KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-3 ta’ April 20081(1)
Kawża C‑458/06
Skatteverket
vs
Gourmet Classic Ltd
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Regeringsrätten (l-Iżvezja)]
“Direttiva 92/83/KEE– Dazju tas-sisa – Alkoħol – Inbid tat-tisjir –Artikolu 234 KE – Nuqqas ta’ kontroversja – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”
1. Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-Regeringsrätten (l-Iżvezja) tixtieq tkun taf jekk l-alkoħol li jinsab fil-kompożizzjoni tal-inbid tat-tisjir għandux jitqies bħala alkoħol etiliku fis-sens tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83/KEE(2).
2. Il-partikolarità ta’ din il-kawża tinsab fil-fatt li, fil-proċedura fil-kawża prinċipali, il-partijiet kollha qablu dwar il-fatt li l-alkoħol li jinsab fl-inbid tat-tisjir għandu jitqies bħala alkoħol etiliku fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni.
3. L-imsemmija kawża għalhekk tqajjem il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ kontroversja u, minħabba f’dan il-fatt, dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar id-domanda preliminari.
4. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet għalfejn fil-fehma tiegħi l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar din id-domanda preliminari.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
5. Id-Direttiva 92/83 għandha l-għan li tarmonizza l-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku u, b’mod partikolari, li tistabbilixxi definizzjonijiet komuni għall-prodotti kollha inkwistjoni, fuq il-bażi ta’ dawk stipulati fin-nomenklatura magħquda fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ dik id-Direttiva(3).
6. L-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 jiddefinixxi l-alkoħol etiliku bħala:
“– il-prodotti kollha b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l- 1.2 % volum u li jaqgħu taħt il-[pożizzjonijiet] NM 2207 u 2208[(4)], anki fejn dawn il-prodotti jifformaw parti ta’ prodott li jaqa' taħt Kapitolu ieħor tan-NM,
– prodotti [tal-pożizzjonijiet] NM 2204, 2205 u 2206 li għandhom qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l-22 % vol. [(5)],
– spirti li jinxtorbu li jkollhom prodotti, kemm jekk f’taħlita likwida jew le […].”
7. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti li jkun fihom l-alkoħol etiliku mis-sisa armonizzata, meta dawn il-prodotti jintużaw “direttament jew bħala kostitwent ta’ prodott ippreparat għall-aħħar stadju ta’ manifattura ta’ l-ikel, mimli jew le, iżda f’kull każ il-kontenut alkoħoliku ma jeċċedix it-8,5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott għaċ-ċikkulata, u 5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott għal prodotti oħra”.
B – Il-liġi nazzjonali
8. Il-liġi Żvediża dwar id-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol (lagen om alkoholskatt)(6), li tittrasponi fis-sistema legali interna d-Direttiva 92/83, tipprovdi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha li d-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol huma dovuti fuq birer, inbejjed u xorb ieħor iffermentat, prodotti intermedjarji kif ukoll fuq l-alkoħol etiliku.
9. Skont l-Artikolu 3 tal-LAS, l-inbid li jaqa’ taħt il-pożizzjonijiet NM 2204 u NM 2205 huwa suġġett għad-dazji tas-sisa, kemm-il darba l-kontenut alkoħoliku tiegħu jkun jirriżulta esklużivament mill-fermentazzjoni waqt li l-qawwa alkoħolika għandha tkun superjuri għal ċerti gradi indikati f’din il-liġi.
10. Fir-rigward tal-alkoħol etiliku, l-Artikolu 6 tal-LAS jipprovdi li d-dazji tas-sisa huma dovuti għall-prodotti li jaqgħu taħt il-pożizzjonijiet NM 2207 u NM 2208, li l-qawwa alkoħolika tagħhom tkun superjuri għal 1.2 % vol., anki meta dawn il-prodotti jkunu jagħmlu parti minn prodott li jaqa’ taħt kapitolu ieħor tan-nomenklatura magħquda.
11. Madankollu, il-punt 5 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-LAS jipprovdi li ebda taxxa tas-sisa mhija dovuta għall-prodotti użati direttament fl-affarijiet tal-ikel jew bħala komponenti ta’ prodotti semi-ppreparat użati għall-produzzjoni ta’ affarijiet tal-ikel, mimlijin jew le, sakemm, f’kull każ, il-kontenut alkoħoliku ma jeċċedix it-8.5 l ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg ta’ prodott użat għall-manifattura taaċ-ċikkulata, u 5 l ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg ta’ prodott użat għall-manifattura ta’ prodotti oħra.
II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali
12. Gourmet Classic Ltd (iktar’il quddiem “Gourmet Classic”) hija impriża Britannika li tixtieq tikkumerċjalizza nbid tat-tisjir fis-suq Żvediż.
13. Qabel ma bdiet tikkomerċjalizza l-prodott tagħha, Gourmet Classic talbet opinjoni mingħand l-iSkatterättsnämnden (kummissjoni tal-liġi fiskali Żvediża) bil-għan li tikseb konferma minngħand din l-awtorità li l-inbid tat-tisjir tagħha ma kienx suġġett għad-dazji tas-sisa, inkwantu fil-fehma tagħha, dan kien kopert mill-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83.
14. L-inbid tat-tisjir inkwistjoni huwa kkostitwit minn taħlita ta’ madwar 40 % ta’ nbid ordinarju, aħmar jew abjad, u madwar 60 % ta’ nbid mingħajr alkoħol, b’żjieda ta’ kwantità żgħira ta’ melħ. Il-qawwa alkoħolika ta’ dan l-inbid tat-tisjir hija ta’ 4.5 l ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg ta’ prodott lest.
15. L-HM Customs and Excise, Tariff and Statistical Office (awtorità fiskali Brittanika) indikat lil Gourmet Classic li l-inbid tat-tisjir tagħha kien jaqa’ taħt is-sotto-pożizzjoni NM 2103 9090 89.
16. Fil-kuntest tal-proċedura li żvolġiet quddiem l-iSkatterättsnämnden, l-iSkatteverket (amministrazzjoni fiskali Żvediża) ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha u sostniet li, skont l-Artikolu 6 tal-LAS, l-inbid tat-tisjir mibjugħ minn Gourmet Classic huwa suġġett għat-taxxa fuq l-alkoħol, iżda li dan l-istess prodott huwa kopert mill-eżenzjoni stabbilita fil-punt 5 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-LAS.
17. Għaldaqstant, skont l-iSkatteverket, ebda dazju tas-sisa ma kellu jiġi impost fuq l-inbid tat-tisjir ikkumerċjalizzat minn Gourmet Classic.
18. L-iSkatterättsnämnden tat l-opinjoni tagħha abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-iSkatteverket.
19. Din tal-aħħar appellat quddiem ir-Regeringsrätten sabiex din tikkonferma l-opinjoni mogħtija mill-iSkatterättsnämnden. Gourmet Classic issottomettiet li hija wkoll taqbel mal-opinjoni tal-iSkatterättsnämnden.
20. Ir-Regeringsrätten kienet tal-fehma li, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi, jeħtieġ li jinkisbu kjarifiki dwar il-fondatezza tal-konklużjoni li tgħid li l-inbid tat-tisjir huwa kkunsidrat bħala li fih alkoħol etiliku fis-sens tad-Direttiva 92/83.
III – Id-domanda preliminari
21. Ir-Regeringsrätten iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“L-alkoħol li jinsab fl-inbid tat-tisjir għandu jiġi kklassifikat fil-kategorija ta’ alkoħol etiliku msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva [92/83]?”
IV – L-analiżi
22. Fl-osservazzjonijiet li ssottomettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tiddeċiedi dwar id-domanda preliminari magħmula mir-Regeringsrätten.
23. Fl-opinjoni tagħha, il-fatt li l-iSkatteverket ma talbitx lill-qorti tar-rinviju temenda l-opinjoni mogħtija mill-iSkatterättsnämnden iżda talbet il-konferma tagħha juri li ma teżisti l-ebda kontroversja bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-partijiet kollha fil-kawża prinċipali jaqblu dwar il-fatt li l-inbid tat-tisjir huwa eżenti minn kull taxxa fuq l-alkoħol.
24. Il-Kummissjoni tiċċita s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (7), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-Artikolu 234 KE ma jatihiex il-missjoni li tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri (8).
25. Dejjem b’referenza għas-sentenza Foglia, iċċitata iktar’il fuq, il-Kummissjoni qalet ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi domanda ta’ interpretazzjoni bħal dik li saritilha fil-kawża prinċipali, peress li dan huwa sotterfuġju proċedurali organizzata mill-partijiet bil-għan li jwassluha tieħu pożizzjoni dwar ċerti problemi tad-dritt Komunitarju li ma jikkorispondux għal ħtieġa objettiva inerenti fis-soluzzjoni ta’ kontroversja.
26. L-istess bħall-Kummissjoni, aħna tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi għad-domanda magħmula mir-Regeringsrätten.
27. Il-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali (9). It-talba għal deċiżjoni preliminari tippermetti lil qorti nazzjonali, li jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni li tkun neċessarja għaliha sabiex tkun tista’ tiġi deċiża l-kawża.
28. Għalkemm huwa minnu li, fil-kuntest tal-Artikolu 234 KE, hija l-qorti nazzjonali adita bil-kawża li għandha tevalwa n-neċessità ta’ domanda preliminari u r-relevanza ta’ dik id-domanda, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk ikun il-każ, tivverifika jekk għandhiex ġurisdizzjoni u ċ-ċirkustanzi li fihom tressqet quddiemha l-kawża(10).
29. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkunsidra li hemm bżonn li tivverifika jekk id-domanda saritx minn qorti nazzjonali ta’ Stat Membru(11), li jkollha kawża quddiemha(12), u li tkun tal-fehma li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha(13).
30. Il-proċedura quddiem l-iSkatterättsnämnden hija proċedura partikolari. Din tal-aħħar għandha l-kompitu li tagħti opinjoni preliminari dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-persuni taxxabbli fir-relazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi fir-rigward tal-obbligi fiskali tagħhom(14). Meta persuna taxxabbli tagħmel talba quddiem l-iSkatterättsnämnden, l-iSkatteverket tista’ tippreżenta osservazzjonijiet fir-riġward tal-intaxxar tal-operazzjoni inkwistjoni.
31. L-iSkatterättsnämnden sussegwentement tifformula opinjoni dwar il-mod ta’ kif il-kwistjoni li tkun ġiet sottomessa lilha għandha tiġi deċiża matul il-proċedura ta’ stima tat-taxxa ta’ dik l-operazzjoni. Din l-opinjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors imressaq quddiem ir-Regeringsrätten, fuq l-inizjattiva tar-rikorrent u/jew tal-iSkatteverket(15).
32. Fis-sentenza Victoria Film, iċċitata iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-domandi preliminari magħmula mill-iSkatterättsnämnden, minħabba li din tal-aħħar teżerċita essenzjalment funzjoni amministrattiva, u fakkret li l-qrati nazzjonali jistgħu jirrikorru għall-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk kontroversja tkun pendenti quddiemhom u jekk huma jkunu mitluba jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura legali(16).
33. Madankollu, fl-istess sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li, fil-każ fejn il-persuna taxxabbli jew l-iSkatteverket jippreżentaw rikors kontra opinjoni preliminari, ir-Regeringsrätten, li quddiemha jkun tressaq tali rikors, tista’ titqies li qed teżerċita, fis-sens tal-Artikolu 234 KE, funzjoni ta’ natura ġudizzjarja li jkollha l-iskop li tistħarreġ il-legalità ta’ att li jirregola l-impożizjoni tat-taxxa fuq persuna taxxabbli(17).
34. Għalhekk, mhemm ebda dubju li r-Regeringsrätten hija qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 234 KE.
35. Min-naħa l-oħra, fl-opinjoni tiegħi, fil-kawża prinċipali, il-kundizzjoni li teħtieġ l-eżistenza ta’ kontroversja pendenti quddiem qorti nazzjonali mhijiex sodisfatta.
36. Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li t-terminu “kontroversja” huwa ddefinit bħala kontestazzjoni li tkun is-suġġett ta’ proċess, waqt li kontestazzjoni għandha tinftiehem bħala tilwima(18).
37. Barra minn hekk, dejjem fir-rigward tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ kontroversja, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li m’għandhiex ġurisdizzjoni meta l-kontroversja tkun ġiet organizzata b’mod artifiċjali mill-partijiet sabiex iwassluha tagħti opinjoni konsultattiva dwar kwistjoni ġenerali jew ipotetika(19) jew inkella meta l-pretensjonijiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jkunu ġew sodisfati wara li l-qorti nazzjonali tkun għamlet it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja(20).
38. F’każijie bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma kienx hemm kontroversja ġenwina jew li dak il-kontroversja, li tkun tagħat lok għad-domanda preliminari, ma tkunx għadha teżisti peress li ma kienx hemm jew m’għadx hemm kontestazzjoni bejn il-partijiet.
39. Għandu jiġi osservat li, fil-kawża prinċipali, mhuwiex ikkontestat li l-partijiet kollha, jiġifieri Gourmet Classic, l-iSkatterättsnämnden u l-iSkatteverket, jaqblu dwar is-soluzzjoni li għandha tiġi adottata.
40. Effettivament, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li Gourmet Classic talbet lill-iSkatterättsnämnden tikkonferma li l-inbid tat-tisjir mhuwiex suġġett għad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol, peress illi fil-fehma tagħha, jaqa’ taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(1)(f) tad- Direttiva 92/83, li huma riprodotti fil-punt 5 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-LAS(21).
41. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, l-iSkatteverket sostniet quddiem l-iSkatterättsnämnden li l-inbid tat-tisjir seta’ effettivament jibbenefika mill-eżenzjoni prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni(22).
42. Barra minn hekk, l-iSkatterättsnämnden adottat opinjoni li kienet konformi mal-osservazzjonijiet taż-żewġ partijiet(23).
43. Ir-Regeringsrätten qalet ukoll, fil-punt 22 tad-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, li l-partijiet fil-kawża l-prinċipali kienu jaqblu dwar il-fatt li ebda dazju tas-sisa fuq l-alkoħol ma kellu jiġi impost.
44. Minn dawn l-elementi jirriżulta b’mod ċar li ma teżisti ebda tilwima bejn il-partijiet u, għaldaqstant, ma teżistix kontroversja quddiem il-qorti nazzjonali.
45. Din mhijiex l-ewwel darba li r-Regeringsrätten għamlet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kawża prinċipali li tirrigwarda opinjoni tal-iSkatterättsnämnden(24). F’dawn il-kawżi preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar id-domandi preliminari li sarulha mir-Regeringsrätten, b’mod konformi mal-ġurisprudenza Victoria Film, iċċitata iktar’il fuq.
46. Effettivament, f’dawn il-kawżi, ir-Regeringsrätten kellha quddiemha rikors kontra opinjoni preliminari tal-iSkatterättsnämnden u għalhekk kienet imsejħa biex tiddeċiedi l-kontroversja sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni ġudizzjarja(25).
47. Bil-kontra ta’ din il-kawża, l-opinjoni tal-iSkatterättsnämden kienet ġiet ikkontestata, u għalhekk tat lok għal kontroversja.
48. Għalkemm huwa minnu li fis-sentenza tad-9 ta’ Frar 1995, Leclerc‑Siplec(26), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni minkejja li l-konvenuta fil-kawża prinċipali kienet sostniet argument identiku għal dak tar-rikorrent(27).
49. Madankollu, għandu jiġi osservat li fis-sentenza Leclerc‑Siplec, iċċitata iktar’il fuq, fil-bidu tal-proċedura fil-kawża prinċipali kienet teżisti kontestazzjoni ġenwina bejn il-partijiet. Fil-fatt, il-kumpanniji TF1 Publicité u M6 Publicité kienu rrifjutaw li jxerrdu messaġġ pubbliċitarju dwar id-distribuzzjoni ta’ petrol fis-supermarkets Leclerc. Il-kumpannija importatriċi Édouard Leclerc‑Siplec għalhekk ressqet lil dawk iż-żewġ kumpanniji quddiem it-tribunal de commerce ta’ Pariġi (Franza)(28).
50. Fil-kawża preżenti, l-oriġini tal-proċedura mhijiex tilwima bejn il-partijiet, iżda talba għal konferma ta’ opinjoni li dwarha l-partijiet kollha kienu jaqblu. Il-proċedura fil-kawża prinċipali hija partikolari fis-sens li l-iSkatteverket tista’ tressaq appell quddiem ir-Regeringsrätten dwar opinjoni mogħtija mill-iSkatterättsnämnden, anke jekk l-għan ta’ dan l-appell ikun dak li jitlob il-konferma ta’ dik l-opinjoni.
51. Għalhekk, fil-kawża preżenti mhijiex involuta kontroversja fittizja jew iffabbrikata, bħal ma kienu l-kontroversji fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Foglia, iċċitata iktar’il fuq, jew tal-21 ta’ Jannar 2003 Bacardi‑Martini u Cellier des Dauphins(29), iżda talba għal konferma ta’ opinjoni fin-nuqqas ta’ kwalsiasi kontroversja.
52. Min-naħa l-oħra, fit-talba tagħha l-qorti tar-rinviju tispjega li l-kawża kienet tressqet quddiemha bil-għan li “tinħoloq ġurisprudenza” dwar il-kwistjoni tal-eżenzjoni tal-inbid tat-tisjir mid-dazji tas-sisa u sabiex tali eżenzjoni ssir applikabbli b’mod ġenerali.
53. Fi kliem ieħor, fil-fehma tiegħi, dik il-qorti qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti opinjoni konsultattiva.
54. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke(30), li l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tal-proċeduri ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jimplika li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tirrispetta l-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja(31). Din il-funzjoni ma tikkonsistix fl-għoti ta’ opinjonijiet konsultattivi, iżda li tirrispondi għal ħtieġa inerenti fis-soluzzjoni effettiva ta’ kawża(32).
55. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li jiġi ddikjarat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni fil-kawża ppreżentata quddiemi jwassal għal distorsjoni tal-iskop tal-Artikolu 234 KE u li jiġu injorati l-kundizzjonijiet li jimponu li sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiġi adita fil-kuntest ta’ dak l-Artikolu għandu jkun hemm kontroversja u li għalhekk jimplikaw li d-domanda preliminari hija ġġustifikata min-neċessità li tinstab soluzzjoni għal kontroversja ġenwina.
56. Għandu jingħad ukoll li, anki fl-ipoteżi li r-Regeringsrätten finalment tadotta pożizzjoni kuntrarja għal dik tal-iSkatterättsnämnden u għal dik tal-partijiet kollha fil-kawża prinċipali, Gourmet Classic tkun tista’, jekk ikun il-każ, tikkontesta quddiem il-qorti nazzjonali d-deċiżjoni li timponilha dazji tal-importazzjoni u dik il-qorti tkun tista’, fil-kuntest ta’ dik li tkun kawża ġenwina, tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83.
57. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar id-domanda magħmula mir-Regeringsrätten.
V – Konklużjoni
58. Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet magħmulin aktar’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li m’għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar id-domanda preliminari magħmula mir-Regeringsrätten.
1 – Lingwa oriġinali: Il-Franċiż.
2 – Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, p. 21).
3 – Ara t-tieni u t-tielet premessi tal-imsemmija direttiva.
4 – Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru. 2587/91 tas-26 ta’ Lulju 1991, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 259, p. 1), applikabbli fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 92/83 tal-31 ta’ Diċembru 1992, il-pożizzjoni tariffarja NM 2207 tikkorrispondi għal “[a]lkoħol etiliku mhux żnaturat b’qawwa alkoħolika skont il-volum ta’ 80 % vol. jew aktar; alkoħol etiliku u spirti mhux żnaturati ta’ kull qawwa”, Fir-rigward tal-pożizzjoni tariffarja NM 2208, din tikkorrispondi għal l-“alkoħol etiliku mhux żnaturat ta’ qawwa alkoħolika skont il-volum ta’ inqas minn 80 % vol; spirti, likuri u xorb ieħor alkoħoliku; preparazzjonijiet alkoħoliċi komposti mit-tipi użati għall-manifattura tax-xorb”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 – Dawn il-pożizzjonijiet tariffarji jikkorrispondu rispettivament, skont ir-Regolament nru. 2587/91, għall-“inbejjed minn għeneb frisk, inklużi l-inbejjed miżjuda bl-alkoħol; meraq tal-għeneb, ħlief għal dawk tan-nru 2009, għal “vermut u nbejjed oħra minn għeneb frisk ippreparati bl-għajnuna ta’ pjanti jew sustanzi aromatiċi”, u, finalment, għal “xorb ieħor iffermentat (sidru, perry, mead, per eżempju); taħlit ta’ xorb iffermentat u taħlit ta’ xorb iffermentat ma’ xorb mhux alkoħoliku, mhux ikklassifikat jew inkluż bnadi oħra”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6– SFS 1994, nru 1564, iktar ’il quddiem il-“LAS”.
7 – 244/80, p. 3045.
8 – Punt 18.
9 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco (C‑225/02, Ġabra p. I‑523, punt 26).
10 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1995, Zabala Erasun et (C‑422/93 sa C‑424/93, Ġabra p. I‑1567, punti 13 sa 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).
11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et (C‑53/03, Ġabra p. I‑4609, punt 21).
12 – Ara s-sentenza tal-21 ta’ April 1988, Fratelli Pardini (338/85, Ġabra p. 2041, punti 10 u 11).
13 – Ara s-sentenzi Zabala Erasun et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); García Blanco, iċċitata iktar ’il fuq (punti 27 u 28); tal- 20 ta’ Jannar 2005, Salgado Alonso (C‑306/03, Ġabra p. I‑705, punti 41 u 42), kif ukoll tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acereda Herrera (C‑466/04, Ġabra p. I‑5341, punt 49).
14 – Ara l-punt 10 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1998, Victoria Film (C‑134/97, Ġabra p. I‑7023).
15 – Idem.
16 – Punti 14 u 15.
17 – Punti 18 u 19. Ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, X u Y (C‑200/98, Ġabra p. I‑8261, punti 16 u 17).
18 – Ara Le Petit Robert - Dictionnaire de la langue française, Dictionnaires Le Robert, Paris, 2004.
19 – Ara s-sentenza Foglia, iċċitata iktar ’il fuq.
20 – Ara s-sentenza García Blanco, iċċitata iktar ’il fuq (punti 29 sa 31).
21 – Ara d-deċiżjoni tar-rinviju (punt 11).
22 – Ibidem (punt 12).
23 – Ibidem (punt 13).
24 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN (C‑111/05, Ġabra p. I‑2697), u l-ordni tal-10 ta’ Mejju 2007, A u B (C‑102/05, Ġabra p. I‑3871).
25 – Enfasi tiegħi.
26 – C‑412/93, Ġabra p. I‑179.
27 – Punti 3, 14 u 15.
28 – Punti 2 u 3.
29 – Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2003 (C‑318/00, Ġabra p. I‑905).
30 – C‑83/91, Ġabra p. I‑4871.
31 – Punt 25.
32 – Sentenza Foglia, iċċitata iktar ’il fuq (punti 18 u 20).
Full & Egal Universal Law Academy