KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
POIARES MADURO
ppreżentati fis-26 ta’ Marzu 2009 1(1)
Kawża C‑411/06
Il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej
vs
Il‑Parlament Ewropew,
Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Vjaġġi ta’ skart – Bażi legali tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006”
1. Fit-2 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, skont l-Artikolu 230 KE, ippreżentat rikors għall-annullament tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjaġġi ta’ skart (2), fejn argumentat li dan huwa vvizzjat bi żball fir-rigward tal-bażi legali tiegħu. Skont ir-rikorrenti, ir-regolament ikkontestat kellu jkun ibbażat fuq bażi doppja, f’dan il-każ kemm fuq l-Artikolu 175(1) KE kif ukoll fuq l-Artikolu 133 KE, mentri l-awturi tiegħu ibbażawh biss fuq l-Artikolu 175(1) KE.
2. Din il-kawża li tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tikkostitwixxi żvolta ġdida fil-kunflitt dejjiemi bejn il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-użu tal-Artikoli 133 u 175(1) KE bħala bażi legali ta’ att Komunitarju li jkun intiż li jilħaq għan ambjentali permezz ta’ miżuri li jirrigwardaw il-moviment transkonfinali tal-iskart. Għandu jingħad li l-ġurisprudenza rilevanti, li minn tal-inqas hija mimlija inċertezzi, ma tgħinx biex dan jiġi kkjarifikat. Il-konvenuti fir-rikors jemmnu wkoll li hemm kontradizzjoni fil-ġurisprudenza u, fi kwalunkwe każ, hemm argumenti favur linja waħda jew l-oħra f’dan il-każ. Huma talbu wkoll, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kawża tiġi deċiża mill-Awla Manja.
I – Fuq il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-mertu tar-rikors
A – L-ammissibbiltà tar-rikors
3. Il-Kunsill iressaq preliminarjament l-inammissibbiltà tar-rikors, peress li l-Kummissjoni, bi ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma ppreċiżatx fir-rikors tagħha, liema dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat kellhom ikunu, fil-fehma tagħha, ibbażati fuq l-Artikolu 133 KE, liema dispożizzjonijiet kellhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 175(1) KE, u jekk ikun il-każ, liema dispożizzjonijiet kellhom ikunu bbażati fuq iż-żewġ artikoli f’daqqa.
4. Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tidher li ma tistax tintlaqa’. Ir-rikors tal-Kummissjoni fih sunt tar-raġunijiet invokati u jidher li huwa suffiċjentement ċar u preċiż biex jippermetti lill-Kunsill jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tiddeċiedi fuq ir-rikors. Ir-rikors fil-fatt jindika r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjonijiet li r-rikors ikollu bażi legali doppja, kif stabbiliti mill-ġurisprudenza, huma sodisfatti. Biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, mhuwiex meħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika d-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat li jaqgħu taħt il-bażi waħda jew l-oħra. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni indikat fir-rikors tagħha li jekk l-Artikolu 175(1) KE kien ġie ġustament adottat bħala l-bażi tal-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat, id-dispożizzjonijiet tat-Titoli IV sa VI, li jirrigwardaw il-vjaġġi tal-iskart (importazzjoni, esportazzjoni u tranżitu) provenjenti minn jew destinati lejn pajjiż terz kellhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 133 KE.
B – Ir-rilevanza tal-motiv imressaq
5. Għandu jiġi ppreċiżat l-ewwel nett li din il-kwistjoni fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali xierqa, f’dan il-każ, għandha biss portata purament formali, fejn il-motiv li tressaq għall-annullament huwa ineffikaċi.
6. Ċertament, jista’ jingħad li l-imsemmija kwistjoni ma għandhiex effett fuq l-ekwilibriju istituzzjonali peress li, kemm jekk wieħed jadotta l-Artikolu 175(1) KE biss bħala bażi legali jew iżid miegħu l-Artikolu 133 KE, il-proċedura għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat tibqa’ l-istess. Fil-fatt, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprovdu li l-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata. Huwa minnu li l-Artikolu 175 KE jipprevedi l-kodeċiżjoni u li l-Artikolu 133 KE, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(3) KE, ma jagħti ebda dritt lill-Parlament li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali. Madankollu, jidher li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirriżulta ċerta preferenza għad-dispożizzjoni li tassoċja lill-Parlament b’mod mill-eqreb mal-adozzjoni tal-att, li għandu jikkmanda l-għażla bejn żewġ bażijiet li l-għan tagħhom irid jintlaħaq bl-istess mod (3). Jekk wieħed isegwi din il-loġika, din il-preferenza għandha tiddeċiedi wkoll il-proċedura li trid tiġi segwita, f’każ li tiġi adottata bażi doppja, li kull waħda minnhom, tipprovdi proċess deċiżjonali differenti (4). Anki jekk jiena għandi dubji serji fuq il-mertu ta’ din il-preferenza mogħtija lill-proċeduri deċiżjonali li jimmassimizzaw il-parteċipazzjoni tal-Parlament (5), jidhirli li huwa diffiċli li issa dan jiġi kkontestat, u dan peress li din il-linja ta’ ġurisprudenza ġiet reċentement affermata mill-ġdid (6). Fi kliem ieħor, anki jekk wieħed kellu jissupponi li wara l-analiżi jirriżulta li l-Artikolu 133 KE kellu effettivament jingħaqad mal-Artikolu 175 KE li kien ġie meqjus bħala l-unika bażi legali tar-regolament ikkontestat, il-kodeċiżjoni, prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni li semmejt, tibqa’ madankollu l-proċedura li għandha tiġi osservata fid-dawl tal-adozzjoni tal-att. Peress li l-allegat żball fir-rigward tal-bażi legali ma kellux effett fuq il-proċedura li kellha tiġi segwita, huwa ma setax jinfluwenza l-kontenut tal-att ikkontestat (7).
7. Madankollu, l-għażla bejn l-Artikoli 133 u 175 KE għandha riperkussjonijiet importanti fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, fejn l-ewwel artikolu msemmi jattribwixxi kompetenza esklużiva lill-Komunità filwaqt li t-tieni artikolu jipprevedi kompetenza kondiviża bejniethom. L-għażla tal-Artikolu 175(1) KE bħala l-unika bażi legali tar-regolament ikkontestat, iġġib magħha, għaldaqstant, restrizzjoni fuq il-kompetenza tal-Komunità, sa fejn tirriżulta l-kompetenza tal-Istati Membri, inkluż biex tirregola l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-iskart, sakemm u sa fejn l-inizzjattiva simili tal-Istati Membri ma tkunx tista’ taffettwa r-regoli komunitarji li jirregolaw dan il-qasam. Skont il-Kummissjoni, l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza li hija rikonoxxuta lill-Istati Membri ċertament ikollha bħala effett id-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi tal-Istati Membri fuq is-swieq esterni u toħloq perturbazzjonijiet fuq is-suq intern tal-Komunità.
II – Il-mertu tar-rikors
8. L-uniku motiv għall-annullament allegat jirrigwarda l-iżball fir-rigward tal-bażi legali magħżula: minkejja li l-leġiżlatur Komunitarju adotta l-Artikolu 175 KE bħala l-unika bażi tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ssostni li din id-dispożizzjoni kellha tiġi akkumpanjata bl-Artikolu 133 KE.
9. Bħala risposta għal dan l-argument, għandu jitfakkar mill-ewwel li skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju għandha tistrieħ fuq elementi oġġettivi li jistgħu jiġu eżaminati mill-Qorti, fosthom, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att (8). F’każ li l-att inkwistjoni jkollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, l-att irid ikun, bħala prinċipju, ibbażat fuq il-bażi legali mitluba mill-għan u/jew mill-komponent prinċipali jew predominanti (9).
10. Huwa biss b’mod eċċezzjonali li, jekk jiġi pprovat li l-att għandu iktar minn għan wieħed fl-istess ħin jew li għandu iktar minn komponent wieħed, li huma marbuta b’mod li ma jistgħux jinħallu minn xulxin, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett meta pparagunat mal-ieħor, tali att irid ikun ibbażat fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti (10). Madankollu, anki jekk wieħed jissupponi li l-att inkwistjoni għandu diversi għanijiet fl-istess ħin jew għandu diversi komponenti, ugwali u li ma jistgħux jinħallu minn xulxin, l-użu ta’ bażi legali doppja hija eskluża f’żewġ każijiet: jekk il-bażi doppja magħżula tikkonstisti f’dispożizzjoni tat-Trattat KE u f’dispożizzjoni tat-Trattat UE (11); meta l-proċeduri previsti għal waħda jew l-oħra ta’ dawn il-bażijiet huma inkompatibbli u/jew meta l-użu taż-żewġ bażijiet legali jista’ jnaqqas mid-drittijiet tal-Parlament (12).
11. Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ssostni li r-regolament ikkontestat fih, kemm bl-għan tiegħu kif ukoll bil-kontenut tiegħu, żewġ komponenti li huma marbutin b’mod li ma jistgħux jinħallu minn xulxin, wieħed li jirrigwarda l-politika kummerċjali komuni u l-ieħor li jirrigwarda l-politika tal-ambjent u li, konsegwentement, jeħtieġ bażi legali doppja. F’dan ir-rigward hija ssostni li l-att inkwistjoni mhuwiex intiż biss li jirregola l-vjaġġi ta’ skart fil-Komunità għall-finijiet purament ambjentali imma li fih ukoll, fit-Titoli IV sa VI, regoli dettaljati fuq il-kummerċ estern tal-iskart ma’ pajjiżi terzi, li jirrigwardaw l-importazzjoni ta’ skart fil-Komunità provenjenti minn pajjiż terz, l-esportazzjoni ta’ skart tal-Komunità lejn pajjiż terz u fuq it-tranżitu tal-iskart mill-Komunità fi triqtu minn u lejn pajjiżi terzi. Fi ftit kliem, peress li r-regolament ikkontestat jirregola wkoll il-vjaġġi ta’ skart bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi, l-Artikolu 133 KE kellu jiżdied mal-Artikolu 175 KE bħala bażi legali.
A – L-ammissibbiltà tal-bażi legali doppja
12. L-ewwel mitoqsija li l-argument tal-Kummissjoni jqajjem hija dik dwar jekk l-użu eċċezzjonali ta’ bażi legali doppja huwiex possibbli fil-każ, bħal dak ineżami, fejn waħda mid-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw, l-Artikolu 133 KE, jagħti lill-Komunità kompetenza esklużiva biex tadotta l-att ikkontestat, filwaqt li d-dispożizzjoni l-oħra, l-Artikolu 175 KE, tagħtiha biss kompetenza kondiviża mal-Istati Membri. In-natura tal-kompetenza Komunitarja taffettwa fil-fatt, b’mod partikolari, il-kompetenza residwa tal-Istati Membri. L-eżistenza ta’ kompetenza Komunitarja esklużiva tipprojbixxi kull intervent leġiżlattiv mill-Istati Membri, salv jekk dawn jaġixxu bħala ġestituri tal-interess komuni li tiġi evitata lakuna leġiżlattiva f’każ ta’ nuqqas mil-leġiżlatur Komunitarju (13). Min-naħa l-oħra, f’każ ta’ kompetenza kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri, l-istess Stati Membri jibqgħu liberi li jilleġiżlaw fil-qasam inkwistjoni, peress li l-miżuri nazzjonali meħuda ma jaffettwawx l-effett utli tar-regoli Komunitarji stabbiliti f’dan il-qasam (14). Rilevanti għal dan il-kumulu ta’ kompetenzi leġiżlattivi tal-Komunità u tal-Istati Membri fil-każ ta’ kompetenza kondiviża huwa preċiżament l-Artikolu 176 KE li jawtorizza lill-istess Stati Membri, anki f’każ ta’ adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji fil-materja, li jadottaw miżuri għall-protezzjoni tal-ambjent rrinfurzati, bir-riżerva biss li dawn ikunu kompatibbli mat-Trattat. Għaldaqstant, kif għamlu l-Kunsill, il-Parlament u r-Renju Unit f’dan il-każ, wieħed jista’ leġittimament jistaqsi jekk il-kompetenza biex jiġi adottat att partikolari tistax tkun kemm ta’ natura esklużiva kif ukoll kondiviża fl-istess ħin bejn il-Komunità u l-Istati Membri. Kif, fil-fatt, tista’ terġa tapplika l-kompetenza leġiżlattiva residwa tal-Istati Membri fil-każ ta’ kompetenza kondiviża li bis-saħħa tagħha jkun ġie adottat att Komunitarju, jekk l-imsemmi att kien ibbażat konġuntament fuq il-kompetenza esklużiva Komunitarja?
13. Għandu jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat kumulu ta’ kompetenzi simili f’żewġ kawżi fejn kienu inkwistjoni preċiżament l-istess bażijiet legali li għandna f’din il-kawża (15). Fuq qari mill-qrib ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, madankollu, din is-soluzzjoni ma setgħetx tiġi adottata ħlief inkwantu kien possibbli li, minkejja li l-atti inkwistjoni kellhom żewġ komponenti ugwali u marbutin b’mod li ma setgħux jinħallu, isir b’mod ċar it-tqassim bejn dak li, fl-imsemmija atti, kien jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità prevista fl-Artikolu 133 KE u dak li kien jaqa’ taħt l-ambitu tal-kompetenza kondiviża mogħtija lill-istess Komunità bl-Artikolu 175 KE. Dan huwa kjarament il-każ jekk ikun possibbli li jiġu iżolati fl-att id-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt xi bażi legali jew oħra. Huwa wkoll perfettament possibbli li dispożizzjoni waħda jkollha bażi legali doppja, meta hija tkun tirrigwarda diversi suġġetti. Min-naħa l-oħra, ma tistax tqum l-istess kwistjoni f’daqqa fir-rigward tal-kompetenza esklużiva u l-kompetenza kondiviża.
14. F’dan il-każ, l-użu konġunt tal-Artikoli 133 u 175 KE bħala bażijiet tar-regolament ikkontestat huwa teoretikament possibbli. Kif diġà ġie enfasizzat, il-Kummissjoni identifikat fil-fatt id-dispożizzjonijiet li, fil-fehma tagħha kellhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 133 KE, fejn l-oħrajn ġew ġustament marbuta mal-Artikolu 175 KE: id-dispożizzjonijiet tat-Titoli IV sa VI, li jirrigwardaw il-vjaġġi ta’ skart (importazzjoni, esportazzjoni, tranżitu) provenjenti minn jew destinati lejn pajjiż terz, kellhom ikollhom bħala bażi l-Artikolu 133 KE.
15. Barra minn hekk, iż-żieda tal-Artikolu 133 KE mal-Artikolu 175 KE ma jistax jiġi eskluż minħabba li l-proċeduri previsti għal waħda jew l-oħra ta’ dawn il-bażijiet huma inkompatibbli u/jew meta l-użu taż-żewġ bażijiet legali jista’ jnaqqas mid-drittijiet tal-Parlament (16). Fil-fatt, kif enfasizzajt diġà (17), iż-żieda tal-Artikolu 133 KE, li teskludi lill-Parlament mill-proċess deċiżjonali, ma jbiddel xejn mill-proċedura leġiżlattiva applikabbli. Skont il-ġurisprudenza, il-kodeċiżjoni prevista fl-Artikolu 175 KE, tibqa’ tapplika għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-att.
B – Ir-rilevanza tal-bażi legali doppja
16. Jibqa’ sabiex jiġi stabbilit jekk l-analiżi tal-għanijiet u tal-kontenut tar-regolament ikkontestat jiżvelax li huwa effettivament għandu komponent ambjentali u komponent ieħor kummerċjali ugwali li huma marbuta b’mod li ma jistgħux jinħallu minn xulxin, mingħajr ma wieħed huwa sekondarju u indirett meta pparagunat mal-ieħor (18).
17. L-argument żviluppat mir-rikorrenti sabiex tipprova dan ma jikkonvinċinix. Mingħajr ebda dubju, jiena naqbel magħha li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni minn dejjem (19) ibbenefika minn interpretazzjoni wiesa’ (20). Minn dan jirriżulta li miżura li tirregola l-kummerċ ma’ pajjiżi terzi tibqa’ miżura ta’ politika kummerċjali, anki jekk hija sservi wkoll għal għanijiet li jaqgħu taħt oqsma oħra, bħalma huma l-għanijiet tal-politika tal-iżvilupp (21), tal-politika barranija u tas-sigurtà (22) jew tal-protezzjoni tal-ambjent (23). Dan japplika f’dan l-aħħar każ imsemmi iktar u iktar minħabba l-prinċipju ta’ integrazzjoni, li illum jinsab fl-Artikolu 6 KE (li qabel kien jinsab fl-Artikolu 130 R(2) KE), fejn l-eżiġenzi tal-protezzjoni tal-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politika u tal-azzjonijiet kollha tal-Komunità (24). Il-fatt li d-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat jintegraw il-preokkupazzjonijiet ambjentali ċertament mhuwiex biżżejjed, għaldaqstant, sabiex dawn ma jkunux jistgħu jew ma għandhomx ikunu bbażati fuq l-Artikolu 133 KE. Is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk l-għan ambjentali jkun predominanti, fejn id-dimensjoni kummerċjali jkollha biss natura aċċessorja. F’dan il-każ, l-adozzjoni tal-att ikkontestat għandu jkun ibbażat biss fuq l-Artikolu 175(1) KE (25). F’dan il-każ, kemm mill-analiżi tas-suġġett u tal-għan tar-regolament ikkontestat kif ukoll mill-kuntest tiegħu jirriżulta preċiżament li d-dimensjoni ambjentali hija ta’ natura predominanti.
1. Il-kontenut u l-għan tar-regolament ikkontestat
18. Għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li r-regolament ikkontestat ċertament għandu għan prinċipalment ambjentali. L-ewwel premessa tar-regolament imsemmi jafferma “l-għan u l-komponent ewlieni u predominanti ta’ dan ir-Regolament huwa l-protezzjoni ta’ l-ambjent”. Il-kumplament tal-espożizzjoni tal-motivi jikkonferma dan. Jekk wieħed jeskludi l-premessi sittax u dsatax tal-istess regolament li jirreferu għall-funzjonament xieraq tas-suq intern, il-premessi kollha, ftit minnhom b’mod dirett jew inqas dirett, jirriflettu l-preokkupazzjonijiet ambjentali. B’mod partikolari, il-premessa numru sebgħa tinsisti b’mod ġenerali fuq “[i]l-ħtieġa li jiġu ppreżervati, protetti u mtejba l-kwalità ta’ l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem”. Bl-istess mod, il-premessa tnejn u erbgħin tfakkar li l-għan tar-regolament huwa li “tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ l-ambjent meta l-iskart jiġi trasportat”. Anki meta jkunu jkunu trattati l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-iskart fil-Komunità u jew provenjenti mill-Komunità, il-preokkupazzjonijiet ambjentali jibqgħu dejjem preżenti. B’hekk, il-premessa tmienja u għoxrin tipprovdi li “sabiex jiġi protett l-ambjent tal-pajjiżi konċernati”, jeħtieġ li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ esportazzjonijiet ta’ skart perikoluż destinat għall-irkupru f’pajjiż li għalih ma tapplikax id-Deċiżjoni tal-OECD. Bl-istess mod il-premessa tlieta u tletin tenfasizza li l-iskart importat fil-Komunità għandu jiġi mmaniġġat, tul il-perijodu tal-vjaġġ “mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jintużaw proċessi jew metodi li jkunu jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent”.
19. Fir-rigward tal-għan tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ssostni li t-test imsemmi fih regoli dettaljati fuq il-kummerċ estern lejn il-pajjiżi terzi, fejn ir-regoli li jinsabu fih japplikaw ukoll għall-importazzjoni ta’ skart fil-Komunità li jkun provenjenti minn pajjiż terz, għall-esportazzjoni ta’ skart tal-Komunità lejn pajjiż terz u għall-vjaġġi ta’ skart mill-Komunità fi triqthom minn jew lejn pajjiżi terzi. F’dan ir-rigward, dan jaqa’ wkoll fl-ambitu tal-politika kummerċjali komuni.
20. Madankollu, l-għan tar-regolament huwa li jimponi obbligi ta’ notifika, ta’ proċedura u ta’ kontroll fil-qasam tal-vjaġġi ta’ skart, b’mod li dawn il-vjaġġi jsiru f’kundizzjonijiet xierqa biex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-ambjent. Dawn l-obbligi jinsabu fit-Titolu II tar-regolament imsemmi u jistgħu jinġabru fil-qosor skont kif ġej. Skont l-Artikolu 3(1) huma suġġetti għall-proċedura tan-notifika u tal-kunsens bil-miktub minn qabel il-vjaġġi tal-iskart kollha destinati għall-operazzjonijiet ta’ rimi, kif ukoll, b’mod partikolari, il-vjaġġi ta’ skart li jinsabu fl-Anness IV tar-regolament ikkontestat, li jkunu destinati għall-operazzjonijiet ta’ rkupru. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens, in-notifikatur għandu jipprovdi l-prova dwar l-eżistenza ta’ kuntratt konkluż minnu mad-destinatarju li jirrigwarda l-irkupru jew ir-rimi tal-iskart notifikat (Artikoli 4(4) u 5 tar-regolament ikkontestat) u dwar l-istabbiliment ta’ garanzija finanzjarja jew assigurazzjoni ekwivalenti li tkopri l-ispejjeż tat-trasport, tal-operazzjonijiet ta’ rkupru jew ta’ rimi jew ta’ stokkjar tal-iskart ikkonċernat (Artikoli 4(5) u 6 tar-regolament ikkontestat). Fil-każ ta’ notifika ta’ vjaġġ ta’ skart, l-awtoritajiet jistgħu, filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq motivi ta’ natura essenzjalment ambjentali, kif elenkati fl-Artikoli 11 u 12 tar-regolament ikkontestat, jimponu xi kundizzjonijiet fuq il-kunsens tagħhom għall-vjaġġ notifikat jew iqajmu oġġezzjonijiet motivati kontra tali vjaġġ (Artikoli 9 sa 12 tar-regolament ikkontestat). L-Artikoli 22 sa 25 jimponu obbligu ta’ teħid lura ta’ skart meta l-vjaġġ ma jistax jitkompla kif intiż jew f’każ ta’ vjaġġ illegali u jipprovdu regoli li jirrigwardaw l-ispejjeż tat-teħid lura.
21. Fir-rigward tal-aspetti esterni tar-regolament ikkontestat, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, meta ma jkunux ipprojbiti mir-regolament minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent, l-esportazzjonijiet mill-Komunità, l-importazzjonijiet ta’ skart fil-Komunità u l-vjaġġi ta’ skart mill-Komunità huma suġġetti għall-istess proċeduri ta’ kontroll, skont id-dispożizzjonijiet tat-Titoli IV, V u VI rispettivament tar-regolament imsemmi.
22. Finalment, l-obbligu li joħroġ mill-Artikolu 49(1) tar-regolament ikkontestat, li għandu l-produttur u n-notifikatur, kif ukoll l-impriżi involuti fil-vjaġġ tal-iskart u/jew l-irkupru jew ir-rimi tiegħu, li jieħdu “l-passi meħtieġa sabiex jassiguraw li kull skart li huma jittrasportaw jiġi mmaniġġat mingħajr periklu għas-saħħa umana u b’mod ambjentalment san matul il-perjodu tal-vjaġġ u matul l-irkupru u r-rimi tiegħu” jikxef l-omoġenjità tas-sistema kollha ta’ kontroll u tal-għan predominanti tagħha għall-protezzjoni tal-ambjent. L-imsemmi obbligu japplika, fil-fatt, mhux biss meta l-vjaġġ ikun seħħ fi ħdan il-Komunità imma wkoll meta jkun hemm esportazzjoni jew importazzjoni ta’ skart.
23. Wieħed jista’ jara li l-proċedura tan-notifika u tal-kunsens bil-miktub minn qabel tikkostitwixxi l-qalba tas-sistema implementata mir-regolament ikkontestat. Madankollu hija simili ħafna għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li ġew ikklassifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala “strumenti tipiċi tal-politika tal-ambjent” (26). Mill-bqija, din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni ammettiet li, sa fejn is-sistema msemmija hija prevista fit-Titolu II tar-regolament sabiex tirregola, fl-ewwel lok, il-vjaġġi intra-Komunitarji tal-iskart, il-bażi legali xierqa hija l-Artikolu 175(1) KE. Peress li bis-saħħa tat-Titoli IV sa VI tar-regolament, dan japplika mutatis mutandis għall-vjaġġi extra-Komunitarji tal-iskart, jiena nammetti li naraha diffiċli kif l-istess sistema ta’ kontroll lanqas ma għandha bħala suġġett li tipprevjeni l-ħsara lill-ambjent li dawn il-vjaġġi jistgħu jikkaġunaw. Altrimenti, jekk wieħed jaċċetta l-analiżi tal-Kummissjoni, li biha s-sistema introdotta għandha titqies bħala li tirregola l-kummerċ estern tal-iskart li jaqa’, għaldaqstant, fl-ambitu tal-politika kummerċjali komuni, jeħtieġ, loġikament, li jiġi kkunsidrat li meta tiġi applikata għall-vjaġġi intra-Komunitarji tal-iskart, din l-istess sistema hija intiża li tiżgura l-moviment liberu tal-iskart imsemmi u għaldaqstant, f’dan ir-rigward, għandha tiġi bbażata fuq l-Artikolu 95 KE u mhux fuq l-Artikolu 175 KE.
24. Ċertament, kif għandha raġun tfakkar il-Kummissjoni, l-iskart jikkostitwixxi merkanzija fis-sens tal-Artikolu 28 KE u, għaldaqstant, jista’ jkun is-suġġett ta’ operazzjonijiet kummerċjali (27). Madankollu, il-fatt li l-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti mir-regolament ikunu japplikaw għall-kummerċ tal-iskart u, għaldaqstant, jistgħu jaffettwawh b’mod sinjifikattiv ma jfissirx minn daqshekk li huma għandhom l-għan li jippromwovu, jiffaċilitaw jew jirregolaw l-imsemmi kummerċ u ma jistgħux għaldaqstant ixejnu l-konstatazzjoni, li hija bbażata fuq l-analiżi tal-għan u tal-kontenut tar-regolament ikkontestat, fejn jingħad li dan huwa strument li huwa intiż prinċipalment li jiggarantixxi l-protezzjoni tal-ambjent, u dan peress li l-effetti tiegħu fuq il-kummerċ huma biss sekondarji u indiretti; u t-tifsira wiesgħa tal-kunċett tal-politika kummerċjali komuni ma tistax ixxejjen l-istess konstatazzjoni (28). Ir-regolament imsemmi ma għandux l-għan li jiddefinixxi l-karatteristiċi li għandu jkollu l-iskart biex jiġi kkummerċjalizzat liberament imma biex jipprovdi sistema armonizzata ta’ proċeduri li bihom il-moviment tal-iskart jista’ jiġi limitat, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ambjent (29). Jekk wieħed isegwi l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat dwar il-protezzjoni tal-ambjent jitneħħielhom il-parti l-kbira tas-sens tagħhom peress li, malli jiġi stabbilit li l-azzjoni Komunitarja tista’ jkollha xi effett fuq il-kummerċ, il-miżura inkwistjoni jkollha taqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni (30).
25. Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed kellu jissupponi li l-asserzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li t-Titoli IV, V u VI tar-regolament ikkontestat jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni, hija eżatta, iż-żieda tal-Artikolu 133 KE bħala bażi legali mhijiex iġġustifikata, peress li l-predominanza ta’ għan jew komponent għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tal-att inkwistjoni fl-intier tiegħu (31). F’dan il-każ, l-eżami tad-dispożizzjonijiet kollha tar-regolament ikkontestat wera l-predominanza tad-dimensjoni ambjentali tiegħu.
26. Huwa f’dan il-punt li qiegħda d-differenza kollha li teżisti mal-kawża Energy Star (32). Il-koordinazzjoni tal-programmi tat-tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju li introduċa l-akkordju inkwistjoni f’dik il-kawża kienet intiża, fl-ewwel lok, sabiex tiffaċilita l-kummerċ tat-tagħmir imsemmi billi tippermetti lill-produtturi li jagħmlu użu, skont proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku tar-reġistrazzjonijiet, ta’ logo komuni biex jidentifikaw, għall-attenzjoni tal-konsumaturi, ċerti prodotti li għandhom karatteristiċi komuni ta’ effiċjenza enerġetika, li huma kellhom il-ħsieb li jbiegħu fis-suq Amerikan u s-suq Komunitarju. Fi kwalunkwe każ, it-tnaqqis mistenni fil-konsum ta’ enerġija minħabba l-bdil fil-komportament effettiv tal-produtturi u tal-konsumaturi li jwassal għalih dan il-programm ta’ tikkettar ikun biss effett indirett.
27. Ir-rikorrenti tħoss madankollu li hija tista’ tissostanzja l-argument tagħha bis-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam (33) u tar-regolament li jimplementa din il-konvenzjoni (34). Dan l-akkordju internazzjonali introduċa proċedura għall-kunsens informat minn qabel għal ċertu kimiċi u pestiċidi perikolużi li tixbah ħafna lill-proċeduri ta’ kontroll previsti fir-regolament ikkontestat. Il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-bqija, kienet ikklassifikatha bħala “strument tipiku ta’ politika tal-ambjent” (35). Hija ddeċidiet għaldaqstant li kien meħtieġ l-użu ta’ bażi legali doppja kostitwita bl-Artikoli 133 KE u 175 KE.
28. Wieħed jista’ jikkritika l-bażi legali adottata mill-Kummissjoni għall-konklużjoni tal-protokoll ta’ Kartaġena: il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-użu tal-Artikolu 175 KE biss kien xieraq, fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ proċedura ta’ kontroll simili ħafna li tirrigwarda l-organiżmi ħajjin modifikati; dan ukoll meqjus bħala “strument tipiku ta’ politika tal-ambjent” (36). Għaldaqstant, l-istess bħall-Kunsill u r-Renju Unit, ikollna nammettu li hemm kontradizzjoni bejn iż-żewġ soluzzjonijiet. B’hekk jekk din il-kawża tintbagħat quddiem l-Awla Manja, din tkun l-okkażjoni biex titneħħa din il-kontradizzjoni.
29. Il-qari mill-qrib tad-deċiżjonijiet mogħtija fiż-żewġ kawżi dwar il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam jippermetti madankollu li tiġi ċċarata kontradizzjoni li hija biss apparenti. Hu x’inhu l-ħsieb dwar il-mertu tas-soluzzjoni tagħha (37), għandu jiġi osservat li biex tiġġustifika l-użu konġunt tal-Artikoli 133 u 175 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rabta espliċita stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Rotterdam bejn il-kummerċ u l-ambjent, fejn il-proċedura ta’ kontroll prevista minn dik id-dispożizzjoni tapplika biss għal ċerti prodotti kimiċi u pestiċidi perikolużi li huma s-suġġett ta’ kummerċ internazzjonali u fejn l-implementazzjoni tagħha hija rregolata minn dispożizzjonijiet li jirregolaw direttament il-kummerċ tal-prodotti msemmija; din ir-rabta kienet nieqsa mill-protokoll ta’ Kartaġena peress li l-mekkaniżmu ta’ kontroll introdott mill-protokoll imsemmi kien japplika għall-attivitajiet li jinvolvu t-trattament ta’ organiżmi ħajjin modifikati u għaldaqstant mhux biss il-moviment transkonfinali tagħhom għall-finijiet kummerċjali (38).
30. Kif rajna diġà, f’din il-kawża, il-proċedura tan-notifika u tal-kunsens bil-mitkub irregolat mir-regolament ikkontestat ma jirregolax biss il-vjaġġi extra‑Komunitarji tal-iskart. Hija tikkonċerna qabel xejn il-vjaġġi intra-Komunitarji tal-iskart. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tal-qari konġunt tas-soluzzjonijiet mogħtija rispettivament fil-kawża tal-protokoll ta’ Kartaġena u fil-kawżi dwar il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam, ir-regolament ikkontestat għandu komponent prinċipalment ambjentali, u dan fin-nuqqas ta’ rabta soda biżżejjed bejn il-kummerċ u l-ambjent. L-analiżi kemm tal-għan kif ukoll tas-suġġett tiegħu tiżvela li huwa mhuwiex proprjament intiż li jirregola l-kummerċ tal-iskart iżda li jara li l-vjaġġi tiegħu jsiru taħt kundizzjonijiet konformi mal-protezzjoni tal-ambjent. Konsegwentement, il-leġiżlatur Komunitarju, ġustament, adotta l-Artikolu 175 KE bħala l-unika bażi tar-regolament imsemmi.
2. Il-kuntest tar-regolament ikkontestat
31. Il-kuntest jikkostitwixxi wkoll element li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet li tiġi evalwata r-rilevanza tal-bażi legali magħżula biex jiġi adottat att (39). Il-konklużjoni li hija bbażata fuq l-analiżi tas-suġġett u l-għan tar-regolament ikkontestat, fejn jingħad li dan għandu jkun ibbażat biss fuq l-Artikolu 175 KE, hija kkonfermata mill-eżami tal-kuntest li fih jaqa’ dan l-att.
32. Fl-ewwel lok, ir-regolament ikkontestat ġie adottat biex jissostitwixxi u jaġġorna r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 tal-1 ta’ Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (40), li ġie bbażat ħafna fuqu. Dan ir-Regolament Nru 259/93 kien ibbażat fuq l-Artikolu 130 S KEE (li wara l-emendi sar l-Artikolu 175 KE) u l-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba tal-Parlament li sostna li dan l-att kellu jkun ibbażat kemm fuq l-Artikolu 100A (li wara l-emendi sar l-Artikolu 95 KE) kif ukoll fuq l-Artikolu 113 KEE (li wara l-emendi sar l-Artikolu 133 KE), kienet irrikonoxxiet espliċitament ir-rilevanza ta’ din il-bażi legali (41). Ċertament, għal raġunijiet marbuta mal-limitazzjoni tad-dritt tal-Parlament li jippreżenta rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet biss fuq id-dimensjoni intrakomunitarja tar-Regolament Nru 259/93 u ma kinitx eżaminat jekk l-elementi tar-regolament imsemmi li kien jirrigwarda l-vjaġġi tal-iskart bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi kinux jiġġustifikaw iż-żieda tal-Artikolu 113 KEE. Madankollu, il-fatt li l-elementi tar-regolament dwar il-vjaġġi intra-Komunitarji tal-iskart kienu, legalment ibbażati fuq l-Artikolu 130 S u mhux fuq l-Artikolu 100 A jimmilita kontra r-rilevanza tal-użu konġunt tal-Artikolu 113, peress li r-Regolament Nru 259/93, l-istess bħar-regolament inkwistjoni f’din il-kawża, kien limitat biex jestendi l-mekkaniżmu ta’ kontroll li huwa kien introduċa fir-rigward tal-vjaġġi intra-Komunitarji tal-iskart għall-vjaġġi extra-Komunitarji, li kien ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 130 S.
33. Fit-tieni lok, ir-regolament ikkontestat huwa intiż ukoll li jimplementa l-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjoni fuq il-kontroll tal-movimenti transkonfinali tal-iskart perikoluż u tar-rimi tiegħu, iffirmata f’Basel fit-22 ta’ Marzu 1989 (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Basel”). Huwa komunement aċċettat li l-iskop ewlieni ta’ dan l-istrument konvenzjonali qiegħed fil-“ġestjoni ekoloġikament razzjonali” tal-iskart, sabiex jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent billi jnaqqas il-produzzjoni ta’ skart perikoluż kull darba li dan ikun possibbli u billi jikkontrolla rigorożament l-istokkjar, it-trasport, it-trattament, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, l-irkupru u r-rimi finali tiegħu permezz ta’ “approċċ integrat taċ-ċiklu tal-ħajja”. Din il-konvenzjoni ġiet konkluża wkoll għan-nom tal-Komunità b’deċiżjoni tal-Kunsill (42) ibbażata fuq l-Artikolu 130 S KEE u msemmija mid-WTO bħala akkordju ambjentali multilaterali. Huwa żbaljat li biex tnaqqas ir-rilevanza ta’ dan il-preċedent, il-Kummissjoni tipprova tenfasizza d-differenza bejn il-Konvenzjoni ta’ Basel u r-regolament ikkontestat, billi ssostni li l-konvenzjoni tirrigwarda esklużivament ir-rimi tal-iskart perikoluż, mentri r-regolament ikopri l-iskart kollu kemm jekk perikoluż jew mhuwiex u kemm jekk destinat għar-rimi jew għall-irkupru. Kif innotaw ġustament il-Gvern Britanniku u dak Franċiż, jekk wieħed jaqra sew it-test tal-konvenzjoni msemmija u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(4) tagħha u l-Anness IV, jirriżulta fil-fatt, li, b’kuntrast ma’ dak li jissuġġerixxi t-titolu tagħha, hija tapplika wkoll għall-modi ta’ trattament, u għall-fażi li tiġi wara l-vjaġġ tal-iskart li jikkonsisti fl-irkupru, riċiklaġġ jew l-użu mill-ġdid u mhux biss ir-rimi tiegħu. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li r-regolament ikkontestat japplika wkoll għall-iskart mhux perikoluż u skart destinat li jiġi rkurprat ma jistax irendih kummerċjali u jdgħajjef id-dimensjoni ambjentali tiegħu, u dan peress li n-natura dannuża fuq l-ambjent hija inerenti għan-natura stess tal-iskart ikun x’ikun (43).
34. Huwa minnu li r-rilevanza ta’ dawn il-preċedenti tista’ tiġi kkontestata minħabba li s-sempliċi prattika istituzzjonali ma tistax tidderoga mir-regoli tat-Trattat u għaldaqstant ma tistax toħloq preċedent li jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Komunità fir-rigward tal-bażi legali korretta (44) u li d-determinazzjoni tal-bażi legali ta’ att għandha tiġi stabbilita fil-dawl tal-għan u l-kontenut tiegħu nnifsu u mhux rigward tal-bażi legali użata għall-adozzjoni ta’ atti komunitarji oħra li jistgħu jkollhom skont il-każ, karatteristiċi simili (45). Madankollu, għalkemm is-sempliċi prattika tal-istituzzjonijiet ma tistax effettivament tiddetermina l-għażla tal-bażi legali għad-detriment tar-riżultat tal-analiżi tal-għan u tal-kontenut tal-att inkwistjoni, hija tista’ tikkostitwixxi fattur rilevanti tal-kuntest li fih jaqa’ l-att, b’mod li jikkorrobora l-għażla tal-bażi legali li tirriżulta wara eżami tal-għan u l-kontenut tiegħu. Huwa b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja iġġustifikat espliċitament il-bażi legali doppja magħmula bl-Artikoli 133 u 175 KE tar-Regolament (KE) Nru 304/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-kimiċi perikolużi (46), bil-fatt li dan kien jimplementa fuq livell Komunitarju il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam li, skont sentenza mogħtija fl-istess ġurnata (47), kellu jkollu wkoll din il-bażi doppja u bil-kunsiderazzjoni li kien hemm qbil evidenti bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ atti (48). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostanzjat b’mod espliċitu l-għażla tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali ta’ direttiva wara analiżi tal-għan u l-kontenut tagħha permezz tal-konstatazzjoni li din kienet temenda direttiva preċedenti bbażata fuq l-istess dispożizzjoni (49). F’dan il-każ, ir-regolament ikkontestat huwa intiż li jimplementa l-Konvenzjoni ta’ Basel u jirriproduċi fil-parti l-kbira tiegħu id-dispożittiv tar-Regolament Nru 259/93 li huwa jissostitwixxi.
III – Konklużjoni
35. Għall-motivi esposti iktar ’il fuq, jiena nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad ir-rikors tal-Kummissjoni għall-annullament tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjaġġi ta’ skart.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – ĠU L 190, p. 1.
3 – Din hija l-interpretazzjoni li tista’ tingħata mill-kawża Dijossidju tat-titanju, [sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑300/89, Ġabra p. I‑2867)].
4 – F’dan is-sens, ara s-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑178/03, Ġabra p. I‑107, punt 59); tas-6 ta’ Novembru 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑155/07, Ġabra p. I‑8103, punti 77 sa 83). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża C‑178/03 (punti 63 u 64) u fil-Kawża C‑155/07 (punti 90 u 91).
5 – Din il-linja ta’ ġurisprudenza, fil-fatt, ma ssib ebda bażi fit-Trattat. Dan l-approċċ li kien ġie ddefendut b’mod partikolari mill-Kummissjoni fis-seduta, jitlaq mill-ipoteżi li irrispettivament mill-bażi legali li żżid l-involviment tal-Parlament fil-proċess deċiżjonali, dan isaħħaħ in-natura demokratika tal-Komunità Ewropea. Madankollu, id-demokrazija tista’ tieħu forom diversi, b’mod partikolari fil-Komunità Ewropea. Fuq livell Komunitarju, il-leġittimazzjoni demokratika għandha prinċipalment żewġ sorsi: jew tiġi mid-diversi popli Ewropej permezz tal-pożizzjonijiet meħuda mill-gvernijiet rispettivi tagħhom, taħt il-kontroll tal-parlamenti nazzjonali, fil-kuntest tal-Kunsill; jew tiġi żgurata mill-Parlament Ewropew, li huwa l-istituzzjoni Ewropea rappreżentattiva b’mod dirett u l-Kummissjoni li hija direttament responsabbli quddiemha. Ir-rappreżentanza direttament demokratika hija mingħajr dubju parametru rilevanti biex titkejjel id-demokrazija Ewropea iżda mhijiex l-uniku parametru. B’mod partikolari, id-demokrazija Ewropea tinvolvi wkoll bilanċ delikat bejn id-dimensjoni nazzjonali u dik Ewropea tad-demokrazija, mingħajr ma waħda tipprevali fuq l-oħra. Din hija r-raġuni għaliex il-Parlament Ewropew ma għandux l-istess poter bħall-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv u, meta jitqies li jistgħu jissaħħu s-setgħat tal-Parlament Ewropew, huwa l-kompitu tal-popli Ewropej li jiddeċiedu dan permezz ta’ reviżjoni tat-Trattati. Il-bilanċ bejn is-setgħat mogħtija lill-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet l-oħra li jużaw id-diversi proċeduri leġiżlattivi evolva fiż-żmien u jirrifletti l-bilanċ mixtieq mill-popli tal-Ewropa bejn il-mezzi nazzjonali u dawk Ewropej għal-leġittimazzjoni tal-eżerċizzju tal-poter fuq livell Ewropew. Il-fatt li wieħed jaċċetta l-prinċipju ġenerali ta’ preferenza għall-bażi legali li timmassimizza l-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-proċess deċiżjonali jkun ifisser li jitbiddel il-bilanċ istituzzjonali u demokratiku stabbilit fit-Trattat. Jiena konxju li din l-analiżi twassal għall-projbizzjoni li fil-prattika ma jistax ikun hemm użu konġunt ta’ bażijiet legali. Fil-fatt, jew iż-żewġ bażijiet legali jkunu jipprevedu l-istess proċedura deċiżjonali u l-iżball fir-rigward tal-bażi legali jkun jikkostitwixxi difett purament formali u għaldaqstant ineffettiv, salv għall-influwenza potenzjali li tista’ tirriżulta fuq it-tqassim tal-kompetenza bejn il-Komunità u l-Istati Membri, jew inkella ż-żewġ bażijiet legali jkunu jipprevedu proċeduri leġiżlattivi differenti u għaldaqstant ikunu bilfors inkompatibbli għar-raġunijiet li għadni kif esponejt, u l-użu konġunt tagħhom ikun impossibbli.
6 – Sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 77 sa 83. Dwar il-mument u l-kundizzjonijiet għal żvolta fil-ġurisprudenza, ara l-ħsibijiet tiegħi fil-punti 28 sa 30 tal-konklużjonijiet fil-kawża Cipolla et (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421).
7 – Fl-istess sens, ara s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (165/87, Ġabra p. 5545, punt 19), u tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, Ġabra p. I‑11453, punti 98 sa 111).
8 – Ara pereżempju, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (45/86, Ġabra p. 1493, punt 11); tat-13 ta’ Mejju 1997, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑233/94, Ġabra p. I‑2405, punt 12); tal-25 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, (C‑164/97, Ġabra p. I‑1139, punt 12); tal-4 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, (C‑269/97, Ġabra p. I‑2257, punt 43); tal-14 ta’ April 2005, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑110/03, Ġabra p. I‑2801, punt 78); tat-13 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑176/03, Ġabra p. I‑7879, punt 45); tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑94/03, Ġabra p. I‑1, punt 34), u tal-10 ta’ Frar 2009, L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, (C‑301/06, Ġabra p. I‑593, punt 60).
9 – Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1993, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑155/91, Ġabra p. I‑939, punti 19 u 21); tat-23 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑42/97, Ġabra 1999 p. I‑869, punt 38); tat-30 ta’ Jannar 2001, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑36/98, Ġabra 2001 p. I‑779, punt 59); tad-19 ta’ Settembru 2002, Huber (C‑336/00, Ġabra 2002 p. I‑7699, punt 31); tal-11 ta’ Settembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑211/01, Ġabra 2003 p. I‑8913, punt 39); tad-29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑338/01, Ġabra 2004 p. I‑4829, punt 55); tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42). Ara wkoll l-opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001 (Ġabra p. I‑9713, punt 23).
10 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 13 u 17); tat-23 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 38 u 43); tad-19 ta’ Settembru 2002, Huber, iċċitata iktar ’il fuq (punt 31); tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑281/01, Ġabra p. I‑12049, punt 35); tal-11 ta’ Settembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40); tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq (punt 94); tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 34 sa 36); tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 41 sa 43); tal-20 ta’ Mejju 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑91/05, Ġabra p. I‑3651, punt 75); tas-6 ta’ Novembru 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36). Ara wkoll l-opinjoni 2/00 tas-6 ta’ Diċembru 2001, iċċitata iktar ’il fuq (punt 23).
11 – F’dan il-każ, hija l-bażi legali Komunitarja li għandha tipprevali: ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 76 u 77).
12 – Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 52) u tas-6 ta’ Novembru 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
13 – Ara s-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1981, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (804/79, Ġabra 1981 p. 1045). Ara wkoll, Y. Gautier, “La compétence communautaire exclusive”, Mélanges en l’honneur à Guy Isaac: 50 ans de droit communautaire, Volum 1, Presses universitaires de Toulouse, 2004, p. 165.
14 – B’mod partikolari, peress li l-armonizzazzjoni li saret fuq livell Komunitarju ma tkoprix il-qasam kollu kkonċernat, l-Istati Membri jibqgħu, f’dan ir-rigward, kompetenti u liberi li jaġixxu. Minn dan jirriżulta li jekk ikun maħsub li jintlaħaq ftehim f’dan ir-rigward, dan jaqa’ fil-kompetenza kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri (ara l-opinjoni 2/00 iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 sa 47).
15 – Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq u tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.
16 – Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 52) u tas-6 ta’ Novembru 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 – Ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
18 – Biex nuża l-istess kliem tal-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
19 – Anki jekk mhijiex bla ebda limitu: ara l-opinjoni 1/94 tal-15 ta’ Novembru 1994 (Ġabra p. I‑5267).
20 – Ara l-opinjoni 1/78 tal-4 ta’ Ottubru 1979 (Ġabra p. 2871, punt 45); sentenza tas-26 ta’ Marzu 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 19).
21 – Ara s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 17 sa 21.
22 – Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1995, Werner (C‑70/94, Ġabra p. I‑3189, punt 10); tas-17 ta’ Ottubru 1995, Leifer et (C‑83/94, Ġabra p. I‑3231, punt 10); tal-14 ta’ Jannar 1997, Centro‑Com (C‑124/95, Ġabra p. I‑81, punt 26).
23 – Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 1990, Il‑Greċja vs Il‑Kunsill (C‑62/88, Ġabra p. I‑1527, punti 18 sa 20); tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 39 sa 43).
24 – Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 1990, Il‑Greċja vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 20), u tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22).
25 – F’dan is-sens, ara l-opinjoni 2/00 tas-6 ta’ Diċembru 2001, iċċitata iktar ’il fuq.
26 – Opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33); sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44).
27 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑2/90, Ġabra p. I‑4431, punti 22 sa 28).
28 – Ara f’dan l-istess sens, fir-rigward tal-protokoll ta’ Kartaġena li kien implementa proċeduri ta’ kontroll li japplikaw għall-movimenti transkonfinali tal-organiżmi ħajjin modifikati, l-opinjoni 2/00, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 sa 40.
29 – Ara, mutatis mutandis, għall-istess analiżi intiża li tapplika l-Artikolu 130 S KEE bħala bażi legali flok l-Artikolu 100 A KEE, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1994, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑187/93, Ġabra p. I‑2857, punt 26).
30 – Ara l-opinjoni 2/00, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40.
31 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq (punt 96).
32 – Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.
33 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.
34 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.
35 – Sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44).
36 – Ara l-opinjoni 2/00, iċċitata iktar ’il fuq.
37 – L-Avukat Ġenerali Kokott kien ikkonkluda, f’dawn iż-żewġ kawżi, favur l-użu tal-Artikolu 175 KE biss bħala bażi legali.
38 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 44 u 45).
39 – Ara b’mod partikolari f’dan is-sens, l-opinjoni 2/00, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25.
40 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 176.
41 – Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1994, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.
42 – Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE, tal-1 ta’ Frar 1993, dwar it-tmiem, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 18, p. 301 (b’test tal-Konvenzjoni ta’ Basel anness).
43 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus (C‑9/00, Ġabra p. I‑3533, punti 36 u 45 sa 51).
44 – Ara pereżempju, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1988, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (68/86, Ġabra p. 855, punt 24), u s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1996, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑271/94, Ġabra p. I‑1689, punt 24). Ara wkoll il-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑133/06, Ġabra, p. I‑3189).
45 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 1994, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq; tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 50); tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 55); tal-20 ta’ Mejju 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 106) u tas-6 ta’ Novembru 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34).
46 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 46, p. 65.
47 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.
48 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.
49 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 73 u 74).
Full & Egal Universal Law Academy