KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
POIARES MADURO
ppreżentati fl-24 ta’ April 20081(1)
Kawża C‑347/06
ASM Brescia SpA
vs
Comune di Rodengo Saiano
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia sezione staccata di Brescia (l-Italja)]
“Suq intern tal-gass naturali – Proroga awtomatika tal-konċessjonijiet relatati mal-operat tas-servizz pubbliku ta’ distribuzzjoni tal-gass”
1. L-effettività, u saħansitra l-prinċipju tal-legalità, tad-dritt Komunitarju jistgħu jsibu ruħhom f’kunflitt mal-imperattivi tal-prinċipju taċ-ċertezza legali. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti rispettivi tagħhom jirrikjedu konċiljazzjoni jew arbitraġġ bejn l-interessi diverġenti tagħhom. Madankollu jekk it-tiftix għal dan l-ekwilibriju, jekk dan diġà jippreżenta ruħu bħala delikat meta l-konfrontazzjoni tidher li hija bejn żewġ normi Komunitarji, jista’ jkun saħansitra iktar diffiċli f’każ ta’ kunflitt bejn norma Komunitarja u norma nazzjonali. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Komunitarju ma jidhirx li huwa dejjem l-iktar strument utli sabiex tinstab soluzzjoni għal dan il-kunflitt inkwantu l-prinċipju ta’ ċertezza legali, filwaqt li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt komuni fil-parti l-kbira tas-sistemi legali nazzjonali, huwa wkoll prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Fi kliem ieħor, id-domandi preliminari li saru jippreżupponu riflessjoni dwar il-portata tal-obbligi imposti mid-dritt Komunitarju fil-kuntest tal-konformità tad-dritt dritt nazzjonali li jkun kuntrarju miegħu.
2. Huwa f’dan il-kuntest li qed isiru d-domandi preliminari magħmula mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia sezione staccata di Brescia (l-Italja) (iktar’il quddiem it-“TAR”). Il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-implikazzjonijiet tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ trasparenza li jirriżultaw mill-Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/55/KE tas-26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE(2) (iktar’il quddiem id-“Direttiva 2003/55”), fir-rigward tal-konċessjonijiet ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali assenjati oriġinarjament mingħajr kwalunkwe proċedura ta’ sejħa għal offerti. B’mod iktar preċiż, il-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda leġiżlazzjoni interna li torganizza perijodu tranżitorju, li ġie pprorogat darbtejn, sabiex jintemmu b’mod antiċipat l-imsemmija konċessjonijiet, bil-għan li tinkiseb konformità mar-rekwiżiti preżupposti tad-dritt Komunitarju.
I – Il-fatti fil-kawża prinċipali, il-kuntest ġuridiku u t-talba għal deċiżjoni preliminari
3. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ASM Brescia SpA (iktar’il quddiem “ASM Brescia”, ibbenefikat minn konċessjoni għas-servizz ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali fil-komun ta’ Rodengo Saiano (iktar’il quddiem il-“komun”) permezz ta’ ftehim konkluż mal-imsemmi komun fis-27 ta’ Frar 1984 fin-nuqqas ta’ kwalunkwe proċedura ta’ sejħa għal offerti mill-operaturi potenzjali. Il-konċessjoni kellha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2029. Il-leġiżlatur Taljan madankollu xtaq li jantiċipa t-tmiem tal-konċessjonijiet assenjati mingħajr sejħa għal offerti fid-dawl tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 98/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali(3).
4. Għal dan il-għan, fit-23 ta’ Mejju 2000 dan adotta d-Digriet leġiżlattiv Nru 164(4) (iktar’il quddiem id-“Digriet Nru 164/2000”), li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ libertà tal-attivitajiet ta’ importazzjoni, esportazzjoni, trasport u tqassim, distribuzzjoni u bejgħ tal-gass. Minn hemm’il quddiem huwa previst li l-attività ta’ distribuzzjoni, li hija kklassifikata bħala servizz pubbliku komunali, hija assenjata skont l-Artikolu 14 tad-Digriet Nru 164/2000, lil konċessjonarji magħżula esklużivament permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għal perijodu massimu ta’ 12-il sena.
5. Sabiex tiġi aċċelarata t-tranżizzjoni għall-assenjazzjoni tal-konċessjonijiet eżistenti permezz ta’ sejħa għal offerti, l-Artikolu 15 (5) u (7) tad-Digriet Nru 164/2000 jistabbilixxu:
“5. Għall-attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-gass, il-konċessjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, kif ukoll dawk assenjati lil kumpanniji li jirriżultaw mit-trasformazzjoni tal-operaturi attwali, jibqgħu fis-seħħ sad-data ta’ skadenza ffissata, jekk din isseħħ qabel l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju previst fil-paragrafu 7. Il-konċessjonijiet fis-seħħ li ma jkollhomx data ta’ skadenza, jew li d-data ta’ skadenza tagħhom tkun tagħlaq wara l-perijodu tranżitorju, jinżammu fis-seħħ sat-tmiem tal-imsemmi perijodu tranżitorju.
[... ]
7. It-terminu tal-perijodu tranżitorju stabbilit fil-paragrafu 5 huwa ta’ ħames snin u jibda jiddekorri mill-31 ta’ Diċembru 2000. […]”
6. L-Artikolu 15(7) tad-Digriet 164/2000 jipprovdi minbarra dan li t-tmiem tal-perijodu tranżitorju jista’ jiġi pprorogat sa mhux iktar minn ħames snin, jiġifieri sa l-2010, kemm-il darba jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet elenkati fih.
7. It-terminu tal-perijodu tranżitorju ġie emendat għall-ewwel darba fl-2004, fejn l-Artikolu 1(69) tal-Liġi Nru 239 tat-23 ta’ Awissu 2004 jistipula li minn dik id-data’il quddiem “[…] [il-] perijodu tranżitorju stabbilit fl-Artikolu 15(5) [tad-Digriet Nru 164/2000] għandu jintemm sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2007 bil-kundizzjoni li l-entità lokali li tagħti l-konċessjoni jkollha l-fakultà li testendi, fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, it-terminu tal-perijodu tranżitorju b’sena fuq il-bażi ta’ raġunijiet ta’ interess pubbliku.[…]”
8. Quddiem il-kumplessità tas-sistema stabbilita u l-inċertezzi li din kienet toħloq fir-rigward tat-terminu tal-perijodu tranżitorju li matulu kellhom jintemmu l-konċessjonijiet assenjati fin-nuqqas ta’ kwalunkwe sejħa għal offerti, il-leġiżlatur adotta digriet ġdid fl-2005, id-Digriet leġiżlattiv Nru 273 tat-30 ta’ Diċembru 2005 (iktar’il quddiem id-“Digriet Nru 273/2005”).
9. Il-kunflitt bejn il-kumpannija rikorrenti ASM Brescia u l-komun li miegħu hija marbuta kuntrattwalment jagħti prova tal-ambigwitajiet ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet suċċessivi. In-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet dwar it-tmiem tal-perijodu tranżitorju u, b’konsegwenza, dwar l-iskadenza tal-konċessjoni inkwistjoni, iwassal sabiex il-kumpannija rikorrenti tippreżenta rikors għal annullament kontra d-deliberazzjoni tal-komun tad-19 ta’ Lulju 2005, li ffissa l-iskadenza tal-imsemmija konċessjoni għall-31 ta’ Diċembru 2005.
10. It-TAR ċaħad, permezz ta’ digriet kawtelatorju tat-18 ta’ Ottubru 2005, it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
11. Id-Digriet Nru 273/2005, li daħal fis-seħħ matul il-kawża, kellu jikkjarifika s-sitwazzjoni. Huwa jistabbilixxi fl-Artikolu 23(1) tiegħu li t-tmiem tal-perijodu tranżitorju għandu jiġi ddifferit awtomatikament sal-31 ta’ Diċembru 2007 u li dan jista’ jiġi pprorogat għal sentejn, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2009 jekk tkun sodisfatta ta’ mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(7) tad-Digriet Nru 164/2000. Fuq il-bażi tal-imsemmi Digriet, l-impriża b’hekk qieset li l-konċessjoni tagħha ma kellhiex tintemm ta’ mill-inqas mhux qabel il-31 ta’ Diċembru 2007, jew l-iktar tard, fil-31 ta’ Diċembru 2009.
12. Wara li rrikonoxxa l-applikabbiltà tad-Digriet Nru 273/2005 għall-kawża, il-Consiglio di Stato laqa’ permezz ta’ digriet kawtelatorju tal-21 ta’ Frar 2006, it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
13. Għalkemm dik il-kwistjoni ġiet riżolta, xorta jibqa’ l-fatt li t-TAR, li ġie msejjaħ jagħmel eżami dwar il-merti tal-kawża, għandu dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-proroga tal-perijodu tranżitorju li matulu l-konċessjonijiet, li inizjalment kellhom jintemmu wara dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni, raw it-terminu tagħhom imqassar.
14. It-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia sezione staccata di Brescia ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Il-proroga awtomatika u ġeneralizzata sal-31 ta’ Diċembru 2007 tal-konċessjonijiet fis-seħħ ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali, li oriġinarjament ġew assenjati mingħajr proċedura preliminari ta’ sejħa għal offerti, hija kompatibbli mal-Artikoli 43 KE, 49 KE, 86(1) KE kif ukoll mal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ trasparenza?
2) Il-prorogi awtomatiċi supplimentari sal-31 ta’ Diċembru 2009 tal-konċessjonijiet fis-seħħ ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali, li oriġinarjament ġew assenjati mingħajr proċedura preliminari ta’ sejħa għal offerti f’dawn iċ-ċirkustanzi:
a) meta l-konċessjonarju jkun wettaq amalgamazzjoni legali li tippermetti li jservi klijentela li tkun id-doppju tal-klijentela inizjali tal-kumpannija prinċipali amalgamata;
b) meta l-konċessjonarju jkun kiseb klijentela ta’ iktar minn 100 000 konsumatur finali, jew jiddistribwixxi kwantità ta’ gass ta’ iktar minn 100 miljun metru kubiku fis-sena, jew jeżerċita l-attività tiegħu f’żona ta’ mill-inqas ugwali għat-territorju kollu ta’ provinċja;
c) meta mill-inqas 40 % tal-kapital awtorizzat tal-konċessjonarja jkun ġie ttrasferit lil assoċjati privati;
huma kompatibbli mal-Artikoli 43 KE, 49 KE, 86(1) KE kif ukoll mal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ trasparenza?
3) Il-proroga tal-konċessjonijiet matul id-distribuzzjoni tal-gass naturali kemm fil-każ deskritt fl-ewwel domanda kif ukoll fil-każijiet deskritti fit-tieni domanda hija kompatibbli ma’ raba’, mat-tmien, mal-għaxar, u mat-tmintax-il premessa tad-Direttiva 2003/55/KE tas-26 ta’ Ġunju 2003, kif ukoll mal-Artikolu 23(1) tal-istess direttiva, l-Artikolu 10 KE u l-prinċipji ta’ raġonevolezza u ta’ proporzjonalità, meta jitqiesu b’mod partikolari:
a) l-obbligu impost fuq l-Istati li jsegwu sewwa l-għan ta’ liberalizzazzjoni tas-suq tal-gass naturali qabel it-tmiem tal-1 ta’ Lulju 2007;
b) il-projbizzjoni għall-Istati Membri li jistabbilixxu jew iżommu fis-seħħ regoli nazzjonali li jmorru kontra l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-gass naturali;
c) l-obbligu impost fuq l-Istati li jipprovdu, għat-terminu tal-perijodu tranżitorju, skadenza raġonevoli, u li tkun suġġetta għal rekwiżiti oġġettivi?”
15. Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment dwar safejn jaslu l-obbligi tal-Istati Membri imposti mit-Trattat u mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/55 dwar il-kuntratti ta’ konċessjoni konklużi mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti.
II – Riformulazzjoni u ammissibbiltà tad-domandi preliminari
16. Safejn il-formulazzjoni tad-domandi preliminari mill-qorti tar-rinviju tista’ twassal għal konfużjoni, għandu jiġi ppreċiżat fl-ewwel lok li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali m’għandhiex bħala effett li tipproroga l-iskadenza tal-konċessjonijiet, iżda li tipprovdi skadenza antiċipata tagħhom stabbilita fil-kuntest ta’ perijodu tranżitorju. Il-proroga msemmija fil-liġi nazzjonali, li tat lok għall-proċedura fil-kawża prinċipali, ma tikkonċernax, fil-fatt, it-terminu tal-konċessjoni, iżda dak tal-perijodu tranżitorju previst sabiex din il-konċessjoni tintemm b’mod antiċipat.
17. Taħt il-benefiċċju ta’ din ir-riżerva, li dwarha jaqblu l-partijiet, fir-realtà l-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mitluba sabiex tiddetermina, minn naħa, jekk id-dritt Komunitarju jipprojbixxix l-għoti ta’ perijodu tranżitorju lill-impriżi kkonċernati sabiex itemmu b’mod antiċipat il-kuntratti ta’ konċessjoni konklużi fin-nuqqas ta’ kwalunkwe proċedura ta’ sejħa għal offerti u, min-naħa l-oħra, b’liema metodi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jestendu jew jimmodifikaw it-terminu ta’ dan il-perijodu tranżitorju.
18. Dan premess, l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari għandha tiġi aċċettata, peress li dawn jeħtieġu interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tista’ tirriżulta utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (5).
III – Eżami tad-domandi preliminari
A – Osservazzjonijiet preliminari dwar id-dispożizzjonijiet applikabbli
19. Il-qorti tar-rinviju tirreferi fl-ewwel żewġ domandi tagħha għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, b’mod partikolari tal-Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE u tinvoka fit-tielet domanda tagħha d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/55 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali. Madankollu, fil-fehma tiegħi huwa opportun li nibdew l-analiżi permezz tal-eżami tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt kif jirriżultaw mill-kawża. Fil-fatt, anki jekk iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt, li għandna quddiemna f’din il-kawża, kellhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva 2003/55, l-obbligi marbuta mal-libertajiet fundamentali kif jirriżultaw mill-Artikoli 43 KE, 49 KE u 86(1) KE xorta jibqgħu determinanti għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din il-kawża.
20. Barra minn hekk, għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi għal “konċessjoni” ta’ distribuzzjoni tas-servizz ta’ gass naturali, għandu jiġi mfakkar li dan il-kunċett għandu definizzjoni awtonoma taħt id-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, huwa fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju sabiex tivverifika jekk il-ftehim konkluż bejn il-komun ikkonċernat u l-kumpannija ASM Brescia jaqax taħt id-definizzjoni ta’ “konċessjoni ta’ servizz” kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (6) li tadotta d-definizzjoni mogħtija fil-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni li tgħid li “konċessjoni teżisti meta l-operatur jassumi r-riskji marbuta mas-servizz inkwistjoni (stabbiliment tas-servizz u l-operat tiegħu) filwaqt li jirċievi ħlas mingħand l-utent, b’mod partikolari permezz tal-impożizzjoni ta’ tariffi, taħt kwalunkwe forma li tkun. Il-metodu ta’ remunerazzjoni tal-operatur huwa, bl-istess mod bħal fil-każ ta’ konċessjoni ta’ xogħol, element li jippermetti li jiġi ddeterminat it-teħid tar-riskju ta’ operat” (7).
21. Jekk il-ftehim inkwistjoni jaqa’ taħt din id-definizzjoni, id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi(8) ma tistax tiġi invokata. Din teskludi espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-konċessjonijiet ta’ servizzi. Min-naħa l-oħra, safejn id-Direttiva 2003/55 tirreferi speċifikament għar-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali, il-qorti a quo tista’ ssaqsi b’mod leġittimu dwar l-invokabbiltà u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha fil-kuntest tal-kawża prinċipali.
B – Fuq it-tielet domanda preliminari: l-applikabbiltà tad-Direttiva 2003/55 għall-kawża prinċipali
22. L-adozzjoni tal-ewwel direttivi dwar l-elettriku fl-1996 u dwar il-gass fl-1998 kienet intiża biex jinkiseb suq intern fejn jiġi preżuppost it-tneħħija tal-monopolji pubbliċi, ħlief għal dawk li jirrigwardaw l-infrastrutturi, favur kompetizzjoni libera u mhux distorta f’dawn l-oqsma. Dawn id-direttivi madankollu jħallu lill-Istati Membri ċerta flessibbiltà f’dak li jikkonċerna l-ftuħ tas-suq, l-organizzazzjoni tal-aċċes għan-netwerk u r-regolamentazzjoni tas-suq. Il-Kummissjoni rrilevat li “fil-prattika, jirriżulta li din is-sitwazzjoni toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni peress li s-suq ta’ ċerti Stati Membri huwa iktar miftuħ għal kompetizzjoni vera milli f’oħrajn”(9). Id-Direttiva 2003/55 ġiet adottata f’dan il-kuntest bil-għan li tistabbilixxi b’mod progressiv ftuħ totali tas-suq tal- gass naturali, jiġifieri billi tagħti l-possibbiltà lill- konsumaturi li jagħżlu liberament lill-fornituri tagħhom u l-fornituri tagħhom li liberament jikkonsenjaw lill-klijenti tagħhom(10). L-għan ta’ din id-direttiva ġdida huwa li jiġu adottati "disposizzjonijiet konkreti biex jiġi żgurat illi jkun hemm kondizzjonijet ugwali u li jitnaqqsu r-riskji ta’ dominanza fis-suq u atteġġjament predatorju, li jiġu aċċertati tariffi tat-trasmissjoni u tad-distribuzzjoni mhux diskriminatorji, permezz ta’ aċċess għan-netwerk a bażi ta’ tariffi ppubblikati qabel ma jidħlu fis-seħħ, u li jiġi aċċertat li d-drittijiet tal-konsumaturi żgħar u vulnerabbli jiġu mħarsa”(11). Għal dan il-għan, id-Direttiva 2003/55 telimina l-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħżlu aċċess innegozjat għan-netwerks tal-gass u tobbligahom li jifirdu legalment l-operazzjoni tas-sistemi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni minn aspetti oħrajn tal-attività.
23. Minkejja dan, qabel ma jiġi eżaminat jekk l-imsemmija direttiva tipprekludix li jiġi stabbilit perijodu tranżitorju li matulu l-konċessjonijiet ta’ servizzi inkwistjoni għandhom jintemmu b’mod antiċipat, għandha tiġi eżaminatż fl-ewwel lok il-portata tal-obbligi tal-Istati Membri imposti minn din id-direttiva. B’mod iktar partikolari għandu jiġi kkunsidrat li dan it-test jimponi lill-Istati Membri li jtemmu b’mod antiċipat dawn il-konċessjonijiet u, biss fl-affermattiv, mil-liema mument għandu jiġi impost dan l-obbligu u skont liema metodi?
24. Fuq dan l-ewwel punt, il-partijiet kollha jaqblu dwar in-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni fid-Direttiva 2003/55 li tindika obbligu li l-konċessjonijiet inkwistjoni jiġu mitmuma b’mod antiċipat. Madankollu l-qorti nazzjonali ssaqsi dwar il-rilevanza b’mod partikolari tal-Artikolu 23(1)(c) tad-Direttiva 2003/55 li jista’, fil-fehma tagħha, jimponi dan l-obbligu fuq l-Istati Membri sa mill-1 ta’ Lulju 2007. Dan l-Artikolu jipprovdi: “l-Istati Membri għandhom jaċċertaw illi l-klijenti eliġibbli huma […] mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2007, il-klijenti kollha”. Minn dan jirriżulta li, f’din id-data ta’ skadenza, il-klijenti kollha huma preżunti, b’mod konformi mad-dritt Komunitarju, li għandhom aċċess għall-fornitur magħżul minnhom biex jixtru l-gass naturali.
25. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ssuġġerita mill-qorti a quo tidher li mhijiex korretta fir-rigward tal-kuntratti ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali. Dan l-Artikolu fil-fatt jirrigwarda biss il-fornitura u mhux id-distribuzzjoni tal-gass naturali. Għaldaqstant, minn din id-dispożizzjoni ma jista’ jiġi dedott ebda obbligu għall-Istati Membri li jtemmu l-kuntratti ta’ distribuzzjoni assenjati fin-nuqqas ta’ kwalunkwe proċedura ta’ sejħa għal offerti. Effettivament, kif tirrileva korrettament il-Kummissjoni, l-iskadenza tal-1 ta’ Lulju 2007 applikata għall-kuntratt ta’ fornitura ma tistax tiġi trasposta għall-kuntratti ta’ distribuzzjoni, ħlief jekk wieħed jieħu l-post tal-leġiżlatur Komunitarju.
26. Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2003/55 ma tagħti sostenn għall-obbligu ta’ terminazzjoni antiċipata tal-konċessjonijiet eżistenti. L-artikoli tad-Direttiva 2003/55 li jirreferu għad-distribuzzjoni tal-gass naturali, b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) u l-Artikoli 11 u 18, huma limitati prinċipalment sabiex jipprovdu li n-nomina ta’ operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni għandha ssir fuq kwistjonijiet ta’ effikaċja u bilanċ ekonomiku (Artikolu 11) skont kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji (Artikolu 4(2)). L-operaturi għandhom, barra minn hekk, jassiguraw aċċess ta’ terzi għas-sistema mingħajr diskriminazzjoni u bi trasparenza sħiħa, b’mod partikolari fir-rigward tat-tariffi u l-metodi ta’ kalkolu applikati (Artikolu 18).
27. Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa impossibbli li jiġi dedott, minn sempliċi qari ta’ dan it-test, xi obbligu impost fuq l-Istati Membri li jipproċedu b’mod antiċipat għat-terminazzjoni tal-konċessjonijiet ta’ distribuzzjoni inkwistjoni assenjati qabel ma ġie adottat it-test imsemmi. Minkejja din il-konstatazzjoni, għandu jingħad ukoll li d-Direttiva 2003/55 madankollu ma tipprekludix din it-terminazzjoni. Iżda xorta jibqa’ l-fatt li d-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija tad-Direttiva 2003/55 ma jippermettux li jiġi ddeterminat jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
28. B’hekk, it-tielet domanda preliminari għandha tiġi risposta li d-Direttiva 2003/55 ma timponix it-terminazzjoni antiċipata tal-kuntratti ta’ distribuzzjoni tal-gass assenjati oriġinarjament mingħajr kwalunkwe proċedura ta’ sejħa għal offerti, mingħajr ma huwa possibbli madankollu li jiġi kkunsidrat li hija tipprekludi espressament tali possibbiltà.
29. Madankollu, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni sussidjarja ma tostakolax l-applikazzjoni “[tar]-regoli fundamentali tat-Trattat b’mod ġenerali u [tal-]prinċipju ta’ non diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità b’mod partikolari”(12). Hija qalet ukoll li d-“dispożizzjonijiet tat-Trattat applikabbli għall-konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi, b’mod partikolari l-Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità huma espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ trattament ugwali”(13). Fi kliem ieħor, l-għażla tal-konċessjonarju għandha ssir fl-osservanza tal-prinċipji tat-Trattat. B’konsegwenza, ir-risposta għad-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju għandha titfittex fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji li huma intiżi sabiex jiggarantixxu, fil-kawża prinċipali, l-għanijiet ta’ moviment liberu.
C – Fuq l-ewwel żewġ domandii
30. Meta l-qorti tar-rinviju ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt Komunitarju jipprojbixxix l-istabbiliment ta’ perijodu tranżitorju, kif ukoll il-proroga tiegħu, biex jintemmu konċessjonijiet assenjati oriġinarjament bi ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali kif jirriżultaw mill-Artikoli 43 KE u 49 KE(14), hija fir-realtà tqajjem żewġ problemi fir-rigward tal-moviment liberu.
31. Għalkemm fil-kuntest ta’ rinviju preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha li tinterpreta d-dritt Komunitarju b’mod astratt, hija għandha madankollu tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni meħtieġa sabiex tiddeċiedi l-kawża. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddeċidiet li hija kompetenti sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha rilevanti tad-dritt Komunitarju li jistgħu jippermettu lil din tal-aħħar sabiex tevalwa l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mad-dritt Komunitarju(15). F’din il-kawża, jidhirli li huwa neċessarju li jiġu ppreċiżati d-diversi stadji ta’ raġunament ġuridiku li l-qorti nazzjonali għandha ssegwi biex tiddeċiedi l-kawża prinċipali.
32. F’din il-perspettiva, ir-risposta għad-domandi preliminari magħmula timplika li jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi ż-żamma tal-konċessjonijiet eżistenti sat-tmiem ta’ perijodu tranżitorju stabbilit sabiex jiġu mitmuma b’mod antiċipat l-imsemmija konċessjonijiet tirrappreżentax ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment u, fl-affermattiv, li jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk din ir-restrizzjoni tistax madankollu tiġi aċċettata fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ deroga espressament previsti fl-Artikoli 45 KE u 46 KE jew iġġustifikati, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.
33. Fuq bażi sussidjarja, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża għandha rabta mal-kummerċ intrakomunitarju inkwantu operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-attività ta’ distribuzzjoni tal- gass fit-territorju Taljan. Id-domandi preliminari magħmula b’hekk jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, minkejja li l-elementi kollha tal-kawża prinċipali jinsabu ġewwa Stat Membru wieħed(16).
1. Fuq l-eżistenza ta’ ostakolu
34. Ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll mill-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ trasparenza ġew ippreċiżati, f’diversi okkażjonijiet, mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, b’mod partikolari fis-sentenzi ċċitati iktar’il fuq Telaustria u Telefonadress, Coname kif ukoll Parking Brixen.
35. Fl-ewwel lok, is-sentenza Telaustria u Telefonadress, iċċitata iktar’il fuq, tistabbilixxi l-prinċipju ta’ obbligu minimu ta’ trasparenza fuq awtorità aġġudikanti li jikkonsisti f’li “jiġi ggarantit, għall-benefiċċju ta’ kull offerenti potenzjali, livell ta’ pubbliċità adegwat li jippermetti ftuħ tas-suq tas-servizzi għall-kompetizzjoni kif ukoll il-kontroll tal-imparzjalità tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti” (17). Dan ir-rekwiżit li jirriżulta mir-regoli fundamentali tat-Trattat b’mod ġenerali u mill-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni b’mod partikolari, ma jeħtieġx ir-rikors sistematiku għal sejħa għal offerti, iżda huwa limitat sabiex jimponi livell ta’ reklamar adegwat.
36. Din il-pożizzjoni ġiet sussegwentement ikkonfermata u ppreċiżata mis-sentenza Coname, iċċitata iktar’il fuq, intiża speċifikament għall-assenjazzjoni ta’ konċessjoni dwar il-ġestjoni tas-servizz pubbliku ta’ distribuzzjoni tal-gass. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dik il-kawża li l-assenjazzjoni ta’ konċessjoni ma setgħetx issir mingħajr ma jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ trasparenza. Barra minn hekk, l-assenjazzjoni diretta ta’ konċessjoni, mingħajr ma impriża li tkun stabbilita potenzjalment fuq Stat Membru ieħor tkun tista’ jkollha aċċess għall- informazzjoni rilevanti dwar l-imsemmija konċessjoni sabiex tkun tista’ tesprimi l-interess tagħha, tmur kontra l-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikoli 43 KE u 49 KE.
37. Din il-ġurisprudenza tistabbilixxi l-prinċipju li issa l-assenjazzjoni ta’ kull konċessjoni għandha tkun suġġetta għal livell minimu ta’ kompetizzjoni, b’mod konformi mal-obbligu ta’ trasparenza minima u ta’ trattament ugwali sabiex jintlaħaq l-għan ta’ abolizzjoni tal-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
38. Minbarra dan il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat l-obbligi li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-konklużjoni ta’ kull konċessjoni ġdida ta’ servizz. Fis-sentenza Parking Brixen, iċċitata iktar’il fuq, il-qorti Komunitarja ddeduċiet “li l-Istati Membri ma jistgħux iżommu fis-seħħ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi mingħajr kompetizzjoni billi tali għoti jikser l-Artikoli 43 KE jew 49 KE jew il-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ trasparenza”(18). Fi kliem ieħor, in-nuqqas ta’ kull possibbiltà ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-konċessjonijiet qabel ma jiġu assenjati mill-ġdid jikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u/jew il-libertà ta’ stabbiliment. Bl-istess mod, hija kkunsidrat li t-tiġdid ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbiku, fin-nuqqas ta’ sejħa għal offerti minn operaturi potenzjali, ukoll jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 43 KE et 49 KE(19). B’hekk huwa stabbilit li tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ moviment liberu, kull assenjazzoni ta’ konċessjoni ġdida u kull tiġdid ta’ konċessjoni eżisteni li jsiru fin-nuqqas ta’ pubbliċità adegwata.
39. Madankollu, l-imsemmija interpretazzjoni tirrigwarda biss id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni u/jew tiġdid ta’ konċessjoni. Din l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrigwardax il-konċessjonijiet ta’ servizzi bħala tali, iżda d-deċiżjonijiet ta’ għoti jew ta’ tiġdid ta’ dawn il-konċessjonijiet, b’mod illi jista’ jiġi kkontestat li huwa żbaljat li tiġi estiża l-interpretazzjoni preċedentement ifformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza Coname, iċċitata iktar’il fuq, għal konċessjonijiet assenjati oriġinarjament mingħajr sejħa għal offerti filwaqt li t-tmiem tagħhom ikun għadu ma skadiex b’mod li la jkun hemm deċiżjoni ta’ għoti u lanqas deċiżjoni ta’ tiġdid min-naħa tal-awtorità kompetenti.
40. Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-kawża prinċipali hija distinta minn din l-ipoteżi inkwantu l-leġiżlatur Taljan intervjena u l-intervent tiegħu għandu l-istess effett bħal deċiżjoni ta’ tiġdid ta’ konċessjoni. Effettivament, għalkemm il-leġiżlatur Taljan kellu bħala għan li jirrexxindi b’mod antiċipat il-konċessjonijiet ta’ servizz assenjati oriġinarjament fin-nuqqas ta’ kwalunkwe proċedura ta’ sejħa għal offerti, huwa madankollu jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, iż-żamma tagħhom sat-tmiem ta’ perijodu tranżitorju ddefinit minnu. B’hekk, dan l-intervent leġiżlattiv għandu bħala konsegwenza li jirrestrinġi l-aċċess għall-attività ta’ distribuzzjoni tal-gass, għall kull operatur potenzjali ta’ Stat Membru ieħor, matul it-tul ta’ żmien kollu tal-perijodu tranżitorju li dan jistabbilixxi. B’hekk tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovuduti servizzi u/jew il-libertà ta’ stabbiliment u ma tippermettix l-aċċess għal dawn il-konċessjonijiet lil operaturi potenzjali stabbiliti fi Stati Membri oħra.
41. Barra minn hekk, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex issegwi dan il-punt, il-kwalifikazzjoni bħala ostakolu għandha fil-fehma tiegħi tinżamm. Effettivament, fi kwalunkwe każ, l-għan ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment jimplika l-ftuħ għall-kompetizzjoni tal-konċessjonijiet eżistenti assenjati oriġinarjament bi ksur tar-regoli tat-Trattat. Dawn il-konċessjonijiet, li ġeneralment ikunu konklużi għal perijodu estremament twil, iżommu lill-operaturi antiki f’pożizzjoni privileġġata. Dawn b’mod partikolari joħolqu ostakolu għal kull operatur ġdid li jkun irid jidħol fis-suq. L-operaturi potenzjali minn Stati Membri oħrajn b’hekk isibu ruħhom impediti, matul il-perijodu kollu tal-konċessjoni mogħtija bi ksur tad-dritt Komunitarju, milli jippenetraw fis-suq rilevanti. Dawn b’hekk jirrappreżentaw, min-natura tagħhom stess u mill-kwalità intrinsika tagħhom, restrizzjoni għall-aċċess għas-suq rilevanti billi jipproteġu l-pożizzjonijiet miksuba mill-operaturi nazzjonali.
42. Restrizzjoni ta’ dan it-tip, anki fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ assenjazzjoni jew ta’ tiġdid ta’ konċessjoni, li ma tirrispettax livell minimu ta’ kompetizzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat. Hija fil-fatt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex iġibu l-liġi nazzjonali tagħhom konformi mad-dritt Komunitarju. Jirriżulta kemm mill-Artikolu 86(1) KE, fir-rigward ta’ impriża pubblika li tibbenefika minn drittijiet esklużivi, kif ukoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10 KE moqri flimkien mal-Artikoli 43 KE u 49 KE, jekk il-konċessjonarju jaqax taħt l-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 86 KE, li l-Istati għandhom l-obbligu li jeliminaw kull miżura li tmur kontra t-Trattat sabiex jassiguraw l-effettività tad-dritt Komunitarju. B’hekk jirriżulta li l-Istati Membri għandhom mhux biss jiggarantixxu kompetizzjoni bejn operaturi potenzjali matul l-assenjazzjoni tal-konċessjonijiet ta’ servizz ta’ distribuzzjoni jew tat-tiġdid tagħhom, iżda għandhom ukoll jagħmlu minn kollox sabiex il-konċessjonijiet assenjati oriġinarjament mingħajr sejħa għal offerti jsiru konformi mad-dritt Komunitarju.
43. Din l-interpretazzjoni tista’ tiġi dedotta mis-sentenzi ċċitati iktar’il fuq Telaustria u Telefonadress, Parking Brixen kif ukoll Coname, iċċitati iktar’il fuq, u b’hekk kienet imponibbli fuq l-Istati Membri sa mill-bidu. L-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti Komunitarja f’dawn is-sentenzi hija msejsa fuq l-Artikoli 43 KE u 49 KE, u “tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha”(20). Madankollu, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kienet xtaqet, minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali marbuta b’mod partikolari mar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali, li tillimita matul iż-żmien l-effetti ta’ din l-interpretazzjoni, hija kien imissha tipprovdi dan fl-istess sentenza fejn iddeċidiet dwar l-interpretazzjoni mitluba(21). Fin-nuqqas ta’ dan, l-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti Komunitarja żżomm l-effett retroattiv tagħha.
44. B’mod definittiv, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza ċċitata iktar’il fuq, stabbilixxiet il-prinċipju li kull assenjazzjoni jew tiġdid ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku għandu jissodisfa obbligu minimu ta’ trasparenza u trattament ugwali, filwaqt li fl-istess ħin hija topponi ż-żamma fis-seħħ ta’ konċessjoni assenjata bi ksur tal-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ trasparenza(22), inkwantu dawn id-deċiżjonijiet jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment.
45. Anki jekk il-kwalifikazzjoni bħala ostakolu tista’ tiġi aċċettata, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk ir-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex ġustifikabbli minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.
2. Fuq l-eventwali ġustifikazzjonijiet sabiex ikun hemm restrizzjoni tal-moviment liberu.
46. Il-miżuri nazzjonali li jirrestrinġu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu jiġu ġġustifikati biss jekk jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri: huma applikabbli b’mod li mhuwiex diskriminatorju, huma bbażati fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, huma adatti sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan li huma jsegwu u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jilħquh (23).
47. Fir-rigward tal-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, inkwantu l-eċċezzjonijiet previsti mit-Trattat mhumiex applikabbli għal dan il-każ, il-partijiet jibbażaw l-argument tagħhom essenzjalment fuq il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi sabiex jiġġustifikaw l-istabbiliment ta’ perijodu tranżitorju.
48. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jista’ jitqies bħala wieħed mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li l-applikazzjoni tagħhom tista’ tiġi invokata mill-Istati Membri. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tfakkar li dan il-prinċipju, li jagħmel parti mis-sistema legali Komunitarja, huwa impost mhux biss fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji iżda wkoll mill-Istati Membri meta dawn jeżerċitaw is-setgħat mogħtija lilhom mid-direttivi Komunitarji(24).
49. F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ċertezza ġuridika u, iktar preċiżament, il-prinċipju tal-istabbiltà tar-relazzjonijiet legali jirrappreżenta ġustifikazzjoni probatorja insostenn tal-istabbiliment tal-miżuri tranżitorji.
50. Fil-fatt, il-protezzjoni tal-istabbiltà tar-relazzjonijiet legali stabbiliti b’mod leġittimu jidhirli li hija rrispekkjata fil-kuntest tal-konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku konklużi qabel il-ġurisprudenza Telaustria u Telefonadress, iċċitata iktar’il fuq, sal-punt li tiġġustifika miżuri tranżitorji sabiex jitħalla perijodu raġonevoli li matulu tista’ titwettaq konformità mad-dritt Komunitarju.
51. F’dan il-każ, il-konklużjoni tal-konċessjoni inkwistjoni seħħet fl-1984. Peress li s-sentenza Telaustria u Telefonadress, iċċitata iktar’il fuq, ingħatat fis-sena 2000, fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ konċessjoni, jiġifieri fl-1984, il-partijiet setgħu bona fide, sa meta ngħatat dik is-sentenza, jikkunsidraw lilhom infushom li ma kinux qed imorru kontra d-dritt Komunitarju.
52. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw minn tali ġurisprudenza ta’ portata retroattiva, b’mod partikolari għall-konċessjonarju li jkun għamel investimenti sostanzjali li jiġġustifikaw il-konklużjoni ta’ kuntratt għal terminu twil, l-istabbiliment ta’ miżuri tranżitorji, bil-għan li tiġi limitata l-ħsara magħmula għas-sitwazzjonijiet kuntrattwali fis-seħħ u b’hekk sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ ċertezza legali, jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.
53. In sostenn ta’ dan l-argument, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta “il-leġiżlazzjoni Komunitarja inkwistjoni tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti marġni ta’ diskrezzjoni suffiċjentement wiesgħa biex ikunu jistgħu japplikaw din il-leġiżlazzjoni b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali”(25), b’hekk “l-Istati Membri għandhom l-obbligu, sa fejn ikun possibbli, li japplikaw dawn ir-regolamenti f’kundizzjonijiet li ma jmorrux kontra l-imsemmija rekwiżiti”(26). Fir-rigward tal-konċessjonijiet ta’ servizzi u fl-aspettattiva ta’ intervent mil-leġiżlatur Komunitarju f’dan il-qasam speċifiku, jista’ jitqies li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni suffiċjenti li tawtorizzhom jikkunsidraw ir-rekwiżiti marbuta maċ-ċertezza legali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ftuħ minimu għall-kompetizzjoni ta’ dawn il-kuntratti.
54. Madankollu, huwa fil-kompetenza tal-qorti nazzjonali sabiex tevalwa jekk il-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ perijodu tranżitorju jissodisfawx kriterji oġġettivi, trasparenti u non-diskriminatorji u li dawn il-miżuri jibqgħu proporzjonati mal-għan imfittex(27).
55. Isegwi li l-ewwel żewġ domandi għandhom jiġu risposti kif ġej:
L-Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll il-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ trasparenza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità pubblika tipprovdi ż-żamma ta’ konċessjonijiet assenjati oriġinarjament fin-nuqqas ta’ kwalunkwe sejħa għal offerti matul it-terminu ta’ perijodu tranżitorju ffissat minnha, anki jekk dan isir bil-għan li jintemmu b’mod antiċipat l-imsemmija konċessjonijiet, peress illi tali miżura tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment. Madankollu, din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali marbuta maċ-ċertezza legali u, b’mod partikolari, mal-istabbilità tar-relazzjonijiet legali. Huwa fil-kompetenza tal-qorti tar-rinviju li tiżgura li l-għoti ta’ dawn il-miżuri tranżitorji jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet, li jsir fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti u non-diskriminatorji u li dawn il-miżuri jibqgħu proporzjonati mal-għan imfittex.
IV – Konklużjoni
56. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar’il fuq, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twieġeb għad-domandi magħmula mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia sezione staccata di Brescia kif ġej:
“1) Id-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE, ma timponix it-terminazzjoni antiċipata tal-kuntratti ta’ distribuzzjoni tal-gass assenjati oriġinarjament mingħajr kwalunkwe proċedura ta’ sejħa għal offerti, mingħajr ma huwa possibbli madankollu li jiġi kkunsidrat li hija tipprekludi espressament tali possibbiltà.
2) L-Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll il-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ trasparenza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità pubblika tipprovdi ż-żamma ta’ konċessjonijiet assenjati oriġinarjament mingħajr kwalunkwe proċedura ta’ sejħa għal offerti matul it-tul ta’ perijodu tranżitorju ffissat minnha, anki jekk dan isir bil-għan li jintemmu b’mod antiċipat l-imsemmija konċessjonijiet, peress illi tali miżura tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment. Madankollu, din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali marbuta maċ-ċertezza legali u, b’mod partikolari, mal-istabbilità tar-relazzjonijiet legali. Huwa fil-kompetenza tal-qorti tar-rinviju li tiżgura li l-għoti ta’ dawn il-miżuri tranżitorji jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet, li jsir fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti u non-diskriminatorji u li dawn il-miżuri jibqgħu proporzjonati mal-għan imfittex.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż
2 – ĠU L 176, p. 57.
3 – ĠU L 204, p. 1.
4 – GURI Nru 142 tal-20 ta’ Ġunju 2000.
5 – Ara f’dan is-sens is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress (C‑324/98, Ġabra p. I‑10745).
6 – Ara, fuq dan il-punt, is-sentenzi Telaustria u Telefonadress, iċċitata iktar ’il fuq (punt 57); tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname (C‑231/03, Ġabra p. I‑7287, punt 16); tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C-458/03, Ġabra p. I-8585, punt 42); tas-6 ta’ April 2006, ANAV (C‑410/04, Ġabra p. I‑3303, punt 17), u tat-13 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑260/04, Ġabra p. I-7083, punt 21).
7 – Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar il-konċessjonijiet fid-dritt Komunitarju (ĠU 2000, C 121, p. 2, punt 2.2).
8 – ĠU L 134, p. 114, Din tissostitwixxi d-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, (ĠU L 209, p. 1).
9 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE dwar il-pożizzjoni komuni stabbilita mill-Kunsill fid-dawl tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE u dwar il-pożizzjoni komuni stabbilita mill-Kunsill bid-dawl tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE, (SEC/2003/0161 finali).
10 – Ir-raba’ premessa tad-Direttiva 2003/55. Ara, wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il-Kummissjoni (T‑87/05, Ġabra p. II‑3745, punt 110).
11 – It-tieni premessa tad-Direttiva 2003/55.
12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Telaustria u Telefonadress (punt 60); Parking Brixen (punt 49); Coname (punt 16), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (punt 22).
13 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Parking Brixen (punt 48), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (punt 23).
14 – L-applikazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 49 KE hija perfettament ġustifikata inkwantu l-konċessjoni ġiet konkluża għal Komun li jaġixxi bħala awtorità pubblika. B’hekk, il-prinċipji ta’ moviment liberu, kif jirriżultaw minn dawn l-artikoli huma applikabbli. Ara l-konferma ta’ din l-analiżi, li teskludi korrelattivament l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE għall-kuntratti ta’ konċessjoni bħal dawk inkwistjoni, fis-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1988, Bodson (30/87, Ġabra p. 2479, punt 18).
15 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1993, Hünermund et (C‑292/92, Ġabra p. I‑6787, punt 8), u tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, Ġabra p. I-349, punt 50).
16 – Ara l-interpretazzjoni konċiljanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt, fis-sentenzi tal-25 ta’ April 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑87/94, Ġabra p. I‑2043, punt 33); Parking Brixen, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 55), u Centro Europa 7, iċċitata iktar ’il fuq (punt 66).
17 – Punt 62.
18 – Punt 52. Sentenza kkonfermata minn ANAV, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22).
19 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25). Dik il-kawża kienet tirrigwarda t-tiġdid ta’ konċessjonijiet għall-ġestjoni ta’ mħatri fuq iż-żwiemel li kien sar mingħajr sejħa għal offerti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dak it-tiġdid kien “jimpedixxi l-ftuħ ta’ dawn il-konċessjonijiet għall-kompetizzjoni u l-kontroll tal-imparzjalità tal-proċeduri ta’ għoti tal-konċessjonijiet”
20 – Sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana (61/79, Ġabra p. 1205, punt 16); tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C‑453/00, Ġabra p. I‑837, punt 21); tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis (C‑453/02 u C‑462/02, Ġabra p. I‑1131, punt 41), u tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C‑292/04, Ġabra p. I‑1835, punt 34).
21 – Sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Barra et (309/85, Ġabra p. 355, punt 13), u Blaizot et (24/86, Ġabra p. 379, punt 28); tas-16 ta’ Lulju 1992, Legros et (C‑163/90, Ġabra p. I‑4625, punt 30); tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 142); tad-9 ta’ Marzu 2000, EKW u Wein & Co. (C‑437/97, Ġabra p. I‑1157, punt 57), u Meilicke et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).
22 – Il-Kummissjoni taqbel ma’ din l-opinjoni. F’dan is-sens ukoll, għalkemm l-awturi jiddeduċu dan l-obbligu mit-termini tad-Direttiva 2003/55 : G. Bouquet, u E. Buttery, “Vers la fin du droit de préférence accordé aux concessionnaires de transport et de distribution d’électricité et de gaz”, AJDA, 2006, p. 964, b’mod speċjali p. 968.
23 – Sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 37); tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, Ġabra p. I‑1459, punt 34); tal-4 ta’ Lulju 2000, Haim (C‑424/97, Ġabra p. I‑5123, punt 57), u tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑248/06, Ġabra p. I-47, punt 32).
24 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1998, Belgocodex (C‑381/97, Ġabra p. I‑8153, punt 26); tad-29 ta’ April 2004, Gemeente Leusden u Holin Groep (C‑487/01 u C‑7/02, Ġabra p. I‑5337, punt 57), u tas-26 ta’ April 2005, “Goed Wonen” (C‑376/02, Ġabra p. I‑3445, punt 32).
25 – Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf (5/88, Ġabra p. I‑2609, punt 22).
26 – Ibidem (punt 19).
27 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I‑1891, punt 49), u Centro Europa 7, iċċitata iktar ’il fuq (punt 103).
Full & Egal Universal Law Academy