KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 20081(1)
Kawża C-380/06
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Renju ta’ Spanja
“Proċeduri ta’ ksur – Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 3(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2000/35/KE – Ħlasijiet tardivi fi tranżazzjonijiet kummerċjali – Imgħax fil-każ ta’ ħlas tardiv”
1. F’dawn il-proċeduri skont l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni qed issostni li Spanja naqset f’żewġ aspetti li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 3(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2000/35 (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva”) (2). L-ewwel nett, skont il-Kummissjoni, dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva tippermetti li l-perijodu ta’ ħlasijiet għal prodotti speċifiċi jiġi estiż minn 60 jum għal mhux iktar minn 90 jum mingħajr ma tiġi awtomatikament imposta rata ogħla ta’ mgħax għal ħlas tardiv li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva jistipula li għandha tapplika f’tali ċirkustanzi. It-tieni nett, Spanja pposponiet id-dħul fis-seħħ b’mod sħiħ tal-perijodu ta’ 60 jum sa l-1 ta’ Lulju 2006, filwaqt li d-Direttiva, li tistipula li għandha tiġi implementata sat-8 ta’ Awwissu 2002, ma tipprovdi għal ebda applikazzjoni parzjali jew progressiva tad-dispożizzjonijiet tagħha.
Il-leġiżlazzjoni rilevanti
Id-Direttiva
2. Id-Direttiva għandha l-għan li tiġġieled ħlasijiet tardivi fi tranżazzjonijiet kummerċjali, li b’mod partikolari, huma ta’ piż għal negozji żgħar u ta’ daqs medju (3).
3. Skont il-premessa 18 tal-preambolu, id-Direttiva “tagħti kont tal-kwistjoni ta’ perijodi twal kuntrattwali ta’ ħlas u, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ ċerti kategoriji ta’ kuntratti fejn perijodu itwal ta’ ħlas flimkien mar-restrizzjoni ta’ ħelsien tal-kuntratt jew rata għola ta’ imgħax tista’ tkun iġġustifikata”.
4. Il-premessa 19 tiddikjara li d-Direttiva għandha tipprojbixxi l-abbuż tal-libertà kuntrattwali għall-iżvantaġġ tal-kreditur u telenka diversi fatturi li jista’ jitqies li jikkostitwixxu tali abbuż.
5. L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva jiddefinixxi “ħlas tard” bħala “meta jiġi eċċedut il-perjodu kuntrattwali jew statutorju ta’ ħlas”.
6. L-Artikolu 3 huwa intitolat “Imgħax fil-każ ta’ ħlas tard”. Huwa jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi:
(a) imgħax skond il-punt (d) għandu jsir dovut mill-jum li jiġi wara d-data jew it-tmiem tal-perjodu għall-ħlas iffissat skond il-kuntratt;
(b) jekk id-data jew il-perjodu għall-ħlas ma tkunx iffissata fil-kuntratt, l-imgħax għandu jsir dovut awtomatikament mingħajr il-ħtieġa ta’ nota ta’ tfakkir:
(i) 30 jum li jiġu wara d-data li d-debitur jirċievi l-fattura jew talba ekwivalenti għall-ħlas; jew
(ii) jekk id-data li fiha tiġi riċevuta l-fattura jew it-talba ekwivalenti għall-ħlas ma tkunx żgurata, 30 jum wara d-data li fiha jiġu riċevuti l-oġġetti jew servizzi; jew
(iii) jekk id-debitur jirċievi l-fattura jew it-talba ekwivalenti għall-ħlas qabel l-oġġetti jew is-servizzi, 30 jum wara li l-oġġetti jew is-servizzi jiġu riċevuti; jew
(iv) jekk proċedura ta’ aċċettazzjoni jew verifikazzjoni, li dwarha l-konformità ta’ l-oġġetti jew servizzi mal-kuntratt għandha tiġi żgurata, hija pprovduta għaliha skond l-istatut jew fil-kuntratt u jekk id-debitur jirċievi l-fattura jew talba ekwivalenti għall-ħlas qabel jew fid-data li fiha dik l-aċċettazzjoni jew verifikazzjoni sseħħ, 30 jum wara din id-data ta’ l-aħħar;
[…]
(d) il-livell ta’ imgħax għall-ħlas tard (‘ir-rata statutorja’), li d-debitur huwa obbligat li jħallas, għandu jkun is-somma ta’ rata ta’ imgħax applikabbli mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjoni prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament l-aktar reċenti [(4)] mwettqa qabel l-ewwel jum kalendarju ta’ nofs is-sena in kwistjoni (‘ir-rata ta’ referenza’), miżjuda b’ta’ lanqas seba’ punti ta’ persentaġġ (‘il-marġini’), sakemm ma jkunx xort’oħra speċifikat fil-kuntratt. […]
[…]
2. Għal ċerti kategoriji ta’ kuntratti li għandhom jiġu definiti mil-liġi nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw perjodu li warajh l-imgħax isir dovut sa massimu ta’ 60 jum b’dan illi jew jirrestrinġu lill-partijiet għall-kuntratt milli jeċċedu l-perjodu jew jiffissaw rata mandatorja ta’ imgħax li tkun teċċedi sostanzjalment ir-rata statutorja.
3. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li ftehim fuq id-data tal-ħlas jew fuq il-konsegwenzi ta’ ħlas tard li ma jkunux jaqblu mad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1(b) sa (d) u 2 jew ma jkunx infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni jekk, […] ikunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur. […] Jekk jiġi stabbilit li dak il-ftehim ikun inġust għall-aħħar, it-termini statutorji għandhom japplikaw, sakemm il-qrati nazzjonali ma jistabbilixxux kondizzjonijiet differenti li huma ġusti.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, fl-interessi tal-kredituri u l-kompetituri, mezzi adegwati u effettivi jeżistu biex jimpedixxu l-użu kontinwu ta’ termini li jkunu inġusti għall-aħħar skond it-tifsira tal-paragrafu 3.
[…]”
7. L-Artikolu 6(1) jistipula li l-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-8 ta’ Awissu 2002. L-Artikolu 6(2) jippermetti li l-Istati Membri jżommu jew idaħħlu fis-seħħ dispożizzjonijiet li jkunu iktar favorevoli għall-kreditur mid-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.
Il-leġiżlazzjoni Spanjola
8. Id-Direttiva ġiet trasposta fi Spanja permezz tal-Liġi 3/2004 tad-29 ta’ Diċembru 2004 (5) dwar il-ġlieda kontra l-ħlasijiet tardivi fi tranżazzjonijiet kummerċjali (iktar ’il quddiem, il-“Liġi 3/2004”) (6).
9. L-Artikolu 4(1) tal-Liġi 3/2004 jipprovdi li l-perijodu ta’ ħlas għandu jkun jew dak miftiehem bejn il-partijiet “b’mod konformi mal-qafas legali applikabbli” jew, fin-nuqqas ta’ tali ftehim, dak stabbilit skont l-Artikolu 4(2). Dik id-dispożizzjoni tiffissa perijodu ta’ 30 jum, f’termini identiċi għas-subparagrafi (i) sa (iv) tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva.
10. L-Artikolu 7(1) tal-Liġi 3/2004 jipprovdi li r-rata tal-imgħax għal ħlasijiet tardivi għandha tkun jew dik miftiehma bejn il-partijiet, jew fin-nuqqas ta’ tali ftehim, ir-rata statutorja stipulata fl-Artikolu 7(2), li, min-naħa tiegħu, essenzjalment jittrasponi l-ispeċifikazzjoni għar-rata statutorja stabbilita fl-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva.
11. Skont l-Artikolu 9(1) tal-Liġi 3/2004, il-ftehimiet bejn il-partijiet rigward perijodu ta’ ħlas jew il-konsegwenzi ta’ ħlas tardiv li jkunu differenti mill-perijodu awtomatiku speċifikat fl-Artikolu 4(2) jew mir-rata tal-imgħax statutorja stabbilita fl-Artikolu 7(2) rispettivament huma nulli jekk ikunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur.
12. Minbarra l-artikolu nnumerati tagħha, il-Liġi 3/2004 tinkludi ċerti dispożizzjonijiet oħra. L-ewwel “dispożizzjoni addizzjonali” tal-Liġi 3/2004 tipprovdi li l-ħlasijiet lill-fornituri kummerċjali rregolati mil-Liġi 7/1996 tal-15 ta’ Jannar 1996 dwar il-kummerċ bl-imnut (iktar ’il quddiem, il-“Liġi 7/1996”) (7) għandhom ikunu prinċipalment irregolati mill-Artikolu 17 tal-liġi preċedenti, u li l-liġi sussegwenti hi ta’ natura supplimentari.
13. L-Ewwel Parti tat-tieni “dispożizzjoni finali” tal-Liġi 3/2004 imbagħad temenda l-Artikolu 17 tal-Liġi 7/1996 (8). Safejn huwa rilevanti, dak l-Artikolu issa jipprovdi li:
“1. Fin-nuqqas ta’ ftehim espliċitu, għandu jkun mifhum li l-bejjiegħa bl-imnut iridu jħallsu l-prezz tal-oġġetti li jixtru fi żmien 30 jum mid-data tal-kunsinna.
[…]
3. Il-ħlas għal ikel frisk u għal prodotti li jistgħu jmorru f’ebda każ ma għandu jkun iddifferit għal iktar minn 30 jum. Il-ħlas għal ikel ieħor u għal prodotti tal-konsum m’għandux ikun iddifferit għal perijodu ta’ iktar minn 60 jum, ħlief jekk ikun hemm ftehim espliċitu li jipprovdi għal kumpens finanzjarju għall-fornitur ekwivalenti għall-perijodu addizzjonali. Il-ħlas ma għandu f’ebda każ ikun iddifferit għal iktar minn 90 jum.
[…]
5. Ikun xi jkun il-każ, l-imgħax għal ħlas tardiv għandu jkun awtomatikament dovut mill-jum wara d-data ffissata għall-ħlas jew, fin-nuqqas ta’ ftehim, id-data meta għandu jsir il-ħlas skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1. F’dak il-każ, ir-rata applikabbli biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-imgħax għandha tkun dik ipprovduta fl-Artikolu 7 [tal-Liġi 3/2004], sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu permezz ta’ kuntratt fuq rata differenti, li f’ebda każ ma tista’ tkun iktar baxxa mill-imgħax statutorju miżjud b’50 fil-mija.”
14. It-Tieni Parti tat-tieni “dispożizzjoni finali” tal-Liġi 3/2004 tinkludi dispożizzjoni tranżitorja, li tipprovdi li l-limitu massimu ta’ 60 jum stabbilit fl-Artikolu 17(3) tal-Liġi 7/1996 (kif emendata) għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2006. Sa dak iż-żmien, il-“ħlas għal ikel li ma jkunx frisk jew li ma jmurx u għal prodotti tal-konsum m’għandux ikun iddifferit għal iktar minn 90 jum mill-kunsinna tal-oġġetti”.
Il-proċedura
15. Il-Kummissjoni rċeviet ilment li fih ġie allegat li d-Direttiva ġiet trasposta b’mod inkorrett fid-dritt Spanjol. Fit-13 ta’ Lulju 2005, hija bagħtet lil Spanja ittra ta’ intimazzjoni fejn sostniet li l-Liġi 3/2004 tikser partijiet mill-Artikolu 3 tad-Direttiva fost affarijiet oħra billi tippermetti li l-ħlas għal ċerti prodotti tal-ikel u prodotti tal-konsum ikun iddifferit għal 90 jum u billi ma tillimitax il-perijodu ta’ ħlas għal 60 jum sa l-1 ta’ Lulju 2006.
16. Wara li ma rċeviet l-ebda risposta għal dik l-ittra, fid-19 ta’ Diċembru 2005 il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata.
17. Wara li qieset ir-risposta ta’ Spanja tas-7 ta’ Frar 2006 għall-opinjoni motivata, fil-15 ta’ Settembru 2006 il-Kummissjoni fetħet din il-kawża.
18. Hija qed titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiddikjara li, billi awtorizza, skont il-Liġi 3/2004, perijodu ta’ 90 jum għall-ħlas ta’ ikel li ma jkunx frisk jew li ma jmurx u ta’ prodotti tal-konsum u billi ppospona d-dħul fis-seħħ ta’ ċerti dispożizzjonijiet sa l-1 ta’ Lulju 2006, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(1), (2) u (4) tad-Direttiva;
– tikkundanna lil Spanja għall-ispejjeż.
19. Fir-rikors, qed jiġi allegat speċifikament li l-perijodu ta’ ħlas ta’ 90 jum jikser l-Artikolu 3(1) u (2), filwaqt li l-posponiment jikser l-Artikolu 3(1), (2) u (4).
20. Il-Kummissjoni talbet li tinżamm seduta, li saret fit-13 ta’ Frar 2008.
Il-perijodu ta’ ħlas ta’ 90 jum jikser l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva?
21. Il-Kummissjoni qed tallega ksur kemm tal-Artikolu 3(1) kif ukoll tal-Artikolu 3(2). Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-ksur tad-dispożizzjoni tal-aħħar biss huwa sostnut mill-argumentazzjoni.
22. Il-Kummissjoni tqis li Spanja għamlet użu mill-fakultà mogħtija mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva u ddefiniet kategorija partikolari ta’ kuntratti – dawk għall-ikel li ma jkunx frisk jew li ma jmurx u għall-prodotti tal-konsum – li għandhom jiġu rregolati minn dik id-dispożizzjoni. Madankollu, il-leġiżlazzjoni Spanjola mhijiex konformi mat-termini tal-Artikolu 3(2).
23. Mill-argument tal-Kummissjoni jista’ jiġi dedott li hija tqis li Spanja għażlet it-tieni possibbiltà prevista fl-Artikolu 3(2) billi ppermettiet li l-perijodi ta’ ħlas jiġu estiżi minn 60 jum sa mhux iktar minn 90 jum (peress li l-ewwel possibbiltà tipprojbixxi kwalunkwe estensjoni lilhinn minn 60 jum). Madankollu, l-Artikolu 17 tal-Liġi 7/1996 (kif emendata) ma “jiffissa[x] rata mandatorja ta’ mgħax li […] teċċedi sostanzjalment ir-rata statutorja”, kif inhu meħtieġ mit-tieni possibbiltà. Minflok, huwa meħtieġ mid-debitur li jipprovdi “kumpens finanzjarju” lill-fornitur għall-perijodu ta’ ħlas addizzjonali. Dik il-frażi, skont il-Kummissjoni, mhijiex preċiża u ftit tipprovdi protezzjoni lill-kreditur. Għaldaqstant, l-Artikolu 17(3) tal-Liġi 7/1996, kif emendata mil-Liġi 3/2004, tikser l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva.
24. Spanja qed issostni li l-Artikolu 17(3) tal-Liġi 7/1996 mhuwiex intiż biex jittrasponi l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva. Minkejja dan, il-fini tiegħu huwa li jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva. Skont il-premessi 18 u 19 tad-Direttiva, il-libertà kuntrattwali, fil-prinċipju, tiġi rispettata, bla ħsara għal-limiti mfassla sabiex ikun ipprevenut abbuż għad-detriment tal-kreditur. L-Artikolu 17(3) jillimita l-libertà kuntrattwali billi jimponi perijodi massimi ta’ ħlas sabiex jipprevjeni l-użu kontinwat ta’ perijodi ta’ ħlas itwal u inġusti prevalenti fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. B’hekk, b’mod konformi mal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva, iġib fi tmiem klawżoli inġusti għall-aħħar. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) jippermetti espliċitament li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-kredituri minn dawk meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-Direttiva.
Id-Direttiva
25. Jiena qed nifhem id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva b’dan il-mod.
26. Skont is-sistema kif ġiet stabbilita mill-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva, fil-każi kollha jrid ikun possibbli li tiġi aċċertata data finali għall-ħlas, li warajha d-debitur irid iħallas l-imgħax lill-kreditur.
27. Bħala regola, il-partijiet għandhom ikunu ħielsa li jiffissaw id-data jew il-perijodu għall-ħlas fil-kuntratt tagħhom (l-Artikolu 3(1)(a)).
28. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal perijodu statutorju awtomatiku ta’ 30 jum, li għandu japplika jekk il-partijiet ma jkunux eżerċitaw dik il-libertà (l-Artikolu 3(1)(b)).
29. L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri biex fakultattivament jestendu dak il-perijodu awtomatiku għal massimu ta’ 60 jum għal ċerti kategoriji ta’ kuntratti, sakemm huma wkoll jew irażżnu lill-partijiet għall-kuntratt milli jeċċedu dan il-perijodu jew jiffissaw rata tal-imgħax li tkun mandatorja u dissważiva għall-ħlasijiet li jsiru wara l-iskadenza ta’ dak il-perijodu. Dawk iż-żewġ kundizzjonijiet it-tnejn li huma japplikaw għal kwistjonijiet li l-partijiet normalment ikunu ħielsa li jiddeterminaw permezz ta’ kuntratt. Madankollu, huwa ċar li l-perijodu ta’ 60 jum minnu nnifsu ma jikkostitwixxix limitu fuq il-libertà kuntrattwali imma alternattiva għall-perijodu awtomatiku stipulat fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva.
30. Tali estensjoni tal-perijodu awtomatiku għal sa mhux iktar minn 60 jum hija inqas favorevoli għall-kredituri mill-perijodu awtomatiku bażiku ta’ 30 jum li kieku japplika. Il-quid pro quo biex wieħed ikun jista’ jagħżel “massimu ta’ 60 jum” bħala perijodu ta’ ħlas hija li jew l-Istat Membru jrid jeskludi l-libertà li jsir kuntratt għal perijodu ta’ ħlas li jeċċedi s-60 jum jew irid jiżgura ruħu li (ikun xi jkun dak li l-partijiet jkunu jixtiequ jiftiehmu) “rata mandatorja ta’ mgħax li […] teċċedi sostanzjalment ir-rata statutorja” se tapplika għal kwalunkwe perijodu ta’ dan it-tip miftiehem permezz ta’ kuntratt wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu miftiehem. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma t-tnejn li huma iktar favorevoli għall-kredituri.
Il-leġiżlazzjoni Spanjola
31. Jidher ċar mid-diċitura tad-dispożizzjonijiet li l-perijodi ta’ 30 jum speċifikati kemm fl-Artikolu 4 tal-Liġi 3/2004 (9) kif ukoll fl-Artikolu 17(1) tal-Liġi 7/1996, kif emendata mil-Liġi 3/2004 (10), japplikaw fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet. Fi kliem ieħor, dawn huma perijodi statutorji awtomatiċi. Jidher biċ-ċar li dawn huma konformi mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva.
32. Fl-Artikolu 17(3) tal-Liġi 7/1996 (kif emendata), il-ħlas għal ikel frisk u għal prodotti li jistgħu jmorru “f‘ebda każ, ma għandu jkun iddifferit għal iktar minn 30 jum”. Il-ħlas għal prodotti tal-ikel u tal-konsum oħra “ma għandu f’ebda każ ikun iddifferit għal iktar minn 90 jum”. Kemm il-perijodu ta’ 30 jum kif ukoll dak ta’ 90 jum b’hekk ma jippermettu l-ebda eċċezzjoni. Bil-kontra, il-perijodu ta’ 60 jum, li wkoll hu speċifikat rigward prodotti tal-ikel u tal-konsum oħra, jippermetti eċċezzjoni: il-ħlas “m’għandux ikun iddifferit għal perijodu ta’ iktar minn 60 jum, ħlief jekk ikun hemm ftehim espliċitu li jipprovdi għal kumpens finanzjarju […]”.
33. Sabiex il-kawża tal-Kummissjoni tirnexxi, jeħtieġ li din tistabbilixxi li l-perijodi ta’ 60 u ta’ 90 jum stipulati fl-Artikolu 17(3) tal-Liġi 7/1996 (kif emendata) li qed tilmenta dwarhom, huma estensjonijiet tal-perijodu awtomatiku ta’ 30 jum stipulat fl-Artikolu 17(1), hekk kif il-perijodu ta’ 60 jum stipulat fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva huwa estensjoni fakultattiva tal-perijodu awtomatiku ta’ 30 jum stipulat fl-Artikolu 3(1)(b).
34. Jekk il-perijodi ta’ 60 u ta’ 90 jum stipulati fl-Artikolu 17(3) tal-Liġi 7/1996 (kif emendata) mhumiex estensjonijiet tal-perijodu awtomatiku ta’ 30 jum, imma sempliċement limitazzjonijiet fuq il-libertà kuntrattwali tal-partijiet, dawn huma, hekk kif qed issostni Spanja, iktar favorevoli għall-kreditur mid-dispożizzjonijiet meħtieġa biex hija tikkonforma mad-Direttiva. Għalhekk, ikunu awtorizzati mill-Artikolu 6(2) ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet l-oħra li jistgħu jkunu marbuta magħhom u tkun xi tkun id-data meta jidħlu fis-seħħ.
35. Qari sempliċi tal-Artikolu 17(1) u (3) tal-Liġi 7/1996 jindika li l-interpetazzjoni tal-aħħar hija l-iktar waħda plawżibbli. Fin-nuqqas ta’ ftehim espliċitu, l-Artikolu 17(1) jiffissa perijodu awtomatiku ġenerali ta’ 30 jum (biex b’hekk ikun implementat l-Artikolu 3(1)(a) u (b) tad-Direttiva), filwaqt li l-Artikolu 17(3) jipprovdi li l-ħlas b’ebda mod ma għandu jkun iddifferit għal iktar minn 30, 60 jew 90 jum, skont il-kategorija ta’ prodott ikkonċernat (b’possibbiltà li l-perijodu ta’ 60 jum ikun estiż sa 90 jum sakemm jiġi miftiehem kumpens għall-fornitur). L-interpretazzjoni naturali hija li dawk it-tliet perijodi huma limitazzjonijiet fuq il-libertà kuntrattwali tal-partijiet li jiddeterminaw data jew perijodu fil-kuntratt tagħhom.
36. Il-Kummissjoni ma ppreżentat ebda raġunament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja suffiċjenti biex issostni li l-leġiżlazzjoni Spanjola għandha tiġi interpretata mod ieħor, jiġifieri li l-perijodi ta’ 60 u ta’ 90 jum huma estensjonijiet tal-perijodu awtomatiku ta’ 30 jum applikabbli fin-nuqqas ta’ ftehim espliċitu bejn il-partijiet. Lanqas ma ppreżentat xi evidenza li l-leġiżlazzjoni ġiet interpretata b’dak il-mod mill-qrati Spanjoli.
37. F’dawk iċ-ċirkustanzi, jiena minix lesta nikkonkludi li l-Kummissjoni rnexxiela tistabbilixxi li l-arranġamenti leġiżlattivi li saru minn Spanja jiksru l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva.
Ksur tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva?
38. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni qed tallega wkoll li l-estensjoni ta’ 90 jum fl-Artikolu 17(3) tal-Liġi 7/1996 (kif emendata) tikser l-Artikolu 3(1), imma mhijiex qed tgħid kif. Jidher ċar mill-analiżi li għadni kemm għamilt li jiena nqis li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li l-Artikolu 17(1) tal-Liġi 7/1996 (kif emendata) jagħmel xi ħaġa oħra għajr milli japplika għall-kuntratti kollha mingħajr eċċezzjoni. Għaldaqstant, mhemm l-ebda ksur tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva.
Spanja kisret l-Artikolu 3(1), (2), u (4) tad-Direttiva billi pposponiet id-dħul fis-seħħ ta’ ċerti dispożizzjonijiet sa l-1 ta’ Lulju 2006?
39. Il-Kummissjoni qed tirrepeti li l-Artikolu 17(3) tal-Liġi 7/1996 (kif emendata) ifittex li jittrasponi l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva. Madankollu, jiddifferixxi l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 60 jum sa l-1 ta’ Lulju 2006. Id-Direttiva ma tippermettix l-applikazzjoni parzjali jew progressiva tad-dispożizzjonijiet tagħha. Id-differiment tal-limitu b’hekk jikser l-Artikolu 3(1), (2) u (4) tad-Direttiva.
40. Mill-konklużjonijiet tiegħi dwar l-ewwel ilment tal-Kummissjoni jirriżulta li t-tieni ilment, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi miċħud ukoll. Peress li l-limitu ta’ 60 jum ma jittrasponi ebda dispożizzjoni tad-Direttiva, Spanja ma kellha ebda obbligu Komunitarju li ġġibu fis-seħħ sa tmiem il-perijodu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva, jew saħansitra li timponih.
41. Għalhekk nikkonkludi li Spanja ma kisritx l-Artikolu 3(1), (2) u (4) billi pposponiet id-dħul fis-seħħ ta’ ċerti dispożizzjonijeit sa l-1 ta’ Lulju 2006.
L-ispejjeż
42. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Jiena tal-fehma li r-rikors għandu jiġi miċħud, u Spanja talbet l-ispejjeż kontra l-Kummissjoni.
Konklużjoni
43. Għalhekk inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ġunju 2000, dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2000 L 200, p. 35).
3 – Premessa 7 fil-preambolu.
4 – Kif iddefinita fl-Artikolu 2(4) tad-Direttiva.
5 – Il-Kumissjoni fetħet kawża skont l-Artikolu 226 KE kontra Spanja minħabba li ddawret biex tittrasponi d-Direttiva (Kawża C-384/03). Hija ċediet dik il-kawża wara li Spanja adottat il-Liġi 3/2004. B’Digriet tat-28 ta’ April 2005 (ĠU 2005 C 182, p. 33), il-Qorti tal-Ġustizzja ħassret il-Kawża C-384/03 mir-reġistru.
6 – BOE 314 tat-30 ta’ Diċembru 2004.
7 – BOE 15 tas-17 ta’ Jannar 1996, p. 1243.
8 – Skont il-preambolu tal-Liġi 3/2004, id-dispożizzjonijiet relatati ma’ klawżoli abużivi kienu jeħtieġu li l-Artikolu 17(3) tal-Liġi 7/1996 jiġi emendat sabiex il-ħlasijiet lill-fornituri jiġu adattati għat-termini tal-liġi sussegwenti.
9 – Ara l-punt 9 iktar ’il fuq.
10 – Ara l-punt 13 iktar ’il fuq.
Full & Egal Universal Law Academy