SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
29 ta’ Novembru 2007
Kawża C-10/06 P
Rafael de Bustamente Tello
vs
Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea
“Appell – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni – Kundizzjoni prevista fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Kunċett ta’ ‘xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor’”
Suġġett: Appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tal-25 ta’ Ottubru 2005, De Bustamente Tello vs Il-Kunsill (T-368/03, Ġabra SP p. I-A-321 u II-1439), u li huwa intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.
Deċiżjoni: Ċaħda ta’ l-appell.
Sommarju
1. Appell – Aggravji – Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u l-argumenti mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza – Nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ l-iżball ta’ liġi invokat – Inammissibbiltà – Kontestazzjoni ta’ l-interpretazzjoni jew ta’ l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza – Ammissibbiltà
(Artikolu 225 KE)
2. Uffiċjali – Remunerazzjoni – Benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti [Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)( a)]
1. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell huwa inammissibbli jekk, mingħajr ma jkun jinkludi saħansitra argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata, sempliċement jirrepeti jew jirripproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Bil-kontra, meta rikorrent jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-punti ta’ dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mil-ġdid matul il-proċedura ta’ appell. Fil-fatt, li kieku rikorrent ma setax jibbaża l-appell tiegħu b’dan il-mod fuq il-motivi u l-argumenti li diġà ntużaw quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-imsemmija proċedura titlef parti mis-sens tagħha.
2. Minkejja li t-tqassim tal-kompetenzi fuq il-livell intrastatali jvarja skond l-istruttura istituzzjonali ta’ kull Stat, dan għandu jiġi kkunsidrat, fid-dritt internazzjonali pubbliku, bħala suġġett ta’ natura unitarja. Fir-rigward ta’ dan il-kunċett, huma meħtieġ li l-Istat ikun rappreżentat, quddiem l-Istati l-oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali, minn sistema ta’ rappreżentanza diplomatika waħda; dan il-fatt jirrifletti l-uniċità, fuq livell internazzjonali, ta’ l-Istat ikkonċernat
3. Għalkemm mhuwiex essenzjali, sabiex l-uffiċjal ikkonċernat ikun jista’ jiġi kkunsidrat li wettaq xogħol għal “Stat ieħor”, li huwa jkun impjegat mill-amministrazzjoni ċentrali ta’ dan l-Istat l-ieħor, l-integrazzjoni funzjonali tiegħu fi ħdan ir-rappreżentanza permanenti ta’ dan ta’ l-aħħar tikkostitwixxi element determinanti.
4. F’dan ir-rigward, kemm l-aġenti li jaħdmu għall-Istat, permezz ta’ l-intermedjazzjoni ta’ l-amministrazzjoni ċentrali, kif ukoll dawk li jaħdmu għal komunità awtonoma, permezz ta’ l-amministrazzjoni ta’ din il-komunità, għandhom jiġu kkunsidrati li qegħdin fi stat ta’ espatrijazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, bil-kundizzjoni madankollu li jkunu integrati formalment fi ħdan ir-rappreżentanza permanenti ta’ l-imsemmi Stat.
5. Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-espressjoni “xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor”, imsemmi fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jitqies bħala rilevanti biss il-fatt li x-xogħol sar fi ħdan rappreżentanza permanenti ta’ Stat. Għalhekk, ix-xogħol ipprovdut għall-gvernijiet tas-suddiviżjonijiet politiċi ta’ l-Istati ma jistax jitqies bħala xogħol li sar għal Stat jekk l-interessat ma kienx integrat formalment fi ħdan ir-rappreżentanza permanenti ta’ l-Istat.
Full & Egal Universal Law Academy