Kawża C-142/06
Olicom A/S
vs
Skatteministeriet
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Østre Landsret)
“Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Klassifikazzjoni fin-Nomenklatura Magħquda — Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data — Kards tan-netwerk bil-funzjoni ‘modem’ — Kunċett ta’ ‘funzjoni speċifika’”
Sommarju tas-sentenza
Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji
Kards magħquda, intiżi sabiex jiddaħħlu f’laptops, li, minħabba l-fatt li għandhom il-funzjoni “modem”, jistgħu jservu għall-iskambju ta’ informazzjoni permezz ta’ netwerks esterni, għandhom jiġu kklassifikati, wara l-1 ta’ Jannar 1996, bħala magni għall-ipproċessar tad-data, taħt l-intestatura 8471 tan-Nomenklatura Magħquda, li hemm fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendata bir-Regolament Nru 3009/95.
Huma fil-fatt jissodisfaw it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti min-Nota 5 B tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda safejn dawn ikunu użati biss meta mdaħħla f’laptops, jaħdmu biss jekk jekk ikunu mqabbda ma’ dan it-tip ta’ kompjuters u jkunu kapaċi jikkonvertu s-sinjali li jidħlu bħala data li tista’ tintuża minn magna awtomatika għal ipproċessar tad-data u s-sinjali li joħorġu f’data li tista’ tintuża mill-ambjent estern, kemm jekk ikunu trażmessi f’netwerk lokali (“LAN”) kif ukoll estern (“WAN).
Dawn il-kards ma jeżerċitawx “funzjoni speċifika” fis-sens tan-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda. Il-“funzjoni speċifika” eżerċitata minn magna li taħdem ma’ magna awtomatika għal ipproċessar tad-data għandha fil-fatt jkollha funzjoni “minbarra l-ipproċessar tad-data”. Issa, safejn dawn il-kards magħquda huma intiżi li jittrasferixxu informazzjoni bejn diversi kompjuters u, sabiex jagħmlu hekk, jirrendu, fid-dħul, sinjali esterni li jinftehmu mill-kompjuter u jittasformaw, fil-ħruġ, is-sinjali pproċessati minn dan ta’ l-aħħar f’sinjali li jistgħu jintużaw mill-ambjent estern, indipendentement mill-fatt li s-sinjal irċevut jew trażmess ikun analoġiku jew diġitali, il-funzjoni illi huma jissodisfaw tikkonsisti fl-ipproċessar tad-data.
(ara l-punti 22, 25, 30, 32 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
18 ta’ Lulju 2007 (*)
“Tariffa doganali komuni – Intestaturi tariffarji – Klassifikazzjoni fin-Nomenklatura Magħquda – Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data – Kards tan-netwerk bil-funzjoni ‘modem’ – Kunċett ta’ ‘funzjoni speċifika’”
Fil-kawża C‑142/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Marzu 2006, fil-proċedura
Olicom A/S
vs
Skatteministeriet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues,
U. Lõhmus (Relatur), A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent, assistit minn P. Biering, advokat,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux, bħala aġent, assistita minn P. Heidmann, advokat,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda, fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3009/95, tat-22 ta’ Diċembru 1995 (ĠU L 319, p. 1, iktar ’il quddiem in-“Nomenklatura Magħquda”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Olicom A/S (aktar ’il quddiem “Olicom”), kumpannija stabbilita fid-Danimarka, u l-Iskatteministeriet (Ministeru tat-Taxxa u Sisa Daniż) dwar ċerti kards tan-netwerk li għandhom il-funzjoni “modem”.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-intestatura 8471 tan-Nomenklatura Magħquda hija fformulata kif ġej :
“Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data [kompjuters] u unitajiet tagħhom; apparat li jaqra b’sistema manjetika jew ottika, magni biex jittraskrivu data fuq mezzi ta’ data f’għamla kodifikata u magni biex jipproċessaw din id-data, li m’humiex speċifikati jew inklużi band’oħra”.
4 In-Nota 5 tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda, li għandha x’taqsam ma’ l-intestatura 8471, tippreċiża:
“A. [...]
B. Magni awtomatiċi għal ipproċessar ta’ data jistgħu jkunu f’għamla ta’ sistemi magħmulin minn numru varjabbli ta’ unitajiet separati. Suġġett għal paragrafu E hawn taħt, unità għandha titqies li tagħmel parti minn sistema kompluta jekk hija tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha:
(a) hija ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data;
(b) tista’ titqabbad ma’ l-unità ċentrali ta’ pproċessar kemm direttament jew permezz ta’ unità oħra jew aktar;
u
(ċ) tista’ tilqa’ jew tagħti data f’forma (kowds jew sinjali) li jistgħu jintużaw mis-sistema.
Ċ. Unitajiet ta’ magna awtomatika għal ipproċessar ta’ data ppreżentati separatament għandhom jiġu kklassifikati taħt titlu 8471.B.
D. [...]
E. Magni ji jagħmlu funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data u jinkorporaw jew jaħdmu flimkien ma’ magna awtomatika għal ipproċessar ta’ data għandhom jiġi kklassifikati fit-titli xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, jekk le, fit-titli li jibqa.”
5 L-intestatura 8517 tan-Nomenklatura Magħquda taqra kif ġej:
“Apparat elettriku għal telefonija bil-linji jew telegrafija bil-linji, inklużi settijiet tat-telefon bil-linji b’handsets mingħajr fili u apparat tat-telekomunikazzjoni għal sistemi bil-linja carrier-current jew għal sistemi bil-linja diġitali; vidjofoni”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
6 Olicom importat, matul il-perijodu bejn l-1996 sa l-1999, apparat tan-netwerk tal-kompjuter li hija kklassifikat taħt l-intestatura 8471 tan-Nomenklatura Magħquda. Dan jirrigwarda b’mod partikolari kards tan-netwerk intiżi sabiex jiġu mdaħħla f’laptops.
7 Dawn il-kards jirċievu u jbiddlu sinjali u jittrażmettuhom minn kompjuter għal kompjuters oħrajn permezz ta’ netwerk. Uħud minn dawn il-kards tan-netwerk jservu biss sabiex iqabbdu kompjuters man-netwerks lokali [funzjoni “LAN” (“Local Area Network”)], filwaqt li oħrajn huma magħquda fis-sens illi huma għandhom, barra dan, il-funzjoni “modem” (aktar ’il quddiem il-“kards magħquda”), li tiffaċilita l-konnessjoni tal-laptops ma’ netwerks esterni [funzjoni “WAN” (“Wide Area Network”)].
8 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta illi l-kards magħquda huma r-riżultat ta’ żvilupp ta’ prodotti LAN puri u huma kienu ġew iddiżinjati b’tali mod li l-funzjoni “WAN” ma tistax taħdem mingħajr il-funzjoni “LAN”, għalkemm din ta’ l-aħħar tibqa’ taħdem ukoll jekk il-funzjoni “WAN” titneħħa. Bħala perċentwali tal-prezz totali tal-kard magħquda, il-funzjoni “WAN” tikkostitwixxi 27 % jew 40 %. F’dak li jikkonċerna l-veloċità tat-trażmissjoni tad-data, dik tal-funzjoni “LAN” ta’ l-imsemmija kards hija 500 darbiet ogħla minn dik tal-“WAN”.
9 Dawn it-tip ta’ kards magħquda jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ l-utenti tal-laptops li ġeneralment jużaw netwerk lokali għall-komunikazzjoni, iżda li, xi drabi, ikollhom bżonn jittrażmettu jew jirċievu informazzjoni meta jinsabu ‘l bogħod mill-post tax-xogħol abitwali tagħhom. F’din is-sitwazzjoni, jista’ jsir użu mill-funzjoni “WAN” tal-kard kif ukoll mill-modem. Din il-funzjoni addizzjonali tevita illi l-klijenti jkunu obbligati jixtru modem separat. Il-prezz tal-kards magħquda li tqiegħdu għall-bejgħ minn Olicom kien tliet darbiet ogħla mill-prezz ta’ modem fil-veru sens tal-kelma.
10 B’applikazzjoni tal-punt 4 ta’ l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1165/95 tat-23 ta’ Mejju 1995, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-nomenklatura magħquda (ĠU L 117, p. 15), li permezz tagħha l-kards intiżi sabiex jiddaħħlu f’kompjuters imqabbda permezz tal-kejbil li jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni fuq netwerk lokali mingħajr l-użu ta’ modem għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8517, li wassal għal żieda fir-rata ta’ dazji li għandhom jitħallsu, l-awtoritajiet Daniżi ddeċidew li jipproċedu biex jirkupraw a posteriori d-dazji dovuti minn Olicom. Din ta’ l-aħħar oġġezzjonat għal din id-deċiżjoni fis-16 ta’ Ġunju 1999.
11 Bis-sentenza tagħha ta’ l-10 ta’ Mejju 2001, Cabletron (C-463/98, Ġabra p. I-3495), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat invalidu r-Regolament Nru 1165/95 safejn ikklassifika taħt l-intestatura 8517 tan-Nomenklatura Magħquda l-kards tan-netwerk imsemmija fil-punt 4 ta’ l-Anness ta’ dan ir-Regolament.
12 Abbażi tal-linji gwida dwar l-interpretazzjoni tas-sentenza Cabletron, iċċitata aktar ’il fuq, stabbiliti mill-Kummissjoni u indirizzati lill-Istati Membri, Olicom kisbet ħlas lura tad-dazji fuq il-kards tan-netwerk li għandhom esklużivament il-funzjoni “LAN”. Fir-rigward tad-dazji fuq il-kards magħquda, l-awtoritajiet kompetenti Daniżi rrifjutaw li jħallsuhom lura, peress li kkunsidraw illi, minħabba l-fatt li dawn il-kards għandhom ukoll il-funzjoni “modem” huma għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8517, bħala apparat tat-telekomunikazzjoni .
13 Olicom ikkontestat din il-klassifikazzjoni tal-kards magħquda u, wara li eżawriet ir-rikorsi amministrattivi, ressqet il-kawża quddiem l-Østre Landsret. Din il-qorti, fil-bidu, talbet lill-awtoritajiet Daniżi jadixxu lill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali. Dan ta’ l-aħħar ħareġ opinjoni fl-10 ta’ Jannar 2005, li l-kards magħquda kellhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8517.
14 Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi illi l-Østre Landsret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1. L-Anness I għar-Regolament […] Nru 2658/87 […] kif emendat bir-Regolament […] Nru 3009/95, għandu jiġi interpretat li jfisser li kards tan-netwerk/modem magħquda in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom ikunu suġġetti, wara l-1 ta’ Jannar 1996, għal dazju ta’ dwana bħala magni għall-ipproċessar ta’ data taħt l-intestatura 8471 jew bħala apparat tat-telekomunikazzjoni taħt l-intestatura 8517?
B’konnessjoni ma’ dan il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej qed tintalab tiddeċiedi dwar jekk il-kunċett ta’ ‘funzjoni speċifika’ skond it-tifsira tan-Nota 5(E) għal Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Maqugħda, kif emendata bir-Regolament Nru 3009/95, għandhiex tiġi interpretata bħala li tfisser li dik il-klassifikazzjoni għandha tkun taħt intestaura differenti minn 8471 meta jkolhha funzjoni WAN, jew jekk għandux ikun hemm klassifikazzjoni differenti minn 8471 jekk biss il-funzjoni WAN tkun tista’ topera b’mod indipendenti minn magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data [?]
2) Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha ssib li l-funzjoni tal-WAN fil-kard tan-netwerk/modem magħquda hija funzjoni speċifika, il-Qorti hija mitluba tiddeċiedi dwar jekk din hijiex rilevanti għall-klassifikazzjoni tat-tariffi li l-funzjoni prinċipali tal-prodott għandhiex titqies bħala funzjoni ta’ LAN.”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
15 Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk kards tan-netwerk, intiżi sabiex jiddaħħlu f’laptops, għandhomx, wara l-1 ta’ Jannar 1996, jiġu kklassifikati bħala magni għall-ipproċessar ta’ data taħt l-intestatura 8471 tan-Nomenklatura Magħquda jew bħala apparat tat-telekomunikazzjoni taħt l-intestatura 8517 ta’ din. Hija titlob, f’dan ir-rigward, jekk, għall-għanjiet ta’ din il-klassifikazzjoni, il-kunċett ta’ “funzjoni speċifika” li jinsab fin-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jeżiġi li l-funzjoni “modem” ta’ l-imsemmija kards tkun tista’ taħdem indipendentement minn magna awtomatika għall-ipproċessar tad-data jew jekk huwiex biżżejjed li dawn il-kards ikollhom din il-funzjoni.
16 Hija ġurisprudenza kostanti li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċisiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-merkanzija, kif iddefiniti mill-kliem ta’ l-intestatura tan-Nomenklatura Magħquda u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2000, Peacock, C-339/98, Ġabra p. I-8947, punt 9; tas-16 ta’ Settembru 2004, DFDS, C-396/02, Ġabra p. I‑8439, punt 27; tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C-495/03, Ġabra p.I-8151, punt 47 u tas-12 ta’ Jannar 2006, Algemene Scheeps Agentuur Dordrecht, C-311/04, Ġabra p. I-609, punt 26).
17 In-noti li jippreċedu l-Kapitoli tat-Tariffa Doganali Komuni, barra minn hekk, bħan-noti spjegattivi tan-nomenkatura tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, jikkostitiwixxu fil-fatt mezzi importanti sabiex tiġi assigurata applikazzjoni uniformi ta’ din it-tariffa u jagħtu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1994, Siemens Nixdorf, C‑11/93, Ġabra p. I-1945, punt 12; tat-18 ta’ Diċembru 1997, Techex, C-382/95, Ġabra p. I-7363, punt 12, u Peacock, iċċitata aktar ’il fuq, punt 10).
18 Għall-għanjiet ta’ klassifikazzjoni fl-intestatura t-tajba, għandu jiġi mfakkar illi l-użu li għalih huwa intiż il-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni safejn dan huwa inerenti għall-imsemmi prodott, u din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skond il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara s-sentenzi ta’ l-1 ta’ Ġunju 1995, Thyssen Haniel Logistic,
C-459/93, Ġabra p. I‑1381, punt 13; DFDS, iċċitata aktar ’il fuq, punt 29 u tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C-183/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36).
19 Għandu, fl-ewwel lok, jiġi mfakkar illi, fil-punt 23 tas-sentenza tagħha Peacock, iċċitata aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi, matul il-perijodu mix-xahar ta’ Lulju 1990 sa dak ta’ Mejju 1995, il-kards tan-netwerk intiżi sabiex ikunu installati fil-magni awtomatiċi ta’ pproċċessar ta’ data kellhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8471 bħala “unitajiet” ta’ dan it-tip ta’ magni.
20 Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll ikkonstatat, fil-punti 16 sa 20 tas-sentenza Peacock, iċċitata aktar ’il fuq, illi l-kards tan-netwerk huma esklużivament intiżi għall-magni awtomatiċi għal ipproċessar tad-data, huma direttament konnessi ma’ dawn ta’ l-aħħar, u għandhom il-funzjoni li jagħtu u jaċċettaw data taħt forma li tista’ tintuża għal dawn il-magni. Hija ddeduċiet minn dan illi l-imsemmija kards jistgħu jitqabblu ma’ kull mezz ieħor li bis-saħħa tiegħu magna awtomatika għal ipproċessar tad-data taċċetta jew tittrażmetti data fis-sens illi dawn m’għandhomx funzjoni li huma jistgħu jwettqu mingħajr l-għajnuna ta’ din il-magna. Għalhekk, l-aħħar subparagrafu tan-Nota 5 B tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 1996, ma jistax jeskludi dawn il-kards mill-intestatura 8471 peress illi huma ma jeżerċitawx funzjoni speċifika. Barra dan, huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha dwar l-“unitajiet” deskritti fl-imsemmija nota, peress li huma jistgħu jitqabbdu ma’ l-unità ċentrali ta’ pproċessar u huma speċifikatament maħluqa bħala parti minn sistema awtomatika għal ipproċessar tad-data.
21 Din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata mill-punti 16 u 17 tas-sentenza Cabletron, iċċitata aktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja barra dan speċifikat, fil-punt 27, illi l-kards tan-netwerk imsemmija fil-punt 4 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 1165/95, jiġifieri l-kards intiżi sabiex jiġu inkorporati f’magni ta’ pproċessar ta’ informazzjoni awtomatiċi diġitali kkonnettjati b’kejbil li jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni f’netwerk lokali mingħajr l-użu ta’ modem, kellhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8471 tan-Nomenklatura Magħquda kemm qabel kif ukoll wara l-1 ta’ Jannar 1996.
22 Għandu fit-tieni lok, jiġi eżaminat jekk il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 19 sa 21 ta’ din il-preżenti sentenza tistax tiġi applikata wkoll għall-kards magħquda li, minħabba l-fatt li għandhom il-funzjoni “modem”, jistgħu jservu għall-iskambju ta’ informazzjoni permezz ta’ netwerks esterni.
23 F’dan il-każ, l-ifformular ta’ l-intestatura 8471 tan-Nomenkatura Magħquda ssemmi, b’mod partikolari, il-magni awtomatiċi għal ipproċessar tad-data u l-unitajiet tagħhom, filwaqt li dak ta’ l-intestatura 8517 jikkonċerna, b’mod partikolari, l-apparat tat-telekomunikazzjoni għal sistemi bil-linja carrier-current jew għal sistemi bil-linja diġitali.
24 Jirriżulta min-Nota 5 B tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda illi l-magni awtomatiċi għal ipproċessar tad-data jistgħu jkunu f’għamla ta’ sistemi magħmulin minn numru varjabbli ta’ unitajiet separati. Suġġett għan-Nota 5 E ta’ l-imsemmi Kapitolu, unità għandha titqies li tagħmel parti minn sistema kompluta jekk hija tissodisfa tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, li hija ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar tad-data; it-tieni nett, li tista’ titqabbad ma’ l-unità ċentrali ta’ pproċessar kemm direttament jew permezz ta’ unità oħra jew aktar u, it-tielet nett, li tista’ tilqa’ jew tagħti data li jistgħu jintużaw mis-sistema. In-Nota 5 C ta’ l-Istess Kapitolu żżid illi unitajiet ta’ magna awtomatika għal ipproċessar ta’ data ppreżentati separatament għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8471.
25 Bħall-kards tan-netwerk li kienu suġġett tas-sentenzi, iċċitati aktar ’il fuq, Peacock u Cabletron, il-kards magħquda jissodisfaw, skond id-deskrizzjoni li tirriżulta mill-inkartament, fl-istess ħin dawn it-tliet kundizzjonijiet safejn dawn ikunu użati biss meta imdaħħla f’laptops, jaħdmu biss jekk jekk ikunu mqabbda ma’ dan it-tip ta’ kompjuters u huma kapaċi jikkonvertu s-sinjali li jidħlu bħala data li tista’ tintuża minn magna awtomatika għal ipproċessar tad-data u s-sinjali li joħorġu f’data li tista’ tintuża mill-ambjent estern, kemm jekk ikunu trażmessi f’netwerk lokali (“LAN”) kif ukoll estern (“WAN” ).
26 Il-Gvern Daniż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iqisu madankollu, illi, minħabba l-fatt illi huma jistgħu jittrasferixxu b’mod awtonomu l-informazzjoni taħt forma ta’ teletrażmissjoni ta’ data f’netwerk tat-telefon bil-fil, mingħajr ma jkun hemm bżonn tuża laptop li miegħu jkunu konnessi, l-imsemmija kards għandhom funzjoni speċifika fis-sens tan-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda. Meta ma jkunx possibbli li tiddetermina l-funzjoni prinċipali ta’ dawn il-kards magħquda, skond in-Nota 3 tat-Taqsima XVI tan-Nomenklatura Magħquda, l-intestatura tariffarja korretta għandha tiġi deċiża skond ir-regola Nru 3(c) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni ta’ din in-Nomenklatura, li biha l-merkanzija tiġi kklassifikata fl-intestatura li qegħda fl-aħħar fin-numru fost dawk li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni validament. Isegwi illi l-kards magħquda għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8517, bħala apparat għat-telekomunikazzjoni.
27 Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.
28 Fl-ewwel lok, anki jekk, minħabba l-fatt li huma għandhom il-funzjoni “modem”, il-kards magħquda jistgħu jittrasferixxu informazzjoni taħt forma ta’ teletrażmissjoni ta’ informazzjoni f’netwerk ta’ telefon bil-fil, minn dan xorta ma jirriżultax, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Daniż u l-Kummissjoni, li dawn huma kapaċi jagħmlu dan b’mod awtonomu u li huma jistgħu jaħdmu b’mod indipendenti, mingħajr ma jkollhom bżonn il-laptop li miegħu huma mqabbda.
29 Fil-fatt, jirriżulta mill-inkartament, minn naħa, li l-funzjoni “modem” ta’ kard magħquda tista’ taħdem biss jekk tkun imqabbda ma’ magna awtomika għal ipproċessar tad-data, li tittrażmettilha l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni meħtieġa u, min-naħa l-oħra, li din il-funzjoni ma tistax taħdem mingħajr il-funzjoni “LAN”, filwaqt li din ta’ l-aħħar tibqa’ taħdem, ukoll jekk il-funzjoni “WAN” titneħħa.
30 Fit-tieni lok, jirriżulta mill-ifformular tan-nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda illi l-“funzjoni speċifika” eżerċitata minn magna li taħdem ma’ magna awtomatika għal ipproċessar tad-data għandha jkollha funzjoni “minbarra l-ipproċessar tad-data ”. Issa, safejn dawn il-kards magħquda huma intiżi li jittrasferixxu informazzjoni bejn diversi kompjuters u, sabiex jagħmlu hekk, jirrendu, fid-dħul, sinjali esterni li jinftehmu mill-kompjuter u jittasformaw, fil-ħruġ, is-sinjali pproċessati minn dan ta’ l-aħħar f’sinjali li jistgħu jintużaw mill-ambjent estern, indipendentement mill-fatt li s-sinjal irċevut jew trażmess ikun analoġiku jew diġitali, il-funzjoni illi huma jissodisfaw tikkonsisti fl-ipproċessar tad-data. Isegwi illi dawn il-kards ma jeżerċitawx “funzjoni speċifika” fis-sens ta’ l-imsemmija Nota.
31 Fit-tielet nett, għalkemm huwa veru illi, fid-data tal-fatt fil-kawża prinċipali, in-noti ta’ spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwani dwar l-intestatura 8517 jinkludu epsressament, fost l-apparat tat-telekomunikazzjoni għal sistemi bil-linja carrier-current jew għal sistemi bil-linja diġitali, l-apparat modulari/demodulutar (modem), jibqa’ l-fatt illi, skond ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmija noti spjegattivi jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata ta’ l-intestaturi tariffarji differenti mingħajr madankollu ma huma vinkolanti. Il-kontenut ta’ dawn in-noti għandu, għaldaqstant, ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax jimmodifika l-portata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Intermodal Transports, iċċitati aktar ’il fuq, punt 48, tat-8 ta’ Diċembru 2005, Possehl Erzkontor, C‑445/04, Ġabra p. I‑10721, punt 20, u tas-16 ta’ Frar 2006, Proxxon, C-500/04, Ġabra p. I-1545, punt 22).
32 Fid-dawl ta’ dak li ngħad qabel, ir-risposta għall-ewwel domanda mressqa għandha tkun li l-kards magħquda, intiżi sabiex jiddaħħlu f’laptops, għandhom jiġu kklassifikati, wara l-1 ta’ Jannar 1996, bħala magni għall-ipproċessar tad-data, taħt l-intestatura 8471 tan-Nomenklatura Magħquda.
Fuq it-tieni domanda
33 It-tieni domanda saret biss għall-finijiet ta’ l-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis illi l-funzjoni “modem” tal-kards magħquda tikkostitwixxi funzjoni speċjali. Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, mhemmx lok li tiġi eżaminata t-tieni domanda.
Fuq l-ispejjeż
34 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-kards tan-netwerks magħquda, intiżi sabiex jiddaħħlu f’laptops, għandhom jiġu kklassifikati, wara l-1 ta’ Jannar 1996, bħala magni għall-ipproċessar tad-data, taħt l-intestatura 8471 tan-Nomenklatura Magħquda, tat-Tariffa Doganali Komuni li hemm fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3009/95, tat-22 ta’ Diċembru 1995.
Firem
* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.
Full & Egal Universal Law Academy