SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
19 ta' April 2007 (*)
“Direttiva 92/83/KEE– Armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku – Artikolu 27(1)(f) – Alkoħol li jkun jinsab fi prodotti taċ-ċikkulata – Eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa armonizzata”
Fil-kawża C‑63/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja), permezz ta' Deċiżjoni ta' l-20 ta' Diċembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta' Frar 2006, fil-proċedura
UAB Profisa
vs
Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn E. Juhász, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għal UAB Profisa, minn T. Blažys, advokatas,
– għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,
– għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u Â. Seiça Neves, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Mölls u A. Steiblytė, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata' l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, p. 21).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn UAB Profisa (iktar ‘il quddiem “Profisa”) u l-Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (id-dipartiment tad-dwana Litwan) fuq l-issuġġettar għat-taxxa tas-sisa armonizzata ta’ l-Alkoħol li jkun jinsab fi prodotti taċ-ċikkulata.
Kuntest Ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 27(1) f) tad-direttiva 92/83 jgħid:
"L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti koperti b'din id-Direttiva mis-sisa armonizzata taħt il-kundizzjonijiet li għandhom jistipulaw għall-iskop li tkun assigurata l-aplikazzjoni korretta u ħafifa ta' dawn l-eżenzjonijiet u li tkun ipprevenuta xi evażjoni, ħelsien jew abbuż:meta użat direttament jew bħala kostitwent ta' prodott ippreparat għall-aħħar stadju ta' manifattura ta' l-ikel, mimli jew le, iżda f'kull każ il-kontenut alkoħoliku ma jeċċedix it-8,5 litri ta' alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott għaċ-ċikkulata, u 5 litri ta' alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott għal prodotti oħra."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
4 Il-punt 5 ta’ l-Artikolu 25(1) tal-liġi tat-30 ta’ Ottubru 2001, dwar it-taxxi tas-sisa (Lietuvos Respublikos akcizų įstatymas) (Žin., 2001, nº 98-3482), kif emendat mil-liġi tad-29 ta’ Jannar 2004 (Žin., 2004, nº 26-802, iktar ‘il quddiem il-"liġi dwar it-taxxi tas-sisa"), jipprovdi li l-alkoħol etiliku u x-xorb alkoħoliku intiż għall-manifattura ta’ prodotti taċ-ċikkulata huma eżenti mit-taxxa tas-sisa, bil-kundizzjoni li ma jiġix użat iktar minn 8.5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg (netti) ta’ prodott taċ-ċikkulata.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
5 Profisa timporta fil-Litwanja prodotti taċ-ċikkulata li jinkludu alkoħol etiliku.
6 B’deċiżjonijiet ta’ l-4 ta’ Jannar u ta' l-14 ta’ Marzu 2005, il-Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos irrifjuta li jeżenta mit-taxxa tas-sisa l-prodotti importati minn Profisa, għar-raġuni li, minkejja li l-punt 5 ta’ l-Artikolu 25(1) tal-liġi dwar it-taxxi tas-sisa jeżenta mit-taxxa tas-sisa l-alkoħol etiliku intiż għall-manifattura ta’ prodotti taċ-ċikkulata, din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli għall-prodotti lesti taċ-ċikkulata importati li jinkludu alkoħol etiliku, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali.
7 Profisa talbet li dawn id-deċiżjonijiet jiġu annullati mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas, li ċaħad it-talba b’sentenza tad-9 ta’ Mejju 2005.
8 Profisa appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.
9 Din il-Qorti tindika li, safejn il-punt 5 ta’ l-Artikolu 25(1) tal-liġi dwar it-taxxi tas-sisa jfittex li jassigura t-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 27(1) f) tad-direttiva 92/83 fis-sistema legali Litwana, interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni hija neċessarja sabiex tingħata sentenza fil-kawża quddiemha.
10 Issa, din il-qorti tosserva li l-verżjoni Litwana ta’ l-Artikolu 27(1)(f) tad-direttiva 92/83 hija differenti minn verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ dan l-istess Artikolu.
11 Huwa f’dan il-kuntest li l-Vyriausiasis administracinis teismas iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:
"Fid-dawl tad-diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-direttiva 92/83 […] wieħed għandu jinterpreta l-Artikolu 27(1) f) tagħha fis-sens li huwa jimponi fuq l-Istati Membri l-eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa l-alkoħol etiliku importat fit-territorju doganali tal-Komunitajiet Ewropej li jinsab fil-prodotti taċ-ċikkulata intiżi għall-konsum dirett meta l-kwantità ta’ alkoħol li tinsab fil-prodotti taċ-ċikkulata ma taqbiżx 8.5 litri għal kull 100 kg ta’ prodott?"
Fuq id-domanda preliminari
12 Il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub jipproponu li tingħata risposta affermattiva għad-domanda preliminari.
13 Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li n-neċessità ta' applikazzjoni u, għaldaqstant, ta' interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju teskludi li, fil-każ ta' dubju, it-test ta' dispożizzjoni jitqies separatament, iżda minflok titlob li dan jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder vs Ulm, 29/69, Ġabra p. 419, punt 3; tas-7 ta’ Lulju 1988, Moksel vs Balm, 55/87, Ġabra p. 3845, punt 15, u tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et, C‑296/95, Ġabra p. I-605, punt 36).
14 F'każ ta' diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta' test Komunitarju, id-dispożizzjoni in kwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl ta' l-istruttura ġenerali u ta' l-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha (sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, Ġabra p. 1999, punt 14; tas-7 ta’ Diċembru 2000, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑482/98, Ġabra p. I-10861, punt 49, u ta’ l-1 ta’ April 2004, Borgmann, C‑1/02, Ġabra p. I-3219, punt 25).
15 Issa, jirriżulta minn eżami komparattiv tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ l-Artikolu 27(1) f) tad-direttiva 92/83 li, bl-eċċezzjoni tal-verżjoni Litwana, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ dan l-Artikolu jipprovdu li, taħt il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu, l-Istati Membru għandhom jeżentaw mit-taxxa tas-sisa armonizzata l-prodotti koperti minn din id-direttiva, fosthom l-alkoħol etiliku, meta dan jintuża direttament għall-manifattura ta’ ikel, bil-kundizzjoni li, f’kull każ, il-livell ta’ alkoħol ma jaqbiżx 8.5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg ta’ prodotti li jidħlu fil-kompożizzjoni taċ-ċikkulati u 5 l ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg ta’ prodotti li jidħlu fil-kompożizzjoni ta’ prodotti oħra.
16 Il-post fejn l-alkoħol etiliku jiġi użat għal din il-manifattura huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.
17 Barra minn hekk, l-għan imfittex mill-eżenzjonijiet previsti mid-direttiva 92/83 huwa, b’mod partikolari, li jinnewtralizza l-impatt tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol inkwantu prodott intermedjarju li jidħol fil-kompożizzjoni ta’ prodotti oħra kummerċjali jew industrijali (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 4).
18 Barra minn hekk, l-eżenzjoni tal-prodotti msemmija mill-Artikolu 27(1) tad-direttiva 92/83 tikkostitwixxi l-prinċipju, u r-rifjut tagħha huwa l-eċċezzjoni. Il-fakultà rrikonoxxuta lill-Istati Membri b’din l-istess dispożizzjoni li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet "sabiex jassiguraw applikazzjoni korretta u diretta ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li jiġu evitati kull frodi, evażjoni jew abbuż" ma għandhiex ixxejjen in-natura inkundizzjonata ta’ l-obbligu ta’ eżenzjoni previst mill-imsemmija dispożizzjoni (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 50).
19 Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 27(1) f) tad-direttiva 92/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jimponi fuq l-Istati Membri l-eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa armonizzata ta’ l-alkoħol etiliku importat fit-territorju doganali ta’ l-Unjoni Ewropea u li jinsab fil-prodotti taċ-ċikkulata intiżi għall-konsum dirett, bil-kundizzjoni li l-livell ta’ alkoħol ta’ dawn il-prodotti ma jaqbiżx 8.5 litri għal kull 100 kg ta’ prodott.
Fuq l-ispejjeż
20 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tmien Awla) taqta' u tiddeċiedi:
L-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jimponi fuq l-Istati Membri l-eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa armonizzata ta’ l-alkoħol importat fit-territorju doganali ta’ l-Unjoni Ewropea u li jinsab fil-prodotti taċ-ċikkulata intiżi għall-konsum dirett, bil-kundizzjoni li l-livell ta’ alkoħol ta’ dawn il-prodotti ma jaqbiżx 8.5 litri għal kull 100 kg ta’ prodott.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Litwan.
Full & Egal Universal Law Academy