-anzjanità quddiem ir-“Raad van bestuur van de Sociale Verzekeringsbank” (Bord ta’ Ġestjoni tal-Bank ta’ l-Assigurazzjoni Soċjali, iktar ‘il quddiem l-“SVB”).
15. B’deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2001, l-SVB informa lir-rikorrent li taħt l-AOW, mill-1 ta’ Diċembru 2000 huwa kien intitolat għal pensjoni li tammonta għal 10 % tal-pensjoni sħiħa ta’ l-AOW. Għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-pensjoni, l-SVB ma qiesx il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li K.D. Chuck kien ħallas fid-Danimarka, għaliex K.D. Chuck ma kienx residenti fil-Komunità meta ressaq it-talba tiegħu għal pensjoni, u skond l-SVB, għalhekk ma setax jitlob il-benefiċċju ta’ l-Artikolu 48 tar-Regolament.
16. Ir-rikorrent kien infurmat ukoll li, peress li l-konjuġi tiegħu kellha inqas minn 65 sena, huwa kien intitolat għal ħlas ta’ 26 % mill-ħlas sħiħ b’seħħ minn Diċembru 2002.
17. K.D. Chuck oġġezzjona għal din id-deċiżjoni imma fit-2 ta’ Jannar 2002 l-SVB ċaħad din l-oġġezzjoni bħala waħda infondata. K.D. Chuck ikkontesta dik id-deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank Amsterdam. Sostanzjalment, huwa sostna li l-perijodu ta’ żmien li matulu huwa ħallas il-kontribuzzjonijiet lis-sistema Daniża tas-sigurtà soċjali kien imissu ġie meqjus mill-SVB għall-kalkolu tal-pensjoni tiegħu u li l-SVB inġustament naqas milli japplika l-Artikolu 48(2) tar-Regolament, peress li l-fatt li huwa ma kienx residenti fit-territorju tal-Komunità ma kienx jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni.
18. Fis-27 ta’ Lulju 2006 ir-Rechtbank Amsterdam iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej:
“Fejn ħaddiem huwa residenti barra mill-Komunità fid-data meta huwa jilħaq l-età pensjonabbli, l-Artikolu 48 tar-Regolament għandu jiġi applikat bl-istess mod bħal fil-każ fejn il-ħaddiem ikkonċernat huwa residenti fit-territorju tal-Komunità?”
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
19. Il-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet osservazzjonijiet mingħand l-SVB, il-Kummissjoni u l-Gvernijiet Grieg, Taljan u Olandiż.
20. Il-proċedura orali seħħet fis-27 ta’ Settembru 2007.
IV – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
21. Il-Kummissjoni tipproponi li r-risposta għandha tkun li meta ħaddiem ikun residenti barra mill-Komunità fiż-żmien meta jilħaq l-età ta’ l-irtirar, l-Artikolu 48 tar-Regolament irid jiġi applikat bl-istess mod bħallikieku l-ħaddiem kien residenti fit-territorju tal-Komunità. Għall-fini ta’ l-applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu, mhux deċiżiv jekk il-persuna li se tirtira mix-xogħol għandhiex ir-residenza tagħha fit-territorju tal-Komunità jew barra minnu.
22. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li r-Regolament Nru 1408/71 ma joħloqx sistema komuni ta’ sigurtà soċjali imma sempliċement jikkoordina s-sistemi nazzjonali. Filwaqt li ħaddiema migranti li kienu affiljati ma’ diversi sistemi nazzjonali jżommu pretensjonijiet separati fil-konfront ta’ istituzzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali differenti, ir-regoli Komunitarji dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jmorru jaħdmu f’pajjież ieħor jiżguraw li d-drittijiet jiġu rikonoxxuti u mħarsa hekk kif jinkisbu minn dawk li għandhom jitqiesu bħala ħaddiema migranti fit-tifsira ta’ dik il-leġiżlazzjoni.
23. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li dak li huwa importanti fejn għandha x’taqsam l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli hija r-relazzjoni bejn ħaddiem u s-sistema partikolari ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru li fiha huwa kien assigurat għal perijodu partikolari, aktar milli, per eżempju, il-post fejn iwettaq attività professjonali. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kriterju essenzjali għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 għalhekk huwa r-relazzjoni bejn il-ħaddiem u s-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru.
24. Li kellu jiġi segwit ir-raġunament ta’ l-SVB, dan iċaħħad lill-prinċipju ta’ l-aggregazzjoni provdut fir-Regolament Nru 1408/71 minn ħafna mill-effikaċja tiegħu.
25. Minkejja dan, jidher ċar li ebda dispożizzjoni tar-Regolament ma timponi l-esportabbiltà ta’ benefiċċji soċjali lejn pajjiżi li mhumiex Stati Membri. Din il-kwistjoni tkompli tkun irregolata mid-dritt nazzjonali.
26. Il-Gvernijiet Grieg u Taljan essenzjalment jaqblu mal-Kummissjoni. Il-Gvern Grieg josserva wkoll li l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 574/72 jipprovdi li meta persuna li qed tagħmel it-talba tkun residenti fit-territorju ta’ pajjiż li mhux Stat Membru, din għandha tressaq il-pretensjoni tagħha quddiem l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru li għal-leġiżlazzjoni tiegħu l-ħaddiem kien suġġett l-aħħar.
27. Il-Gvern Taljan isostni li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li għandu l-għan li jżomm il-benefiċċji f’każ ta’ ċaqliq minn Stat Membru għal ieħor, minnu nnifsu ma jimplikax li d-dritt għall-benefiċċji jinżamm biss fejn il-persuna kkonċernata tiċċaqlaq minn Stat Membru għal ieħor u ma jeskludix il-kisba ta’ dritt għall-benefiċċji meta l-persuna li qed tagħmel it-talba ma tibqax aktar residenti fi Stat Membru fiż-żmien meta tirtira. Huwa jirreferi wkoll għall-emendi għall-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71 mir-Regolament (KE) Nru 647/2005, li jneħħi r-rekwiżit tar-residenza fit-territorju ta’ Stat Membru sabiex persuna tibbenefika mil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ kwalunkwe Stat Membru b’mod mhux diskriminatorju. Barra minn hekk, josserva li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, (5) li jirrevoka r-Regolament Nru 1408/71 mid-data ta’ l-applikazzjoni tiegħu, (6) jipprovdi li dak “ir-Regolament għandu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed”.
28. Il-Gvern Olandiż qed isostni, bħala argument favur risposta pożittiva għad-domanda rinvijata, li, sabiex tkun inkoraġġita l-libertà ta’ moviment għall-ħaddiema, l-Artikolu 42 KE jipprovdi għal sistema li tiggarantixxi d-drittijiet għas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema permezz ta’, l-ewwel nett, sistema ta’ aggregazzjoni tal-perijodi kollha ta’ l-assigurazzjoni lil hinn mit-territorju nazzjonali ta’ kull Stat Membru li tapplika għall-kisba u għaż-żamma tad-drittijiet għall-benefiċċji u, it-tieni nett, l-obbligu li jitħallsu l-benefiċċji fil-Komunità kollha. Barra minn hekk, l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 574/72 jipprovdi għal proċedura li tippermetti lir-residenti ta’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri jitolbu pensjonijiet għall-anzjanità u għall-invalidità.
29. Madankollu, bħala argument favur risposta negattiva, il-Gvern Olandiż isostni li r-Regolament Nru 1408/71 huwa mfassal biex jiffaċilita l-libertà ta’ moviment għall-ħaddiema u l-familji tagħhom fi ħdan il-Komunità. Din il-fehma hija appoġġjata wkoll mid-diċitura ta’ l-Artikolu 42 KE, li jiddikjara li l-Kunsill għandu jadotta l-arranġamenti neċessarji sabiex jiżgura l-ħlas tal-benefiċċji lil persuni residenti fit-territorji ta’ l-Istati Membri.
30. Fl-aħħarnett, il-Gvern Olandiż jenfasizza li jekk il-benefiċċju ta’ l-anzjanità għandu jiġi kkalkulat skond l-Artikolu 48(2) tar-Regolament Nru 1408/71 dan ma jfissirx li huwa esportabbli għal pajjiż li mhux Stat Membru u għandu jitħallas hemmhekk. Din il-kwistjoni mhix regolata mir-Regolament Nru 1408/71 u hija esklużivament suġġetta għal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
31. L-SVB, il-konvenut fil-kawża quddiem il-qorti nazzjonali tar-rinviju, huwa tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta negattiva għad-domanda preliminari.
32. Skond l-SVB, l-ewwel nett, ir-Regolament jiggarantixxi drittijiet u vantaġġi biss lill-ħaddiema li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità. Wieħed ma jistax jiddeduċi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, bħala regola ġenerali, persuni li jaqgħu taħt l-ambitu personali tar-Regolament awtomatikament jistgħu jieħdu drittijiet minnu.
33. Barra minn hekk, l-SVB ikun meħtieġ japplika l-Artikolu 48 tar-Regolament fil-każ ta’ persuna li qed tagħmel it-talba għal pensjoni li tkun residenti barra mill-Komunità biss jekk il-benefiċċji li għandhom jiġu aggregati kienu esportabbli fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolament. Jidher li l-Artikolu 10 jiggarantixxi biss l-esportabbiltà ta’ pensjoni lejn Stat Membru ieħor. Dan jimplika li l-Artikolu 10 ma jobbligax lill-awtoritajiet Daniżi jagħmlu pensjoni esportabbli barra mill-Unjoni, biex b’hekk ikun illoġiku jekk l-Artikolu 48 tar-Regolament jobbliga lill-awtoritajiet Olandiżi jqisu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li ħallas K.D. Chuck tul id-disa’ xhur li qatta’ fid-Danimarka u li b’hekk dawn il-kontribuzzjonijiet kellhom effett barra mill-Komunità. F’din il-kawża, huwa biss fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali Olandiż li K.D. Chuck huwa intitolat jesporta lejn l-Istati Uniti drittijiet għall-pensjoni li ġejjin mill-AOW.
34. B’hekk, peress li d-dritt Komunitarju ma jipprovdix biex il-benefiċċji Daniżi jiġu esportati, mhux possibbli a fortiori li mid-dritt Komunitarju jinkiseb id-dritt li tkun esportata l-aggregazzjoni ta’ dawn il-benefiċċji fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regolament. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004. (7)
V – Evalwazzjoni
35. Fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, il-punt essenzjali in kwistjoni bejn il-partijiet huwa jekk, skond l-Artikolu 48(2) tar-Regolament, l-SVB missux qies il-perijodu ta’ l-assigurazzjoni ta’ disa’ xhur fid-Danimarka tar-rikorrent meta kkalkula l-pensjoni tiegħu pagabbli mill-SVB.
36. F’din il-kawża, mhux qed jiġi kkontestat il-prinċipju ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regolament, bħala tali. L-Artikolu 48 tar-Regolament jittratta l-kwistjoni speċifika tal-perijodi ta’ l-assigurazzjoni ta’ inqas minn sena skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru partikolari. L-Artikolu 48(1) jipprovdi li, minħabba l-qosor tal-perijodu ta’ l-assigurazzjoni, l-istituzzjoni li tamministra dik il-leġiżlazzjoni tinħeles mill-obbligu tagħha li tagħti l-benefiċċji. L-Artikolu 48(2) tar-Regolament jiżgura li tali perijodi madankollu jitqiesu mill-awtorità nazzjonali ta’ l-Istat Membru kompetenti għall-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni. (8)
37. Il-punt in kwistjoni huwa jekk dak l-Artikolu għandux jiġi applikat fil-każ ta’ ħaddiem li mhux residenti fil-Komunità fiż-żmien meta jitlob pensjoni.
38. L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi żewġ kriterji kumulattivi li għandhom jiġu sodisfatti sabiex ir-Regolament japplika għas-sitwazzjoni ta’ individwu: iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-Komunità (jew l-istatus ta’ persuna mingħajr Stat jew ta’ refuġjat residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri) u l-affiljazzjoni mas-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru.
39. Madankollu, ir-Regolament Nru 1408/71 ma jistabbilixxix regoli speċifiċi rigward l-ambitu territorjali tiegħu jew is-sitwazzjoni legali ta’ drittijiet għall-pensjoni miksuba minn ħaddiema li sussegwentement iċċaqalqu lejn pajjiż li mhux Stat Membru.
40. Huwa minnu li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71 espressament jipprojbixxi dawk li jissejħu klawżoli ta’ residenza biss safejn huma kkonċernati l-Istati Membri tal-Komunità. Dan, minnu nnifsu, però ma jippermettix il-konklużjoni li ħaddiema jieqfu jibbenefikaw mid-drittijiet ipprovduti minn dan ir-Regolament meta jiċċaqalqu lejn pajjiż li mhux Stat Membru. Tabilħaqq, id-definizzjoni ta’ l-applikazzjoni territorjali tat-Trattat fl-Artikolu 299 KE ma tipprekludix lid-dritt Komunitarju milli jkollu effetti barra mit-territorju ta’ l-Unjoni. (9)
41. Għalhekk, jeħtieġ li nħarsu lejn l-iskema ġenerali u lejn l-għan ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regolament sabiex niddeterminaw jekk il-post ta’ residenza tal-persuna li qed tagħmel it-talba fiż-żmien meta ressqet it-talba għall-pensjoni għandux ikun importanti għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ aggregazzjoni ta’ perijodi qosra ta’ l-assigurazzjoni kif provdut fl-Artikolu 48(2) tar-Regolament.
42. L-ewwel nett nistgħu nosservaw il-fatt li r-Regolament Implimentattiv tar-Regolament Nru 1408/71 jinkludi regola li tiddetermina l-awtorità kompetenti tas-sigurtà soċjali għall-pretensjonijiet għal pensjoni li jsiru mir-residenti ta’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri. Dan jidher li jindika li r-Regolament Nru 1408/71 huwa maħsub biex japplika għal persuni li qed jagħmlu t-talba li ma jkunux residenti fil-Komunità fiż-żmien meta jressqu t-talba tagħhom.
43. Rigward l-Artikolu 48(2) tar-Regolament Nru 1408/71, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement sostniet li regolamenti adottati għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 42 KE għandhom bħala l-għan tagħhom li jistabbilixxu l-akbar libertà ta’ moviment possibbli għal ħaddiema migranti fi ħdan is-suq komuni u għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ dak il-għan. (10)
44. Ir-Regolament Nru 1408/71 ifittex li jilħaq dan il-għan billi jipprevjeni effetti negattivi possibbli li l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment għall-ħaddiema jista’ jkollu fuq it-tgawdija, mill-ħaddiema u mill-familji tagħhom, tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Rigward id-drittijiet għall-pensjoni, ir-Regolament huwa mfassal biex jikkonsolida l-karriera ta’ ħaddiema li jmorru jaħdmu f’pajjież ieħor fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet lil diversi sistemi tas-sigurtà soċjali u b’hekk jipprovdi lill-ħaddiema biċ-ċertezza legali li se jżommu d-drittijiet għall-pensjoni li ġejjin mill-kontribuzzjonijiet tagħhom lil sistemi ta’ pensjonijiet b’mod simili għal ħaddiem li ma eżerċitax id-dritt tiegħu tal-libertà ta’ moviment fi ħdan il-Komunità. (11)
45. L-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1408/71 jitratta b’mod aktar speċifiku l-aggregazzjoni ta’ perijodi ta’ l-assigurazzjoni ta’ inqas minn sena taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru partikolari ma’ perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati fi Stati Membri oħra. Jekk perijodi ta’ assigurazzjoni qosra kkompletati skond il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru partikolari ma kellhomx jitqiesu fil-kalkolu tal-pensjoni fl-età ta’ l-irtirar, dan it-telf jista’ jaffettwa d-deċiżjoni ta’ ħaddiem li jeżerċita d-dritt tiegħu li jiċċaqlaq bil-libertà kollha fi ħdan il-Komunità għaliex jidher biċ-ċar li ħaddiem, meta jiddeċiedi li jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor, ma jkunx jista’ jipprevedi kemm se jdum jaħdem hemmhekk u jekk hux se jkun jista’ jikseb id-drittijiet għall-pensjoni taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Għalhekk, l-Artikolu 48 tar-Regolament jiżgura li tali perijodi jiġu aggregati mal-perijodi ta’ l-assigurazzjoni skond il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, sabiex ikunu jistgħu jagħtu lok għal ħlas ta’ pensjoni anki jekk, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali biss, ma jkun jista’ jinkiseb l-ebda intitolament awtonomu għal pensjoni għall-anzjanità minn tali perijodi ta’ assigurazzjoni qosra.
46. Fil-każ ta’ K.D. Chuck, jidher biċ-ċar li ċ-ċaqliqa tiegħu mill-Olanda lejn l-Istati Uniti m’għandha l-ebda relazzjoni mal-libertà ta’ moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità. Din il-konnessjoni, madankollu, ġejja mill-fatt li preċedentement huwa eżerċita d-dritt tiegħu tal-libertà ta’ moviment fi ħdan il-Komunità, meta ħadem, bħala ċittadin Britanniku, fl-Olanda qabel ma telaq lejn id-Danimarka biex hemmhekk ħadem għal disa’ xhur u mbagħad reġa’ lura lejn l-Olanda. Dawn huma preċiżament it-tip ta’ ċirkostanzi li fihom ir-Regolament Nru 1408/71 ifittex li jiżgura li d-drittijiet għas-sigurtà soċjali ta’ ħaddiem ma jkunux affettwati ħażin mill-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment.
47. Ċittadin Komunitarju tabilħaqq ma jistax jipprevedi, meta jieħu d-deċiżjoni jekk imurx jaħdem għal perijodu qasir fi Stat Membru ieħor, fejn se jkun residenti meta jirtira. B’hekk, jekk jista’ jkun il-każ li perijodu qasir ta’ ħidma fi Stat Membru partikolari, bħad-disa’ xhur li K.D. Chuck qatta’ fid-Danimarka, ma jitqisux fil-kalkolu tal-pensjoni fl-età ta’ l-irtirar, skond jekk il-ħaddiem ikunx residenti fil-Komunità meta jitlob il-pensjoni, tali inċertezza tista’ taffettwa d-deċiżjoni ta’ ħaddiem li jeżerċita d-dritt tiegħu li jiċċaqlaq bil-libertà kollha fi ħdan il-Komunità fi stadju preċedenti tal-karriera professjonali tiegħu, meta jaħdem fil-Komunità. Tali riżultat ikun imur kontra l-għan tar-Regolament Nru 1408/71, peress li jista’ joħloq diżinċentiv għall-ħaddiema biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà ta’ moviment fi ħdan il-Komunità.
48. Minn dak li ngħad aktar’il fuq jirriżulta li fid-dawl ta’ l-għan tiegħu, l-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu japplika għal sitwazzjoni bħalma hija dik ta’ K.D. Chuck.
49. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-analiżi tal-prinċipji sottostanti r-Regolament Nru 1408/71. Pjuttost milli jadotta miżuri mfassla biex jarmonizzaw il-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri, id-dritt Komunitarju jipprovdi għall-koordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali. (12) Prinċipju fundamentali ta’ dik il-koordinazzjoni huwa li kontribuzzjonijiet li jsiru lil diversi sistemi nazzjonali tal-pensjonijiet jiġu rikonoxxuti minn Stati Membri oħra u d-drittijiet miksuba minn tali kontribuzzjonijiet jinżammu sa l-irtirar. Filwaqt li r-Regolament Nru 1408/71 ma jinkludix dispożizzjoni li tiddikjara espressament dan il-prinċipju ta’ żamma ta’ drittijiet miksuba, kemm il-prinċipju ta’ aggregazzjoni kif ukoll il-prinċipju tar-rinunzja għar-rekwiżiti ta’ residenza fil-fatt huma mezz biex ikun żgurat li dan il-prinċipju jkun sodisfatt b’mod sħiħ. (13)
50. Dan il-prinċipju kien konsistentement applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-applikazzjoni tiegħu, per eżempju, hija apparenti fis-sentenza Belbouab, (14) fejn, billi strieħet fuq il-prinċipju taċ-ċertezza legali, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tal-fehma li l-fatt li l-persuna li qed tagħmel it-talba kienet, fi żmien it-talba għall-pensjoni, ċittadina ta’ pajjiż li mhux Stat Membru ma ppreveniex lir-Regolament Nru 1408/71 milli japplika għall-kalkolu tal-pensjoni tagħha. Dak li kien importanti kien il-fatt li, fi żmien l-impjieg u l-assigurazzjoni, il-ħaddiem kien issodisfa ż-żewġ kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1408/71, u b’mod partikolari, dak li kien ta’ rilevanza partikolari għal dak il-każ, kien li huwa kien ċittadin Komunitarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx li kien rilevanti għall-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni tal-persuna li qed tagħmel it-talba li sussegwentement kienet tilfet iċ-ċittadinanza tagħha u saret ċittadina ta’ pajjiż li mhux Stat Membru. Sakemm il-persuna li qed tagħmel it-talba kienet tissodisfa fl-istess ħin iż-żewġ kundizzjonijiet sabiex japplika r-Regolament, hija kisbet dritt li jkollha d-drittijiet għall-pensjoni tagħha kkalkulati skond ir-Regolament (15) u dan id-dritt ma setax jiġi affettwat minn bidla sussegwenti fiċ-ċittadinanza.
51. Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat dan ir-raġunament aktar reċentement fil-kawża Buhari Haji, (16) imma bi żvantaġġ għall-persuna li għamlet it-talba. Dak iż-żmien meta kienet impjegata u ħallset il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali skond il-leġiżlazzjoni Belġjana, il-persuna li għamlet it-talba kienet ċittadina tar-Renju Unit, (17) li kien għadu mhux Stat Membru tal-Komunità. B’hekk, din il-persuna ma kinitx tissodifa fl-istess ħin il-kundizzjonijiet li tkun ċittadina ta’ Stat Membru tal-Komunità u li tkun affiljata mas-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru. Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 1408/71 ma kienx japplika għas-sitwazzjoni ta’ din il-persuna.
52. Jirriżulta li sabiex ikun iddeterminat jekk individwu jistax jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, speċjalment tar-regoli tal-kalkolu bħall-Artikolu 48(2), huwa biżżejjed li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament. Il-prinċipju taċ-ċertezza legali jeħtieġ illi dawn il-kundizzjonijiet jiġu eżaminati b’referenza diretta għall-perijodi li matulhom il-ħaddiem in kwistjoni wettaq ħidmietu. (18) Applikazzjoni konsistenti ta’ dak il-prinċipju timplika wkoll li avveniment sussegwenti, bħar-residenza fiż-żmien meta tressqet it-talba għal pensjoni, ma jistax jaffettwa d-dritt tal-persuna li qed tagħmel it-talba li jkollha l-pensjoni tagħha kkalkulata skond ir-regoli tal-kakolu inklużi fir-Regolament Nru 1408/71, u speċjalment skond l-Artikolu 48(2) tar-Regolament. (19)
53. F’dan il-każ, K.D. Chuck dejjem kien ċittadin Britanniku u kien affiljat bħala ħaddiem mas-sistemi tas-sigurtà soċjali ta’ l-Olanda u tad-Danimarka. B’hekk huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli tar-Regolament Nru 1408/71 safejn għandhom x’jaqsmu l-kontribuzzjonijiet tiegħu lis-sistemi tas-sigurtà soċjali ta’ l-Istati Membri tal-Komunità.
54. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ma jkunx kompatibbli mas-sistema u ma’ l-għan tar-Regolament li l-kalkolu ta’ pensjoni jsir skond l-Artikolu 48(2) tar-Regolament bla ħsara għall-kundizzjoni li l-applikant ikun residenti fi ħdan il-Komunità fiż-żmien meta jagħmel it-talba tiegħu.
55. Madankollu għandha ssir distinzjoni bejn din il-konklużjoni u l-kwistjoni ta’ jekk hux possibbli li wieħed jikseb il-ħlas ta’ pensjoni, ikkalkulata skond l-Artikolu 48(2) tar-Regolament, f’pajjiż li mhux Stat Membru. Meta jitqiesu l-osservazzjonijiet li ressqu l-SVB u l-Gvern Olandiż u sabiex il-qorti tar-rinviju tkun ipprovduta b’risposta utli għad-domanda preliminari, jidher li jeħtieġ li nagħmel ir-rimarki li ġejjin dwar il-kwistjoni ta’ l-aħħar.
56. Filwaqt li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi għal dritt eżegwibbli sabiex wieħed jirċievi pensjoni mħallsa fi kwalunkwe Stat Membru tal-Komunità, ir-Regolament, u d-dritt Komunitarju b’mod ġenerali, ma jinkludux dispożizzjoni li teħtieġ li l-Istati Membri jħallsu pensjonijiet lil pajjiżi li mhumiex Stati Membri. Dan jimplika li, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, K.D. Chuck m’għandux dritt eżegwibbli li jkollu l-pensjoni mħallsa f’kont bankarju fl-Istati Uniti. (20)
57. Il-ħlas ta’ pensjoni lil pajjiż li mhux Stat Membru għalhekk jibqa’ suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ta’ l-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità tal-pensjonijiet meħtieġa li tħallas il-pensjoni. Fil-prattika, dan ifisser li l-possibbiltà li wieħed ikollu l-pensjoni mħallsa lil pajjiż li mhux Stat Membru u l-possibbiltajiet prattiċi għal tali ħlas se jvarjaw skond id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ta’ l-Istat Membru li huwa kompetenti li jħallas il-pensjoni. Dan id-dritt nazzjonali jista’ jkun affettwat minn konvenzjonijiet bilaterali dwar is-sigurtà soċjali li l-Istati Membri jkunu adottaw individwalment ma’ għadd ta’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri. Tali konvenzjonijiet ġeneralment jipprovdu, fost oħrajn, għall-possibbiltà li d-drittijiet għall-pensjoni jitħallsu direttament fil-pajjiż li mhux Stat Membru in kwistjoni.
58. Mill-inkartament jidher li hemm konvenzjoni bilaterali bejn l-Olanda u l-Istati Uniti li tittratta d-drittijiet għall-pensjoni. Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tal-perijodi ta’ l-assigurazzjoni u dak ta’ trattament mhux diskriminatorju tal-perijodi ta’ l-assigurazzjoni kkompletati taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra, (21) li t-tnejn huma inerenti fir-Regolament Nru 1408/71, jimplikaw li d-dispożizzjonijiet ta’ tali konvenzjoni, applikabbli għad-drittijet għall-pensjoni li jirriżultaw minn perijodi tal-pensjoni kkompletati taħt il-liġijiet ta’ l-Istat Membru li kkonkluda trattat bilaterali ma’ pajjiż li mhux Stat Membru, iridu jiġu applikati ugwalment għal drittijiet li jirriżultaw minn perijodi ta’ pensjoni kkompletati taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra. (22) B’hekk il-pożizzjoni, li tirriżulta mis-sottomissjonijiet ta’ l-SVB, li l-benefiċċju ta’ l-applikazzjoni ta’ trattat bilaterali jkun limitat esklużivament għal drittijiet għall-pensjoni miksuba fuq il-bażi tal-liġi Olandiża ma tistax tkun segwita.
59. Għaldaqstant, jekk hemm dispożizzjoni ta’ konvenzjoni bilaterali li tippermetti li d-drittijiet għall-pensjoni miksuba skond il-liġi Olandiża jitħallsu fl-Istati Uniti, K.D. Chuck għandu dritt li jirċievi ħlas, fl-Istati Uniti, skond it-termini tal-konvenzjoni bilaterali rilevanti, ta’ pensjoni kkalkulata skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, inkluż l-Artikolu 48(2).
60. Minn dak li ngħad aktar’il fuq, jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1408/71 għall-kalkolu tal-pensjoni ta’ K. D. Chuck fil-fehma tiegħi mhix suġġetta għar-rekwiżit li l-persuna li qed tagħmel it-talba trid tkun residenti fil-Komunità fiż-żmien meta tressaq it-talba għal ħlas ta’ pensjoni.
VI – Konklużjoni
61. Fid-dawl ta’ dak li ngħad aktar’il fuq, jiena tal-fehma li r-risposta għad-domanda rinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun:
Fejn ħaddiem ikun residenti barra mill-Komunità fid-data meta jilħaq età pensjonabbli, l-Artikolu 48 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1396/2001 tal-5 ta’ Ġunju 2001, għandu jkun applikat bl-istess mod bħal fil-każ fejn il-ħaddiem ikkonċernat ikun residenti fit-territorju tal-Komunità.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 05, Volum 01, p. 35 - 82. B’mod aktar reċenti, l-emendi saru, fost l-oħrajn, bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU 2005 L 177, p. 1).
3 – Imħassar bir-Regolament Nru 647/2005.
4 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż, Kapitolu 05, Volum 01 p. 83 - 160), kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU 1997 L 28, p.1).
5 – Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (ĠU 2004 L 166, p. 1).
6 – Skond l-Artikolu 91 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, dan ir-regolament m’għandux japplika sad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament implimentattiv il-ġdid, li għadu ma ġiex adottat (għall-Proposta tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni ara COM/2006/0016 finali).
7 – Essenzjalment, din id-dispożizzjoni hija ripetizzjoni ta’ l-Artikolu 10(1n) tar-Regolament Nru 1408/71.
8 – Ara, f’dan ir-rigward, il-kawża 55/81 Vermaut, Ġabra 1982, p. 649. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-istituzzjoni nazzjonali kompetenti fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-pensjoni għall-irtirar iridu jqisu l-perijodi ta’ l-assigurazzjoni ta’ inqas minn sena, ikkompletati minn ħaddiem skond il-leġiżlazzjoni. Essenzjalment, tali perijodi huma aggregati ma’ perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati f’sistemi ta’ sigurtà soċjali oħra ta’ Stat Membru wieħed jew aktar u li jagħtu lok għal pretensjonijiet għal pensjoni awtonomi taħt dawn il-liġijiet nazzjonali.
9 – Ara, per eżempju, il-kawża C‑214/94, Boukhalfa, Ġabra 1996, p. I‑2253, punt 14.
10 – Sa mill-ewwel deċiżjonijiet tagħha f’dan il-qasam, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement qiegħdet il-leġiżlazzjoni Komunitarja bikrija dwar is-sigurtà soċjali f’dan il-kuntest usa’. Ara, per eżempju, il-kawża 75/63 Unger, Ġabra 1964, p. 177; il-kawża 92/63 Nonnenmacher, Ġabra 1964 p. 281; u l-kawża 1/67, Ciechelski, Ġabra 1967, p. 181.
11 – Ara Prodromos Mavridis, “La sécurité sociale à l’épreuve de l’intégration européenne”, Bruylant 2003, p. 500.
12 – L-Istati Membri jżommu d-dritt li jiddeterminaw it-tipi ta’ benefiċċji soċjali u l-kundizzjonijiet biex dawn jingħataw, filwaqt li d-dritt Komunitarju jimponi ċerti regoli u prinċipji sabiex ikun żgurat li l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali differenti ma taffettwax ħażin lill-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà ta’ moviment fi ħdan il-Komunità.
13 – Ara Prodromos Mavridis, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, p. 524.
14 – Kawża 10/78 Belbouab, Ġabra 1978, p. 1915.
15 – Ara Belbouab, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 8.
16 – Kawża C‑105/89, Ġabra 1990, p. I‑4211.
17 – Ir-rikorrent, li twieled fin-Niġerja, kien ċittadin Britanniku sakemm in-Niġerja saret indipendenti fl-1960, 13-il sena qabel l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-KE, u mbagħad sar Niġerjan. Huwa kien għex u ħadem fil-Kongo Belġjan, sa mill-1937, u ħallas kontribuzzjonijiet lis-sistema tal-pensjonijiet Belġjana sakemm dan it-territorju sar indipendenti fl-1 ta’ Lulju 1960.
18 – Ara, f’dan ir-rigward, Belbouab, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 7.
19 – F’dan ir-rigward, nistgħu nosservaw li sa mis-sentenza Belbouab (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14) sar ċar li l-metodu segwit skond ir-Regolament Nru 1408/71 huwa differenti minn dak segwit mit-trattati internazzjonali dwar is-sigurtà soċjali, fejn ir-rekwiżiti stabbiliti għall-attribuzzjoni ta' benefiċċji soċjali jridu jintlaħqu fi żmien l-avveniment li jagħti lok għad-dritt li wieħed jirċievi l-ħlas tal-benefiċċji, jiġifieri, għad-drittijiet għall-pensjoni, l-età ta’ l-irtirar jew id-data tat-talba għall-pensjoni. (Ara Ph. Gosseries, “Europe sociale – La libre circulation des travailleurs et les règlements CEE Nos 1408/71 et 1612/68: champ d’application matériel et personnel – règle de l’égalité de traitement”, Journal des Tribunaux du travail, 1993, Nru 560, p. 273-274).
20 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Buhari Haji (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16), punt 11. L-Avukat Ġenerali Mischo kien tal-fehma li anki jekk il-persuna li qed tagħmel it-talba kienet ċittadina ta’ Stat Membru tal-Komunità, hija ma setgħatx tistrieħ fuq l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71 biex iġġiegħel lil awtorità nazzjonali tal-pensjonijiet tħallasha l-pensjoni tagħha f’kont ma’ stabbiliment finanzjarju li jinsab fiż-Żaire jew fin-Niġerja.
21 – F’dan ir-rigward huwa importanti li nżommu f’moħħna li filwaqt li l-perijodi ta’ l-assigurazzjoni għandhom jiġu rikonoxxuti reċiprokament mill-awtoritajiet tal-pensjonijiet, dan ma jfissirx li dawn huma konvertiti f’perijodi nazzjonali ta’ l-assigurazzjoni.
22 – Ara, f’dan ir-rigward, il-kawża C‑55/00, Gottardo, Ġabra, 2002, p. I‑413. F’din il-kawża, trattat bilaterali dwar is-sigurtà soċjali bejn Stat Membru u pajjiż li mhux Stat Membru ppermetta li l-perijodi ta’ l-assigurazzjoni fil-pajjiż li mhux Stat Membru taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru jitqisulhom sabiex jiksbu d-dritt għall-benefiċċji ta’ l-anzjanità. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li meta jiddaħħlu fis-seħħ l-impenji skond tali ftehimiet internazzjonali, l-Istati Membri jridu jkunu konformi ma’ l-obbligi li d-dritt Komunitarju jimponi fuqhom. F’dan il-każ, dan kien jimplika li l-awtorità tas-sigurtà soċjali ta’ dak l-Istat Membru kellha tagħti liċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor il-vantaġġi li ċ-ċittadini tiegħu kienu jgawdu skond it-trattat bilaterali dwar is-sigurtà soċjali.
Full & Egal Universal Law Academy