KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fis-27 ta' Novembru 2007 1(1)
Kawża C‑390/06
Nuova Agricast Srl
vs
Ministero delle Attività Produttive
(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Roma (l-Italja))
“Validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara kompatibbli mat-Trattat skema ta’ għajnuna prevista mil-leġiżlazzjoni Taljana fil-forma ta’ għajnuna għal investiment fir-reġjuni żvantaġġati fl-Italja”
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG(2000)D/105754 tat-12 ta’ Lulju 2000 li tiddikjara kompatibbli mat-Trattat skema ta’ għajnuna għal investiment fir-reġjuni żvantaġġati ta’ l-Italja (2) (‘id-deċiżjoni kkontestata’).
2. Ir-rinviju sar fil-kuntest ta’ kawża għad-danni li l-kumpannija Taljana Nuova Agricast ressqet kontra l-Istat Taljan. Essenzjalment, Nuova Agricast issostni li batiet dannu minħabba li ma tistax tkun benefiċjarja ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat awtorizzata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u bi ħsiebha tistabbilixxi l-miżura li fiha l-awtoritajiet Taljani jistgħu jitqiesu responsabbli għal dan.
I – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti
A – L-iskema preċedenti ta’ l-għajnuna
3. Fil-Liġi Nru 488 tad-19 ta’ Diċembru 1992 (3) (iktar ‘il quddiem “il-Liġi Nru 488/92”), il-leġiżlatur Taljan stabbilixxa miżuri finanzjarji bil-għan li jinkoraġġixxi lill-kumpanniji sabiex jiżviluppaw ċerti attivitajiet produttivi f’reġjuni żvantaġġati tal-pajjiż.
4. B’deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 1997 (4) (iktar ‘il quddiem “id-deċiżjoni ta’ l-1997”), il-Kummissjoni ddeċidiet, b’effett sal-31 ta’ Diċembru 1999, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat (5) ibbażata fuq il-Liġi Nru 488/92 u fuq diversi dispożizzjonijiet li jimplementaw din il-Liġi.
5. L-iskema ta’ l-għajnuna awtorizzata permezz tad-deċiżjoni ta’ l-1997 (iktar’il quddiem “l-iskema antika ta’ għajnuna”) kellha l-karatteristiċi prinċipali li ġejjin:
a) Ir-riżorsi finanzjarji ta’ kull sena kienu mifruda f’żewġ partijiet indaqs u allokati permezz ta’ żewġ sejħiet għal applikazzjonijiet. Fuq il-bażi tal-fondi disponibbli għas-sena li magħha kienu relatati r-riżorsi, ir-regoli għad-distribuzzjoni tal-fondi setgħu jiġu modifikati b’digriet Ministerjali, b'mod partikolari billi l-fondi in kwistjoni jkunu jistgħu jiġu allokati permezz ta’ sejħa waħda għal applikazzjonijiet.
b) L-applikazzjonijiet imressqa wara sejħa għal applikazzjonijiet kienu jiġu eżaminati minn istituzzjonijiet ta’ kreditu kompetenti, li kienu jagħtu l-marki fuq il-bażi ta’ kriterji previsti mil-liġi (bit-Taljan “indicatori”, iktar’il quddiem: “indikaturi”).
ċ) Imbagħad, il-Ministeru kompetenti kien jistabbilixxi klassifiki reġjonali ta’ l-applikazzjonijiet fuq il-bażi tal-marki miksuba fil-kuntest ta’ dan l-eżami u kien jadotta digriet dwar l-allokazzjoni ta’ l-għajnuna lill-applikanti f’ordni mill-kbir għaż-żgħir, li kien jibda bl-ewwel wieħed, sakemm il-fondi disponibbli għal kull lista jiġu eżawriti.
d) L-ispejjeż eliġibbli kienu dawk li saru mill-jum wara d-data ta’ l-għeluq tas-sejħa li tippreċedi s-sejħa li għaliha tirreferi l-applikazzjoni. (6)
e) L-impriżi li l-applikazzjonijiet tagħhom kienu jitqiegħdu fuq lista reġjonali iżda li ma setgħux jibbenefikaw mill-miżuri ta’ sussidju minħabba li kien hemm inqas fondi disponibbli mill-ammont meħtieġ sabiex ikunu koperti l-miżuri kollha li saret applikazzjoni għalihom, setgħu jerġgħu jippreżentaw l-istess proġett, darba biss, fl-ewwel sejħa xierqa sussegwenti, mingħajr ma jagħmlu tibdil fl-indikaturi ta’ evalwazzjoni rilevanti (magħrufa bħala “inklużjoni awtomatika”), jew jirrinunzjaw għall-“inklużjoni awtomatika” u jerġgħu jippreżentaw l-istess proġett iżda b’tibdil f’uħud mill-indikaturi ta’ evalwazzjoni, sabiex l-applikazzjoni għal għajnuna tkun iktar kompetittiva, u tiġi inkluża fil-lista tas-“sejħa xierqa” sussegwenti (7) (magħrufa bħala “reviżjoni” ta’ l-applikazzjoni). Fiż-żewġ każijiet, il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-applikazzjonijiet oriġinali ġew miżmuma bħala validi għall-finijiet ta’ l-eliġibbiltà ta’ l-ispejjeż, li kien ifisser li l-miżuri ta’ sussidju kellhom ukoll jiġu allokati fir-rigward ta’ l-ispejjeż li saru mid-data ta’ l-ewwel applikazzjoni.
B – L-iskema l-ġdida ta’ għajnuna
6. Fit-18 ta’ Novembru 1999, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni (8) bi skema ta’ għajnuna mill-Istat li ġiet adottata mill-awtoritajiet Taljani b’applikazzjoni tal-Liġi Nru 488/92. Fil-fatt, l-iskema kienet estensjoni modifikata ta’ l-iskema antika ta’ għajnuna mill-1 ta’ Jannar 2000.
7. Wara bidliet fl-iskema min-naħa ta’ l-awtoritajiet Taljani, fit-12 ta’ Lulju 2000 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fejn iddikjarat li ma kienx bi ħsiebha tqajjem oġġezzjonijiet kontra l-iskema nnotifikata b’effett sal-31 ta’ Diċembru 2006.
8. Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi dispożizzjoni tranżitorja li tgħid:
“Huwa biss fl-okkażjoni ta’ l-ewwel implementazzjoni ta’ l-iskema in kwistjoni, jiġifieri fl-okkażjoni ta’ l-ewwel sejħa għal applikazzjonijiet għal miżuri ta’ sussidju li se tiġi organizzata fuq il-bażi ta’ l-iskema in kwistjoni, peress li huwa stabbilit li l-applikazzjonijiet għal għajnuna, f’kull każ, għandhom jiġu mressqa qabel ma jinbeda x-xogħol fuq il-proġett ta’ investiment, li applikazzjonijiet li ġew introdotti fl-okkażjoni ta’ l-aħħar sejħa organizzata fuq il-bażi ta’ l-iskema preċedenti u approvata mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 1999, li ġew meqjusa bħala eliġibbli għal għajnuna iżda li ma ġewx awtorizzati minħabba li ġew allokati riżorsi finanzjarji insuffiċjenti għal din is-sejħa, se jitqiesu, eċċezzjonalment, bħala eliġibbli”.
9. Fl-Italja, id-deċiżjoni kkontestata ġiet segwita bl-adozzjoni tad-Digriet ta’ l-14 ta’ Lulju 2000 (9) mill-Ministero dell’Industria, Commercio e d’Artigianato (il-Ministeru ta’ l-Industrija, tal-Kummerċ u tas-Snajja’) (il-“MICA”) u biċ-Ċirkulari Nru 900315 ta’ l-14 ta’ Lulju 2000, (10) li stabbilixxew il-metodi ta’ implementazzjoni ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna awtorizzata permezz tad-deċiżjoni kkontestata (“l-iskema ġdida ta’ għajnuna”).
10. Dawn ir-regoli nazzjonali jipprovdu li s-sussidji jistgħu jingħataw fuq il-bażi “ta’ l-ispejjeż li jitqiesu bħala eliġibbli fil-kuntest tal-programmi relatati ma’ l-aħħar sejħa xierqa għal applikazzjonijiet għal miżuri ta’ sussidju, li kienu ġew eżaminati u approvati iżda li ma ġewx issussidjati għaliex ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa ma kinux disponibbli”.
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża
11. Skond l-iskema antika ta’ għajnuna, Nuova Agricast ressqet applikazzjoni għal għajnuna mill-Istat b’reazzjoni għat-tielet sejħa xierqa, li kienet tikkonċerna l-ewwel semestru ta’ l-1998. L-applikazzjoni tagħha ġiet inkluża fil-lista reġjonali ta’ Puglia, li kienet approvata b’digriet tal-MICA fl-14 ta’ Awwissu 1998.
12. Minħabba l-pożizzjoni tagħha fl-ordni tal-lista reġjonali u l-insuffiċjenza ta’ fondi disponibbli, hija ma rċevietx il-fondi li kienet applikat għalihom.
13. Ġiet ippubblikata r-raba’ sejħa, li kienet tikkonċerna t-tieni semestru ta’ l-1998. Nuova Agricast ddeċidiet li ma tużax id-dritt tagħha għal inklużjoni awtomatika ta’ l-imsemmija applikazzjoni għal din is-sejħa iżda li tistenna s-sejħa xierqa li kien imiss sabiex tressaq l-applikazzjoni tagħha f’verżjoni riveduta.
14. Qabel il-31 ta’ Diċembru 1999, id-data li fiha skadiet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni għall-iskema antika ta’ għajnuna, ma ġiet ippubblikata l-ebda sejħa bħal din. Is-sejħa xierqa suċċessiva, li b’risposta għaliha Nuova Agricast setgħet finalment tressaq l-applikazzjoni riveduta tagħha, ġiet ippubblikata biss fl-14 ta’ Lulju 2000, meta l-iskema ġdida ta’ għajnuna diġà kienet daħlet fis-seħħ.
15. L-iskema ġdida ta’ għajnuna, li ġiet awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata, ma qisitx iktar bħala validi, sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż li kienu eliġibbli, il-kundizzjonijiet li kienu applikabbli għall-applikazzjoni inizjali ta’ Nuova Agricast. L-applikazzjoni riveduta tagħha ġiet miċħuda u b’hekk ma ġietx elenkata fil-lista reġjonali rilevanti.
III – Il-kawża quddiem il-qorti nazzjonali u d-domanda preliminari
16. Nuova Agricast ressqet kawża quddiem it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) (l-Italja) kontra l-Ministeru Taljan kompetenti (il-Ministero delle Attività Produttive, li ġie fdat bis-setgħat tal-MICA) għad-danni li hija allegatament batiet minħabba n-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat li kienet applikat għaliha.
17. F’dan ir-rigward, Nuova Agricast hija tal-fehma li, bl-adozzjoni ta’ l-iskema ġdida ta’ għajnuna, l-awtoritajiet Taljani naqsu milli jħarsu b’mod xieraq l-interessi ta’ kumpanniji, bħal Nuova Agricast, li kienu rrinunzjaw għad-dritt tagħhom għal inklużjoni awtomatika fir-raba’ sejħa sabiex jerġgħu jressqu essenzjalment l-istess proġett, b’xi emendi fl-‘indikaturi ta’ evalwazzjoni’, fil-kuntest tas-sejħa xierqa suċċessiva, iżda li ma setgħux jagħmlu dan għaliex ir-raba’ sejħa kienet l-aħħar sejħa xierqa għas-settur ekonomiku kkonċernat taħt l-iskema antika ta’ għajnuna.
18. Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, kien hemm tliet kategoriji ta’ kumpanniji wara li l-awtorizzazzjoni għall-iskema antika ta’ għajnuna kienet skadiet: (i) kumpanniji, bħal Nuova Agricast, li l-applikazzjoni tagħhom ġiet inkluża f’waħda mil-listi reġjonali taħt it-tielet sejħa u li kienu rrinunzjaw għad-dritt tagħhom li l-applikazzjoni tagħhom terġa’ titressaq awtomatikament fil-kuntest tar-raba’ sejħa sabiex iressqu applikazzjoni fformulata mill-ġdid fil-kuntest tas-sejħa xierqa suċċessiva (“kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija”); (ii) kumpanniji li l-ewwel applikazzjoni tagħhom tressqet fil-kuntest tar-raba’ sejħa, u li l-applikazzjonijiet tagħhom ġew inklużi fil-listi reġjonali relatati ma’ din is-sejħa iżda li ma kinux irċevew l-għajnuna mitluba minħabba insuffiċjenza ta’ fondi; dawn il-kumpanniji huma koperti mid-dispożizzjoni tranżitorja stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata (“kumpanniji tat-tieni kategorija”); u (iii) kumpanniji li kienu għadhom ma ressqux applikazzjoni, għalkemm l-implementazzjoni tal-proġett ta’ investiment tagħhom kienet diġà nbdiet (“kumpanniji tat-tielet kategorija”).
19. Skond il-qorti nazzjonali, jidher li l-Istat Taljan naqas milli jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija kienu kisbu drittijiet taħt l-iskema antika ta’ għajnuna. Taħt l-iskema ġdida ta’ għajnuna, l-ispejjeż li saru wara l-applikazzjoni għall-għajnuna biss setgħu jiġu koperti mill-iskema ġdida ta’ għajnuna. Ġiet applikata eċċezzjoni temporanja u straordinarja biss għal dawk it-talbiet li kienu tressqu fil-kuntest tar-raba’ u l-aħħar sejħa taħt l-iskema antika. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li bl-adozzjoni ta’ tali ambitu restrittiv għal din l-eċċezzjoni, id-deċiżjoni kkontestata kisret l-aspettativi leġittimi tal-kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija.
20. Il-qorti tar-rinviju tqis li sabiex tevalwa r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet Taljani, hija għandha tistabbilixxi jekk teżistix rabta kawżali bejn l-allegata mġiba ħażina ta’ l-Istat Taljan u d-dannu li allegatament batiet Nuova Agricast.
21. Skond il-qorti tar-rinviju, id-deċiżjoni kkontestata taffetwa din ir-rabta kawżali għaliex tintervjeni bejn l-imġiba li biha Nuova Agricast takkuża lill-awtoritajiet Taljani u d-dannu li batiet Nuova Agricast. B’hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tistabbilixxi l-impatt li l-imġiba ta’ l-awtoritajiet Taljani kellha fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjoni tranżitorja inkluża fid-deċiżjoni kkontestata tistax tkun invalida, għaliex hija tikser ir-regoli u l-prinċipji tas-sistema legali Komunitarja.
22. Fid-dawl tal-fatt li l-kumpanniji ta’ l-ewwel u tat-tieni kategorija jinsabu f’sitwazzjonijiet legali simili iżda huma trattati b’mod differenti fir-rigward tal-possibbiltà tagħhom li jkunu eliġibbli għall-iskema ta’ l-għajnuna l-ġdida minħabba d-dispożizzjoni tranżitorja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk id-dispożizzjoni tranżitorja tiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali.
23. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tesprimi wkoll dubji dwar il-validità tad-dispożizzjoni tranżitorja inkwantu hija mhix konformi ma’ l-obbligu li tagħti raġunijiet adegwati fir-rigward ta’ l-esklużjoni tal-kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija.
24. B’hekk, fl-14 ta’ Ġunju 2006, it-Tribunale ordinario di Roma ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għal deċiżjoni preliminari dwar id-domanda li ġejja:
“Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2000, li ġiet innotifikata lill-Gvern Taljan bl-ittra SG(2000)D/105754 tat-2 ta’ Awwissu 2000, hija valida biss f'dak li jikkonċerna d-dispożizzjoni tranżitorja li tipprovdi għal deroga eċċezzjonali mill-prinċipju ta’ “neċessità ta’ l-għajnuna” – fl-okkażjoni ta’ l-ewwel implmentazzjoni ta’ l-iskema in kwistjoni – biss għal applikazzjonijiet "li saru fl-okkażjoni ta’ l-aħħar sejħa għal applikazzjonijiet għal miżuri ta’ sussidju, li kienet organizzata fuq il-bażi ta’ l-iskema preċedenti u li kienet approvata mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 1999, li ġew meqjusa bħala eliġibbli għall-għajnuna iżda ma kinux awtorizzati minħabba li r-riżorsi finanzjarji allokati għal dik is-sejħa kienu insuffiċjenti,” bil-konsegwenza ta’ l-esklużjoni mhux iġġustifikata tal-kumpanniji – bi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ l-obbligu li jingħataw ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni skond l-Artikolu 253 KE – ta’ applikazzjonijiet li saru fl-okkażjoni ta’ sejħiet preċedenti, li ma kinux ġew sodisfatti minħabba nuqqas ta’ fondi u li kienu qed jistennew li jiġu inklużi awtomatikament fis-sejħa suċċessiva jew li jiġu riveduti u mressqa mill-ġdid fl-ewwel sejħa “xierqa” stabbilita taħt l-iskema l-ġdida?”
IV – Kawżi relatati quddiem il-qrati Komunitarji
25. Minbarra r-rikors fil-kawża prinċipali quddiem it-Tribunale ordinario di Roma, Nuova Agricast fetħet żewġ kawżi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.
26. Fil-15 ta’ Marzu 2004 Nuova Agricast Srl et ressqu rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. B’digriet tal-15 ta’ Ġunju 2005, li mhux ippubblikat fil-Ġabra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli minħabba li tressaq b’mod tardiv. (11)
27. Barra minn hekk, Nuova Agricast ressqet rikors għal danni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. (12) Hija titlob kumpens għad-dannu li hija allegatament batiet minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Il-kawża, li għadha pendenti, tikkonċerna sa ċertu punt l-istess dannu li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju.
V – Il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
28. Il-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet sottomissjonijiet min-naħa ta’ Nuova Agricast, il-Kummissjoni u l-Gvern Taljan. Is-seduta nżammet fil-11 ta’ Settembru 2007.
VI – L-argumenti tal-partijiet
A – Nuova Agricast
29. Nuova Agricast issostni li d-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar il-validità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza huma bbażati fuq il-premessa li l-kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija kellhom aspettattivi leġittimi li l-applikazzjoni tagħhom kif ifformulata mill-ġdid kienet se tiġi inkluża fil-lista relatata mas-sejħa xierqa suċċessiva, li kienet l-ewwel sejħa taħt l-iskema ġdida ta’ għajnuna.
30. Għalhekk hija tqis li huwa neċessarju, sabiex tiġi stabbilita l-validità ta’ din il-premessa, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina, bħala kwistjoni preliminari, jekk l-iskema antika ta’ għajnuna, li kienet approvata bid-deċiżjoni ta’ l-1997, ħolqitx, favur il-kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija dritt, imħares mis-sistema legali Komunitarja, li jirċievu għajnuna anki wara l-iskadenza tal-perijodu li matulu kienet approvata l-iskema antika ta’ għajnuna. F’dan ir-rigward, Nuova Agricast tqis li, bl-approvazzjoni ta’ l-iskema antika ta’ għajnuna, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija kellhom dritt imħares legalment li jifformulaw mill-ġdid l-applikazzjoni tagħhom għas-sejħa xierqa suċċessiva, filwaqt li jżommu, għall-ispejjeż li diġà saru, ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà applikabbli għas-sejħa li fil-kuntest tagħha huma kienu ressqu l-applikazzjoni inizjali tagħhom. Dan id-dritt ma għebx sempliċement meta skadiet l-awtorizzazzjoni ta’ l-iskema antika ta’ għajnuna.
31. Rigward ksur possibbli tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tat-trattament, Nuova Agricast hija tal-fehma li l-kumpanniji ta’ l-ewwel u tat-tieni kategoriji kienu f’sitwazzjoni simili peress li kollha kienu kisbu d-dritt li jipparteċipaw fl-ewwel sejħa xierqa taħt l-iskema ġdida ta’ għajnuna. Għalhekk, huma kellhom jiġu inklużi bl-istess mod bħala benefiċjarji tad-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.
32. Rigward l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti raġunijiet skond l-Artikolu 253 KE, Nuova Agricast issostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax għaliex il-protezzjoni legali miksuba mill-kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija taħt l-iskema antika ta’ għajnuna tneħħiet. Dispożizzjoni li tikkawża dannu ta’ tali livell lil numru sinjifikanti ta’ kumpanniji teżiġi dikjarazzjoni speċifika tar-raġunijiet.
B – Il-Gvern Taljan
33. L-ewwel nett, il-Gvern Taljan huwa tal-fehma li d-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali, għaliex il-kumpanniji ta’ l-ewwel u tat-tieni kategoriji mhumiex fl-istess sitwazzjoni. Il-qrati amministrattivi Taljani kkonfermaw li l-kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija ma setgħux jistrieħu fuq aspettativi leġittimi rigward il-possibbiltà li japplikaw għal għajnuna taħt l-iskema ġdida ta’ għajnuna f’kundizzjonijiet applikabbli għal sejħiet biex isiru applikazzjonijiet, li kienu ppubblikati taħt l-iskema antika ta’ għajnuna.
34. It-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata suffiċjentement, fid-dawl ta’ l-iskambju ta’ ittri bejn l-Italja u l-Kummissjoni matul il-fażi preliminari ta’ l-eżami ta’ l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata, li jispeċifikaw ir-raġunijiet għad-dispożizzjoni tranżitorja. Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal miżura ta’ applikazzjoni ġenerali li tapplika għal numru kbir ta’ sitwazzjonijiet, il-motivazzjoni tista’ sempliċement turi s-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tagħha u l-għanijiet ġenerali tagħha.
C – Il-Kummissjoni
35. Il-Kummissjoni, qabel kollox, tiddubita l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari. Hija tqis li r-rinviju dwar il-validità tad-deċiżjoni kkontestata manifestament m’għandu l-ebda rabta ma’ rikors għal danni kontra l-Istat Taljan u ċertament mhuwiex neċessarju li l-kwistjoni tiġi solvuta quddiem il-qorti tar-rinviju.
36. Fuq il-mertu, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li deċiżjoni li permezz tagħha hija tapprova skema ta’ għajnuna għal perijodu speċifiku ta’ żmien ma tista’ tqajjem l-ebda aspettattiva u lanqas ebda dritt imħares legalment rigward il-possibbiltà li tingħata u tiġi rċevuta għajnuna wara li tiskadi l-awtorizzazzjoni ta’ l-iskema. Għalhekk, meta l-Kummissjoni teżamina skema ġdida nnotifikata li fil-fatt tkun estensjoni ta’ skema ta’ għajnuna preċedentement awtorizzata, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tipprovdi, fl-awtorizzazzjoni ta’ l-iskema l-ġdida, skema tranżitorja sabiex ċerti kumpanniji li allegatament kisbu drittijiet taħt l-iskema preċedenti jkunu jistgħu jkomplu jirċievu għajnuna fuq il-bażi ta’ l-iskema antika, wara d-dħul fis-seħħ ta’ l-iskema ġdida.
37. Il-Kummissjoni tosserva li huwa l-Istat Membru li jinnotifika skema ta’ għajnuna u li l-Kummissjoni ma tistax tbiddel l-iskema. Wara li jingħata bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tista’ timponi kundizzjonijiet iżda, anki f’dak il-każ, l-Istat Membru għandu d-dritt li jiddeċiedi li ma jimplementax dawn il-kundizzjonijiet billi jirrinunzja għall-iskema ta’ l-għajnuna. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kriterji għall-attribuzzjoni ta’ l-għajnuna jiksru dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, li jfisser li l-iskema ta’ l-għajnuna tkun inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ sempliċement tiddikjara l-għajnuna bħala inkompatibbli iżda ma tistax tissana tali inkompatibbiltà billi, per eżempju, timmodifika l-grupp ta’ benefiċjarji taħt l-iskema.
38. Rigward l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-awtoritajiet Taljani għażlu minn jeddhom li jadottaw id-dispożizzjoni tranżitorja in kwistjoni. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward ta’ kategoriji differenti ta’ kumpanniji, għaliex il-Kummissjoni llimitat ruħha li tirrikonoxxi l-għażla ta’ l-Istat Taljan u li tapprova l-iskema nnotifikata fl-intier tagħha.
39. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li kienet disponibbli għall-Kummissjoni fiż-żmien meta hija adottatha. F’dan il-każ, l-awtoritajiet Taljani ma semmewx il-każ speċifiku tal-kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija, u għalhekk il-fatt li d-dispożizzjoni tranżitorja ma tipprovdix speċifikatament għall-inklużjoni ta’ dawn il-kumpanniji ma jistax iwassal għall-invalidità tad-deċiżjoni kkontestata.
40. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, f’kull każ, mhemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għaliex il-kumpanniji ta’ l-ewwel u tat-tieni kategorija mhumiex fl-istess sitwazzjoni.
41. Rigward l-allegat ksur ta’ l-obbligu li jingħataw raġunijiet adegwati skond l-Artikolu 253 KE, il-Kummissjoni ssostni li ma kienet meħtieġa l-ebda dikjarazzjoni ta’ din ix-xorta fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija għaliex din is-sitwazzjoni ma ssemmietx quddiemha mill-awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni tranżitorja hija r-riżultat ta’ l-għażla ħielsa ta’ l-Istat Taljan, li huwa d-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata.
VII – Evalwazzjoni
A – L-ammissibbiltà
42. Hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kwistjoni, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li tista’ tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi mressqa mill-qorti nazzjonali jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ liġi Komunitarja, bħala regola ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta li tagħti deċiżjoni. (13)
43. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija tista’ teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-kawża ġiet imressqa quddiemha mill-qorti nazzjonali, sabiex tevalwa jekk hijiex fil-kompetenza tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar kwistjoni rinvijata għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali biss fejn huwa pjuttost ovvju li l-interpretazzjoni tal-liġi Komunitarja mitluba m’għandhiex x’taqsam mal-fatti effettivi tal-kawża prinċipali jew l-għan tagħha, fejn il-problema tkun ipotetika, jew fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt meħtieġa sabiex tagħti tweġiba utli għad-domandi li tressqu quddiemha. (14)
44. Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi jekk teżistix rabta kawżali bejn l-imġiba potenzjalment ħażina min-naħa ta’ l-awtoritajiet Taljani matul l-eżami preliminari ta’ l-iskema ġdida ta’ għajnuna min-naħa tal-Kummissjoni u d-dannu, jiġifieri, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ għajnuna, li allegatament batiet Nuova Agricast bħala konsegwenza ta’ l-ambitu tad-dispożizzjoni tranżitorja tad-deċiżjoni kkontestata.
45. Bir-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju donnha qed tistaqsi, essenzjalment, jekk id-deċiżjoni kkontestata, billi naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-kumpaniji ta’ l-ewwel kategorija, anki jekk tali nuqqas kien dovut għall-fatt li l-awtoritajiet Taljani ma tawx informazzjoni preċiża, tistax tkun ivvizzjata b’tali mod li trendi d-deċiżjoni invalida. Deċiżjoni dwar din il-kwistjoni, milli jidher, tikkontribwixxi sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet Taljani fir-rigward l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
46. Għalhekk id-domanda tal-qorti nazzjonali rigward il-validità tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni mhijiex manifestament mingħajr rabta mal-fini tal-kawża quddiem il-qorti tar-riviju, u f’dan ir-rigward l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.
47. Kwistjoni oħra ta’ inammissibbiltà tqum fir-rigward tal-fatt li Nuova Agricast diġà ressqet rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej. Kif semmejt iktar’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) ċaħdet ir-rikors għal annullament fil-kawża Nuova Agricast et bħala inammissibbli għaliex ġie ppreżentat b’mod tardiv. (15) Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf, (16) għandu jiġi stabbilit jekk ir-rikors għal annullament ta’ Nuova Agricast ġiex iddikjarat inammissibbli biss għar-raġuni li huwa tressaq wara t-termini preskritti; f’dan il-każ din it-talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni tkun inammissibbli quddiem din il-Qorti.
48. Fiċ-ċirkustanzi li taw lok għas-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf, kien pjuttost ovvju li rikors għal annullament li tressaq kontra d-deċiżjoni kkontestata fit-terminu stabbilit taħt l-Artikolu 230 KE kien ikun ammissibbli. (17) Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata, li kienet indirizzata lir-Repubblika Taljana, tikkonċerna skema ta’ għajnuna maħsuba għal kategoriji ta’ persuni ddefiniti b’mod ġenerali u mhux għal destinatarji li ġew identifikati b’mod espliċitu. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li l-applikanti li kienu sempliċement partijiet terzi waqt l-investigazzjoni preliminari ma setgħux ikunu kkonċernati individwalment minn deċiżjoni li tawtorizza skema ta’ għajnuna. (18) Għaldaqstant, il-fatt li Nuova Agricast kien ikollha locus standi biex tressaq rikors skond l-Artikolu 230 KE kontra d-deċiżjoni kkontestata jidher li huwa dubjuż.
49. Għaldaqstant, b’mod differenti miċ-ċirkustanzi li taw lok għas-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf, ma kienx ċar jekk ir-rikors għal annullament ta’ Nuova Agricast kienx ikun ammissibbli li kieku tressaq fit-terminu stabbilit taħt l-Artikolu 230 KE.
50. Għaldaqstant, jiena nqis li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ammissibbli.
B – Fuq il-mertu
51. Fid-dawl ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, jidher li din ta’ l-aħħar tistaqsi, essenzjalment, jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, billi ma ħaditx in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija, tistax tkun invalida għaliex tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti raġunijiet adegwati b’mod konformi ma’ l-Artikolu 253 KE.
52. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa importanti li nqisu fil-qosor it-tip ta’ għajnuna u ta’ deċiżjoni in kwistjoni f’dan il-każ u l-ambitu ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħmel f’dan il-kuntest.
1. Id-determinazzjoni tat-tip ta’ għajnuna u ta’ deċiżjoni in kwistjoni
53. Skond l-Artikolu 87(1) KE, bħal regola ġenerali, l-għajnuna mill-Istat hija pprojbita fil-Komunità Ewropea. Eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju huma previsti fl-Artikolu 87(2) KE, li jipprovdi li ċerti tipi ta’ għajnuna huma meqjusa bħala kompatibbli mas-suq komuni u fl-Artikolu 87(3) KE, li jipprovdi li numru limitat ieħor ta’ kategoriji wkoll jistgħu jkunu kompatibbli mas-suq komuni.
54. Skond il-ġurispurdenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna jew ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, bla ħsara għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. (19)
55. Għall-finijiet tal-kontroll tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE, il-Kummissjoni għandha tirċievi notifika ta’ l-“għajnuna l-ġdida” qabel ma tali pjanijiet jiġu implementati. “Għajnuna l-ġdida” hija kwalunkwe miżura li tagħti jew tbiddel għajnuna, fejn il-bidliet jistgħu jkunu relatati ma’ għajnuna eżistenti jew ma’ pjanijiet inizjali nnotifikati lill-Kummissjoni. (20) Dan il-każ jikkonċerna għajnuna ġdida, peress li l-għajnuna tikkostitwixxi bidla fi skema preċedenti, li l-awtorizzazzjoni għaliha skadiet fil-31 ta’ Diċembru 1999.
56. Għandu jingħad ukoll li l-miżura in kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija skema ta’ għajnuna, u mhux għajnuna individwali. L-użu ta’ l-iskemi ta’ għajnuna jippermetti lill-Istati Membri sabiex jiksbu awtorizzazzjoni waħda mingħand il-Kummissjoni fuq il-bażi tal-karatteristiċi ġenerali ta’ l-iskema. (21)
57. Id-deċiżjoni kkontestata hija “deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet”, (22) li għaldaqstant ittieħdet mill-Kummissjoni mingħajr ma nbdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. (23)
2. L-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat
58. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 88(3) KE, il-Kummissjoni għandha marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni, li l-eżerċizzju tiegħu jinvolvi evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju. (24)
59. Għalhekk, fl-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha li tistabbilixxi jekk il-Kummissjoni ħarġitx mill-ambitu tad-diskrezzjoni tagħha permezz ta’ distorsjoni jew bi żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti jew b’abbuż ta' poter jew abbuż ta' proċedura. (25) Dan ifisser ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna minflok dik tal-Kummissjoni. (26)
3. L-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali
60. L-ewwel motiv ta’ invalidità invokat essenzjalment iqajjem il-kwistjoni jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tistax tkun invalida għaliex tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-kumpanniji ta’ l-ewwel u tat-tieni kategoriji fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja tagħha.
61. Il-kompetenza tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-għajnuna mill-Istat hija llimitata għall-eżami ta’ jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex kompatibbli mas-suq komuni. Rigward l-ambitu ta’ dan l-eżami, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b'mod kostanti li l-Artikolu 87 KE ma jistax jintuża sabiex ifixkel l-operat ta’ regoli oħra tat-Trattat. (27) Il-Kummissjoni għandha għaldaqstant il-jedd li tieħu in kunsiderazzjoni ksur possibbli ta’ regoli oħra tat-Trattat u ta’ prinċipji fundamentali meta tqis il-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni. (28) Tali prinċipji jinkludu l-prinċipju ta’ trattament ugwali. (29)
62. Minkejja li hija għandha s-setgħa li tivverifika l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, il-Kummissjoni ma toħloqx jew tfassal skemi ta’ għajnuna u lanqas tattribwixxi l-għajnuna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax iġġiegħel lil Stat Membru iħallas l-għajnuna mill-Istat. Hija għandha biss is-setgħa li tordna lil Stat Membru biex ma jħallasx għajnuna li hija tqis inkompatibbli mas-suq komuni. Huwa l-Istat Membru li jipprovdi l-fondi għall-għajnuna, ifassal l-iskema u jinnotifika l-imsemmija skema lill-Kummissjoni. L-Istat Membru jżomm id-dritt li jirtira n-notifika ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna u li ma jimplementax l-iskema ta’ l-għajnuna.
63. Konsegwentement, dispożizzjoni tranżitorja possibbli fi skema nnotifikata ta’ għajnuna mill-Istat tiġi proposta mill-Istat Membru bħala parti mill-iskema ta’ għajnuna li huwa jinnotifika lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni. Għaldaqstant hija se tiġi evalwata mill-Kummissjoni bħala parti mill-iskema ta’ għajnuna bil-għan li tiġi evalwata l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ l-iskema fl-intier tagħha.
64. Mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) f’każ relatat ma’ dan, jirriżulta li l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja fid-deċiżjoni kkontestata hija r-riżultat ta’ għażla ħielsa li saret mill-awtoritajiet Taljani. (30) Sakemm tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni m’għandhiex is-setgħa li tobbliga lil Stat Membru jimmodifika skema ta’ għajnuna. Matul il-proċedura informali, il-Kummissjoni għandha biss is-setgħa li tadotta deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet jew li tiddeċiedi li tagħti bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni formali. (31)
65. Għaldaqstant għandu jiġi stabbilit jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni qabżitx il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta qieset li l-iskema ġdida ta’ għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni wara l-investigazzjoni preliminari minkejja l-esklużjoni tal-kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja tad-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, ma bdietx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
66. Fil-fehma tiegħi, fl-ewwel lok, hemm raġuni formali li donnha tindika li dan ma kienx il-każ. Fil-fatt, mhemm l-ebda prova li l-Kummissjoni kienet taf b’xi mod bl-eżistenza, jew, almenu, bis-sitwazzjoni speċifika tal-kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija li taqa’ taħtha Nuova Agricast.
67. Skond ġurisprudenza stabbilita, il-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat għandha, madankollu, tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li kienet fid-dispożizzjoni tal-Kummissjoni meta hija adottat id-deċiżjoni. (32) Fir-rigward ta’ dan il-każ, dan ifisser li l-Kummissjoni ma setgħetx tiġi mitluba tqis is-sitwazzjoni ta’ Nuova Agricast u ta’ kumpanniji oħra li jagħmlu parti mill-ewwel kategorija.
68. Qabel ma naslu għal din il-konklużjoni, madankollu, għandu jingħad li din il-ġurisprudenza ġiet żviluppata u applikata f’każijiet fejn id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata mill-Kummissjoni wara proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fir-rigward ta’ tali deċiżjonijiet, dan il-metodu jidher iġġustifikat għaliex il-“partijiet ikkonċernati” fis-sens ta’ l-Artikolu 88(2) KE għandhom l-opportunità li jipprovdu l-informazzjoni kollha rilevanti lill-Kummissjoni, anki jekk xi wħud minnhom m’għamlux użu minnha. (33) Għalhekk, tali partijiet għandhom responsabbiltà kbira għall-informazzjoni li kienet disponibbli għall-Kummissjoni meta hija waslet għad-deċiżjoni tagħha. Jekk tali “partijiet ikkonċernati” jsostnu, fi stadju ulterjuri, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni mhijiex valida, huwa loġiku li imbagħad jistgħu jikkontestaw il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biss fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li kienet fid-dispożizzjoni tal-Kummissjoni għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha.
69. Dan ir-raġunament ma jistax jiġi applikat għal deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra skema ta’ għajnuna u li tagħlaq il-fażi preliminari ta’ l-eżami ta’ għajnuna, meta ma nbdiet l-ebda proċedura ta’ investigazzjoni formali. Bħala regola ġenerali, (34) tali deċiżjoni tittieħed fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru notifikant. Il-proċedura ma tipprovdix opportunità formali biex partijiet terzi jintervjenu u jressqu informazzjoni quddiem il-Kummissjoni li din tista’ tqis sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna notifikata mas-suq komuni. Kumpanniji, bħall-benefiċjarji potenzjali ta’ l-għajnuna jew il-kompetituri tagħhom, mhumiex neċessarjament mgħarrfa bin-notifika ta’ skema ta’ għajnuna li tista’ tikkonċernahom, għaliex il-Kummissjoni hija obbligata tippubblika avviż dwar in-notifika ta’ għajnuna biss meta tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. (35) Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, avviż dwar din id-deċiżjoni jikkostitwixxi l-ewwel att li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
70. Madankollu, nemmen li l-Kummissjoni għandu jkollha l-jedd li tistrieħ fuq l-informazzjoni disponibbli fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni, anki meta parti li ma kinitx involuta fl-investigazzjoni preliminari, bħal ma hija Nuova Agricast f’dan il-każ, tikkontesta deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet.
71. Jirriżulta biċ-ċar mil-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja, b’mod partikolari r-Regolament Nru 659/1999, li l-investigazzjoni preliminari ssir primarjament bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. (36) Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tingħatax setgħa ta’ stħarriġ sabiex tfittex informazzjoni oħra minbarra dik li hija tingħata matul l-investigazzjoni preliminari, prinċipalment mill-Istat Membru kkonċernat. Tali limiti fuq is-setgħat tal-Kummissjoni jimplikaw neċessarjament li l-legalità tad-deċiżjonijiet tagħha ma tistax tiġi kkontestata fuq il-bażi ta’ informazzjoni li ma kinitx disponibbli fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, jekk partijiet terzi jkunu jistgħu jikkontestaw il-validità ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ informazzjoni li ma kinitx fid-dispożizzjoni tagħha fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni, huwa wisq probabbli li l-Kummissjoni tevita tali riskju billi sistematikament tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u b’hekk tħalli li l-“partijiet ikkonċernati” kollha fis-sens ta’ l-Artikolu 88(2) KE jressqu l-informazzjoni rilevanti. Madankollu, huwa diffiċli li tali eżitu jiġi rikonċiljat mal-proċedura ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat, li tinvolvi żewġ stadji, kif jipprovdu t-Trattat KE u r-Regolament Nru 659/1999.
72. Għaldaqstant, il-validità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet li ġiet adottata mill-Kummissjoni għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni fid-dispożizzjoni tal-Kummissjoni meta adottat tali deċiżjoni.
73. Peress li mhemm l-ebda prova f’dan il-każ li l-Kummissjoni ġiet informata bis-sitwazzjoni speċifika tal-kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies bħala invalida għar-raġuni li allegatament tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tad-drittijiet allegatament miksuba minn dawn il-kumpanniji.
74. F’kull każ, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, meta teżamina l-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ sempliċement teżamina l-karatteristiċi ġenerali ta’ l-iskema in kwistjoni mingħajr ma tkun meħtieġa teżamina kull każ partikolari li fih hija tapplika. (37)
75. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li dan il-każ mhuwiex wieħed mill-każijiet eċċezzjonali fejn il-Kummissjoni tista’ tkun taħt l-obbligu li tiżgura li d-deċiżjoni tagħha dwar għajnuna mill-Istat tinkludi dispożizzjoni tranżitorja u fejn tista’ tkun taħt l-obbligu li tiżgura li tali dispożizzjoni tikkonforma mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Tali obbligu jista’ jqum biss f’ċirkustanzi ferm speċifiċi fejn, fost l-oħrajn, l-imġiba ta’ l-istituzzjoni Komunitarja fl-imgħoddi tagħti lok għal aspettativi leġittimi li għandhom jiġu mħarsa. (38)
76. F’dan il-każ, madankollu, il-Kummissjoni qatt ma adottat imġiba li toħloq aspettattiva leġittima li l-iskema l-antika ta’ għajnuna, li skadiet fil-31 ta’ Diċembru 1999, se tkompli tkun effettiva wara din id-data.
77. L-awtorizzazzjoni ta’ l-iskema antika ta’ għajnuna, li kienet limitata fiż-żmien u li skadiet fil-31 ta’ Diċembru 1999, minnha nfisha, mhijiex att li jista’ jagħti lok għal tali aspettativi leġittimi. Ir-regola li eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li jipprojbixxi għajnuna mill-Istat għandhom jiġu interpretati b’mod strett tipprekludi tali estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni fiż-żmien ta’ skema ta’ għajnuna approvata. (39) Barra minn hekk, li kieku kien possibbli li jiġu invokati drittijiet allegatament miksuba taħt skema ta’ għajnuna preċedenti wara li tkun skadiet l-awtorizzazzjoni, dan iqiegħed f’dubju l-għan innifsu tal-limiti fiż-żmien ta’ tali awtorizzazzjonijiet, li jippermettu li l-evalwazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tiġi adattata fid-dawl ta’ l-iżvilupp ta’ ċirkustanzi ekonomiċi.
78. Ma jistgħux jiġu invokati aspettattivi leġittimi fil-konfront tal-Kummissjoni minħabba l-applikazzjoni tagħha tal-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ l-għajnuna”, li jimplika, fost l-oħrajn, li l-applikazzjoni biex tiġi rċevuta għajnuna normalment għandha ssir qabel ma tinbeda l-attività, li hija s-suġġett ta’ l-għajnuna. Il-Kummissjoni użat dan il-prinċipju bħala regola ġenerali fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna. (40) Bil-kontra ta’ dak li l-qorti tar-rinviju donnha tissuġġerixxi fir-rinviju tagħha, dan il-prinċipju ma ġiex applikat biss sa mill-inklużjoni tiegħu fil-linji ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna nazzjonali reġjonali fl-1998. (41) Dan huwa suffiċjenti sabiex tiġi prekluża kwalunkwe talba li applikazzjoni allegatament “għal għarrieda” ta’ dan il-prinċipju setgħet kisret aspettattivi leġittimi maħluqa mill-Komunità fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi mogħtija għajnuna taħt l-iskema ġdida ta’ għajnuna bil-kundizzjonijiet applikabbli għas-sejħiet għal applikazzjonijiet li kienu ppubblikati taħt l-iskema antika ta’ għajnuna.
79. L-aspettattivi leġittimi possibbli, li ġew ikkawżati mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-possibbiltà ta’ estensjoni ta’ ċerti effetti ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat li skadiet, lanqas ma jistgħu jikkostitwixxu bażi għal obbligu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi dispożizzjoni tranżitorja. L-Artikoli 87 KE u 88 KE jitilfu ħafna mill-effikaċja tagħhom jekk parti tkun tista’ tistrieħ fuq aspettattivi leġittimi maħluqa mill-Istati Membri sabiex tallega l-invalidità ta’ att Komunitarju. (42)
80. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jirriżulta li l-Kummissjoni ma kienet taħt l-ebda obbligu sabiex tiżġura li d-deċiżjoni kkontestata tipprovdi għal miżura tranżitorja li tinkludi l-kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija. Għaldaqstant, hija ma qabżitx il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta ma qajmitx oġġezzjonijiet kontra l-miżura nnotifikata għaliex il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja li hija kienet tinkludi allegatament kien jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies bħala invalida għal din ir-raġuni.
4. L-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni
81. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-Kummissjoni pprovdietx raġunijiet suffiċjenti, skond l-Artikolu 253 KE, fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ l-esklużjoni tal-kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja tagħha.
82. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b'mod kostanti li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni jiddependi fuq in-natura tal-miżura in kwistjoni u, fil-każ ta’ miżuri maħsuba għal applikazzjoni ġenerali, li huwa l-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-preambolu jista’ sempliċement jindika s-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tagħha, minn naħa, u l-għanijiet ġenerali tagħha, min-naħa l-oħra. (43) Għalhekk, ma jkunx raġonevoli li l-Kummissjoni tiġi obbligata tagħti raġunijiet speċifiċi għall-kamp ta’ applikazzjoni preċiż ta’ miżura tranżitorja inkluża f’deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra skema ta’ għajnuna. Dan huwa partikolarment il-każ meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni, bid-deċiżjoni tagħha, sempliċement tirrikonoxxi deċiżjoni li ttieħdet mill-awtoritajiet Taljani rigward il-kamp ta’ applikazzjoni xieraq tad-dispożizzjoni tranżitorja.
83. Fil-fehma tiegħi, jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi ma tatx raġunijiet għall-esklużjoni tal-kumpanniji ta’ l-ewwel kategorija mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja tad-deċiżjoni kkontestata.
VIII – Konklużjoni
84. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, jiena tal-fehma li r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun:
L-eżami tad-domanda preliminari ma wera xejn li jista’ jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG(2000)D/105754 tat-12 ta’ Lulju 2000 li tiddikjara kompatibbli mat-Trattat skema ta’ għajnuna prevista mil-leġiżlazzjoni Taljana fil-forma ta’ għajnuna għal investiment fir-reġjuni żvantaġġati ta’ l-Italja.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – ĠU 2000 C 278, p. 26.
3 – GURI Nru 299, 21 ta’ Diċembru 1992, p. 3.
4 – ĠU 1997 C 242, p. 4.
5 – Dan ifisser li wara eżami preliminari ta’ l-iskema, il-Kummissjoni qieset li ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex jitqajmu oġġezzjonijiet kontra l-iskema ta’ l-għajnuna li ġiet innotifikata mill-Istat Membru.
6 – Ħlief għall-ispejjeż fuq pjanijiet u studji ta’ inġinerija u fuq ix-xiri u l-organizzazzjoni ta’ l-art tal-kumpannija, li kienu eliġibbli minn 12-il xahar qabel id-data li fiha tressqet l-applikazzjoni.
7 – Sejħa “xierqa” hija sejħa li tkun relatata ma’ miżuri ta’ sussidju fl-istess settur ekonomiku.
8 – L-iskema kienet irreġistrata mill-Kummissjoni taħt in-numru N715/99.
9 – GURI Nru 166, 18 ta’ Lulju 2000.
10 – GURI Nru 175, 28 ta’ Lulju 2000.
11 – Digriet tal-Qorti tal-Prin’Istanza (Il-Ħames Awla) tal-15 ta’ Ġunju 2005 fil-Kawża T‑98/04 Nuova Agricast et, li mhux ippubblikat fil-Ġabra; avviż ippubblikat fil-ĠU 2005 C 229, p. 22.
12 – Kawża T‑362/05, pendenti quddiem il-Qorti tal-Prin’Istanza.
13 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 59); is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38); u s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco et (C-340/99, Ġabra p. I-4109, punt 30).
14 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 61, u PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 39.
15 – Iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 11.
16 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994 (C-188/92, Ġabra p. I-833, punti 17 u 18). Minn din is-sentenza jirriżulta li, fis-sistema Komunitarja tar-rimedji legali, l-ammissibbiltà ta’ impunjazzjoni indiretta ta’ att ta’ istituzzjoni Komunitarja li sar minn persuna fiżika jew ġuridika permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk teżistix jew setgħetx teżisti l-possibbiltà li dan l-att jiġi impunjat direttament, fuq il-bażi tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, quddiem il-Qorti tal-Prin’Istanza.
17 – Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat kienet tirreferi espliċitament għall-benefiċjarju ta’ l-għajnuna individwali in kwistjoni u dan l-Istat kien ikkomunika d-deċiżjoni lill-benefiċjarju, fejn iddikjara li huwa seta’ jressaq rikors għal annullament fil-konfront tagħha.
18 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1996, Kahn Scheppvaart (T-398/94, Ġabra p. II-477, punt 39). F’din il-kawża, li kienet tikkonċerna deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra skema ta’ għajnuna li kienet tikkonsisti f’miżuri fiskali settorjali, il-Qorti tal-Prin’Itanza sostniet li d-deċiżjoni kkontestata, rigward il-benefiċjarji potenzjali ta’ dawk il-miżuri, donnha kienet miżura ta’ applikazzjoni ġenerali li tkopri sitwazzjonijiet stabbiliti oġġettivament u li hija kienet tinvolvi effetti legali għal kategorija ta’ persuni prevista b’mod ġenerali u astratt. Għalhekk, tali benefiċjarji potenzjali ma kellhomx locus standi sabiex jiftħu kawża skond l-Artikolu 230 KE. Għandha ssir distinzjoni bejn din il-ġurisprudenza u dik li tikkonċerna deċiżjonijiet li ma jitqajmux oġġezzjonijiet għal għajnuna individwali li ġiet adottata mingħajr ma nbdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali; fil-każ ta’ dawn ta’ l-aħħar il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet rekwiżiti inqas stretti għal-locus standi tal-partijiet terzi (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni (C-225/91, Ġabra p. I-3203) u tad-9 ta’ Settembru 2003, Cook vs Il-Kummissjoni, C-198/01, Ġabra p. I-2487).
19 – Sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération Nationale du Commerce Extérieur des Produits Alimentaires u Syndicat National des Négociants et Transformateurs de Saumon (C-354/90, Ġabra p. I-5505, FNCE, punt 14); is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C-39/94, Ġabra p. I-3547, punt 42 u s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C-295/97, Ġabra p. I-3735, punt 31).
20 – Ara, per eżempju, is-sentenza Piaggio, iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 48. L-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat KE (ĠU 1999 L 83, p. 1) (ir-“Regoli tal-proċedura”) jipprovdi li “għajnuna ġdida” għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li n’hijiex għajnuna eżistenti, u tinkludi tibdil lill-għajnuna eżistenti.
21– L-għotjiet individwali ta’ għajnuna huma sempliċement miżuri li jimplementaw l-iskema ġenerali ta’ għajnuna. Peress li l-fatturi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta tevalwa din l-għajnuna huma l-istess bħal dawk li hija applikat meta eżaminat l-iskema ġenerali, mhuwiex neċessarju li l-għotjiet individwali ta’ l-għajnuna jiġu eżaminati mill-Kummissjoni.
22 – Ara l-Artikolu 4(3) tar-Regoli tal-proċedura.
23 – Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tinbeda meta l-Kummissjoni jkollha dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna nnotifikata mas-suq komuni (ara l-Artikolu 4(4) tar-Regoli tal-Proċedura).
24 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-303/88 Ġabra I‑1433, punt 34.
25 – Ara s-sentenza Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 25.
26 – Ara, per eżempju, id-digriet ta’ l-24 ta’ Lulju 2003, Sicilcassa (C-297/01, Ġabra P. I-7849, punt 47).
27 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 1980, Il-Kummissjoni vs L-Italja (73/79, Ġabra p. 1533, punt 11); ara s-sentenza Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 41; u s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-156/98, Ġabra p. I-6857, punt 78).
28 – Ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Fennelly tat-13 ta’ April 2000 fil-kawżi L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni (C-15/98 u C-105/99, Ġabra p. I-8855, punt 78).
29 – F’dan r-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-imgħoddi, sostniet li deċiżjoni li ttieħdet mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88 KE kienet invalida għaliex id-dispożizzjoni tranżitorja li hija kienet tinkludi kienet tmur kontra l-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Kawżi Maqgħuda Il-Belġju u Forum 187 ASBL vs Il-Kummissjoni (C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punti 168 sa 174).
30 – Digriet tal-21 ta’ Novembru, Tramarin (T-426/04, Ġabra p. II-4765).
31 – Naturalment, minbarra l-possibbiltà li tittieħed deċiżjoni li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwixxix għajnuna.
32 – Ara s-sentenza ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano (C-74/00P u C-75/00P, Ġabra p. I-7869, punti 168 sa 171; is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni (C-241/94, Ġabra p. I-4551, punt 33) u s-sentenza ta’ l-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (234/84, Ġabra p. 2263, punt 16).
33 – F’dan ir-rigward, ara, per eżempju, is-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 169.
34 – Fil-fatt xejn ma jwaqqaf lil partijiet potenzjalment ikkonċernati milli jressqu informazzjoni quddiem il-Kummissjoni matul l-investigazzjoni preliminari; f’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tieħu tali elementi in kunsiderazzjoni (f’dan ir-rigward, ara s-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni [C-204/97, Ġabra p. I-3175, punt 35]).
35 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza ta’ l-20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (84/82, Ġabra p. 1451, punt 13) u s-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 1984, Heineken (91/83 u 127/83, Ġabra 3435, punt 33).
36 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Scott vs Il-Kummissjoni (C-276/03 P, Ġabra p. I-8437, punt 33).
37 – F’dan ir-rigward, ara L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28; is-sentenza ta’ l-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (248/84, Ġabra p. 4013, punt 18) u s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-75/97, Ġabra p. I-3671, punt 48).
38 – Dan kien il-każ fil-kawża Il-Belġju u Forum 187 ASBL vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 168 sa 174. F’din il-kawża, il-Kummissjoni kienet ħadet deċiżjoni negattiva dwar skema ta’ għajnuna eżistenti fir-rigward ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni maħluqa skond il-leġiżlazzjoni Belġjana. Għal applikazzjoni iktar reċenti ta’ l-istess raġunament, ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Koninklijke Frieslands Food vs Il-Kummissjoni (T-348/03, Ġabra p. II-0000).
39 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza ta’ l-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni (T-109/01, Ġabra p. II-127, punt 75).
40 – Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod kostanti li, sabiex għajnuna tkun tista’ tibbenefika minn waħda mid-derogi inklużi fl-Artikolu 87(3) KE, hija għandha mhux biss tkun konformi ma’ wieħed mill-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 87(3)(a), (b), (ċ) jew (d) KE, iżda għandha wkoll tkun neċessarja biex jintlaħqu dawn l-għanijiet (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris vs Il-Kummissjoni [730/79, Ġabra p. 2671, punt 17]).
41 – ĠU 1998 C 74, p. 9. It-tielet paragrafu tal-punt 4.2 tal-Linji Gwida jiddikjara li “skemi ta’ għajnuna għandhom jistabbilixxu li l-applikazzjoni għall-għajnuna għandha tiġi ppreżentata qabel jingħata bidu għall-eżekuzzjoni tal-proġetti”.
42 – Bl-istess mod, ara l-ġurisprudenza li tgħid li l-Artikoli 87 KE u 88 KE jitilfu ħafna mill-effikaċja tagħhom jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jistrieħu fuq l-imġiba ħażina tagħhom li setgħet ħolqot aspettativi leġittimi fi ħdan benefiċjarji potenzjali ta’ l-għajnuna sabiex id-deċiżjonijiet li ħadet il-Kummissjoni, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jitilfu l-effikaċja tagħhom (ara, per eżempju, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-5/89, Ġabra p. I-3437, punt 17).
43 – Wara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 1968, Beus vs Hauptzollamt München (5/67, Ġabra p. 83, 95). Ara per eżempju, s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-284/94. Ġabra p. I-7309, punt 28).
Full & Egal Universal Law Academy