KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fis-17 ta’ Jannar 20081(1)
Kawża C‑456/06
Peek & Cloppenburg KG
vs
Cassina S.p.A.
“Drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati – Għamara mixtrija legalment fi Stat Membru – Tqegħid għad-dispożizzjoni għal użu temporanju jew espożizzjoni lill-pubbliku fi Stat Membru ieħor – ‘Distribuzzjoni lill-pubbliku’”
1. F’dan ir-rinviju mill-Bundesgerichtshof (Qorti Federali tal-Ġustizzja), il-Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tipprovdi gwida dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29/KE tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċertu aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (id-“Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur” jew id-“Direttiva”) (2).
2. Dan il-każ jikkonċerna biċċiet ta’ għamara li, fiż-żmien rilevanti, ma kinux protetti bid-drittijiet ta’ l-awtur fl-Istat Membru fejn kienu ġew immanifatturati u fejn kienu nxtraw minn Peek & Cloppenburg KG (“Peek & Cloppenburg”) imma kienu hekk protetti fl-Istat Membru li fih dik il-parti qegħdithom għad-dispożizzjoni għal użu temporanju fiż-żoni pubbliċi ta’ mistrieħ ta’ wieħed mill-ħwienet tagħha u esponiethom fil-vetrina ta’ ħanut ieħor. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistoqsija jekk tali użu ta’ l-għamara jikkostitwixxix “distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor” skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur. Jekk dan ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistoqsija jekk l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt ta’ distribuzzjoni fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti huwiex kompatibbli ma’ l-Artikolu 28 KE.
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur
3. Id-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur, kif jindika l-istess titolu tagħha, għandha l-għan li tarmonizza ċerti aspetti tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati (3), inkluż id-dritt li tiġi awtorizzata d-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet protetti minn tali drittijiet, jew riproduzzjonijiet ta’ tali xogħlijiet, lill-pubbliku.
4. Il-preamolu tad-Direttiva jinkludi l-premessi li ġejjin:
“(3) L-armonizzazzjoni proposta tgħin biex timplimenta l-erba’ libertajiet tas-suq intern u għandha x’taqsam mall-konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi u speċjalment tal-proprjetà, inkluża proprjetà intellettwali, u libertà ta’ espressjoni u l-interess pubbliku.
(4) Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, inkluż infrastruttura ta’ network, u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea, sew fil-qasam li jipprovdi kontenut u teknoloġija ta’ l-informazzjoni u aktar ġenerali matul il-firxa tas-setturi industrijali u kulturali. Din tissalvagwardja l-impiegi u tinkuraġġixxi ħolqien ta’ impiegi ġodda.
[…]
(9) Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.
(10) Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedja, u servizzi bħal servizzi “fuq talba”, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.
(11) Sistema rigoruż[a] effettiv[a] għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati hija waħda mill-metodi li tiżgura li l-kreattività u produzzjoni kulturali Ewropea jirċievu r-riżorsi meħtieġa u li jissalvagwardjaw l-indipendenza u d-dinjità ta’ oriġinaturi u artisti kreattivi.
[…]
(15) Il-Konferenza Diplomatika mlaqqa’ taħt l-awspiċi ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija ta’ Proprjetà Intellettwali (WIPO) f’Diċembru 1996 wasslet għall-adozzjoni ta’ żewġ Trattati ġodda, it-“Trattat dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur WIPO” u t-’Trattat dwar l-Artisti u l-Fonogrammi WIPO, li jittrattaw rispettivament il-protezzjoni ta’ l-awturi u l-protezzjoni ta’ l-artisti u produtturi ta’ fonogrammi. Dawn it-Trattati jaġġornaw il-protezzjoni internazzjonali għad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati b’mod sinifikanti, mhux l-anqas rigward l-hekk imsejħa “aġenda diġitali” u jtejbu l-mezzi biex jiġġieldu l-piraterija madwar id-dinja. Il-Komunità u l-maġġoranza ta’ l-Istati Membri diġà ffirmaw it-Trattati u għaddej il-proċess biex jagħmlu arranġamenti għar-ratifika tat-Trattati mill-Komunità u l-Istati Membri. Din id-Direttiva sservi wkoll biex timplimenta għadd ta’ obbligi internazzjonali ġodda.
[…]
(21) Din id-Direttiva għandha tiddefinixxi l-iskop ta’ l-atti regolati mid-dritt ta’ riproduzzjoni rigward il-benefiċjarji differenti. Dan għandu jsir b’konformità ma’ l-acquis communautaire. Tifsira wiesgħa ta’ dawn l-atti hija meħtieġa biex tisgura ċertezza legali ġewwa s-suq intern.
[…]
(23) Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.
[…]
(28) Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva tinkludi d-dritt esklużiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett fil-Komunità. Dan id-dritt m’għandux jiġi eżawrit rigward l-oriġinal jew il-kopji tiegħu mibjugħa mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu barra mill-Komunità. Drittijiet għall-awturi rigward kiri u self ġew stabbiliti fid-Direttiva 92/100/KEE. Id-dritt ta’ distribuzzjoni li hemm provdut dwaru f’din id-Direttiva huwa mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet relatati mad-drittijiet ta’ kiri u self li hemm fil-Kapitolu I ta’ dik id-Direttiva.
[…]
(60) Il-protezzjoni li hemm provdut dwarha skond din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet legali nazzjonali jew tal-Komunità f’dawn l-oqsma, bħal proprjetà industrijali, aċċess kondizzjonat, aċċess għal dokumenti pubbliċi, u r-regola ta’ kronoloġija ta’ l-isfruttar tal-media, li jistgħu jaffettwaw il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati.”
5. L-Artikolu 4 jipprovdi kif ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.
2. Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.”
6. L-Artikolu 9 jipprovdi li d-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar, inter alia, drittijiet ta’ disinji. Storikament, f’ċerti Stati Membri, tali drittijiet kienu inklużi fl-ambitu tad-drittijiet ta’ l-awtur, filwaqt li f’oħrajn, kienu protetti minn leġislazzjoni nazzjonali speċifika u f’oħrajn ma kellhom l-ebda protezzjoni (4).
Konvenzjonijiet internazzjonali
7. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur huwa simili għall-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur tal-WIPO (5) (il-“WCT”) (6). Skond ġurisprudenza stabbilita d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju sekondarju għandhom, kemm jista’ jkun, jiġu interpretati b’mod li jkunu konsistenti ma’ ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità (7).
8. Il-WCT daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Diċembru 2001. Il-Komunità, għalkemm hija firmatarja, għadha ma rratifikatx il-WCT (8). Dak it-trattat madankollu huwa ta’ importanza fl-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur peress illi l-premessa 15 fil-preambolu tad-Direttiva tgħid li d-Direttiva “sservi wkoll biex timplimenta għadd ta’ obbligi internazzjonali ġodda” li jirriżultaw mill-WCT.
9. L-Artikolu 6 tal-WCT, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni”, jaqra kif ġej:
“(1) Awturi ta’ xogħlijiet litterarji u artistiċi għandhom igawdu mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ l-oriġinali u riproduzzjonijiet tax-xogħolijiet tagħhom permezz ta’ bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ proprjetà.
(2) Xejn f’dan it-Trattat m’għandu jaffettwa l-libertà tal-Partijiet Kontraenti li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet, jekk applikabbli, li taħthom l-eżawriment tad-dritt fil-paragrafu (1) jiġi applikat wara l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ proprjetà ta’ l-oriġinali jew ta’ kopja tax-xogħol bl-awtorizzazzjoni ta’ l-awtur”.
Il-leġislazzjoni nazzjonali
10. L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur ġie implementat fil-Ġermanja bis-saħħa tal-Paragrafi 15 u 17 ta’ l-Urheberrechtsgesetz Ġermaniża (liġi dwar id-drittijiet ta’ l-awtur, l-“UrhG”) (9).
11. Il-Paragrafu 15(1) jipprovdi li d-dritt esklużiv ta’ l-awtur jinkludi d-dritt ta’ distribuzzjoni kif definit fil-Paragrafu 17.
12. Il-Paragrafu 17(1) jiddefinixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni bħala “id-dritt li toffri lill-pubbliku jew li tpoġġi fiċ-ċirkulazzjoni x-xogħol oriġinali jew riproduzzjonijiet tiegħu.”
Il-kuntest tal-proċeduri prinċipali
13. Għajr fejn indikat mod ieħor, is-segwenti verżjoni tal-fatti hija meħuda mid-digriet tar-rinviju.
14. Cassina SpA (“Cassina”), kumpannija stabbilita fl-Italja, timmanifattura għamara, inkluż biċċiet iddisinjati minn Charles Edouard Jeanneret (Le Corbusier). Id-digriet tar-rinviju huwa bbażat fuq l-assunzjoni (10) li, fir-rigward tal-liġi Ġermaniża dwar id-drittijiet ta’ l-awtur (11), Cassina għandha d-dritt esklużiv li timmanifattura u tbiegħ għamara ddisinjata minn Le Corbusier bis-saħħa ta’ ftehim dwar liċenzjar bejnha u bejn il-possessur tad-drittijiet ta’ l-awtur fuq tali għamara u li dak id-dritt jikkorrispondi mad-dritt ta’ distribuzzjoni mogħti mill-Paragrafu 17 ta’ l-UrhG.
15. Peek & Cloppenburg, limited partnership stabbilita fil-Ġermanja, tbiegħ ħwejjeġ fi stabbilimenti madwar il-Ġermanja. Fil-ħanut tagħha fi Frankfurt-am-Main din ħejjiet żoni pubbliċi ta’ mistrieħ għall-klijenti li huma mgħammra b’pultruni, sufanijiet u sistema ta’ mwejjed iddisinjati minn Le Corbusier. Hija poġġiet ukoll pultruna f’vetrina ta’ wieħed mill-istabbilimenti tagħha f’Düsseldorf għal skopijiet dekorattivi.
16. Peek & Cloppenburg akkwistat dawk l-oġġetti mingħand impriża Taljana, “Dimensione”, li kienet immanifatturathom. Skond Cassina, sabiex xogħol ikun protett mil-liġi Taljana dwar id-drittijiet ta’ l-awtur, il-valur artistiku tiegħu kellu, sa reċentement, ikun kapaċi li jiġi distint min-natura kummerċjali tiegħu. Bħala riżultat, disinji industrijali, bħal għamara ddisinjata minn Le Corbusier, ma kinux protetti mid-drittijiet ta’ l-awtur. Il-liġi tbiddlet fl-2001 sabiex timplementa d-Direttiva 98/71 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (12), sabiex tinkludi xogħlijiet ta’ disinn industrijali li għandhom natura artistika u kreattiva. Dispożizzjoni tranżitorja eskludiet għal perijodu ta’ 10 snin il-possibbiltà li wieħed jasserixxi d-dritt il-ġdid kontra persuna li, qabel l-emenda, kienet legalment immanifatturat jew iddistribwixxiet xogħol kopert mid-drittijiet (13).
17. Cassina ressqet proċeduri kontra Peek & Cloppenburg quddiem il- Landgericht (Qorti Reġjonali) sabiex tikseb kumpens għad-danni, inġunzjoni u informazzjoni dwar l-oriġini tal-biċċiet ta’ l-għamara. Il-Landgericht laqgħet it-talbiet ta’ Cassina. L-appell ta’ Peek & Cloppenburg fuq punt ta’ liġi jinsab bħalissa quddiem il-Bundesgerichtshof.
18. Il-Qorti tinnota li (fuq il-bażi li l-fatti huma kif tassumi li huma) d-deċiżjoni fit-tilwima tiddependi fuq jekk, billi installat l-għamara fiż-żoni ta’ bejgħ tagħha aċċessibbli għall-pubbliku u fil-vetrini taż-żoni ta’ bejgħ tagħha fil-Ġermanja, Peek & Cloppenburg interferietx mad-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ Cassina. Il-Paragrafu 17(1) ta’ l-UrhG għandu jiġi interpretat b’mod konsistenti mad-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur. Għalhekk id-domanda hija jekk tali atti jammontawx għal “distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor” skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Direttiva. Jekk dik id-domanda tiġi mwieġba fl-affermattiv, titnissel domanda oħra jekk l-Artikoli 28 u 30 KE jillimitawx l-eżerċizzju tad-dritt ta’ distribuzzjoni jekk kemm-il darba dan jista’ jwassal għal taqsim tas-swieq nazzjonali. Taqsim tas-swieq nazzjonali ta’ Stati Membri jista’ jirriżulta minn sitwazzjoni li fiha prodotti artistiċi jew ta’ artiġjanat bi skop funzjonali jistgħu jiġu offruti protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur fil-Ġermanja anke jekk dawn jistgħu jkunu mmanifatturati legalment fl-Italja.
Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
19. F’dan il-kuntest, il-Bundesgerichtshof għamlet is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1.(a) Jista’ jiġi kkunsidrat bħala forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, għajr milli bil-bejgħ, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur], il-fatt li terzi persuni jkunu jistgħu jagħmlu użu minn riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet ta’ l-awtur mingħajr ma t-trasferiment tad-dritt ta’ użu jimplika trasferiment tas-setgħa li wieħed jiddisponi effettivament minn dawk ir-riproduzzjonijiet?
(b) Ikun hemm ukoll distribuzzjoni skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur] fil-każ fejn riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet ta’ l-awtur jintwerew fil-pubbliku, mingħajr mhija mogħtija lil terzi l-possibbiltà li dawn ir-riproduzzjonijiet jiġu użati?
2. Jekk ir-risposti jkunu fl-affermattiv:
Il-protezzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija tista’ tostakola, fil-każijiet imsemmija hawn fuq, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ distribuzzjoni meta r-riproduzzjonijiet ippreżentati ma jgawdu minn ebda protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur fl-Istat Membru li fih huma mmanifatturati u mqegħda fis-suq?”
20. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Cassina, Peek & Cloppenburg, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni, li kollha, ħlief għall-Gvern Pollakk, kienu rappreżentati fis-seduta.
Evalwazzjoni
Domanda 1(a)
21. Permezz ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk hemmx distribuzzjoni lill-pubbliku skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur meta biċċiet ta’ għamara protetti mid-drittijiet ta’ l-awtur(14) huma mqegħda għad-dispożizzjoni għal użu temporanju minn terzi mingħajr ma dawn m’għandhom id-dritt li jiddisponu minnhom.
22. Dik id-domanda tirreferi għal għamara li hija mqegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fiż-żoni ta’ mistrieħ ta’ ħanut kbir iżda li mhijiex disponibbli għall-bejgħ.
23. Cassina u l-Gvern Pollakk iqisu li l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tiġi mwieġba fl-affermattiv. Peek & Cloppenburg u l-Kummissjoni huma tal-parir oppost.
24. Cassina u l-Gvern Pollakk jagħmlu, b’mod differenti, il-punti li ġejjin.
25. L-ewwel, l-Artikolu 4(1) (“kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor” (15)) huwa fformulat b’mod wiesa’. Interpretazzjoni wiesgħa hija barra minn hekk stipulata mill-għanijiet tad-Direttiva. Il-premessi fil-preambolu tagħha juru li din hija intiża sabiex tagħti protezzjoni estensiva lid-detenturi tad-drittijiet (16), tiżgura li dawn ikunu adegwatament ikkumpensati(17) u sabiex tippromwovi ċ-ċertezza legali (18),
26. It-tieni, tali interpretazzjoni tkun konsistenti mal-kunċett wiesa’ ta’ dritt ta’ distribuzzjoni użat fi strumenti oħrajn dwar id-drittijiet ta’ l-awtur qabel id-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur, bħad-direttivi dwar id-drittijiet ta’ kiri u self (19), dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (20) u dwar il-protezzjoni legali ta’ bażijiet tad-data (21).
27. It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja f’numru ta’ kawżi tat interpretazzjoni wiesgħa lil “’distribuzzjoni” (22).
28. Fl-aħħar nett, definizzjoni dejqa tkun f’kunflitt mar-Regolament tal-Kunsill 1383/2003 (23), li jikkonċerna l-obbligi ta’ l-awtoritajiet tad-dwana f’dak li jikkonċerna merkanzija ffalsifikata. Għalkemm dak ir-regolament japplika għall-prodotti li jkunu ġejjin minn barra l-UE, dan ikun qed jiġi mxejjen jekk, permezz ta’ interpretazzjoni dejqa ta’ “distribuzzjoni”, merkanzija kkupjata (definita bħala kopji magħmula mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet) minn pajjiżi terzi ma tkunx tista’ titqiegħed f’ċirkolazzjoni libera jew esportata mill-ġdid filwaqt li merkanzija kkupjata minn Stati Membri oħra tkun tista’ tiġi importata mingħajr l-ebda sanzjoni.
29. Jiena m’inhix konvint b’dawn l-argumenti.
30. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat f’SGAE, id-dritt Komunitarju għandu, kemm jista’ jkun, jiġi interpretat b’mod li jkun konsistenti mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta d-dispożizzjonijiet tiegħu huma speċifikament intiżi sabiex jimplimentaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità (24). Kif jidher ċar mill-premessa 15 tal-preambolu tagħha, id-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur hija intiża sabiex timplimenta numru ta’ obbligi internazzjonali li jirriżultaw mill-WCT. L-Artikolu 6(1) ta’ dak it-Trattat jirreferi għad-dritt ta’ distribuzzjoni li huwa jimponi bħala d-dritt li jiġi awtorizzat it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ l-oriġinali u l-kopji ta’ xogħol protett “permezz ta’ bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ proprjetà”. Jiena naqbel ma’ Peek & Cloppenburg u l-Kummissjoni li dak il-kliem huwa inekwivoku u bla dubju ta’ xejn ma jinkludix it-tqegħid għad-dispożizzjoni għal użu temporanju.
31. Dik l-interpretazzjoni, kif tissottometti l-Kummissjoni, hija kkorobborata mill-iskema tad-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur, u b’mod partikolari mill-Artikolu 4 moqri fl-intier tiegħu. L-Artikolu 4(2) essenzjalment jiddefinixxi l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni, u jagħmel dan f’termini ta’ “l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien [proprjetà]”. Jista’ jiġi mistenni li l-għan ta’ l-eżawriment għandu jkun definit f’termini ta’ atti li ġenerikament ikunu jixbhu lil dawk li jikkostitwixxu distribuzzjoni. Dak l-approċċ huwa suġġerit b’aktar saħħa mill-kliem tal-premessa 28 fil-preambolu tad-Direttiva.
32. Jiena m’inix konvint li xi forma ta’ assistenza tista’ tinkiseb mid-direttivi l-oħrajn imsemmija minn Cassina. Huwa minnu li d-direttivi dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter u dwar il-protezzjoni legali ta’ bażijiet tad-data t-tnejn jirreferu għal “kull xorta ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku” (25) meta jiddefinixxu d-dritt esklużiv tad-detentur tad-drittijiet. Madankollu, peress li “distribuzzjoni lill-pubbliku” mhijiex definita, dan l-argument jidhirli li huwa ċirku vizzjuż. Bl-istess mod, id-direttiva dwar il-kiri u s-self tirreferi sempliċement għad-“dritt esklużiv li jagħmlu dawn l-oġġetti [definiti] disponibbli, inklużi kopji tagħhom, lill-pubbliku bil-bejgħ jew mod ieħor” (26). Dan ma jtejjibx wisq il-pożizzjoni lanqas.
33. Naturalment id-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur tipprova tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali (27). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, wieħed ikun qed jissemplifika żżejjed jekk jassumi li kull ambigwità fil-portata tad-definizzjoni ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku” għandha awtomatikament tiġi deċiża favur id-detentur tad-drittijiet. Dan huwa aktar u aktar hekk meta, bħal fil-kawża preżenti, tali kostruzzjoni tkun tmur kontra kemm it-termini espressi tal-WCT, li (kif indikajt) huma rilevanti fl-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur, kif ukoll il-moviment liberu tal-merkanzija. Wieħed għandu jiftakar li d-Direttiva tipprova wkoll timplimenta l-erba’ libertajiet tas-suq intern (28).
34. Għalkemm il-qorti nazzjonali rrinvijat domanda speċifika dwar ir-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, din id-domanda ssir biss fuq l-assunzjoni li l-ewwel domandi jiġu mwieġba fl-affermattiv. Jiena nqis, madankollu, li dawk ir-regoli jistgħu jkunu rilevanti fi stadju aktar bikri fl-analiżi, jiġifieri meta jiġi determinat jekk l-ewwel domandi għandhomx jiġu mwieġba hekk. Kif tirrileva l-Kummissjoni, l-Artikoli 28 u 30 KE ser ikunu rilevanti biex wieħed jasal għall-interpretazzjoni korretta ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur f’każijiet – bħal dak preżenti – li jikkonċernaw riproduzzjoni ta’ xogħol protett mid-drittijiet ta’ l-awtur fi Stat Membru wieħed u mhux l-ieħor, fejn il-kapaċità ta’ l-awtur li jipprevjeni l-użu ta’ dik ir-riproduzzjoni tista’ taffettwa l-kummerċ intra-komunitarju. F’dak il-kuntest ninnota li, qabel id-Direttiva 98/71 (29), il-protezzjoni legali tad-disinji ma kinitx armonizzata (30), u li r-rinviju fil-kawża preżenti huwa bbażat fuq il-premessa li l-biċċiet ta’ l-għamara ma kinux protetti la bid-drittijiet ta’ l-awtur u lanqas bħala disinji meta nxtraw minn Peek & Cloppenburg.
35. L-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva b’tali mod li “distribuzzjoni lill-pubbliku” tinkludi t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ oġġetti protetti għal użu temporanju, sabiex id-detentur tad-drittijiet ikun jista’ jwaqqaf tali użu, tkun tista’ tirrestrinġi l-moviment liberu tal-merkanzija. L-Artikolu 30 KE jistipula li tali restrizzjoni tista’ tiġi ġustifikata fuq il-bażi ta’, inter alia, il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali. Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li deroga fuq dik il-bażi hija permessa biss sakemm tkun ġustifikata mill-fatt illi tħares id-drittijiet li jikkostitwixxu s-suġġett proprju ta’ tali proprjetà (31).
36. Interpretazzjoni wiesgħa ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, bħal dik suġġerita minn Cassina u l-Gvern Pollakk, għalhekk tkun skond l-Artikolu 30 KE biss jekk l-eżerċizzju tad-dritt ta’ distribuzzjoni mogħti mill-Artikolu 4(1) hekk interpretat ħares is-suġġett proprju tad-drittijiet ta’ l-awtur. Kif tissottometti l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-evalwazzjoni tal-legalità ta’ derogi mill-moviment liberu tal-merkanzija bbażati fuq il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur, iffukat fuq jekk att allegatament illeċitu huwiex ta’ natura kummerċjali, li jiġġenera qliegħ li minnu huwa mċaħħad id-detentur tad-drittijiet. L-att allegatament illeċitu f’każijiet bħal dan preżenti huwa, b’kuntrast, ta’ natura manifestament differenti ħafna. Għalija m’huwa xejn ovvju li l-fatt li detentur tad-drittijiet jiġi permess f’ċirkustanzi bħal dawn iwaqqaf persuna li legalment xrat il-merkanzija protetta fi Stat Membru ieħor milli tqegħdhom għad-dispożizzjoni għal użu temporanju mill-pubbliku jħares id-drittijiet li jikkostitwixxu s-suġġett proprju tad-drittijiet ta’ l-awtur.
37. Lanqas ma naċċetta l-argument aktar ġenerali ta’ Cassina li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett tad-dritt ta’ distribuzzjoni b’mod wiesa’ f’numru ta’ kawżi dwar id-drittijiet ta’ l-awtur, dan għandu jkun interpretat b’dan il-mod fil-kuntest ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva. Mit-tliet kawżi ċċitati minn Cassina favur dan l-argument (32), Warner Brothers u Metronome Musik kienu jikkonċernaw il-kompatibbiltà ma’ l-Artikolu 30 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja(33) rispettivament li tat (inter alios) lill-awtur jew lill-produttur ta’ xogħol mużikali jew ċinematografiku d-dritt esklużiv li jawtorizza l-kiri ta’ reġistrazzjonijiet ta’ tali xogħol. B’mod partikolari, il-kwistjoni kienet, essenzjalment, dwar jekk tali dritt kienx imur kontra l-prinċipju ġenerali li d-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ detentur tad-drittijiet huwa eżawrit ma’ l-ewwel bejgħ. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, minħabba n-natura partikolari tas-swieq rilevanti, dan ma kienx. Jiena ma narax kif l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża tgħin fid-definizzjoni ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku” f’kuntest totalment differenti. Foreningen af danske Videogramdistributører kienet tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk dak id-dritt esklużiv ta’ kiri kienx eżawrit madwar il-Komunità meta d-detenur awtorizza l-kiri fi Stat Membru wieħed. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, minħabba n-natura partikolari tad-dritt esklużiv ta’ kiri, dan ma kienx. Għal darb’oħra, jiena ma narax kif dik is-sentenza tgħin lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti.
38. Cassina tissottometti li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tinterpreta d-dritt ta’ distribuzzjoni mogħti mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur b’mod iktar strett minn kif interpretat id-dritt ta’ distribuzzjoni in kwistjoni f’dawk il-kawżi, li kienu jikkonċernaw il-proprjetà intellettwali ta’ beni intanġibbli bħall-mużika, ir-riżultat ikun li l-beni intanġibbli jkollhom protezzjoni akbar inġustifikata mill-beni tanġibbli. Madankollu, anke kieku dan kien il-każ, jiena ma nqisx li dan huwa argument tajjeb favur interpretazzjoni wiesgħa ta’ l-Artikolu 4(1). Xogħlijiet intanġibbli huma, min-natura tagħhom, suxxettibbli li jiġu distribwiti b’metodi differenti minn xogħlijiet tanġibbli. Huwa preċiżament għal dik ir-raġuni li l-ewwel il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha u mbagħad il-leġiżlatur Komunitarju fid-direttiva dwar id-dritt ta’ kiri u ta’ self ipprovdew għal protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur aktar estensiva fir-rigward ta’ beni intanġibbli.
39. Fl-aħħar nett, għandi problema biex nifhem l-argument ta’ Cassina bbażat fuq ir-Regolament 1383/2003 (34), Kif tgħid Cassina, dan japplika biss għal merkanzija introdotta fit-territorju doganali tal-Komunità minn pajjiżi terzi. Apparti minn hekk, il-każ preżenti huwa bbażat fuq il-premessa li l-biċċiet ta’ l-għamara in kwistjoni ma kinux ikkupjati iżda kienu mmanifatturati legalment u akkwistati fl-Italja.
40. Għaldaqstant jiena nikkonkludi bħala risposta għad-domanda 1(a) li mhemmx distribuzzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur fejn biċċiet ta’ għamara protetti mid-drittijiet ta’ l-awtur huma mqegħda għad-dispożizzjoni għal użu temporanju minn terzi mingħajr ma dawn it-terzi jkollhom id-dritt illi jiddisponu minnhom.
Domanda 1(b)
41. Bit-tieni parti ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hemmx distribuzzjoni lill-pubbliku skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur fejn biċċiet ta’ għamara protetti mid-drittijiet ta’ l-awtur(35) huma esposti fil-vetrina ta’ ħanut mingħajr ma l-pubbliku jkun jista’ jużahom jew jakkwistahom.
42. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal dik id-domanda ssegwi a fortiori mir-risposta li pproponejt għall-ewwel parti ta’ l-ewwel domanda, għar-raġunijiet mogħtija iktar’il fuq.
43. Għaldaqstant jiena tal-fehma li mhemmx distribuzzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur fejn biċċiet ta’ għamara protetti mid-drittijiet ta’ l-awtur huma esposti fil-vetrina ta’ ħanut mingħajr ma l-pubbliku jkun jista’ jużahom jew jakkwistahom.
Domanda 2
44. It-tieni domanda prinċipali tal-qorti nazzjonali ssir biss fl-eventwalità li l-ewwel domandi huma mwieġba fl-affermattiv, jiġifieri fis-sens illi hemm distribuzzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ l- Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur fejn biċċiet ta’ għamara protetti mid-drittijiet ta’ l-awtur huma mqegħda għad-dispożizzjoni għal użu temporanju minn terzi mingħajr ma dawn ma jistgħu jiddisponu minnhom jew huma esposti fil-vetrina ta’ ħanut mingħajr ma l-pubbliku jkun jista’ jużahom jew jakkwistahom. F’dak il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-protezzjoni mogħtija lill-moviment liberu tal-merkanzija tipprekludi l-eżerċizzju tad-dritt li tiġi pprojbita d-distribuzzjoni jekk l-oġġetti ppreżentati ma jgawdux mill-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur fl-Istat Membru li fih kienu mmanifatturati u mqegħda fis-suq.
45. Inqis li l-ebda waħda miż-żewġ partijiet ta’ l-ewwel domanda tal-qorti nazzjonali ma titlob risposta affermattiva; Għalhekk m’għandix l-intenzjoni li nipproponi risposta għat-tieni domanda. Sejjer, madankollu, ngħid ftit kelmiet dwarha.
46. Jidher mid-digriet tar-rinviju li l-qorti nazzjonali hija kkonċernata li, fil-każ bħal dak preżenti, li jikkonċerna xogħlijiet li huma suġġetti għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur fil-Ġermanja anke jekk ġew immanifatturati legalment fl-Italja mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet, l-eżerċizzju fil-Ġermanja tad-dritt li tiġi pprojbita d-distribuzzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jista’ jwassal għal taqsim tas-swieq nazzjonali. Kieku dan kien il-każ, l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt, prima facie kuntrarju għall-Artikolu 28 KE, ma jkunx jista’ jiġi ġustifikat fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 30 KE.
47. Cassina u l-Gvern Pollakk jissottomettu li t-tieni domanda għandha tiġi mwieġba fin-negattiv. Peek & Cloppenburg u l-Kummissjoni jgħidu bil-kontra.
48. Cassina tissottometti li d-dritt li tipprojbixxi fil-Ġermanja l-użu ta’ għamara akkwistata legalment fl-Italja mhuwiex tali li jostakola l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Anke kieku dan kien il-każ, dan ikun iġġustifikat bl-Artikolu 30 KE. Għandu jiġi ammess li, dik id-dispożizzjoni ma tistax tiġġustifika miżuri li jammontaw għal taqsim artifiċjali tas-swieq nazzjonali. Id-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jew industrijali ma jistax għalhekk jistrieħ fuqu sabiex jopponi għall-importazzjoni ta’ merkanzija legalment imqegħda fis-suq fi Stat Membru ieħor minn jew bil-kunsens ta’ dak id-detentur tad-dritt. Cassina tgħid li dan mhuwiex il-każ hawhekk, peress illi hija ma tatx il-kunsens tagħha sabiex l-għamara titqiegħed fis-suq fl-Italja.
49. Il-Gvern Pollakk jissottometti li l-portata tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur mhijiex armonizzata fil-livell Komunitarju. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni il-portata tal-protezzjoni hija kwistjoni tal-liġi nazzjonali.
50. L-ebda waħda minn dawk is-sottomissjonijiet mhija, fl-opinjoni tiegħi, partikolarment ta’ għajnuna. Ir-rinviju in ġenerali u t-tieni domanda b’partikolari huma bbażati fuq il-premessa li l-biċċiet ta’ l-għamara kienu legalment immanifatturati fl-Italja. Is-sottomissjonijiet ta’ Cassina għalhekk mhumiex rilevanti. Is-sottomissjoni tal-Gvern Pollakk fl-opinjoni tiegħi hija żbaljata: anke jekk il-portata tal-protezzjoni kienet kwistjoni tal-liġi nazzjonali, dik il-liġi naturalment tkun trid tkun konformi ma’ l-Artikoli 28 u 30 KE.
51. Il-Kummissjoni tissottometti li mhuwiex konċepibbli li d-dritt ta’ distribuzzjoni definit fl-Artikolu 4(1) għandu jiġi interpretat b’tali mod li l-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija jipprojbixxi l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt. Għalhekk hija tipproċedi fuq il-bażi li t-tieni domanda ssaqsi jekk l-Artikoli 28 u 30 KE jipprekludux interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali tali li atti bħal dawk in kwistjoni fil-kawża preżenti jikkostitwixxu distribuzzjoni protetta bid-drittijiet ta’ l-awtur.
52. Għal darb’oħra, madankollu, dan l-argument fl-opinjoni tiegħi huwa żbaljat. It-tieni domanda hija espliċitament impoġġija fuq il-bażi li l-atti in kwistjoni jikkostitwixxu distribuzzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1). Jekk dan huwa l-każ, il-liġi nazzjonali li timplimenta dik id-dispożizzjoni bilfors ikollha (peress li l-Artikolu 4 huwa tassattiv) l-istess effett. Għalhekk ma nifhimx x’distinzjoni l-Kummissjoni qed tipprova tagħmel.
53. Fid-dawl ta’ din l-analiżi, nikkunsidra li kemm l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva kif ukoll il-liġi nazzjonali li timplimentah għandhom jinżammu flimkien jew jitneħħew flimkien: jekk waħda minnhom tikser ir-regoli tat-Trattat fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, l-oħra għandha wkoll. Diġà spjegajt fil-kuntest ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel domanda għaliex, f’moħħi, l-Artikoli 28 u 30 KE jimponu interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku” fl-Artikolu 4(1) (36).
54. L-analiżi tat-tieni domanda rinvijata għaldaqstant tikkonferma, fl-opinjoni tiegħi, li r-risposta li nipproponi għall-ewwel domanda għandha tkun korretta. Kif inhu impliċitu fl-analiżi preċedenti tiegħi ta’ l-ewwel domanda, jiena nilqa’ in ġenerali s-sottomissjonijiet ta’ Peek & Cloppenburg (37) li interpretazzjoni wiesgħa wisq ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku” fl-Artikolu 4(1) ma tkunx kompatibbli mal-moviment liberu tal-merkanzija li jinstab fl-Artikolu 28 KE u ma tkunx iġġustifikata skond l-Artikolu 30 KE. Deroga tista’ tiġi permessa taħt l-Artikolu 30 KE biss jekk l-eżerċizzju tad-dritt ta’ distribuzzjoni in kwistjoni jissalvagwardja s-suġġett speċifiku tad-drittijiet ta’ l-awtur. Fil-każ preżenti, dik il-kundizzjoni mhijiex sodisfatta: l-atti in kwistjoni ma jimplikawx bejgħ jew bejgħ mill-ġdid jew tranżazzjoni simili iżda sempliċement jinvolvu (l-aktar) użu temporanju għall-iskop li għalih l-għamara hija maħsuba.
55. Fl-aħħar nett, nirrepeti li l-fatt li l-għamara l-ewwel tqegħdet fis-suq fil-Komunità mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet huwa irrilevanti fil-kuntest tal-każ preżenti. Hija ġurisprudenza kostanti li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, u fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji li jarmonizzaw il-liġijiet nazzjonali, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u r-regoli ddettaljati dwar il-protezzjoni ta’ proprjetà litterarja u artistika, bla ħsara għall-osservanza tal-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli (38). Kif diġà indikajt, qabel l-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/71(39) il-protezzjoni legali ta’ disinji ma kinitx armonizzata; u lanqas il-Konvenzjoni ta’ Berna ma kienet teħtieġ tali protezzjoni (40). Il-fatt illi, fiż-żmien rilevanti, il-protezzjoni legali ta’ disinji kienet differenti fil-Ġermanja u fl-Italja huwa sempliċement konsegwenza ta’ dik is-sitwazzjoni.
Konklużjoni
56. Għar-raġunijiet mogħtija iktar’il fuq, inqis li d-domandi rinvijati mill-Bundesgerichtshof għandhom jingħataw ir-risposta segwenti:
Mhemmx “distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor” fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29/KE tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċertu aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni fejn biċċiet ta’ għamara protetti mid-drittijiet ta’ l-awtur huma jew imqegħda għad-dispożizzjoni għal użu temporanju minn terzi mingħajr ma dawn it-terzi jkollhom id-dritt illi jiddisponu minnhom jew esposti fil-vetrina ta’ ħanut mingħajr ma l-pubbliku jkun jista’ jużahom jew jakkwistahom.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – ĠU 2001 L 167, p. 10.
3 – Fil-kuntest tad-dritt Komunitarju, id-drittijiet ta’ l-awtur (“droit d’auteur”) jinkludu d-drittijiet esklużivi mogħtija lill-awturi, kompożituri, artisti, eċċ filwaqt li drittijiet relatati (“droits voisins”) ikopru d-drittijiet analogi mogħtija lil min jagħmel xi parti ġeneralment artistika [performers] (mużiċisti, atturi, eċċ) u lill-imprendituri (pubblikaturi, produtturi tal-films, eċċ.).
4 – Fuq livell internazzjonali, il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Litterarji u Artistiċi tad-9 ta’ Settembru 1886 kienet tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti “jiddeterminaw il-portata ta’ l-applikazzjoni tal-liġijiet tagħhom għax-xogħlijiet ta’ arti applikata u disinni u mudelli industrijali, kif ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom tali xogħlijiet, disinni u mudelli għandhom ikunu protetti”: Artikolu 2(7). Fuq livell Komunitarju, id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/71/KE tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji, (ĠU 1998 L 289, p. 28), introduċiet armonizzazzjoni parzjali tad-drittijiet tad-disinni.
5 – Organizzazzjoni Dinjija ta’ Proprjetà Intellettwali.
6 – Adottat f’Ġinevra fl-20 ta’ Diċembru 1996.
7 – C-61/94, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, Ġabra 1996, p. I-3989, punt 52.
8 – Jidher li ratifika mill-Komunità għandha ssir biss meta, wara li jimplementaw id-Direttiva dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur, l-Istati Membri kollha jirratifikaw il-WCT. Il-Komunità u l-Istati Membri ta’ dak iż-żmien urew l-intenzjoni tagħhom fl-aħħar tal-Konferenza Diplomatika dwar ċerti kwistjonijiet tad-drittijiet ta’ l-awtur u ta’ drittijiet relatati, f’Ġinevra mit-2 sa l-20 ta’ Diċembru 1996, li jiddepożitaw l-istrumenti tar-ratifika simultanjament. Ara M. Ficsor, The Law of Copyright and the Internet (2002), p. 68, punt 2.41.
9 – Liġi tad-9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. I, p. 1273), kif l-aħħar emendata bil-liġi ta’ l-10 ta’ Novembru 2006 (BGBl. I, p. 2587).
10 – Li dan l-aħħar għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali.
11 – Skond Cassina, li ma ġietx ikkontestata minn Peek & Cloppenburg fuq dan il-punt, skond ġurisprudenza stabbilita fil-Ġermanja l-għamara ddisinjata minn Le Corbusier hija protetta bid-drittijiet ta’ l-awtur.
12 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.
13 – Wieħed għandu jinnota li Cassina tikkontesta l-kompatibbiltà tal-liġi Taljana mad-dritt Komunitajru (kif wkoll mal-Kostituzzjoni Taljana). Madankollu, il-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi tagħha fuq il-bażi li l-oġġetti ta’ għamara in kwistjoni fil-każ preżenti kienu legalment immanifatturati u akkwistati fl-Italja, u s-sintesi tal-liġi Taljana mogħtija minn Cassina tidher li tispjega kif dan sar.
14 – Fil-fehma tiegħi jkun aħjar li r-risposti għad-domandi rinvijati fil-kawżi preżenti jiddaħħlu fil-kuntest speċifiku tagħhom. Jekk jingħataw risposti iktar ġenerali, hemm ir-riskju li dawn jistgħu jiddeterminaw ir-riżultat ta’ tilwim li jqum f’ċirkustanzi differenti fejn fatturi oħrajn, mhux diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti, ikunu rilevanti. Jiena għalhekk irriformulajt id-domandi f’termini iktar stretti minn dawk użati mill-qorti tar-rinviju.
15 – Enfasi miżjuda.
16 – Ara l-premessi 9 u 11.
17 – Ara l-premessi 10 u 11.
18 – Premessi 21 u 23.
19 – Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE tad-19 ta’ Novembru 1992 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, (ĠU 1992 L 346, p. 61).
20 – Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE ta’ l-14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter, (ĠU 1991 L 122, p. 42).
21 – Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases [bażijiet tad-data], (ĠU 1996 L 77, p. 20).
22 – Kawżi tas-17 ta’ Mejju 1988, Warner Brothers (158/86, Ġabra p. I-1953) u tat-22 ta’ Settembru 1998, Foreningen af danske Videogramdistributører (C-61/97, Ġabra p. I-5171).
23 – Regolament tal-Kunsill 1383/2003/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanziji suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (ĠU 2003 L 196, p. 7)
24 – Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C-306/05, Ġabra p. I-11519), punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 52.
25 – Artikoli 4(ċ) u 5(ċ) rispettivament.
26 – Artikolu 9(1).
27 – Ara l-premessi 4, 9 u 11.
28 – Ara l-premessa 3.
29 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.
30 – Ara l-punt 6 u n-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna iktar ’il fuq.
31 – Ara, per eżempju, Foreningen af danske Videogramdistributører, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 13.
32 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22.
33 – Id-direttiva dwar dritt ta’ kiri u ta’ self, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.
34 – Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.
35 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.
36 – Ara l-punti 35 u 36 iktar ’il fuq.
37 – Alternattivament, fid-dawl tal-proposta tagħha ta’ risposta għall-ewwel domanda.
38 – Kawżi maqgħuda C-92/92 u C-326/92, Phil Collins, Ġabra 1993, p. I-5145, punt 19.
39 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.
40 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.
Full & Egal Universal Law Academy