KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fl-20 ta’ Novembru 2008(1)
Kawża C‑489/06
Il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir‑Repubblika Ellenika
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-merkanzija – Direttivi 93/36/KEE u 93/42/KEE – Akkwist minn sptar ta’ apparat mediku li għandu l-marka CE – Miżuri protettivi – Kuntratt pubbliku għal provvisti”
1. B’dan ir-rikors, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi l-awtoritajiet kontraenti kompetenti tal-isptarijiet Griegi ċaħdu offerti rigward apparat mediku li għandu l-marka ta’ ċertifikazzjoni CE, mingħajr, fi kwalunkwe każ, ma segwew il-proċedura stabbilita fid-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE (id-Direttiva dwar apparat mediku)(2), il-Greċja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE (id-Direttiva dwar kuntratti pubbliċi għal provvisti)(3) u l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 93/42.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
2. Rigward id-Direttiva 93/42, kif nispjega fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-sentenza Medipac-Kazantzidis(4) – mogħtija wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub f’din il-kawża – il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, issa ddeċidiet il-kwistjoni dwar l-obbligi tal-awtoritajiet kontraenti, u l-proċedura li għandhom isegwu, f’każijiet bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża. Għalhekk, ma nikkunsidrax li huwa neċessarju li jkun deskritt il-qafas legali kollu tad-Direttiva 93/42, minħabba li dan sar b’mod eżawrjenti fis-sentenza Medipac-Kazantzidis.
3. Il-paragrafi 1 sa 4 tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/36 jipprovdu rispettivament:
“1. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi definiti fl-Anness III għandhom jingħataw fid-dokumenti ġenerali jew kuntrattwali relatati ma’ kull kuntratt.
2. Mingħajr preġudizzju għar-regoli tekniċi nazzjonali li jorbtu b’mod legali, sakemm dawn huma kompatibbli mal-liġi tal-Komunità, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu definiti mill-awtoritajiet kontraenti b’referenza għall-istandards nazzjonali li jimplimentaw l-istandards Ewropej, jew b’referenza għall-approvazzjonijiet tekniċi Ewropej jew b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni.
3. Awtorità kontraenti tista’ titbiegħed mill-paragrafu 2 jekk:
(a) l-istandards, l-approvazzjonijiet tekniċi Ewropej jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni ma jinkludux xi dispożizzjoni biex tiġi stabbilita l-konformità jew ma jeżistux mezzi tekniċi biex tiġi stabbilita b’mod sodisfaċenti l-konformità ta’ prodott ma’ dawn l-istandards, l-approvazzjonijiet tekniċi Ewropej jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni;
(b) l-applikazzjoni tal-paragrafu 2 tippreġudika l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 86/361/KEE [(5)] [...] jew id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE [(6)] [...] jew strumenti oħra tal-Komunità f’oqsma speċifiċi ta’ servizzi jew prodotti;
(ċ) l-użu ta’ ċerti [dawn l-i]standards, approvazzjonijiet tekniċi Ewropej jew speċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali jobbligaw l-awtorità kontraenti li tikseb provvisti inkompatibbli mit-[mat-]tagħmir li diġà qed jintuża jew twassal għal infiq sproporzjonat jew diffikultajiet tekniċi sproporzjonati, imma biss bħala parti minn strateġija definita u rreġistrata b’mod ċar bil-ħsieb li jkun hemm bidla, fi żmien perjodu stipulat, għal standards Ewropej, approvazzjonijiet tekniċi Ewropej jew speċifikazzjonijiet tekniċi komuni;
(d) il-proġett ikkonċernat huwa ta’ natura innovattiva awtentika li għalih l-użu ta’ standards Ewropej, approvazzjonijiet tekniċi Ewropej jew speċifikazzjonijiet tekniċi komuni ma jkunx addattat.
4. L-awtoritajiet kontraenti invokati fil-paragrafu 2 [li jinvokaw il-paragrafu 3] għandhom jirreġistraw, fejn hu possibbli, ir-raġunijiet għalfejn għamlu dan fl-avviż ta’ l-offerta ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew fid-dokumenti tal-kuntratt u fil-każijiet kollha għandhom jirreġistraw dawn ir-raġunijiet fid-dokumentazzjoni interna u għandhom ifornu informazzjoni bħal din fuq talba ta’ l-Istati Membri jew tal-Kummissjoni.”
4. L-Anness III tad-Direttiva 93/36, intitolat “Definizzjoni ta’ ċerti speċifikazzjonijiet tekniċi”, jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva t-termini li ġejjin għandhom jiġu definiti kif ġej:
1. Speċifikazzjonijiet tekniċi: it-totalità tal-preskrizzjonijiet tekniċi li hemm b’mod partikolari fid-dokumenti tat-tender [tal-offerta], li jiddefinixxu l-karatteristiċi meħtieġa ta’ materjal, prodott jew provvista, li tippermetti li materjal, prodott jew provvista tkun deskritta b’tali mod li tissodisfa l-użu li għalih hi intenzjonata mill-awtorità kontraenti. Dawn il-preskrizzjonijiet tekniċi għandhom jinkludu l-livelli ta’ kwalità, l-eżekuzzjoni, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, li jinkludu l-kundizzjonijiet applikabbli għall-materjal, il-prodott jew il-provvista f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-assigurazzjoni tal-kwalità, it-terminoliġija, is-simboli, il-verifiki u l-metodi ta’ verifika, imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar.
2. Standard: speċifikazzjoni teknika approvata minn korp standardizzat rikonoxxut għal applikazzjoni repetuta u kontinwa, li l-konformità magħha m’hiex, fil-prinċipju, obbligatorja.
3. Standard ewropew: standard approvat mill-Kumitat Ewropew għall-istandardizzazzjoni (CEN) jew mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) bħala ‘Standard Ewropew (EN)’ jew ‘Dokumenti ta’ Armonizzazzjoni (HD)’ skond ir-regoli komuni ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.
4. Approvazzjoni teknika Ewropea: valutazzjoni teknika favorevoli tal-kundizzjoni tajba għall-użu tal-prodott, ibbażata fuq it-twettiq tal-kundizzjonijiet essenzjali għax-xogħlijiet tal-bini, permezz ta’ karatteristiċi inerenti tal-prodott u l-kundizzjonijiet definiti ta’ applikazzjoni u użu. Il-Ftehim Ewropew għandu jinħareġ minn korp approvat innominat għal dan il-għan mill-Istat Membru.
5. Speċifikazzjoni teknika komuni: speċifikazzjoni teknika preskritta skond proċedura rikonoxxuta mill-Istati Membri biex tassigura applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha li tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”
B – Id-dritt nazzjonali
5. Id-Direttiva 93/36 ġiet trasposta fil-liġi Griega, prinċipalment, permezz tad-Digriet Presidenzjali Nru 370 (FEK A’ 199/1995). L-Artikolu 16 ta’ dan id-digriet jirriproduċi essenzjalment il-kliem tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/36.
6. Id-Digriet Ministerjali Konġunt Nru DY7/oik.2480, tad-19 ta’ Awwissu 1994 (FEK B’ 679), li jġib il-leġiżlazzjoni Griega konformi mad-Direttiva 93/42, jittrasponi din id-direttiva fil-liġi Griega.
7. Barra minn hekk, l-Ethnikou Organismos Farmakon (l-awtorità Griega responsabbli sabiex tiżgura l-implementazzjoni tad-direttivi Komunitarji dwar apparat mediku, fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, iktar ’il quddiem l-“EOF”), kienet indikata taħt l-Artikolu 19 tal-Liġi Nru 2889/2001 bħala l-awtorità kompetenti rigward apparat mediku.
II – Il-fatti, il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet
8. Il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar il-fenomenu ta’ ċaħda ta’ apparat mediku – b’mod partikolari, suturi kirurġiċi – fil-kuntest ta’ sejħiet għal offerti għal provvisti lil sptarijiet pubbliċi fil-Greċja, għal raġunijiet relatati mal-“idoneità ġenerali u s-sigurtà tal-użu” ta’ dan l-apparat, minkejja ċ-ċertifikazzjoni tiegħu bil-marka CE(7), u mingħajr, fi kwalunkwe każ, ma ġiet segwita l-proċedura ta’ sigurtà prevista fid-Direttiva 93/42.
9. Fl-20 ta’ April 2004, fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Griegi bagħtu lill-Kummissjoni ċ-ċirkulari tal-EOF, Nru 19384, tat-2 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari Nru 19384”). Skont iċ-ċirkulari, ġie rikonoxxut li “ċerti kumitati responsabbli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-isptarijiet irrifjutaw [...] għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ konformità offerti ppreżentati minn kumpanniji u li jikkonċernaw ammont sinjifikattiv ta’ apparat mediku ċċertifikat bil-marka CE, mingħajr ma qabel sar l-eżami neċessarju mill-EOF” u li “f’ċerti każijiet in-nuqqas ta’ konformità kienet tikkonċerna speċifikazzjonijiet stabbiliti mill-isptarijiet b’mod arbitrarju”. Sussegwentement tgħid li “il-kumpanniji kkonċernati għalhekk kienu ressqu l-kwistjoni quddiem il-qrati Griegi u quddiem l-istituzzjonijiet Ewropej kompetenti li kienu ddeċidew favur il-kumpanniji”.
10. Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, is-servizzi tal-Kummissjoni informaw lil min għamel l-ilment li kienu ser jagħlqu l-każ. Madankollu, b’ittra tat-8 ta’ Novembru 2004, min għamel l-ilment ipprovda iktar informazzjoni li tindika li, minkejja t-tqassim taċ-ċirkulari, il-kumitati kompetenti ta’ ċerti sptarijiet (inklużi l-isptarijiet ġenerali ta’ Komotini, Messolonghi, Agios Nikolaos fi Kreta u Venizeleio-Pananeio ta’ Heraklion fi Kreta) baqgħu jiksru r-regoli.
11. Pereżempju, f’sejħa għal offerti partikolari, l-isptar ġenerali ta’ Komotini rrifjuta parti kbira mill-offerta ta’ dak li għamel l-ilment, għar-raġuni li l-apparat kien inadegwat minkejja li kellu l-marka CE u minkejja l-fatt li ġie prodott skont il-Farmakopea Ewropea. Minkejja li kien irċieva ċ-ċirkulari tal-EOF, l-isptar irrifjuta li jikkonforma ruħu mal-istruzzjonijiet tagħha li jibgħat l-apparat sabiex jiġi vverifikat mill-EOF.
12. Bl-istess mod, l-isptar ġenerali ta’ Messolonghi rrifjuta l-offerta ta’ min għamel l-ilment u għalaq is-sejħa għal offerti mingħajr ma informa lill-EOF jew mingħajr ma bagħat kampjuni għall-kontroll. Avvenimenti simili ġraw fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti mmexxija mill-isptar ġenerali ta’ Agios Nikolaos fi Kreta.
13. Fl-aħħar nett, f’każ li jikkonċerna sejħa għal offerti mill-isptar ġenerali ta’ Heraklion fi Kreta, minkejja li informa lill-EOF minn qabel, skont iċ-ċirkulari, huwa naqas milli jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni tal-EOF, li kkunsidrat li l-apparat mediku ma kienx perikoluż.
14. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ellenika fil-21 ta’ Marzu 2005, u bdiet proċeduri formali taħt l-Artikolu 226 KE kontra l-Istat Membru għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu.
15. Fir-risposta tagħhom tal-24 ta’ Mejju 2005, l-awtoritajiet Griegi ma kkontestawx il-fatt li ċerti sptarijiet Griegi ma kinux qegħdin jaġixxu f’konformità mad-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti, imma sempliċement enfasizzaw in-natura eċċezzjonali tal-każijiet li rreferiet għalihom il-Kummissjoni. Fil-fehma tagħhom, dawn il-każijiet ma kinux jipprovaw l-eżistenza ta’ ksur orizzontali fuq skala kbira tad-dritt Komunitarju.
16. Fid-19 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni tat opinjoni motivata fejn iddikjarat li r-Repubblika Ellenika kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/36 u l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 93/42 f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għall-provvista ta’ apparat mediku, u talbet lil dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata fi żmien xahrejn minn meta jiġi nnotifikat.
17. Fir-risposta tagħha tad-9 ta’ Frar 2006, il-Greċja argumentat li kienet ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura implementazzjoni xierqa tad-dritt Komunitarju u li l-każijiet elenkati fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni kienu sempliċi eċċezzjonijiet għall-prassi ġenerali. Hija rrimarkat ukoll li, bħala tali, il-leġiżlazzjoni Griega kienet konformi mad-dritt Komunitarju. Barra miċ-ċirkulari Nru 19384 u n-nota ta’ tfakkir tad-19 ta’ Jannar 2006, il-Greċja rreferiet ukoll għall-fatt li, fuq talba tal-isptarijiet, l-EOF wettqet kontrolli sistematiċi fuq il-kwalità tal-provvisti. Fl-aħħar nett, il-Greċja enfasizzat il-fatt li l-konformità mill-isptarijiet nazzjonali mal-istruzzjonijiet tal-EOF kienet qiegħda ssir iktar sistematika.
18. Madankollu, fuq il-bażi ta’ informazzjoni ġdida, il-Kummissjoni saret taf li l-ksur inkwistjoni fil-fatt kien għadu għaddej. L-informazzjoni indikat li l-inċidenti ma kinux iżolati u eċċezzjonali u, barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti ma ġew bl-ebda mod sanzjonati għall-aġir illegali tagħhom. Skont min għamel l-ilment, il-każijiet ta’ konformità mill-isptarijiet fil-fatt kienu pjuttost rari. Barra minn hekk, mill-informazzjoni li ngħatat il-Kummissjoni, sar evidenti li l-EOF la kienet kompetenti sabiex teżerċita xi kontroll amministrattiv fuq l-isptarijiet u lanqas sabiex timponi xi sanzjoni fuqhom, u li s’issa l-ebda organu ieħor (ġudizzjarju jew ta’ natura oħra) fl-ordinament ġuridiku Grieg ma kien eżerċita xi setgħat f’dan il-qasam. Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tiċċita numru ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema Amministrattiva, tal-Kunsill tal-Istat, b’mod iktar partikolari tal-“kumitat ta’ sospensjoni” tiegħu, bħala eżempji ta’ tendenza ġenerali min-naħa tal-qorti li tiċħad appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti li kienu jiksru d-direttivi u ċ-ċirkularijiet applikabbli f’dan il-qasam.
19. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur, li l-fatti dwaru qatt ma ġew ikkontestati mill-awtoritajiet Griegi, ippersista, u li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jintemm la kienu biżżejjed u lanqas effettivi. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
20. Wara li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, l-ebda parti ma talbet li tinżamm seduta.
21. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
“– tiddikjara li, billi l-awtoritajiet kontraenti kompetenti tal-isptarijiet Griegi ċaħdu offerti rigward apparat mediku li għandu l-marka ta’ ċertifikazzjoni CE, mingħajr, fi kwalunkwe każ, ma segwew il-proċedura stabbilita fid-Direttiva 93/42, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/36 u l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 93/42;
– tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.”
22. Il-Gvern Grieg isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad ir-rikors.
III – Analiżi
A – L-argumenti tal-partijiet
23. Il-Kummissjoni tissottometti li d-Direttiva 93/36 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista [għal provvisti] tistabbilixxi qafas preċiż li jikkonċerna d-definizzjoni ta’ kull awtorità kontraenti ta’ ħtiġijiet tekniċi imposti fuq apparat inkluż f’offerta. Skont l-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva, ir-referenza għall-istandards nazzjonali li jimplementaw l-istandards Ewropej, għall-approvazzjonijiet tekniċi Ewropej jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni hija obbligatorja kemm fl-avviż tal-offerta kif ukoll fl-evalwazzjoni tal-konformità tal-prodotti li huma s-suġġett tal-offerta. Il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li derogi mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 8(2) huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 8(3).
24. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li s-sejħiet għal offerti maħruġa mill-isptarijiet Griegi jirreferu għall-ħtieġa taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/36 ta’ approvazzjoni teknika Ewropea speċifika għal apparat mediku, jiġifieri, il-marka ta’ ċertifikazzjoni CE, li hija wkoll stabbilita fid-Direttiva 93/42. Madankollu, l-awtoritajiet kontraenti ipproċedew sabiex jeskludu offerti ta’ apparat mediku li għandu l-marka CE, minkejja li l-eskluzjoni fuq din il-bażi evidentement mhijiex waħda mid-derogi previsti mill-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 93/36.
25. Rigward id-Direttiva 93/42 dwar mezzi mediċi [apparat mediku], il-Kummissjoni ssostni li l-proċeduri speċifiċi u esklużivi – għaċ-ċertifikazzjoni ta’ tali apparat u sabiex jitqiegħed fis-suq, kif ukoll sabiex tiġi kkontestata l-idoneità tiegħu – huma stabbiliti f’dettall tali li ma jista’ jkun hemm ebda dubju rigward il-karatteristiċi kwalitattivi ċċertifikati u lanqas ma hemm xi diskrezzjoni min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali barra l-qafas stabbilit mid-Direttiva.
26. Il-Kummissjoni ssostni li l-ħtiġijiet essenzjali ta’ konformità u sigurtà li japplikaw għall-apparat mediku huma mniżżla fl-Anness I tad-Direttiva 93/42 u li prodotti li għandhom il-marka CE jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet. L-Artikolu 3, flimkien mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 93/42, jistabbilixxi l-bażi sabiex jiġi rrikonoxxut li l-apparat inkwistjoni huwa konformi, u jista’ jiċċirkola liberament fis-suq intern.
27. Il-Kummissjoni ssostni li jista’ jkun li ċertu apparat mediku, minkejja li jkollu l-marka CE, jiġi kkunsidrat mit-tobba li jipperikola s-saħħa u s-sigurtà tal-pazjenti. Madankollu, f’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni tagħmilha ċara li tali apparat jista’ jiġi rrifjutat biss mill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ sigurtà prevista fl-Artikoli 8 u 18 tad-Direttiva 93/42 u deskritta fiċ-Ċirkulari Nru 19384.
28. Il-Kummissjoni tissottometti li minflok ma applikaw il-proċedura ta’ sigurtà l-awtoritajiet kontraenti Griegi pproċedew direttament sabiex jirrifjutaw l-offerti ta’ apparat mediku li kellu l-marka CE.
29. Madankollu, skont il-Kummissjoni, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta’ direttiva li tapprossima l-liġijiet tal-Istati Membri, bħad-Direttivi 93/36 u 93/42, u li tipprovdi li l-konformità tal-prodotti inklużi fl-offerti mad-dispożizzjonijiet tekniċi kollha tad-direttiva hija neċessarjament iċċertifikata bil-marka CE, tagħti lok għall-obbligu ta’ Stat Membru li jirrispetta l-proċeduri speċjali tad-direttiva dwar il-kontestazzjoni tal-validità taċ-ċertifikazzjoni(8).
30. Il-Kummissjoni ssostni li, minkejja l-adozzjoni taċ-Ċirkulari Nru 19384 u minkejja li ntbagħtet nota ta’ tfakkir sentejn wara, l-aġir illegali tal-awtoritajiet, kif ukoll in-nuqqas tal-awtoritajiet Griegi li jikkontrollaw jew jissanzjonaw dan l-aġir, għadu jippersisti.
31. Il-Gvern Grieg jissottometti li l-isptarijiet, fir-rwol tagħhom ta’ awtoritajiet kontraenti, jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju u tal-liġi nazzjonali fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Huwa jsostni li l-fatt li ċerti sptarijiet ma kinux qegħdin jaġixxu skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti sempliċement jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali, li minnha, madankollu, wieħed m’għandux jiddeduċi l-eżistenza ta’ ksur orizzontali fuq skala kbira tad-dritt Komunitarju fil-qasam inkwistjoni.
32. Barra minn hekk, il-Gvern Grieg isostni li, fi kwalunkwe każ, l-EOF qassmet iċ-Ċirkulari Nru 19384 u, fid-19 ta’ Jannar 2006, iċ-Ċirkulari Nru 4051, li t-tnejn servew bħala nota ta’ tfakkir dwar kif apparat jiġi evalwat korrettament għall-finijiet tal-provvista tiegħu. Għalhekk, l-EOF ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-implementazzjoni korretta tad-dritt Komunitarju. Barra minn hekk, il-Gvern Grieg jispjega li r-raġuni għalfejn għadu ma ddeċidiex x’sanzjonijiet għandhom jiġu imposti fuq l-isptarijiet li ma jaġixxux b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti hija li l-ispetturi tas-Soma Epitheoriton Ypiresion Ygeias kai Pronoias (Servizz tas-Saħħa u Prevenzjoni) għadhom fil-proċess li jwettqu investigazzjoni.
B – Evalwazzjoni
33. L-ewwel nett, rigward id-Direttiva 93/42, nixtieq nirreferi għas-sentenza reċenti Medipac-Kazantzidis(9) – mogħtija wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub f’din il-kawża – fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “awtorità kontraenti li bdiet proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-provvista ta’ apparat mediku u li ppreċiżat li dan l-apparat għandu jkun konformi mal-farmakopea Ewropea u jkollu l-marka CE [hija prekluża] milli tirrifjuta, direttament u mingħajr ma tiġi segwita l-proċedura ta’ sigurtà prevista fl-Artikoli 8 u 18 tad-Direttiva 93/42 għal raġunijiet relattivi għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, il-materjali proposti jekk huma jirrispettaw din il-kundizzjoni teknika rikjesta. Jekk l-awtorità kontraenti tikkunsidra li dawn il-materjali jistgħu jikkompromettu s-saħħa pubblika, hija obbligata tinforma b’dan lill-korp nazzjonali kompetenti sabiex tiġi applikata din il-proċedura ta’ sigurtà.”
34. Billi din il-parti tal-kawża preżenti ġiet deċiża, il-kwistjoni prinċipali li għad trid tiġi analizzata hija l-kwistjoni tal-oneru tal-prova.
35. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qiegħda tfittex li tipprova, fuq il-bażi ta’ ċerti każijiet individwali, li l-aġir tal-isptarijiet Griegi, fil-kwalità tagħhom ta’ awtoritajiet kontraenti, jiżvela l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva kostanti li hija illegali u li la hija kkontrollata u lanqas issanzjonata mill-awtoritajiet kompetenti. Konsegwentement, il-Kummissjoni qiegħda tfittex li jiġi kkonstatat li l-Greċja naqset ġeneralment milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt Komunitarju.
36. Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja(10), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “minkejja li l-liġi nazzjonali applikabbli hija, fiha nfisha [...] kompatibbli mad-dritt Komunitarju, jista’ jirriżulta nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-eżistenza ta’ prattika amminitrattiva li tikser dan id-dritt”.
37. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat f’sentenza oħra Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja(11) li “[g]ħal dak li jikkonċerna l-possibbiltà tal-konstatazzjoni ta’ nuqqas fuq il-bażi tal-prassi amministrattiva segwita fi Stat Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet il-kriterji applikabbli. Fil-fatt, f’dan il-każ, in-nuqqas jista’ jkun stabbilit biss permezz ta’ prova suffiċjentement dokumentata u dettaljata tal-prassi kkritikata, jinħtieġ li din il-prassi amministrattiva tippreżenta ċertu livell ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità, u, sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ prassi ġenerali u kostanti, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq preżunzjoni kwalunkwe.”
38. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tat l-opinjoni motivata fid-19 ta’ Diċembru 2005, fejn iddikjarat li l-Greċja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/36 u taħt l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 93/42 f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għall-provvista ta’ apparat mediku, u talbet lil dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu mal-opinjoni fi żmien xahrejn minn meta jiġi nnotifikat.
39. Fid-9 ta’ Frar 2006, il-Greċja rrispondiet għall-opinjoni motivata u ssottomettiet li kienet ħadet il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura l-implementazzjoni korretta tad-dritt Komunitarju, inter alia, permezz tat-tqassim taċ-Ċirkulari Nru 19384 fit-2 ta’ April 2004 u tan-nota ta’ tfakkir fid-19 ta’ Jannar 2006, fejn ġibdet l-attenzjoni tal-isptarijiet għall-obbligi tagħhom taħt id-dritt Komunitarju. Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ jindika li l-Gvern Grieg: (i) aċċetta l-eżistenza tas-sitwazzjonijiet fattwali wara l-allegazzjonijiet imsemmija fl-opinjoni motivata; (ii) ħa miżuri oħra (jiġifieri, in-nota ta’ tfakkir tad-19 ta’ Jannar 2006) bil-għan li jfittex li jsolvi l-problema; u (iii) naqas milli jipprovdi risposta sostantiva għall-aġir li sar l-ilment dwaru.
40. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tissottometti li minkejja li adottat iċ-Ċirkulari Nru 19384 u bagħtet in-nota ta’ tfakkir sentejn wara, l-aġir illegali tal-awtoritajiet kontraenti, kif ukoll in-nuqqas tal-awtoritajiet Griegi li jikkontrollaw dan l-aġir, baqa’ jippersisti. Skontha, il-każijiet li tressqu għall-attenzjoni tagħha huma indikattivi ta’ dik li tidher li hija prassi komuni fl-isptarijiet Griegi, tal-fatt li l-ksur inkwistjoni assolutament mhuwiex iżolat u eċċezzjonali, kif isostni l-Gvern Grieg, u li l-aġir tal-awtoritajiet kontraenti responsabbli baqa’ ma ġiex imrażżan.
41. Qabel ma nikkunsidra l-mertu tal-ilment tal-Kummissjoni, sejjer l-ewwel nikkunsidra l-allegazzjoni tal-Gvern Grieg li l-Kummissjoni mhijiex iġġustifikata li tilħaq konklużjonijiet ġenerali rigward l-eżistenza ta’ ksur orizzontali fuq skala kbira tad-dritt Komunitarju minn eżami ta’ każijiet speċifiċi – ikkunsidrati minn dan l-Istat bħala “eċċezzjonali” – billi tippreżumi nuqqasijiet sistematiċi tal-Greċja milli twettaq l-obbligi tagħha.
42. Fil-paragrafi segwenti, ser infittex li nistabbilixxi għalfejn, fil-fehma tiegħi, l-allegat ksur jista’ jiġi kkunsidrat li huwa ta’ natura ġenerali u persistenti.
43. F’dan ir-rigward, naħseb li jkun ta’ għajnuna li nispjega fit-tul il-partijiet rilevanti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (“il-kawża dwar l-iskart Irlandiż”)(12). F’dan il-każ, il-Qorti qalet li filwaqt li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-allegazzjoni li l-obbligu ma twettaqx(13), “l-Istati Membri għandhom, skond l-Artikolu 10 KE, jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Kummissjoni, li tikkonsisti, b’mod partikolari, skond l-Artikolu 211 KE, f’li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tat-Trattat [(14)] [...] F’din il-perspettiva, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, fir-rigward tal-verifika ta’ l-applikazzjoni korretta fil-prattika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi biex jiżguraw l-implementazzjoni effettiva tad-Direttiva, il-Kummissjoni li [...] m’għandhiex setgħat ta’ investigazzjoni tagħha proprji f’dan il-qasam, tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq informazzjoni pprovduta minn min eventwalment jagħmel ilment u mill-Istat Membru kkonċernat [(15)] [...] Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed provi li juru li seħħu ċerti fatti fit-territorju ta’ l-Istat Membru konvenut, huwa dan ta’ l-aħħar li għandu jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni hekk imressqa u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha [(16)] [...] F’tali ċirkustanzi, fil-fatt, huma l-ewwel nett l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom iwettqu l-verifiki neċessarji fuq il-post, fi spirtu ta’ kooperazzjoni leali, konformement mad-dmir ta’ kull Stat Membru [...] li jiffaċilita l-missjoni ġenerali tal-Kummissjoni [(17)] [...] Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tinvoka lmenti dettaljati li juru nuqqasijiet ripetuti ta’ twettiq tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, għandu jkun l-Istat Membru kkonċernat li jikkontesta b’mod konkret il-fatti allegati f’dawn l-ilmenti [(18)] [...] Bl-istess mod, meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed provi li juru li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru żviluppaw prassi ripetuta u persistenti li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, huwa dan l-Istat Membru li għandu jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni hekk imressqa u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha.”(19)
44. Barra minn hekk, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja(20) il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “dan l-obbligu jaqa’ fuq l-Istati Membri bis-saħħa tad-dmir ta’ kooperazzjoni leali, previst fl-Artikolu 10 KE, li huwa applikabbli matul il-proċedura kollha prevista fl-Artikolu 226 KE”.
45. Huwa f’dan il-kuntest li ser nikkunsidra l-mertu ta’ dan il-każ.
46. L-ewwel nett, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda(21), “l-Kummissjoni tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata nuqqasijiet fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet ta’ direttiva minħabba l-fatt li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkunu allegatament adottaw prassi ġenerali kuntrarja għal dawn id-dispożizzjonijiet, u li din il-prassi tintwera permezz ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi”.
47. F’dan il-każ, nikkunsidra li jidher mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li kien hemm tal-anqas erbatax-il każ – li taf bihom il-Kummissjoni – ta’ sptarijiet li aġixxew bħala awtoritajiet kontraenti bil-mod żbaljat u illegali spjegat iktar ’il fuq.
48. Dawn l-erbatax-il każ ta’ allegat ksur tad-dritt Komunitarju jirrigwardaw l-isptarijiet segwenti: Attique, Agios Savvas ta’ Ateni, Elpis, Argos, l-isptar ta’ Ateni (Salib l-Aħmar) Korgialeneio-Benakeio, l-isptar ġenerali Geniko Nosokomeio ta’ Kalamata (fil-peniżola Peloponiża), l-isptar ġenerali ta’ Nauplie, l-Isptar Ġenerali tat-Tfal ta’ Ateni P. & A. Kyriakoy, Syros (fil-gżejjer Ċikladiċi), l-isptar ġenerali ta’ Sparta, l-isptar ġenerali Panakardiko ta’ Tripolis, l-isptar ġenerali u tal-maternità Elena Venizelou, l-isptar ġenerali Asklipieio Voulas Attiqus u Kos.
49. Jidher mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li ftit mill-ikbar sptarijiet fil-Greċja huma inklużi f’din il-lista, jiġifieri: Attique, Agios Savvas (sptar magħruf għat-trattament tal-kanċer), Korgialeneio-Benakeio, Kyriakoy u Elena Venizelou.
50. Barra minn hekk, nikkunsidra li dawn il-każijiet jidhru li jirriflettu kemm kopertura ġeografika wiesgħa kif ukoll numru ta’ oqsma ta’ speċjalizzazzjoni inklużi sptarijiet ġenerali, sptar għat-tfal, sptar għat-trattament tal-kanċer u sptar għall-maternità(22).
51. F’dan ir-rigward, naqbel mal-fehmiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda(23) fis-sens li “għalkemm każijiet iżolati jistgħu fihom infushom ikunu biżżejjed sabiex jikkostitwixxu ksur [...] ksur strutturali jindika li hemm prassi iktar ġenerali jew tendenza għal nuqqas ta’ konformità li probabbilment tibqa’ tiġi ripetuta. Fil-każ ta’ direttiva dan jimplika li l-kontenut sostantiv tad-direttiva, għal kwalunkwe raġuni, ma jkunx tqiegħed fil-prattika u li r-riżultat tad-direttiva ma jkunx intlaħaq fl-Istat Membru. Indikazzjoni ta’ dan tista’ tkun li l-prassi ma tkunx limitata għal lokalità partikolari fi Stat Membru, imma tkun iktar wiesgħa fis-sens li iktar sitwazzjonijiet li jmorru kontra t-termini tad-direttiva jseħħu simultanjament fit-territorju tal-Istat Membru” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan tabilħaqq jidher li huwa l-każ f’din il-kawża.
52. Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-prodott rilevanti f’dawn il-proċeduri huwa prodott li l-isptarijiet għandhom bżonn jixtru fuq bażi rikorrenti u regolari. Għalhekk, minħabba n-natura tal-prodott inkwistjoni f’dawn il-proċeduri – b’kuntrast ma’ dak li jinxtara fuq bażi ta’ darba – il-prassi ġenerali li tilmenta dwarha l-Kummissjoni, fil-fehma tiegħi, probabbilment tibqa’ tiġi ripetuta.
53. Għalhekk nikkunsidra li fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 45 sa 51 iktar ’il fuq, u x-xebh u n-natura ripetittiva tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, jidher li hemm nuqqas ġeneralizzat u sistematiku min-naħa tal-awtoritajiet kontraenti li jikkonformaw ruħhom mad-Direttivi 93/36 u 93/42 u min-naħa tar-Repubblika Ellenika(24).
54. Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi rrilevat li ladarba l-Kummissjoni ressqet provi biżżejjed sabiex turi li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru żviluppaw prassi ripetuta u persistenti li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 93/36 u 93/42, huwa dan l-Istat Membru li għandu jikkontesta, fis-sustanza u fid-dettall, l-informazzjoni mressqa u l-konsegwenzi li joħorġu minnha.
55. Madankollu, il-punt ċentrali ta’ dan il-każ huwa li l-Gvern Grieg naqas milli jikkontesta l-allegazzjonijiet rigward kull wieħed minn dawn l-isptarijiet(25). Barra minn hekk, il-Greċja la ressqet argumenti u lanqas provi speċifiċi sabiex tikkontradixxi jew tikkontesta, fis-sustanza u fid-dettall, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni.
56. Fil-fatt, fiċ-Ċirkulari Nru 19384, fil-fażi prekontenzjuża u, b’mod partikolari, fid-difiża tiegħu f’dawn il-proċeduri, il-Gvern Grieg jirrikonoxxi l-fatt li “ċerti sptarijiet aġixxew bi ksur tad-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti”.
57. Għalhekk, fid-dawl tan-nuqqas tal-Gvern Grieg li jikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni u li jipprovdi provi biżżejjed sabiex jikkonfuta dawn l-allegazzjonijiet, dawn l-allegazzjonijiet għandhom jitqiesu li ġew sostanzjati(26).
58. Nikkunsidra li l-Kummissjoni ressqet provi biżżejjed tal-ksur tad-dritt Komunitarju mill-Greċja. Dawn il-provi huma msaħħa bil-fatt, li joħroġ mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li ma ġiex ikkontestat mill-Gvern Grieg, li l-aġir illegali tal-awtoritajiet kontraenti la huwa kkontrollat u lanqas issanzjonat minn dan l-Istat Membru.
59. Jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-Greċja kienet obbligata, taħt l-Artikolu 19 KE, tiffaċilita l-adempiment tal-obbligi tal-Kummissjoni fil-proċeduri taħt l-Artikolu 226 KE.
60. Għalhekk, minflok sempliċement tinnega(27) li huwa possibbli, fuq il-bażi ta’ każijiet individwali (li fi kwalunkwe każ ma kkontestatx), li jiġi kkonstatat nuqqas ġenerali ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 10 KE, il-Greċja kien imissha ressqet il-prova ta’ każijiet fejn iż-żewġ direttivi inkwistjoni ġew implementati b’mod korrett. Għal dan il-għan, kien imissha pprovdiet stima tan-numru medju ta’ sejħiet għal offerti maħruġa kull sena minn sptar sabiex turi li l-każijiet li taf bihom il-Kummissjoni kienu, fuq il-bażi tan-numru, tal-firxa ġeografika u tan-natura tal-ispeċjalizzazzjoni tagħhom, verament eċċezzjonali, u li, rigward il-każijiet l-oħra kollha, dawn ma kienu kkaratterizzati minn ebda nuqqasijiet ġenerali. Madankollu, kemm fil-fażi prekontenzjuża kif ukoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha f’dawn il-proċeduri, il-Gvern Grieg manifestament ma għamel xejn minn dan.
61. L-uniku argument imressaq mill-Gvern Grieg huwa li l-Kummissjoni naqset milli tipprova li l-każijiet li kienet taf bihom hi mhumiex każijiet iżolati u eċċezzjonali.
62. Fil-fehma tiegħi, fid-dawl, minn naħa, tan-numru, tal-firxa ġeografika u tal-firxa ta’ speċjalizzazzjoni tal-isptarijiet, u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li huma jinkludu wħud mill-ikbar sptarijiet fil-Greċja, jidher li l-aġir tal-isptarijiet Griegi jammonta għal ksur ġeneralizzat u għalhekk ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa kkonfinat għal dawk l-erbatax-il każ li taf bihom il-Kummissjoni.
63. Fil-fatt, kif uriet il-Kummissjoni, in-numru ta’ każijiet ta’ ksur mill-awtoritajiet kontraenti u n-nuqqas li dan l-aġir jiġi kkontrollat u ssanzjonat fuq livelli amministrattivi u ġudizzjarji – kemm b’mod ġenerali kif ukoll f’każijiet individwali – iwasslu għal konklużjoni differenti minn dik sostnuta mill-Greċja. Għalhekk nikkunsidra li kemm l-aġir tal-awtoritajiet kontraenti kif ukoll il-prassi tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni rilevanti jirrendu l-ksur tal-proċedura legali ta’ natura sistematika.
64. Il-Kummissjoni wriet li l-eżistenza tas-sitwazzjonijiet fattwali li huma s-suġġett tad-diversi każijiet li sar l-ilment dwarhom, fid-dawl tan-numru u tan-natura tagħhom, tista’ tiġi spjegata biss b’tendenza għal nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tad-dritt Komunitarju fuq skala ikbar. F’sitwazzjoni bħal din, meħuda flimkien u f’dan il-kuntest, il-każijiet ta’ aġir li sar ilment dwaru ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala sempliċi każijiet iżolati, imma huma iktar sintomatiċi ta’ politika jew ta’ prassi amministrattiva li tmur kontra l-obbligi tal-Istat Membru(28).
65. Fil-fatt, it-twettiq ta’ proċeduri ta’ sejħiet għal offerti pubbliċi bi ksur tad-Direttiva 93/36 minn numru kbir ta’ sptarijiet imur kontra l-obbligi tal-awtoritajiet Griegi taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva.
66. Il-Kummissjoni tirrimarka ġustament li l-miżuri meħuda mill-Gvern Grieg sabiex jirrimedja għal dawn in-nuqqasijiet, wara li ġie nnotifikat bihom mill-Kummissjoni, sempliċement jikkonsistu fl-adozzjoni mill-EOF ta’ att regolatorju, jiġifieri, iċ-Ċirkulari Nru 19384, u fil-fatt li ntbagħtet nota ta’ tfakkir, sentejn wara. Għandu jiġi osservat li din tal-aħħar intbagħtet fid-19 ta’ Jannar 2006, xahar wara li l-Kummissjoni kienet bagħtet l-opinjoni motivata tagħha lill-awtoritajiet Griegi.
67. Madankollu, huwa evidenti mid-dokumenti quddiem il-Qorti li l-aġir illegali tal-awtoritajiet kontraenti, kif ukoll in-nuqqas tal-awtoritajiet Griegi li jikkontrollaw u jissanzjonaw dan l-aġir, baqa’ jippersisti.
68. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, naqbel mal-Kummissjoni li l-każijiet imressqa għall-attenzjoni tagħha jikkostitwixxu eżempji li huma indikattivi ta’ prassi komuni fl-isptarijiet Griegi rigward il-provvista ta’ apparat mediku.
69. L-argument tal-awtoritajiet Griegi – ibbażat fuq l-eżistenza ta’ proċeduri nazzjonali (ta’ appell), li huma maħsuba sabiex jittrattaw kull ksur relatat mal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – ma jiġġustifikax ksur tar-regoli Komunitarji rilevanti mill-Istat Membru.
70. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Brasserie du Pêcheur u Factortame(29), “skond ġurisprudenza kostanti, il-fakultà tal-partijiet f’kawża li jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali d-dispożizzjonijiet direttament applikabbli tat-Trattat tikkostitwixxi biss garanzija minima u mhijiex biżżejjed biex tassigura, waħedha, l-applikazzjoni sħiħa u kompleta tat-Trattat”.
71. Fil-fatt, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta minn prassi amministrattiva ta’ Stat Membru jassumi li tista’ tiġi dedotta tendenza partikolari ta’ aġir min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istat Membru konvenut(30).
72. Fl-opinjoni tiegħi dan huwa l-każ hawnhekk. Kif jidher mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prassi amministrattiva li sar l-ilment dwarha, li ngħataw diversi eżempji tagħha, hija evidentement, sa ċertu punt, ta’ natura kostanti u ġenerali u hija kkombinata, fl-istess ħin, ma’ nuqqas ta’ kontroll, infurzar u sanzjonijiet(31). Barra minn hekk, skont is-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni, kif spjegat fil-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidher – kif huwa evidenti mit-tendenza ġenerali li jiġu miċħuda l-appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti – li, mhux talli l-Kunsill tal-Istat jonqos li ma jaqbilx mal-interpretazzjoni żbaljata u illegali tad-dispożizzjonijiet applikabbli mill-awtoritajiet kontraenti, iżda talli kkonfermaha(32).
73. Fuq din il-bażi, nikkunsidra li l-prassi amministrattiva li sar l-ilment dwarha mill-Kummissjoni kif spjegat iktar ’il fuq probabbilment ser tibqa’ tippersisti. Barra minn hekk, jidher li dan il-ksur mir-Repubblika Ellenika mhux biss huwa probabbli li jkollu effetti negattivi fuq interessi speċifiċi protetti mid-Direttivi 93/36 u 93/42 imma wkoll, b’mod aktar ġenerali, fuq l-għanijiet promossi minn dawn id-direttivi.
74. Fil-fatt, f’dan il-każ ir-rimedju għas-sitwazzjoni jikkonsisti mhux biss f’li tittieħed azzjoni sabiex jiġu riżolti numru ta’ każijiet individwali li ma jikkonformawx mal-obbligu inkwistjoni taħt id-dritt Komunitarju, imma f’reviżjoni tal-politika ġenerali u tal-prassi amministrattiva tal-Istat Membru inkwistjoni(33).
75. Barra minn hekk, il-konklużjoni – li l-prassi amministrattiva li sar l-ilment dwarha hija evidentement, sa ċertu punt, ta’ natura kostanti u ġenerali, u hija kkombinata ma’ nuqqas ta’ kontroll, infurzar u sanzjonar – tidher li hija paradossalment ikkonfermata mill-argument tal-Gvern Grieg li s-sanzjonijiet (s’issa) ma setgħux jiġu imposti, minħabba li, fil-mument meta ppreżenta l-kontroreplika tiegħu, l-investigazzjoni mis-Servizz tas-Saħħa u Prevenzjoni kienet għadha għaddejja. Fil-fatt, prima facie, din l-investigazzjoni tidher li ttawlet mingħajr bżonn, b’mod partikolari minħabba li l-informazzjoni li ħarġet waqt il-proċedura amministrattiva taħt l-Artikolu 226 KE setgħat ippermettiet lill-awtoritajiet Griegi jkomplu l-investigazzjoni tagħhom. B’mod partikolari, mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni informat lill-Greċja għall-ewwel darba bl-aġir tal-awtoritajiet kontraenti fis-26 ta’ Settembru 2003 u l-Greċja ippreżentat il-kontroreplika tagħha fid-19 ta’ April 2007. Għalhekk tal-anqas tliet snin u nofs kienu laħqu għaddew mid-data li fiha l-Greċja ġiet innotifikata għall-ewwel darba bl-aġir inkwistjoni.
76. Fil-fehma tiegħi, għandu jiġi osservat hawnhekk li dan il-każ manifestament jissodisfa l-kriterji taż-żmien (il-fatt li s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità eżistiet fuq perijodu twil ta’ żmien) u tas-serjetà (il-punt sa fejn is-sitwazzjoni preżenti fl-Istat Membru tiddevja mir-riżultat li l-obbligu Komunitarju jfittex li jilħaq)(34).
77. Fl-aħħar nett, il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma oġġettivi u n-natura mtawla tal-investigazzjoni tal-awtoritajiet ma tistax isservi sabiex tikkanċella n-nuqqas tal-Greċja li twettaq l-obbligi tagħha. Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju(35) il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “skond ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prassi jew ċirkustanzi fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi taħt direttivi Komunitarji” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
78. Għalhekk, mill-ġurisprudenza msemmija hawn fuq isegwi li fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja mressqa mill-Gvern Grieg, il-Kummissjoni għandha tiġi kkunsidrata li pprovat suffiċjentement skont il-liġi li billi l-awtoritajiet kompetenti tal-isptarijiet Griegi ċaħdu offerti rigward apparat mediku li għandu l-marka ta’ ċertifikazzjoni CE, mingħajr, fi kwalunkwe każ, ma segwew il-proċedura stabbilita fid-Direttiva 93/42, il-Greċja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttivi 93/36 u 93/42(36).
IV – Spejjeż
79. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Il‑Kummissjoni talbet li l-Greċja tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
V – Konklużjoni
80. Għaldaqstant fl-opinjoni tiegħi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
– tiddikjara li, billi l-awtoritajiet kompetenti tal-isptarijiet Griegi ċaħdu offerti rigward apparat mediku li għandu l-marka ta’ ċertifikazzjoni CE, mingħajr, fi kwalunkwe każ, ma segwew il-proċedura stabbilita fid-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, dwar mezzi mediċi [apparat mediku], kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Settembru 2003, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista [għal provvisti] u l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 93/42 dwar mezzi mediċi [apparat mediku];
– tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Direttiva tal-14 ta’ Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi [apparat mediku] (ĠU 1993 L 169, p. 1), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU 2003 L 284, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/42”).
3 – Direttiva tal-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista [għal provvisti] (ĠU 1993 L 1999, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE tat-13 ta’ Settembru 2001 (ĠU 2001 L 285, p. 1) (iktar’il quddiem id-“Direttiva 93/36”). Id-Direttiva 93/36 ġiet imħassra bid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, kuntratti pubbliċi għal provvisti u kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU 2004 L 134, p. 114), madankollu, hija d-Direttiva 93/36 li hija rilevanti għall-fatti ta’ din il-kawża.
4 – Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, C‑6/05, Ġabra p. I‑4557.
5 – Direttiva tal-24 ta’ Lulju 1986 dwar l-istadju inizjali tar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjoni tat-tip għal tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjoni (ĠU 1986 L 217, p. 21).
6 – Direttiva tat-22 ta’ Diċembru 1986 dwar l-istandardizzazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni (ĠU 1987 L 36, p. 31).
7 – Skont l-ilment, il-kumitati kompetenti, normalment komposti minn tobba impjegati mal-isptarijiet, isostnu li huma intitolati jivverifikaw l-idoneità ġenerali u s-sigurtà tal-użu tal-apparat mediku inkwistjoni, u, filwaqt li jikkunsidraw li l-marka CE mhijiex garanzija xierqa u vinkolanti, sikwit isibu nuqqasijiet fl-istandards li, fl-opinjoni tal-kumitati, jillimitaw jew saħansitra jirrendu ċ-ċertifikat uffiċjali CE invalidu.
8 – Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL, C‑14/02, Ġabra p. I‑4431, punti 50 sa 53; tat-22 ta’ Mejju 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑103/01, Ġabra p. I‑5369, punti 28 u 29; u tat-8 ta’ Settembru 2005, Yonemoto, C‑40/04, Ġabra p. I‑7755, punti 31 u 32; u għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Medipac-Kazantzidis, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 83 sa 87.
9 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 55.
10 – Sentenza tas-27 ta’ April 2006, C‑441/02, Ġabra p. I‑3449, punt 47, li tirreferi għas-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-278/03, Ġabra p. I‑3747, punt 13. Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-342/05, Ġabra p. I‑4713, punt 22.
11 – Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, C-156/04, Ġabra p. I‑4129, punt 50, li tirreferi għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 49, 50 u 99, u l-ġurisprudenza ċċitata. Għal kawża fejn il-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza fi Stat Membru ta’ prassi amministrattiva bil-karatteristiċi meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-287/03, Ġabra p. I‑3761, punt 28.
12 – Sentenza tas-26 ta’ April 2005, C‑494/01, Ġabra p. I‑3331, punti 41 sa 47. Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-135/05, Ġabra p. I‑3475, punti 26 sa 32. Ara Lenaerts, K., “The Rule of Law and the Coherence of the Judicial System of the European Union”, 44 CML Rev. (2007), 1636, nota ta’ qiegħ il-paġna 70, li, min-naħa tiegħu, jirreferi għal Wennerås, P., “A New Dawn for Commission Enforcement under Articles 226 and 228 EC: General and Persistent (GAP) Infringements, Lump Sums and Penalty Payments”, 43 CML Rev. (2006), 31, u Schrauwen, A., “Fishery, waste management and persistent and general failure to fulfil control obligations: The role of lump sums and penalty payments in enforcement actions under Community law”, 18 Journal of Environmental Law (2006), 289.
13 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 96/81, Ġabra p. 1791, punt 6, u s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-408/97, Ġabra p. I‑6417, punt 15. Ara wkoll is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 272/86, Ġabra p. 4875, punt 21.
14 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 96/81, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 7, u Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-408/97, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 16.
15 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Olanda, C‑408/97, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 17.
16 – Ara f’dan is-sens is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑365/97, Ġabra p. I‑7773 (“San Rocco”), punti 84 u 86.
17 – Senteza San Rocco, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 85.
18 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, 272/86, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 19.
19 – Ara, b’analoġija, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, 272/86, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 21, u San Rocco, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 84 u 86.
20 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 32.
21 – Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, C‑248/05, Ġabra p. I‑9261, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata.
22 – Jidher mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-prassi li sar l-ilment dwarha testendi għal numru ta’ sptarijiet oħra, inklużi: l-isptar Ippokratio ta’ Tessaloniki (“wieħed mill-ikbar fil-pajjiż”), l-isptar ġenerali fi Trikala, l-isptar G. Papanikolaou f’Tessaloniki (“wieħed mill-ikbar fil-pajjiż”), l-Isptar Universitarju ta’ Patras, l-isptar tal-Ammiraljat Grieg f’Ateni, l-isptar Agia Sofia ta’ Ateni (“l-ikbar sptar għat-tfal fil-pajjiż”), l-Isptar Kifisia għall-inċidenti (KAT, “wieħed mill-isptarijiet prinċipali f’Ateni”) u l-isptar Tzanio (“l-isptar prinċipali f’Piraeus”).
23 – Kawża C‑494/01, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 44.
24 – Kuntrarjament, pereżempju, għas-sitwazzjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-229/00, Ġabra p. I‑5727, punt 53.
25 – Ipparaguna mal-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-494/01, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, fejn l-Irlanda kkontestat il-veraċità tal-biċċa l-kbira tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni. Ipparaguna wkoll mal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ April 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-375/90, Ġabra p. I-2055, punt 34, fejn minħabba li “ir-Repubblika Ellenika pprovdiet informazzjoni dettaljata fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta sabiex turi li fil-fatt kienet ikkonformat ruħha mar-rekwiżiti tal-Anness III u l-Kummissjoni ma kkontestatx l-eżattezza ta’ din l-informazzjoni”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet naqset milli tissostanzja l-allegazzjoni tagħha li d-dispożizzjonijiet tar-regolament rilevanti kienu nkisru.
26 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 272/86, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 21. Ara wkoll is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-508/03, Ġabra p. I‑3969, punt 80.
27 – Ipparaguna ma’ dak li ddeċidiet essenzjalment il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 272/86, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, fis-sens li minkejja li huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tipprova l-allegazzjoni tagħha, l-Istat Membru mhuwiex intitolat, fejn il-Kummissjoni tkun ressqet provi biżżejjed sabiex turi n-nuqqas li jitwettaq obbligu, li sempliċement jiċħad l-eżistenza tiegħu. L-Istat Membru jrid jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni mressqa u l-kosegwenzi tagħha. Jekk ma jagħmilx hekk, l-allegazzjonijiet għandhom jitqiesu li ġew issostanzjati.
28 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑494/01, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 55.
29 – Sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 20.
30 – Lenaerts, K., Arts, D., Maselis, I., Procedural Law of the European Union, it-tieni edizzjoni, Londra, 2006, p. 133, taqsima 5-008, li jiċċita, pereżempju, is-sentenzi tad-9 ta’ Mejju 1985, Il-Kummissjoni vs Franza, 21/84, Ġabra p. 1355; tat-18 ta’ Frar 1986 Il-Kummissjoni vs L-Italja, 35/84, Ġabra p. 545; tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-150/00, Ġabra p. I‑3887; u tat-2 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-41/02, Ġabra p. I‑11375.
31 – Similment għall-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-494/01, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, il-Greċja tidher (i) li naqset b’mod ġenerali li toħloq u/jew tinforza l-qafas legali u amministrattiv neċessarju għall-applikazzjoni xierqa u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 93/36 u 93/42, kif ukoll (ii) li tapplika u tinforza d-dispożizzjonijiet in casu. Fil-fatt, oġġettivament, jidher li hemm tendenza ġenerali min-naħa tal-awtoritajiet Griegi li jittolleraw sitwazzjonijiet fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx osservati (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda , C-494/01, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 132).
32 – Rigward il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ prassi relatata ma’ dispożizzjoni ‘newtrali’ tal-liġi nazzjonali, fil-kuntest ta’ aġir ġudizzjarju, ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-129/00, Ġabra p. I‑14637. Hemmhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet iċ-ċirkustanzi li fihom prassi ġudizzjarja nazzjonali tista’ tammonta għal nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 226 KE.
33 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-494/01, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 48, fejn jgħid li: “ir-restrizzjoni ta’ azzjoni rimedjali għal każijiet identifikati ta’ non-konformità fl-aħħar mill-aħħar tħalli sitwazzjonijiet oħra ta’ non-konformità intatti sakemm huma wkoll jiġu identifikati u kkontestati [...] mill-Kummissjoni fi proċeduri ġodda għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu [...] Fil-frattemp tibqa’ tippersisti sitwazzjoni li tmur kontra dak previst mill-miżura Komunitarja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
34 – Ibid., punti 45 u 46.
35 – Sentenza tal-1 ta’ Marzu 1983, 301/81 Ġabra p. 467, punt 6.
36 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza San Rocco, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 91.
Full & Egal Universal Law Academy