Kawża C-62/06
Fazenda Pública — Director Geral das Alfândegas
vs
ZF Zefeser — Importação de Produtos Alimentares Lda
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa
mis-Supremo Tribunal Administrativo)
“Regolament (KEE) Nru 1697/79 — Artikolu 3 — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni — Att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali — Awtorità kompetenti biex tikklassifika l-att”
Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali V. Trstenjak, ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2007
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2007
Sommarju tas-sentenza
1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti
(Arikolu 234 KE)
2. Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 1697/79, Artikoli 2(1) u 3)
1. Għalkemm, fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi fil-kuntest tal-proċeduri ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija tixtieq tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija din ta’ l-aħħar li għandha teżamina ċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adita mill-qorti nazzjonali bil-għan li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-kwistjoni mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja hija purament ipotetika, bħal f’sitwazzjoni fejn, wara li l-prosekuzzjoni tkun ressqet proċeduri kriminali quddiem qorti nazzjonali, domanda preliminari intiża sabiex isir magħruf x’inhuma l-konsegwenzi li għandhom joħorġu min-nuqqas li jitressqu tali proċeduri m’għandha ebda utilità għall-eżitu tal-kawża prinċipali.
(ara l-punti 14-16)
2. Il-klassifikazzjoni ta’ att bħala “att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali” fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1697/79 dwar l-irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew ta’ dazji fuq l-esportazzjoni li ma kinux intalbu mill-persuna responsabbli għall-ħlas tagħhom fir-rigward ta’ merkanzija ddikjarata fi proċedura doganali li tinvolvi l-obbligu li jitħallsu dawn id-dazji, taqa’ fil-kompetenza ta’ l-awtoritajiet doganali li għandhom jiddeterminaw l-ammont eżatt tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni in kwistjoni. Fil-fatt, minn naħa, jirriżulta espressament minn din id-dispożizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti sabiex jikklassifikaw att bħala “att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali” huma l-istess awtoritajiet li, minħabba t-twettiq ta’ tali att, ma setgħux jitħallsu d-dazji doganali dovuti u, għaldaqstant, għandhom l-intenzjoni li jirkuprawhom a posteriori. Kif previst b’mod partikolari mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1697/79, huwa paċifiku li huma l-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw l-ammont ta’ tali dazji u jressqu azzjoni għall-irkupru ta’ dawn ta’ l-aħħar. Min-naħa oħra, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1697/79 la jirreferi għal kundanna kriminali u lanqas biss għat-tressiq ta’ kwalunkwe azzjoni kriminali, iżda, b’mod inekwivoku, għat-twettiq ta’ att li sempliċement jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali. Din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix li jkunu effettivament tressqu proċeduri f’qorti kriminali mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru responsabbli mill-prosekuzzjoni u jwasslu għal kundanna ta’ l-awturi ta’ l-att in kwistjoni u lanqas, a fortiori, li tali proċeduri kriminali ma jkunux ġew preskritti.
Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju b’kunsiderazzjonijiet dwar ir-rispett tal-prinċipju taċ-ċertezza legali u tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza tal-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ l-imsemmija dazji. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni ta’ att, mill-awtoritajiet doganali, bħala “att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali” ma tikkostitwixxix konstatazzjoni li effettivament twettaq reat kriminali, iżda ssir fil-kuntest u għall-finijiet ta’ proċedura ta’ natura amministrattiva li l-uniku għan tagħha huwa li tippermetti lill-imsemmija awtoritajiet jirrimedjaw ġbir inkorrett jew insuffiċjenti ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni. Din il-klassifikazzjoni ssir mingħajr preġudizzju għall-istħarriġ li l-qrati ta’ l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw fil-konfront tad-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet doganali u mingħajr ma b’xi mod tippreġudika l-konsegwenzi kollha, inkluż f’dak li jirrigwarda l-eventwali rimborż ta’ dazji mitluba indebitament minn dawn l-awtoritajiet, li jistgħu jirriżultaw skond id-dritt nazzjonali applikabbli mid-deċiżjonijiet ta’ l-imsemmija qrati, u b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet li jwaqqfu l-proċeduri jew li jilliberaw lill-akkużati. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam, hija s-sistema legali ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-persuni responsabbli għall-ħlas li jikkontestaw l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1697/79 f’dak li jirrigwarda l-preskrizzjoni ta’ l-azzjoni għall-irkupru ta’ dazji mhux imħallsa u li jitolbu li jinsiltu, f’dan ir-rigward, l-eventwali konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għal rimedji simili ta’ natura interna u ma jirrendux prattikament impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja.
(ara l-punti 22, 24-31 u d-dispozittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
18 ta’ Diċembru 2007 (*)
“Regolament (KEE) Nru 1697/79 – Artikolu 3 – Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali – Awtorità kompetenti biex tikklassifika l-att”
Fil-kawża C‑62/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Frar 2006, fil-kawża
Fazenda Pública – Director Geral das Alfândegas
vs
ZF Zefeser – Importação e Exportação de Produtos Alimentares Lda,
fil-preżenza ta’:
Ministério Público,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, A. Tizzano (Relatur), R. Schintgen, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-1 ta’ Marzu 2007,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal ZF Zefeser – Importação e Exportação de Produtos Alimentares Lda, minn L. Pinto, advogado,
– għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes, A. M. Silva u Â. Seiça Neves, bħala aġenti,
– għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn G. Clohessy, SC, u N. Travers, BL,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Caeiros u J. Hottiaux, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Mejju 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali” li jinsab fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1697/79 ta’ l-24 ta’ Lulju 1979 dwar l-irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew ta’ dazji fuq l-esportazzjoni li ma kinux intalbu mill-persuna responsabbli għall-ħlas tagħhom fir-rigward ta’ merkanzija ddikjarata fi proċedura doganali li tinvolvi l-obbligu li jitħallsu dawn id-dazji (ĠU L 197, p. 1).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ZF Zefeser – Importação e Exportação de Produtos Alimentares Lda (iktar ’il quddiem “ZF Zefeser”) u l-Fazenda Pública – Director Geral das Alfândegas (Teżor Pubbliku – Direttur Ġenerali tad-Dwana, iktar ’il quddiem il-“Fazenda Pública”) dwar avviż ta’ likwidazzjoni a posteriori ta’ dejn doganali.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Fiż-żmien meta seħħew il-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-regoli applikabbli għall-irkupru a posteriori tad-dazji doganali kienu stabbiliti bir-Regolament Nru 1697/79.
4 L-ewwel żewġ premessi ta’ l-imsemmi Regolament kienu jaqraw kif ġej:
“billi l-ammont ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew ta’ dazji fuq l-esportazzjoni li l-persuna responsabbli għall-ħlas intalbet tħallas fir-rigward ta’ merkanzija ddikjarata taħt proċedura doganali li tinvolvi l-obbligu ta’ ħlas ta’ tali dazji jista’ jirriżulta li jkun inqas minn dak li kien legalment dovut, jew b’riżultat ta’ żball ta’ kalkolu jew ta’ traskrizzjoni min-naħa ta’ l-awtoritajiet kompetenti, jew minħabba li dawn ta’ l-aħħar ikunu ħadu in kunsiderazzjoni informazzjoni żbaljata jew inkompleta, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda n-natura, il-kwantità, il-valur, l-oriġini jew l-użu intenzjonat tal-merkanzija in kwistjoni; billi, fid-dawl tan-natura essenzjalment ekonomika tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni fis-seħħ fil-Komunità, in-nuqqas li jinġabru d-dazji korretti għandu konsegwenzi dannużi fuq l-ekonomija Komunitarja; billi huwa għaldaqstant ġustifikat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jirkupraw a posteriori d-dazji li jkunu għadhom dovuti meta huma jikkonstataw li jkun twettaq tali żball;
billi l-irkupru a posteriori ta’ drittijiet fuq l-importazzjoni jew ta’ drittijiiet fuq l-esportazzjoni jippreġudika sa ċertu punt iċ-ċertezza li l-persuni responsabbli għall-ħlas għandhom id-dritt li jistennew mill-atti uffiċjali li għandhom konsegwenzi finanzjarji; billi għaldaqstant hemm lok li jiġu limitati l-possibbiltajiet ta’ azzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti f’dan il-qasam billi jiġi stabbilit terminu li wara l-iskadenza tiegħu l-likwidazzjoni inizjali tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni għandha titqies li hija definittiva; billi din il-limitazzjoni ta’ l-azzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti ma tistax, madankollu, tapplika meta jkun minħabba att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali li l-ammont eżatt tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni ma setax jiġi determinat mill-awtoritajiet kompetenti fil-mument ta’ l-iżdoganar tal-merkanzija; […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1697/79 kien jipprovdi:
“Meta l-awtoritajiet kompetenti jikkonstataw li parti jew l-ammont kollu ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew ta’ dazji fuq l-esportazzjoni legalment dovuti għal merkanzija ddikjarata taħt proċedura doganali li tinvolvi l-obbligu ta’ ħlas ta’ tali dazji ma kienx intalab mill-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ dawn id-dazji, huma għandhom jibdew azzjoni għall-irkupru tad-dazji mhux imħallsa.
Madankollu, din l-azzjoni ma tistax tinbeda wara li jiskadi t-terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fil-kontijiet ta’ l-ammont inizjalment mitlub mill-persuna responsabbli għall-ħlas jew, jekk ma kienx sar id-dħul fil-kontijiet, li jibda jiddekorri mid-data ta’ meta nħoloq id-dejn doganali fir-rigward tal-merkanzija in kwistjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 Madankollu, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament kien jipprovdi għal eċċezzjoni kif ġej:
“It-terminu stabbilit fl-Artikolu 2 ma japplikax meta l-awtoritajiet kompetenti jikkonstataw li minħabba att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali ma setgħux jiddeterminaw l-ammont eżatt tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni legalment dovuti fir-rigward tal-merkanzija in kwistjoni.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iressqu azzjoni għall-irkupru skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’dan ir-rigward fl-Istati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 Fiż-żmien meta seħħew il-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-amministrazzjoni fiskali Portugiża kellha, skond l-Artikolu 34(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 154/91 tat-23 ta’ April 1991 (Diário da República, Serje A, Nru 94, tat-23 ta’ April 1991), terminu massimu ta’ għaxar snin sabiex tressaq azzjoni għall-irkupru meta, minħabba att frawdolenti, ma kienx possibbli li jiġi inizjalment iddeterminat b’mod korrett l-ammont tad-dazji doganali dovuti.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 Matul ix-xahar ta’ Ottubru 1993, bastiment li kien ġej mit-Turkija ħatt, fil-port ta’ Setúbal (il-Portugall), kwantità partikolari ta’ żejt destinat għal ZF Zefeser filwaqt li ddikjara lill-awtoritajiet doganali li l-bqija tat-tagħbija ta’ żejt abbord kienet merkanzija fi tranżitu. Dan il-bastiment imbagħad kompla bil-vjaġġ tiegħu lejn il-port ta’ Ceuta (Spanja), fuq il-kosta ta’ l-Afrika ta’ Fuq. Madankollu, skond l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli matul ix-xahar ta’ Ottubru 1995, l-imsemmi bastiment fil-fatt wasal hemmhekk vojt.
9 Abbażi ta’ din l-informazzjoni, fid-9 ta’ April 1997, l-awtoritajiet doganali ta’ Setúbal bagħtu lil ZF Zefeser avviż ta’ likwidazzjoni li jirrettifika d-dazji dovuti. Barra minn hekk, wara li tressaq ilment mill-amministrazzjoni doganali Portugiża, ittieħdu proċeduri kriminali kontra soċji ta’ ZF Zefeser għal kuntrabandu, falisfikazzjoni ta’ dokumenti, frodi u kompliċità sabiex isir reat.
10 ZF Zefeser ressqet rikors quddiem it-Tribunal Tributário de Primeira Instância de Setúbal (Qorti Fiskali tal-Prim’Istanza ta’ Setúbal) kontra l-imsemmi avviż ta’ likwidazzjoni, li fih invokat, b’mod partikolari, il-preskrizzjoni tad-dejn doganali. Dan ir-rikors ġie miċħud, għar-raġuni li t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli kien ta’ għaxar snin, u mhux ta’ tliet snin, minħabba li twettqu atti li jistgħu jagħtu lok għal proċeduri f’qorti kriminali, liema atti impedixxew li jiġu ddeterminati korrettament id-dazji doganali dovuti. Madankollu, din id-deċiżjoni ġiet irriformata fl-istadju ta’ l-appell mit-Tribunal Central Administrativo (Qorti Amministrattiva Ċentrali), li kkunsidra li kien applikabbli t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għar-raġuni li fil-frattemp kienet ingħatat sentenza definittiva li lliberat, in parti minħabba l-preskrizzjoni u in parti minħabba insuffiċjenza ta’ provi, lill-persuni li kontrihom kienu tressqu proċeduri kriminali.
11 Wara li l-Fazenda Pública appellat mis-sentenza tat-Tribunal Central Administrativo, is-Supremo Tribunal Administrativo (Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 1697/79], il-klassifikazzjoni bħala ‘att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali’ [għandha tinftiehem skond] il-klassifikazzjoni magħmula mill-awtorità doganali biss jew [skond] il-klassifikazzjoni magħmula mill-qorti kriminali kompetenti?
2) F’din it-tieni ipoteżi, huwa biżżejjed li jitressqu proċeduri kriminali mill-awtorità kompetenti [fil-każ tal-Portugall, il-Ministério Público (il-prosekuzzjoni)] jew hija meħtieġa l-kundanna tad-debitur fil-proċeduri kriminali in kwistjoni?
3) F’din l-ipoteżi ta’ l-aħħar, wieħed għandu jasal għal konklużjonijiet differenti skond jekk il-qorti tilliberax lid-debitur minħabba l-applikazzjoni tal-prinċipju in dubio pro reo [jew] minħabba li jkun ġie stabbilit li d-debitur ma wettaqx ir-reat in kwistjoni?
4) Fl-ipoteżi li l-prosekuzzjoni tiddeċiedi li ma tressaqx proċeduri kriminali kontra d-debitur billi tikkunsidra li m’għandhiex provi ta’ att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali, x’inhuma l-konsegwenzi li joħorġu minn dan u deċiżjoni bħal din tipprekludi li titressaq azzjoni għall-irkupru tad-dazji li ma tħallsux?
5) Fl-ipoteżi li l-prosekuzzjoni jew il-qorti kriminali stess iwaqqfu l-proċeduri minħabba li l-azzjoni kriminali hija preskritta, deċiżjoni bħal din tipprekludi li titressaq azzjoni għall-irkupru tad-dazji mhux imħallsa?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tar-raba’ domanda
12 Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk deċiżjoni tal-prosekuzzjoni li ma tressaqx proċeduri kriminali minħabba nuqqas ta’ provi li twettaq att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali tipprekludix li titressaq azzjoni għall-irkupru abbażi ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1697/79.
13 Fl-osservazzjonijiet li ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ZF Zefeser issostni li din id-domanda mhijiex rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali, billi, f’dan il-każ, tressqu proċeduri kriminali mill-prosekuzzjoni.
14 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm, fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi fil-kuntest tal-proċeduri ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija tixtieq tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja, din ta’ l-aħħar iddeċidiet ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina ċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adita mill-qorti nazzjonali bil-għan li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess.
15 Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-kwistjoni mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja hija purament ipotetika (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 39; tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C‑390/99, Ġabra p. I‑607, punt 19; u tal-5 ta’ Frar 2004, Schneider, C‑380/01, Ġabra p. I‑1389, punt 22). Fil-fatt, l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jipprevali f’rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tagħti każ tar-rwol fdat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u li ma jiġux ifformulati opinjonijiet konsultattivi dwar domandi generali jew ipotetiċi (sentenzi Schneider, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23, u tat-30 ta’ Ġunju 2005, Längst, C‑165/03, Ġabra p. I‑5637, punt 33).
16 Issa kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tagħha, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, il-prosekuzzjoni tabilħaqq ressqet proċeduri kriminali kontra soċji ta’ ZF Zefeser quddiem it-Tribunal Judicial de Setúbal, b’mod li l-kwistjoni dwar x’inhuma l-konsegwenzi li għandhom joħorġu min-nuqqas li jitressqu tali proċeduri m’għandha ebda utilità għall-eżitu tal-kawża prinċipali.
17 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-raba’ domanda mhijiex ammissibbli.
Fuq l-ewwel u l-ħames domandi
18 Permezz ta’ l-ewwel u l-ħames domandi preliminari, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, liema hija l-awtorità kompetenti biex tikklassifika att bħala “att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali” għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1697/79. Iktar preċiżament, hija tistaqsi, minn naħa, jekk humiex l-awtoritajiet doganali jew il-qrati kriminali li għandhom jagħmlu tali klassifikazzjoni u, min-naħa l-oħra, jekk deċiżjoni li twaqqaf il-proċeduri jew li tillibera lill-akkużat, meħuda minn awtorità ġudizzjarja minħabba li l-azzjoni kriminali tkun preskritta, tipprekludix tali klassifikazzjoni.
19 Il-Gvern Portugiż, l-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi li l-klassifikazzjoni ta’ l-att għandha tkun dik magħmula mill-awtoritajiet doganali. Dan jirriżulta mhux biss mit-termini ta’ l-imsemmi Artikolu 3, iżda wkoll mill-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 1697/79. F’dawn iċ-ċirkustanzi, eventwali preskrizzjoni tal-proċeduri kriminali ma tipprekludix, bħala tali, li jitressqu proċeduri għall-irkupru wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin previst fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament.
20 Min-naħa l-oħra, skond ZF Zefeser, ir-rispett tal-prinċipju taċ-ċertezza legali u tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza jeħtieġ li l-klassifikazzjoni ta’ “att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali” tirriżulta dejjem minn kundanna kriminali definittiva u l-klassifikazzjoni magħmula mill-awtoritajiet doganali mhijiex rilevanti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1697/79. Għaldaqstant, il-preskrizzjoni tal-proċeduri kriminali tipprekludi t-tressiq ta’ azzjoni għall-irkupru ta’ dazji mhux imħallas abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.
21 Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi preliminari, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li l-eċċezzjoni għat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin tapplika, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1697/79, meta “l-awtoritajiet kompetenti jikkonstataw li minħabba att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali ma setgħux jiddeterminaw l-ammont eżatt tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni legalment dovuti fir-rigward tal-merkanzija in kwistjoni”.
22 Għalhekk jirriżulta espressament mit-termini ta’ din id-dispożizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti sabiex jikklassifikaw att bħala “att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali” huma l-istess awtoritajiet li, minħabba t-twettiq ta’ tali att, ma setgħux jitħallsu d-dazji doganali dovuti u, għaldaqstant, għandhom l-intenzjoni li jirkuprawhom a posteriori. Issa kif previst b’mod partikolari mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1697/79, huwa paċifiku li huma l-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw l-ammont ta’ tali dazji u jressqu azzjoni għall-irkupru ta’ dawn ta’ l-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1991, Meico-Fell, C‑273/90, Ġabra p. I‑5569, punt 11, u ta’ l-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et, C‑153/94 u C‑204/94, Ġabra p. I‑2465, punt 16).
23 Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-argument ta’ Z.F. Zefeser fis-sens li l-possibbiltà li jiġi eskluż it-terminu ta’ tliet snin għandha tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ kundanna kriminali huwa kontradett mill-kliem stess ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1697/79.
24 Fil-fatt, din id-dispożizzjoni la tirreferi għal kundanna kriminali u lanqas biss għat-tressiq ta’ kwalunkwe azzjoni kriminali, iżda, b’mod inekwivoku, għat-twettiq ta’ att li sempliċement jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali. Barra minn hekk, dan huwa kkonfermat mid-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ l-imsemmija dispożizzjoni, b’mod partikolari mill-verżjoni Portugiża (“un acto passível de procedimento judicial”), mill-verżjoni Ingliża (“an act that could give rise to criminal court proceedings”), mill-verżjoni Ġermaniża (“Handlungen, die strafrechtlich verfolgbar sind”), mill-verżjoni Spanjola (“un acto que puede dar lugar a la incoación de un proceso judicial punitivo”) u mill-verżjoni Taljana (“un atto passibile di un’azione giudiziaria repressiva”).
25 Minn dan isegwi li, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1697/79 f’dak li jirrigwarda t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ l-azzjoni għall-irkupru ta’ dazji mhux imħallsa, dan l-Artikolu ma jirrikjedix li jkunu effettivament tressqu proċeduri f’qorti kriminali mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru responsabbli mill-prosekuzzjoni u jwasslu għal kundanna ta’ l-awturi ta’ l-att in kwistjoni u lanqas, a fortiori, li tali proċeduri kriminali ma jkunux ġew preskritti.
26 Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-imsemmi Artikolu 3, il-klassifikazzjoni ta’ att bħala “att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali” fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu taqa’ fil-kompetenza ta’ l-awtoritajiet doganali li għandhom jiddeterminaw l-ammont eżatt tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni in kwistjoni.
27 Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju bl-argument ta’ Z.F. Zefeser li tali interpretazzjoni tippreġudika r-rispett tal-prinċipju taċ-ċertezza legali u tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza tal-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ l-imsemmija dazji.
28 Fil-fatt, il-klassifikazzjoni ta’ att, mill-awtoritajiet doganali, bħala “att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali” ma tikkostitwixxix konstatazzjoni li effettivament twettaq reat kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Meico-Fell, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9). Kif jirriżulta mill-ewwel u mit-tieni premessi tar-Regolament Nru 1697/79, l-imsemmija klassifikazzjoni ssir biss fil-kuntest u għall-finijiet ta’ proċedura ta’ natura amministrattiva li l-uniku għan tagħha huwa li tippermetti lill-imsemmija awtoritajiet jirrimedjaw ġbir inkorrett jew insuffiċjenti ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni.
29 Naturalment, din il-klassifikazzjoni ssir mingħajr preġudizzju għall-istħarriġ li l-qrati ta’ l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw fil-konfront tad-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet doganali u mingħajr ma b’xi mod tippreġudika l-konsegwenzi kollha, inkluż f’dak li jirrigwarda l-eventwali rimborż ta’ dazji mitluba indebitament minn dawn l-awtoritajiet, li jistgħu jirriżultaw skond id-dritt nazzjonali applikabbli mid-deċiżjonijiet ta’ l-imsemmija qrati, u b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet li jwaqqfu l-proċeduri jew li jilliberaw lill-akkużati.
30 Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam, hija s-sistema legali ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-persuni responsabbli għall-ħlas li jikkontestaw l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1697/79 f’dak li jirrigwarda l-preskrizzjoni ta’ l-azzjoni għall-irkupru ta’ dazji mhux imħallsa u li jitolbu li jinsiltu, f’dan ir-rigward, l-eventwali konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għal rimedji simili ta’ natura interna u ma jirrendux prattikament impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja (ara, b’analoġija, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Lulju 1980, Ariete, 811/79, Ġabra p. 2545, punt 12; ta’ l-4 ta’ Diċembru 2003, Evans, C‑63/01, Ġabra p. I‑14447, punti 75 u 76; u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punti 62 u 77).
31 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għall-ħames domandi għandha tkun li l-klassifikazzjoni ta’ att bħala “att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali” fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1697/79 taqa’ fil-kompetenza ta’ l-awtoritajiet doganali li għandhom jiddeterminaw l-ammont eżatt tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni in kwistjoni.
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
32 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għall-ħames domandi, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju.
Fuq l-ispejjeż
33 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-klassifikazzjoni ta’ att bħala “att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali” fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1697/79 ta’ l-24 ta’ Lulju 1979 dwar l-irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew ta’ dazji fuq l-esportazzjoni li ma kinux intalbu mill-persuna responsabbli għall-ħlas tagħhom fir-rigward ta’ merkanzija ddikjarata fi proċedura doganali li tinvolvi l-obbligu li jitħallsu dawn id-dazji, taqa’ fil-kompetenza ta’ l-awtoritajiet doganali li għandhom jiddeterminaw l-ammont eżatt tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni in kwistjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.
Full & Egal Universal Law Academy