KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fid-29 ta' Novembru 20071(1)
Kawża C-361/06
Feinchemie Schwebda GMbH u Bayer CropScience AG
vs
College voor de toelating van bestrijdingsmiddelen (il-Bord għall-Awtorizzazzjoni tal-Pestiċidi)
“Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Żieda tal-ethofumesate mal-lista tas-sustanzi attivi awtorizzati – Awtorizzazzjonijiet eżistenti għal prodotti li fihom l-ethofumesate – Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/37/KE – Artikolu 13 tad-Direttiva 91/414/KEE”
1. F’dan il-każ, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti Amministrattiva għall-Kummerċ u għall-Industrija), tal-Olanda, talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37.(2)
2. Id-Direttiva 2002/37 temenda d-Direttiva 91/414.(3) Id-Direttiva 91/414 teżiġi li l-Istati Membri jiżguraw irwieħhom li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (essenzjalment l-erbiċidi, il-pestiċidi u l-fungiċidi intiżi għat-trattament tal-pjanti) ma jitqiegħdux fis-suq jew jintużaw fit-territorju tagħhom sakemm ma jkunux ġew awtorizzati skont id-Direttiva. Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma jistax jiġi awtorizzat jekk is-sustanzi attivi tiegħu ma jkunux elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 91/414. Matul perijodu tranżitorju, madankollu, Stat Membru jista’ jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi li mhumiex elenkati fl-Anness I li diġà jkun ilhom sentejn fis-suq wara d-data tan-notifika tad-Direttiva. Se nirreferi għal tali awtorizzazzjoni bħala “awtorizzazzjoni eżistenti”.
3. Id-Direttiva 2002/37 iżżid l-ethofumesate ma’ l-Anness I għad-Direttiva 91/414, taħt ċerti kundizzjonijiet. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 jeżiġi li l-Istati Membri jirrevedu l-awtorizzazzjoni eżistenti mogħtija għal kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi ethofumesate sabiex tkun żgurata l-konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet, u fejn ikun meħtieġ, li jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 91/414.
4. F’dan il-każ, il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk id-detentur ta’ awtorizzazzjoni eżistenti għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi ethofumesate bħala sustanza attiva jistax jiġi mitlub jipprovdi inkartament li jissodisfa l-eżiġenzi tal-Anness II għad-Direttiva 91/414 (li jinkludi r-rekwiżiti biex l-inkartament jitressaq għall-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I) bħala kundizzjoni biex tinżamm fis-seħħ l-awtorizzazzjoni tiegħu.
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti
Id-Direttiva 91/414
5. Il-premessi fil-preambolu tad-Direttiva 91/414 jirreferu għall-importanza tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; għall-fatt li l-użu tagħhom jista’ jinvolvi riskji u periklu għall-bnedmin, għall-annimali u għall-ambjent; għax-xkiel għall-kummerċ li ġejjin minn regoli nazzjonali differenti li jirregolaw l-awtorizzazzjoni tagħhom u kemm hija mixtieqa l-eliminazzjoni ta’ tali xkiel bl-armonizzazzjoni ta’ dawn ir-regoli.(4) Regoli uniformi għandhom jipprovdu li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti m’għandhomx jitqiegħdu fis-suq jew jintużaw mingħajr ma jkunu ġew awtorizzati skont dispożizzjonijiet li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni, li, b’mod partikolari, għandu jipprevjeni l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li dwarhom ir-riskji għas-saħħa, għall-ilma ta’ taħt l-art u għall-ambjent ma kinux mistħarrġa b’mod xieraq.(5) Meta jiġu awtorizzati prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jeħtieġ li jkun żgurat li ma jkollhom l-ebda effett inaċċettabbli fuq il-pjanti jew fuq il-prodotti għall-pjanti, l-ebda influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, l-ebda effett dannuż fuq saħħet il-bniedem jew l-annimal jew fuq l-ilma ta’ taħt l-art.(6)
6. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/414 jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma jistax jitqiegħed fis-suq u jintuża fit-territorju tagħhom sakemm ma jkunux awtorizzaw il-prodott b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva.
7. L-Artikolu 4(1) jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jaraw li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma jkunx awtorizzat jekk, l-ewwel nett, is-sustanzi attivi tiegħu ma jkunux elenkati fl-Anness I u jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi Anness ma jiġux sodisfatti(7) u, it-tieni nett, jekk ma jiġux sodisfatti numru ta’ rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) sa (f). L-Artikolu 4(1)(b) sa (e) essenzjalment jikkonċerna s-sigurtà u l-effikaċja tal-prodott meta jintuża; u huwa fid-dawl tal-prinċipji uniformi msemmija fl-Anness VI li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rekwiżiti tiegħu humiex sodisfatti. L-Artikolu 4(1)(f) jeżiġi li l-livelli massimi ta’ fdalijiet ikunu ġew stabbiliti mill-Istat Membru u nnotifikati u approvati mill-Kummissjoni.
8. L-Artikolu 5 jipprovdi li sustanza attiva għandha tiġi inkluża fl-Anness I jekk jista’ jiġi mistenni li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva mhux se jkollhom effetti dannużi fuq saħħet il-bniedem jew saħħet l-annimal jew fuq l-ilma ta’ taħt l-art jew influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent.
9. L-Artikolu 6(1) jipprovdi li l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I għandha tkun deċiża skont proċedura stabbilita.
10. L-Artikolu 6(2) jeżiġi li Stat Membru li jirċievi applikazzjoni għall-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I għandu jara li inkartament li Stat Membru jemmen li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II jintbagħat “mill-applikant” lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, flimkien ma’ inkartament li huwa konformi ma’ l-Anness III dwar almenu prodott għall-protezzjoni tal-pjanti wieħed li fih din is-sustanza attiva.
11. It-titolu tal-Artikolu 8 huwa “Miżuri u derogi transitorji”. L-Artikolu 8(1), li mhux rilevanti għal dan il-każ, għandu x’jaqsam ma’ l-arranġamenti għall-prodotti ġodda li fihom sustanzi attivi li għadhom ma ġewx approvati u elenkati. L-Artikolu 8(2) għandu x’jaqsam mal-prodotti eżistenti li fihom tali sustanzi attivi.
12. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(2) jipprovdi li, b’deroga mill-Artikolu 4, “Stat Membru jista’, matul perijodu ta’ 12-il sena wara n-notifika [tad-Direttiva], jawtorizza t-tqegħid fis-suq ġewwa t-territorju tiegħu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fl-Anness I li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva”.(8)
13. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 8(2) jeżiġi li l-Kummissjoni għandha tagħti bidu għal programm ta’ xogħol sabiex jiġu eżaminati b’mod gradwali dawn is-sustanzi attivi matul dan il-perijodu ta’ 12-il sena, u dan b’mod konformi ma’ regolament(9) adottat skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19 tad-Direttiva.
14. Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 8(2) jipprovdi:
“Matul il-perijodu ta’ 12-il sena […] jista’ […] jiġi deċiż bi […] proċedura stabbilita […] illi s-sustanza tista’ tiġi inkluża fl-Anness I u taħt liema kondizzjonijiet jew, f’każijiet fejn ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 ma jkunux issodisfati jew it-tagħrif u l-informazzjoni ma jkunux ġew mogħtija fil-perijodu preskritt, li tali sustanzi attivi ma jiġux inklużi fl-Anness I. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw ruħhom li l-awtorizzazzjonijiet relevanti jiġu mogħtija, irtirati jew varjati skont kif xieraq matul perijodu stabbilit.”
15. L-Artikolu 13(1) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jitolbu “lill-applikanti għal awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti sabiex jissottomettu ma’ l-applikazzjoni tagħhom” (a) inkartament li jissoddisfa l-Anness III; u (b) għal kull sustanza attiva fil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, inkartament li jissoddisfa l-Anness II.
16. L-Artikolu 13(3)(d) jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jagħmlu użu mill-informazzjoni li tissemma fl-Anness II għall-benefiċċju ta’ applikanti oħra mingħajr kunsens għal ħames snin mid-data tad-deċiżjoni, wara li jkunu rċevew informazzjoni ulterjuri meħtieġa għall-inklużjoni inizjali fl-Anness 1 tas-sustanza attiva, sabiex jiġu mibdula l-kundizzjonijiet għal inklużjoni fl-Anness I jew sabiex tinżamm tali inklużjoni.(10)
17. L-Artikolu 13(6) jipprovdi li:
“B’deroga mill-[Artikolu 13(1)], għal sustanzi attivi diġà fis-suq sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu, filwaqt li josservaw kif dovut id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, ikomplu japplikaw ir-regoli nazzjonali preċedenti dwar rekwiżiti ta’ informazzjoni sakemm tali sustanzi ma jkunux inklużi fl-Anness I.”
18. L-Anness II għad-Direttiva 91/414 jinkludi r-rekwiżiti sabiex l-inkartament jitressaq għall-iskop ta’ inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I. L-Anness III jinkludi rekwiżiti sabiex l-inkaratament jitressaq għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Minn hawn’il quddiem se nirreferi għal tali inkartamenti bl-espressjonijiet “l-inkartament fis-sens tal-Anness II” jew “l-inkartament fis-sens tal-Anness III”.
19. L-Anness VI(11) jistabbilixxi prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.
20. Il-perijodu ta’ 12-il sena li jissemma fl-Artikolu 8(2) ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2006 għas-sustanzi attivi evalwati fil-kuntest tal-ewwel stadju tal-programm tal-Kummissjoni għall-eżami ta’ tali sustanzi.(12)
Ir-Regolament Nru 3600/92
21. Ir-Regolament Nru 3600/92(13) jistabbilixxi l-proċedura għall-inklużjoni fl-Anness I għad-Direttiva 91/414 ta’ ċerti sustanzi attivi li jinsabu fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti koperti minn awtorizzazzjonijiet eżistenti, li jissemmew fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-Direttiva.
22. Dawn is-sustanzi attivi jinkludu l-ethofumesate.(14)
23. L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 3600/92 jistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita mill-produttur(15) ta’ sustanza attiva li tissemma fl-Anness I tar-Regolament li jixtieq jikseb l-inklużjoni tagħha fl-Anness I għad-Direttiva 91/414.
24. Din il-proċedura tinbeda billi l-produttur jinnotifika lill-Kummissjoni. Se nirreferi għal produttur li nnotifika lill-Kummissjoni, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 3600/92, bħala n-“notifikant”.
25. L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3600/92 jeżiġi li n-notifikanti, individwalment jew kollettivament, jibagħtu lill-awtorità nnominata, fit-terminu ta’ żmien stabbilit, għal sustanza attiva speċifika (a) inkartament fil-qosor li jinkludi informazzjoni fil-qosor għal kull punt tal-Annessi II u III għad-Direttiva 91/414, u (b) inkartament komplet li jinkludi informazzjoni kompleta għal kull punt ta’ dawk l-Annessi.
Id-Direttiva 2002/37
26. Id-Direttiva 2002/37, li kienet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414, temenda din id-Direttiva tal-aħħar sabiex l-ethofumesate jiġi inkluż fl-Anness I tagħha, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet.
27. Il-preambolu għad-Direttiva 2002/37 jinkludi l-premessi li ġejjin:
“(5) Minn eżamijiet varji li saru deher li l-prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom ethofumesate jistgħu jintalbu li jissodisfaw, b’mod ġenerali, il-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, partikolarment fir-rigward tal-użi li kienu eżaminati u ddettaljati fir-rapport tal-analiżi tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk xieraq li jkun inkluż l-ethofumesate fl-Anness I ma’ dik id-Direttiva, biex ikun assigurat li fl-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jingħataw awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ethofumesate, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tad- Direttiva 91/414/KEE.
[…]
(8) Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perijodu raġjonevoli li fih jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE fir-rigward ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ethofumesate, u partikolarment, biex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet eżistenti bi qbil mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE biex jassiguraw li l-kondizzjonijiet fir-rigward tal-ethofumesate stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ikunu sodisfatti. Perijodu itwal għandu jkun ipprovdut li fih inkartament komplut għal kull prodott tal-protezzjoni tal-pjanti, li jissodisfa l-ħtiġiet tal-Annessi II u III tad-Direttiva 91/414/KEE għandu jkun issottomess u li dak il-prodott għandu jkun evalwat mill-ġdid bi qbil mal-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE.”
28. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/37 jemenda l-Anness I għad-Direttiva 91/414 biex l-ethofumesate jiġi miżjud miegħu u taħt l-intestatura “Dispożizzjonijiet speċifiċi”, jinkludi:
“Użi bħala erbiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.
Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformità l-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport ta' l-analiżi dwar l-ethofumesate, u partikolarment l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat fil-Kumitat Permanenti tal-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali fis-26 ta' Frar 2002 għandhom ikunu meqjusa. F'dan l-assessjar totali l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta' l-ilma sotterran, meta s-sustanza tkun applikata fir-reġjuni b'ħamrija vulnerabbli u/jew kondizzjonijiet klimatiċi u għandhom japplikaw il-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju, meta xieraq.”
29. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/37 jipprovdi li:
“1. L-Istati Membri għandhom jirrevedu l-awtorizzazzjoni għal kull prodott tal-protezzjoni tal-pjanti li fih l-ethofumesate biex jassiguraw li l-kondizzjonijiet irrelatati ma’ l-ethofumesate stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ikun hemm konformità magħhom. Meta meħtieġ, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni bi qbil mad-Direttiva 91/414/KEE qabel l-1 ta’ Settembru 2003.
2. L-Istati Membri għandhom, għal kull prodott awtorizzat tal-protezzjoni tal-pjanti li fih l-ethofumesate jew bħala l-unika sustanza attiva jew bħala waħda minn diversi sustanzi attivi li kollha kienu elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE sal-1 ta’ Marzu 2003, jevalwaw mill-ġdid il-prodott bi qbil mal-prinċipji uniformi li hemm provvediment dwarhom fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta’ inkartament li jissodisfa l-ħtiġiet tal-Anness III tiegħu. Fuq il-bażi ta’ dik l-evalwazzjoni, għandhom jiddeterminaw jekk il-prodott jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) (b), (ċ), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE. Meta meħtieġ u sat-28 ta’ Frar 2007 l-aktar tard, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni għal kull prodott bħal dan tal-protezzjoni ta’ pjanti.”
30. Id-Direttiva 2002/37 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2003.(16)
Id-Direttiva 2005/53
31. Id-Direttiva 91/414 ġiet emendata minn direttivi oħra, fosthom id-Direttiva 2005/53.(17) Il-preambolu għad-Direttiva 2005/53 jinkludi l-premessi li ġejjin:
“(10) Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ddefiniti mid-Direttiva 91/414/KEE bħala konsegwenza tal-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jingħataw perijodu ta’ sitt xhur wara l-inklużjoni sabiex jeżaminaw mill-ġdid l-awtorizzazzjonijiet eżistenti tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom [ċerti kimiċi, għajr l-ethofumesate] sabiex ikun żgurat li r-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari fl-Artikolu 13 tagħha u l-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Anness I, jiġu sodisfatti. L-Istati Membri għandhom ivarjaw, jissostitwixxu jew jirtiraw, kif ikun xieraq, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE. B’deroga mit-terminu ta’ żmien imsemmi hawn fuq, perijodu itwal għandu jiġi pprovdut biex jitressaq u jiġi evalwat l-inkartament komplet tal-Anness III ta’ kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu maħsub, skont il-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE.
(11) L-esperjenza miksuba mill-inklużjonijiet preċedenti fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE tas-sustanzi attivi evalwati fil-qafas tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92 uriet li jistgħu jinqalgħu diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dmirijiet tad-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti dwar l-aċċess għad-data. Sabiex jiġu evitati iktar diffikultajiet, jidher għaldaqstant li huwa neċessarju li jiġu ċċarati d-dmirijiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari d-dmir li jiġi vverifikat li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni juri li għandu aċċess għal inkartament li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II għall-imsemmija Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponi l-ebda obbligu ġdid fuq l-Istati Membri jew fuq id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet meta mqabbla mad-direttivi li ġew adottati sal-lum li jemendaw l-Anness I [traduzzjoni mhux uffiċjali].”
32. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/53 jipprovdi:
“1. Skont id-Direttiva 91/414/KEE, fejn ikun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu [ċerti kimiċi] bħala sustanzi attivi sal-31 ta’ Awissu 2006.
Sa din id-data, huma għandhom jivverifikaw partikolarment li l-kundizzjonijiet fl-Anness I għall-imsemmija Direttiva relatati ma’ [ċerti kimiċi] jiġu sodisfatti, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li ġew identifikati fil-parti B tal-inklużjonijiet li jikkonċernaw dawn is-sustanzi attivi, u li d-detentur tal-awtorizzazzjoni, ikollu, jew ikollu aċċess għal, inkartament li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II għal dik id-Direttiva skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13 tal-imsemmija Direttiva.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat li jinkludi [ċerti kimiċi] bħala l-unika sustanza attiva jew bħala waħda minn diversi sustanzi attivi li lkoll ġew elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE mhux iktar tard mit-28 ta’ Frar 2006, l-Istati Membri għandhom jevalwaw mill-ġdid il-prodott skont il-prinċipji uniformi previsti fl-Anness VI għad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta’ inkartament li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III għall-imsemmija Direttiva u li jqis il-parti B tal-inklużjonijiet fl-Anness I għal dik id-Direttiva rigward [ċerti kimiċi]. Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), (ċ), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE […] [traduzzjoni mhux uffiċjali].”
33. Madankollu, fiż-żmien rilevanti, id-Direttiva 2005/53 kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ.
Id-dritt nazzjonali rilevanti
34. Il-qorti tar-rinviju ġibdet l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-Artikolu 7(1)(c) tal-Liġi dwar il-Pestiċidi tal-1962, li jipprovdi dan li ġej:
“1. Il-Bord għandu jirtira awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni […] jekk:
[…]
(c) dan l-irtirar ikun meħtieġ għall-implementazzjoni ta’ miżura Komunitarja.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
35. Feinchemie Schwebda GmbH u Bayer CropScience AG (iktar’il quddiem ir-“rikorrenti”), produtturi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, innotifikaw lill-Kummissjoni, skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament Nru 3600/92, sabiex l-ethofumesate jiġi inkluż fl-Anness I għad-Direttiva 91/414. Insostenn tal-applikazzjoni tagħhom, huma ressqu inkartament fis-sens tal-Anness II. Bħala riżultat ta’ dan, b’effett mill-1 ta’ Marzu 2003, l-ethofumesate ġie miżjud mal-lista ta’ sustanzi attivi awtorizzati għal inklużjoni fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Anness I għad-Direttiva 91/414.
36. Agrichem BV (iktar’il quddiem “Agrichem”) kellha awtorizzazzjonijiet eżistenti għal seba’ prodotti li jinkludu l-ethofumesate bħala sustanza attiva. Hija ma intervenietx mar-rikorrenti bħala ko-notifikanti, u lanqas ma ressqet inkartament fis-sens tal-Anness II.
37. Għall-bidu, l-awtorizzazzjonijiet ta’ Agrichem ġew irtirati mill-College voor de toelating van bestrijdingsmiddelen (il-Bord għall-Awtorizzazzjoni tal-Pestiċidi tal-Olanda, iktar’il quddiem is-“CTB”), b’deċiżjonijiet tat-23 ta’ Jannar 2004, minħabba li ma kien tressaq l-ebda inkartament fis-sens tal-Anness II. Sussegwentement, dan l-irtirar ġie rrevokat b’deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2004 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) fejn is-CTB qies li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, ma setax jintalab inkartament fis-sens tal-Anness II.
38. Ir-rikorrenti kkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven, li ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma teżiġix li l-Istati Membri jtemmu l-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi l-ethofumesate qabel Settembru 2003 minħabba li d-detentur tal-awtorizzazzjoni ma jkollux, jew ma jkollux aċċess għal, inkartament li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Annex II għad-Direttiva 91/414/KEE?”
Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet
39. Ir-rikorrenti, Agrichem, il-Gvernijiet tal-Olanda u tal-Belġju u l-Kummissjoni, ressqu osservazzjonijiet bil-miktub, u kollha kemm huma, ħlief il-Gvern Belġjan, kienu preżenti għas-seduta tad-19 ta’ Settembru 2007.
40. Bl-eċċezzjoni ta’ Agrichem, dawn il-partijiet kollha jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod ġenerali, huma jsostnu li l-Artikolu 13(1) u (3) tad-Direttiva 91/414 joħloq sitwazzjoni fejn id-detentur ta’ awtorizzazzjoni eżistenti li ma jkunx notifikant għandu jkollu, jew ikollu aċċess għal, inkartament fis-sens tal-Anness II jew tal-Anness III qabel Settembru 2003. Jekk l-imsemmi detentur ma jkollux aċċess għal tali inkartament, l-Artikolu 13 jipprojbixxi lil Stat Membru mill-użu tal-informazzjoni inkluża f’inkartament eżistenti fis-sens tal-Anness II jew tal-Anness III li jkollu fil-pussess tiegħu għall-benefiċċju tad-detentur inkwistjoni billi tinżamm awtorizzazzjoni eżistenti. Huma jsostnu li, peress li d-Direttiva 2002/37 għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-Direttiva 91/414, in-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 li tipprovdi li waqt il-proċess ta’ eżami mill-ġdid għandu jitressaq inkartament ma jaffetwax din il-projbizzjoni.
41. L-argument ta’ Agrichem jiffoka fuq is-sempliċi kwistjoni ta’ kif id-Direttiva 2002/37 għandha tiġi interpretata bl-aħjar mod u kif dik id-Direttiva tista’ tiġi kkonċiljata mad-Direttiva 91/414. Skont Agrichem, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn id-Direttivi ma jeżiġux li din ikollha fil-pussess tagħha inkartament komplet fis-sens tal-Anness II jew tal-Anness III fi tmiem it-terminu speċifikat fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37. Agrichem issostni wkoll li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jobbligawx lil Stat Membru li jirtira awtorizzazzjoni eżistenti mingħand entità li ma jkollhiex fil-pussess tagħha tali inkartament fi tmiem dan it-terminu.
L-evalwazzjoni
42. Il-kwistjoni prinċipali f’din il-kawża tikkonċerna l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/37 u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/414, u l-mod ta’ interazzjoni bejn dawn iż-żewġ Direttivi.
L-iskop tad-Direttivi
43. Il-punt ta’ tluq għandu jkun l-eżami tal-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.
44. Ir-rikorrenti u l-Olanda jsostnu li l-iskop ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa li jitħarsu l-proprjetà intelletwali, ir-riċerka u l-investimenti tal-kumpanniji li jiżviluppaw sustanzi attivi u li, fin-nuqqas ta’ tali protezzjoni, l-iżvilupp ta’ sustanzi attivi ġodda jieqaf.
45. Minkejja li l-Kummissjoni tqis li d-direttivi prinċipalment għandhom l-għan li jħarsu l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, hija taqbel mar-rikorrenti li l-iżvilupp ta’ sustanzi attivi ġodda huwa essenzjali għall-protezzjoni tal-pjanti. Barra minn hekk, hija tqis li l-ħarsien tal-informazzjoni fid-Direttiva 91/414 huwa intiż sabiex iħares l-investimenti tal-kumpanniji li joperaw fl-ambitu tal-iżvilupp.
46. Agrichem taqbel li l-għan prinċipali tad-Direttiva 91/414 huwa relatat mar-regolamentazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti disponibbli fis-suq, iżda tikkontesta l-fatt li din ir-regolamentazzjoni tista’ twassal biex id-detentur ta’ awtorizzazzjoni eżistenti jkollu din l-awtorizzazzjoni rtirata.
47. Fil-fehma tiegħi, jidher ċar mill-premessi fil-preambolu għad-Direttiva 91/414(18) li l-iskop prinċipali ta’ din id-Direttiva huwa li jkun żgurat li t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jiġi rregolat, pjuttost milli jiġi żġurat il-ħarsien tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali. Għandna nżommu f’moħħna dan l-iskop prinċipali meta neżaminaw id-dispożizzjoni speċifiċi tad-Direttivi 91/414 u 2002/37.
Id-dispożizzjonijiet prinċipali
48. Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju kienet tal-fehma li mill-kliem tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 ma kienx jidher li Stat Membru huwa obbligat li jtemm l-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti inkwistjoni.
49. Fid-deċiżjoni kkontestata, is-CTB segwa r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Oġġezzjonijiet tiegħu u ddeċieda li ma kienx kompetenti biex jitlob inkartament fis-sens tal-Anness II sabiex, skont Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, insostenn tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti ta’ Agrichem.
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/37
50. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/37 jikkonċerna l-informazzjoni meħtieġa mid-detentur ta’ awtorizzazzjoni eżistenti u t-terminu ta’ żmien li fih id-detentur għandu jkollu din l-informazzjoni.
51. Is-CTB iddikjara li l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu l-ethofumesate bħala sustanza attiva, f’kull każ, għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2002/37. La d-Direttiva 2002/37 u lanqas id-Direttiva 91/414 ma jistabbilixxu l-kundizzjoni li matul l-eżami tal-konformità għandu jintwera li awtorizzazzjoni eżistenti hija sostnuta minn inkartament fis-sens tal-Anness II. Is-CTB ikkonkluda li ma kellux il-kompetenza biex jitlob tali inkartament.
52. Il-qorti tar-rinviju donnha taqbel mad-deċiżjoni kkontestata. Hija tindika li l-proċess ta’ eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjonijiet (li kellu jiġi kkompletat sa l-1 ta’ Settembru 2003) stabbilit mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 huwa intiż sabiex jiżgura li jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet relatati ma’ l-ethofumesate stabbiliti fl-Anness I. Bil-kontra, il-proċess ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti (li kellha tkun ikkompletata sat-28 ta’ Frar 2007) stabbilita mill-Artikolu 4(2) ta’ din id-Direttiva hija maħsuba sabiex tiddetermina jekk kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414. Il-bażi għal din l-evalwazzjoni huwa inkartament fis-sens tal-Anness III.
53. Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li mill-kliem tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 ma jidhirx biċ-ċar li l-Istati Membri huma meħtieġa jtemmu l-awtorizzazzjoni, jekk, qabel l-1 ta’ Settembru 2003, id-detentur tal-awtorizzazzjoni ma setax jipprovdi inkartament fis-sens tal-Anness II, peress li l-Artikolu 4(1) ma jeżiġix li d-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jressaq inkartament fis-sens tal-Anness II għall-eżami mill-ġdid. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tassumi li l-eżami mill-ġdid jista’ jsir fuq il-bażi ta’ data li diġà hija magħrufa mill-awtoritajiet li preċedentement taw l-awtorizzazzjoni.
54. Agrichem ukoll taqbel mad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li l-ethofumesate ġie approvat (fuq il-bażi ta’ inkartament fis-sens tal-Anness II). Dan jimplika li ma teżisti l-ebda raġuni ta’ natura sanitarja biex tkun irtirata awtorizzazzjoni eżistenti. Hija qed issostni wkoll li t-termini mqassma fiż-żmien għall-eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, u għall-evalwazzjoni mill-ġdid, iktar sostanzjali, skont l-Artikolu 4(2) tagħha, jimplikaw li inkartament huwa meħtieġ fil-kuntest tal-evalwazzjoni mill-ġdid iżda mhux f’dak tal-eżami mill-ġdid. Il-ħtieġa ta’ inkartament għal eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 4(1) twassal biex ma tantx ikun hemm differenza bejn iż-żewġ tipi ta’ evalwazzjoni.
55. Bil-kontra, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 2002/37 ġiet adottata fuq il-premessa li l-Istati Membri ma jistgħux jawtorizzaw lil entità biex tqiegħed fis-suq prodott li jinkludi l-ethofumesate jekk din l-entità ma jkollhiex fil-pussess tagħha inkartament komplet. Konsegwentement, l-effett tal-Artikolu 4(1) huwa li l-Istat Membru kkonċernat għandu jirtira l-awtorizzazzjonijiet sakemm ma jkunx ipprovdut inkaratament komplet sa l-1 ta’ Settembru 2003.
56. Jidher li l-ewwel argument tal-Kummissjoni huwa korrett mill-formulazzjoni ċara tad-Direttiva 2002/37. Madankollu, dan ma jfissirx li parti li jkollha awtorizzazzjoni eżistenti m’għandhiex titħalla żżommha.
57. L-Olanda u l-Kummissjoni ssuġġerew interpretazzjonijiet oħra tal-Artikolu 4. L-Olanda tissuġġerixxi li għalkemm mit-test tal-Artikolu 4(1) ma jidhirx li huwa meħtieġ inkartament, ir-rekwiżit għal inkartament mhuwiex f’kunflitt mal-kliem tal-Artikolu inkwistjoni. Il-Kummissjoni offriet żewġ interpretazzjonijiet possibbli tal-Artikoli 4(1) u 4(2). L-ewwel nett, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-ewwel terminu (fl-Artikolu 4(1)) jikkorrispondi għall-preżentata ta’ inkartament fis-sens tal-Anness II, filwaqt li t-tieni terminu (fl-Artikolu 4(2)) jikkorrispondi għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-inkartament fis-sens tal-Anness III (fuq il-bażi li, peress li fis-suq jeżistu diversi prodotti, ikkostitwiti minn diversi sustanzi, l-eżami ta’ kull wieħed jieħu iktar żmien). Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 4(1) huwa żejjed u sempliċement jiċċara r-rekwiżit ġenerali tal-preżentata ta’ inkartament fi tmiem l-ewwel perijodu.
58. Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjonijiet offruti mill-Olanda u mill-Kummissjoni jinvolvu interpretazzjoni tal-Artikolu 4 li tmur kontra l-formulazzjoni ċara tiegħu, u fil-każ tal-ewwel argument tal-Kummissjoni, kontra l-formulazzjoni ċara tat-tmien premessa tad-Direttiva 2002/37.
59. Jekk tiġi adottata l-interpretazzjoni l-iktar sempliċi ta’ din id-dispożizzjoni, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti stabblita fl-Artikolu 4(1) teżiġi biss informazzjoni bażika (bħal dik fl-Anness I), u mhux inkartament komplet fis-sens tal-Anness II jew tal-Anness III. Hija sempliċement tinvolvi l-kontroll li “li l-kondizzjonijiet fir-rigward tal-ethofumesate […] ikunu sodisfatti”. Hija ma teżiġix evalwazzjoni mill-ġdid kompleta tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti bħala tali (dan il-kompitu huwa stabbilit mill-Artikolu 4(2)). Għalhekk, loġikament, l-Artikolu 4(1) ma jinvolvix l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni eżistenti minħabba li kumpannija li jkollha din l-awtorizzazzjoni ma jkollhiex aċċess għal inkartament fis-sens tal-Anness II (jew tal-Anness III). Fuq din il-bażi, id-domanda mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tingħata risposta pożittiva.
60. Madankollu, huwa possibbli li l-kuntest leġiżlattiv li fih ġiet implementata d-Direttiva 2002/37 jista’ jipprovdi spjegazzjoni konvinċenti għal interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 4(1).
Ir-relazzjoni bejn iż-żewġ Direttivi
61. Il-partijiet kollha jaqblu li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414 jipprovdi qafas li jipprovdi għall-adozzjoni ta’ serje ta’ Direttivi, fosthom id-Direttiva 2002/37. Madankollu, il-kwistjoni tar-relazzjoni bejn iż-żewġ Direttivi hija materja kontenzjuża.
62. Il-punt ta’ tluq tar-raġunament tal-partijiet li jipproponu li d-domanda preliminari tingħata risposta negattiva huwa li d-Direttiva 2002/37 għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-Direttiva 91/414, u li ma tiġix meqjusa bħala lex specialis. Dan huwa għaliex id-Direttiva 2002/37 hija Direttiva tal-Kummissjoni, prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414, li temenda din id-Direttiva biss inkwantu tinkludi sustanza oħra fl-Anness I. Għaldaqstant, ir-rikorrenti isostnu li d-Direttiva 2002/37 għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-Direttiva 91/414.
63. Agrichem taċċetta dan l-argument iżda ssostni li jekk wieħed jeżamina l-kliem ċar tad-Direttiva 2002/37, id-Direttiva 2002/37 ma tibdilx neċessarjament it-tifsira tad-Direttiva 2002/37, peress li t-tnejn huma komplementari. Agrichem issostni li d-Direttiva 91/414 tbiddel it-tifsira tad-Direttiva 2002/37 biss fil-każ ta’ kunflitt, li mhuwiex il-każ.
64. Sussidjarjament, Agrichem issostni li, għalkemm l-adozzjoni tad-Direttiva 2002/37 kienet prevista mid-Direttiva 91/414, jibqa’ l-fatt li d-Direttiva 2002/37 tikkostitwixxi lex specialis, għaliex hija tittratta d-dispożizzjonijiet tranżitorji b’mod iktar speċifiku mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414.
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414
65. L-Artikolu 8 espliċitament joħloq struttura intiża sabiex tirregola l-perijodu tranżitorju, li matulu jista’ jiġi deċiż li tiġi inkluża fl-Anness I sustanza attiva li tinsab fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti suġġett għal awtorizzazzjoni eżistenti.
66. Il-Kummissjoni ssostni li l-iskema tranżitorja fl-Artikolu 8, li bis-saħħa tagħha Stat Membru jista’ japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu, tintemm meta s-sustanza, li hija s-suġġett ta’ dawn id-dispżizzjonijiet, tiġi inkluża fl-Anness I. Il-Kummissjoni ssostni li ladarba sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I, il-partijiet ikkonċernati kollha għandu jkollhom inkartament fis-sens tal-Anness II jew tal-Anness III skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja.
67. Madankollu, dan l-argument jirrappreżenta ċirku vizzjuż, għaliex jerġa’ jieħdok lura għall-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 jeżiġix jew le li entità li jkollha awtorizzazzjoni eżistenti għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandux ikollha fil-pussess tagħha inkartament fis-sens tal-Anness II.
Id-Direttiva 2005/53
68. Ir-rikorrenti, l-Olanda u l-Kummissjoni jsostnu li, bil-kontra tad-Direttivi suċċessivi li jemendaw, id-Direttiva 2002/37 hija pjuttost anomalija, peress li tipprovdi għal terminu itwal għall-preżentata ta’ inkartament fis-sens tal-Anness II milli huwa previst mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414. Dawn il-partijiet semmew id-Direttiva 2005/53 bħala eżempju iktar tipiku ta’ direttiva li temenda.
69. Dawn il-partijiet jiċċitaw l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, li jindika li, għas-sustanzi attivi miżjuda minn din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jivverfikaw li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jkollu aċċess għal inkartament fis-sens tal-Anness II. Huma josservaw li l-għaxar premessa tad-Direttiva 2005/53 tindika b’mod ċar li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/414 huwa maħsub biex japplika għad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti, u li d-detenturi kollha ta’ awtorizzazzjoni għandu jkollhom aċċess għal inkartament fis-sens tal-Anness II.
70. Il-Kummissjoni għalhekk issostni li d-Direttiva 2002/37 għandha tinftiehem bħala waħda li tinkludi l-istess rekwiżiti, għar-raġuni li d-Direttiva 2005/53 sempliċement esprimiet b’mod espliċitu intenzjoni li kienet impliċita fid-Direttivi preċedenti rigward l-interazzjoni bejn id-Direttiva 91/414 u d-Direttivi li jemendawha.
71. Agrichem issostni li l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni twassal għal applikazzjoni ta’ interpretazzjoni prospettiva (li tinsab fil-premessi) għal Direttiva preċedenti. Agrichem tqis li mhux biss tali interpretazzjoni tmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali, iżda hija wkoll eskluża mill-premessi nfushom.
72. Jiena ma naqbilx ma’ l-argument tal-Kummissjoni. Il-ħdax-il premessa tad-Direttiva 2005/53 tindika, b’mod pjuttost espliċitu, li d-Direttiva 2005/53 ma taffetwax l-obbligi li rriżultaw minn Direttivi li jemendaw preċedenti. Iżda dan huwa eżattament l-effett tal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni. Infakkar ukoll li d-Direttiva 2005/53 ma tikkonċernax l-ethofumesate; u li hija ma kinitx għadha daħlet fis-seħħ fiż-żmien rilevanti.
73. Għalhekk jiena naqbel ma’ Agrichem li l-interpretazzjoni fil-preambolu tad-Direttiva 2005/53 m’għandhiex tiġi applikata b’mod retroattiv għad-Direttiva 2002/37.
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/414
74. Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414 hija ddefinita mit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1), li tipprovdi li l-emenda jew l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet għandhom isiru skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414.
75. L-unika dispożizzjoni tad-Direttiva 91/414 li tista’ twassal biex tiġi rtirata awtorizzazzjoni hija l-Artikolu 13. Dak l-Artikolu jikkonċerna l-użu tal-informazzjoni li tikkostitwixxi inkartament fis-sens tal-Anness II mressaq sabiex sustanza attiva tiġi miżjuda mal-lista ta’ sustanzi permessi li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.
76. Għaldaqstant, ngħaddi għall-eżami ta’ din id-dispożizzjoni.
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)
77. Id-domanda essenzjali li għandna nwieġbu hija jekk il-kumpanniji fil-pożizzjoni ta’ Agrichem jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13. Agrichem issostni li bħala detentur ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti, u mhux bħala kumpannija li tixtieq tqiegħed prodotti ġodda għall-protezzjoni tal-pjanti fis-suq, hija ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu mhumiex rilevanti għaliha.
78. Agrichem tosserva li t-test tal-Artikolu 13 jirreferi għal “applikant”. L-eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 mhuwiex ibbażat fuq applikazzjoni. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 ma jestendix għad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti.
79. Barra minn hekk, Agrichem tfakkar li fis-sentenza Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie(19), l-Artikolu 13 huwa interpretat bħala applikabbli għal dawk l-entitajiet li japplikaw għal awtorizzazzjoni, pjuttost milli għad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti. Peress li l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ethofumesate għandhom jiġu kkonfermati permezz ta’ eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, il-validità ta’ tali awtorizzazzjonijiet m’għandhiex tkun affetwata millArtikolu 13, u m’għandhiex taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.
80. Ir-rikorrenti jissuġġerixxu li d-definizzjoni tal-kelma “applikant” għandha tapplika għall-entitajiet kollha għajr l-applikanti notifikanti. Huma jsostnu li inkwantu d-Direttivi għandhom l-għan li jħarsu l-investimenti tal-kumpanniji li għamlu riċerka dwar ċerti sustanzi attivi u li żviluppawhom, l-Artikoli 4 u 13 flimkien joperaw biex joħolqu qafas għall-awtorizzazzjonijiet fejn ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti sabiex tinkiseb jew tinżamm awtorizzazzjoni ġew stabbiliti fl-Artikolu 13.
81. Madankollu, dan l-argument jimplika l-preżenza ta’ kunċett ieħor (jiġifieri, dak ta’ “tinżamm”) fl-Artikolu 13.
82. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 jestendi għad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti u li tali detenturi għandhom jiġu trattati b’mod differenti mill-applikanti l-ġodda biss matul il-perijodu tranżitorju, li jiġi mitmum mill-Artikolu 13(6) meta l-prodott ikkonċernat jiġi miżjud ma’ l-Anness I. Ladarba sustanza tiġi inkluża fl-Anness I, għandu jiġi applikat l-Artikolu 13(1).
83. Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 13 għandu l-għan li jħares lid-detenturi ta’ awtorizzazzjoni notifikanti billi jagħti l-awtorizzazzjonijiet futuri biss fuq il-bażi ta’ inkartament fis-sens tal-Anness II. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 13(1) għandu jiġi interpretat bħala applikabbli għad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti. Inkella, ikun hemm differenza fit-trattament bejn id-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti (li għalihom ma huwa meħtieġ l-ebda inkartament) u l-applikanti l-ġodda għall-awtorizzazzjoni (li għalihom huwa meħtieġ l-inkartament) li mhux ġust.
84. Ma naħsibx li din hija spejgazzjoni konvinċenti tar-raġuni li għaliha d-detentur ta’ awtorizzazzjoni eżistenti għandu jaġixxi bl-istess mod bħal applikant ġdid . Barra minn hekk, l-Artikolu 13(7) jidher li jistabbilixxi differenza bejn l-applikanti u d-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti.
85. Il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li l-interpretazzjoni tal-ambitu tal-Artikolu 13(1) mogħtija mir-rikorrenti tista’ tagħti lill-parti notifikanti vantaġġ kompetittiv mhux iġġustifikat. Jiena naqbel magħha. Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti tammonta għal esklużjoni li tirriżulta mill-projbizzjoni totali tal-użu tas-sustanzi attivi miżjuda mal-lista fl-Anness I għad-Direttiva 91/414, li tapplika għall-partijiet kollha għajr l-entitajiet notifikanti effettivi.
86. Għalkemm din il-lock-out iddum biss għal perijodu qasir minħabba l-Artikolu 13(3)(ċ) u l-Artikolu 13(3)(d), din hija miżura anti-kompetittiva. Jekk il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jippermetti tali riżultat, wieħed jistenna li dan jiġi indikat b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni, pjuttost milli jitħalla biex jiġi dedott indirettament.
87. Tali esklużjoni jkollha wkoll l-effett li tipprojbixxi lil entitajiet li diġà ingħataw awtorizzazzjoni biex jużaw prodotti speċifiċi għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom tali sustanzi attivi milli jkomplu jużawhom. Fil-fehma tiegħi ikun kemm sproporzjonat kif ukoll anti-kompetittiv li jiġi rtirat dritt li nkiseb preċedentement, u li ngħata b’mod validu skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414.
88. M’iniex lesta li ninterpreta l-Artikolu 13(1) f’dan is-sens. Għalhekk nikkonkludi li detentur ta’ awtorizzazzjoni eżistenti ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1).
L-effett tal-Artikolu 13(3)
89. Argument alternattiv li ġie propost huwa li l-Artikolu 13(3) jipprojbixxi lil Stat Membru milli jagħmel użu mill-kontenut ta’ inkartament fis-sens tal-Anness II jew tal-Anness III għall-benefiċċju ta’ partijiet li m’għandhomx aċċess għal tali inkartament.
90. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 91/414 għandu l-għan li jħares l-investimenti tal-partijiet notifikanti permezz ta’ sistema ta’ “inkartament magħluq”. Huma jsostnu li għal perijodu ta’ ħames snin wara n-notifika, l-informazzjoni inkluża f’tali inkartamenti ma tistax tiġi użata minn, jew għall-benefiċċju ta’, l-ebda applikant għal awtorizzazzjoni li ma jkollux, jew ma jkollux aċċess għal, inkartament fis-sens tal-Anness II huwa nnifsu.
91. B’risposta għal dan l-argument, Agrichem tindika li fil-fatt hija diġà kkompletat tali inkartament, iżda li ma setgħetx tagħmel dan fit-terminu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37. Agrichem issostni li hija ma għamlet l-ebda profitt minn ħidmet ir-rikorrenti.
92. Mil-lat legali, Agrichem issostni li skont interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, dak kollu li kumpannija għandha tipproduċi sabiex iżżomm awtorizzazzjoni eżistenti hija l-informazzjoni fl-Anness I, li diġà hija pubblika. Għalhekk, din is-sistema topera bla problemi flimkien ma’ l-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/414, li jillimita biss l-użu tal-informazzjoni fl-inkartamenti fis-sens tal-Anness II u tal-Anness III. Tali interpretazzjoni tikkorrispondi aħjar mal-kliem tad-Direttivi nfushom.
93. Jiena ma ninterpretax l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 bħala wieħed li jeżiġi li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni eżistenti jkollu aċċess għal inkartament fis-sens tal-Anness II jew tal-Anness III. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jistrieħu fuq l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 91/414 peress li dan tal-aħħar mhuwiex applikabbli f’tali sitwazzjoni. Agrichem għandha awtorizzazzjonijiet eżistenti għal ċerti prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ethofumesate bħala sustanza attiva li ngħataw lilha b’mod konformi ma’ l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414. Hija mhijiex applikant ġdid u għaldaqstant ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 91/414. Mhuwiex neċessarju li hi jew l-Istat Membru jkollhom aċċess għal, jew li jagħmlu użu mill-informazzjoni f’inkartament fis-sens tal-Anness II jew tal-Anness III, sakemm issir evalwazzjoni mill-ġdid tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti tagħha skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2002/37.
Il-kwistjoni tal-protezzjoni tad-data
94. Kwistjoni sussidjarja tqum fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, peress li d-data li għandha Agrichem ma kinitx biżżejjed sabiex tikkostitwixxi inkartament komplet fis-sens tal-Anness II. B’hekk tinqala’ l-kwistjoni jekk Agrichem għandhiex il-jedd li tirreferi għad-data li ttieħdet inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni Komunitarja tal-ethofumesate li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2002/37.
95. Din il-kwistjoni hija rilevanti biss meta, bil-kontra tal-fehma li esprimejt, id-Direttivi 91/414 u 2002/37 interpretati b’mod korrett jeżiġu li Agrichem tressaq inkartament komplet fis-sens tal-Anness II, b’tali mod li biex tagħmel dan hija għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni mressqa mir-rikorrenti. Jidhirli li f’tali ċirikustanzi, tapplika l-leġiżlazzjoni ordinarja dwar il-protezzjoni tad-data,(20) fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra li hija iktar speċifika. Dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data joffru l-possibbiltà li titqies il-ħtieġa li tiġi mħarsa l-kunfidenzjalità ta’ sigrieti kummerċjali.
96. Fl-aħħar nett, nixtieq insemmi li fl-adozzjoni tiegħu tad-deċiżjoni kkontestata, is-CTB wera t-tħassib li jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 jiġi interpretat litteralment (kif fil-fehma tiegħi għandu jkun), dan effettivament irendi lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414 mingħajr sens, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni tad-data.
97. Jiena ma naqbilx ma’ din il-fehma. Il-fatt li Agrichem titħalla tkompli tuża dawn il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ethofumesate bħala sustanza attiva li fir-rigward tagħhom hija għandha awtorizzazzjonijiet eżistenti ma jfissirx li hija tingħata permess biex ikollha aċċess għad-data meħtieġa sabiex jinħoloq inkartament fis-sens tal-Anness II. Dak kollu li huwa meħtieġ hija l-informazzjoni fl-Anness I, li hija pubblika.
Konklużjoni
98. Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għad-domanda preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven b’dan il-mod:
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/37/KE ma jeżiġix li l-Istati Membri, qabel l-1 ta’ Settembru 2003, itemmu awtorizzazzjoni mogħtija b’mod konformi ma’ l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih l-ethofumesate bħala sustanza attiva minħabba li d-detentur ta’ dik l-awtorizzazzjoni m’għandux, jew m’għandux aċċess għal, inkartament li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II għad-Direttiva 91/414.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Direttiva tal-Kummissjoni 2002/37/KE tat-3 ta’ Mejju 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tinkludi l-ethofumesate bħala sustanza attiva (ĠU 2002 L 117, p. 10).
3 – Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 1991 L 230, p. 1).
4 – Mit-tielet sas-sitt premessi.
5 – Mis-seba’ sad-disa’ premessi.
6 – L-għaxar premessa.
7 – Artikolu 4(1)(a).
8 – Huwa stabbilit li d-Direttiva ġiet innotifikata fis-26 ta’ Lulju 1991.
9 – Ir-Regolament Nru 3600/92 kien regolament ta’ dan it-tip: ara, iktar ’il quddiem, il-punti 21 et seq.
10 – Ittraduċejt mill-ġdid mit-test Franċiż tal-Artikolu 13(3)(d). Jidher ċar li l-verżjoni oriġinali tat-test Ingliż kienet żbaljata. Hija ġiet ifformulata mill-ġdid f’rettifika (ĠU 1992 L 170, p 40). L-Artikolu 13(3)(ċ) wkoll jillimita l-użu ta’ din l-informazzjoni.
11 – Imdaħħal bid-Direttiva tal-Kunsill 94/43/KE tas-27 ta’ Lulju 1994, li tistabbilixxi l-Anness VI għad-Direttiva 91/414/KEE li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (ĠU 1994 L 227, p. 31).
12 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2002 tal-20 ta’ Novembru 2002 li jestendi t-terminu msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ xi sustanzi attivi fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva u l-irtirar ta’ awtorizzazjonijiet għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi (ĠU 2002 L 319, p. 3) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1335/2005 tat-12 ta’ Awissu 2005 (ĠU 2005 L 211, p. 6).
13 – Regolament tal-Kummissjoni (KEE) No 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li jittratta dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 1992 L 366, p. 10).
14 – Elenkati fl-Anness I għar-Regolament Nru 3600/92.
15 – Iddefinit bħala l-fabbrikant jew persuna innominata mill-fabbrikant bħala r-rappreżentant esklużiv tiegħu jew l-importatur fil-Komunità.
16 – Artikolu 5.
17 – Direttiva tal-Kummissjoni 2005/53/KE tas-16 ta’ Settembru 2005 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex tinkludi l-chlorothalonil, il-chlorotoluron, is-cypermethrin, id-daminozide u t-thiophanate-methyl bħala sustanzi attivi (ĠU 2005 L 241, p. 51).
18 – Stabbiliti fil-punt 5 iktar ’il fuq.
19 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2006, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, C-138/05, Ġabra p. I-8339, b’mod partikolari l-punt 46.
20 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU 1995 L 281, p. 31) jew ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001 L 145, p. 43) fil-każ ta’ informazzjoni mressqa jew miżmuma mill-istituzzjonijiet Komunitarji.
Full & Egal Universal Law Academy