Kawża C-181/06
Deutsche Lufthansa AG
vs
ANA - Aeroportos de Portugal SA
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mit-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto)
“Trasport bl-ajru – Ajruporti – Groundhandling – Ġbir ta’ ħlas għal assistenza amministrattiva fl-art u sorveljanza”
Sommarju tas-sentenza
Trasport – Trasport bl-ajru – Aċċess għas-suq ta’ assistenza fl-art fl-ajruporti tal-Komunità
(Direttiva tal-Kunsill 96/67, Artikolu 16(3), u l-punt 1 ta’ l-Anness)
Id-dritt Komunitarju jipprekludi liġi nazzjonali li tipprovdi għall-ġbir ta’ ħlas għal assistenza amministtrativa fl-art u għal sorveljanza mill-fornituri ta' servizzi ta’ groundhandling lill-awtorità ta’ ġestjoni ta’ l-ajruport, sakemm il-ħlas għal assistenza amministrattiva fl-art u għal sorveljanza previst minn din il-leġiżlazzjoni ma jkunx dovut bħala korrispettiv għat-totalità jew għal parti mis-servizzi ddefiniti fil-punt 1 ta’ l-Anness tad-Direttiva 96/67, dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità, u ma jikkostitwixxix impożizzjoni oħra ta’ ħlas ta’ servizzi li huma diġà suġġetti għal ħlas jew taxxa oħra. Fil-każ li, skond l-eżami magħmul mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li l-imsemmi ħlas jikkostitwixxi ħlas għal aċċess għal stallazzjonijiet ta’ ajruport, hija din il-qorti li għandha tara jekk il-ħlas in kwistjoni jissodisfax il-kriterji ta’ rilevanza, ta’ oġġettività, ta’ trasparenza u ta’ non-diskriminazzjoni kif inhuma ddefiniti mill-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 96/67.
(ara l-punt 29 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)
5 ta’ Lulju 2007 (*)
“Trasport bl-ajru – Ajruporti – Groundhandling – Ġbir ta’ ħlas għal assistenza amministrattiva fl-art u sorveljanza”
Fil-kawża C‑181/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto (Il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2006, fil-proċedura
Deutsche Lufthansa AG
vs
ANA – Aeroportos de Portugal SA,
fil-preżenza ta’:
Ministério Público,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C.W.A. Timmermans, President ta’ Awla, P. Kūris (Relatur), J. Makarczyk, L. Bay Larsen u J.-C. Bonichot, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ 8 ta’ Frar 2007,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Deutsche Lufthansa AG, minn A. Moura Portugal, advogado,
– għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u M. J. Viegas, bħala aġenti,
– għall-Gvern Grieg, minn K. Georgiadis u Z. Chatzipavlou, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. R. Vidal Puig, S. Noe u P. Guerra e Andrade, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ April 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 6 u 16(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE, tal-15 ta’ Ottubru 1996, dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, p. 36).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “Lufthansa”) u ANA – Aeroportos de Portugal SA (iktar ’il quddiem l-“ANA”) rigward id-deċiżjoni ta’ stima u ta’ impożizzjoni ta’ ħlas għal assistenza amministrattiva fl-art u sorveljanza maħruġa mill-ANA.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 96/67 jipprovdi kif ġej:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa skond l-arranġamenti mniżżla fl-Artikolu 1 biex jiżguraw aċċess ħieles għall-fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling għas-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ groundhandling lill-partijiet terzi.
L-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jeħtieġu [li l-]-fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling ikunu stabbiliti fil-Komunità.”
4 L-Artikolu 16(3) ta’ din id-Direttiva jipprovdi:
“Fejn l-aċċess għall-istallazzjonijiet ta’ ajruport jagħti lok għall-ġbir ta’ ħlas, [dan] ta’ l-aħħar għand[u] [j]kun stabbilit[…] skond il-kriterji relevanti, oġġettivi trasparenti u mhux diskriminatorji.”
5 L-Anness ta’ din id-Direttiva jipprovdi li :
1. Amministrazzjoni fl-art u sorveljanza jinkludu:
1.1. rappreżentanza u servizzi ta’ kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet lokali jew xi entità oħra, żburżjar għan-nom ta’ dak li juża l-ajruport u dispożizzjoni għall-ispazju ta’ l-uffiċċju tar-rappreżentanti tiegħu;
1.2. kontroll tat-tagħbija, messaġġi u telekomunikazzjonijiet;
1.3. tmexxija, ħażna [, manutenzjoni] u amministrazzjoni tat-tagħmir tal-unit load;
1.4. kull servizz ieħor ta’ sorveljanza qabel, matul u wara t-titjira u kull servizz ieħor amministrattiv mitlub minn dak li juża l-ajruport.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
6 Id-Digriet Liġi Nru 102/90, tal-21 ta’ Marzu 1990, kif emendat bid-Digriet Liġi Nru 280/99, tas-26 ta’ Lulju 1999 (Diário da Republica I, série A, n° 172, tas-26 ta’ Lulju 1999, p. 4678, iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 280/99”), jelenka l-ħlasijiet mitluba għall-eżerċizzju ta’ l-attività kollha fl-ispazju ta’ l-ajruport u jipprevedi fl-Artikolu 18(2) tiegħu, illi fil-qasam pubbliku ta’ l-ajruport użat mill- ANA, l-ammont ta’ ħlas ta’ groundhandling huwa stabbilit mill-ANA, wara approvazzjoni minn qabel ta’ l-Istitut Nazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili.
7 L-Artikolu 3 tad-Digriet Liġi Nru 12/99, tat-30 ta’ Lulju 1999 (Diário da Republica I, série B, Nru 176, tat-30 ta’ Lulju 1999, p. 4922), jipprovdi li:
“Skond l-Artikolu 17 tad-Digriet Liġi Nru 102/90, tal-21 ta’ Marzu 1990, u għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 18 ta’ l-imsemmi Digriet Liġi, il-ħlas previst minnhom huwa mqassam, skond in-natura tas-servizzi u ta’ l-attivitajiet eżerċitati, fi:
a) ħlas għal traffiku;
b) ħlas għal groundhandling;
c) ħlas għal okkupazzjoni;
d) ħlas ieħor ta’ natura kummerċjali”
8 Il-ħlasijiet ta’ groundhandling huma previsti mill-Artikoli 10 u ta’ wara tad-Digriet Nru 12/99. Huma ħdax bħala numru.
9 L-Artikolu 10 ta’ dan id-digriet jiddisponi:
“Ħlas għal groundhandling huwa dovut għall-eżerċizzju ta’ kull attività li tagħmel parti mis-servizzi elenkati fuq il-lista li tinsab fl-Anness I tad-Digriet Liġi Nru 275/99, tat-23 ta’ Lulju 1999, skond il-metodi li ġejjin:
1) Il-ħlas għal assistenza amministrattiva fl-art u sorveljanza huwa dovut mill-fornituri ta’ servizzi u huwa stabbilit skond il-fatturat miksub, b’applikazzjoni ta’ rata;
2) Il-ħlas għal assistenza ‘passiġġieri’ huwa dovut mill-fornituri ta’ servizzi u mill-utenti ta’ ajruport jew ta’ mitjar (airfield) li jipprattika s-selfhandling; huwa kkalkulat għal perijodi ta’ ħin jew għal parti mill-ġranet jew mix-xhur, u għal desk ta’ dħul u ta’ reġistrazzjoni tal-passiġġieri (‘check-in’);
3) Il-ħlas għal assistenza ‘bagalji’ huwa dovut mill-fornituri ta’ servizzi u mill-utenti ta’ ajruport jew ta’ mitjar (airfield) li jipprattika s-selfhandling; huwa kklakulat għal perijodi ta’ sigħat jew għal parti mill-ġranet jew mix-xhur, u għal desk ta’ dħul u ta’ reġistrazzjoni tal-passiġġieri (check-in), jew għan-numru ta’ bagalji trattati.
4) Il-ħlas għal assistenza ‘merkanzija u posta’ huwa dovut:
a) mill-utenti ta’ ajruport jew ta’ mitjar (airfield) li jipprattika s-selfhandling; huwa kkalkulat fuq il-bażi ta’ unità ta’ traffiku,
b) mill-fornituri ta’ servizzi; huwa kkalkulat skond il-fatturat miksub, b’applikazzjoni ta’ rata.
5) Il-ħlas għal assistenza ‘operazzjonijiet fir-runway’ huwa dovut:
a) mill-utenti ta’ ajruport jew ta’ mitjar (airfield) li jipprattika s-selfhandling; huwa kkalkulat fuq il-bażi ta’ unità ta’ traffiku,
b) mill-fornituri ta’ servizzi; huwa kkalkulat skond il-fatturat miksub, b’applikazzjoni ta’ rata.
6) Il-ħlas għal assistenza ‘tindif u servizz ta’ l-ajruplan’ huwa dovut mill-fornituri ta’ servizzi u għandu jkun kkalkulat skond il-fatturat miksub, b’applikazzjoni ta’ rata.
7) Il-ħlas ta’ assistenza ‘karburant u żejt’ huwa dovut mill-fornituri ta’ servizzi u għandu jkun kkalkulat skond il-fatturat miksub, b’applikazzjoni ta’ rata jew jiġi kkalkulat għal kull ettolitru ta’ karburant u għal kull litru ta’ żejt ipprovdut, u f’dan il-każ il-figuri jiġu miżjuda għall-eqreb numru sħiħ;
8) Il-ħlas għal assistenza ‘manutenzjoni ta’ l-inġenju ta’ l-ajru’ huwa dovut mill-fornituri ta’ servizzi u għandu jkun kkalkulat skond il-fatturat miksub, b’applikazzjoni ta’ rata.
9) Il-ħlas għal assistenza ‘operazzjonijiet ta’ l-ajru u amministrazzjoni ta’ l-ekwipaġġ’ huwa dovut mill-fornituri ta’ servizzu u għandu jkun ikkalkulat skond il-fatturat miksub, b’applikazzjoni ta’ rata;
10) Il-ħlas għal assistenza ‘transport fuq l-art’ huwa dovut mill-fornituri ta’ servizzi u għandu jkun kkalkulat skond il-fatturat miksub, b’applikazzjoni ta’ rata.
11) Il-ħlas għal assistenza ‘servizz ta’ l-ikel’ (‘catering’) huwa dovut mill-fornituri ta’ servizzi u għandu jkun kkalkulat skond il-fatturat miksub, b’applikazzjoni ta’ rata.”
10 L-Artikolu 11 ta’ l-imsemmi Digriet jipprovdi:
“Ħlas differenti skond il-perijodu ta’ użu, l-unità ta’ servizz jew l-unità fiżika trattata jista’ jiġi mitlub mingħand l-utenti ta’ l-infrastrutturi kollha ta’ l-ajruporti jew ta’ l-imtajar (airfields) ddikjarati ċentralizzati għall-eżerċizzju ta’ assistenza ta’ groundhandling.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 Lufthansa, kumpannija kkostitwita taħt id-dritt Ġermaniż, li għandha fergħa bis-sede tagħha fl-ajruport ta’ Liżbona (il-Portugall), ressqet rikors kontra d-deċiżjoni ta’ stima u ta’ impożizzjoni ta’ ħlas għal assistenza amministrattiva fl-art u sorveljanza maħruġa mill-ANA.
12 L-ANA awtorizzat lil Lufthansa sabiex twettaq attività ta’ groundhandling fl-Ajruport Francisco Sá Carneiro ta’ Porto. Għaldaqstant, Lufthansa ġiet imposta l-ħlas ta’ PTE 22 164, bil-VAT inkluża (jiġifieri EUR 110,55).
13 Lufthansa ssostni quddiem il-qorti nazzjonali li d-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika, jiġifieri l-Artikoli 10(1) tad-Digriet Nru 12/99 u 18(2) tad-Digriet Liġi Nru 102/90, huma kuntrarji għad-Direttiva 96/67.
14 It-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Is-somma mitluba bħala ħlas għal assistenza amministrattiva fl-art u għal sorveljanza, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10(1) tad-Digriet Nru 12/99, tista’ titqies bħala ħlas “stabilit skond il-kriterji relevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji”, kif meħtieġ mill-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 96/67?
2) L-impożizzjoni tal-ħlas għal assistenza amministrattiva fl-art u għal sorveljanza, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10(1) tad-Digriet Nru 12/99, ta’ l-Artikolu 18(2) tad-Digriet Liġi Nru 280/99 u tad-dispożizzjonijiet l-oħra li jistabbilixxu l-ammont ta’ dan il-ħlas hija f’kunflitt, jew inkompatibbli, ma’ l-aċċess ħieles għas-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ groundhandling lil partijiet terzi kif ipprovdut mill-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/67?
3) L-impożizzjoni tal-ħlas għal assistenza amministrattiva fl-art u għal sorveljanza, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10(1) tad-Digriet Nru 12/99, ta’ l-Artikolu 18(2) tad-Digriet Liġi Nru 280/99 u tad-dispożizzjonijiet l-oħra li jistabbilixxu l-ammont ta’ dan il-ħlas hija f’kunflitt, jew inkompatibbli, mat-twettiq tas-suq intern u mal-prinċipji msemmija fl-Artikoli 3(1)(ċ) u 4 tat-Trattat KE?
4) L-impożizzjoni tal-ħlas għal assistenza amministrattiva fl-art u għal sorveljanza, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10(1) tad-Digriet Nru 12/99, ta’ l-Artikolu 18(2) tad-Digriet Liġi Nru 280/99 u tad-dispożizzjonijiet l-oħra li jistabbilixxu l-ammont ta’ dan il-ħlas tista’ titqies bħala abbuż fis-sens ta’ l-Artikolu 82 tat-Trattat KE?”
Fuq id-domandi preliminari
15 L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 1(1)(ċ) u (2) tad-Direttiva 96/67, kienu suġġetti għal din id-Direttiva, mill-1 ta’ Jannar 1999, biss dawk l-ajruporti li t-traffiku annwali tagħhom huwa daqs jew ogħla minn 3 miljun moviment ta’ passiġġieri jew 75 000 tunnellata ta’ merkanzija; jew li t-traffiku tagħhom kien ta’ mhux anqas minn 2 miljun moviment ta’ passiġġieri jew 50 000 tunnellata ta’ merkanzija matul il-perijodu ta’ sitt xhur qabel l-1 ta’ April jew l-1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ qabel. Mill-1 ta’ Jannar 2001, l-imsemmija Direttiva tapplika għal kull ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u miftuħ għat-traffiku kummerċjali, li t-traffiku annwali tiegħu ma jkunx inqas minn moviment ta’ 2 miljuni ta’ passiġġieri jew 50 000 tunnellata ta’ merkanzija.
16 Issa, ma jirriżultax b’mod ċar mill-fatti ppreżentati mill-qorti tar-rinviju li l-ajruport ta’ Porto kien laħaq il-livelli msemmija iktar ’il fuq qabel is-sena 2005. Jekk dan ma kienx il-każ, dan l-ajruport jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/67 mill-1 ta’ Jannar 2006. Issa d-deċiżjoni ta’ stima tal-ħlas kkontestata mil-Lufthansa tidher li tikkonċerna s-sena 2000.
17 Għaldaqstant taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju li tassigura minn qabel li d-Direttiva 96/67 hija applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali.
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi preliminari
18 Permezz ta’ l-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 6 KE u 16(3) KE tad-Direttiva 96/67, jipprojbixxux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għall-ġbir ta’ ħlas għal assistenza amministtrativa fl-art u għal sorveljanza mill-fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling lill-awtorità ta’ ġestjoni ta’ l-ajruport.
19 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jirriżulta, kemm mill-premessa ħamsa u għoxrin tad-Direttiva, kif ukoll mill-Artikolu 16(1) u (3) tagħha, li l-entità ta’ ġestjoni ta’ ajruport hija awtorizzata li titlob ħlas għal aċċess għal stallazzjonijiet ta’ ajruport. Dawn għandhom jiġu mifhuma bħala l-infrastrutturi u t-tagħmir li jitqiegħed għad-dispożizzjoni mill-ajruport. Bil-kontra, hija qieset li m’huwiex possibbli għal entità bħal din li titlob ħlas għal aċċess għas-suq tal-groundhandling minbarra ħlas għal użu ta’ stallazzjonijiet ta’ ajruport (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Flughafen Hannover-Langenhagen, C‑363/01, Ġabrap. I‑11893, punti 37 sa 40 kif ukoll 44 u 60).
20 Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk ħlas bħall-ħlas għal assistenza amministrattiva fl-art u sorveljanza in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jiġi kkunsidrat bħala ħlas dovut għall-aċċess għal stallazzjonijiet ta’ ajruporti.
21 Il-Gvern Portugiż isostni li l-imsemmi ħlas huwa mitlub għall-provvista ta’ servizz pubbliku fl-ajruport (ta’ sostenn għall-avjazzjoni ċivili) u għal tqegħid ta’ beni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, li l-ANA għandha tiggarantixxi l-kundizzjonijiet tajba ta’ użu tagħhom.
22 Waqt is-seduta, l-awtoritajiet Portugiżi, minn naħa, ippreċiżaw li l-kontenut tal-ħlas għal assistenza amministrattiva fl-art u ta’ sorveljanza previst mid-Digriet Nru 12/99 ma kienx differenti minn dak tal-ħlas imsemmi fl-Anness tad-Direttiva 96/67 u fl-ebda każ ma kien jikkostitwixxi impożizzjoni oħra ta’ ħlas għal servizzi li huma diġà suġġetti għal ħlas previst minn dan l-istess Digriet Liġi.
23 Min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtoritajiet semmew, għall-ewwel darba, li użu effettiv tal-beni pubbliċi jfisser il-konsum ta’ l-ilma u tad-dawl kif ukoll l-ispejjeż ta’ tindif u ta’ sigurtà.
24 F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina l-korrispettiv tal-ħlas in kwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tad-definizzjoni ta’ l-assistenza amministrattiva u sorveljanza li tinsab fil-punt 1 ta’ l-Anness tad-Direttiva 96/67. Għaldaqstant, jekk l-imsemmi ħlas huwa dovut għat-totalità jew għal parti minn dawn is-servizzi u ma jikkostitwixxix impożizzjoni oħra ta’ ħlas ta’ servizzi li huma diġà suġġetti għal ħlas jew taxxa oħra, hija tista’ tiġi kkunsidrata bħala ħlas għal aċċess għall-istallazzjonijiet ta’ ajruport u mhux bħala ħlas ta’ aċċess għas-suq ta’ groundhandling.
25 F’kull każ, għandu jiġi eżaminat fit-tieni lok jekk il-ħlas in kwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfax il-kriterji ddefiniti mill-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 96/67.
26 Rigward il-kriterji ta’ rilevanza u ta’ oġġettività, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina r-rabta bejn l-ispejjeż tat-tħaddim sostnuti mill-ANA u l-ammont tal-ħlas stabbilit fuq il-bażi ta’ perċentwali tal-fatturat magħmul mil-Lufthansa fl-ajruport Francisco Sá Carneiro ta’ Porto.
27 F’dak li jikkonċerna l-kriterju ta’ trasparenza, jista’ jitqies li dan huwa sodisfatt biss jekk jeżisti, fid-dispożizzjonijiet nazzjonali, illustrazzjoni ċara tas-servizzi pprovduti mill-ANA, u definizzjoni preċiża tal-metodu ta’ kalkolu ta’ l-imsemmi ħlas.
28 Fl-aħħar nett, rigward il-kriterju ta’ non-diskriminazzjoni, minkejja li huwa stabbilit li l-ħlas in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa dovut biss mill-fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling, għalkemm kemm dawn il-fornituri kif ukoll l-utenti li jipprattikaw is-selfhandling jużaw l-istess stallazzjonijiet ta’ ajruport, huwa daqstant ċar li jekk l-unika ġustifikazzjoni ta’ din id-differenza fit-trattament hija bbażata fuq il-fatt li huma biss l-imsemmija fornituri li jiksbu benefiċċju, din id-differenza għandha titqies ta’ natura diskriminatorja.
29 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi għandha tkun li d-dritt Komunitarju jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikoli 10(1) tad-Digriet Nru 12/99 u 18(2) tad-Digriet Liġi Nru 280/99, sakemm il-ħlas għal assistenza amministrattiva fl-art u għal sorveljanza previst minn din il-leġiżlazzjoni ma jkunx dovut bħala korrispettiv għat-totalità jew għal parti mis-servizzi ddefiniti fil-punt 1 ta’ l-Anness tad-Direttiva 96/67 u ma jikkostitwixxix impożizzjoni oħra ta’ ħlas ta’ servizzi li huma diġà suġġetti għal ħlas jew taxxa oħra. Fil-każ li, skond l-eżami magħmul mill-qorti tar-rinviju, jinstab li l-ħlas in kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi ħlas għal aċċess għal stallazzjonijiet ta’ ajruport, hija din il-qorti li għandha tara jekk il-ħlas in kwistjoni jissodisfax il-kriterji ta’ rilevanza, ta’ oġġettivita, ta’ trasparenza u ta’ non-diskriminazzjoni kif inhuma ddefiniti mill-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 96/67.
Fuq it-tielet domanda
30 Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk il-pagament tal-ħlas in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex kuntrarju għall-Artikoli 3 KE u 4 KE.
31 F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-Artikoli 3 KE u 4 KE jistabbilixxu l-oqsma u l-għanijiet ta’ l-azzjoni tal-Komunità Ewropea, u ma jistabbilixxux obbligi imposti fuq l-Istati Membri jew entitajiet pubbliċi (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Echirolles Distribution, C‑9/99, Ġabra p. I‑8207, punt 22). Safejn dawn l-azzjonijiet huma spjegati fid-dettall f’partijiet oħra tat-Trattat KE u fl-atti Komunitarji applikabbli bħalma huma d-Direttiva 96/67, għandha tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju biss fir-rigward ta’ din id-Direttiva.
Fuq ir-raba’ domanda
32 Bir-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk il-fatt li jintalab il-pagament tal-ħlas in kwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi kkunsidrat bħala abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE.
33 Skond ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjonijiet ta’ rinviju għandhom jindikaw ir-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u sabiex tqis bħala neċessarju li tressaq domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara d-digriet tat-28 ta’ Ġunju 2000, Laguillaumie, C‑116/00, Ġabra p. I‑4979, punt 16 u l-ġurisprduenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Idéal tourisme, C-36/99, Ġabra p. I-6049, punt 20). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti, almenu, xi spjegazzjoni fuq ir-raġunijiet ta’ l-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom qed titlob l-interpretazzjoni kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (id-digriet tas-7 ta’ April 1995, Grau Gomis et, C‑167/94, Ġabra p. I‑1023, punt 9).
34 Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni ta’ rinviju ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet.
35 Fil-fatt, mhuwiex possibbli li tiġi identifikata l-problema konkreta ta’ interpretazzjoni li tista’ titqajjem b’rabta ma’ l-Artikolu 82 KE. Issa, ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni fir-rigward tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv japplika b’mod partikolari fis-settur tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn ċirkustanzi kumplessi ta’ fatt u ta’ dritt (id-digriet Laguillaumie, iċċitat iktar ’il fuq, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Għaldaqstant ir-raba’ domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja hija inammissibbli.
Fuq l-ispejjeż
37 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja(It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-dritt Komunitarju jipprekludi liġi nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikoli 10(1) tad-Digriet Nru 12/99, tat-30 ta’ Lulju 1999, u 18(2) tad-Digriet Liġi Nru 102/90, tal-21 ta’ Marzu 1990, kif emendat bid-Digriet Liġi Nru 280/99, tas-26 ta’ Lulju 1999, sakemm il-ħlas għal assistenza amminstrattiva fl-art u sorveljanza previst minn din il-liġi ma jkunx dovut bħala korrispettiv għat-totalità jew għal parti mis-servizzi ddefiniti fil-punt 1 ta’ l-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità, u ma jikkostitwixxix impożizzjoni oħra ta’ ħlas ta’ servizzi li huma diġà suġġetti għal ħlas jew taxxa oħra. Fil-każ li, skond l-eżami magħmul mill-qorti tar-rinviju, jinstab li l-ħlas in kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi ħlas għal aċċess għal stallazzjonijiet ta’ ajruport, hija din il-qorti li għandha tara jekk il-ħlas in kwistjoni jissodisfax il-kriterji ta’ rilevanza, ta’ oġġettività, ta’ trasparenza u ta’ non-diskriminazzjoni kif inhuma ddefiniti mill-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 96/67.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.
Full & Egal Universal Law Academy