KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fid-9 ta’ Settembru 2008 1(1)
Kawża C‑518/06
Il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir‑Repubblika Taljana
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 43 KE u 49 KE – Dritt ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Assigurazzjoni għajr għall-ħajja – Obbligu ta’ assigurazzjoni tal-karozza għal terzi – Obbligu li jiġu konkluż kuntratt – Direttiva 92/49/KEE – Rati ta’ primjum”
I – Introduzzjoni
1. F’din il-kawża magħmula abbażi tal-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Taljana meta imponiet, inter alia, obbligu li jidħlu f’kuntratt fuq impriżi ta’ assigurazzjoni li huma awtorizzati li jipprovdu fl-Italja assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi persuni, hija kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 49 KE. Il-liġi Taljana tobbliga impriżi bħal dawn biex jipprovdu kopertura għall-assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi persuni għall-kategorija kollha ta’ persuni assigurati fir-reġjuni kollha tal-Italja. Il‑Kummissjoni ssostni wkoll li meta introduċiet u żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li permezz tagħha l-primjums għall-assigurazzjoni tal-karozza għal terzi jridu jiġu kkalkolati abbażi ta’ parametri fissi u l-primjums għall-assigurazzjoni bħal din huma suġġetti għal kontrolli retroattivi, ir-Repubblika Taljana qed tikser l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 6, 9, 29 u 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar assigurazzjoni diretta eskluża assigurazzjoni fuq il-ħajja u d-Direttivi li emendawha 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja) (2). L-obbligi inkwistjoni japplikaw għal impriżi li għandhom l-uffiċċju prinċipali fl-Italja u għal impriżi li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f’xi Stat Membru ieħor, imma li joperaw fl-Italja skont il-libertà tal-istabbiliment jew il-libertà li tipprovdi servizzi. Ksur tal-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ multi mill-Istituto per la vigilanza sulle assicurazioni private e di interesse collettivo (ISVAP), il-korp ta’ sorveljanza Taljan għall-assigurazzjoni privata.
II – Kuntest Legali
A – Leġiżlazzjoni Komunitarja
2. L-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/49, li hu inkluż fit-Titolu II intitolat ‘Bidu ta’ Negozju ta’ Assigurazzjoni’ jipprovdi:
“[…]
3. Xejn f’din id-Direttiva m’għandu jipprevjeni Stati Membri milli jżommu fis-seħħ jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jeħtieġu approvazzjoni tal-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni u komunikazzjoni ta’ kull dokument ieħor neċessarju għal eżerċizzju normali ta’ sorveljanza.
L-Istati Membri m’għandhomx, madankollu, jadottaw dispożizzjonijiet li jeħtieġu l-approvazzjoni minn qabel jew in-notifika sistematika ta’ kondizzjonijiet ta’ politika ġenerali u speċjali, skali ta’ primja u formoli u dokumenti stampati oħrajn li imppriża jkollha l-ħsieb li tuża fit-trattamenti tagħha ma’ titolari ta’ poloz.
Stati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu notifika jew approvazzjoni bil-quddiem ta’ żidiet proposti fir-rati ta’ primja ħlief bħala parti minn sistemi ġenerali ta’ kontroll ta’ prezzijiet.
[…]”
3. L-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49, li hu inkluż fit-Titolu III intitolat “Armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet li jirregolaw in-negozju ta’ assigurazzjoni”, jipprovdi:
“[…]
1. Is-sorveljanza finanzjarja ta’ intrapriża ta’ assigurazzjoni, inkluża dik tan-negozju li ssegwi jew permezz ta’ fergħat jew bil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandha tkun ir-responsabbiltà unika ta’ l-Istat Membru tal-lokalità.
2. Dik is-sorveljanza finanzjarja għandha tinkludi verifika, fir-rigward tan-negozju kollu ta’ l-intrapriża, ta’ l-istat tal-likwidità tagħha, ta’ l-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet tekniċi u ta’ l-assi li jkopruhom skont ir-regoli stabbiliti jew il-prattiċi segwiti fl-Istat Membru tal-lokalità skont id-dispożizzjonijiet adottati fil-livell Komunitarju. […]
3. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità għandhom jeħtieġu li kull intrapriża ta’ assigurazzjoni jkollha proċeduri sodi amministrattivi u ta’ kontabbiltà u mekkaniżmi adegwati ta’ kontroll.”
4. L-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/49, li huwa inkluż ukoll fit-Titolu III, jipprovdi:
“Stati Membri m’għandhomx jadottaw dispożizzjonijiet li jeħtieġu approvazzjoni minn qabel jew notifika sistematika ta’ kondizzjonijiet ta’ politika ġenerali u speċjali, skali ta’ primja, jew formoli u dokumenti stampati oħrajn li l-intrapriża ta’ l-assigurazzjoni jkollha l-ħsieb li tuża fit-trattament tagħha ma’ titolari tal-poloz. Huma jkunu jistgħu jeħtieġu biss notifika mhux sistematika ta’ dawk il-kondizzjonijiet tal-polza u dokumenti oħrajn għall-iskop ta’ verifika tal-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw kuntratti ta’ assigurazzjoni, u dik il-ħtieġa ma tistax tikkostitwixxi kondizzjoni bil-quddiem biex intrapriża ssegwi n-negozju tagħha.
Stati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu notifika jew approvazzjoni bil-quddiem taż-żidiet proposti fir-rati tal-primjum ħlief bħala parti minn sistemi ġenerali ta’ kontroll tal-prezzijiet.”
5. L-Artikolu 39 tad-Direttiva 92/49 li hu inkluż fit-Titolu IV intitolat “Dispożizzjonijiet rigward id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi”, jipprovdi:
“[…]
2. L-Istat Membru tal-fergħa jew tal-provvista ta’ servizzi m’għandux jadotta dispożizzjonijiet li jeħtieġu approvazzjoni minn qabel jew notifika sistematika ta’ kondizzjonijiet ta’ politika ġenerali u speċjali, skali ta’ primjum, jew formoli u dokumenti stampati oħrajn li l-intrapriża jkollha l-ħsieb li tuża fit-trattamenti tagħha ma’ titolari tal-poloz. Huwa jista’ biss jeħtieġ li intrapriża li tipproponi li ssegwi negozju ta’ assigurazzjoni fit-territorju tiegħu, skont id-dritt ta’ l-istabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tagħmel notifika mhux sistematika ta’ dawk il-kondizzjonijiet ta’ poloz u dokumenti oħrajn għall-iskop ta’ verifika ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw kuntratti ta’ assigurazzjoni, u dik il-ħtieġa ma tistax tikkostitwixxi kondizzjoni bil-quddiem biex intrapriża ssegwi n-negozju tagħha.
3. L-Istat Membru tal-fergħa jew tal-provvista ta’ servizzi ma jistax iżomm jew jintroduċi notifika jew approvazzjoni bil-quddiem taż-żidiet proposti fir-rati tal-premium ħlief bħala parti minn sistemi ġenerali ta’ kontroll tal-prezzijiet.”
B – Leġiżlazzjoni nazzjonali
6. L-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 990 tal-24 ta’ Diċembru 1969 rigward l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u opri tal-baħar (“Liġi Nru 990”) jipprovdi:
“L-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom, abbażi tat-termini kuntrattwali u r-rati ta’ l-assigurazzjoni approvati jew stabbiliti mill-Ministru għall-Industrija, Kummerċ u Industriji Żgħar tal-Artiġġjanat, jaċċettaw il-proposti għal assigurazzjoni obbligatorja li jiġu ppreżentati lilhom skont din il-liġi.”
7. L-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 jipprovdi:
“Sabiex jiġu osservati l-obbligi msemmija taħt il-paragrafu 1 l-impriżi, meta jikkalkolaw ir-rati tal-primja tagħhom, għandhom jikkalkolaw primjums puri u żidiet fil-primjums separatament, skont il-bażijiet tekniċi tagħhom li għandhom ikunu biżżejjed wiesgħa u għandhom ikollhom terminu ta’ mill-inqas ħames snin. Jekk dawn il-bażijiet ma jkunux disponibbli l-impriżi jistgħu jużaw statistiċi tas-suq. Jekk l-ISVAP jaċċerta li jkun hemm evażjoni tal-obbligu li tiġi pprovduta assigurazzjoni fir-rigward ta’ inħawi territorjali speċifiċi jew kategoriji speċifiċi ta’ titolari tal-poloz, tiġi applikata penali ta’ 3% tal-premium relatat mar-responsabbiltà ta’ l-assigurazzjoni tal-karozzi kif muri fl-aħħar karta tal-bilanċ approvata, b’minimu ta’ EUR 1 sa massimu ta’ EUR 5 miljun. F’każ ikun hemm evażjoni b’mod ripetut ta’ l-obbligu li tassigura, l-awtorizzazzjoni biex tiġi segwita attività fil-qasam ta’ l-assigurazzjoni għal dik li hija responsabbiltà ċivili fl-użu ta’ vetturi bil-mutur tista’ tiġi revokata.”
8. L-Artikolu 12(a) tal-Liġi Nru 990 jipprovdi:
“1. Biex jiġu garantiti t-trasparenza u l-kompetizzjoni fil-provvista ta’ servizzi ta’ l-assigurazzjoni kif ukoll informazzjoni adegwata għall-utenti, impriżi li joperaw fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u opri tal-baħar għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-primjums u t-termini kuntrattwali ġenerali u speċjali applikati fit-territorju tar-Repubblika Taljana.
2. Il-primjums applikati, kif stabbiliti minn kull impriża tal-assigurazzjoni, għal titolari tal-poloz li huma fil-kategorija bil-bonus massimu matul is-sentejn preċedenti, għandhom ikunu uniformi għat-territorju nazzjonali kollu.
3. Ir-reklamar tal-primjums u tat-termini kontrattwali skont il-paragrafu 1 għandu jsir f’kull punt tal-bejgħ ta’ l-assigurazzjoni u permezz ta’ siti ta’ l-internet sabiex ikun possibbli għall-utenti li jikkalkolaw il-primjums u jakkwistaw informazzjoni dwar it-termini tal-kuntratti ta’ l-assigurazzjoni għall-vetturi, muturi, mopeds u opri tal-baħar li għandhom jiġu assigurati.
[…]
5. Kull ksur jew eżekuzzjoni inkompleta tal-obbligi li jinsabu fil-paragrafi 1 u 3 huma suġġetti għal penali amministrattiva li tvarja minn EUR 2 600 sa EUR 10 300. F’każ ta’ ommissjoni jew dewmien li jeċċedi t-tletin ġurnata, il-penali għandha [tiġi] rduppjata.”
9. L-Artikolu 12(d)(1) tal-Liġi Nru 990 jipprovdi:
“Il-ksur jew l-evażjoni minn impriżi ta’ l-assigurazzjoni ta’ l-obbligu li jiġu aċċettati l-proposti ta’ titolari ta’ poloz skont l-Artikolu 11 fir-rigward ta’ assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fl-użu ta’ vetturi bil-mutur u opri tal-baħar għandhom ikunu suġġetti għal multa li tvarja minn 3 sa 9 miljun Lire skont il-ksur imwettaq.”
10. L-obbligu li tidħol f’kuntratt stipulat fl-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 990 inżamm fis-seħħ bis-saħħa tal-Artikolu 132(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 209 tas-7 ta’ Settembru 2005 – Kodiċi tal-Assigurazzjoni Privata (il-“Kodiċi”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006. L-Artikolu 132(1) tal-Kodiċi jipprovdi:
“Impriżi ta’ l-assigurazzjoni jkunu meħtieġa, abbażi tat-termini kuntrattwali u r-rati tal-assigurazzjoni li jridu jistabbilixxu bil-quddiem għal kwalsiasi riskju fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u opri tal-baħar, li jaċċettaw il-proposti rigward assigurazzjoni obbligatorja li jiġu sottomessi lilhom, bla preġudizzju għall-evalwazzjoni meħtieġa tal-korrettezza tad-data murija fiċ-ċertifikat ta’ l-esperjenza tal-klejms, u l-identifikazzjoni tat-titolari tal-polza u s-sid tal-vettura, jekk ikun xi ħadd differenti mit-titolari tal-polza.”
11. L-Artikolu 132(2) tal-Kodiċi, li jistabbilixxi eċċezzjoni għall-obbligu ġenerali li tidħol f’kuntratt inkluż fl-Artikolu 132(1) tal-Kodiċi, jipprovdi:
“Impriżi tal-assigurazzjoni, jistgħu jitolbu li l-awtorizzazzjoni tkun limitata għal negozju tal-flotta għall-iskopijiet ta’ konformità mal-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-paragrafu 1.”
12. L-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 ġie mibdul bl-Artikoli 35(1) u 314(2) tal-Kodiċi. L-Artikolu 35(1) tal-Kodiċi jipprovdi:
“Meta tistabbilixxi r-rati tal-primjum l-impriża għandha tikkalkula primjums puri u żidiet fil-primjums separatament u b’mod konsistenti mal-bażijiet tekniċi, li għandhom ikunu kbar biżżejjed u mifruxa fuq tal-inqas ħames snin. Fejn dawn il-bażijiet ma jkunux disponibbli l-impriża tista’ tuża data statistika tas-suq.”
13. L-Artikolu 314(2) tal-Kodiċi jipprovdi:
“Il-ksur jew l-evażjoni tal-obbligazzjoni li tassigura stipulata fl-Artikolu 132(1), li ġie kommess fir-rigward ta’ ċerti żoni territorjali jew kategoriji singoli ta’ titolari tal-polza, għandu jiġi punit b’sanzjoni pekunjarja li tvarja minn EUR 1 miljun għal EUR 5 miljun.”
14. L-Artikolu 12(a) tal-Liġi Nru 990 ġie mibdul bl-Artikoli 131 u 313 tal-Kodiċi. L-Artikolu 131 tal-Kodiċi jipprovdi:
“1. Biex jiġu garantiti l-kxif ta’ tagħrif u l-kompetizzjoni fil-provvista ta’ servizzi tal-assigurazzjoni kif ukoll informazzjoni adegwata għal dawk li għandhom jikkonformaw mal-obbligazzjoni li jassiguraw vetturi bil-mutur u opri tal-baħar, l-impriżi għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku nota ta’ informazzjoni u t-termini kuntrattwali applikati fit-territorju tar-Repubblika Taljana f’kull punt ta’ bejgħ u fuq l-internet.
2. Ir-reklamar tal-premja għandu jsir permezz ta’ stimi skont il-każ maħruġin fil-punt tal-bejgħ tal-impriża tal-assigurazzjoni u permezz ta’ siti tal-internet fejn ikun possibbli li tirċievi l-istess stima għall-vetturi u l-opri tal-baħar indikati fir-regolament ta’ implimentazzjoni. […]
3. L-ISVAP għandu, bir-regolament tiegħu stess jistabbilixxi d-doveri imposti fuq l-impriżi u l-intermedjarji.”
15. L-Artikolu 313 tal-Kodiċi jipprovdi:
“In-nuqqas ta’ konformità mal-obbligazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 131 għandha tiġi punita b’sanzjoni amministrattiva pekunjarja li tvarja minn EUR 1 000 sa EUR 10 000.”
16. L-Artikolu 12(d)(1) tal-Liġi Nru 990 ġie mibdul bl-Artikolu 314(1) tal-Kodiċi li jipprovdi:
“Ir-rifjut ta’ twettiq jew l-evażjoni tal-obbligazzjoni ta’ assigurazzjoni stabbilit bl-Artikolu 132(1), għandu jiġi punit b’sanzjoni amministrattiva pekunjarja li tvarja minn EUR 1 500 sa EUR 4 500.”
III – Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċeduri ġudizzjarji
17. B’ittra tat-22 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Taljani li hi kkunsidrat li l-Artikoli 11(1), 11(1)(a), 12(a) u 12(d) tal-Liġi Nru 990 kif ġiet emendata ma kinux kompatibbli mal-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49. Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ġunju 2004, l-awtoritajiet Taljani indikaw li huma kkunsidraw li l-leġiżlazzjoni Taljana dwar assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi bil-mutur rigward responsabbiltà għal terzi kienet kompatibbli mad-dritt Komunitarju u b’mod partikolari mal-Artikolu 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49.
18. Fid-9 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Taljana ittra ta’ intimazzjoni. Il-Kummissjoni indikat li kienet irċeviet ilmenti, minn tliet kumpanniji tal-assigurazzjoni li joffru assigurazzjoni ta’ vetturi fl-Italja bil-libertà li tipprovdi servizzi, rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 mill-ISVAP. Il-Kummissjoni kkunsidrat li r-Repubblika Taljana kienet naqset milli tikkonforma mal-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49 u stiednet dak l-Istat Membru biex jissottometti osservazzjonijiet fi żmien xahrejn. Permezz ta’ ittra tal- 31 ta’ Awwissu 2004, ir-Repubblika Taljana wieġbet għall-avviż formali tal-Kummissjoni, fejn indikat li kienet tikkunsidra l-liġi Taljana bħala li tikkonforma b’mod sħiħ mad-dritt Komunitarju.
19. Fit-22 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni supplimentari lir-Repubblika Taljana fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2004 f’CaixaBank France (3). Il-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-obbligu li tidħol f’kuntratt impost fuq l-impriżi kollha awtorizzati li jipprovdu assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi bil-mutur għal responsabbiltà għal terzi huwa restrizzjoni fuq id-dritt tal-istabbiliment skont l-Artikolu 43 KE u l-libertà li tipprovdi servizzi skont l-Artikolu 49 KE. Il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Taljana biex tissottometti osservazzjonijiet fi żmien xahar.
20. Fl-assenza ta’ xi tweġiba għall-ittra supplimentari tagħha ta’ avviż formali, fit-18 ta’ Ottubru 2005 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Taljana. Fl-opinjoni motivata tagħha l-Kummissjoni ddikjarat li hi kkunsidrat li r-Repubblika Taljana kienet naqset milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont l-Artikoli 6, 29 u 39 rispettivament tad-Direttiva 92/49 u l-Artikoli 43 KE u 49 KE. Il-Kummissjoni għamlet sejħa lir-Repubblika Taljana biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma mal-opinjoni motivata fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.
21. Fit-3 ta’ Novembru 2005, ir-Repubblika Taljana nnotifikat il-Kummissjoni bil-pubblikazzjoni tal-Kodiċi fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Taljana (la Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana). Ir-Repubblika Taljana kkunsidrat li l-Artikolu 132(2) tal-Kodiċi, li jipprovdi li impriża tal-assigurazzjoni tista’ titlob li l-awtorizzazzjoni tagħha tiġi limitata għan-negozju tal-flotta, jissodisfa l-oġġezzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal-avviż formali.
22. B’ittra tat-30 ta’ Diċembru 2005, ir-Repubblika Taljana sostniet, bħala tweġiba għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, li l-leġiżlazzjoni Taljana tikkonforma b’mod sħiħ mad-dritt Komunitarju. Ir-Repubblika Taljana stqarret ukoll li l-proċeduri legali mill-ISVAP kontra t-tliet kumpanniji tal-assigurazzjoni li joffru assigurazzjoni għall-vetturi fl-Italja taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi li għamlu l-ilment mal-Kummissjoni kienu ġew sospiżi. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana għal darb’oħra ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-Artikolu 132(2) tal-Kodiċi.
23. Fid-dawl tat-tweġiba tar-Repubblika Taljana għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni fl-10 ta’ April 2006 bagħtet opinjoni motivata addizzjonali lil dak l-Istat Membru. Il-Kummissjoni stqarret li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt li jinsab fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 990, huwa marbut mal-obbligu impost fuq impriżi tal-assigurazzjoni li jikkalkolaw ir-rati tal-primjum tagħhom skont il-bażijiet tekniċi tagħhom li għandhom ikunu biżżejjed wiesgħa u għandhom ikollhom terminu ta’ mill-inqas ħames snin. Skont il-Kummissjoni, ir-regolamentazzjoni tar-rati tal-primjum tmur kontra l-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-superviżjoni finanzjarja eżerċitata mill-ISVAP fir-rigward tal-kalkolu ta’ rati tal-primjum tikser l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49 li jipprovdi li r-responsabbiltà għal tali superviżjoni hija tal-Istat Membru tal-lokalità. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li l-obbligu li tidħol f’kuntratt li jinsab fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 990 huwa restrizzjoni mhux iġġustifikata tal-libertà tal-istabbiliment skont l-Artikolu 43 KE u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 49 KE.
24. Fit-18 ta’ Mejju 2006, bi tweġiba għall-opinjoni motivata addizzjonali tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Taljana stqarret mill-ġdid li hi kienet tikkunsidra li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt impost bil-liġi Taljana u r-regoli fir-rigward tal-kalkolu tar-rati tal-primjum kienu jikkonformaw mad-dritt Komunitarju. Ir‑Repubblika Taljana għal darb’oħra ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għat-termini tal-Artikolu 132(2) tal-Kodiċi. Barra dan, ir-Repubblika Taljana stqarret li d-dispożizzjonijiet tal-liġi Taljana inkwistjoni kienu ġġustifikati, inter alia, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku.
25. Peress li kkunsidrat li l-argumenti tar-Repubblika Taljana bi tweġiba għall-opinjoni motivata addizzjonali kienu insuffiċjenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-kawża preżenti.
26. B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 2007, ir-Repubblika tal-Finlandja ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tal-konklużjonijiet tar-Repubblika Taljana.
27. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Kummissjoni, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Finlandja. Il-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana ppreżentaw sottomissjonijiet orali waqt is-seduta tat-13 ta’ Mejju 2008.
IV – Dikjarazzjonijiet mitluba
28. Il-Kummissjoni talbet il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika Taljana:
– billi introduċiet u żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li biha l-primjums għal assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur għal dik li hija responsabbiltà għal terzi trid tiġi kalkolata abbażi ta’ parametri fissi;
– billi għamlet il-primjums għal assigurazzjoni għall-vetturi bil-mutur rigward responsabbiltà għal terzi suġġetti għal kontrolli ex post facto,
naqset milli twettaq l-obbligi tagħha rigward il-bejgħ liberu fis-suq ta’ prodotti tal-assigurazzjoni li hi suġġetta għalihom taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà fl-iffissar tal-prezzijiet stipulati fl-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE […];
– billi kkontrollat ir-regoli dettaljati li bihom impriżi tal-assigurazzjoni li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor, imma li joperaw fl-Italja fl-eżerċizzju tad-dritt tal-istabbiliment jew il-libertà li jipprovdu servizzi, jikkalkolaw il-primjums tal-assigurazzjoni tagħhom;
– billi imponiet multi għal ksur tar-regoli Taljani li jikkonċernaw il-kalkolu tal-primjums tal-assigurazzjoni, anki fil-każ ta’ impriżi tal-assigurazzjoni li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor imma li joperaw fl-Italja fl-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi,
naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49;
– billi żammet l-obbligu li tiġi pprovduta kopertura għar-responsabbiltà lejn terzi minn vetturi bil-mutur, fuq l-impriżi kollha tal-assigurazzjoni, inklużi dawk li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor imma li joperaw fl-Italja fl-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi,
naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
29. L-Italja tikkontendi li r-rikors għandu jiġi miċħud.
V – Ammissibbiltà
30. Waqt is-seduta tat-13 ta’ Mejju 2008, ir-Repubblika Taljana sostniet li r-rikors f’din il-kawża huwa inammissibbli. Skont ir-Repubblika Taljana, il‑Kummissjoni “biddlet kompletament il-loġika tat-talbiet tagħha” kontra dak l-Istat Membru. Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li inizjalment il-Kummissjoni kkritikat ir-regoli dwar ir-rati tal-primjum. Sussegwentement il-Kummissjoni oġġezzjonat biss għall-obbligu li tidħol f’kuntratt impost fuq impriżi tal-assigurazzjoni skont il-leġiżlazzjoni Taljana rilevanti.
31. Il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-kawża hija ammissibbli.
32. Jien nikkunsidra li dak sostnut mir-rappreżentant tar-Repubblika Taljana dwar l-ammissibbiltà huwa pjuttost vag. Madankollu, jidher mir-referenza speċifika li saret mir-rappreżentant tar-Repubblika Taljana għall-‘inammissibbiltà tar-rikors’ f’din il-kawża (4) li dak l-Istat Membru jikkunsidra li l-proċedura prekontenzjuża li wasslet għall-preżentazzjoni tar-rikors f’din il-kawża kienet vizzjata peress li l-Kummissjoni rrivediet l-importanza relattiva ta’ uħud mill-oġġezzjonijiet tagħha għal-leġiżlazzjoni Taljana matul il-proċedura prekontenzjuża u l-preżentazzjoni tar-rikors.
33. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-għan tal-proċedura prekontenzjuża hu li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu skont id-dritt Komunitarju u, min-naħa l-oħra, li jippreżenta b’mod effettiv id-difiża tiegħu kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni (5). Ir-regolarità ta’ din il-proċedura tikkostitwixxi wkoll garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat KE sabiex tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru fil-kawża. Hu biss meta din il-garanzija hija osservata li l-proċedura kontradittorja quddiem il-Qorti tippermettilha sabiex tiddeċiedi jekk dan l-Istat effettivament naqasx milli jwettaq l-obbligi li l-Kummissjoni tallega l-ksur tagħhom (6).
34. Barra dan, irid jiġi osservat li, filwaqt li l-opinjoni motivata msemmija fl-Artikolu 226 KE jrid ikun fiha dikjarazzjoni koerenti u dettaljata tar-raġunijiet li wasslu l-Kummissjoni li tikkonkludi li l-Istat Membru inkwistjoni naqas milli josserva xi wieħed mill-obbligi li għandu taħt it-Trattat, l-ittra ta’ intimazzjoni ma tistax tkun suġġetta għal rekwiżiti stretti ta’ preċiżjoni bħal dawn, peress li ma tistax, neċessarjament, ikun fiha xi ħaġa iktar minn sunt inizjali qasir tal-ilmenti (7).
35. Huwa fid-dawl ta’ dik il-ġurisprudenza li hu meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni rrispettatx id-drittijiet tad-difiża fir-rigward tar-Repubblika Taljana fil-proċedura prekontenzjuża.
36. Irid jitfakkar li l-Kummissjoni sostniet fl-opinjoni motivata addizzjonali tagħha li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt li li jinsab fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 990 huwa marbut mal-obbligu impost fuq impriżi tal-assigurazzjoni biex jikkalkolaw ir-rati tal-primjums tagħhom b’metodu partikolari li jmur kontra l-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-superviżjoni finanzjarja eżerċitata mill-ISVAP fir-rigward tal-kalkolu tar-rati tal-primjum tikser l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li l-obbligu li tidħol f’kuntratt impost bil-liġi Taljana fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni jikkostitwixxi restrizzjoni inġusta fuq il-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 KE.
37. Fil-fehma tiegħi, l-opinjoni motivata addizzjonali u r-rikors f’din il-kawża huma bbażati fuq l-istess talbiet. Tabilħaqq, l-ordni tat-talbiet fir-rikors fil-kawża preżenti hija identika għall-ilmenti fl-opinjoni motivata addizzjonali. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-asserzjoni tar-Repubblika Taljana (8), il-Kummissjoni speċifikament ikkritikat, fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha u fl-ittra supplimentari tal-intimazzjoni, l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt impost fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni u r-regoli dwar ir-rati tal-primjum skont il-leġiżlazzjoni Taljana rilevanti (9).
38. Għalhekk, jien nikkunsidra li l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni fil-proċedura prekontenzjuża kienu biżżejjed ċari li jagħmluha possibbli għar-Repubblika Taljana li tagħmel id-difiża tagħha fil-kawża preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
39. Għandu jiġi nnotat, għall-iskopijiet ta’ kompletezza, li r-rappreżentant tal-Kummissjoni waqt is-seduta kkunsidra li l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mressqa mir-Repubblika Taljana kellha x’taqsam mal-fatt li l-Kummissjoni, fit-tweġiba tagħha, kienet ifformulat mill-ġdid l-importanza relattiva tal-ilmenti kontra r-Repubblika Taljana fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet li saru minn dak l-Istat Membru għad-difiża tiegħu. Il-Kummissjoni sostniet ukoll li mid-difiża tar-Repubblika Taljana f’din il-kawża hi fehmet li “l-uniku għan tas-sanzjonijiet kien li tiġi żgurata konformità mal-obbligu li tidħol f’kuntratt”.
40. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha f’din il-kawża tabilħaqq stqarret li, fid-dawl tad-difiża tar-Repubblika Taljana u l-importanza relattiva mogħtija minn dak l-Istat Membru għall-ilmenti mressqin fir-rikors tal-Kummissjoni, l-ilmenti li jikkonċernaw l-ewwel nett, ksur tal-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49 u t-tieni nett, ksur tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49 huma sempliċement anċillari għall-ilment prinċipali li ġie mressaq li jikkonċerna l-ksur tal-Artikolu 43 KE u 49 KE li jirriżulta mill-obbligu li tidħol f’kuntratt impost fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni.
41. Fil-fehma tiegħi, it-tweġiba tal-Kummissjoni u d-dikjarazzjoni tagħha waqt is-smigħ li tikkonċerna l-importanza relattiva li għandha tingħata lill-ilmenti tagħha trid tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan l-Artikolu jipprovdi li l-ebda eċċezzjoni legali ġdida ma tista’ tiġi introdotta fil-kors tal-proċeduri legali sakemm ma tkunx ibbażata fuq kwistjonijiet ta’ dritt jew ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.
42. Jien nikkunsidra li l-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, ma introduċietx xi eċċezzjonijiet ġodda li ma kinux diġà inklużi fir-rikors tal-Kummissjoni f’din il-kawża. Barra dan, fil-fehma tiegħi, il-formolazzjoni mill-ġdid tal-importanza relattiva tal-ilmenti tal-Kummissjoni kontra r-Repubblika Taljana u l-identifikazzjoni tal-ilment li jikkonċerna l-ksur tal-Artikolu 43 KE u 49 KE minħabba l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt impost mill-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 990, kif emendata, bħala l-ilment prinċipali ma tammontax għal eċċezzjoni ġdida skont it-tifsira tal-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura imma sempliċement tamplifika eċċezzjoni li għandha titqies bħala ammissibbli (10).
43. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni tar-Repubblika Taljana dwar l-inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.
VI – Sustanza
A – Rimarka Preliminari
44. Il-kawża preżenti hija bbażata fuq tliet ilmenti. Tenut kont tal-fatt li l-partijiet fil-kawża t-tnejn li huma jidhru li identifikaw it-talba tal-Kummissjoni li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 49 KE bħala l-ilment prinċipali, jien ser nittratta l-ewwel dak l-ilment.
B – L-ewwel ilment – Ksur tal-Artikoli 43 KE u 49 KE
1. L-argumenti tal-partijiet
45. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt skont l-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 990 (11) impost fuq l-impriżi kollha awtorizzati biex jipprovdu assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi fl-Italja, fir-rigward tal-kategoriji kollha ta’ persuni assigurati u r-reġjuni kollha tal-Italja tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 43 KE u l-libertà li tipprovdi servizzi skont l-Artikolu 49 KE. L-Artikoli 11(1)(a), 12(a) u 12(d)(i) tal-Liġi Nru 990 (12), li jipprovdu għall-impożizzjoni ta’ multi mill-ISVAP, jiġu applikati biss minn dak il-korp sabiex tiġi evitata l-evażjoni tal-obbligu li tidħol f’kuntratt, jirrestrinġu wkoll il-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 43 KE u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 49 KE.
46. Waqt is-seduta fit-13 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni ddikjarat li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt huwa l-agħar restrizzjoni li jista’ jimponi leġiżlatur fuq impriża peress li ċċaħħad l-impriża mil-libertà bażika li tagħżel il-parti li lilu tbiegħ l-oġġetti jew tipprovdi s-servizzi. Il-Kummissjoni tammetti li madankollu jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet, bħal pereżempju fil-każ tal-provvista tal-ilma, gass u elettriku, fejn l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ikun iġġustifikat.
47. Skont il-Kummissjoni, l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt skont il-leġiżlazzjoni Taljana, jiskoraġġixxi impriżi tal-assigurazzjoni stabbiliti fi Stati Membri oħrajn milli jistabbilixxu ruħhom fl-Italja u milli jipprovdu servizzi hemmhekk, u b’hekk tostakola l-aċċess għas-suq Taljan. Minħabba l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt, impriżi tal-assigurazzjoni ma jistgħux jeżerċitaw għażliet strateġiċi tas-suq billi jagħżlu liberament is-servizzi tal-assigurazzjoni li jixtiequ jipprovdu u l-klijenti ta’ dawn is-servizzi. Impriżi tal-assigurazzjoni, sabiex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Taljana, ikollhom isostnu spejjeż li huma għal kollox eċċessivi relattivament mal-istrateġija korporattiva tagħhom. Spejjeż addizzjonali bħal dawn, li effettivament jiskoraġġixxu impriżi tal-assigurazzjoni milli jidħlu fis-suq Taljan, huma anki iktar restrittivi għal impriżi tal-assigurazzjoni li joffru assigurazzjoni tal-vetturi fl-Italja bil-libertà li jiġi pprovduti servizzi u li b’hekk iridu jwettqu numru limitat ta’ tranżazzjonijiet fis-suq Taljan ta’ natura okkażjonali. Impriżi tal-assigurazzjoni tal-Komunità ma jitħallewx jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fl-Italja b’mod progressiv u b’tali mod l-aċċess tagħhom għas-suq Taljan għall-assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi jsir fih wisq spejjeż u riskji. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li impriżi tal-assigurazzjoni minn Stati Membri oħrajn ma jistgħux joffru assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi f’reġjuni speċifiċi tal-Italja fejn minħabba raġunijiet lingwistiċi jew raġunijiet ta’ prossimità ġeografika jkun vantaġġuż għalihom li jagħmlu dan.
48. Il-Kummissjoni tistqarr ukoll fit-tweġiba tagħha li impriżi nazzjonali tal-assugrazzjoni jistgħu jpaċu l-inkonvenjenzi ekonomiċi li jirriżultaw mill-obbligu li tidħol f’kuntratt ma’ titolari ta’ poloz mal-possibbiltà li jbiegħu tipi differenti ta’ assigurazzjoni lit-titolari ta’ poloz inkwistjoni.
49. Il-Kummissjoni enfasizzat id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom tliet impriżi tal-assigurazzjoni minn Franza, l-Belġu u l-Irlanda li offrew assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi fl-Italja taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. L-ewwel każ kien jikkonċerna impriża Franċiża tal-assigurazzjoni għajr għall-ħajja b’fergħat f’14-il Stat Membru fejn topera mudell simili ta’ negozju li jkopri assigurazzjoni kummerċjali u industrijali u toffri assigurazzjoni ta’ vetturi għal flotot kummerċjali kbar. Sa mill-2003, l-ISVAP sostna li minħabba r-rati applikati minn dik l-impriża din kienet qed tipprova tevadi l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 990. L-ISVAP saħaq li l-impriża kellha tikkommunika b’mod sistematiku r-rati tagħha lill-ISVAP u li toffri rati lill-kategoriji kollha ta’ titolari ta’ poloz fiż-żoni ġeografiċi kollha, inklużi dawk li fihom l-impriża ma kellha ebda xewqa strateġika li tkun involuta fihom. L-ISVAP impona multi ta’ EUR 1 miljun fuq l-impriża. Il-Kummissjoni għamlet ukoll referenza għal impriża Belġjana tal-assigurazzjoni b’fergħat fi 13-il Stat Membru li toffri, bil-libertà tas-servizzi, assigurazzjoni tal-vetturi bħala parti minn servizzi oħra lil kumpanniji multinazzjonali. Fl-2003, l-ISVAP sostna li din l-impriża kienet evitat l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 990 u b’mod partikolari li r-rati applikati mill-impriża kienu kunsiderevolment iktar għoljin mill-medja fis-suq u kienu intiżi biex jevadu l-obbligu li jipprovdu l-assigurazzjoni. L-ISVAP immulta lill-impriża Belġjana EUR 1 miljun. Fl-aħħarnett il-Kummissjoni għamlet referenza għal impriża tal-assigurazzjoni bbażata fl-Irlanda li hija parti minn grupp multinazzjonali tal-kiri tal-karozzi. L-impriża, li għandha fergħat fi tmien Stati Membri, hija operazzjoni żgħira b’għaxar impjegati biss li tipprovdi kopertura tal-assigurazzjoni għall-kumpanniji parent tagħha mingħajr ebda intenzjoni li tipprovdi assigurazzjoni għall-pubbliku inġenerali f’xi wieħed mid-disgħa Stati Membri fejn topera. Għalkemm in-negozju tal-impriża fl-Italja mill-1997 kien limitat għall-provvista ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi lil kumpanniji li jappartjenu lill-kumpanniji parent tagħha, l-ISVAP ikkunsidra li l-impriża trid tikkonforma mal-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 990. Skont il-Kummissjoni, biex tikkonforma mal-obbligi tal-ISVAP kien ikun meħtieġ li jsir investiment kbir min-naħa tal-impriża inkwistjoni bħat-twaqqif ta’ sit tal-internet ad hoc, il-kalkolu tat-tariffi skont il-linji gwida tal-ISVAP, l-aġġornament tal-website u l-istabbiliment ta’ servizz biex jiġu mwieġba t-talbiet ta’ titolari ta’ poloz prospettivi għal kwotazzjonijiet. Barra dan, jekk l-impriża kellha toffri assigurazzjoni ta’ vetturi lill-pubbliku inġenerali, dan ikollu impatt dirett fuq l-obbligi tagħha dwar proporzjonijiet ta’ solvibbiltà. Minħabba l-piżijiet onerużi mposti mill-ISVAP, l-impriża inkwistjoni waqqfet l-operazzjonijiet tagħha fl-Italja u l-kumpanniji parent tagħha qed jakkwistaw l-assigurazzjoni tal-vetturi mingħand assiguratur terz.
50. Skont il-Kummissjoni l-impriżi tal-assigurazzjoni inkwistjoni sabu ruħhom f’pożizzjoni simili għall-bank Spanjol fil-kawża CaixaBank France (13). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li projbizzjoni dwar ir-renumerazzjoni ta’ kontijiet sight skont leġiżlazzjoni Franċiża, kienet tikkostitwixxi, għal kumpanniji minn Stati Membri oħra barra dawk mir-Repubblika Franċiża, ostakolu serju għall-insegwiment tal-attivitajiet tagħhom permezz ta’ kumpannija sussidjarja fl-Istat Membru tal-aħħar, b’mod li jaffettwa l-aċċess tagħhom għas-suq.
51. Il-Kummissjoni tikkunsidra li minkejja l-adozzjoni tal-Artikolu 132(2) tal-Kodiċi, li introduċa eċċezzjoni għall-obbligu ġenerali li jiġi konkluż kuntratt li seta’ jsolvi l-problemi ffaċċjati minn waħda minn dawn it-tliet impriżi tal-assigurazzjoni msemmija fil-punt 49 hawn fuq, dik id-dispożizzjoni kellha biss impatt ħafif fuq il-vera skop wiesa’ tal-obbligu li jiġi konkluż kuntratt.
52. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt jikkostitwixxi ostakolu li la hu ġġustifikat u lanqas proporzjonat mal-għan segwit. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ politika pubblika jista’ jintuża f’każ ta’ theddida ġenwina u biżżejjed serja għall-ħtiġijiet ta’ politika pubblika li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà. Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat kemm il-darba, l-eċċezzjoni tal-politika pubblika, bħad-derogi kollha minn prinċipju fundamentali tat-Trattat, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Il-Kummissjoni tammetti li l-protezzjoni tal-konsumatur tikkostitwixxi għan fl-interess pubbliku li jista’ jiġġustifika r-restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali stabbiliti bit-Trattat. Madankollu, l-Kummissjoni tikkunsidra li l-obbligu li tiġi pprovduta kopertura skont il-liġi Taljana fil-fatt ma jżidx il-protezzjoni tal-konsumatur minħabba li jżomm l-iżvilupp ta’ impriżi tal-assigurazzjoni speċjalizzati milli jissodisfaw il-bżonnijiet tal-konsumaturi b’mod aħjar u jnaqqas in-numru ta’ impriżi tal-assigurazzjoni fl-Italja.
53. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt impost bil-Liġi Nru 990 u l-Kodiċi mhuwiex miżura xierqa biex jiġi żgurat, kif issostni r-Repubblika Taljana, li terzi leżi jiġu kkumpensati b’mod adegwat. Terzi leżi jiġu protetti b’mod adegwat permezz ta’ strumenti iktar xierqa stabbiliti skont id-dritt Komunitarju sabiex jipprevjenu l-evoluzzjoni ta’ strumenti nazzjonali oħra mhux koordinati mal-għanijiet tal-politika pubblika imma li jistgħu jillimitaw bla bżonn il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal-24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni għal dik li hija responsabbiltà ċivili fl-użu ta’ vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu li tassigura kontra responsabbiltà bħal din (14), kull Stat Membru jrid jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu hija koperta bl-assigurazzjoni. Barra minn hekk, skont it-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat-30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (15), kull Stat Membru jrid iwaqqaf korp biex jipprovdi kumpens għad-danni kkawżati minn vettura mhux assigurata jew identifikata. Barra dan, skont l-Artikoli 32 u 35 tad-Direttiva 92/49, kull impriża tal-assigurazzjoni li tipproponi bil-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li tipprovdi assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi trid issir membru ta’ fond nazzjonali ta’ garanzija tal-Istat Membru ospitanti. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ma jistax jiġi ġġustifikat sabiex jiġi limitat il-kumpens imħallas mill-fond ta’ garanzija jew l-ispejjeż sostnuti mis-sistema tas-sigurtà soċjali minħabba inċidenti li jinvolvu sewwieqa mhux assigurati. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, iddeċidiet b’mod sistematiku li raġunijiet purament finanzjarji jew ekonomiċi jistgħu ma jiġux ikkunsidrati bħala obbligi imperattivi li jiġġustifikaw restrizzjonijiet fuq il-moviment ħieles iggarantit bit-Trattat.
54. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-obbligu ġenerali li jiġi konkluż kuntratt stabbilit bil-leġiżlazzjoni Taljana huwa eċċessivament restrittiv sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat tagħha li tiżgura li ċerti kategoriji ta’ sewwieqa jew sewwieqa residenti f’ċerti reġjuni tal-Italja jkunu jistgħu jakkwistaw assigurazzjoni. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll, mutatis mutandis, għall-għan identifikat mir-Repubblika Taljana li tipproteġġi lil terzi leżi.
55. Il-Kummissjoni tinnota li kif ir-Repubblika Taljana indikat b’mod speċifiku li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni ġew adottati sabiex jipprevjenu d-diskriminazzjoni kontra sewwieqa żgħażagħ u sewwieqa residenti fin-Nofsinhar tal-Italja, kellu għalhekk jiġi adottat strument legali speċjali sabiex jindirizza d-diffikultajiet fl-akkwist ta’ assigurazzjoni li ġew iffaċċjati bihom dawk is-sewwieqa iktar milli jiġi impost obbligu ġenerali li jiġi konkluż kuntratt. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-Repubblika Taljana naqset milli tipproduċi kwalunkwe data dwar l-entità tal-problemi ffaċċjati minn sewwieqa żgħażagħ jew sewwieqa residenti f’ċerti reġjuni tal-Italja. Barra dan, skont il-Kummissjoni ma hemm l-ebda dritt assolut li ta’ sewqan liberu ta’ vettura. Meta wieħed iqis li d-dritt inkwistjoni jista’ jiġi limitat għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika fejn, pereżempju, individwi jsuqu taħt l-influwenza ta’ drogi jew alkoħol, impriżi tal-assigurazzjoni għandhom ukoll ikun permessi li jirrifjutaw li jipprovdu assigurazzjoni għal sewwieqa bħal dawn.
56. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll il-fatt li Stati Membri oħra bħal Franza, il-Belġju, Spanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall adottaw reġimi inqas restrittivi mill-obbligu li jiġi konkluż kuntratt stipulat mil-liġi Taljana sabiex jintlaħqu l-għanijiet identifikati mir-Repubblika Taljana. Meta sewwieq jiġi rrifjutat assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi persuni f’dawn l-Istati Membri, jintervjeni korp pubbliku sabiex jiżgura li s-sewwieq jakkwista l-assigurazzjoni. Il-leġiżlatur Taljan madankollu ‘tefa’’ dan il-piż evidentement pubbliku fuq impriżi privati billi impona fuq dawn tal-aħħar l-obbligu li jagħmlu kuntratt.
57. Ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Finlandiża jikkunsidraw li hemm relazzjoni diretta simmetrika jew bilaterali bejn l-obbligu impost fuq sewwieqa ta’ vetturi biex jakkwistaw assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi u l-obbligu impost fuq impriżi tal-assigurazzjoni biex jiġi konkluż kuntratt.
58. Skont ir-Repubblika Taljana, filwaqt li assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi hija assigurazzjoni privata, din għandha skop soċjali, jiġifieri l-bżonn li tiżgura li terzi vittmi ta’ inċidenti tal-karozzi jirċievu kumpens effettiv u malajr. Sabiex jiġi żgurat dan il-għan, il-Konvenzjoni Ewropea dwar assigurazzjoni obbligatorja għal dik li hija responsabbiltà ċivili għal vetturi bil-mutur ġiet adottata fi Strasburgu fl-20 ta’ April 1959. Ir-Repubblika Taljana, meta imponiet obbligu li jiġi konkluż kuntratt fuq impriżi tal-assigurazzjoni, qed tipprova tħares lis-sewwieqa, fil-kapaċità tagħhom ta’ konsumaturi, minn diskriminazzjoni u li tħares il-vittmi ta’ inċidenti bil-vetturi. L-obbligu li jiġi konkluż kuntratt għandu għalhekk jitqies fi ħdan il-kuntest tal-funzjoni soċjali tiegħu li huwa marbut ma’ għanijiet ta’ politika pubblika. Skont il-Qorti Kostituzzjonali Taljana, il-protezzjoni tal-vittmi ta’ aċċidenti tat-traffiku hija fl-interess pubbliku għax hija mezz ta’ kif jitwettqu l-obbligi ta’ solidarjetà soċjali stipulati fl-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni Taljana. L-obbligu li jiġi konkluż kuntratt impost kemm fuq is-sewwieqa u fuq impriżi tal-assigurazzjoni huwa marbut ukoll mas-sigurtà tat-toroq peress li għandu l-għan li jitnaqqsu d-danni kkawżati minn inċidenti. Skont ir-Repubblika Taljana, l-għanijiet inkwistjoni ma għandhomx jiġu kompromessi mil-libertà li jsir negozju. Jekk jiġu aċċettati l-argumenti tal-Kummissjoni, is-sistema ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi tkun ibbażata purament fuq il-loġika tas-suq u titlef l-għan soċjali tagħha.
59. Ir-Repubblika Taljana ssostni li jekk l-impriżi tal-assigurazzjoni jkunu permessi li jirrifjutaw konsumaturi mhux mixtieqa, is-sewwieqa inkwistjoni jaf ikollhom jirrikorru għal impriżi dubjużi u għal falsifikazzjoni ta’ dokumenti. Nuqqas ta’ simmetrija bejn l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt fuq is-sewwieqa u l-impriżi tal-assigurazzjoni ser iwassal għal żieda fin-numru ta’ sewwieqa mhux assigurati u aċċidenti kkawżati minnhom, żieda fil-kumpens imħallas lill-vittmi ta’ inċidenti mill-fond ta’ garanzija Taljan għal vittmi ta’ inċidenti tal-karozzi, żieda fil-kawżi u għal nuqqas ta’ kumpens effettiv u ta’ malajr għal vittmi ta’ inċidenti tal-karozzi. Fl-2005, il-fond Taljan ħallas EUR 113.4 miljun għal inċidenti li kienu jinvolvu sewwieqa mhux assigurati, li jirrappreżenta żieda ta’ 17.1 % mill-2004. Barra dan fl-2005, ġew riżolti 13 771 talba li jirrappreżentaw żieda ta’ 21.8 % mis-sena ta’ qabel. Barra minn hekk, l-ispiża relattiva għal talbiet dwar inċidenti li kienu jinvolvu vetturi mhux assigurati pagabbli mill-fond ta’ garanzija Taljan, li jħallas ukoll kumpens għal, inter alia, talbiet li jinvolvu vetturi mhux identifikabbli, żdiedu minn 7.4 % fl-1995 għal 12.6 % fl-2000, imbagħad 27.4 % fl-2004 qabel ma laħqu t-30.6 % fl-2005. Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li waħda mir-raġunijiet għaż-żieda f’inċidenti bħal dawn trid tinstab fir-rifjut ta’ ċerti impriżi tal-assigurazzjoni li jipprovdu kopertura lil ċerti kategoriji ta’ sewwieqa u sewwieqa residenti fin-Nofsinhar tal-Italja. Barra dan, fir-rigward tal-asserzjoni tal-Kummissjoni fil-punt 53 hawn fuq li r-Repubblika Taljana ma tistax tinvoka ġustifikazzjonijiet għal raġunijiet purament finanzjarji, ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li d-data ta’ hawn fuq dwar il-problema li hi diġà sostanzjali u li qed tikber tal-evażjoni minn sewwieqa tal-obbligu li jakkwistaw assigurazzjoni turi li tabilħaqq ikun hemm konsegwenzi serji għall-politika pubblika u għas-sistema tas-sigurtà soċjali jekk l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt impost fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni jitneħħa.
60. Ir-Repubblika Taljana ssostni b’saħħa li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tqiegħedx l-impriżi tal-assigurazzjoni nazzjonali f’pożizzjoni privileġġata komparata ma’ dawk l-impriżi li joperaw fl-Italja bil-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Barra minn hekk, hija ssostni li l-obbligu inkwistjoni ma jiskoraġġixxix impriżi minn Stati Membri oħrajn milli jippenetraw is-suq Taljan. F’dak ir-rigward, ir-Repubblika Taljana tinnota li kważi terz tal-mitt impriża tal-assigurazzjoni li jipprovdu assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi fl-Italja huma minn stati oħrajn. Barra dan, l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ma jagħmilx impriżi tal-assigurazzjoni minn Stati Membri oħrajn inqas profitabbli minn impriżi Taljani. Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li l-ispejjeż ewlenin li għandhom impriżi li jipprovdu assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi huma konnessi mat-twaqqif ta’ struttura għal bejgħ ta’ poloz tal-assigurazzjoni u ta’ netwerk għal sistemazzjoni ta’ talbiet. Dawn l-ispejjeż mhumiex ikbar għal impriżi barranin milli għal impriżi Taljani. Waqt is-smigħ, ir-Repubblika Taljana ddikjarat li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt impost fuq impriżi tal-assigurazzjoni ma għandu l-ebda impatt fuq impriżi bħal dawn peress li impriżi bħal dawn jistgħu jistabbilixxu liberament il-prezzijiet tagħhom, biex b’hekk jiggarantixxu l-libertà tagħhom tal-inizjattiva ekonomika.
61. Fir-rigward tal-asserzjoni tal-Kummissjoni li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt għandu effett disswadenti fuq impriżi li għandhom l-istabbiliment prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor li mhuwiex l-Italja peress li mhumiex kapaċi li jillimitaw l-attivitajiet tagħhom f’ċerti reġjuni tal-Italja, ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li l-Kummissjoni fehmet ħażin is-sisien tekniċi tal-assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi. Assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi tista’ tiġi offruta biss lil bażi assigurata kbira. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana tistqarr, bi tweġiba għall-asserzjoni tal-Kummissjoni li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt iżomm milli jevolvu impriżi tal-assigurazzjoni speċjalizzati, li mhuwiex realistiku li wieħed jistenna li impriżi tal-assigurazzjoni speċjalizzati fil-provvista ta’ assigurazzjoni lil konsumaturi ‘mhux mixtieqa’ ser jevolvu fl-Italja.
62. Fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tikkunsidra li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt jillimita l-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li r-restrizzjoni hija xierqa sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-politika pubblika, il-ħarsien tas-sistema tas-sigurtà soċjali, is-sigurtà fit-toroq u l-protezzjoni tal-konsumatur. L-obbligu li jiġi konkluż kuntratt għamel possibbli għar-Repubblika Taljana li tikkontrolla l-fenomenu ta’ sewwieqa mhux assigurati li jeżisti fi Stati Membri oħrajn fejn l-impriżi tal-assigurazzjoni ma għandhomx l-obbligu li jidħlu f’kuntratt. Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li hi ppruvat kemm l-eżistenza u l-entità tar-rifjuti minn impriżi tal-assigurazzjoni fl-Italja li jikkonkludu kuntratti tal-assigurazzjoni obbligatorji tal-karozza għal terzi. F’dak ir-rigward, ir-Repubblika Taljana tat eżempji ta’ każijiet fejn ġew mitluba mingħand sewwieqa primjums għal kollox mhux iġġustifikati ta’ EUR 10 000. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ssemmi ż-żieda kostanti fil-kumpens imħallas lil vittmi ta’ inċidenti mill-fond ta’ garanzija u l-fatt li l-ISVAP ressaq proċeduri legali dwar evażjoni tal-obbligu li jiġi konkluż kuntratt f’numru żgħir biss ta’ każijiet li jikkonċernaw l-iktar ksur flagranti.
63. Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt huwa proporzjonat. Kontra l-asserzjoni tal-Kummissjoni, la jkun prattiku u lanqas legali li dan l-obbligu jiġi limitat għal ċerti kategoriji ta’ sewwieqa jew għal ċerti żoni ġeografiċi fl-Italja peress li dan ikun iwassal għal diskriminazzjoni u jinkoraġġixxi impriżi li ma jagħmlux negozju f’dawk ir-reġjuni fejn japplika dak l-obbligu. Ir‑Repubblika Taljana tenfasizza wkoll il-fatt li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ma baqax daqshekk iebes bl-Artikolu 132(2) tal-Kodiċi. Fir-rigward ta’ reġimi alternattivi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn sabiex jiżguraw li s-sewwieqa jkunu jistgħu jiksbu assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terz, ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li filwaqt li dawn l-alternattivi jistgħu jkunu adegwati biex jittrattaw ma’ ċerti problemi bħal użu ta’ alkoħol u droga, ma jistgħux jindirizzaw b’mod xieraq il-problemi ffaċċjati fl-Italja fejn sezzjoni kbira tal-popolazzjoni tiġi rifjutata kopertura tal-assigurazzjoni. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ssostni li fi Spajna, fejn hemm korp pubbliku (le Consorcio de Compensación de Seguros) li jintervjeni direttament sabiex jassigura vetturi li ġew rifjutati l-assigurazzjoni, il-fenomenu tan-nuqqas minn sewwieqa li jiksbu assigurazzjoni ma ġiex eliminat peress li 14 % tal-vetturi mhumiex assigurati flimkien ma’ 54 % tal-mopeds. Barra minn hekk, fi Spanja fl-2004 ġew ikkawżati 41 000 inċident minn sewwieqa mhux assigurati bi spiża ta’ EUR 750 miljun. Fir-Renju Unit, hemm miljun vettura li mhumiex assigurati. Minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja rigward l-implimentazzjoni tal-obbligu tas-sewwieqa biex jiksbu assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi, kull Stat Membru huwa liberu li jagħżel is-soluzzjoni li tikkorrispondi bl-aħjar mod mal-kondizzjonijiet soċjali tal-pajjiż.
64. Ir-Repubblika tal-Finlandja llimitat l-intervent tagħha b’appoġġ għar-Repubblika Taljana għall-eċċezzjoni li tikkonċerna l-ksur tal-Artikoli 43 KE u 49 KE. Ir-Repubblika tal-Finlandja tikkunsidra li anki jekk l-obbligu li tidħol f’kuntratt jillimita l-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, dan l-obbligu huwa ġġustifikat għal raġunijiet ta’ politika pubblika u ħarsien tal-konsumatur. Skont ir-Repubblika tal-Finlandja, il-funzjoni tal-obbligu li jiġi konkluż kuntratt impost mil-leġiżlazzjoni Taljana fuq impriżi tal-assigurazzjoni hija li tiżgura li l-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku jiġu garantiti kumpens malajr u effettiv. L-Istat Membru inkwistjoni jikkunsidra li hemm rabta diretta bejn assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi u s-sistema tas-sigurtà soċjali. Fl-eventwalità ta’ inċidenti li jinvolvu terzi, l-impriżi tal-assigurazzjoni jħallsu, inter alia, l-ispejjeż tal-isptar u t-telf tas-salarju.
65. Ir-Repubblika tal-Finlandja tinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja f’Omega (16) iddeċidiet li filwaqt li l-projbizzjoni fuq l-esplojtazzjoni kummerċjali ta’ logħbiet li jinvolvu s-simulazzjoni ta’ atti ta’ vjolenza kontra persuni, b’mod partikolari r-rappreżentazzjoni ta’ atti ta’ omiċidju llimitat il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, dik il-limitazzjoni kienet iġġustifikata għal raġunijiet ta’ politika pubblika. A fortiori, il-ħtieġa li tiġi pprovduta protezzjoni għal dawk li jweġġgħu f’inċidenti tat-traffiku, li hi r-raison d’être tal-obbligu fuq is-sewwieqa biex jiksbu u fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni biex jipprovdu assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi, hija bbażata fuq raġunijiet ta’ politika pubblika li jiġġustifikaw restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il‑fatt li numru ta’ Stati Membri għażlu li ma jimponux obbligu li jiġi konkluż kuntratt fuq impriżi tal-assigurazzjoni ma jwassalx biex il-miżuri Taljani inkwistjoni jkunu sproporżjonati.
2. Evalwazzjoni
66. Mhuwiex ikkontestat fil-kawża preżenti li l-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 990 (17) jimponi obbligu fuq l-impriżi kollha tal-assigurazzjoni ngaġġjati fl-assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza fl-Italja li jipprovdu kopertura bħal din lil kategoriji kollha ta’ persuni assigurati fir-reġjuni kollha tal-Italja. L-obbligu li tiġi pprovduta kopertura bħal din japplika kemm għal impriżi tal-assigurazzjoni nazzjonali kif ukoll għal impriżi li jipprovdu kopertura tal-assigurazzjoni fl-Italja bil-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. L-Artikolu 132(2) tal-Kodiċi jistabbilixxi eċċezzjoni għall-obbligu li tiġi pprovduta kopertura bħal din. Skont din id-dispożizzjoni, impriżi tal-assigurazzjoni jistgħu jitolbu li l-awtorizzazzjoni li jipprovdu assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi tiġi limitata għal negozju tal-flotta.
67. B’żieda ma’ dan, l-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 (18) jistqarr essenzjalment li sabiex tiġi żgurata konformità mal-obbligu li tiġi pprovduta assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi, impriżi tal-assigurazzjoni jridu jikkalkolaw ir-rati tal-primjums tagħhom b’metodu partikolari. Barra minn hekk, skont l-istess dispożizzjoni, l-ISVAP jista’ timponi multi qawwija jekk jaċċerta li hemm evażjoni tal-obbligu li tiġi pprovduta kopertura tal-assigurazzjoni bħal din fir-rigward ta’ żoni territorjali speċifiċi jew għal kategoriji speċifiċi ta’ titolari ta’ poloz. Il-multi jistgħu jvarjaw minn EUR 1 miljun għal EUR 5. L-Artikolu 2(d)(1) tal-Liġi Nru 990 (19) jipprovdi wkoll għal multi oħrajn fl-eventwalità li l-obbligu li tipprovdi kopertura jiġi miksur. L-Artikolu 12(a) tal-Liġi Nru 990 (20) jipprovdi li l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jagħmlu wkoll disponibbli għall-pubbliku r-rati tal-primjums u t-termini kontrattwali.
68. Għandu jiġi nnutatat, li l-Kummissjoni fir-rikors tagħha ssottomettiet li d-dispożizzjonijiet tal-liġi Taljana identifikati fil-punti 66 u 67 hawn fuq japplikaw mingħajr distinzjoni għal impriżi tal-assigurazzjoni nazzjonali u għal dawk l-impriżi li jipprovdu kopertura tal-assigurazzjoni fl-Italja bil-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankolllu, il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha sostniet li l-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni kellha impatt ikbar fuq impriżi li jipprovdu kopertura tal-assigurazzjoni fl-Italja bil-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (21). Fil-fehma tiegħi, mhuwiex għal kollox ċar mis-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni fil-kawża preżenti jekk dik l-istituzzjoni tikkunsidrax li l-leġiżlazzjoni Taljana rilevanti tapplikax bla distinzjoni kemm għal impriżi tal-assigurazzjoni nazzjonali u għal dawk l-impriżi li jipprovdu kopertura tal-assigurazzjoni fl-Italja bil-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u, jekk il-Kummissjoni tikkunsidrax li dik il-leġiżlazzjoni indirettament tiddiskrimina kontra l-impriżi tal-aħħar.
69. Ma jidhirlix li l-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova fi proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, irnexxielha turi sal-grad legali mitlub li l-Artikoli 11(1), 11(1)(a), 12(a), 12(d)(i) tal-Liġi Nru 990, u sussegwentement l-Artikoli 35(1), 131, 132(1), 132(2), 313, 314(1) u 314(2) tal-Kodiċi, għandhom effett essenzjalment differenti fuq impriżi tal-assigurazzjoni nazzjonali u dawk l-impriżi li jipprovdu kopertura tal-assigurazzjoni fl-Italja bil-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (22), jekk din tabilħaqq kienet l-intenzjoni tal-Kummissjoni.
70. Il-libertà ta’ stabbiliment stipulata bl-Artikolu 43 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 48 KE, hija mogħtija kemm lil persuni naturali li huma ċittadini ta’ Stat Membru u lil persuni legali skont it-tifsira tal-Artikolu 48 KE. Suġġett għall-eċċezzjonijiet u l-kundizzjonijiet speċifikati, din tinkludi d-dritt li tagħmel u li ssegwi kull tip ta’ attività għal rasek fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, li tistabbilixxi u li tamministra impriżi, u li tistabbilixxi aġenziji, fergħat jew sussidjarji. L-Artikolu 43 KE jirrikjedi t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment. Kull miżura li tipprojbixxi, iżżomm jew li tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ dik il-libertà trid titqies bħala restrizzjoni ta’ dix-xorta (23).
71. L-Artikolu 49 KE jirrikjedi t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi teħtieġ mhux biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ ċittadinanza kontra fornituri ta’ servizzi li huma stabbiliti f’xi Stat Membru ieħor, imma anki l-abolizzjoni ta’ kull restrizzjoni, anki jekk tkun tapplika mingħajr distinzjoni għal fornituri ta’ servizzi nazzjonali u dawk ta’ Stati Membri oħrajn, li tista’ tipprojbixxi, iżżomm jew tagħmel inqas vantaġġużi l-attivitajiet ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit f’xi Stat Membru ieħor fejn jipprovdi b’mod legali servizzi simili (24).
72. Peress li l-Artikoli 43 KE u 49 KE t-tnejn li huma jimmilitaw kontra miżuri nazzjonali li, għalkemm applikabbli mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ nazzjonalità, jistgħu jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju minn ċittadini tal-Komunità tal-libertajiet fundamentali ggarantiti bit-Trattat, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-obbligu li tiġi pprovduta kopertura impost mil-leġiżlazzjoni Taljana (25) potenzjalment jostakolax jew jiskoraġġixxix b’mod sostanzjali l-attivitajiet ta’ impriżi tal-assigurazzjoni li jipprovdu assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi fl-Italja bil-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
73. Fil-kawża preżenti, jien nikkunsidra li l-Kummissjoni wriet b’mod adegwat li l-obbligi imposti, skont l-Artikoli 11(1), 11(1)(a), 12(a), 12(d)(i) tal-Liġi Nru 990 (26) rigward il-provvista ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi persuni fl-Italja jiżguraw li l-impriżi li joperaw f’dak is-suq ma jistgħux, fil-prinċipju (27), u mingħajr ma jesponu ruħhom għar-riskju ta’ multi sostanzjali, jispeċjalizzaw fil-provvista ta’ kopertura bħal din għal kategoriji speċifiċi ta’ titolari ta’ poloz jew jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq reġjuni ġeografiċi speċifiċi jew lingwistiċi fl-Italja.
74. Effettivament, impriża tal-assigurazzjoni li hija awtorizzata li tipprovdi assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi fl-Italja trid, skont il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni, tkun disponibbli li tagħmel negozju ma’ u tipprovdi assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi lil klijenti potenzjali kollha sa mid-data tal-awtorizzazzjoni.
75. Il-Kummissjoni wriet ukoll, fil-fehma tiegħi, li l-obbligu li tiġi pprovduta kopertura skont il-leġiżlazzjoni Taljana jista’ jimponi piżijiet finanzjarji u loġistiċi addizzjonali fuq impriżi tal-assigurazzjoni, b’hekk jesponu l-impriżi li joperaw fl-Italja għal riskji finanzjarji miżjuda. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana fis-sottomissjonijiet tagħha stqarret li l-ispejjeż prinċipali assoċjati mal-provvista ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi fl-Italja mhumiex ikbar għal impriżi li joperaw bil-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi milli għal impriżi nazzjonali (28). Madankollu, fil-fehma tiegħi jrid jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kkonstatat, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika Taljana, li l-obbligu li tiġi pprovduta kopertura impost mil-liġi Taljana kellu impatt dirett fuq id-doveri imposti fuq impriża tal-assigurazzjoni rigward il-proporzjon ta’ solvenza (29).
76. Barra dan, jidher li l-obbligu li tiġi pprovduta kopertura tapplika irrispettivament mill-istrateġija tas-suq jew l-ispeċjalizzazzjoni, il-kapaċità finanzjarja jew loġistika u l-esperjenza fis-suq inkwistjoni stabbiliti mill-impriża tal-assigurazzjoni inkwistjoni.
77. Għalhekk jien nikkunsidra li l-Kummissjoni wriet li l-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni potenzjalment tostakola (30) impriżi tal-assigurazzjoni li huma speċjalizzati fil-provvista ta’ kopertura tal-assigurazzjoni fi swieq niċċa jew speċjalizzati milli jidħlu fis-suq tal-assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi fl-Italja (31). Barra dan, jien nikkunsidra li l-Kummissjoni wriet li l-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni potenzjalment tostakola impriżi tal-assigurazzjoni milli jidħlu fis-suq tal-assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi fl-Italja, peress li tista’ żżommhom milli jidħlu f’dak is-suq b’mod gradwali jew progressiv jew abbażi okkażjonali jew irregolari (32).
78. Fil-fehma tiegħi, iċ-ċirkostanzi tat-tliet impriżi li aċċennat għalihom il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha, b’mod ġenerali mhumiex ikkontestati mir-Repubblika Taljana, filwaqt li mhumiex neċessarjament rappreżentattivi tal-ostakoli li ltaqgħu magħhom l-impriżi kollha li daħlu fis-suq tal-assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi, juru, fil-fehma tiegħi, li l-impedimenti maħluqa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni jistgħu jkunu ta’ ċerta entità u mhux sempliċement ipotetiċi jew remoti (33).
79. Filwaqt li l-eċċezzjoni inkluża fl-Artikolu 132(2) tal-Kodiċi tista’ tgħin lil ċerti impriżi tal-assigurazzjoni, ċjoè dawk li jitolbu awtorizzazzjoni limitata għan-negozju tal-flotta (34), jien nikkunsidra li l-eċċezzjoni hija estremament limitata fl-iskop. Fil-fehma tiegħi, l-eċċezzjoni inkwistjoni ma tnaqqasx ir-restrizzjonijiet maħluqa bl-obbligu li tidħol f’kuntratt (35) li jiġu ffaċċjati, pereżempju, minn impriżi tal-assigurazzjoni speċjalizzati fil-provvista ta’ kopertura fi swieq niċċa apparti n-negozju tal-flotta (36). Effettivament, l-impriżi tal-assigurazzjoni jistgħu jkunu obbligati jbiddlu kunsiderevolment il-mudell eżistenti tagħhom tan-negozju (37) b’reazzjoni għal-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni.
80. Huwa evidenti mill-ġurisprudenza stabbilita li miżuri nazzjonali li jillimitaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti bit-Trattat jistgħu jkunu ġġustifikati biss jekk jissodisfaw erba’ kondizzjonijiet: dawn għandhom japplikaw b’mod li ma jkunx diskriminatorju; iridu jkunu ġġustifikati b’raġunijiet importanti iktar minn kull ħaġa oħra li għandhom x’jaqsmu mal-interess ġenerali; iridu jkunu xierqa biex jiżguraw il-kisba tal-għan li huma jsegwu; u ma jridux imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan (38).
81. F’dan ir-rigward, wieħed irid ifakkar li l-Kummissjoni naqset li tistabbilixxi fil-kawża preżenti, li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni għandhom impatt differenti fuq impriżi tal-assigurazzjoni li joperaw fl-Italja bil-libertà tal-istabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (39). Fir-rigward tal-kwistjoni jekk dawk id-dispożizzjonijiet jistgħux ikunu ġġustifikati minħabba raġunijiet importanti minn kull ħaġa oħra relatata mal-interess ġenerali, ir-Repubblika Taljana ssostni li jistgħu jkunu ġġustifikati b’dan il-mod għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt jiżgura li ċerti kategoriji ta’ sewwieqa, bħal sewwieqa żgħażagħ jew sewwieqa residenti f’ċerti reġjuni tal-Italja jkunu jistgħu jiksbu assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi. It-tieni, l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt impost fuq impriżi tal-assigurazzjoni jiżgura li terzi li jiġu mweġġa’ b’vetturi bil-mutur jiġu kkumpensati għad-danni sofferti u li leżjonijiet bħal dawn ma jwasslux biex jixorbu r-riżorsi tas-sistema tas-sigurtà soċjali. Ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Finlandja jikkunsidraw li hemm relazzjoni diretta bejn l-obbligu fuq is-sewwieqa li jiksbu assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi u l-obbligu fuq impriżi tal-assigurazzjoni li jipprovdu kopertura bħal din.
82. Għar-rigward tal-ewwel ġustifikazzjoni, fil-fehma tiegħi, il-protezzjoni tal-konsumatur tista’ tiġġustifika li jkun hemm indħil fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (40). Kif intqal fil-punt 77 hawn fuq, l-obbligi fuq impriżi tal-assigurazzjoni skont l-Artikoli 11(1), 11(1)(a), 12(a), 12(d)(i) ta’ Liġi Nru 990 (41), għar-rigward tal-provvista ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi persuni potenzjalment tinibixxi, inter alia, fil-fehma tiegħi, l-evoluzzjoni fl-Italja ta’ impriżi tal-assigurazzjoni speċjalizzati (42). Madankollu, filwaqt li n-nuqqas ta’ jew it-tnaqqis f’impriżi ta’ assigurazzjoni speċjalizzati fl-Italja jista’ jkun ta’ detriment tal-inqas għal ċerti konsumaturi fl-Italja (43), jien nikkunsidra, fl-astratt, li l-ħtieġa li jiġi żgurat li konsumaturi ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi ma jkunux suġġetti għal diskriminazzjoni mhux raġonevoli abbażi tal-età tagħhom jew ir-residenza tagħhom tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
83. Għalhekk hija r-responsabbiltà tar-Repubblika Taljana, li invokat, bħala ġustifikazzjoni għal-limitazzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, id-diffikultajiet iffaċċjati minn ċerti kategoriji ta’ sewwieqa u sewwieqa residenti fin-Nofsinhar tal-Italja, li tipproduċi evidenza suffiċjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li turi li diffikultajiet bħal dawn itendu li jeżistu jew jiżdiedu fin-nuqqas tal-obbligu li jiġi konkluż kuntratt. F’dak ir-rigward, ir-Repubblika Taljana sostniet li l-abolizzjoni tal-obbligu li jiġi konkluż kuntratt impost fuq impriżi tal-assigurazzjoni jkollha effetti ‘devastanti’ b’mod partikolari fin-Nofsinhar tal-Italja (Il Mezzogiorno). Madankollu, jien ninnota li apparti mill-istatistika konkreta prodotta mir-Repubblika Taljana li turi problema li kull ma jmur qed tinfirex fl-Italja kollha kemm hi rigward inċidenti fejn ikunu involuti vetturi mhux assigurati minkejja l-obbligu ġenerali li jiġi konkluż kuntratt (44), dan l-Istat Membru qajla pproduċa xi evidenza li turi li sewwieqa residenti fin-Nofsinhar tal-Italja u sewwieqa żgħażagħ ser jiffaċċjaw diskriminazzjoni jew diskriminazzjoni ikbar fin-nuqqas ta’ dan l-obbligu (45).
84. Jekk madankollu jiġi aċċettat li jista’ jkun hemm riskju ta’ diskriminazzjoni kontra sewwieqa żgħażagħ u sewwieqa residenti fin-Nofsinhar tal-Italja fin-nuqqas tal-obbligu li jiġi konkluż kuntratt impost fuq impriżi tal-assigurazzjoni, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-miżuri adottati mir-Repubblika Taljana jeċċedux dak li hu meħtieġ oġġettivament (46).
85. Huwa evidenti li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt impost bl-Artikoli 11(1) tal-Liġi Nru 990, u sussegwentement l-Artikolu 132(1) tal-Kodiċi, hu wieħed ġenerali u japplika irrispettivament mill-kategorija ta’ konsumaturi jew tar-residenza tagħhom. Għalhekk dan l-obbligu, ikun jidher, għall-inqas prima facie, min-natura tiegħu sproporzjonat u eċċessivament restrittiv u li manifestament imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ għall-għan segwit (47).
86. Madankollu, ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li mhuwiex possibbli li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt jiġi limitat għal ċerti kategoriji ta’ konsumaturi peress li dan minnu nnifsu jwassal għal diskriminazzjoni. Barra dan, skont ir-Repubblika Taljana jekk l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt kellu jiġi limitat għal ċerti reġjuni fl-Italja, dan jinkoraġġixxi impriżi tal-assigurazzjoni biex ma jagħmlux negozju f’dawk ir-reġjuni. Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra wkoll li r-reġimi differenti stabbiliti fi Stati Membri oħrajn biex jindirizzaw il-problemi ffaċċjati minn sewwieqa li ma jistgħux jiksbu assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi u li huma inqas restrittivi mill-obbligu li jiġi konkluż kuntratt jiġu ppruvati li mhumiex adegwati għar-rigward tal-problemi fl-Italja.
87. Fil-fehma tiegħi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proporzjonalità tal-miżuri adottati mir-Repubblika Taljana tista’ ma tiġix eskluża sempliċement għax Stati Membri oħra għażlu sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata mir-Repubblika Taljana (48). Jista’ jkun hemm ċirkustanzi speċifiċi li jipprevalu fir-Repubblika Taljana li jkunu jimmilitaw kontra li din tadotta reġimi li qablu magħhom Stati Membri oħra. Madankollu, jien minix persważ, fin-nuqqas ta’ xi evidenza oħra minbarra dikjarazzjonijiet mhux sostanzjati mir-Repubblika Taljana, li mhuwiex possibbli la mil-lat prattiku u lanqas mil-lat legali għal dak l-Istat Membru li jillimita l-obbligu li jidħol f’kuntratt (49) għal residenti ta’ ċerti reġjuni fl-Italja jew ċerti kategoriji ta’ konsumaturi. Jien għalhekk nikkunsidra li l-Artikoli 11(1), 11(1)(a), 12(a) u 12(d)(i) tal-Liġi Nru 990 (50) jeċċedu dak li hu oġġettivament neċessarju għall-għan iddikjarat li jiġu protettti ċerti sewwieqa minn diskriminazzjoni.
88. Fir-rigward tal-affermazzjoni tar-Repubblika Taljana li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt hu ġġustifikat sabiex iħares lill-terzi vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku li jinvolvu sewwieqa mhux assigurati, jien nikkunsidra li għan bħal dan għandu, fil-prinċipju, jikklassifika fost l-interessi li jiġġustifikaw restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (51).
89. Madankollu, jien nikkunsidra li r-Repubblika Taljana naqset milli tipprovdi xi evidenza dwar l-affermazzjoni tagħha li hemm rabta diretta bejn l-assenza ta’ obbligu fuq impriżi tal-assigurazzjoni li jipprovdu lill-konsumaturi potenzjali kollha assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi u ż-żieda fin-numru ta’ terzi vittmi ta’ inċidenti li jinvolvu vetturi mhux assigurati. Filwaqt li r-Repubblika Taljana pproduċiet ċifri allarmanti fir-rigward ta’ Stati Membri oħrajn fejn ma hemm ebda obbligu li jiġi konkluż kuntratt u n-numru ta’ vetturi mhux assigurati u inċidenti li jinvolvu dawk il-vetturi (52), hija naqset li turi fi kwalunkwe grad korrelazzjoni bejn iż-żewġ biċċiet ta’ data. Tabilħaqq, ir-Repubblika Taljana pproduċiet data kunsiderevoli li turi żieda mmarkata fin-numru ta’ klejms u l-kumpens imħallas mill-fond ta’ garanzija Taljan, u dan fi Stat Membru fejn huwa impost l-obbligu li tidħol f’kuntratt fuq impriżi tal-assigurazzjoni (53). Abbażi tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti, l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt impost bil-leġiżlazzjoni Taljana (54) ma jidhirx li hu l-mezz xieraq biex jintlaħaq l-għan li jiġu mħarsa terzi vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku.
90. Jien għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li r-Repubblika Taljana naqset li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 49 KE.
C – It-tieni lment – Ksur tal-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49
1. L-argumenti tal-partijiet
91. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikoli 11(1)(a), 12(a) u 12(d)(i) tal-Liġi Nru 990 (55) jiksru l-prinċipju tal-libertà li tistabbilixxi primjums. Il-Kummissjoni tafferma li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt impost bl-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 990 (56) huwa inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, isegwi inevitabbilment li l-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 jikser l-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49. Ir-Repubblika Taljana nnifisha affermat li s-sistema ta’ sorveljanza ex post mill-ISVAP rigward primjums ġiet promulgata preċiżament biex tiżgura li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ma jiġix evaż.
92. Skont il-Kummissjoni l-obbligu impost fuq impriżi tal-assigurazzjoni biex jikkalkolaw il-primjums tagħhom ‘skont il-bażijiet tekniċi tagħhom li għandhom ikunu biżżejjed wesgħin u li jagħmlu referenza għal tal-inqas ħames snin’ flimkien mal-possibbiltá għall-ISVAP li jikkontrolla retroattivament il-primjums u jimponi sanzjonijiet għoljin jikser il-prinċipju tal-libertá li jiġu stabbiliti r-rati. Filwaqt li l-leġiżlazzjoni Taljana ma teħtiegx approvazzjoni bil-quddiem jew notifikazzjoni sistematika ta’ primjums lill-ISVAP, madankollu dik il-leġiżlazzjoni tiżgura li l-primjums jikkorrispondu mal-medja tas-suq. L-effett tal-leġiżlazzjoni Taljana hu li tistabbilixxi sistema ta’ primjums regolati u għalhekk timpedixxi l-impriżi tal-assigurazzjoni milli jippromwovu s-servizzi tagħhom kif jidhrilhom, u b’hekk jipperikolaw l-istabbiliment ta’ suq wieħed fl-assigurazzjoni.
93. Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-leġiżlazzjoni Taljana ma teħtieġx l-approvazzjoni bil-quddiem jew in-notifikazzjoni sistematika tal-prezzijiet tal-primjums. Skont ir-Repubblika Taljana, ir-regoli rigward livelli tal-primjums, inklużi fil-Liġi Nru 990 u l-Kodiċi sempliċement jippruvaw jiżguraw li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ma jiġix evaż billi jintalab lill-konsumaturi prezzijiet eżorbitanti. Ir-regoli inkwistjoni jikkorrispondu għar-regoli tekniċi standard u l-prinċipji tal-attwarju segwiti mill-impriżi tal-assigurazzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk mhijiex korretta meta tistqarr li l-għan tar-regoli fil-leġiżlazzjoni Taljana huwa li jiġi żgurat li l-prezz tal-primjums jikkorrisondi mal-medja tas-suq. L-impriżi tal-assigurazzjoni jistgħu jżidu t-tariffi tagħhom anki sa grad sinifikattiv sabiex jagħtu qies ta’ evoluzzjoni negattiva fin-numru ta’ klejms jew li jadottaw miżuri tekniċi oħra biex iżommu l-istabbiltà finanzjarja tagħhom. L-ISVAP rari tieħu azzjoni u tabilħaqq tintervjeni biss fejn it-tariffi mitluba minn impriżi tal-assigurazzjoni jkunu abbużivi jew għal skopijiet diskriminatorji.
2. Evalwazzjoni
94. Id-Direttiva 92/49, li ġiet adottata abbażi tal-Artikoli 57(2) KE u 66 KE (issa, wara li ġew emendati l-Artikoli 47(2) KE u 55 KE), tipprova tikkompleta s-suq intern fl-assigurazzjoni diretta minbarra l-assigurazzjoni fuq il-ħajja mill-perspettiva tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, biex tagħmilha iktar faċli għal impriżi tal-assigurazzjoni bl-uffiċċju prinċipali tagħhom fil-Komunità li jkopru riskji li jeżistu ġewwa l-Komunità (57). Hi maħsuba biex tiżgura l-libertà li tbiegħ ġewwa l-Komunità prodotti tal-assigurazzjoni fis-settur ikkonċernat (58).
95. Għar-rigward tal-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-leġiżlatura tal-Komunità kellha l-ħsieb li tiżgura l-prinċipju tal-libertà li jiġu stabbiliti rati fis-settur tal-assigurazzjoni għajr għall-ħajja, inkluż il-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja bħall-assigurazzjoni li tkopri responsabbiltà għal terzi minħabba l-użu ta’ vetturi bil-mutur. Dak il-prinċipju jimplika l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe sistema ta’ notifika jew awtorizzazzjoni bil-quddiem jew sistematika tar-rati li impriża tal-assigurazzjoni għandha l-ħsieb li tuża fit-tranżazzjonijiet tagħha ma’ titolari ta’ poloz. L-unika deroga minn dak il-prinċipju permessa bid-Direttiva 92/49 tikkonċerna n-notifika u l-approvazzjoni bil-quddiem ta’ “żidiet fir-rati tal-primja” fl-istruttura ta’ “sistemi ġenerali ta’ kontroll ta’ prezzijiet” (59).
96. Il-partijiet f’din il-kawża jaqblu li l-Artikoli 11(1)(a), 12(a), u 12(d)(i) tal-Liġi Nru 990 (60) ma jistabbilixxux xi sistema ta’ notifika jew approvazzjoni bil-quddiem jew sistematika tar-rati tal-primjums fl-Italja u li l-intervent tal-ISVAP rigward dawn ir-rati hu purament ex post. Madankollu huwa meħtieġ li wieħed jeżamina jekk l-effett tal-Artikoli 11(1)(a), 12(a), u 12(d)(i) tal-Liġi Nru 990 (61) hux fil-fatt li jiffrustra l-prinċipju tal-libertà li tistabbilixxi primjums stabbilit bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
97. Fil-fehma tiegħi, huwa evidenti li impriżi tal-assigurazzjoni awtorizzati li jipprovdu assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi fl-Italja ma jibqgħux kompletament liberi skont l-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 (62) li jistabbilixxu l-ammont tal-primjum bażiku. Tabilħaqq, it-tluq mir-regoli li jikkonċernaw l-iffissar ta’ primjums skont l-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 (63) jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ multi li jvarjaw minn EUR 1 miljun sa EUR 5 miljun (64).
98. Madankollu, jien nikkunsidra li l-libertà li jiġu stabbiliti primjums skont id-Direttiva 92/49 mhijiex għal kollox bla limiti. Impriżi tal-assigurazzjoni ma jistgħux jistabbilixxu l-primjums tagħhom mingħajr konsegwenzi negattivi (65). Tabilħaqq, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, armonizzazzjoni sħiħa fil-qasam tal-assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja eskluża xi miżura nazzjonali li jista’ jkollha effett fuq ir-rati ma tistax tiġi preżunta fin-nuqqas ta’ intenzjoni f’dan is-sens espress b’mod ċar min-naħa tal-leġiżlatura tal-Komunità (66).
99. Fil-kawża preżenti, ir-Repubblika Taljana affermat b’mod ċar li, inter alia, l-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 (67) ġie adottat sabiex jipprevjeni l-evażjoni tal-obbligu li jiġi konkluż kuntratt stipulat bl-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 990 (68).
100. Kif deskritt fil-qosor fil-punti 66 sa 90 hawn fuq, jien nikkunsidra li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt stipulat bl-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 990 (69) jikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Jien għalhekk nikkunsidra li l-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 (70), li hu maħsub biex jipprevjeni l-evażjoni tal-obbligu vvizjat li tidħol f’kuntratt, jikkostitwixxi ksur mhux iġġustifikat tal-prinċipju tal-libertà li jiġu stabbiliti primjums.
101. Jien għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li, bl-introduzzjoni u ż-żamma fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni dwar il-kalkolu ta’ primjums maħsuba biex tipprevjeni l-evażjoni tal-obbligu li jiġi konkluż kuntratt, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha rigward il-prinċipju tal-libertà li jiġu stabbiliti r-rati tal-primjums imsemmija fl-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49.
D – It-tielet ilment – Ksur tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49
1. L-argumenti tal-partijiet
102. Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-superviżjoni eżerċitata u s-sanzjonijiet imposti mill-ISVAP skont l-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 u sussegwentement bl-Artikoli 35(1) u 314(2) tal-Kodiċi rigward impriżi tal-assigurazzjoni li joperaw konformi mal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jiksru t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istat Membru tal-lokalità u l-Istat Membru ospitanti konformi mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49.
103. Skont il-premessa 5 fil-preambolu għad-Direttiva 92/49 il-prinċipju tas-superviżjoni mill-pajjiż tal-lokalità huwa wieħed mill-għanijiet essenzjali ta’ dik id-direttiva u kwalunkwe derogi minn dak il-prinċipju jridu jiġu interpretati b’mod strett u jridu jkunu previsti espliċitament jew impliċitament b’dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 92/49 jew direttivi oħra li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi. Barra dan, l-Artikoli 11 u 40 tad-Direttiva 92/49 jagħtu skop wiesa’ lill-prinċipju ta’ superviżjoni mill-Istat Membru tal-lokalità. Fl-eventwalità li l-ISVAP jkun jixtieq tintervjeni rigward il-primjums mitluba minn impriżi li għandhom l-istabbiliment prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor, l-ISVAP trid jinnotifika l-irregolaritajiet preżunti lill-korp ta’ superviżjoni fl-Istat Membru tal-lokalità u jitolbu jieħu l-miżuri xierqa.
104. Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-miżuri adottati minnha sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-konsumatur ma għandhom ebda relazzjoni mas-superviżjoni finanzjarja ta’ impriżi tal-assigurazzjoni kif stipulat fl-Arikolu 9 tad-Direttiva 92/49. Is-superviżjoni finanzjarja ta’ impriża tal-assigurazzjoni, li hi r-responsabbiltà unika tal-Istat Membru tal-lokalità, għandha x’taqsam ma’ proporzjonijiet ta’ solvenza u riżorsi tekniċi pjuttost milli l-protezzjoni tal-konsumatur.
2. Evalwazzjoni
105. Id-Direttiva 92/49 hija mmirata biex “[…]twassal għall-armonizzazzjoni kif inhu essenzjali, meħtieġ u suffiċjenti biex jinkiseb ir-rikonoxximent reċiproku ta’ awtorizzazzjonijiet u sistemi ta’ kontroll prudenti, u b’hekk isir possibbli li tingħata awtorizzazzjoni waħda li tkun valida matul il-Komunità kollha u jiġi applikat prinċipju ta’ soveljanza mill-Istat Membru tal-lokalità” (71).
106. Għalhekk, il-bidu u l-insegwiment tan-negozju tal-assigurazzjoni hu suġġett għal għoti ta’ awtorizzazzjoni waħda uffiċjali, maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih l-impriża tal-assigurazzjoni għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha, li tagħmilha possibbli għal impriża li twettaq in-negozju matul il-Komunità kollha, bid-dritt ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Barra dan, l-Istat Membru tal-fergħa jew tal-provvista ta’ servizzi jista’ ma jeħtieġx iktar impriżi tal-assigurazzjoni li jixtiequ jwettqu n-negozju tal-assigurazzjoni hemmhekk u li diġà ġew awtorizzati fl-Istat Membru tal-lokalità tagħhom (72) li jfittxu awtorizzazzjoni ġdida (73). Barra dan, bħala korollarju għall-prinċipju tal-awtorizzazzjoni tal-Istat Membru tal-lokalità, konformi mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49, l-Istat Membru tal-lokalità huwa unikament responsabbli għas-superviżjoni finanzjara ta’ impriżi tal-assigurazzjoni. Is-superviżjoni finanzjarja tinkludi (74) l-verifika, “fir-rigward tan-negozju kollu ta’ l-impriża ta’ l-assigurazzjoni, ta’ l-istat tal-likwidità tagħha, tal-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet tekniċi u ta’ l-assi li jkopruhom […]” (75).
107. Fil-fehma tiegħi, il-prinċipju tal-awtorizzazzjoni “one-shop” u l-prinċipju tas-superviżjoni finanzjarja mill-Istat Membru tal-lokalità stipulati fid-Direttiva 92/49 jikkostitwixxi l-ġebla tax-xewka tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tal-assigurazzjoni għajr għall-ħajja.
108. Konformi mat-termini tal-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 u mbagħad l-Artikoli 35(1) u 314(2) tal-Kodiċi, impriżi tal-assigurazzjoni, li huma awtorizzati li jipprovdu assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi fl-Italja inklużi dawk li joperaw bil-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huma diretti biex jikkalkolaw il-primjums tagħhom b’metodu speċifiku. Barra dan, in-nuqqas minn impriża tal-assigurazzjoni li ssegwi l-metodoloġija preskritta għall-kalkolu ta’ primjums konformi mal-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 u mbagħad l-Artikoli 35(1) u 314(2) tal-Kodiċi, jista’ f’ċerti ċirkostanzi, jwassal għall-impożizzjoni ta’ multi iebsin mill-ISVAP. Kif ġie ddikjarat fil-punt 99 hawn fuq, l-uniku skop tal-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 u mbagħad l-Artikoli 5(1) u 314(2) tal-Kodiċi huwa li jipprevjeni l-evażjoni tal-obbligu li jiġi konkluż kuntratt.
109. Fil-fehma tiegħi, id-deċiżjoni li tipprovdi kopertura tal-assigurazzjoni lil titolari ta’ poloz u l-istabbiliment ta’ rati ta’ primjums hija fil-qalba tan-negozju ta’ impriża tal-assigurazzjoni u tista’ taffettwa l-istabbilità finanzjarja tagħha. Ir-regoli stipulati fl-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 (76) dwar il-kalkolu tal-primjums, u l-poteri ta’ superviżjoni u dixxiplinarji mogħtija hemmhekk lill-ISVAP, jobbligaw impriża tal-assigurazzjoni li twieġeb, mhux biss lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni finanzjarja konformi mal-Artikolu 92/49 fl-Istat Membru tal-lokalità tagħha imma kif ukoll, għall-ISVAP dwar kwistjonijiet li jistgħu jkollhom x’jaqsmu mal-istabbilità finanzjarja tagħha.
110. Jien għalhekk nikkunsidra li l-ilment tal-Kummissjoni li l-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 (77), li hu mfassal biex jipprevjeni l-evażjoni tal-obbligu kkonċernat li jiġi konkluż kuntratt, jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49, huwa fondat sew.
VII – Spejjeż
111. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-parti li tkun rebħet il-kawża. Peress li l-Kummissjoni għamlet talba għall-ispejjeż u r-Repubblika Taljana tilfet il-kawża, din tal-aħħar għandha tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż.
112. Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom iħallsu l-ispejjeż tagħhom.
VIII – Konklużjoni
113. Jien għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
– tiddikjara li bl-introduzzjoni u biż-żamma fis-seħħ ta’ obbligu, impost fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni kollha, inklużi dawk li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor imma li joperaw fl-Italja fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li jipprovdu assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi, ir-Repubblika Taljana naqset li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 49 KE;
– tiddikjara li bl-introduzzjoni u biż-żamma fis-seħħ ta’ regoli dwar il-kalkolu ta’ primjums maħsuba biex jipprevjenu l-evażjoni tal-obbligu li jiġi konkluż kuntratt, bi ksur tal-prinċipju tal-libertà li jiġu stabbiliti primjums msemmi fl-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward assigurazzjoni diretta minbarra l-assigurazzjoni fuq il-ħajja u li temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni għajr għall-ħajja), ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dik id-direttiva;
– tiddikjara li bl-introduzzjoni u biż-żamma fis-seħħ ta’ regoli li jipprovdu li impriżi tal-assigurazzjoni li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor, imma li joperaw fl-Italja fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jikkalkolaw il-primjums tal-assigurazzjoni, u billi jimponu multi għal ksur ta’ dawk ir-regoli bi ksur tal-prinċipju tas-superviżjoni tal-Istat Membru tal-lokalità msemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva;
– tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż tagħha u dawk tal-Kummissjoni;
– tordna r-Repubblika tal-Finlandja tbati l-ispejjeż tagħha.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 6, Vol. 1, p. 346.
3 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004 (C‑442/02, Ġabra p. I‑8961).
4 – Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
5 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2001, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑152/98, Ġabra I‑3463, punt 23; tal-15 ta’ Jannar 2002, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑439/99, Ġabra I‑305, punt 10; u tas-27 ta’ Novembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑185/00, Ġabra I‑14189, punt 79.
6 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑145/01, Ġabra I‑5581, punt 17.
7 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1985, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 274/83, Ġabra 1077, punt 21; tas-16 ta’ Settembru 1997, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑279/94, Ġabra I‑4743, punt‑15; u tat-18 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, Ġabra I‑4515, punt 36.
8 – Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
9 – Ara l-punti 18 u 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
10 – Sentenza tas-19 ta’ Mejju 1983, Verros vs Il‑Parlament, 306/81, Ġabra 1755, punt 9, u s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, Ġabra I‑10901, punt 86.
11 – U wara mill-Artikolu 132(1) tal-Kodiċi.
12 – U wara l-Artikoli 35(1), 314(2), 131, 313 u 314(1) tal-Kodiċi.
13 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
14 – ĠUEdizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10.
15 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3
16 – Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, C‑36/02, Ġabra I‑9609.
17 – U sussegwentement l-Artikolu 132(1) tal-Kodiċi.
18 – U sussegwentement l-Artikoli 35(1) u 314(2) tal-Kodiċi.
19 – U sussegwentement l-Artikolu 314(1) tal-Kodiċi.
20 – U sussegwentement l-Artikoli 131 u 313 tal-Kodiċi.
21 – Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
22 – Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja, C‑288/02, Ġabra I‑10071, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.
23 – Ara, inter alia, CaixaBank France, ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 9 u 11.
24 – Ara, inter alia, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2001, De Coster, C‑17/00, Ġabra I‑9445, punt 29; tat-8 ta’ Settembru 2005, Mobistar u Belgacom, C‑544/03 u C‑545/03, Ġabra I‑7723, punt 29; tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra I‑11421, punt 56; u tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C‑208/05, Ġabra I‑181, punt 55.
25 – U l-obbligi relatati.
26 – U wara l-Artikoli 35(1), 131, 132(1), 313, 314(1) u 314(2) tal-Kodiċi.
27 – Ara madankollu l-Artikolu 132(2) tal-Kodiċi.
28 – Ara l-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
29 – Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Skont il-premessa 3 tal-preambolu tad-Direttiva 2002/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Marzu 2002, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE għar-rigward tal-obbligi dwar proporzjon ta’ solvibbiltà għal impriżi tal-assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 6, Vol. 4, p. 310), l-obbligu li impriżi tal-assigurazzjoni jistabbilixxu, marġni ta’ solvenza biex jagħmilha ta’ tarka (buffer) kontra ċaqliq negattiv fin-negozju huwa element importanti fis-sistema ta’ superviżjoni prudenti għall-protezzjoni ta’ persuni assigurati u titolari ta’ poloz.
30 – Filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li impriżi tal-assigurazzjoni jistgħu jadottaw miżuri fejn ‘jgħinu lilhom infushom’ biex inaqqsu de facto l-impatt tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni billi, pereżempju, jindirizzaw materjali pubbliċitarji lil ċerti kategoriji ta’ titolari ta’ poloz pontenzjali jew reġjuni ġeografiċi jew lingwistiċi, miżuri bħal dawn ma jbiddlux il-fatt li l-impriżi jridu, skont il-leġiżlazzjoni Taljana, jipprovdu kopertura tal-assigurazzjoni lit-titolari tal-poloz kollha li jfittxu kopertura u jridu jikkonformaw mal-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni Taljana biex jiżguraw li l-obbligu li jagħmlu kuntratt tiġi rispettata.
31 – Fil-kawża C‑59/01 Il-Kummissjoni vs L-Italja, (C‑59/01, Ġabra p. I‑1759, punt 25), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “[…] skont id-dsatax-il premessa fil-preambolu għad-[Direttiva 92/49], fi ħdan il-qafas ta’ suq intern huwa fl-interess tat-titolari ta’ polza li jkollu aċċess għall-iktar medda wiesa’ possibbli ta’ prodotti tal-assigurazzjoni disponibbli fil-Komunità sabiex ikun jista’ jagħżel dak l-iktar adattat għall-ħtiġijiet tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
32 – Jien kont ninnota li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-distinzjoni vera bejn il-provvista ta’ servizzi jew l-istabbiliment tista’ tiddependi fuq jekk l-attività titwettaqx fuq bażi stabbli u kontinwa jew fuq bażi temporanja. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, Ġabra I‑4165, punti 21 sa 26.
33 – Jiena kont ninnota wkoll li l-Kummissjoni waqt is-seduta stqarret, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika Taljana, li l-ISVAP reċentement kienet imponiet multi li jvarjaw minn 1 sa 2 miljun EUR fuq impriżi tal-assigurazzjoni Ġermaniża, Taljana u Svizzera minħabba li naqsu milli jidħlu f’kuntratt.
34 – Fil-parenteżi jien kont ninnota li l-adozzjoni tal-Artikolu 132(2) tal-Kodiċi mir-Repubblika Taljana juri rikonoxximent tal-eżistenza ta’ speċjalizzazzjoni fil-provvista ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi persuni.
35 – U d-dispożizzjonijiet tal-liġi Taljana maħsuba biex jagħtu effett sħiħ għal dik l-obbligu.
36 – Wieħed jista’ jikkontempla pereżempju sitwazzjoni fejn impriża tal-assigurazzjoni tispeċjalizza fl-assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi lix-xufiera tat-taxis li jaħdmu għal rashom.
37 – Effettivament, il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni tista’ taffettwa l-metodu ta’ kif l-impriża tagħmel in-negozju tagħha.
38 – Ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Haim, C‑424/97, Ġabra I‑5123, punt 57.
39 – Jekk dik kienet l-intenzjoni. Ara l-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
40 – Ara, rigward il-libertà li tipprovdi servizzi, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1997, De Agostini, C‑34/95 sa C‑36/95, Ġabra I‑3843, punt 53; tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et, C‑243/01, Ġabra I‑13031, punt 67; u tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra I‑1891, punt 46.
41 – U wara l-Artikoli 35(1), 131, 132(1), 313, 314(1) u 314(2) tal-Kodiċi.
42 – Minbarra dawk speċjalizzati fil-kopertura tar-riskji marbuta maċ-ċirkulazzjoni tal-flotta tal-vetturi bil-mutur, ara l-Artikolu 132(2) tal-Kodiċi.
43 – U evidentement jiffrustra fil-fehma tiegħi l-għanijiet ewlenin tad-Direttiva 92/49; ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 31.
44 – Ara l-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
45 – Pereżempju, ir-Repubblika Taljana nnotat li preżentement (bil-preżenza ta’ obbligu li tidħol f'kuntratt) il-kontribuzzjoni ta’ primja fil-Mezzogiorno għall-PGD hija 2 % inqas mill-medja nazzjonali u 70 % tal-primjum tad-danni għandu x’jaqsam biss ma’ assigurazzjoni obbligatorja tal-karozza għal terzi. Barra dan, ir-Repubblika Taljana enfasizzat il-każ ta’ sewwieq ta’ 45 sena minn Napli b’malus massimu li ġie mitlub iħallas primjum annwali ta’ EUR 10 000 minn impriża tal-assigurazzjoni, il-każ ta’ sewwieq ta’ 21 sena b’liċenzja ta’ sentejn imma li kien involut f’inċident li ġie mitlub iħallas primjum annwali ta’ EUR 8 000 u l-każ ta’ sewwieq b’liċenzja tas-sewqan ġdida li ġie mitlub iħallas primjum annwali ta’ EUR 7 000.
46 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑496/01, Ġabra I‑2351, punt 68.
47 – Ara b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2007, Rosengren et, C‑170/04, Ġabra I‑4071, punt 51.
48 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et, C‑124/97, Ġabra I‑6067, punt 36; tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti, C‑67/98, Ġabra p. I 7289, punt 34; u tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et, C‑6/01, Ġabra I‑8621, punt 80.
49 – Tabilħaqq, jien ninnota f’dak ir-rigward, li r-Repubblika Taljana imponiet sanzjonijiet speċifiċi skont l-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990, u sussegwentement l-Artikolu 314(2) tal-Kodiċi, rigward ksur tal-obbligu ta’ assigurazzjoni stipulata fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 990, u sussegwentement l-Artikolu 132(1) tal-Kodiċi, fir-rigward ta’ ċerti żoni territorjali fl-Italja jew kategoriji ta’ titolari ta’ poloz.
50 – Kif ukoll l-Artikoli 35(1), 131, 132(1), 313, 314(1) u 314(2) tal-Kodiċi. L-obbligi u s-sanzjonjiet inklużi fl-Artikoli 11(1), 12(a) u 12(d)(1) tal-Liġi Nru 990 u l-Artikoli 131, 132(1), 313, u 314(1) tal-Kodiċi huma ta’ natura ġenerali u japplikaw irrispettivament miż-żona territorjali fl-Italja jew il-kategorija ta’ titolari tal-polza kkonċernata. Is-sanzjonijiet stipulati fl-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 u l-Artikolu 314(2) tal-Kodiċi japplikaw fejn ikun hemm ksur tal-obbligu ġenerali li tassigura stipulata fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 990 u l-Artikolu 132(1) tal-Kodiċi fir-rigward ta’ ċerti żoni territorjali fl-Italja jew kategoriji ta’ titolari ta’ poloz. Filwaqt li d-dispożizzjoni dwar sanzjonijiet inkluża fl-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990, u sussegwentement l-Artikolu 314(2) tal-Kodiċi, jidhru li jikkonformaw mal-ħtieġa li l-miżuri jkunu ta’ natura proporzjonali, jien nikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet jagħmlu referenza għal u huma intrinsikament marbuta mal-obbligu ġenerali li jiġi konkluż kuntratt inkluż fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 990 u sussegwentement l-Artikolu 132(1) tal-Kodiċi rispettivament. Fil-fehma tiegħi għalhekk, it-tisjib li r-Repubblika Taljana naqset, minħabba l-obbligu li tidħol f’kuntratt inkluż fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 990 u l-Artikolu 132(1) tal-Kodiċi, li twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 43 KE u 49 KE neċessarjament iġġib magħha bħala konsegwenza tisjib bħal dan fir-rigward tal-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 990 u tal-Artikolu 314(2) tal-Kodiċi rispettivament.
51 – Tabilħaqq, dan il-punt mhux ikkontestat mill-Kummissjoni.
52 – Ara l-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
53 – Ara l-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
54 – U d-dispożizzjonijiet adottati biex jagħtuha effett sħiħ.
55 – U wara l-Artikoli 35(1), 131, 313, 314(1) u 314(2) tal-Kodiċi.
56 – U Wara mill-Artikolu 132(1) tal-Kodiċi.
57 – Ara l-premessa 1 fil-preambolu għad-Direttiva 92/49.
58 – Sentenza tal-25 ta’ Frar 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑59/01, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 26.
59 – Ara, inter alia, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑347/02, Ġabra I‑7557, punt 22.
60 – U wara l-Artikoli 35(1), 131, 313, 314(1) u 314(2) tal-Kodiċi.
61 – U wara l-Arikoli 35(1), 131, 313, 314(1) u 314(2) tal-Kodiċi.
62 – U wara l-Artikoli 35(1) u 314(2) tal-Kodiċi.
63 – U wara l-Artikoli 35(1) u 314(2) tal-Kodiċi.
64 – Skont l-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi 990, fil-“każ ta’ evażjoni ripetuta l-awtorizzazzjoni li ssegwi attività fil-qasam tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili rigward l-użu ta’ vetturi bil-mutur tista’ tiġi rtirata”. Din id-dispożizzjoni tidher li nżammet taħt il-Kodiċi.
65 – Fil-fehma tiegħi, l-iffissar tal-prezzijiet b’mod predatorju jew prattiki qarrieqa jew frawdolenti fl-iffissar tal-prezzijiet ma għandhomx jingħataw kenn bl-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49.
66 – Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑347/02, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 59, punt 25.
67 – U wara l-Artikoli 35(1) u 314(2) tal-Kodiċi.
68 – U wara l-Artikolu 132(1) tal-Kodiċi.
69 – U wara l-Artikolu 132(1) tal-Kodiċi.
70 – U wara l-Artikoli 35(1) u 314(2) tal-Kodiċi.
71 – Ara l-premessa 5 tal-preambolu.
72 – Skont l-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 92/49 “Stat Membru tal-lokalità għandu jfisser l-Istat Membru li fih ikun jinstab l-uffiċċju ewlieni ta’ l-impriża ta’ l-assigurazzjoni li tkopri r-riskju”.
73 – Ara l-premessa 6 tal-preambolu.
74 – Imma mhuwiex, fil-fehma tiegħi, limitat għalih.
75 – Ara l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49.
76 – U wara l-Artikoli 35(1) u 314(2) tal-Kodiċi.
77 – U wara l-Artikoli 35(1) u 314(2) tal-Kodiċi.
Full & Egal Universal Law Academy