SENTENZA TAL-QORTI (L-Ewwel Awla)
tat-18 ta’ Lulju 2007
Kawża C-213/06 P
L-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (AER)
vs
Georgios Karatzoglou
“Appell – Membru tal-persunal temporanju – Terminazzjoni ta’ kuntratt”
Suġġett : Appell imressaq kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla) tat-23 ta’ Frar 2006, G. Karatzoglou vs L-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (AER) (T-471/04) li biha l-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni ta’ l-AER li tittermina l-kuntratt.
Deċiżjoni : L-annullament tas-sentenza u r-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
Sommarju
Uffiċjali – Princijpji – Protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi
(Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Uffiċjali Oħra, Artikoli 47 sa 50)
Il-fatt li emenda ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju kienet ħolqot sitwazzjoni ambigwa, li setgħet tat l-impressjoni li l-amministrazzjoni kienet limitat is-setgħa tagħha ta’ terminazzjoni, previsti mill-Artikoli 47 sa 50 ta’ Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Uffiċjali Oħra, ma tagħtix lok għal ħolqien ta’ aspettattivi leġittimi ta’ l-aġent fir-rigward tat-terminu tal-kuntratt tiegħu. Fil-fatt, sitwazzjoni kuntrattwali inċerta ma tistax tkun l-oriġini ta’ garanziji preċiżi min-naħa ta’ l-amministrazzjoni, neċessarji sabiex jinħolqu l-aspettattivi leġittimi.
Barra minn hekk, ma jistax jiġi invokat f’dan ir-rigward il-prinċipju li jgħid li l-parti kontraenti inqas b’saħħitha f’kuntratt tax-xogħol tista’ tistenna li d-dispożizzjonijiet mhux preċiżi ta’ kuntratt tax-xogħol jiġu interpretati għal benfiċċju tagħha. Kunsiderazzjonijiet marbuta mas-sitwazzjoni kuntrattwali ta’ aġent fir-rigward ta’ min jimpjegah ma jistgħux jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi.
Full & Egal Universal Law Academy